KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-442/07

Verein Radetzky-Orden

vs

Bundesvereinigung Kameradschaft “Feldmarschall Radetzky”

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 12 — Revoka — Sinjali rreġistrati minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ ta’ trade mark — Attivitajiet karitattevoli”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-Oberster Patent- und Markensenat (Qorti suprema dwar privattivi u trade marks) qiegħda titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ). Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verein Radetzky-Orden (iktar ’il quddiem “Orden”) u Bundesvereinigung Kameradschaft “Feldmarschall Radetzky” (iktar ’il quddiem “BKFR”) dwar ir-revoka ta’ trade marks li huma proprjetà ta’ din l-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru tal-aħħar minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-użu minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru f’avviżi għal avvenimenti, fuq karti użati fil-kummerċ u fuq materjal ta’ reklamar u l-ġarr ta’ badges li jkollhom fuqhom it-trade marks mill-membri tal-assoċjazzjoni meta jiġbru u jqassmu donazzjonijiet jikkostitwixxux użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104.

I — Id-dritt Komunitarju rilevanti

2.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Raġunijiet għar-revokazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Trade mark għandha tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk, f’perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru in konnessjoni mal-merkanzija jew servizzi li għalihom hi reġistrata, u ma hemmx raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu; […]”

II — Id-dritt nazzjonali rilevanti

3.

Skont l-Artikolu 10a tal-Liġi tal-1970 dwar il-protezzjoni ta’ trade marks (Markenschutzgesetz 1970, BGBl. 260/1970; iktar ’il quddiem il-“MSchG”), l-użu ta’ sinjal sabiex jidentifika prodott jew servizz jinkludi, b’mod partikolari:

“(1)

it-twaħħil tas-sinjal fuq il-prodotti jew fuq l-imballaġġ tagħhom, jew fuq oġġetti li fir-rigward tagħhom is-servizz huwa pprovdut jew huwa intiż li jiġi pprovdut;

(2)

l-offerta tal-prodotti, jew it-tqegħid tagħhom fis-suq jew il-ħażna tagħhom għal dawn l-iskopijiet taħt dan is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi taħt dan is-sinjal;

(3)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodotti taħt is-sinjal;

(4)

l-użu tas-sinjal fuq karti użati fil-kummerċ u avviżi, u fir-reklamar.”

4.

L-Artikolu 33a(1) tal-MSchG jipprovdi dan li ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt titlob il-kanċellazzjoni ta’ trade mark li ilha rreġistrata fl-Awstrija għall-inqas għal ħames snin jew tgawdi minn protezzjoni fl-Awstrija skont l-Artikolu 2(2), kemm-il darba t-trade mark inkwistjoni ma tkunx ġiet użata b’mod ġenwin fl-Awstrija għall-prodotti jew is-servizzi li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata (Artikolu 10a) matul il-ħames snin qabel id-data meta ġiet ippreżentata t-talba għal kanċellazzjoni, la mill-proprjetarju u lanqas minn persuna terza bil-kunsens tal-proprjetarju, salv jekk il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jiġġustifika n-nuqqas ta’ użu.”

III — Il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5.

BKFR hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li ma tbigħx prodotti u ma tipprovdix servizzi bi ħlas. L-attività tagħha tikkonsisti, minn naħa, fiż-żamma ta’ tradizzjonijiet militari, bħall-organizzazzjoni ta’ ċerimonji ta’ kommemorazzjoni għal membri tal-forzi armati li mietu fil-gwerra, servizzi ta’ tifkira, riunjonijiet militari u l-manutenzjoni ta’ monumenti tal-gwerra u, min-naħa l-oħra, f’ħidma karitattevoli, bħall-ġabra ta’ flus u donazzjonijiet in natura u d-distribuzzjoni tagħhom lil min ikun fil-bżonn.

6.

BKFR hija l-proprjetarja tat-trade marks verbali u figurattivi rreġistrati fir-reġistru tat-trade marks tal-Uffiċċju tal-Privattivi Awstrijak bin-numri 161.744 sa 161.749, li għandhom prijorità mit-22 ta’ Mejju 1995. Kull waħda mit-trade marks verbali u figurattivi kienet irreġistrata għal prodotti u servizzi f’dawn il-klassijiet: 37: manutenzjoni ta’ monumenti tal-gwerra; 41: edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; organizzazzjoni ta’ riunjonijiet militari; 45 (li qabel kienet 42): ħidma karitattevoli għal min jinsab fil-bżonn, skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”) ( 3 ). B’effett mill-31 ta’ Jannar 2005, fuq talba tal-proprjetarja, is-servizzi “edukazzjoni; taħriġ” fil-klassi 41 ġew ikkanċellati fir-rigward tat-trade marks ikkontestati kollha.

