KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Jannar 2009 ( 1 )

Kawża C-523/07

Proċeduri mibdija minn

A

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ — Deċiżjoni dwar il-kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali — Residenza abitwali tal-minuri — Miżuri kawtelatorji — Ġurisdizzjoni”

I — Introduzzjoni

1.

Anki qabel ma ngħatat is-sentenza fil-kawża “C” (C-435/06) ( 2 ), il-Korkein Hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema Finlandiża), reġgħet għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ( 3 ).

2.

L-ewwel nett hija tqajjem il-kwistjoni, li ngħatat risposta fl-affermattiv fis-sentenza C, dwar l-applikabbiltà tar-regolament għal miżuri fuq il-kura u l-kustodja ta’ minuri, liema miżuri, fid-dritt nazzjonali, jikkostitwixxu atti ta’ dritt pubbliku. Iżda għadhom pendenti l-kwistjonijiet l-oħrajn dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq il-ġurisdizzjoni biex jiġu adottati dawk il-miżuri. Jeħtieġ b’mod partikolari li jiġi ddefinit b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ “residenza abitwali” ta’ minuri, li huwa l-fattur ewlieni ta’ konnessjoni għall-ġurisdizzjoni internazzjonali. Kwistjonijiet oħrajn jirrigwardaw is-setgħa tal-qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni biex tieħu miżuri provviżorji.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

3.

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 tiċċara bil-mod li ġej ir-raġunijiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti fuq il-ġurisdizzjoni:

“Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità”.

4.

Ta’ importanza partikolari għal din il-kawża huma d-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Artikolu 1

Il-kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

[…]”

“Artikolu 8

Il-ġurisdizzjoni ġenerali

1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

“Artikolu 13

Il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-minuri

1.   Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għat-tfal li huma refuġjati jew tfal li huma nternazzjonalment spustati minħabba f’xi nkwiet f’pajjiżhom”.

“Artikolu 17

L-Eżaminazzjoni nkwantu għall-ġurisdizzjoni

Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni”.

“Artikolu 20

Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]

1.   F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi [kawtelatorji] fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa”.

III — Il-fatti u d-domandi preliminari

5.

Skont id-deskrizzjoni qasira fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-fatti fil-kawża prinċipali huma dawn:

6.

A hija omm ta’ C, D u E. Hija kienet tgħix flimkien mat-tfal l-ewwel fil-Finlandja ma’ F, il-missier tar-rispett tat-tfal. Fil-komun fejn kienu joqogħdu t-tfal kienu diġà ttieħdu fil-kura u l-kustodja tal-Istat minħabba l-atteġġament vjolenti tal-missier tar-rispett. Suċċessivament din il-miżura ġiet sospiża. Fl-2001, il-familja marret toqgħod fl-Isvezja. Fis-sajf tal-2005 marret fil-Finlandja, għall-ewwel biex tgħaddi l-vaganzi. Fil-Finlandja, il-familja kienet toqgħod f’karavans f’diversi kampijiet u għand il-qraba. It-tfal ma kinux imorru l-iskola. Fit-30 ta’ Ottubru 2005, il-familja għamlet talba fil-komun Finlandiż Y biex tikseb akkomodazzjoni soċjali.

7.

B’deċiżjonijiet li jġibu d-data tas-16 ta’ Novembru 2005, il- Perusturvalautakunta (il-Kummissjoni ta’ garanzija tad-drittijiet soċjali fundamentali), abbażi tal-Artikolu 18 tal-Lastensuojelulaki (liġi Finlandiża fuq il-ħarsien tal-minuri) ħadet b’urġenza l-kura ta’ C, D u E, u poġġiethom f’istitut fejn jilqgħu lit-tfal billi kienu ġew abbanonati; l-għan tat-teħid tal-kura kien ukoll biex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tagħhom.

8.

A u F talbu li jitħassru d-deċiżjonijiet dwar it-teħid urġenti tal-kura. Fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2005 il-Perusturvalautakunta ċaħdet it-talba, ħadet il-kura tat-tfal skont l-Artikolu 16 tal-Lastensuojelulaki u poġġiethom f’istitut fejn jilqgħu lit-tfal. A u F appellaw mingħajr suċċess minn din id-deċiżjoni quddiem il-Hallinto-Oikeus (Tribunal amministrattiv).

9.

Il-Korkein-Halinto Oikeus li quddiemha għandha rikors kontra din id-deċiżjoni bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tat-22 ta’ Novembru 2007, dawn id-domandi preliminari li ġejjin:

1)

a)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 […] japplika għall-infurzar ta’ deċiżjoni bħal dik li ttieħdet fil-kawża preżenti, li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni unika adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija?

b)

Fin-nuqqas ta’ dan, ir-Regolament, fid-dawl tal-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, japplika biss għal dik il-parti tad-deċiżjoni dwar it-tqegħid barra mill-familja oriġinali għal ma’ familja tar-rispett?

2.

B’liema mod jeħtieġ jiġi interpretat, fid-dritt Komunitarju, il-kunċett ta’ ‘abitwalment residenti [residenza abitwali]’ fl-Artikolu 8(1) tar-regolament u fl-Artikolu 13(1), li huwa marbut, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sitwazzjoni li fiha minuri għandu residenza permanenti fi Stat Membru iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, li fih ma għandhux residenza fissa?

3

a)

Jekk wieħed jikkunsidra li r-residenza abitwali tal-minuri mhijiex f’dan l-aħħar Stat Membru, meta tista’ madankollu tittieħed miżura kawtelatorja urġenti (teħid taħt kura) f’dak l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-regolament?

b)

Miżura kawtelatorja kif imsemmija fl-Artikolu 20(1) tar-regolament hija biss miżura li tista’ tiġi applikata skont il-liġi nazzjonali, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar din il-miżura huma vinkolanti meta l-artikolu jiġi applikat?

c)

Wara l-implementazzjoni tal-miżura kawtelatorja, il-każ għandu jiġi ttrasferit ex officio lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni?

4.

Jekk il-qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni, għandha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew għandha tittrasferixxi dan lill-qorti tal-Istat Membru l-ieħor?

10.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż, Grieg u Taljan, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

IV — Il-kunsiderazzjonijiet legali

A — Fuq l-ewwel domanda preliminari

11.

