KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fil-5 ta’ Frar 2009 ( 1 )

Kawża C-478/07

Budějovický Budvar, národní podnik

vs

Rudolf Ammersin GmbH

“Trattati bilaterali bejn Stati Membri — Protezzjoni fi Stat Membru ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ta’ Stat Membru ieħor — Isem ‘Bud’ — Użu tat-trade mark American Bud — Artikoli 28 KE u 30 KE — Regolament (KE) Nru 510/2006 — Sistema Komunitarja ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini — Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka — Miżuri tranżitorji — Regolament (KE) Nru 918/2004 — Kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja — Natura eżawrjenti”

I — Introduzzjoni

1.

Tul dawn l-aħħar mitt sena, il-birrerija tal-Istati Uniti Anheuser-Busch Inc. u l-birrerija Ċeka Budějovický Budvar kienu kkonfrontaw lil xulxin fi proċeduri legali interminabbli fuq id-dritt għall-użu esklużiv tal-ismijiet “Budweiser” u “Bud”.

2.

Bħalissa, il-kawża prinċipali qed tinstema’ fl-Awstrija quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), li fl-2001 ressqet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondietha bis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem: “Bud I”) ( 2 ).

3.

Wara li l-kawża għaddiet għal żmien twil mill-qrati superjuri, il-kawża reġgħet dehret — għadha mhux solvuta — quddiem il-qorti Vjenniża, li ddeċidiet li tagħmel domandi preliminari ġodda qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha.

4.

L-ewwel domanda, li hija pjuttost kumplessa fid-diċitura tagħha, qed tfittex l-interpretazzjoni ta’ diversi passaġġi fis-sentenza Bud I, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-rekwiżiti li trid tissodisfa indikazzjoni ġeografika sempliċi biex tkun kompatibbli mal-Artikolu 28 KE.

5.

It-tieni u t-tielet domandi jikkonċernaw, essenzjalment, il-kwistjoni polemika tan-natura esklużiva tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel ( 3 ). Il-Handelsgericht Wien li, sorprendentement, telqet mill-ipoteżi ta’ indikazzjoni ġeografika kkwalifikata, issaqsi fuq il-validità ta’ protezzjoni nazzjonali għal tali denominazzjoni jew ta’ protezzjoni bilaterali estiża permezz ta’ trattat lil Stat Membru ieħor, fid-dawl ta’ żewġ ċirkostanzi distinti: fuq in-naħa l-waħda l-fatt li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni fuq il-livell Komunitarju u, fuq l-oħra, il-fatt li l-indikazzjoni ġeografika kkwalifikata inkwistjoni mhijiex inkluża fi trattat li jikkonċerna l-adeżjoni ta’ kull Stat Membru, għad-differenza ta’ ismijiet oħrajn użati għax-xarba inkwistjoni.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt internazzjonali

6.

L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom ( 4 ) jipprovdi li l-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ( 5 ) jimpenjaw irwieħhom li fit-territorji tagħhom, skont it-termini tal-Ftehim, jipproteġu d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-“Unjoni Speċjali”, irrikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż tal-oriġini u rreġistrati mal-uffiċċju internazzjonali msemmi fil-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem: il-“ODPI”).

7.

L-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona jiddefinixxi “denominazzjoni ta’ oriġini” bħala “l-isem ġeografiku ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex jindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-denominazzjoni tal-oriġini “Bud” kienet irreġistrata għall-birra mal-ODPI fl-10 ta’ Marzu 1975 bin-Nru 598, skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

B — Il-Ftehim bilaterali

8.

Fil-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja kkonkludew trattat dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem: il-“ftehim bilaterali”) ( 6 ).

9.

Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim, it-termini indikazzjonijiet tal-provenjenza, denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħrajn li jindikaw il-provenjenza jintużaw, għall-finijiet tal-ftehim, għall-indikazzjonijiet kollha marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott.

10.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-ftehim, “id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki elenkati fil-ftehim ipprovdut fl-Artikolu 6 fir-Repubblika tal-Awstrija għandhom ikunu rriżervati esklużivament għall-prodotti Ċekoslovakki” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-punt 2 tal-Artikolu 5(1)B jirreferi għall-birer bħala waħda mill-kategoriji tal-prodotti Ċeki koperti mill-protezzjoni mogħtija mill-ftehim bilaterali, u l-Anness B għall-ftehim, li jirreferi għalih fl-Artikolu 6, jinkludi “Bud” bħala waħda mid-denominazzjonijiet Ċekoslovakki marbuta mal-prodotti agrikoli u industrijali (taħt l-intestatura “birra”).

11.

Permezz tal-Liġi Kostituzzjonali Nru 4/1993 tal-15 ta’ Diċembru 1992, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li kienet se tassumi d-drittijiet u l-obbligi tar-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja eżistenti skont il-liġi internazzjonali fid-data meta din tal-aħħar ma baqgħetx teżisti iktar.

C — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1. Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

12.

Dan ir-regolament il-ġdid dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini essenzjalment jiġbor fil-qosor id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 ( 7 ), li dan jirrevoka u jissostitwixxi.

13.

Skont il-premessa 6 għar-Regolament (KE) Nru 510/2006, għandu jiġi pprovdut “approċċ Komunitarju għad-denominazzjonijiet tal-oriġini u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sabiex jiġu ggarantiti kompetizzjoni ġusta bejn il-benefiċjarji ta’ dawn l-indikazzjonijiet kif ukoll kredibbiltà ikbar tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi.

14.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi xi jfissru “denominazzjoni tal-oriġini” u “indikazzjoni ġeografika” għall-finijiet tar-Regolament. Skont l-Artikolu 2(1):

a)

“Denominazzjoni tal-oriġini” tfisser isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każi eċċezzjonali, ta’ pajjiż, li jintuża biex ikun deskritt prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel:

li joriġina f’dak ir-reġjun, f’dak il-post speċifiku jew f’dak il-pajjiż,

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu, u

li l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-preparazzjoni tiegħu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

b)

“Indikazzjoni ġeografika” hija limitata għall-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każi eċċezzjonali, ta’ pajjiż, li tintuża biex tiddeskrivi prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel:

li joriġina f’dak ir-reġjun, f’dak il-post speċifiku, jew f’dak il-pajjiż, u

li għandu kwalità speċifika, reputazzjoni speċifika jew karatteristiċi speċifiċi oħrajn li jistgħu jiġu attribwiti lil dik l-oriġini ġeografika, u

li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew il-preparazzjoni tiegħu isiru fiż-żona ġeografika ddefinita. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.

Espressjoni m’hemmx għalfejn tkun isem post sabiex tintuża bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika għaliex, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament, il-kategorija tinkludi anki “ismijiet ġeografiċi jew mhux ġeografiċi tradizzjonali” li jindikaw prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(1).

16.

L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 510/2006 jirregolaw il-“proċedura normali” għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li tikkonsisti f’żewġ fażijiet suċċessivi, bl-ewwel waħda quddiem il-gvern nazzjonali u t-tieni waħda quddiem il-Kummissjoni.

17.

Skont l-Artikolu 5, l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jintbagħtu lill-Istat Membru rilevanti li jgħaddi l-fajl lill-Kummissjoni, jekk ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 510/2006 ikunu sodisfatti.

18.

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu protezzjoni tranżitorja lill-isem fuq livell nazzjonali, skont ir-regolament. Dik il-protezzjoni temporanja tibda dakinhar li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni lill-Kummissjoni u tintemm dakinhar meta tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni fir-reġistru fuq livell Komunitarju. Jekk l-isem ma jiġix irreġistrat, il-konsegwenzi ta’ tali protezzjoni nazzjonali tranżitorja “għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat biss”.

2. Ir-Regolament (KE) Nru 918/2004

19.

Fl-2004, l-inklużjoni ta’ 10 Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropew għamlet neċessarja l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri tranżitorji marbuta ma’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi.

20.

Dak kien l-għan tar-Regolament (KE) Nru 918/2004 ( 8 ), li l-Artikolu 1 tiegħu kien jawtorizza lir-Repubblika Ċeka, lill-Estonja, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija, lil Malta, lill-Polonja, lis-Slovenja u lis-Slovakkja sabiex iżommu l-protezzjoni nazzjonali għad-denominazzjonijiet tal-oriġini u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li kienu jeżistu fit-30 ta’ April 2004, skont ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92,

bħala regola ġenerali, sal-31 ta’ Ottubru 2004;

jew, fejn applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun intbagħtet lill-Kummissjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

21.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ukoll kien jipprovdi li “[i]l-konsegwenzi ta’ dik il-protezzjoni nazzjonali fil-każi fejn l-isem ma jkunx reġistrat fil-livell tal-Komunità huma għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru konċernat”.

3. L-Att ta’ Adeżjoni ( 9 )

22.

L-Anness II għall-Att ta’ Adeżjoni stess estenda l-protezzjoni fuq il-livell Komunitarju, permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, għall-ismijiet ta’ tliet birer mill-belt Ċeka ta’ České Budějovice:

Budějovické pivo;

Českébudějovické pivo;

Budějovický měšt’anský var.

III — Il-kawża prinċipali, il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

A — Storja qasira ta’ kawża twila

23.

Tul seklu, il-ġlieda għall-użu esklużiv tal-ismijiet “Budweiser” u “Bud” iġġenerat kunflitti serji bejn l-impriża Ċeka Budejovický Budvar (Budweiser Budvar, iktar ’il quddiem: “Budvar”) u l-impriża tal-Istati Uniti Anheuser-Busch.

24.

Il-birrerija Budvar ( 10 ) tinsab fil-belt Ċeka ta’ České Budějovice, magħrufa għal tradizzjoni twila fil-manifattura tal-birer ( 11 ). L-impriżi li sussegwentement ingħaqdu flimkien biex saru dik li llum hija Budvar, ilhom sa mill-1795 jagħmlu u jbigħu birra bl-ismijiet “Budweis”  ( 12 ), “Budweiser Bier”  ( 13 ), “Budvar” jew “Budbräu”  ( 14 ). It-trade mark “Budweiser” kienet ġiet irreġistrata fl-1895.

25.

L-istess bħal prattikament il-birreriji kollha f’Saint Louis (fil-Missouri), il-familja Anheuser-Busch għandha oriġini Ġermaniżi ( 15 ). Ħadd ma stagħġeb, mela, li konxji mir-reputazzjoni tal-birra Budweis, fl-1876 iddeċidew li jpoġġu fis-suq Amerikan birra ħafifa bl-isem “Budweiser”, u warajha birra oħra bl-isem imqassar “Bud”. Huma mhux biss adottaw l-epitetu tax-xarba Ċeka, iżda r-riċetta wkoll kienet ibbażata fuq il-metodi tal-manifattura tal-birra li kienu jintużaw fil-Boemja ( 16 ) u pparafrażaw il-laqam “the beer of kings” (il-birra tar-rejiet), li kien jintuża fil-Budweis, bit-tikketti fuq il-birra Amerikana jkollhom l-espressjoni “the king of beers” (ir-re[ġina] tal-birer). Fi Frar 1906, l-Uffiċċju tal-Brevetti tal-Istati Uniti ċaħad l-applikazzjoni ta’ Anheuser-Busch għar-rikonoxximent tat-trade mark “Budweiser”, minħabba li kien isem ġeografiku. Sena wara, madakollu, ġie rreġistrat fl-Istati Uniti għal 10 snin.

