KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2009 ( 1 )
Kawża C-538/07
Assitur Srl
vs
Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano
“Direttiva 92/50/KEE — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-parteċipazzjoni kompetittiva, fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ta’ kumpanniji li jkollhom bejniethom relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ influwenza sinjifikattiva”
I — Introduzzjoni
|
1. |
It-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”) li jipprovdi seba’ kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazjoni f’kuntratti ta’ servizz pubbliku, jistabbilixxix lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ esklużjoni u, għaldaqstant, jipprekludix liġi nazzjonali milli timponi projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni simultanja f’sejħa għal offerti ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, skont il-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”). |
II — Il-kuntest ġuridiku
A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
|
2. |
L-Artikolu 29 fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VI tad-Direttiva 92/50, intitolat “Kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”, jipprovdi: “Kull fornitur tas-sevizz jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt li:
[…]” |
B — Leġiżlazzjoni Taljana
|
3. |
Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 157 tas-17 ta’ Marzu 1995 li jimplementa d-Direttiva 92/50 dwar kuntratti pubbliċi għal servizzi (attuazione della direttiva 92/50/CEE in materia di appalti pubblici di servizi) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 157/1995”) ( 3 ), ma jimponi ebda projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll. |
|
4. |
L-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109, Liġi Qafas dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (legge quadro in materia di lavori pubblici) tal-11 ta’ Frar 1994 ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/94”) jipprovdi: “Impriżi li bejniethom jinsabu f’waħda mir-relazzjonizzjonijiet ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti.” |
|
5. |
L-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili intitolat “Kumpanniji kkontrollati u kumpanniji relatati” jipprovdi: “Huma kkunsidrati bħala kumpanniji kkontrollati:
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punti (1) u (2) tal-ewwel paragrafu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-voti li huma intitolati għalihom kumpanniji kkontrollati, kumpanniji trust u intermedjarji; ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni voti li jistgħu jiġu eżerċitati f’isem terzi. Dawk il-kumpanniji, li fuqhom kumpannija oħra teżerċita influwenza sinjifikanti, jitqiesu li huma kumpanniji relatati. Tali influwenza minn kumpannija oħra hija preżunta meta, fil-laqgħat ġenerali, din il-kumpannija tista’ teżerċita mill-anqas wieħed minn kull ħames voti, jew wieħed minn kull għaxar voti fil-każ li l-azzjonijiet huma kkwotati f’suq irregolat”. |
|
6. |
L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi l-ġdid, approvat permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/06 tat-12 ta’ April 2006 (Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE) ( 5 ) (iktar ’il quddiem “Digriet Leġiżlattiv Nru 163/06”) (li ma japplikax ratione temporis għal dan il-każ), fir-rigward ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti jipprovdi li, “offerenti li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, bħal dik prevista fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili, ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu wkoll, minn tali sejħiet għal offerti, dawk l-offerenti li, abbażi ta’ evidenza ċara, l-offerti rispettivi tagħhom huma attribwibbli lill-istess ċentru ta’ deċiżjonijiet”. |
III — Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
7. |
Permezz ta’ avviż tat-30 ta’ Settembru 2003, il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano (iktar ’il quddiem iċ-“CCIAAM”) ħabbret sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għas-servizz ta’ konsenja, għall-perjodu ta’ tliet snin mill-2004 sal-2006, fost l-oħrajn favur iċ-CCIAAM, abbażi tal-kriterju tal-iktar prezz baxx, fejn l-offerta ta’ bażi kellha tkun ta’ EUR 530000, eskluża l-VAT. |
|
8. |
Wara l-eżami tad-dokumenti amministrattivi ppreżentati mill-offerenti, SDA Express Courier Spa (iktar ’il quddiem “SDA”), Poste Italiane Spa (iktar ’il quddiem “Poste Italiane”) u Assitur Srl (iktar ’il quddiem “Assitur”) ġew ammessi għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti. |
|
9. |