L-ewwel domanda hija sostanzjalment identika għall-ewwel domanda preliminari fil-kawża C-435/06. Lil dik id-domanda ngħatat risposta kif ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija fis-27 ta’ Novembru 2007 ( 4 ), ħamest ijiem wara li saret it-talba għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.”

12.

L-ewwel domanda preliminari f’din il-kawża għandha tingħata risposta bl-istess mod.

B — Fuq it-tieni domanda

13.

Bit-tieni domanda preliminari l-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali ta’ minuri, li miegħu l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jorbot il-ġurisdizzjoni tal-qrati ( 5 ) tal-Istat Membru korrispondenti għad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Din l-interpretazzjoni taffettwa fl-istess ħin il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkun preżenti, mingħajr ma jgħix fih abitwalment. Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, is-sempliċi preżenza toħloq ġurisdizzjoni biss meta ebda residenza oħra abitwali tal-minuri ma tista’ tiġi stabbilita.

14.

Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”. Bl-użu tal-aġġettiv “abitwali” jirriżulta li r-residenza għandha jkollha ċerta stabbiltà jew regolarità.

15.

Kuntrarjament għal dak li qed isostni l-Gvern tar-Renju Unit, ma jirriżultax minn nuqqas ta’ definizzjoni li dan il-kunċett ma jistax jingħata intepretazzjoni ġuridika, u li s-sinjifikat tiegħu ma jmurx lil hinn mit-tifsira naturali tal-kliem. Għall-kuntrarju, is-sinjifikat ta’ dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit bi preċiżjoni ikbar, wara li jiġu kkunsidrati r-ratio u l-għan tiegħu kif ukoll il-kuntest regolatorju. Madankollu l-Gvern tar-Renju Unit għandu raġun meta jsostni li l-interpretazzjoni għandha tħalli lill-qorti nazzjonali marġni diskrezzjonali suffiċjenti biex jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt rilevanti fil-każ inkwistjoni.

1. Prinċipji bażiċi tar-regoli fuq il-ġurisdizzjoni fir-Regolament Nru 2201/2003 għal deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri

16.

Il-minuri jkollhom bżonn tal-protezzjoni speċjali u l-għajnuna tal-ġenituri jew — jekk dawn ma jaqdux l-obbligi tagħhom — tal-Istat jew ta’ terzi li lilhom ikun ġie ttrasferit id-dritt tal-kustodja. Jekk ikunu meħtieġa deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar is-setgħa tal-ġenituri għandhom jiġu evitati, meta jkun possibbli, kawżi kkaratterizzati minn żminijiet twal biex l-iżvilupp tal-minuri jiġi llimitat mill-inqas.

17.

Għall-każijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali, ir-Regolament Nru 2201/2003 jiggarantixxi determinazzjoni ċara u eżawrenti tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati, bħala l-ewwel kundizzjoni għall-adozzjoni mħaffa ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-interess tat-tfal. Għaldaqstant, il-kunċetti użati fir-regolament f’dan ir-rigward għandhom jiġu għalhekk interpretati b’mod awtonomu u mhux b’riferiment għad-dritt nazzjonali, biex b’hekk ikun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli fuq il-ġurisdizzjoni u biex jiġu evitati kunflitti ta’ ġurisdizzjoni ( 6 ).

18.

Kif ġie enfasizzat b’mod partikolari fil-premessa 12, ir-Regolament jagħti l-ġurisdizzjoni fl-ewwel lok lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkun residenti abitwalment. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu x’inhu fl-aħjar interess tal-minuri.

19.

Il-kunċett ta’ residenza abitwali, li għandu importanza ċentrali biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ġenerali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 imma wkoll għall-fora l-oħrajn marbutin magħha, kemm direttament kif ukoll indirettament (Artikoli 9, 10 u 13) għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan.

20.

Għandha tiġi distinta r-residenza abitwali minn preżenza sempliċi. Huwa veru li l-preżenza ta’ minuri tistabbilixxi wkoll relazzjoni ta’ prossimità fil-konfront tal-qrati lokali. Din ir-rabta hija, madankollu, ta’ kwalità differenti minn dik tar-residenza abitwali. Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jagħti lill-qrati tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-minuri ġurisdizzjoni sussidjarja biss li ma tibqax tgħodd jekk ir-residenza abitwali fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi stabbilita.

21.

Għalhekk, biex ikun hemm delimitazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet taħt l-Artikoli 8 u 13 tar-regolament, għandhom jiġu żviluppati kriterji li jagħtu lir-residenza tal-minuri l-kwalità ta’ residenza “abitwali” biex issir distinzjoni mill-preżenza li hija anqas permanenti.

2. Relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 2201/2003 u konvenzjonijiet multilaterali

22.

Meta ġie adottat ir-Regolament Nru 2201/2003 diġà kienet teżisti sensiela ta’ konvenzjonijiet multilaterali fis-seħħ f’ħafna Stati Membri jew f’kollha li kellhom dispożizzjonijiet fuq il-ġurisdizzjoni fuq il-kustodja. Ir-regolament issostitwixxa, parzjalment, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-konvenzjonijiet fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, u parzjalment jopera flimkien mad-dispożizzjonijiet multilaterali.

23.

Madankollu l-konvenzjonijiet huma parti importanti mill-istorja leġiżlattiva tar-Regolament. Minbarra dan, l-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ diversi strumenti għandhom jiġu ddelimitati konsistentement minn xulxin. Dan jippreżumi interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ residenza abitwali, li miegħu huma marbutin kemm id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet kif ukoll dawk tar-regolament.

24.

Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa ispirat f’dan il-qasam primarjament mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-minuri ( 7 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996”) ( 8 ). L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, bħall-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, jagħti l-ġurisdizzjoni fl-ewwel lok lill-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri.

25.

Skont l-Artikolu 61(a) tiegħu, ir-regolament jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, meta l-minuri kkonċernat għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ xi Stat Membru. Għalhekk jikkorrispondi mal-Artikolu 52(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-ġurisdizzjoni għall-minuri li joqogħdu abitwalment fil-Komunità.

26.

Kif enfasizzaw ġustament il-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż u Grieg kif ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit, interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ residenza abitwali hija meħtieġa biex jiġu ddelimitati b’mod koerenti l-kuntesti ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 u tar-regolament u biex jiġu evitati kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-qrati ta’ Stati kontraenti oħrajn tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 ( 9 ).

27.