26.

Iż-żieda fil-kummerċ fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku ta bidu għal kunflitt fejn l-ewwel episodju tal-proċeduri legali jmur lura għall-1880. Minn dak iż-żmien s’issa, tressqu kawżi relatati mal-użu tal-ismijiet “Budweiser” u “Bud” f’bosta pajjiżi ( 17 ), b’riżultati ferm differenti ( 18 ).

27.

Is-sistema legali Komunitarja lanqas ma baqgħet barra minn din l-istrateġija kontenzjuża globali. Ir-rappreżentanti taż-żewġ impriżi (jew id-distributuri tal-prodotti tagħhom) ta’ spiss dehru quddiem il-qrati Ewropej, sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-dritt Komunitarju.

28.

Anheuser-Busch applikat kemm-il darba għar-reġistrazzjoni ta’ “Budweiser” u ta’ “Bud” bħala trade marks Komunitarji (bħala trade marks verbali u figurattivi u għal diversi gruppi ta’ klassijiet). L-oppożizzjoni ta’ Budvar, li tallega li għandha drittijiet preċedenti, wasslet għal għadd ta’ deċiżjonijiet mit-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem: l-“UASI” jew l-“Uffiċċju”) u l-appelli korrispondenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

29.

Pereżempju, fid-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2003, it-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ( 19 ) ikkonferma l-oppożizzjoni ta’ Budvar għar-reġistrazzjoni ta’ “Budweiser” bħala trade mark Komunitarja fil-klassi 32 (birer, eċċ.). Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tressqet kawża kontra dik id-deċiżjoni, iżda l-kawża ma waslitx għas-sentenza, peress li Anheuser-Busch kienet irtirat l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ( 20 ).

30.

Min-naħa l-oħra, it-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju, fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-14 u tat-28 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Settembru 2006 ( 21 ), awtorizza r-reġistrazzjoni ta’ “Bud” bħala trade mark Komunitarja, minkejja l-oppożizzjoni ta’ Budvar, li kienet invokat il-ftehim bilaterali bejn l-Awstrija u ċ-Ċekoslovakkja u r-reġistrazzjoni tal-isem ikkontestat bħala denominazzjoni tal-oriġini mal-ODPI, skont il-Ftehim ta’ Liżbona, b’effett fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall ( 22 ). Il-Bord tal-Appell kien tal-fehma li kien diffiċli li wieħed jikkonċepixxi “Bud” bħala denominazzjoni tal-oriġini jew bħala indikazzjoni ġeografika indiretta u sostna li l-provi ppreżentati minn Budvar dwar l-użu tal-isem “Bud”, b’mod partikolari fl-Awstrija, fi Franza u fil-Portugall, ma kinux suffiċjenti. Huwa kkonferma wkoll li s-sempliċi użu tas-sinjal “Bud” ma setax jikkostitwixxi simultanjament l-użu ta’ trade mark u ta’ indikazzjoni tal-oriġini peress li dawn għandhom rwoli differenti u inkompatibbli. Fis-sentenza reċenti tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2008 ( 23 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat dawk id-deċiżjonijiet tal-UASI.

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà tat żewġ sentenzi fil-kuntest tal-kontenzjuż ġenerali bejn il-kumpannija Ċeka Budvar u l-kumpannija Amerikana Anheuser-Busch. Minn naħa waħda, hemm is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch ( 24 ) u min-naħa l-oħra, is-sentenza Bud I tal-2003, iċċitata iktar ’il fuq.

32.

Fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, li kienet tikkonċerna l-kapitolu Finlandiż minn din is-saga twila, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fuq il-bażi tar-regoli applikabbli għall-użu ta’ trade mark irreġistrata potenzjalment kunfliġġenti u isem ta’ ditta, partikolarment minħabba l-Ftehim dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali applikati fil-kummerċ (iktar ’il quddiem: il-“Ftehim TRIPS”) ( 25 ). Din is-sentenza ma għandha ebda konsegwenza għall-finijiet tad-domandi li qed neżaminaw issa.

33.

Min-naħa l-oħra, is-sentenza Bud I hija ferm eqreb ta’ din il-kawża, għaliex tiġbed l-attenzjoni għall-ftuħ tal-kapitolu Awstrijak, li għandu iktar x’jaqsam mal-indikazzjonijiet ġeografiċi milli mal-liġi dwar it-trade marks.

B — Il-kawża prinċipali

1. Il-fatti li wasslu għall-ewwel domanda preliminari

34.

Il-fatti li wasslu għal din il-kontroversja ġudizzjaraja fl-Awstrija jmorru lura għall-1999, meta Budvar talbet lill-Handelsgericht Wien biex toħroġ ordni ħalli Rudolf Ammersin GmbH (kumpannija li tikkummerċjalizza l-birra fl-Awstrija taħt il-marka Amerikana Bud) tieqaf tuża l-isem “Bud” jew denominazzjonijiet simili li jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni, fuq it-territorju Awstrijak, sakemm dawn ma jkunux prodotti ta’ Budvar stess. Essenzjalment, hija invokat il-ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja, fejn ġie stabbilit li l-isem “Bud” (elenkat fl-Anness B tal-ftehim imsemmi hawn fuq) seta’ jintuża fl-Awstrija biss għal oġġetti li joriġinaw fiċ-Ċekoslovakkja.

35.

Fl-istess ħin, Budvar kienet ressqet rikors identiku quddiem il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg), hawnhekk kontra Josef Sigl KG, l-importatur esklużiv tal-birra Amerikana Bud fl-Awstrija. F’dik it-tieni proċedura u, b’mod iktar speċifiku, fl-appell fuq punt ta’ dritt li tressaq fid-digriet għal miżuri provviżorji fl-1 ta’ Frar 2000, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema Awstrijaka), mhux biss ikkonfermat il-miżuri provviżorji ordnati mill-qorti inferjuri iżda ddeċidiet ukoll li l-protezzjoni tal-isem “Bud” taħt il-ftehim bilaterali kienet kompatibbli mal-Artikolu 28 KE, għaliex kien jaqa' taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE. Hija kienet tal-fehma li d-denominazzjoni “Bud” kienet indikazzjoni ġeografika “sempliċi” (għaliex ma kien hemm l-ebda konnessjoni bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu) u “indiretta” (għaliex ma kinitx, bħala tali, isem ġeografiku, iżda deskrizzjoni li tista’ tinforma lill-konsumaturi rigward il-post tal-oriġini tal-prodotti), li tgawdi minn “protezzjoni assoluta”, jiġifieri, irrispettivament minn kull probabbiltà ta’ konfużjoni jew li l-konsumaturi jiġu żgwidati.

2. Is-sentenza Bud I

36.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fis-26 ta’ Frar 2001 il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri kontra Ammersin u tagħmel erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fis-sentenza Bud I tat-18 ta’ Novembru 2003.

37.

It-tielet u r-raba’ domandi kienu jikkonċernaw il-validità tal-ftehim bilaterali fir-Repubblika Ċeka (ma għandniex ninsew li kienet l-ex Ċekoslovakkja li ffirmat il-ftehim) u l-effetti tal-Artikolu 307 KE.

38.

Ta’ rilevanza ikbar għal din il-kawża huma l-ewwel żewġ domandi preliminari li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2001, li rrispondiet fit-termini li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 28 KE u r-Regolament Nru 2081/92 […] ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz fejn indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika sempliċi u indiretta minn dan il-pajjiż terz tingħata protezzjoni fl-Istat Membru li qed jimporta, irrispettivament minn kull riskju li l-konsumaturi jiġu żgwidati, u l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi ostakolata.

2)

L-Artikolu 28 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz fejn isem li f’dak il-pajjiż ma jirreferix direttament jew indirettament għall-provenjenza ġeografika tal-prodott li jindika jingħata protezzjoni fl-Istat Membru li qed jimporta, irrispettivament minn jekk ikunx hemm xi riskju li l-konsumaturi jiġu żgwidati, u l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi ostakolata”.

39.

Skont il-punti 101 u 107 tas-sentenza, il-qorti tar-rinviju kellha tiddetermina jekk l-isem “Bud” kienx jindika jew jirreferi għall-oriġini tal-prodott “skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini [ir-Repubblika Ċeka]”.

3. X’ġara wara s-sentenza Bud I

40.

Wara r-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2004, il-Handelsgericht Wien ċaħdet it-talba tar-rikorrenti. Hija kkonkludiet li l-pubbliku Ċek ma kienx jassoċja l-isem “Bud” ma’ reġjun speċifiku jew ma’ post speċifiku, inkluża l-belt ta’ České Budějovice u lanqas ma kien jaħseb li dan jindika prodotti jew servizzi minn post speċifiku, b’mod li dan l-isem ma setax jiġi kwalifikat bħala indikazzjoni ġeografika. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Vjenniża ddeċidiet li għandu jiġi konkluż li l-protezzjoni tal-isem inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE.

41.

Għalkemm dik is-sentenza tal-ewwel istanza kienet ikkonfermata fl-appell, il-kontroversja kienet ’il bogħod milli tingħalaq.

42.

B’digriet tad-29 ta’ Novembru 2005, l-Oberster Gerichtshof annullat is-sentenzi preċedenti u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Handelsgericht Wien biex din tagħti sentenza ġdida wara proċedura ulterjuri. Filwaqt li applikat il-kriterji stabbiliti fil-punti 54 u 101 tas-sentenza Bud I, il-Qorti Suprema Awstrijaka kkonkludiet li, anki jekk “Bud” mhux isem ġeografiku, dan xorta jista’ jinforma lill-konsumaturi li l-prodott hekk identifikat ġej minn post, reġjun jew pajjiż partikolari, filwaqt li baqa’ mhux ċert jekk fl-imħuħ tal-konsumaturi “Bud”, b’relazzjoni għall-birra, jipprovdix indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika. Għaldaqstant, ikkonkludiet li kien għadu ma ġiex iddeterminat jekk l-isem ikkontestat kienx jirrappreżenta indikazzjoni ġeografika sempliċi jew waħda indiretta.

43.

Meta l-kawża ntbagħtet lura quddiemha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għal darb’oħra ċaħdet it-talbiet ta’ Budvar, f’sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006. Fuq il-bażi ta’ stħarriġ ta’ opinjoni pprovdut minn Ammersin, hija ddikjarat li l-pubbliku Ċek ma kienx jassoċja l-isem “Bud” ma’ post, reġjun jew pajjiż speċifiku u ma kienx jemmen li l-birra Bud oriġinat minn xi post partikolari (speċifikament, České Budějovice).

44.

Ir-rikorrenti appellat għal darb’oħra quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Ogħla ta’ Vjenna), li din id-darba annullat is-sentenza kkontestata u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Kummerċjali tal-Prim’Istanza, filwaqt li rrakkomandat li, hekk kif ipproponiet Budvar, kellu jsir starriġa tal-opinjoni fost il-konsumaturi tal-gruppi tal-popolazzjoni rilevanti sabiex ikun aċċertat jekk il-konsumaturi Ċeki kinux jassoċjaw id-denominazzjoni “Bud” ma’ prodott tal-birra; jekk, meta jagħmlu dik il-konnessjoni (jew b’mod spontanju jew fuq is-suġġeriment tal-espert), kinux jifhmuh bħala indikazzjoni li l-prodott kien ġej minn post, reġjun jew pajjiż speċifiku, u jekk jagħmlu dan, mil-liema post, reġjun jew pajjiż.