7.

BKFR waqqfet l-Ordni Radetzky li fi ħdanu jingħataw ordnijiet u dekorazzjonijiet li jikkorrispondu għat-trade marks irreġistrati bin-numri 161.745, 161.746, 161.748 u 161.749. Il-badge bl-emblema onorarja li tikkorrispondi għat-trade mark irreġistrata bin-numru 161.744 u l-badge għal brieret li tikkorrispondi għat-trade mark irreġistrata bin-numru 161.746 jingħataw ukoll mill-assoċjazzjoni lil membri u donaturi. Il-membri jilbsu dawn id-dekorazzjonijiet f’diversi avvenimenti u meta jiġbru u jqassmu flus u donazzjonijiet in natura. It-trade marks huma stampati fuq l-inviti għall-avvenimenti, fuq il-kartolerija u fuq il-materjal ta’ reklamar tal-assoċjazzjoni.

8.

B’applikazzjonijiet tas-17 ta’ Awwissu 2004, Orden ippruvat tikkanċella t-trade marks skont l-Artikolu 33a tal-MSchG minħabba nuqqas ta’ użu. Hija sostniet li BKFR ma użatx it-trade marks fil-kummerċ matul il-ħames snin ta’ qabel.

9.

Fil-21 ta’ April 2006, l-Uffiċċju tal-Privattivi Awstrijak ikkanċella t-trade marks b’effett mit-8 ta’ Jannar 2001. BKFR appellat quddiem l-Oberster Patent- und Markensenat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Uffiċċju tal-Privattivi Awstrijak.

10.

L-Oberster Patent- und Markensenat iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2007, li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 12(1) tad-[Direttiva 89/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li trade mark tkun is-suġġett ta’ użu (ġenwin) sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti u servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra meta assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru tużaha f’avviżi għal avvenimenti, f’karti użati fil-kummerċ u fuq il-materjal ta’ reklamar tagħha u l-membri tagħha jużawha fuq il-badge li huma jilbsu waqt il-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ donazzjonijiet?”

IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Orden, minn BKFR, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni. Orden, BKFR u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2008.

V — L-argumenti prinċipali tal-partijiet

12.

Orden issostni li risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ċċaħħad l-għan tal-liġi dwar it-trade marks minn kull sustanza u tippreġudika r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali inerenti f’din il-liġi. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 li jistabbilixxi d-drittijiet mogħtija minn trade mark, il-protezzjoni tat-trade mark hija marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ prodotti u servizzi matul il-kummerċ. Skont Orden, l-espressjoni “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/104 tapplika għal attività kummerċjali jew għal attività intraprenditorjali bl-iskop ta’ profitt. Attivitajiet li huma esklużivament intiżi li ma jagħmlux profitt ma jaqgħux taħt il-protezzjoni tat-trade marks. Il-funzjoni ta’ trade marks hija li jiggarantixxu l-oriġini ta’ prodotti jew servizzi b’tali mod li jiggarantixxu li l-provvista ekonomika inkwistjoni tkun ta’ kwalità kostanti. Għalhekk il-protezzjoni tat-trade mark timplika provvista bi ħlas.

13.

Orden issostni li fis-soċjetà moderna wieħed isib diversi assoċjazzjonijiet karitattevoli, bħal assoċjazzjonijiet li jipprovdu kura medika jew li jittrasportaw lill-morda, u li prima facie jidhru li jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas. Fil-verità, madankollu, assoċjazzjonijiet bħal dawn jiddependu fuq sussidji u ħlasijiet mill-Istat u huma kummerċjalment attivi u jikkompetu fis-suq tagħhom bħala fornituri. Orden tikkunsidra li tali assoċjazzjonijiet għandhom attività li hija b’mod ċar attività intraprenditorjali, filwaqt li jimpjegaw persunal permanenti. Il-prinċipju ta’ provvista bi ħlas japplika f’każijiet bħal dawn anki meta l-ħlas ma jsirx mill-persuni li jkunu attwalment ibbenefikaw minnha iżda mis-sistema ta’ sigurtà soċjali, minn sptarijiet, minn awtoritajiet pubbliċi eċċ. Meta trade mark ma tintużax sabiex toħloq jew iżżomm sehem fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, tali użu għandu jitqies bħala intiż biss sabiex tiġi evitata r-revoka tat-trade mark.

14.