Hemm bżonn li jissemmew ukoll tliet konvenzjonijiet oħra rilevanti, li r-relazzjoni tagħhom mar-Regolament Nru 2201/2003 hija rregolata mill-Artikolu 60 tiegħu:

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-5 ta’ Ottubru tal-1961 dwar il-Poteri tal-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fir-rigward tal-Protezzjoni tal-Minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961”) ( 10 ) [Artikolu 60(a)];

Il-Konvenzjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju tal-1980 dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kustodja tal-minuri u r-ritorn tal-kustodja tal-minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea” ( 11 ) [Artikolu 60(d)] u

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru tal-1980 dwar l-aspetti ċivili internazzjonali tal-ħtif tal-minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”) ( 12 ) [Artikolu 60(e)].

28.

Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet tali sakemm ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-regolament.

29.

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961 għandha l-oriġini tagħha fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 ( 13 ). Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961 iddeterminat diġà l-ġurisdizzjoni b’mod partikolari abbażi tar-residenza abitwali. Il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 tuża l-kriterju tar-residenza abitwali fir-rigward ta’ ritorn ta’ minuri maħtufin, bħall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

30.

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jintrabat b’mod partikolari mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u ħa l-orjentament tiegħu, kif ġie enfasizzat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rinau ( 14 ). Iż-żewġ liġijiet għandhom l-għan tar-ritorn immedjat tal-minuri li tneħħew mill-Istat fejn kienu joqogħdu abitwalment qabel ma seħħ it-trasferiment illegali. Anki din il-kombinazzjoni tirrikjedi wkoll interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”.

31.

Il-konvenzjonijiet multilaterali rilevanti ma jipprovdux intenzjonalment għal definizzjoni ta’ residenza abitwali, u jħallu lill-qrati, fil-kuntest tal-aċċertament tal-fatti f’kull każ individwali, jiddefinixxu f’iktar dettall dan il-kunċett ( 15 ). Kif enfasizzaw il-gvernijiet intervenjenti fil-proċedura, il-konvenzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju li ta importanza, b’mod deċiżiv, liċ-ċentru effettiv tal-ħajja tal-minuri inkwistjoni; dan iċ-ċentru għandu jiġi identifikat abbażi taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti u għandu jinżamm separat mill-kunċett purament legali, ta’ domiċilju ( 16 ).

3. Ir-rwol tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ domiċilju fir-rigward ta’ impjieg pubbliku fil-qasam tas-sigurtà soċjali

32.

Il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha ta’ interpretazzjoni, tagħmel enfasi fuq aspetti kemmxejn differenti. Hija tirriferi, għad-definizzjoni ta’ residenza abitwali, għall-kunsiderazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-elaborazzjoni tal-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet fil-kawżi matrimonjali ( 17 ).

33.

Fir-rapport spjegattiv dwar il-Konvenzjoni (rapport ta’ Borrás), huwa indikat li l-introduzzjoni ta’ definizzjoni ta’ residenza abitwali ġiet finalment miċħuda. Madankollu, ġie kkunsidrat b’mod partikolari li Qorti tal-Ġustizzja tat id-definizzjoni li ġejja lit-terminu residenza abitwali f’diversi oqsma tal-liġi: “ir-residenza abitwali hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bl-intenzjoni li dan ikun ta’ natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Sabiex tiġi determinata r-residenza abitwali, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha ta’ fatt li jikkostitwixxu din ir-residenza u, b’mod partikolari, ir-residenza nfisha tal-persuna kkonċernata” ( 18 ).

34.

Ir-rappreżentanti tal-Finlandja u l-Ġermanja kif ukoll ir-rappreżentant tar-Renju Unit ikkontestaw, bir-raġun waqt is-seduta, l-użu ta’ din id-definizzjoni biex jiddefinixxu b’mod iktar preċiż ir-residenza abitwali ta’ minuri skont ir-Regolament Nru 2201/2003.

35.

Il-ġurisprudenza kkunsidrata tirrigwarda kwistjoni partikolari dwar id-dritt fuq l-impjieg pubbliku, u b’mod partikolari r-rekwiżiti għall-għoti ta’ remunerazzjoni għall-espatrijazzjoni. Uffiċjal tal-Komunità Ewropea għandu d-dritt għal din ir-remunerazzjoni biss jekk jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu fil-post fejn jaħdem meta jinħatar u mhux jekk kien diġà joqgħod hemm qabel.

36.

Indipendentement min-nuqqas ta’ kwalunkwe punt ta’ kuntatt bejn dak il-kuntest ta’ impjieg pubbliku u dan il-kuntest ta’ dritt ta’ familja, id-definizzjoni mhijiex, lanqas mill-aspett sostanzjali, tajba biex tiġi trasposta. Hija tagħti wisq importanza lill-intenzjoni tal-persuna kkonċernata. Forsi dan jista’ jkun possibbli għall-adulti. Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li r-rapport Borrás jirreferi għall-ġurisprudenza ċċitata fir-rigward tad-deċiżjonijiet matrimonjali. Iżda fil-każ tat-tfal żgħar, li tirriżulta determinanti mhijiex l-intenzjoni tagħhom imma dik tal-ġenituri li għandhom id-dritt, li ġej mid-dritt tal-kustodja, li jistabbilixxu l-post tar-residenza tal-minuri. Madankollu, fil-kuntest tat-tilwim fuq il-kustodja, l-ideat tal-persuni li għandhom dritt għall-kustodja fejn għandu joqgħod il-minuri, jistgħu jkunu diverġenti. Għaldaqstant l-intenzjoni tal-missier u/jew tal-omm biex j/toqgħod mal-minuri f’post partikolari tista’ tkun biss indikazzjoni tar-residenza abitwali tal-minuri, mhux kundizzjoni fiha nnifisha deċiżiva.

37.

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni wkoll li d-definizzjoni ta’ domiċilju li żviluppat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt soċjali ( 19 ), ma tistax tiġi trasposta għar-Regolament Nru 2201/2003, billi d-diversi dispożizzjonijiet għandhom għanijiet kompletament differenti. Id-dispożizzjonijiet fuq l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti għandhom l-għan li jiddelimitaw il-ġurisdizzjoni għall-għoti ta’ ċerti benefiċċji bejn l-Istat ta’ residenza u l-Istat tal-impjieg. B’differenza mill-każ ta’ ġurisdizzjoni għal deċiżjonijiet fuq il-kustodja, l-għan ewlieni mhuwiex l-interess tal-persuna kkonċernata imma t-tqassim tal-piżijiet fost l-Istati Membri.