45.

Hekk kif indirizzat il-kawża għat-tielet darba konsekuttiva, il-Handelsgericht Wien sabet li kien meħtieġ li tressaq l-aħħar deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara ċerti aspetti tas-sentenza Bud I, li l-interpretazzjoni tagħhom tat lok għal inċertezza fiċ-ċrieki ġuridiċi Awstrijaċi, minħabba l-bidliet fattwali u legali sinjifikattivi li kien hemm minn meta ngħatat is-sentenza tal-2003 u, b’mod partikolari, l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni bħala indikazzjonijiet ġeografiċi mogħtija fit-Trattat ta’ Adeżjoni lil għadd ta’ ismijiet għall-birra minn České Budějovice u d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-14 ta’ Ġunju 2006 — li sadanittant ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza — li fil-motivi tiegħu ddikjara li l-isem “Bud”, invokat mir-rikorrenti, ma jistax ikun fl-istess ħin kemm trade mark kif ukoll indikazzjoni ġeografika.

C — Id-domandi preliminari

46.

Skont l-Artikolu 234 KE, il-Handelsgericht Wien għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE tal-protezzjoni ta’ isem [denominazzjoni] bħala indikazzjoni ġeografika li fil-pajjiż ta’ oriġini la huwa l-isem ta’ post u lanqas mhuwa l-isem ta’ reġjun, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 2003 (C-216/01), stabbiliet ir-rekwiżiti li skont dawn tali isem għandu:

skont iċ-ċirkustanzi fattwali u

l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jindika reġjun jew post fit-territorju ta’ dan l-Istat

u l-protezzjoni tiegħu għandha tkun iġġustifikata abbażi tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE.

Dawn ir-rekwiżiti jfissru

1.1

li l-isem jissodisfa, bħala tali, funzjoni konkreta ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ post speċifiku jew ta’ reġjun speċifiku jew huwa biżżejjed li l-isem assoċjat mal-prodott li għandu dan l-isem jkun idoneu biex jindika lill-konsumaturi li dan il-prodott ġej minn post speċifiku jew minn reġjun speċifiku tat-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini;

1.2

li t-tliet kundizzjonijiet jikkostitwixxu kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu eżaminati separatament;

1.3

li jeħtieġ li jitwettaq stħarriġ tal-opinjoni mal-konsumaturi sabiex jiġu ddeterminati l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini u — fl-affermattiv — li għall-finijiet ta’ protezzjoni huwa meħtieġ grad baxx, medju jew għoli ta’ fama u ta’ rikonoxximent;

1.4

li l-isem ġie effettivament użat bħala indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta’ oriġini minn diversi impriżi, u mhux minn waħda biss, u li l-użu bħala trade mark minn impriża waħda biss imur kontra l-protezzjoni?

2)

Il-fatt li isem la jkun ġie nnotifikat fit-terminu ta’ sitt xhur previst fir-Regolament (KE) Nru 918/2004 u lanqas b’xi mod ma tkun saret xi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 għandu bħala effett li jinvalida protezzjoni nazzjonali eżistenti jew, f’kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ieħor jekk l-isem jikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini, indikazzjoni ġeografika kkwalifikata?

3)

Il-fatt li, fil-kuntest tat-Trattat ta’ Adeżjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u Stat Membru ġdid, dan l-Istat Membru jkun talab il-protezzjoni ta’ diversi indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati għal oġġett tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 510/2006, għandu bħala konsegwenza li protezzjoni nazzjonali mogħtija lil isem ieħor li jindika l-istess prodott jew, f’kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ma tistax tinżamm iktar u li, f’dan ir-rigward, ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 għandu effett preklużiv?”

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

47.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2007.

48.

Ir-rikorrenti u l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvernijiet tal-Greċja u tar-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

49.

Waqt is-seduta, li saret fit-2 ta’ Diċembru 2008, kienu preżenti r-rappreżentanti ta’ Budejovicky Budvar Nacional Corporation, ta’ Rudolf Ammersin GMBH, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Ellenika u tal-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V — Analiżi tad-domandi preliminari

A — Żewġ kunsiderazzjonijiet preliminari

50.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu żewġ karatteristiċi partikolari li għandhom jiġu eżaminati mill-ewwel.

1. L-interpretazzjoni ta’ sentenza preċedenti

51.

L-ewwel pekuljaretà tinstab fil-fatt li l-Handelsgericht Wien qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara t-tifsira ta’ ċerti passaġġi mis-sentenza Bud I.

52.

Il-fatt li s-suġġett tar-rinviju mhuwiex parzjalment dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju iżda sentenza ta’ din il-Qorti, fil-fehma tiegħi, ma jagħtix lok għal kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà. Fl-imgħoddi, il-ġurisprudenza tat risposti għal talbiet ta’ din ix-xorta mill-qrati nazzjonali permezz ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari, pereżempju, fis-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Robert Bosch ( 26 ) u tas-16 ta’ Diċembru 1992, “B & Q” ( 27 ).

53.

Hawnhekk, din it-talba għal interpretazzjoni ta’ sentenza preċedenti ġejja mill-fehmiet differenti li għandhom dwarha żewġ qrati Awstrijaċi, waħda superjuri għall-oħra. Minħabba l-enfasi li l-Oberster Gerichtshof u l-Oberlandesgericht Wien jagħmlu fuq il-mod kif tittieħed u tiġi evalwata l-evidenza ta’ aspett wieħed tal-proċedura (il-perċezzjoni tal-isem “Bud” fir-Repubblika Ċeka), il-Handelsgericht Wien irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, forsi bit-tama li se tapprova l-pożizzjoni tagħha jew li, għall-inqas, se ttemm id-dissens mistur bejn il-qrati nazzjonali.

54.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tilqa’ din l-isfida. Fis-sentenza Bud I hija espliċitament qalet li l-evalwazzjoni inkwistjoni kienet ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali u ma hemm l-ebda raġuni għaliex issa għandha tbiddel ħsiebha jew tipprovdi kriterji jew kjarifiki addizzjonali għal dawk li hi tat qabel.

2. L-ipoteżi tal-bidu tinbidel

55.

It-tieni pekuljaretà ta’ din il-kawża hija li l-ipoteżi bażika tal-qorti tar-rinviju mhijiex l-istess fit-tliet domandi preliminari. Fl-ewwel domanda, il-qorti Vjenniża qed tistaqsi dwar il-kriterji biex l-isem “Bud” jitqies bħala indikazzjoni ġeografika “sempliċi u indiretta” li hija kompatibbli mal-Artikolu 28 KE, filwaqt li t-tieni u t-tielet domandi huma bbażati fuq il-premessa li l-isem huwa indikazzjoni ġeografika “kkwalifikata” skont il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-oriġini.

56.

Id-distinzjoni bejn indikazzjoni ġeografika sempliċi u waħda kkwalifikata hija aċċettata b’mod ġenerali fiċ-ċrieki akkademiċi legali ( 28 ) u fil-ġurisprudenza ( 29 ).

57.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi ma jeħtiġux li l-prodotti jkollhom xi karatteristiċi speċjali jew xi element ta’ fama marbuta mal-post minn fejn ġejjin, iżda għandhom ikunu biżżejjed sabiex jidentifikaw dan il-post. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jindikaw prodott li jkollu kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra marbuta mal-oriġini tiegħu huma indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati. Minbarra l-konnessjoni ġeografika, huma għandhom ukoll konnessjoni oħra, kwalitattiva, inqas b’saħħitha minn dik tad-denominazzjonijiet tal-oriġini, li huma rriżervati għal prodotti li l-karatteristiċi partikolari tagħhom huma dovuti għal fatturi naturali jew umani marbuta mal-post tal-oriġini tagħhom. Id-dritt Komunitarju jipproteġi biss id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati.

58.

Fis-sentenza Bud I, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-isem “Bud” huwa indikazzjoni ġeografika sempliċi ( 30 ), li ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 2081/92, u identifikat il-kundizzjonijiet li fihom il-protezzjoni tiegħu tkun konsistenti mad-dritt Komunitarju fuq il-livell nazzjonali jew dawk meħtieġa biex din tkun estiża għal Stat mhux membru. Billi qajmet dubji ġodda dwar id-diċitura ta’ dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju qed tirrepeti l-perċezzjoni oriġinali tagħha tal-isem bħala indikazzjoni ġeografika sempliċi. Huwa sorprendenti, għalhekk, li immedjatament wara, tagħmel żewġ domandi bbażati fuq klassifikazzjoni potenzjali ta’ “Bud” bħala indikazzjoni ġeografika kkwalifikata, li taqa’ fl-ambitu tar-Regolament Komunitarju.

59.

L-impriża rikorrenti qed tara f’dik l-inkonsistenza raġuni biex l-ewwel domanda preliminari titqies bħala inammissibbli.

60.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tkun il-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża biss li tiddetermina kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha u kemm ir-relevanza tad-domandi li hija tirrinvija skont l-Artikolu 234 KE ( 31 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċediet li, f’każi eċċezzjonali, għandha tkun hija li teżamina ċ-ċirkostanzi li fihom qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari, sabiex tikkonferma l-ġuriżdizzjoni tagħha stess ( 32 ). Dan iseħħ partikolarment meta l-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun purament ipotetika ( 33 ) peress li l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tagħti kas tar-rwol fdat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u li ma jiġux ifformulati opinjonijiet konsultattivi dwar domandi generali jew ipotetiċi ( 34 ).

61.

Il-Handelsgericht Wien stess, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, tirrikonoxxi indirettament li l-ewwel domanda hija ipotetika billi ddikjarat li, għalkemm fl-2000 (meta hija għamlet id-domandi preliminari li taw lok għal Bud I) “kien meqjus li d-denominazzjoni ‘Bud’ kienet indikazzjoni ġeografika sempliċi u indiretta”, kollox inbidel minn dak inhar ’il quddiem, peress li s-sentenza Bud I “kienet tirreferi, rigward il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE tal-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika indiretta, għas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, jiġifieri ir-Repubblika Ċeka” u “l-isem ‘Bud’ huwa protett bil-liġi fir-Repubblika Ċeka bħala denominazzjoni tal-oriġini”.

62.

Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet ċari, it-tifsira li n-nies jattribwixxu lill-isem “Bud” fir-Repubblika Ċeka għadha s-suġġett ta’ dibattitu, li madwaru tabilħaqq iddur l-kontroversja prinċipali. Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, fil-fehma tiegħi, tista’ tgħinna niddeterminaw jekk l-isem jissodisfax ir-rekwiżit ta’ konnessjoni ġeografika, sine qua non biex ikun ittrattat bħala indikazzjoni ġeografika. Jekk, minbarra dan, hemm anki konnessjoni kwalitattiva, jew kwalunkwe raġuni oħra biex l-isem jitqies bħala denominazzjoni tal-oriġini fir-Repubblika Ċeka, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għat-tielet domandi tkun ta’ għajnuna kbira.