Fit-12 ta’ Novembru 2003, Assitur talbet li, skont ir-regoli tas-sejħa għal offerti li kienu jipprojbixxu lill-impriżi individwali milli jipparteċipaw ukoll bħala grupp, SDA u Poste Italiane jiġu esklużi minħabba r-relazzjoni ta’ rabta bejn kumpanniji li huma kellhom. |
|
10. |
Wara li kkonstata li SDA u Poste Italiane kienu pparteċipaw separatament fis-sejħa għal offerti, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt fetaħ l-offerti. Imbagħad, huwa inkariga lill-persuna responsabbli sabiex tivverifika jekk kienx hemm rabta bejn SDA u Poste Italiane li setgħet tkun ta’ ostakolu għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-sejħa għal offerti. |
|
11. |
Mill-verifika rriżulta li l-azzjonijiet kollha ta’ SDA kienu miżmuma minn Attività Mobiliari Spa, u li l-kapital azzjonarju ta’ din, min-naħa tagħha, kien miżmum fl-intier tiegħu minn Poste Italiane. Madankollu, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt osserva li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/1995, li implementa d-Direttiva 92/50 fl-Italja, ma jipprojbixxix il-parteċipazzjoni ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll. Il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt osserva wkoll li ma kienet irriżultat l-ebda evidenza serja u konsistenti li setgħet tqajjem suspett li nkisru l-prinċipji tal-kompetizzjoni u tas-segretezza tal-offerti. Għaldaqstant, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt ippropona li l-kuntratt għas-servizz jingħata lil SDA, li kienet ippreżentat l-iktar offerta baxxa. |
|
12. |
Permezz tad-Deċiżjoni Nru 712 tat-2 ta’ Diċembru 2003, iċ-CCIAAM tat il-kuntratt inkwistjoni lil SDA. |
|
13. |
Fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Assitur titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2003, kif ukoll dikjarazzjoni li hija intitolata tkun l-offerenti magħżula. Assitur issostni, fost l-oħrajn, li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt twettqet bi ksur tal-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 u tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. B’mod partikolari, Assitur issostni li, skont l-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/94, li fil-fehma tagħha japplika wkoll għal kuntratti għal servizzi, l-awtorità kontraenti kellha teskludi mill-proċedura dawk il-kumpanniji li jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll skont l-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili. |
|
14. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 jeskludi b’mod ċar il-kumpanniji li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll fis-sens tal-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili. Hija preżunzjoni inkonfutabbli li l-offerta tal-kumpannija kkontrollata hija magħrufa mill-kumpannija li tikkontrollaha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li skont ġurisprudenza nazzjonali fuq dan is-suġġett, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 huwa regola li tipproteġi interess vitali tas-soċjetà (“norma di ordine pubblico”) u li għaldaqstant tapplika mhux biss għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, iżda wkoll għal kuntratti għal servizzi u provvisti. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li l-kumitat għall-għoti tal-kuntratt kellu jordna immedjatament kemm l-esklużjoni ta’ SDA, kif ukoll dik ta’ Poste Italiane, li jinsabu manifestament f’relazzjoni ta’ kontroll skont l-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili. |
|
15. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-qafas leġiżlattiv nazzjonali deskritt hawn fuq joħloq, madankollu, problemi ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari, mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza La Cascina u Zilch vs Ministero della Difesa et ( 6 ). F’dik il-kawża, wara li sostniet li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jelenka seba’ kawżi ta’ esklużjoni tal-kandidati mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu kawżi ta’ esklużjoni differenti minn dawk imsemmija f’dik id-dispożizzjoni. |
|
16. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-regola prevista mill-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġie estiż permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/06, hija intiża sabiex tippenalizza l-aġir kollużiv ta’ impriżi li huma f’relazzjoni stretta f’sejħa għal offerti. Għaldaqstant, din ir-regola tippromwovi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa u fil-fatt ma tmurx kontra l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50. |
|
17. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari: “L-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50/KEE, billi jipprovdi seba’ kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratti pubbliċi għal servizzi, jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ esklużjoni u, għaldaqstant, jipprekludi l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 (li ġie ssostitwit permezz tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/06) milli jistabbilixxi projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni simultanja f’sejħa għal offerti ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll?”. |
IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
18. |
Iċ-CCIAAM, SDA, Poste Italiane, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Barra minn hekk, Assitur ippreżentat osservazzjonijiet orali fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008. |
V — Ammissibbiltà
|
19. |
Iċ-CCIAAM u SDA josservaw li d-domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija inammissibbli. Iċ-CCIAAM issostni li jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju tqis li teżisti lakuna fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 għaliex din id-dispożizzjoni ma tipprovdix għall-esklużjoni ta’ kumpanniji relatati. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma titlobx interpretazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 iżda li jiżdiedu xi elementi mal-imsemmija dispożizzjoni. SDA ssostni li peress li l-qorti tar-rinviju ma sabet l-ebda rabta bejn SDA u Poste Italiane, tali li tkun ta’ ostakolu għas-sejħa għal offerti, il-qorti tar-rinviju ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq dan is-suġġett. Fil-fatt, id-domanda tar-rinviju hija intiża biss sabiex tistabbilixxi l-fatti, aspett li jaqa’ esklużivament fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. |
|
20. |
Skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li tiddeċiedi l-imsemmija kawża, li għandha tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi preliminari li jkunu saru jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni ( 7 ). |
|
21. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’każijiet eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li r-rifjut ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali jista’ jseħħ biss meta jidher ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 8 ). |
|
22. |
Għandu jiġi osservat li dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti. |
|
23. |
Fil-fehma tiegħi, jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika jekk il-qorti tar-rinviju, skont il-liġi Komunitarja u b’mod partikulari fid-dawl tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 u l-ġurisprudenza dwarha, għandiex tapplika jew le l-liġi nazzjonali li tipprovdi għall-esklużjoni ta’ kumpanniji li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll milli jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti. |
|
24. |
Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, Assitur issostni li, skont l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94, iċ-CCIAAM kellha teskludi mis-sejħa għal offerti dawk il-kumpanniji li, bejniethom, kienu f’relazzjoni ta’ kontroll skont l-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili. Min-naħa l-oħra, iċ-CCIAAM, SDA u Poste Italiane jsostnu li skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja La Cascina u Zilch ( 9 ), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu kawżi ta’ esklużjoni tal-kandidati mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti li jkunu differenti minn dawk ipprovduti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50. Iċ-CCIAAM, SDA u Poste Italiane josservaw li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma jinkludix fil-lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ esklużjoni l-kumpanniji li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, peress li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 huwa dispożizzjoni intiża sabiex tippenalizza aġir kollużiv ta’ kumpanniji, huwa jippromwovi l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa u għaldaqstant huwa konformi, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 81 KE et seq. |
|
25. |
Għaldaqstant, jidher ċar li d-domanda magħmula hija relatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif definit mill-qorti tar-rinviju, u r-risposta tista’ tkun utli għall-imsemmija qorti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk l-esklużjoni tal-kumpanniji mis-sejħa għal offerti inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 hijiex konformi mad-dritt Komunitarju. |
|
26. |
Barra minn hekk, bil-kontra tal-affermazzjonijiet ta’ SDA, fil-fehma tiegħi, id-domanda preliminari mhijiex intiża sabiex tistabbilixxi jekk SDA u Poste Italiane humiex, u sa liema punt, fil-fatt relatati. Bħalma osservat ġustament SDA, din hija kwistjoni fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali. |