4. Konsegwenzi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali skont ir-Regolament Nru 2201/2003.

38.

Fid-dawl tat-test u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll tal-konvenzjonijiet multilaterali rilevanti, il-kunċett ta’ residenza abitwali skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkoinċidi maċ-ċentru effettiv tal-interessi tal-minuri.

39.

Għad-determinazzjoni taċ-ċentru effettiv tal-interessi, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha eżistenti fil-mument ta’ meta jiġi istitwit il-proċediment. Jibqa’ li jsir magħruf jekk hemmx lok li jitqies li huwa talba fil-każ, bħalma huwa dan, li fih l-awtorità tidher li aġixxiet ex officio ( 20 ). L-att rilevanti jista’ jkun b’mod partikolari t-teħid tal-kura fis-16 ta’ Novembru 2005, billi kienet b’dik il-miżura li l-awtoritajiet aġixxew l-ewwel b’effett estern ( 21 ).

40.

F’din il-kawża r-regolarità u kemm damet ir-residenza kif ukoll il-kuntest familjari u soċjali tal-minuri jistgħu jkunu partikolarment rilevanti, biex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali.

— It-tul u r-regolarità tar-residenza

41.

Biex issir distinzjoni bejn ir-residenza abitwali u l-preżenza temporanja sempliċi, ir-residenza trid tkun normalment ta’ ċertu tul fiż-żmien. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabilixxix f’dan il-kuntest tul preċiż. Huma pjuttost iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-każ partikolari biex ir-residenza tingħata l-istabbiltà meħtieġa. Jistgħu jkunu ta’ rilevanza partikolari f’dan ir-rigward l-età tal-minuri u ċ-ċirkustanzi familjari u soċjali deskritti iktar ’il quddiem.

42.

Ir-residenza ma għandhiex għalfejn tkun mingħajr interruzzjoni. Assenza temporanja tal-minuri, pereżempju matul il-vaganzi, ma għandhiex tqiegħed fid-dubju l-persistenza tar-residenza abitwali. Madankollu ma jkunx hemm residenza abitwali jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ma jkunx hemm ritorn għall-post oriġinali ta’ residenza.

43.

Fil-każ ta’ trasferiment legali, jista’ jkun hemm trasferiment tar-residenza abitwali fl-Istat ospitanti, anki wara perijodu qasir. Huwa dak li qed jissuġġerixxi l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Skont din id-dispożizzjoni, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, b’deroga mill-Artikolu 8, matul perijodu ta’ tliet xhur mit-trasferiment tagħhom, biex jimmodifikaw sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dan l-Istat Membru qabel il-minuri ġie ttrasferit, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess ikompli jirrisjedi abitwalment fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri. Din id-dispożizzjoni tippreżumi għalhekk li jista’ jkun hemm residenza abitwali fil-post il-ġdid tad-domiċilju anki qabel ma jgħaddu tliet xhur, b’mod li huwa neċessarju li tiġi prevista ġurisdizzjoni li tidderoga mir-regoli tal-Artikolu 8 favur il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri.

44.

Madankollu, l-Artikolu 9(1) jirrigwarda biss fatt partikolari ħafna. Mill-bqija, fil-każ ta’ trasferiment, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ partikolari. Indikazzjoni tal-bidla fir-residenza abitwali tista’ tkun b’mod partikolari l-intenzjoni korrispondenti komuni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-minuri għal żmien twil fi Stat ieħor. Ir-rieda tal-ġenituri tista’ tidher, pereżempju, f’ċirkustanzi esterni partikolari, bħall-akkwist jew il-kirja ta’ residenza fl-Istat tat-trasferiment, notifika lill-awtoritajiet ta’ indirizz ġdid, twaqqif ta’ relazzjoni ta’ xogħol u r-reġistrazzjoni ta’ minuri f’kindergarten jew skola. B’rifless ta’ dan, l-abbandun ta’ residenza u impjieg qodma u n-notifika lill-awtoritajiet bit-tluq jissuġġerixxu li tintemm ir-residenza abitwali fl-Istat ta’ provenjenza.

45.

F’dan ir-rigward huwa konċepibbli wkoll f’każijiet eċċezjonali li matul l-istadju tranżitorju ma jkunx hemm iktar residenza abitwali fl-Istat ta’ provenjenza filwaqt li l-istatus fl-Istat il-ġdid ikun għadu ma kkristallizzax f’residenza abitwali. Preċiżament għal każ bħal dan, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jagħti ġurisdizzjoni sussidjarja lill-qrati tal-Istat Membru fejn huwa preżenti l-minuri.

46.

Fil-każ ta’ ħtif tat-tfal, l-Artikolu 10 jistabbilixxi, b’ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali qabel il-ħtif. Madankollu, il-ħtif ma jeskludix li r-residenza abitwali tiġi ttrasferita fl-Istat fejn ikun ittieħed il-minuri. F’dan il-każ, trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jista’ jseħħ minnufih bil-kunsens tal-persuni li għandhom id-dritt tal-kustodja u tal-istituzzjonijiet kompetenti [Artikolu 10(a)]. Jekk le, it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni jista’ jseħħ biss jekk il-minuri jkun qagħad f’dak l-Istat Membru l-ieħor tal-anqas għal sena [Artikolu 10(b)]. Iżda t-terminu ta’ sena mhuwiex fih innifsu deċiżiv lanqas f’dan il-każ. It-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jiddependi iktar fuq il-kundizzjonijiet li għandhom iseħħu skont l-Artikolu 10(b)(i) sa (iv).

— Sitwazzjoni familjari u soċjali tal-minuri

47.

L-istabbiltà, li tiddistingwi r-residenza abitwali mis-sempliċi preżenza, tiddependi wkoll mill-kuntest familjari u soċjali ta’ minuri. Hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li tikkunsidra l-fatturi kollha li, skont l-età tal-minuri, jista’ jkollhom relevanza differenti, li għandha jkollha stampa kumplessiva f’dan ir-rigward.

48.

Is-sitwazzjoni familjari tiġi influwenzata b’mod determinanti mill-persuni li magħhom jgħix il-minuri fil-post ta’ residenza jew huwa f’kuntatt regolari, fi kliem ieħor ġenituri, aħwa, nanniet jew qraba ta’ ġewwa oħrajn. Għall-integrazzjoni soċjali huma ta’ importanza partikolari, ċirkustanzi bħal fejn imur l-iskola, il-ħbieb, l-attivitajiet barra l-iskola u, fuq kollox, kemm jaf jitkellem il-lingwa.