63.

Konsegwentement, għalkemm f’ċirkostanzi oħrajn ikun essenzjali li l-fatti tal-kawża jkunu ġew ipprovati u li l-kwistjonijiet purament ta’ dritt nazzjonali jkunu ġew solvuti meta jsir ir-rinviju għal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ), f’dan il-każ it-tliet domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

64.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-Handelsgericht Wien qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja għadd ta’ mistoqsijiet rigward il-passaġġi tas-sentenza Bud I li ddefinew “il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE tal-protezzjoni ta’ denominazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika li fil-pajjiż ta’ oriġini la huwa l-isem ta’ post u lanqas mhuwa l-isem ta’ reġjun ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

65.

B’mod partikolari, qed nitkellmu dwar il-punti 101 u 107 tas-sentenza, fejn il-qorti tar-rinviju qed tintalab tivverifika jekk “skont iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka”, l-isem “Bud” jidentifikax reġjun jew post fit-territorju ta’ dak l-Istat. Jekk dan huwa minnu, u jekk il-protezzjoni nazzjonali kienet “iġġustifikata abbażi tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE” l-estensjoni tagħha għat-territorju ta’ Stat Membru tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Inkella, ikun hemm ksur tal-Artikolu 28 KE.

1. Il-metodu biex tkun ivverifikata l-assoċjazzjoni ta’ “Bud” ma’ post partikolari

66.

L-ewwel domanda tal-qorti Vjenniża hija jekk l-isem għandux, bħala tali, ikollu funzjoni bħala referenza ġeografika speċifika għal post jew reġjun jew jekk hux suffiċjenti li jissuġġerixxi lill-konsumaturi li l-prodott għandu ċerta oriġini.

67.

Il-punt 101 tas-sentenza Bud I jissuġġerixxi li ssir verifika jekk l-isem “Bud”“jindikax” reġjun jew post, li tfisser, mal-ewwel analiżi, li jikkorrispondi għal isem ta’ post. Il-punt 107, madankollu, idgħajjef dak l-approċċ billi jirreferi għal identifikazzjoni diretta jew indiretta. Barra minn hekk, id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-isem “Bud” huwa indikazzjoni ġeografika “sempliċi u indiretta” ( 36 ).

68.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi u anki d-denominazzjonijiet tal-oriġini mhux dejjem jikkonsistu f’ismijiet ġeografiċi. Dawn jissejħu “diretti” meta jagħmlu hekk u “indiretti” meta ma jagħmlux hekk, sakemm l-indikazzjoni jew id-denominazzjoni għall-inqas tinforma lill-konsumaturi li l-oġġett tal-ikel li hija marbuta miegħu ġej minn post, reġjun jew pajjiż speċifiku. Ir-Regolament Nru 510/2006 stess jagħti lok għas-sitwazzjoni tal-aħħar billi fl-Artikolu 1(2) jirreferi għal “ismijiet tradizzjonali”, anki jekk dawn jistgħu ma jkunux ismijiet ta’ postijiet ( 37 ).

69.

Sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Bud I għalhekk huwa suffiċjenti li t-terminu jidentifika l-post tal-oriġini tal-prodott. Fis-sitwazzjoni inkwistjoni, irid jiġi aċċertat jekk l-isem “Bud” jagħmilhiex ċara għaċ-ċittadini Ċeki li birra b’dak l-isem ġejja mill-belt ta’ České Budějovice, li ma jfissirx li l-isem għandu dan ir-rwol ta’ indikazzjoni ġeografika meta jissemma flimkien mal-prodott inkwistjoni, u biss f’dan il-każ.

70.

Ċerti oġġezzjonijiet li qed tqajjem il-konvenuta huma rilevanti. Fil-punti 25 u 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Ammersin qed issostni li l-kompetitriċi tagħha Budvar fil-fatt tuża l-kelma “Bud” bħala trade mark u mhux bħala indikazzjoni ġeografika ( 38 ), fattur li fil-fehma tagħha jista’ joskura evalwazzjoni oġġettiva tar-rwol li l-kelma “Bud” tabilħaqq għandha, peress li “dawk li jixorbu l-birra — bħas-sewwieqa — normalment ikunu jafu l-post, ir-reġjun jew il-pajjiż fejn issir il-birra jew il-karozza li jkunu xtraw” u dan ma għandux għalfejn jikkawża konfużjoni bejn trade marks u indikazzjonijiet tal-oriġini bħal dawn. Hija tagħti xi eżempji ferm elokwenti, bħal dawk tal-Coca-Cola jew tal-Volkswagen. Il-parti l-kbira tal-Amerikani jafu li l-Coca-Cola ssir f’Atlanta u bosta Ġermaniżi jassoċjaw il-Volkswagen mal-belt ta’ Wolfsburg, iżda dan ma jagħmel l-ebda waħda minnhom indikazzjoni ġeografika.

71.

Irrispettivament minn jekk il-pubbliku Ċek jistax jaqta’ minn fejn ġejja l-“birra Bud”, għandu jiġi aċċertat jekk l-espressjoni “Bud” hix suffiċjentement ċara biex tevoka prodott, jiġifieri birra, u l-oriġini tagħha, jiġifieri l-belt ta’ České Budějovice.

72.

Bl-istess mod kif il-kliem “cava” jew “grappa” ifakkruna fl-imkejjen fi Spanja u fl-Italja li raw il-bidu ta’ nbid bil-gass u ta’ likur rispettivament u li “feta” tidentifika ġobon Grieg ( 39 ), jekk jinstab li l-isem “Bud” jirrappreżenta indikazzjoni ġeografika, il-konsumaturi Ċeki jkollhom jassoċjaw l-espressjoni ma’ post preċiż u mal-manifattura tal-birra.

2. Fuq jekk it-tliet rekwiżiti humiex indipendenti

73.

Fit-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-Handelsgericht Wien issaqsi jekk is-sentenza Bud I, billi ssostni li kollox jiddependi fuq “iċ-ċirkustanzi fattwali u l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini”, u li l-protezzjoni tal-isem “Bud” f’dak l-Istat hija ġġustifikata abbażi tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, “għandhiex il-ħsieb tagħmel divrenzjar biex b’hekk ikollhom jiġu evalwati tliet kriterji separati, jew jekk dan ifissirx biss li l-konsumaturi Ċeki jassoċjaw post, reġjun jew pajjiż partikolari mad-denominazzjoni ‘Bud’ (marbuta jew mhux marbuta mal-prodott li għandu dan l-isem, skont ir-risposta għall-ewwel domanda)”.

74.

Din it-tieni interpretazzjoni hija iktar korretta. Id-diċitura tas-sentenza Bud I jidher li kienet ibbażata fuq il-punt 12 tas-sentenza Exportur, li skontha l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza hija ddeterminata mil-liġi tal-pajjiż tal-importazzjoni u “miċ-ċirkostanzi fattwali u mill-kunċetti attwali f’dak il-pajjiż”. Madankollu, fis-sentenza Bud I għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi fil-pajjiż tal-oriġini tal-prodotti (ir-Repubblika Ċeka), u mhux dawk tal-pajjiż li qed jimporta (l-Awstrija), peress li s-sentenza eżaminat l-estensjoni għall-Awstrija tal-protezzjoni għall-isem “Bud” fir-Repubblika Ċeka, minħabba ftehim bilaterali.

75.

Għaldaqstant, il-punt 101 ifisser li l-konsumaturi Ċeki jridu jassoċjaw l-isem “Bud” ma’ post jew reġjun partikolari, skont it-termini stabbiliti fir-risposta għad-domanda 1.1, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa ta’ “ċirkostanzi” partikolari.

76.

Jekk jiġi konkluż li dan ir-rekwiżit ġie sodisfatt, għandu jiġi aċċertat li l-isem “Bud” ma sarx ġeneriku fl-Istat tal-oriġini, kundizzjoni li biha l-ġurisprudenza tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ “proprjetà industrijali” skont l-Artikolu 30 KE ( 40 ). Jekk le, il-protezzjoni tagħha tkun iġġustifikata abbażi tal-kriterji f’din id-dispożizzjoni.

3. Fuq il-ħtieġa li jsir stħarriġ tal-opinjoni

77.

Fit-tielet parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema hu l-mekkaniżmu xieraq “sabiex jiġu ddeterminati l-kunċetti [tad-denominazzjoni inkwistjoni] prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini” u, b’mod partikolari, jekk stħarriġ huwiex idoneu.

78.

Il-ġurisprudenza aċċettat il-possibbiltà li stħarriġ tal-opinjoni fost il-konsumaturi jintuża kemm biex tiġi kkonstatata n-natura qarrieqa ta’ dikjarazzjoni ta’ reklamar ( 41 ), kif ukoll biex jiġi pprovat li trade mark tkun distintiva ( 42 ). Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-deċiżjoni biex jintużaw għodda partikolari għandha tkun tal-qorti nazzjonali, li trid tiddeċiedi skont id-dritt tal-Istat Membru.

79.

Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, f’dan il-każ ukoll għandhom ikunu l-qrati nazzjonali li jiddeterminaw, skont id-dritt tagħhom, jekk għandux ikun ikkummissjonat rapport mingħand l-esperti jew stħarriġ fost il-konsumaturi sabiex ikun aċċertat jekk l-isem “Bud” huwiex kapaċi li jindika l-provenjenza, u biex tkun iffissata l-perċentwali ta’ konsumaturi li għandha titqies suffiċjentement sinjifikattiva għal dan l-għan.

4. Fuq l-użu ta’ “Bud” minn impriża waħda

80.

Bir-raba’ u l-aħħar parti tal-ewwel domanda, il-Handelsgericht Wien qed tistaqsi jekk is-sentenza Bud I tfissirx li indikazzjoni ġeografika għandhiex tintuża bħala tali fil-pajjiż tal-oriġini minn diversi impriżi, b’tali mod li l-użu tagħha bħala trade mark minn impriża waħda jmur kontra l-protezzjoni.

81.

Id-domandi tal-qorti nazzjonali ġejjin mill-fatt li d-“denominazzjoni ‘Bud’ hija trade mark irreġistrata għar-rikorrenti fir-Repubblika Ċeka”, u r-rikorrenti, barra minn hekk, hija l-unika kumpannija li tużaha fir-Repubblika Ċeka, anki jekk “huwa fin-natura ta’ indikazzjoni tal-oriġini li tintuża mill-produtturi kollha f’reġjun partikolari li għandhom id-dritt li jagħmlu dan”.

82.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trade marks huma figuri distinti, għalkemm relatati. It-tnejn li huma jipproteġu r-reputazzjoni kummerċjali ta’ oġġett minn użurpazzjoni illegali potenzjali min-naħa ta’ partijiet terzi, u jiffokaw fuq l-oriġini ġeografika jew kummerċjali tiegħu rispettivament. Huma differenti għaliex trade mark tissalvagwardja interess privat, dak tad-detentur tagħha, filwaqt li indikazzjoni ġeografika tipproteġi l-interessi tal-produtturi kollha stabbiliti fiż-żona rilevanti.

83.