BKFR tikkunsidra li organizzazzjonijiet karitattevoli (assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru) jikkompetu kontra xulxin fil-qasam ta’ attività tagħhom u għalhekk jaġixxu bħala negozjanti fil-kummerċ minkejja li l-prodotti u s-servizzi tal-karitajiet jingħataw lil min ikun fil-bżonn. Is-sinjali ta’ tali organizzazzjonijiet bħal marki, dekorazzjonijiet, insinji, emblemi jindikaw l-oriġini tal-prodotti u servizzi sabiex dawn jiġu distinti minn dawk ta’ organizzazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, l-għoti lil persuni li mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta’ dekorazzjonijiet u distinzjonijiet li jikkostitwixxu t-trade mark huwa tip ta’ reklamar jew “promozzjoni” peress li jservi sabiex jippromwovi l-organizzazzjoni.

15.

Il-kunċett ta’ użu ġenwin ma jeskludix użu minn organizzazzjonijiet karitattevoli tat-trade marks tagħhom meta joffru s-servizzi tagħhom.

16.

Għalhekk BKFR issostni li, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104, trade mark għandha tiġi kkunsidrata bħala użata ġenwinament meta tintuża minn organizzazzjoni karitattevoli għall-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom it-trade mark hija rreġistrata u meta dawn il-prodotti jew servizzi jitqassmu mingħajr ħlas u/jew spontanjament.

17.

Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li d-domanda magħmula mill-Oberster Patent- und Markensenat għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Peress li trade mark tista’ tiġi rreġistrata minn kull persuna li tuża jew ikollha l-intenzjoni li tuża s-sinjal distintiv fil-kuntest ta’ attività produttiva jew kummerċjali, iżda mhux intraprenditorjali, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-użu tat-trade mark minn BKFR għandu jiġi kkunsidrat bħala użu ġenwin.

18.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104 għandu jinftiehem fis-sens li trade mark tintuża ġenwinament meta tintuża in konnessjoni ma’ servizzi pprovduti bla ħlas fejn in-nuqqas ta’ ħlas jikkorrispondi għan-natura tas-servizzi inkwistjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ), trade mark tintuża ġenwinament fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104 jekk tintuża fis-suq għal prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark b’mod li huwa abitwali f’dan is-suq sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem fis-suq għal dawn il-prodotti jew servizzi. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, it-tip ta’ prodotti jew servizzi, il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark.

19.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li ċerti servizzi, bħaż-żamma pubblika ta’ tradizzjonijiet u ħidma karitattevoli, jingħataw bla ħlas minħabba n-natura tagħhom. Mhuwiex ikkontestat li sinjal distintiv jista’ jiġi protett bħala trade mark fir-rigward ta’ servizzi bħal dawn. Ikun kontradittorju fil-konfront tal-kwistjoni ta’ użu ġenwin jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-użu tat-trade mark għal servizzi pprovduti bi ħlas. Il-Kummissjoni tikkunsidra li organizzazzjonijiet karitattevoli jikkompetu għal donazzjonijiet. Barra minn hekk, ħidma karitattevoli tissemma espressament fost id-diversi klassijiet tal-Ftehim ta’ Nizza, b’mod partikolari fil-klassijiet 36, 41 (edukazzjoni ta’ studenti fil-bżonn) u 43 (provvista karitattevoli ta’ akkomodazzjoni għal nies bla dar).

VI — Analiżi

20.

Skont id-digriet tar-rinviju, il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kwistjoni jekk ċerti trade marks, li kienu ġew irreġistrati minn BKFR, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, ġewx użati ġenwinament fis-sens tal-Artikolu 33a(1) tal-MSchG. Peress li l-Artikolu 33a(1) tal-MSchG huwa bbażat fuq l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċertu użu minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru ta’ trade mark jikkostitwixxix użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104.

21.

Fid-dawl tal-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tagħti, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, drittijiet esklużivi estensivi lill-proprjetarju tat-trade mark li jimpedixxu lil kull terza persuna li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tuża t-trade mark fil-kummerċ, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq jassigura li t-trade marks attwalment jintużaw għall-iskop intiż tagħhom ( 5 ).

22.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li użu ġenwin ifisser użu attwali tat-trade mark. Użu ġenwin tat-trade mark jimplika użu tat-trade mark fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti minn din it-trade mark ( 6 ) u mhux sempliċi użu intern mill-impriża kkonċernata ( 7 ). Użu ġenwin għandu jkun konsistenti mal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodotti jew servizzi lill-konsumatur jew lill-utent finali billi tagħtih il-kapaċità, mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni, li jiddistingwi l-prodott jew servizz minn oħrajn li jkollhom oriġini differenti ( 8 ).

23.