49.

Mingħajr ma rrid nantiċipa l-evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha min-naħa tal-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ hemm sensiela ta’ elementi li juru li l-minuri C, D u E ma kinux diġà abitwalment residenti fil-Finlandja f’Novembru 2005. B’hekk, vaganza biss kienet ġiet ippjanata oriġinarjament, li jista’ jissuġġerixxi li r-residenza abitwali kompliet fl-Isvezja. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq minn kamp għal kamp probabbilment eskludiet il-possibbiltà tal-minuri li jibnu relazzjonijiet soċjali permanenti ma’ persuni oħrajn minbarra ommhom u missierhom tar-rispett. Fattur aggravanti huwa li ma kinux imorru l-iskola.

50.

Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jassumi li l-minuri kienu jitkellmu sew mill-anqas lingwa waħda uffiċjali tal-Finlandja. Barra minn hekk, f’Novembru l-ġenituri probabbiliment kienu abbandunaw l-intenzjoni oriġinali tagħhom li jgħaddu l-vaganzi tagħhom biss fil-Finlandja. Dan jidher ukoll mill-fatt li f’Ottubru 2005 l-familja kienet talbet akkomodazzjoni soċjali fil-Finlandja.

51.

Jekk il-qrati Finlandiżi jaslu għall-konklużjoni li C, D u E ma kinux residenti abitwalment fil-Finlandja fil-mument rilevanti, biex b’hekk mhemmx ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Finlandiżi tista’ tirriżulta mill-Artikolu 13. Il-kundizzjoni biex dan iseħħ hija li filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji deskritti hawn fuq, ma tkun tista’ tiġi stabbilita l-ebda residenza abitwali oħra, b’mod partikolari fl-Isvezja.

52.

Ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari għandha tkun f’dan is-sens: ir-residenza abitwali ta’ minuri skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkonsisti fil-post fejn il-minuri, wara evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt rilevanti, u b’mod partikolari t-tul u r-regolarità tar-residenza kif ukoll il-kuntest familjari u soċjali, ikollu ċ-ċentru ta’ interessi tiegħu. Huwa biss meta ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita residenza abitwali fis-sens deskritt hawn fuq u li lanqas ma jkun hemm ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12 ( 22 ), li jirriżultaw li għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament, il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri.

C — Fuq it-tielet domanda premininari

53.

It-tielet domanda preliminari, li hija maqsuma fi tliet subdomandi, tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li f’każijiet urgenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom iħallu l-qrati ta’ Stat Membru jieħu dawk il-miżuri provviżorji kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, taħt dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni inkwantu għas-sustanza tal-kwistjoni.

54.

L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija għalhekk importanti f’dan il-każ biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi, wara li jiġu kkunsidrati r-risposti għat-tieni domanda, li l-qrati Finlandiżi ma għandhomx diġà ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 8 jew 13 tar-regolament.

1. Fuq is-subdomanda 3(a)

55.

B’din id-domanda l-qorti qed titlob li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal, b’mod partikolari, miżuri ta’ teħid tal-kura urġenti ta’ minuri.

56.

Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) wieħed għandu jiftakar li d-dispożizzjoni tawtorizza lill-qrati jaġixxu fejn ma jkollhomx ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni taħt ir-regolament u għalhekk solitament ikollhom jiċħdu l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 17 tar-regolament. L-Artikolu 20(1) għandu fil-prinċipju jiġi interpretat b’mod ristrett. Madankollu, il-qrati għandhom jitħallew f’każijiet urġenti jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fl-interess superjuri tal-minuri.

57.

Mit-test tad-dispożizzjoni jirriżulta wkoll, fl-ewwel lok, li l-miżuri jistgħu jirreferu biss għall-minuri li jkunu fl-Istat Membru tal-qorti adita. Il-qorti tal-Istat fejn jinsab il-minuri tista’ tevalwa, minħabba l-qrubija tagħha, jekk u eventwalment liema miżuri ta’ urġenza għandhom jiġu adottati. Hija tista’ tipprovdi wkoll għall-eżekuzzjoni tagħhom. F’dan is-sens ir-rekwiżiti li hemm fl-Artikolu 20(1) huma sodisfatti. Il-kwistjoni kontroversjali fid-duttrina, jiġifieri jekk l-Artikolu 20 jagħtix huwa stess il-ġurisdizzjoni biex jiġu adottati miżuri ta’ urġenza jew inkella jirriferix biss għall-ġurisdizzjoni abbażi tal-lex fori, ma għandhiex għalfejn tiġi solvuta f’dan il-kuntest ( 23 ). Fil-fatt il-qrati Finlandiżi kellhom manifestament ġurisdizzjoni anki abbażi tad-dritt nazzjonali biex jiddisponu fuq it-teħid tal-kura urġenti skont l-Artikolu 18 tal-liġi fuq il-ħarsien tal-minuri.

58.

Fit-tieni lok, għandu jkun hemm każ urġenti. L-urġenza teżisti dejjem meta l-intervent immedjat ikun meħtieġ, min-naħa tal-qorti adita fl-Istat fejn ikun il-minuri biex jiġi ssalvagwardjat l-interess superjuri tiegħu.

59.

Il-kriterju tal-urġenza stabbilit fl-Artikolu 20(1) tar-regolament ma jistax jiġi kkunsidrat separatament mill-paragrafu (2) ta’ din id-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 20(2), il-miżuri provviżorji ma jibqgħux applikabbli meta l-qorti tal-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-mertu tkun adottat il-miżuri meqjusa xierqa. Kif enfasizza l-Gvern tar-Renju Unit, l-Artikolu 20 jiggarantixxi b’dan il-mod ġurisdizzjoni li ma għandhiex lakuni billi l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-mertu tista’ tisma’ l-kawża fi kwalunkwe żmien. Kif sostna ġustament il-Gvern Ġermaniż, ma hemmx b’hekk periklu li s-sistema ta’ ġurisdizzjoni tar-regolament ma titħarisx permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ urġenza skont l-Artikolu 20(1).