Fil-fehma tiegħi, id-distinzjoni li semmejt iktar ’il fuq ma tfissirx li indikazzjoni ġeografika trid tintuża fl-istess ħin minn diversi kumpanniji fir-reġjun sabiex tibqa’ valida; il-validità tagħha tiddependi fuq fatturi oħrajn. Għall-inqas, jiena ma nemminx li tali rekwiżit jista’ jiġi dedott mill-punt 101 tas-sentenza Bud I, li ssemmi l-ħtieġa li jiġu investigati ċ-“ċirkostanzi fattwali” b’relazzjoni għall-isem ikkontestat, fir-Repubblika Ċeka, hekk kif id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja donnha qed tissuġġerixxi.

84.

Madankollu, din mhix kwistjoni la ta’ trade mark u lanqas ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fuq il-livell Komunitarju. Kemm-il persuna fil-prattika trid tuża l-isem sabiex dan jibqa’ effettiv għalhekk għandu jiġi ddeterminat mid-dritt nazzjonali, fid-dawl tal-ftehim bilaterali.

85.

Insibu xi ħaġa simili rigward il-kwistjoni jekk l-użu tal-isem “Bud” bħala trade mark minn impriża waħda jikkompromettix il-protezzjoni tiegħu bħala indikazzjoni ġeografika.

86.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tistabbilixxi numru ta’ regoli sabiex issolvi l-kunflitti potenzjali bejn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trade marks, linji gwida b’ċerta preferenza sottostanti għal tal-ewwel, forsi għaliex jipproteġu l-interess pubbliku li jinsab fil-fatt li l-konsumaturi jkunu jafu l-provenjenza u l-karatteristiċi tal-oġġetti ( 43 ). Għaldaqstant, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 510/2006, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks se tiġi rrifjutata jekk dawn jikkorrispondu għal denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, filwaqt li t-trade marks irreġistrati qabel jew li ġew akkwistati minħabba użu stabbilit in bona fede se jibqgħu jeżistu flimkien mal-indikazzjonijiet li ġew irreġistrati wara skont id-dritt Ewropew. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trade marks tipprojbixxi wkoll l-użu ta’ sinjali li jistgħu jiżgwidaw rigward l-oriġini ġeografika tal-prodott ( 44 ).

87.

F’dan il-każ, madankollu, kwalunkwe kunflitt bħal dan bejn l-użu tat-trade mark “Bud” u r-rikonoxximent tagħha bħala indikazzjoni ġeografika għandu jiġi solvut mill-qorti nazzjonali, skont il-ftehim bilaterali.

C — Fuq it-tieni domanda preliminari

88.

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti Awstrijaka tixtieq tkun taf jekk meta denominazzjoni ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni biex tkun irreġistrata fuq il-livell Komunitarju, il-protezzjoni nazzjonali fis-seħħ jew il-protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ieħor issirx nulla meta jinstab li tkun indikazzjoni ġeografika kkwalifikata skont id-dritt intern tal-Istat tal-oriġini (f’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka) ( 45 ).

89.

Fi ftit kliem, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini humiex esklużivi, waħda mill-iktar kwistjonijiet kontroversjali f’dan il-qasam, u li s’issa l-ġurisprudenza rrispondiet biss parzjalment.

90.

Fejn l-ismijiet ma jipprovdu l-ebda konnessjoni ġeografika, jiġifieri, la jindikaw direttament u lanqas indirettament il-provenjenza ġeografika tal-prodott, fuq il-bażi tas-sentenza Bud I, il-protezzjoni tagħhom għandha titqies bħala li tmur kontra l-Artikolu 28 KE. Għalhekk, ma hemm l-ebda protezzjoni nazzjonali għal tali denominazzjonijiet ( 46 ). U lanqas ma għandhom protezzjoni taħt id-dritt Komunitarju.

91.

Rigward l-indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi, jidher ċar mis-sentenzi Bud I u Warsteiner ( 47 ) li l-protezzjoni tagħhom fuq il-livell nazzjonali hija konsistenti mal-Artikolu 28 KE, għaliex huma inklużi fost l-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 30 KE taħt l-intestatura “proprjetà industrijali”. Indikazzjonijiet bħal dawn ma jaqgħux fl-ambitu tar-Regolament Komunitarju (li jeħtieġ li t-terminu jkollu sinjifikat topografiku u, anki, li l-prodotti għandu jkollhom xi attribut jew fama speċjali minħabba l-post minn fejn ikunu ġejjin).

92.

Jibqgħu d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea u, għalhekk, jistgħu jiġu rreġistrati u jgawdu minn protezzjoni skont ir-Regolament Nru 510/2006. Però, sakemm ma jkunux irreġistrati fuq il-livell Komunitarju, mhux ċert jekk l-Istati Membri jistgħux jipproteġuhom bl-arranġamenti tagħhom stess jew li dak ir-regolament huwiex esklużiv u jipprekludi kwalunkwe intervent fuq il-livell tal-Istati fl-ambitu formali u materjali tal-applikazzjoni tiegħu.

93.

Il-kwistjoni hija waħda kumplessa ( 48 ). Fl-aħħar mill-aħħar, dak li għandna hawnhekk huwa d-dibattitu dwar l-“antiċipazzjoni” Komunitarja ta’ miżura u s-sitwazzjonijiet fejn il-kompetenzi paralleli tal-Istati Membri f’qasam partikolari setgħu ġew spostati mill-attività tal-leġiżlatur Komunitarju ( 49 ).

94.

Id-dibattitu huwa iktar ikkumplikat f’dan il-każ għaliex ir-regolamenti nazzjonali jidher li joperaw taħt il-kopertura tal-Artikolu 30 KE. Kif inhu stabbilit sew fil-ġurisprudenza, dak l-artikolu mhux imfassal sabiex “jirriżerva ċerti kwistjonijiet għall-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri iżda jippermetti li d-drittijiet nazzjonali jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija sakemm tali deroga tkun u tkompli tkun iġġustifikata sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jissemmew f’dak l-artikolu”  ( 50 ). Madankollu, l-invokazzjoni tal-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 30 KE tista’ ma tibqax iktar iġġustifikata jekk dispożizzjoni Komunitarja tibda tissalvagwardja l-istess interessi bħad-dispożizzjoni nazzjonali, ladarba titlesta l-armonizzazzjoni ( 51 ).

95.

Ir-Regolament Nru 510/2006 ma jsolvix għalkollox il-kwistjoni, li ġġenerat diviżjoni fost il-kummentaturi legali ( 52 ) u wasslet lill-Istati Membri biex jadottaw pożizzjonijiet diverġenti.

96.

Fil-fehma tiegħi, sistema Komunitarja esklużiva hija iktar koerenti mad-diċitura tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, mal-fini li għandhom u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1. Id-diċitura tar-Regolament Nru 510/2006 u tar-Regolament Nru 918/2004

97.

B’kuntrast għat-trade marks, fejn il-leġiżlatur Ewropew għażel b’mod ċar sistema doppja ta’ protezzjoni ( 53 ) — nazzjonali u Komunitarja — fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kien kuntent li japprova regolament għall-protezzjoni tagħhom fuq il-livell Komunitarju, mingħajr ma, fl-istess ħin, jarmonizza s-sistemi nazzjonali.

98.

Fil-bażi ta’ dik l-istrateġija regolatorja differenti forsi tinsab il-perċezzjoni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jibqgħu stabbiliti biex potenzjalment joperaw fl-isfera li proprjament hija tar-Regolament Komunitarju. It-test tar-Regolament Nru 510/2006 jinkludi numru ta’ ħjilijiet.

99.

L-Artikolu 5(6) huwa pjuttost informattiv, għalkemm jeħtieġ xi kjarifiki.

100.

Dan l-artikolu jistabbilixxi li, minn dakinhar meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni mal-Kummissjoni, l-“Istat Membru jista’, fuq bażi tranżitorja biss, jagħti protezzjoni skont dan ir-regolament fuq il-livell nazzjonali lill-isem” (l-ewwel subparagrafu). Wara, iżid jgħid li “tali protezzjoni tranżitorja għandha tieqaf dak inhar meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni skont dan ir-regolament” (it-tielet subparagrafu), u mbagħad jispeċifika li l-“konsegwenzi ta’ tali protezzjoni nazzjonali tranżitorja, fejn isem ma jkunx irreġistrat taħt dan ir-regolament, għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat biss” (ir-raba’ subparagrafu).

101.

Fis-sentenza Warsteiner, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 5(6) ( 54 )“ma għandu l-ebda impatt fuq il-kwistjoni jekk l-Istati Membri, fit-territorji nazzjonali rispettivi tagħhom, jistgħux jagħtu protezzjoni taħt id-dritt nazzjonali tagħhom lil denominazzjonijiet ġeografiċi li għalihom ma applikawx għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament Nru 2081/92 jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jirċievu l-protezzjoni pprovduta minn dak ir-regolament” (punt 53).

102.

Naturalment, l-Artikolu 5(6) ma jgħid xejn dwar in-natura esklużiva tar-Regolament Komunitarju, u sempliċement ikopri l-kontinġenzi li jistgħu jinqalgħu sakemm deċiżjoni Komunitarja dwar reġistrazzjoni tibqa’ pendenti, iżda dak il-fatt ma jwaqqafniex milli ninvokaw id-dispożizzjoni bħala għajnuna għall-interpretazzjoni, peress li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dik ix-xorta tkun bla siwi jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu s-sistemi tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Komunitarju, għaliex l-isem ikun kopert mid-dispożizzjoni nazzjonali matul il-perijodu tranżitorju.

103.

Dik il-premessa li l-protezzjoni nazzjonali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati tkompli biss b’mod provviżorju, jidher li tinsab wara l-arranġamenti tranżitorji għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel fl-Istati Membri l-ġodda inklużi fir-Regolament Nru 918/2004.

104.

L-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament jippermetti lir-Repubblika Ċeka u lill-Istati l-oħra li ssieħbu fl-2004 jestendu sal-31 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena l-“protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini skond it-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 2081/1992 li kienu jeżistu […] sal-31 ta’ Ottubru 2004”, u żied, parallelament għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006, li fejn “tkun intbagħtet lill-Kummissjoni […] applikazzjoni għar-reġistrazzjoni” dik il-protezzjoni tista’ tkun ikkonfermata sakemm tittieħed deċiżjoni dwarha.

105.

Id-dispożizzjoni li għadni kemm semmejt, li hija iktar ċara mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 510/2006, mhux biss issemmi kif il-perijodu ta’ effikaċja ta’ sistema nazzjonali jiġi estiż fejn ikun hemm applikazzjoni għal reġistrazzjoni sakemm l-applikazzjoni tiġi deċiża, iżda jiddikjara espressament li s-sistemi li kienu jeżistu fl-Istati Membri fi żmien l-adeżjoni jkomplu biss sal-31 ta’ Ottubru 2004. B’hekk nistgħu nikkonkludu li, wara l-ewwel jew it-tieni data, ma hemm l-ebda protezzjoni nazzjonali flimkien mar-Regolament Komunitarju u li topera fl-istess sfera.

106.