|
27. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
VI — Fuq il-mertu
A — Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28. |
Fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008, Assitur sostniet li l-lista pprovduta mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 mhix eżawrjenti. F’każ bħal dan, fejn żewġ kumpanniji jipparteċipaw f’sejħa għal offerti u fejn waħda minnhom hija għal kollox ikkontrollata mill-oħra, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha titqies bħala illegali peress li, bla ebda dubju, din tikser il-prinċipju ta’ kompetizzjoni li għandu jiġi protett. |
|
29. |
Skont iċ-CCIAAM, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali li tipprojbixxi lill-kumpanniji kkontrollati milli jipparteċipaw fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz jew ta’ indikazzjonijiet f’dak is-sens fl-avviż tas-sejħa għal offerti, Poste Italiane u SDA ma jistgħux jiġu awtomatikament esklużi mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti vverifikat li r-relazzjoni bejn SDA u Poste Italiane ma kinitx tali li taffettwa t-trasparenza u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. Is-sempliċi sehem ta’ kumpannija fil-kapital ta’ kumpannija oħra mhux biżżejjed, skont id-dritt Komunitarju, għal esklużjoni minn sejħa għall-offerti meta ma tiġi stabbilita ebda rabta bejniethom fl-operat. |
|
30. |
SDA, Poste Italiane u r-Repubblika Taljana josservaw li skont is-sentenza La Cascina u Zilch ( 10 ), l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 li jelenka seba’ kawżi ta’ esklużjoni tal-kandidati mill-parteċipazzjoni f’kuntratt jiżgura li l-Istati Membri jkunu preklużi milli jipprovdu kawżi ta’ esklużjoni differenti minn dawk fl-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, skont SDA, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jipprekludi l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94. |
|
31. |
Poste Italiane ssostni wkoll li, bl-introduzzjoni ta’ preżunzjoni assoluta ta’ kollużjoni fil-każ ta’ kumpanniji li jinsabu bejniethom f’relazzjoni ta’ kontroll, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 jostakola, minflok jippromwovi, il-prinċipju ta’ kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprekludi l-parteċipazzjoni simultanja fis-sejħa għal offerti minn kumpanniji li r-relazzjoni ta’ kontroll bejniethom ma tkunx fil-fatt irriżultat f’kollużjoni, u b’hekk tillimita n-numru ta’ offerenti. |
|
32. |
Ir-Repubblika Taljana tosserva li, filwaqt li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi għall-esklużjoni ta’ kumpanniji abbażi tas-sitwazzjoni personali (u ġenerali) tagħhom, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 jirregola b’mod oġġettiv id-diversi offerti u jeskludi dawk li fil-verità huma l-frott ta’ ċentru waħdieni ta’ deċiżjonijiet u li, għaldaqstant, ma għandhomx il-livell meħtieġ ta’ indipendenza, serjetà u kredibbiltà. L-għan tad-dispożizzjoni huwa li l-awtorità kontraenti tingħata l-possibbiltà li tiżgura li n-natura kompetittiva tas-sejħa għal offerti tiġi effettivament iggarantita u li titneħħa kull possibbiltà ta’ kollużjoni. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana tosserva li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw klawżoli ta’ esklużjoni sabiex jittrattaw sitwazzjonijiet oġġettivi oħra, fejn multipliċità ta’ offerti ma tiżgurax kompetizzjoni effettiva bejniethom. |
|
33. |
Il-Kummissjoni tosserva li skont is-sentenza La Cascina u Zilch, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi lista eżawrjenti ta’ seba’ kawżi ta’ esklużjoni ta’ kandidati mill-parteċipazzjoni f’kuntratt, li huma relatati mal-onestà prefessjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà tagħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu għal kawżi oħra ta’ esklużjoni bbażati fuq l-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà ta’ kandidat. Madankollu, l-Artikolu 29 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw kawżi ta’ esklużjoni oħra li mhumiex ibbażati fuq l-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà tal-kandidat, iżda pjuttost fuq il-bżonn li jiġi żgurat l-iżvolġiment korrett tas-sejħa għal offerti, u b’mod partikolari, l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Peress li huwa ċert li l-offerta ta’ kumpannija kkontrollata minn oħra tkun magħrufa, u għandha mnejn tkun ukoll “ikkontrollata”, minn din tal-aħħar, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni effettiva u trattament ugwali tal-offerenti. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-fatt li grupp ta’ kumpanniji jista’ jiftiehem fir-rigward tal-offerti sabiex jinfluwenza l-iffissar ta’ limitu għal offerti li huma anormalment baxxi u b’hekk iwassal għall-esklużjoni ta’ offerenti li mhumiex parti mill-grupp. |