60.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 20(1) jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji. Id-deċiżjoni definittiva tibqa’ riżervata għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu. Iżda l-Artikolu 20 ma jistabbilixxix limitu ta’ żmien partikolari għaż-żamma fis-seħħ tal-miżuri provviżorji. Jekk il-qorti li adottat il-miżura provviżorja ma tkunx hija nnifisha llimitat kemm iddum u ma tkunx irrevokatha suċċessivament, hija tibqa’ fis-seħħ skont l-Artikolu 20(2) sal-intervent tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu.

61.

Fir-rigward tat-tielet subdomanda, il-Kummissjoni tirreferi, madankollu, għall-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jikkorrispondi mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 24 ). Skont din il-ġurisprudenza, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji skont dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi għaż-żamma ta’ sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt biex jiġu ppreżervati drittijiet li mbagħad hija l-qorti xierqa li taċċerta l-eżistenza tagħhom ( 25 ). Il-qorti għandha tagħmel l-awtorizzazzjoni tagħha suġġetta għall-kundizzjonijiet li jiggarantixxu n-natura provviżorja jew kawtelatorja tal-miżura ordnata ( 26 ).

62.

Jekk il-qrati Svediżi, li eventwalment għandhom ġurisdizzjoni fil-mertu, ma jiġux aditi bil-kawża, ikun hemm il-periklu li t-teħid tal-kustodja u t-tqegħid li ġew ordnati fil-15 ta’ Diċembru 2005 mill-Perusturvalautakunta jistgħu jibqgħu fis-seħħ, b’kuntrast mal-ġurisprudenza msemmija, sakemm il-minuri jsiru maġġorenni. Billi r-regolament ma jistabbilixxi lanqas rinviju lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni (ara f’dan ir-rigward is-subdomanda 3(c)), jista’ jkun hemm, meta jiskadu l-miżuri provviżorji, lakuna fl-assistenza li tmur kontra l-għanijiet tar-regolament.

63.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ jingħad li, minn naħa, traspożizzjoni f’dan il-kuntest tal-ġurisprudenza rigward il-miżuri provviżorji skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell toħloq il-problemi. Il-miżuri provviżorji adottati f’materji ċivili jew kummerċjali skont din il-Konvenzjoni, jiġifieri r-Regolament Nru 44/2001, huma intiżi biex jiggarantixxu d-drittijiet tar-rikorrenti u jolqtu provviżorjament id-drittijiet tal-konvenut. Għaldaqstant, il-miżuri provviżorji korrispondenti ta’ qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-mertu għandhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ.

64.

Għall-kuntrarju, fil-każ tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, l-interess superjuri tal-minuri għandu pożizzjoni ewlenija peress li ma jistax jipproteġi l-interessi tiegħu. Huwa veru li l-miżuri kawtelatorji jillimitaw id-dritt tal-kustodja tal-ġenituri. Dawn tal-aħħar jistgħu, madankollu, jadixxu l-qorti li għandha ġurisdizzjoni u b’hekk jipprovokaw eventwalment il-waqfien tal-applikabbiltà tal-miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20(2). F’dan hemm differenza sostanzjali mill-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li ma għandhomx dispożizzjoni bħal din.

65.

Min-naħa l-oħra, wieħed jaqbel mal-Kummissjoni li r-residenza stabbli tal-minuri setgħet ġiet ittrasferita fil-Finlandja matul il-perijodu ta’ kura u tpoġġija li ordnaw l-awtoritajiet Finlandiżi. Jekk dan kien minnu, il-qrati Finlandiżi għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament, biex jieħdu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża ġdida li saret wara. Fi kwalunkwe każ, hemm ħafna raġunijiet biex wieħed iqis li ma għadx hemm residenza abitwali fl-Isvezja, wara li l-familja ilha li ħalliet il-pajjiż, ma kellhiex intenzjoni li sempliċement tgħaddi l-vaganzi fil-Finlandja kif ukoll iċ-ċirkustanzi oġġettivi ta’ fatt jagħmluha improbabbli li tirritorna fl-Isvezja. L-awtortajiet Finlandiżi jistgħu għaldaqstant ikollhom ġurisdizzjoni f’kawża ġdida taħt l-Artikolu 13 jekk għadha ma ġietx stabbilita residenza abitwali fil-Finlandja. Għalhekk mhemmx biża’ ta’ “lakuna fil-ġurisdizzjoni”.

2. Fuq is-subdomanda 3(b)

66.

Bit-tieni subdomanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-miżuri kawtelatorji taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament humiex esklużivament dawk il-miżuri li jistgħu jingħataw skont id-dritt nazzjonali u jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar dawk id-dispożizzjonijiet jorbtux fl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

67.

Skont il-formulazzjoni tagħha, id-dispożizzjoni inkwistjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji previsti mil-liġi nazzjonali. Barra mir-rekwiżiti msemmija fir-risposta għas-subdomanda 3(a), l-Artikolu 20 tar-regolament ma fih l-ebda regola ulterjuri fuq x’forma għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ( 27 ).

68.

Jeħtieġ jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-kunċett ta’ miżuri provviżorji huwa kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju. Kif sostnew tajjeb il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 20(1) ma jipprekludi lanqas dawk il-miżuri mhux indikati espressament bħala miżuri provviżorji mid-dritt nazzjonali. Kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel subdomanda, din id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri kollha li huma meħtieġa għas-salvagwardja tal-interess superjuri tal-minuri sal-intervent tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu u li ma jkollhomx natura definittiva.

69.

Għall-bqija, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi liema miżuri jistgħu jiġu adottati abbażi tad-dritt nazzjonali u jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jorbtux.

3. Fuq is-subdomanda 3(c)

70.

Il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, il-kawża għandhiex tiġi ttrasferita ex officio lill-qorti tal-Istat Membru kompetenti.

71.

Il-Gvern Grieg biss huwa favur obbligu f’dan is-sens, filwaqt li l-partijiet l-oħrajn intervenjenti fil-proċedura jiċħdu li dan jeżisti, minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’dan is-sens.

72.

Fil-fatt, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 biss jipprovdi għal każ biex jiġi ttrasferit f’qorti li qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex tisimgħu. Madankollu, din id-dispożizzjoni tagħti din il-possibbiltà biss lil qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu. Fir-rigward tal-qorti li adottat miżura provviżorja abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, ir-rinviju lil qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu mhuwiex irregolat.

73.

Lanqas ma huwa meħtieġ obbligu ta’ rinviju, għar-raġunijiet imsemmija fir-risposta għad-domanda 3(b) biex tiġi ggarantita, fl-interess superjuri tal-minuri, ġurisdizzjoni ħielsa minn lakuni għal adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

74.