L-inferenza li għandi kemm għamilt, fil-fehma tiegħi, ma tiddgħajjifx bl-affermazzjoni li l-Istat inkwistjoni jġorr b’mod sħiħ il-“konsegwenzi ta’ dik il-protezzjoni nazzjonali fil-każ fejn l-isem ma jkunx reġistrat fil-livell tal-Komunità” (jew bid-dispożizzjoni korrispondenti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006). Dan is-subparagrafu jsemmi r-riperkussjonijiet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali matul il-perijodu tranżitorju, jekk l-indikazzjoni li saret applikazzjoni għaliha ma tkunx irreġistrata, u mhux ir-riperkussjonijiet meta jinżammu d-dispożizzjonijiet tal-Istat lil hinn mill-perijodu provviżorju.

2. L-għan tad-dispożizzjonijiet Komunitarji u l-istorja leġiżlattiva tagħhom

107.

L-għanijiet tar-Regolament Nru 510/2006 jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ strument Ewropew wieħed għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

108.

Mill-bidu nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni rrispondiet għall-ħtieġa li ssegwi “prassi tal-Komunità” rigward is-suġġett.

109.

Dan jirriżulta mis-sitt u mis-seba’ premessi fil-preambolu għar-Regolament tal-1992 li jipprovdi li “[i]x-xewqa illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom oriġini ġeografika li tista’ tiġi identifikata jiġu protetti wasslet sabiex ċerti Stati Membri jintroduċu ‘denominazzjoni ta’ l-oriġini reġistrata’”. Ir-regolament jirrikonoxxi li attwalment hemm “differenzi” f’dawk il-prattiki nazzjonali, u ssuġġerixxa “prassi tal-Komunità”, peress li “struttura ta’ regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet geografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini; billi minħabba illi tipprovdi metodu iktar uniformi din l-istruttura tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet u b’hekk tittejjeb il-kredibilità tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi” (id-diċitura tal-premessa 6 fil-preambolu għar-Regolament il-ġdid tal-2006 hija ferm simili).

110.

Għaldaqstant, l-għan huwa li tiġi ggarantita kwalità identika għall-konsumaturi kollha fil-limiti tat-Trattat, mira li mhux probabbli li tintlaħaq jekk ikun hemm trattament differenti, għalkemm f’żona ġeografika limitata, għal ismijiet li jkollhom l-istess karatteristiċi bħal dawk li jinsabu fir-reġistru fuq il-livell Komunitarju ( 55 ).

111.

Probabbilment huwa għal din ir-raġuni li l-preamboli għaż-żewġ regolamenti qiegħdu daqstant enfasi fuq kemm ikun aħjar jekk ikun hemm konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi, partikolarment għaliex fl-istess ħin ma ġiet adottata l-ebda direttiva, li tarmonizza s-sistemi nazzjonali. Li kieku l-intenzjoni kienet biex dawk jibqgħu fis-seħħ, minkejja dik l-“uniformità”, kien ikun hemm armonizzazzjoni, kif kien hemm fil-każ tat-trade marks.

112.

L-istorja leġiżlattiva tar-Regolament Nru 2081/92 tipprovdi wkoll xi ħjiel rigward l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju.

113.

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni minn dejjem kienet ċara. Fil-Proposta tagħha tal-1990 ( 56 ), hija ssuġġeriet li l-protezzjoni fuq il-livell Komunitarju għandha tissostitwixxi l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni nazzjonali, fehma li sussegwentement ikkonfermat fid-diversi interventi tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bil-kontra, fir-rapport tiegħu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wera li jippreferi jekk iż-żewġ livelli jeżistu flimkien ( 57 ).

114.

Id-differenzi fl-opinjonijiet komplew fil-proċess ta’ negozjar, iżda l-Kunsill fl-aħħar għażel li ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu għall-kontinwità tas-sistemi nazzjonali. Madankollu, inkluda ħjiel li r-regolament kien esklużiv billi rrikjeda fit-12-il premessa għar-Regolament tal-1992 li “sabiex igawdu minn protezzjoni f’kull Stat Membru l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-deskrizzjonijiet ta’ l-oriġini għandhom jiġu reġistrati fuq livell Komunitaju”.

3. Il-ġurisprudenza

115.

Għalkemm, kif ikkummentajt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt, numru ta’ sentenzi jressqu l-idea li r-Regolament Komunitarju huwa eżawrjenti.

116.

Is-sentenzi Gorgonzola ( 58 ) u Chiciak u Fol ( 59 ) jenfasizzaw il-limiti li huma suġġetti għalihom l-Istati Membri minn meta japplikaw mal-Kummissjoni biex jirreġistraw isem.

117.

Fis-sentenza Gorgonzola, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-argument li l-protezzjoni mogħtija minn Stat Membru lil denominazzjoni tal-oriġini tkompli wara r-reġistrazzjoni tagħha, sakemm ikollha portata iktar ġenerali mill-protezzjoni fuq il-livell Komunitarju, huwa kontradett mid-diċitura tar-Regolament, “li jippermetti lill-Istati Membri jżommu l-protezzjoni nazzjonali ta’ isem biss sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala isem protett fuq il-livell Komunitarju”.

118.

Fis-sentenza Chiciak u Fol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jibdel denominazzjoni tal-oriġini li għaliha jkun għamel applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament, lanqas ma jista’ jipproteġiha fuq il-livell nazzjonali, u, b’hekk rabtet speċifikament ix-xewqa tar-Regolament għall-uniformità man-natura esklużiva tiegħu, meta sostniet li dan “għandu l-għan li jiżgura protezzjoni uniformi fil-Komunità tal-ismijiet ġeografiċi” kif ukoll li tali “protezzjoni uniformi tirriżulta minn reġistrazzjoni mwettqa skont ir-regoli stabbiliti speċifikament mir-Regolament” (punt 25). F’dan ir-rigward, hija ddikjarat li d-dispożizzjoni Komunitarja introduċiet “ir-rekwiżit biex l-ismijiet ġeografiċi jkunu rreġistrati fuq il-livell Komunitarju ħalli jgawdu protezzjoni f’kull Stat Membru” u ddefiniet il-qafas Komunitarju li fil-futur kellu jirregola dik il-protezzjoni (punt 26).

119.

Il-punt 50 tas-sentenza Warsteiner jinkludi dikjarazzjoni simili. Għandu jitfakkar li fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza jingħad li “l-għan tar-Regolament Nru 2081/92 ma jistax ikun imdgħajjef mill-applikazzjoni, flimkien ma’ dik tar-regolament, tar-regoli nazzjonali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-provenjenza li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu”. Din l-affermazzjoni tfisser a contrario li sistema nazzjonali li tirregola l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati, li huma koperti mir-Regolament Komunitarju, tabilħaqq jistgħu jwasslu biex l-għan tad-dispożizzjoni Ewropea ma jintlaħaqx.

120.

Għaldaqstant, il-ġurisprudenza donnu li aċċettat is-suġġeriment fit-tnax-il premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 2081/92 li r-reġistrazzjoni fuq il-livell Komunitarju tkun obbligatorja.

121.

Mela, jekk ir-reġistrazzjoni għall-ismijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament hija obbligatorja li, barra minn hekk, jirregola l-kwistjoni b’mod esklussiv, indikazzjoni b’dawn il-karatteristiċi li ma tkunx ġiet innotifikata fil-perijodu rilevanti għar-reġistrazzjoni fuq il-livell Komunitarju se tibqa’ mhux protetta, peress li ma hemm l-ebda protezzjoni nazzjonali parallela, għaliex kwalunkwe sistema nazzjonali bħal din ma għadhiex iktar valida.

4. Il-kontinwazzjoni tal-protezzjoni estiża bilateralment għal Stat Membru ieħor

122.

Jekk is-sistema maħluqa mir-Regolament Komunitarju mhix kompatibbli maż-żamma tal-protezzjoni nazzjonali fl-istess qasam, hemm iktar għalfejn l-estensjoni tagħha għall-Istati Membri l-oħra tiġi eskluża.

123.

Din il-fehma ssib sostenn fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006, fejn il-ħames subparagrafu tiegħu jistabbilixxi li kwalunkwe miżuri ta’ protezzjoni li l-Istati Membri jagħtu provviżorjament lil ismijiet li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja tagħhom tkun pendenti “għandhom jipproduċu effetti fuq livell nazzjonali biss u ma għandux ikollhom effett fuq in-negozju intra-Komunitarju”.

124.

Din id-dispożizzjoni tipprova tevita s-sospensjoni tal-protezzjoni tal-ismijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament wara applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja. Madankollu, hija trażżan l-ambitu temporali u ġeografiku tal-effikaċja tal-protezzjoni nazzjonali tranżitorja, skont l-intenzjoni li tinħoloq “uniformità” fit-trattament tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

125.

Il-“prassi tal-Komunità” tar-Regolament Nru 510/2006 timplika mhux biss l-għejbien ta’ kwalunkwe sistema nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati iżda anki, a fortiori, li kwalunkwe ftehim bilaterali bejn żewġ Stati Membri sabiex ikunu protetti dawn l-indikazzjonijiet barra mill-konfini tar-Regolament mhux se jkun applikabbli. L-eżistenza kontinwa ta’ netwerk ta’ konvenzjonijiet intra-Ewropej sovrapposti fuq ir-regoli Komunitarji tintroduċi ċerta opaċità li mhix kompatibbli mal-għanijiet ta’ dan il-mekkaniżmu.

126.

Madankollu, skont ir-Repubblika Ċeka, kwalunkwe linja ta’ argument favur in-natura esklużiva tar-Regolament Nru 510/2006 twassal għaċ-ċaħda tal-obbligi internazzjonali tal-Istati tal-adeżjoni, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-protezzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni ta’ Liżbona, u għalhekk tikser l-Artikolu 307 KE ( 60 ).

127.

Madankollu, l-Artikolu 307 KE ma jistax jiġi invokat b’mod validu f’din il-kawża, fejn mhu involut l-ebda dritt tal-ebda Stat barra mill-Unjoni. Dan jirriżulta mid-diċitura tal-imsemmi artikolu, li skontu d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE mhux se jaffetwaw “id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar”. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha f’Matteucci ( 61 ), l-Artikolu 307 KE (li qabel kien l-Artikolu 234 KE) ma jagħmel ebda riferiment għall-“ftehim konklużi biss bejn l-Istati Membri”. Għaldaqstant, ma jistax jiġi invokat fir-rigward ta’ ftehim li l-uniċi partijiet għalih huma żewġ Stati Membri (irrispettivament mill-fatt li meta kien iffirmat ma kinux Stati Membri), u li ma għandu l-ebda rabta ma’ Stat terz.

5. Inferenza

128.

Il-leġiżlatur Komunitarju hawnhekk ma għamilx l-għażla tar-rikonoxximent reċiproku, iżda għażel dik taċ-ċentralizzazzjoni tal-istrumenti tal-protezzjoni Komunitarja. Tali mekkaniżmu jagħmel sens biss jekk it-timbru tal-“indikazzjoni ġeografika protetta” jkollu tifsira speċifika, assoċjata mal-kwalità u li tkun identika għall-konsumaturi kollha, għan li ma jistax jintlaħaq li kieku r-regoli Ewropej kellhom jeżistu flimkien ma’ sistemi oħrajn b’portata reġjonali differenti iżda li jkunu applikabbli għal ismijiet li għandhom l-istess karatteristiċi.