|
34. |
Filwaqt li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 għandu l-għan leġittimu li jiżgura trattament ugwali, il-Kummissjoni tqis li n-natura tiegħu hija sproporzjonata inkwantu ma jagħtix lill-offerenti, li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, il-possibbiltà li juru li l-offerti tagħhom kienu fil-fatt imfassla b’mod awtonomu u mingħajr ma l-kumpannija li tikkontrollhom kienet taf bil-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tosserva li fil-fatt il-preżunzjoni inkonfutabbli prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 għandha mnejn ma tippromwovix il-kompetizzjoni. |
B — Evalwazzjoni
|
35. |
Fil-fehma tiegħi, jidher ċar mis-sentenza La Cascina u Zilch li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi b’mod eżawrjenti s-seba’ kawżi li Stat Membru jista’ ( 11 ) jinvoka sabiex jeskludi kandidati milli jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku għal servizz abbażi ta’ kriterji relatati mal-kwalità professjonali tagħhom, b’mod partikolari, l-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà tagħhom ( 12 ). |
|
36. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jimplika li l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu kawżi ta’ esklużjoni oħra bbażati fuq l-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà ta’ kandidat ( 13 ). |
|
37. |
Din id-deċiżjoni ġiet fil-fatt ikkonfermata dan l-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Michaniki ( 14 ), fir-rigward tal-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] ( 15 ). L-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 jirrifletti l-kawżi pprovduti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 għaliex huwa wkoll jipprovdi seba’ kawżi ta’ eskluzjoni ta’ kandidati mill-parteċipazzjoni f’kuntratt, abbażi tal-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà tagħhom. |
|
38. |
Madankollu l-lista eżawrjenti tas-seba’ kawżi pprovduti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli oħra intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxu, fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza. Dawn il-prinċipji, li huma l-għan ewlieni tad-direttivi dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet kontraenti f’kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ din in-natura, u jfissru, b’mod partikolari, li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ugwali kemm meta jagħmlu l-offerta, kif ukoll meta dawn l-offerti jkunu qegħdin jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti. Għaldaqstant, minbarra l-kawżi ta’ esklużjoni bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50, Stat Membru jista’ jipprovdi miżuri ta’ esklużjoni intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha, kif ukoll dak ta’ trasparenza, fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 16 ). |
|
39. |
Peress li l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifikaw, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura storika, ekonomika jew soċjali partikolari għalihom, is-sitwazzjonijiet li jiffavorixxu aġir li jista’ jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha u ta’ trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza Michaniki li l-Istati Membri għandhom jingħataw ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, miżuri bħal dawn ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitlaħaq tali għan ( 17 ). |
|
40. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher ċar li l-leġiżlatur Taljan, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94, kellu l-intenzjoni li jiżgura żvolġiment korrett u trasparenti tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliċi ( 18 ). Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Taljan iqis li l-kompetizzjoni ħielsa u l-konfront ħieles jiġu affettwati b’mod irrimedjabbli u negattiv minn offerti li għalkemm formalment jidhru li ġejjin minn żewġ kumpanniji jew iktar, legalment differenti, fil-fatt ikunu jistgħu jiġu attribwiti lil ċentru waħdieni ta’ interess. Skont id-deċiżjoni tar-rinvijiu, il-legiżlatur Taljan jikkunsidra li din is-sitwazzjoni tqum meta impriżi jkunu kkontrollati jew suġġetti għal influwenza kunsiderevoli, kif previst fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili. Għaldaqstant, il-kumpanniji kontrollati ma jistgħux jitqiesu bħala terzi persuni fil-konfront tal-kumpanniji li jikkontrollawhom, u għaldaqstant, ma għandhom ebda dritt li jagħmlu offerta oħra fl-istess sejħa għal offerti ( 19 ). |
|
41. |