Madankollu, ir-regolament lanqas ma jipprojbixxi lill-qorti li adottat il-miżura provviżorja milli tinforma lill-qorti li, fil-fehma tagħha, tirriżulta li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu. Hija tista’, għal dan l-iskop, tinkludi wkoll l-awtorità ċentrali li, skont l-Artikolu 55(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tidħol f’kuntatt mal-awtorità ċentrali tal-Istat l-ieħor.

D — Fuq ir-raba’ domanda preliminari

75.

Il-qorti tar-rinviju fl-aħħar tistaqsi jekk qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 2201/2003 għandhiex tiddikjara inammissibbli r-rikors jew tibagħtu lil qorti ta’ Stat Membru ieħor.

76.

Skont l-Artikolu 17 tar-regolament, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-konjizzjoni ta’ każ li ma għandhiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament u li tiegħu qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, għandhiex tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni. Mhemmx dispożizzjoni fir-regolament għal rinviju lil qorti b’ġurisdizzjoni fi Stat Membru ieħor.

77.

Jgħid sew il-Gvern Grieg meta josserva li r-regolament jimmira biex jiżgura li ma jkunx hemm lakuni fil-ġurisdizzjoni għal miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan huwa żgurat fil-prinċipju mill-Artikoli 8 u 13 tar-regolament. Meta ma jkunx hemm urġenza, ikun possibbli li wieħed jistenna sakemm il-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni taħt dawn id-dispożizzjonijiet jaġixxu ex officio jew fuq talba, wara li qorti oħra tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

78.

Iżda d-dispożizzjonijiet tar-regolament ma jistgħux jiggarantixxu li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun taf bil-kawża fl-Istat Membru l-ieħor. Billi l-leġiżlatur evita li jimponi obbligu ta’ rinviju, dan l-obbligu ma jistax jiġi dedott esklużivament mill-għanijiet tar-regolament.

79.

Barra minn dan, qorti li kien għad ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-mument li saret it-talba, tista’ jkollha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ proċediment ġdid meta r-residenza abitwali tkun ġiet ittrasferita fl-Istat Membru inkwistjoni matul l-ewwel proċediment. Għalhekk forsi lanqas biss jagħmel sens obbligu ta’ rinviju lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mument li ssir it-talba fl-ewwel proċedura.

80.

Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 2201/2003 lanqas ma jipprojbixxi lill-qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni milli tinforma bid-deċiżjoni tagħha lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li hija tikkunsidra li għandha ġurisdizzjoni. Għal dan il-għan, jistgħu jkunu involuti anki l-awtoritajiet ċentrali skont l-Artikolu 55 tar-regolament. Fis-sitwazzjoni ta’ trażmissjoni tali ta’ informazzjoni, li mhijiex irregolata fir-regolament, li tintbagħat mill-qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax madankollu torbot lil din tal-aħħar mil-lat tal-ġurisdizzjoni tagħha. Hija dik il-qorti stess li għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha.

V — Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Korkein Hallinto-oikeus:

1.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ istitut professjonali fejn jilqgħu lit-tfal, meta din id-deċiżjoni tiġi adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2.

Ir-residenza abitwali ta’ minuri skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 taqbel mal-post fejn il-minuri, wara evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt rilevanti, u b’mod partikolari kemm iddum ir-residenza u r-regolarità tagħha kif ukoll il-kuntest familjari u soċjali, ikollu ċ-ċentru ta’ interessi tiegħu. Huwa biss meta ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita residenza abitwali fis-sens deskritt issa u lanqas ma jkun hemm ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12, li jirriżultaw li għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament, il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri.

3.

a)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qrati ta’ Stat Membru li jadotta, f’każijiet ta’ urġenza, il-miżuri kollha provviżorji għall-ħarsien ta’ minuri li jkun f’dak l-Istat, anki meta skont ir-regolament huma għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-mertu l-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Ikun hemm in-natura ta’ urġenza jekk l-intervent immedjat huwa, mil-lat tal-qorti adita fl-Istat fejn jinsab il-minuri, meħtieġ biex jiggarantixxi l-interess superjuri tiegħu.

b)

L-Artikolu 20(1) tar-regolament jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru tal-qorti adita, mingħajr il-ħtieġa li dawk il-miżuri provviżorji jiġu kklassifikati espressament bħala tali mid-dritt nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi liema miżuri jistgħu jiġu adottati abbażi tad-dritt nazzjonali u jekk humiex vinkolanti.

c)

Ir-regolament ma jobbligax lill-qorti li adottat miżura provviżorja skont l-Artikolu 20(1) li tibgħat il-kawża lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu. Madankollu, ir-regolament ma jipprojbixxix lill-qorti adita milli tinforma bil-miżuri adottati lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, direttament jew permezz tal-awtortitajiet ċentrali.

4.

Qorti li ma għanhiex ġurisdizzjoni fil-mertu skont ir-regolament u li lanqas tqis li hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20(1) tar-regolament, għandha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 17 tar-regolament. Ir-regolament ma jistabbilixxix li għandu jkun hemm rinviju lil qorti li għandha l-ġurisdizzjoni. Iżda dan ma jipprekludix lill-qorti adita milli tinforma lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni bid-deċiżjoni tagħha, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007 (Ġabra p. I-10141).

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2004, Nru 2116 (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 253) — bl-isem ukoll ta’ Bruxelles II bis.

( 4 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 5 ) Il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, jinkludi, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma inkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 1.

( 6 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza C (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 46 u 47).

( 7 ) Id--Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2008, 2008/431/KE (ĠU L 151, p. 36) tawtorizza lill-Istati Membri li għadhom ma aderixxewx mal-Konvenzjoni li jirratifikawha jew jaderixxu fl-interess tal-Komunità Ewropea. It-test tal-Konvenzjoni huwa riprodott fl-anness tad-Deċiżjoni 2008/431/KE (ĠU L 151, p. 39).

( 8 ) Proposta tal-Kummissjoni ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar il-manteniment [COM (2002) 222 def./2]. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-20 ta’ Settembru 2007, C (C-435/06, Ġabra p. I-10141, punt 49).

( 9 ) Ara, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qasam ta’ applikazzjoni, il-konklużjonijiet tiegħi f’C (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 50).