Meta jkun qed jiġi eżaminat jekk kienx hemm użu ġenwin tat-trade mark, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-esplojtazzjoni kummerċjali tat-trade mark hijiex reali, b’mod partikolari, jekk tali użu huwiex ikkunsidrat bħala ġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark. Għalhekk, eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ jista’ jinkludi eżami, inter alia, tan-natura tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, tal-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u tal-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark. Dan ifisser li mhuwiex dejjem meħtieġ li użu tat-trade mark ikun sinjifikattiv mill-aspett kwantitattiv sabiex jiġi kkunsidrat ġenwin peress li dan jiddependi mill-karatteristiċi tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati fis-suq korrispondenti ( 9 ).

24.

Milli jidher it-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintużaw minn BKFR, inter alia, fuq badges li jingħataw lil membri ta’ din l-assoċjazzjoni u lil donaturi, fl-avviżi ta’ avvenimenti, fuq karti użati fil-kummerċ jew kartolerija u fuq il-materjal ta’ reklamar tal-assoċjazzjoni. It-trade marks jintużaw ukoll mill-membri tal-assoċjazzjoni meta jiġbru u jqassmu donazzjonijiet peress li membri tal-assoċjazzjoni jilbsu badges b’din it-trade mark f’dawn l-okkażjonijiet. Madankollu, skont id-digriet tar-rinviju, BKFR ma tipprovdi ebda prodotti jew servizzi bi ħlas.

25.

Fil-fehma tiegħi, fl-eżami tal-kwistjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark minn assoċjazzjoni li ma tagħmilx profit ( 10 ), l-iskop ( 11 ) u n-natura speċifika tal-attivitajiet ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn u l-mod kif dawn normalment jipprovdu prodotti u servizzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dan l-approċċ huwa konsistenti mas-sentenzi Ansul u La Mer Technology li fil-fatt jistabbilixxu li l-kwistjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark għandha tiġi eżaminata każ b’każ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u b’mod partikolari n-natura u l-karatteristiċi tas-suq fejn tintuża t-trade mark ( 12 ).

26.

Fir-rigward tal-fatt li l-membri ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru jilbsu badges li fuqhom ikun hemm trade mark meta jiġbru u jqassmu donazzjonijiet, il-qorti nazzjonali indikat li hija tikkunsidra li tali użu huwa użu ġenwin għall-finijiet tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104. Skont dik il-qorti, il-ġbir u t-tqassim ta’ donazzjonijiet jammontaw għal servizz, fejn jeżistu diversi “prestatarji ta’ servizz” li jikkompetu bejniethom.

27.

Il-fehma li assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jistgħu jikkompetu sabiex jiġbru donazzjonijiet mill-pubbliku u għalhekk jeżerċitaw attività ta’ negozju jew kummerċjali, fis-sens wiesa’ ta’ dawn it-termini, meta jiġbru u jqassmu donazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, korretta bħala prinċipju. Barra minn hekk, nikkunsidra li assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru huma, bħala prinċipju, operaturi fis-suq li jakkwistaw u jipprovdu prodotti u servizzi ( 13 ). Għalkemm il-fatt li assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru qed jitqiegħdu f’kuntest kummerċjali jew ta’ negozju jista’ ma jaqbilx ħafna mal-perċezzjoni ġenerali tagħna ta’ entitajiet bħal dawn, jiena nikkunsidra li jekk ninjoraw kompletament l-ambjent kummerċjali jew ta’ negozju li fih joperaw, dan ma jkunx realistiku ( 14 ) u jista’ potenzjalment jippreġudika l-attivitajiet tagħhom.

28.

L-argument ta’ Orden li l-attività ta’ ġbir u tqassim ta’ donazzjonijiet, li hija attività mingħajr ebda skop li jsir profitt, ma tistax tiġi protetta mil-liġi dwar it-trade marks huwa għalhekk, fil-fehma tiegħi, mingħajr bażi. F’dan ir-rigward ninnota, inter alia, li “ġbir ta’ fondi għal skopijiet karitattevoli” jissemma speċifikament fil-klassi 36 ( 15 ) tal-Ftehim ta’ Nizza ( 16 ). Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Orden, ma nikkunsidrax li l-espressjoni “jużaw matul il-kummerċ” li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, li jistabbilixxi d-drittijiet mogħtija minn trade mark, teżiġi li l-prodotti u s-servizzi jiġu pprovduti bl-iskop li jsir profitt jew saħansitra bi ħlas. Il-kwistjoni ta’ jekk il-proprjetarju ta’ trade mark jużax dan is-sinjal għall-finijiet tal-arrikkiment personali tiegħu hija għalhekk irrilevanti meta jiġi evalwat jekk it-trade mark tkunx qiegħda tintuża ġenwinament fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104.

29.