Fil-fehma tiegħi, jidher ċar minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 ma jirreferix għall-onestà professjonali, il-likwidità u l-affidabbiltà tal-kandidati. Minkejja ċerti sottomissjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008, ma nqisx li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 huwa intiż għall-esklużjoni ta’ kandidati li, skont l-Artikolu 29(d) tad-Direttiva 92/50, “kien[u] ħat[ja] ta’ miskondotta professjonali gravi bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġġustifikaw”. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 ma jirreferix għall-aġir tal-kandidati, iżda huwa intiż sabiex jevita sitwazzjonijiet fejn ir-relazzjoni stess ta’ bejn ċerti kumpanniji li jkunu qegħdin jipparteċipaw fis-sejħiet għal offerti jkollhom mnejn iwasslu għad-distorsjoni ta’ tali sejħa ( 20 ). |
|
42. |
Għaldaqstant inqis, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 huwa intiż sabiex jiżgura t-trattament ugwali tal-offerenti kollha u t-trasparenza fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix, fil-prinċipju, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali bħal dawn. Madankollu, il-miżura inkwistjoni għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 21 ). |
|
43. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 jipprovdi għall-esklużjoni ta’ kumpanniji minn sejħa għal offerti meta teżisti bejniethom relazzjoni ta’ kontroll. Barra minn hekk, l-esklużjoni, li hija awtomatika, hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-offerta ta’ kumpannija kkontrollata hija magħrufa mill-kumpannija li tikkontrollaha. Din il-preżunzjoni mhix waħda konfutabbli u għaldaqstant, ma tistax tiġi kkontestata, lanqas jekk ikun hemm provi li l-kumpannija kkontrollata fasslet l-offerta tagħha b’mod kompletament indipendenti. |
|
44. |
Fil-fehma tiegħi, miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-esklużjoni awtomatika mis-sejħa għall-offerti ta’ ċertu offerenti, hija ta’ natura sproporzjonata, minħabba li ma tagħtix lill-offerenti li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll il-possibbiltà li juru li l-offerti tagħhom kienu fil-fatt imfassla b’tali mod li ma joħloqx preġudizzju għat-trattament ugwali tal-offerenti u għat-trasperenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 22 ). |
VII — Konklużjoni
|
45. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia għandha tkun:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322.
( 3 ) GURI Nru 104 tas-6 ta’ Mejju 1995, suppliment ordinarju.
( 4 ) GURI Nru 41 tad-19 ta’ Frar 1994, suppliment ordinarju.
( 5 ) GURI Nru 100 tat-2 ta’ Mejju 2006, suppliment ordinarju Nru 107.
( 6 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2009 (C-226/04 u C-228/04, Ġabra p. I-1347).
( 7 ) Sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller (C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33), u tat-, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, point 43).
( 8 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39); tat-, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19), u tal-, Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 28).
( 9 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 10 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 11 ) Fil-fatt, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jadottaw tali kawżi ta’ esklużjoni peress li l-użu tat-terminu “jista’” (minflok “għandu”) fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jrendi l-adozzjoni tagħhom sempliċement fakultattiva. Minkejja li jista’ jkun diffiċli li jiġi rrikonċiljat il-fatt li l-adozzjoni ta’ tali kawżi ta’ esklużjoni mill-Istati Membri hija fakultattiva, u n-natura eżawrjenti ta’ dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza La Cascina u Zilch li “[…] l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma jipprovdix, f’dan il-qasam, uniformità ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni indikati fuq il-livell Komunitarju, minħabba li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx affattu dawn il-kawżi ta’ esklużjoni, u jagħżlu l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li jvarja każ b’każ, skont il-kunsiderazzjonijiet tas-sistema legali, ekonomika jew soċjali li jipprevalu fuq il-livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jrendu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva inqas onerużi jew aktar flessibbli.” Ara l-punt 23.
( 12 ) Ara, b’mod analogu, La Cascina u Zilch, punt 21, ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 13 ) Ara, b’mod analogu, La Cascina u Zilch, punt 22, ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 14 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008 (C-213/07, Ġabra p. I-9999, punti 41 sa 43).