( 10 ) Actes et documents de la Neuvième session de la Conférence de La Haye de droit international privé (1960), vol. IV. Ippubblikati fi traduzzjoni bil-Ġermaniż fil-Gazzetta Uffiċjali Ġermaniża (Bundesgesetzblatt) 1971, parti II, p. 219 (disponibbli fuq: http://www.hcch.net/upload/text10_de.pdf).

( 11 ) Disponibbli fuq: http://www.conventions.coe.int/Treaty/en/Treaties/Html/105.htm. It-traduzzjoni Ġermaniża hija ppubblikata fil-Gazzetta uffiċjali Ġermaniża (Bundesgesetzblatt) 1990, parti II, p. 220.

( 12 ) Actes et documents de la Quatorzième session de la Conférence de La Haye de droit international privé (1980), vol. III, p. 413 et seq. (disponibbli fuq: http://hcch.e-vision.nl/index_fr.php?act=conventions.pdf&cid=24). It-traduzzjoni Ġermaniża hija ppubblikata fil-Ġazzetta uffiċjali Ġermaniża 1990, parti II, p. 207.

( 13 ) Ara P. Lagarde, Rapport spjegattiv tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag- tal-1996, Actes et documents de la Dix-huitième session de la Conférence de La Haye de droit international privé (1996), vol. II, p. 534, 538, punt 1 (disponibbli fuq: http://hcch.e-vision.nl/upload/expl34.pdf).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C-195/08 PPU, Ġabra p. I-5271, punti 49 u 62).

( 15 ) Ara l-proposta tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, p. 9). P. Lagarde jikkjarifika li l-adozzjoni ta’ definizzjoni ta’ residenza abitwali fil-Konvenzjoni-ta’ Den Haag tal-1961 ġiet miċħuda biex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet eżistenti li wkoll jużaw dak il-kunċett (Rapport spjegattiv tal-Konvenzjoni -ta’ Den Haag tal-1996, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 552, punt 40).

( 16 ) Ara fil-Konvenzjoni -ta’ Den Haag tal-1961: Rapport spjegattiv ta’ W. de Steiger, Actes et documents de la Neuvième session de la Conférence de La Haye de droit international privé (1960), vol. IV, p. 219, 225 et seq. (disponibbli fuq: http://hcch.e-vision.nl/upload/expl10f.pdf).

Fil-Konvenzjoni -ta’ Den Haag tal-1980: Rapport spjegattiv ta’ E. Pérez-Vera, Actes et documents de la Quatorzième session de la Conférence de La Haye de droit international privé (1980), vol. III, p. 426, 445, punt 66 (disponibbli fuq: http://hcch.e-vision.nl/upload/expl28.pdf). Il-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-Istati kontraenti tal- Konvenzjoni -ta’ Den Haag tal-1980 tinsab fid-database INCADAT (http://www.incadat.com/index.cfm).

Fil-Konvenzjoni Ewropea: Rapport spjegattiv, nru 15, (disponibbli fuq: http://www.conventions.coe.int/Treaty/EN/Reports/HTML/105.htm), li jirreferi għar-Riżoluzzjoni (72) 1 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta’ Jannar 1971“On the Standardisation of the Legal Concepts of Domicile and Residence” (disponibbli fuq: https://wcd.coe.int/com.instranet.InstraServlet?command=com.instranet.CmdBlobGet&InstranetImage=587935&SecMode=1&DocId=642796&Usage=2).

( 17 ) ĠU 1998, C 221, p. 2. Għalkemm ma daħlitx fis-seħħ, il-konvenzjoni tista’ tiġi kkunsidrata mill-aspett tal-kontenut, il-preċedent tar-Regolament Nru 2201/2003. Id-dispożizzjonijiet tagħha ttieħdu fil-biċċa l-kbira tagħhom mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), li kien ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 2201/2003.

( 18 ) A. Borrás, Rapport spjegattiv dwar il-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet fil-kawżi taż-żwieġ, ĠU 1998, C 221, p. 27, punt 32. Iċ-ċitazzjoni li saret tinsab, fost l-oħrajn, fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni (C-452/93 P, Ġabra p. I-4295, punt 22) li mbagħad ġiet ripetuta fil-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Herrero Romeu vs Il-Kummissjoni, T-298/02, Ġabra p. II-4599, punt 51).

( 19 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1977, Di Paolo (76/76, Ġabra p. 315, punti 17 sa 22); tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch (C-102/91, Ġabra p. I-4341, punti 21 sa 23); tal-25 ta’ Frar 1999, Swaddling (C-90/97, Ġabra p. I-1075, punti 29 sa 30) kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C-372/02, Ġabra p. I-10761, punt 37).

( 20 ) Ara, fuq il-kunċett ta’ “meta l-proċedimenti ġew istitwiti” skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru. 2201/2003, il-konklużjonijiet fil-Kawża C (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 67 u 68).

( 21 ) Dwar meta jiġi istitwit proċediment skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li qed tirreferi wkoll għal mument anteċedenti, jiġifieri għall-bidu tal-investigazzjonijiet amministrattivi interni (ara s-sentenza C [iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 72]).

( 22 ) Il-fatt li l-Artikolu 12 jirbaħ fuq l-Artikolu 13 madankollu joħloq il-problemi (ara Th. Rauscher fi: Th. Rauscher (editur), Europäisches Zivilprozessrecht, vol. I, it-Tieni Edizzjoni, Monaco ta’ Baviera 2006, Artikolu 13 punt 5).

( 23 ) Ara fl-istat tad-dibattitu, M. Andrae, Zur Abgrenzung des räumlichen Anwendungsbereichs von KSÜ und autonomem IZPR/IPR, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts — IPRax, 2006, p. 82, 85 et seq.

( 24 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 25 ) Sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C-261/90, Ġabra p. I-2149, punt 34); tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C-391/95, Ġabra p. I-7091, punt 37) kif ukoll tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy Industries (C-104/03, Ġabra p. I-3481, punt 13).

( 26 ) Sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, Ġabra p. 1553, punt 15); Van Uden (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38) kif ukoll St. Paul Dairy Industries (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 14).

( 27 ) F’dan ir-rigward, fost id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidħlu wkoll ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat, kif enfasizzat mill-Gvern Ġermaniż. Meta dawn ir-regoli jiddikjaraw il-liġi ta’ Stat Membru ieħor bħala applikabbli, l-Artikolu 20(1) tar-regolament ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet barranin imsemmija fir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat tal-qorti adita.