129.

Fil-fehma tiegħi, ir-Regolament Nru 510/2006 jipprekludi kwalunkwe protezzjoni nazzjonali jew bilaterali għal indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, isem li jaqa’ f’dan il-kamp u li ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni ma jistax jikseb protezzjoni minn Stat Membru wieħed jew iktar b’mod indipendenti, u ma jkunx protett. Madankollu, din iċ-ċirkostanza ma tirriżultax biss, hekk kif id-diċitura tad-domanda preliminari donnha tissuġġerixxi, min-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjoni, iżda mill-fatt li s-sistema Komunitarja hija waħda esklużiva.

D — Fuq it-tielet domanda preliminari

130.

It-tielet domanda preliminari li għamlet il-Handelsgericht Wien qed tipprova taċċerta jekk il-fatt li t-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea jinkludi l-protezzjoni għal diversi indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati għall-birra mill-belt ta’ České Budějovice għandux xi relevanza għall-validità tas-sistemi ta’ protezzjoni nazzjonali u bilaterali għal isem differenti għall-istess prodott.

131.

Din l-aħħar domanda ma teħtieġ l-ebda risposta jekk jinstab li r-Regolament Nru 510/2006 huwa esklużiv, peress li kwalunkwe protezzjoni nazzjonali jew protezzjoni bbażata fuq trattat li topera fil-kamp tiegħu trid tieqaf, irrispettivament mill-fatt li fuq il-livell Komunitarju setgħu ġew irreġistrati indikazzjonijiet oħrajn għal oġġett tal-ikel partikolari.

132.

Minkejja dak li għadni kemm għidt, ir-risposta għad-domanda titlob analiżi tas-sentenza Chiciak u Fol, li ddeċidiet kawża sa ċertu punt simili għal din inkwistjoni.

133.

Permezz tad-Digriet tal-14 ta’ Mejju 1991, il-Gvern Franċiż stabbilixxa d-denominazzjoni tal-oriġini “Epoisses de Bourgogne” għal tip ta’ ġobon minn dan ir-reġjun u talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jirreġistraha skont ir-Regolament Nru 2081/92. Fl-1995, id-Digriet kien emendat biex it-terminu “Epoisses” jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni tal-oriġini rreġistrata. Skont is-sentenza Chiciak u Fol, Stat Membru ma jistax jadotta dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex ibiddel denominazzjoni tal-oriġini li għaliha jkun talab ir-reġistrazzjoni skont ir-Regolament Komunitarju, u lanqas ma jista’ jipproteġiha fuq il-livell nazzjonali.

134.

Din is-sentenza llimitat is-setgħat ta’ Stat Membru b’relazzjoni għal indikazzjoni ġeografika nnotifikata lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni. Ir-Regolament Komunitarju jippermetti protezzjoni tranżitorja biex dak l-isem ikompli fl-Istat (limitata fiż-żmien u għal żona partikolari, kif spjegajt iktar ’il fuq). Barra minn hekk, skont is-sentenza Chiciak u Fol ukoll, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ibiddlu l-indikazzjoni nnotifikata.

135.

Mela, fil-kawża “Epoisses” l-imġiba tal-Istat ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet emenda għal isem li għalih kienet pendenti r-reġistrazzjoni u, fil-fehma tiegħi, is-sentenza għalhekk mhix direttament applikabbli, mal-ewwel analiżi, fejn il-protezzjoni hija għal denominazzjoni li tindika l-istess post ta’ provenjenza bħal denominazzjonijiet oħra, għall-istess prodott, li diġà ġew irreġistrati fuq il-livell Komunitarju.

136.

Is-sentenza Chiciak u Fol hija msejsa fuq il-fehma li jeħtieġ li l-kamp ta’ azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tkun ristretta, iżda m’hemmx għalfejn ninterpretaw din il-fehma b’mod daqstant wiesa’, meta jitqies li r-Regolament, fil-fehma tiegħi, huwa definittivament esklużiv.

137.

Għalhekk, ikun xieraq li l-preċedent ta’ Chiciak u Fol jiġi applikat għal din il-kawża biss kieku l-isem “Bud” kien parti jew abbrevjazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fuq il-livell Komunitarju għall-birra minn České Budějovice (Budějovické pivo, Ceskébudějovické pivo u Budějovický měšt’anský var, skont it-Trattat ta’ Adeżjoni) ( 62 ). Però, dik il-kwistjoni trid tiġi deċiża mill-qrati nazzjonali.

138.

Għaldaqstant, il-fatt li isem, differenti minn ismijiet oħrajn għall-istess oġġett tal-ikel bl-istess provenjenza, mhux fil-lista fit-Trattat ta’ Adeżjoni sabiex ikollu protezzjoni fuq il-livell Komunitarju, teoretikament, mhux ostaklu għall-protezzjoni nazzjonali jew bilaterali tiegħu, sakemm ma jkunx verżjoni mqassra jew parti minn kwalunkwe waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi nnotifikati. Madankollu, dik l-affermazzjoni ma għandha l-ebda konsegwenza prattika minħabba n-natura esklużiva tar-Regolament Nru 510/2006.

VI — Konklużjoni

139.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Handelsgericht Wien kif ġej:

“1)

Ir-rekwiżiti ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar, biex il-protezzjoni bħala indikazzjoni ġeografika ta’ denominazzjoni li fil-pajjiż tal-oriġini la hija l-isem ta’ post u lanqas ta’ reġjun tkun kompatibbli mal-Artikolu 28 KE:

1.1

ifissru li l-isem irid ikun suffiċjentement ċar sabiex ifakkar fi prodott u fl-oriġini tiegħu;

1.2

mhumiex tliet rekwiżiti differenti li jridu jiġu eżaminati b’mod separat;

1.3

ma jeħtiġux stħarriġ tal-opinjoni fost il-konsumaturi u lanqas ma jiddefinixxu r-riżultat li għandu jinkiseb sabiex il-protezzjoni tkun iġġustifikata;

1.4

ma jfissrux li, fil-prattika, l-isem irid jintuża fil-pajjiż tal-oriġini bħala indikazzjoni ġeografika minn iktar minn impriża waħda u ma jippreġudikawx l-użu tiegħu bħala trade mark minn impriża waħda.

2)

Meta denominazzjoni ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel, il-protezzjoni nazzjonali fis-seħħ jew il-protezzjoni bilateralment estiża lil Stat Membru ieħor issir invalida jekk id-denominazzjoni tkun indikazzjoni ġeografika kkwalifikata skont id-dritt tal-Istat tal-oriġini, meta jitqies li r-Regolament Nru 510/2006 huwa esklużiv fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

3)

Il-fatt li t-Trattat ta’ Adeżjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u Stat Membru ġdid jintroduċi protezzjoni għal diversi indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati għal oġġett tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 ma jipprekludix iż-żamma tal-protezzjoni nazzjonali eżistenti jew ta’ protezzjoni bilateralment estiża għal Stat Membru ieħor għal isem differenti għall-istess prodott, sakemm dan l-isem ma jkunx abbrevjazzjoni jew parti minn kwalunkwe waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fuq il-livell Komunitarju għall-istess prodott. Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 ma għandux effett esklużiv sa dak il-punt, mingħajr preġudizzju għar-risposta għat-tieni domanda preliminari.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza Budějovický Budvar (C-216/01, Ġabra p. I-13617).

( 3 ) ĠU L 93, p. 12.

( 4 ) Adottat fil-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (UN Treaty Series — Ġabra tat-Trattati tan-Nazjonijiet Uniti), Vol. 828, Nru 13172, p. 205).

( 5 ) L-“Unjoni ta’ Liżbona” (http://www.wipo.int/treaties/en) bħalissa tinkludi 26 pajjiż, fosthom ir-Repubblika Ċeka.

( 6 ) Kien ippubblikat fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BGBI Nru. 75/1981) u daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal perijodu indefinit.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 [tal]-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni [tal]-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni [tal]-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti [tal]-ikel (ĠU L 208, p. 1).

( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 918/2004 tad-29 ta’April 2004 li jintroduċi arranġamenti tranżitorji għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel b’konnessjoni mal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 163, p. 88).

( 9 ) Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33).

( 10 ) L-isem sħiħ tagħha huwa “Budejovický Budvar, národný podnik, Budweiser Budvar, National Corporation, Budweiser Budvar, Entreprise Nationale”, li jfisser “Birrerija Bud ta’ Budweis, korporazzjoni nazzjonali”.

( 11 ) Skont uħud, din it-tradizzjoni tmur lura għas-seklu XIII, meta r-Re Premysl Otakar II tal-Boemja waqqaf il-belt u ta lill-abitanti tagħha l-privileġġ li jagħmlu l-birra (B. O’Connor, “Case C-216/01 Budejovický Budvar, Judgement of the Court of Justice of 18 November 2003”, European Business Organization Law Review 5, 2004, p. 581).

( 12 ) Isem České Budějovice bil-Ġermaniż.

( 13 ) Biċ-Ċek, “Budejovické pivo”, li tfisser “birra minn Budweis”.

( 14 ) Li tfisser “birrerija ta’ Bud”.

( 15 ) Anheuser hija dderivata minn entità preċedenti, Bavarian brewery, li twaqqfet fl-1852. Iktar tard, ingħatat l-isem ġdid Anheuser-Busch, minħabba l-inkorporazzjoni tagħha fid-ditta li kienet tappartjeni lil Adolphus Busch, ir-raġel ta’ bint is-sid tal-kumpannija, u huwa wkoll immigrant mill-Ġermanja. Dan il-fatt u fatti storiċi oħrajn jistgħu jinqraw minn fuq www.anheuser-busch.com/History.html, u minn www.budweiser.com.

( 16 ) Kif jidher mid-dikjarazzjoniijiet ta’ Adolphus Busch stess fl-1894, matul il-kawża bejn Anheuser-Busch u Fred Miller Brewing Company: “L-idea kienet sempliċement li ssir birra li tkun simili fil-kwalità, fil-kulur u fit-togħma għall-birra li dak iż-żmien kienet issir f’Budweis jew fil-Boemja […] Il-birra Budweiser issir skont il-proċess Boemjan ta’ Budweiser” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (O’Connor, op. cit., p. 582).

( 17 ) O’Connor (op. cit., p. 585) isemmi sa 44 kawżi differenti madwar id-dinja.

( 18 ) F’uħud mill-kawżi, il-qrati sabu li Anheuser-Busch kellha dritt esklużiv li tuża l-isem “Bud” filwaqt li f’oħrajn kienet il-kumpannija Ċeka li rebħet. Fl-Ingilterra, fl-2002, il-Court of Appell ta’ Londra għażlet soluzzjoni ta’ kompromess, biex b’hekk iż-żewġ kumpanniji setgħu jużaw it-trade marks ikkontestati. B’mod simili, il-Qorti Suprema Ġappuniża fl-2004 ddeċidiet li kemm il-birriera Ċeki kif ukoll dawk Amerikani setgħu jsejħu l-birer tagħhom “Budweiser” (O’Connor, op. cit, p. 586). Il-fatturi partikolari tal-proċeduri fil-Portugall jixirqilhom ukoll li jiġu enfasizzati. Is-sentenza tal-Qorti Suprema tat-23 ta’ Lulju 2001, li ma ħallietx li Anheuser-Busch tirreġistra t-trade mark “Budweiser” fil-Portugall minħabba li kienet denominazzjoni tal-oriġini protetta minn ftehim bilaterali tal-1986 bejn il-Portugall u ċ-Ċekoslovakkja, kienet ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ddeċidiet li s-sentenza kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Sentenza tal-QEDB tal-11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Busch Inc. vs Il-Portugall (li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Reports of Judgements and Decisions), punt 87).