( 15 ) ĠU Edizzjoni Speċjali Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163, kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michaniki, punti 44 sa 47, u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-punt 47 tas-sentenza Michaniki, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[m]inn dan isegwi li Stat Membru jista’ jipprovdi, b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjoni bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, elenkati b’mod esklużiv fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, miżuri ta’ esklużjoni intiżi sabiex jassiguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha, kif ukoll ta’ trasparenza, fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi” (l-enfażi hija tiegħi). Fil-fehma tiegħi, it-terminu “b’żieda” fil-punt inkwistjoni, għandu mnejn jagħti l-impressjoni li huwa possibbli li jiġu miżjuda kawżi oħra ma’ dawk is-sebgħa ta’ esklużjoni provduti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 u b’analoġija ma’ dawk ipprovduti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/50. Din, ovvjament, ma kinitx l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jien użajt it-terminu “minbarra” iktar ’il fuq sabiex nenfasizza li miżuri ta’ esklużjoni intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha, kif ukoll dak ta’ trasparenza, fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma ta’ speċi jew natura differenti mill-kawżi ta’ esklużjoni pprovduti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50. Il-fatt li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 jipprovdu lista eżawrjenti tal-kawżi ta’ esklużjoni ta’ kandidati, abbażi tal-kwalità professjonali tagħhom huwa, fil-fehma tiegħi, ikkonfermat mill-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 jirriproduċi s-seba’ kawżi li jikkonċernaw il-kwalità professjonali pprovduti kemm fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, kif ukoll fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50. Madankollu, kategorija kompletament ġdida u distinta ta’ kawżi obbligatorji ta’ esklużjoni ta’ kandidati, hija miżjuda fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2004/18 ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-kundanni tal-kandidat għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet kriminali, korruzzjoni u frodi.
( 17 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Michaniki, punti 55, 56 u 48 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14) u l-ġuridprudenza ċċitata. Filwaqt li s-sentenza Michaniki tikkonċerna dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ġenerali ta’ inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni u twassal għall-esklużjoni mill-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tal-kuntratturi li huma involuti wkoll fis-settur tal-mezzi tal-informazzjoni, ir-ratio jew il-prinċipji ta’ dritt enfasizzati f’din is-sentenza huma, fil-fehma tiegħi, ta’ applikazzjoni ġenerali fil-qasam tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u b’ebda mod mhuma speċifiċi u limitati għas-settur tal-mezzi tal-informazzjoni. Għaldaqstant, dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jagħtu effett lill-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza u li huma ta’ natura proporzjonata ma jiksrux, fil-prinċipju, ir-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
( 18 ) Il-qorti tar-rinviju ssostni b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 huwa regola intiża għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-soċjetà (“norma di ordine pubblico”). Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/94 japplika b’mod ġenerali u, għaldaqstant, japplika għall-kuntratti għal servizzi u għal provvista, irrispettivament mill-fatt li l-awtorità kontratenti imponiet speċifikament tali dispożizzjoni. Ara punt 14 iktar ’il fuq.
( 19 ) Fit-trattazzjoni orali, ir-Repubblika Taljana rreferiet għall-fatt li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ġiet adottata wara li kien hemm diversi skandli fil-qasam tas-sejħiet pubbliċi għal offerti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat eżempji, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, tal-mod kif kumpannija li tikkontrolla kumpannija oħra tista’ tostakola proċedura ta’ sejħa għal offerti li fiha jipparteċipaw it-tnejn li huma.
( 20 ) B’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 ma jidhirx li jirreferi għal aġir kollużiv, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. L-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Nru 109/94 pjuttost jidher li jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn żewġ kumpanniji jew iktar, li huma formalment distinti, iżda li fil-fatt jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, ikunu qegħdin jipparteċipaw simultanjament f’sejħa għal offerti, u b’hekk jippreġudikaw it-trattament ugwali tal-offerenti kollha u t-trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fin-nuqqas, fost l-oħrajn, ta’ ftehim jew prattika miftiehma bejn l-impriżi, l-Artikolu 81 KE ma japplikax. Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il-Kummissjoni (C-73/95 P, Ġabra I-5457, punti 48 sa 51).
( 21 ) Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.
( 22 ) Fil-fatt, applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħal din tista’ twassal għal sitwazzjonijiet fejn persuni jiġu preklużi minn proċeduri ta’ sejħa għal offerti minkejja li l-parteċipazzjoni tagħhom ma tinvolvi l-ebda riskju għat-trattament ugwali tal-offerenti u għat-trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.