( 19 ) Każijiet R 1000/2001-2 u R 1024/2001-2.

( 20 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI — Anheuser-Busch (T-57/04 u T-71/04, Ġabra p. II-1829, punt 228).

( 21 ) Każijiet R 234-2005-2, R 241/2005-2, R 802/2004-2 u R 305/2005-2.

( 22 ) Madankollu, il-qrati tal-Portugall, tal-Italja u ta’ Franza kkanċellaw ir-reġistrazzjonijiet ta’ “Bud” bħala denominazzjoni tal-oriġini taħt il-Ftehim ta’ Liżbona.

( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Budějovický Budvar (T-225/06, T-255/06, T-257/06 u T-309/06, Ġabra p. II-3555).

( 24 ) Sentenza Anheuser-Busch Inc. vs Budějovický Budvar (C-245/02, Ġabra p. I-10989).

( 25 ) Dak il-Ftehim jissemma fl-Anness 1 C għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u kien approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1).

( 26 ) Sentenza 135/77, Ġabra p. 855.

( 27 ) Sentenza Council of the City of Stoke-on-Trent u Norwich City Council (C-169/91, Ġabra p. I-6635).

( 28 ) Fost l-oħrajn, J.M. Cortés Martín, La protección de las indicaciones geográficas en el comercio internacional e intracomunitario, Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación, Madrid, 2003, p. 347.

( 29 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1992, Exportur (C-3-91, Ġabra p. I-5529, punt 11); u tas-7 ta’ Novembru 2000, Warsteiner (C-312/98. Ġabra p. I-9187, punti 43 u 44), kif ukoll Bud I, iċċitata fil-punt 54.

( 30 ) Għaliex dan huwa l-mod li bih kienet speċifikata mill-qorti tar-rinviju, skont deċiżjoni preċedenti tal-Qorti Suprema Awstrijaka.

( 31 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 23); tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C-314/01, Ġabra p. I-2549, punt 34); tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 34); tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43); u tas-6 ta’ Novembru 2008, Trespa International (C-248/07, Ġabra p. I-8221, punt 32).

( 32 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 21).

( 33 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, Preusen Elektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39); tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19); tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 22); u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Skatteverket (C-458/06, Ġabra p. I-4207, punt 25).

( 34 ) Sentenzi Foglia, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 18 u 20); tat-3 ta’ Frar 1983, Robards (149/82, Ġabra p. 171, punt 19); Meilicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 64); u tat-18 ta’ Diċembru 2007, ZF Zefeser (C-62/06, Ġabra p. I-11995, punt 15).

( 35 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association (36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 6).

( 36 ) Sentenza Bud I (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 54).

( 37 ) Regolament Nru 2081/92 jippermetti biss ismijiet tradizzjonali (għall-inqas espliċitament) għad-denominazzjonijiet tal-oriġini.

( 38 ) Xi ħaġa li se nanalizza iktar fit-tul ’il quddiem.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-24 ta’ Ġunju 1997 għall-kawża Canadane Cheese Trading, punt 73 (Digriet tat-8 ta’ Awwissu 1997, C-317/95, p. I-4681); u dawk tal-10 ta’ Mejju 2005 għall-kawża Il-Ġermanja u d-Danimarka vs Il-Kummissjoni, punt 188 (Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I-9115).

( 40 ) Sentenzi Bud I (iċċitata fil-punt 99); Exportur, (iċċitata fil-punt 37); u tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 20). Fuq in-natura ġenerika ta’ denominazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Il-Ġermanja u d-Danimarka vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq, punti 46 sa 49.

( 41 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C- 210/96, Ġabra p. I-4657, punt 35); u tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder Cosmetics (C-220/98, Ġabra p. I-117, punt 31).

( 42 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 53).

( 43 ) N. Resinek, “Geographical indications and trademarks: Coexistence or “first in time, first in right” principle?”, European intellectual property review, vol. 29 (2007), issue 11, p. 446-455; A. von Mülhlendhal, “Geographical indications and trademarks in the European Union: conflict or coexistence”, Festskrift till Marianne Levin, 2008, p. 401-410; u A. Martínez Gutiérrez, “La tutela comunitaria de las denominaciones geográficas protegidas ante las marcas registradas”, Noticias de la Unión Europea, sena XIX (2003), Nru 219, p. 27-36.

( 44 ) Artikoli 3(1)(c) u (g) u 12(2)(b) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104/KEE] tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet [tal]-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, p. 1). Għal iktar kjarifiki dwar l-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779). B’relazzjoni għall-kunflitti bejn it-trade marks u l-indikazzjonijiet tal-oriġini, ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen (C-100/02, Ġabra p. I-691).

( 45 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi isem [denominazzjoni] li “la jkun ġie nnotifikat fit-terminu ta’ sitt xhur previst fir-Regolament (KE) Nru 918/2004 u lanqas b’xi mod ma tkun saret xi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu”. Dak il-limitu ta’ żmien, li deher fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 preċedenti, beda japplika dak inhar li daħal fis-seħħ ir-regolament u naturalment għeb fir-Regolament Nru 510/2006 il-ġdid. Ir-Regolament Nru 918/2004, min-naħa tiegħu, jirreferi biss għal “[f]ejn tkun intbagħtet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2004 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt ir-Regolament Nru 2081/92”. Dik id-dispożizzjoni, madankollu, ma tipprekludix il-possibbiltà li jintuża l-perijodu ordinarju ta’ reġistrazzjoni, bl-ebda limitu ta’ żmien, skont ir-Regolament Nru 510/2006 il-ġdid. Din hija r-raġuni għaliex, fil-konklużjonijiet tiegħi dwar iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, ma nagħmel l-ebda riferiment għal dak il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur.

( 46 ) Kif ukoll is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre (C-321/94, C-322/94, C-323/94 u C-324/94, Ġabra p. I-2343, punti 35 u 36).

( 47 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000 (C-312/98, Ġabra p. I-9187).

( 48 ) Hawnhekk naqbel mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu f’Warsteiner tal-25 ta’ Mejju 2000. Il-possibbiltà li r-regolament komunitarju jeżisti flimkien mas-sistemi nazzjonali li joperaw fl-istess qasam, madankollu, ma tqajmitx f’din il-kawża, li kienet tirrigwarda biss il-legalità ta’ sistema nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi, li definittivament mhix koperata mir-Regolament.

( 49 ) Kif josserva S. Weatherill, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha rwol importanti fid-definizzjoni tal-ambitu ta’ kwalunkwe “spostament” bħal dan, għalkemm il-funzjoni tagħha mhix li tagħżel bejn il-merti ta’ żewġ sistemi regolatorji li qed jikkompetu ma’ xulxin, iżda pjuttost li tinterpreta d-dispożizzjoni Komunitarja sabiex tiddetermina jekk din okkupatx il-qasam kollu (S. Weatherill, “Beyond preemption? Shared competence and constitutional change in the European Community”, Legal Issues of the Maastricht Treaty, Ed. Wiley, 1999, p. 18).

( 50 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1977, Tedeschi (5/77, Ġabra p. 1555, punt 34).

( 51 ) Il-ġurisprudenza tagħti diversi eżempji mill-politika agrikola komuni: sentenzi Tedeschi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 35); tal-5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, Ġabra p. 1629, punt 36); tat-8 ta’ Novembru 1979, Denkavit, (251/78, Ġabra p. 3369, punt 14); tal-20 ta’ Settembru 1988, Moormann, (190/87, Ġabra p. 4689, punt 10); u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d'insemination Crespelle (C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 31).

( 52 ) Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ċċitat iktar minn 10 kittieba li argumentaw favur il-prinċipju li s-sistema Komunitarja ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati tapplika preklużivament. Hemm ukoll għadd ta’ fehmiet opposti. J.M. Cortés Martín, op. cit., p. 452, jagħti sommarju ġenerali tal-pożizzjonijiet akkademiċi differenti.

( 53 ) Kienet introdotta sistema Komunitarja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 [tal]-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1) u, parallelament, l-entitajiet nazzjonali tal-leġiżlazzjoni kienu armonizzati permezz tal-ewwel Direttiva 89/104/KEE, li semmejt iktar ’il fuq.

( 54 ) Is-sentenza tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2081/92, fis-seħħ f’dak iż-żmien, li s-sinjifikat tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006.

( 55 ) Skont M. López Escudero, ir-Regolament Nru 2081/92 ħoloq “suq intern fid-denominazzjonijiet ġeografiċi […] protezzjoni għall-ismijiet li hija effettiva mal-Komunità kollha u li wriet li hija ferm iktar favorevoli għall-produtturi mill-protezzjoni li jagħtu d-dispożizzjonijiet nazzjonali […]. Permezz tar-Regolament 2081/92 il-KE stabbiliet sistema ta’ protezzjoni speċjali għad-denominazzjonijiet ġeografiċi, fejn ipprovat tnaqqas il-problemi kkawżati lill-kummerċ intra-Komunitarju mid-diskrepanzi bejn is-sistemi nazzjonali eżistenti”, sistemi li suppost ġew eliminati (M. López Escudero, “Parmigiano, feta, epoisse y otros manjares en Luxemburgo — Las denominaciones geográficas ante el TJCE”, Une communauté de droit, Festschrift für Gil Carlos Rodríguez Iglesias, BWV 2003, pp. 410 u 419).

( 56 ) Proposta tal-Kummissjoni, SEC (90) 2415 (ĠU 1990, C 30).

( 57 ) ĠU C 269/63.

( 58 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 18).

( 59 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C-129/97 u C-130/97, Ġabra p. I-3315).

( 60 ) Sorprendentement, il-Kummissjoni wkoll tiċċita dan l-artikolu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tiddikjara li r-Regolament jipprekludi li l-protezzjoni inkwistjoni tkun estiża għat-territorju ta’ Stat Membru “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 307 KE”. Meta ġiet mistoqsija dwar dak il-punt waqt is-seduta, hija rrispondiet li l-frażi kienet introdotta sabiex tipprovdi eċċezzjoni ħalli tkun koperta kwalunkwe sitwazzjoni fejn Stat Membru jkollu jikkonferma trattati ma’ Stati mhux membri li saru qabel l-adeżjoni tiegħu. U dan huwa il-każ tal-Istati terzi li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona.

( 61 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988 (235/87, Ġabra p. 5589, punt 21).

( 62 ) Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tiċħad kwalunkwe possibbiltà bħal din. Ikun xi jkun il-każ, il-fatt, sostnut ukoll minn Ammersin, li l-isem “Bud” diġà kien igawdi minn protezzjoni qabel l-adeżjoni mhix rilevanti għal dik il-kwistjoni.