F’dan ir-rigward nikkunsidra li l-użu ta’ trade mark minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru meta tiġbor fondi mingħand il-pubbliku u meta tqassam dawn il-fondi ( 17 ), sakemm it-trade mark tkun ġiet irreġistrata fir-rigward ta’ tali servizzi, iservi ta’ indikazzjoni għal donaturi u donaturi potenzjali tal-identità tal-assoċjazzjoni inkwistjoni u tal-iskopijiet li għalihom jintużaw il-fondi u għalhekk jikkostitwixxi użu ġenwin ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104.

30.

Madankollu, fid-dawl tas-sentenza Ansul tal-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li l-użu ta’ trade mark minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru matul jew sabiex tħabbar jew tirreklama ċeremonji jew avvenimenti purament privati li jinvolvu membri eżistenti ta’ din l-assoċjazzjoni jikkostitwixxi użu intern ta’ din it-trade mark u għalhekk mhuwiex użu ġenwin ta’ trade mark għall-finijiet tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-għoti ta’ badges li fuqhom ikollhom it-trade mark lil membri eżistenti ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru waqt avvenimenti li għalihom ma jkunx mistieden il-pubbliku ġenerali jidher li jammonta għal użu intern tat-trade mark ( 18 ). Barra minn hekk, nikkunsidra li l-użu ta’ trade mark fuq karti użati fil-kummerċ li jintbagħtu lil membri eżistenti ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru huwa, bħala prinċipju, użu intern tat-trade mark li ma jikkostitwixxix użu ġenwin ta’ trade mark ( 19 ). F’ċirkustanzi bħal dawn, jidher li t-trade mark reġistrata tkun qed tintuża b’mod purament privat u mhux fil-kummerċ.

VII — Konklużjoni

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-deċiżjoni magħmula kif ġej:

L-Artikolu 12(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li trade mark tintuża b’mod ġenwin meta assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru tuża t-trade mark, inter alia, f’avviżi għal avvenimenti għall-ġbir ta’ fondi mill-pubbliku, meta tiġbor donazzjonijiet mingħand il-pubbliku u tqassam donazzjonijiet, fuq karti użati fil-kummerċ indirizzati lil membri tal-pubbliku u fuq materjal ta’ reklamar li jitlob donazzjonijiet mingħand il-pubbliku, sakemm it-trade mark tkun irreġistrata fir-rigward ta’ tali servizzi. Għalhekk hija l-Oberster Patent- und Markensenat li għandha tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 1989 L 40, p. 1.

( 3 ) Rivedut fi Stokkolma fl-1967 u f’Ġinevra fl-1977.

( 4 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439, punti 35 sa 39), u d- digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C-259/02, Ġabra p. I-1159, punti 21 sa 26).

( 5 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ansul, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer jgħid li “[r]eġistri ta’ trade marks ma jistgħux ikunu maħżen għal sinjali moħbija fl-istennija li xi ħadd, mingħajr ma jkun jaf b’dan, jipprova jużahom sabiex imbagħad tingħatalhom intenzjoni li l-iktar l-iktar tkun spekulattiva […]” (ara l-punt 42, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4). It-tmien premessa tal-preambolu tad-Direttiva 89/104 tipprovdi f’dan is-sens li trade marks għandhom ikunu attwalment użati jew altrimenti jkunu suġġetti għal revoka.

( 6 ) Użu ġenwin ta’ trade mark jeħtieġ eżami tal-użu tas-sinjal fir-rigward tal-“merkanzija jew servizzi li għalihom hi reġistrata” (enfażi miżjuda). Ara l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 89/104. Għalhekk l-użu ta’ sinjal li jikkostitwixxi trade mark mill-proprjetarju tagħha fir-rigward ta’ prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom ma ġietx irreġistrata ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, użu ġenwin tat-trade mark.

( 7 ) Ara s-sentenza Ansul, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 35 u 37. Fis-sentenza La Mer Technology (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[…] il-preservazzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark tad-drittijiet tiegħu tiddependi fuq l-użu ġenwin tat-trade mark fil-kummerċ fis-suq tal-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom kienet irreġistrata fl-Istat Membru kkonċernat”. Ara l-punt 20.

( 8 ) Ara s-sentenza Ansul, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 36.

( 9 ) Ara s-sentenza Ansul, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 38 u 39.

( 10 ) L-istatus legali ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jista’ jvarja bejn Stat Membru u ieħor. Bħala regola ġenerali, kull profitt iġġenerat minn assoċjazzjonijiet bħal dawn ma jitqassamx bejn il-membri tagħhom. Dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jinkludu, iżda mhumiex neċessarjament sinonimi għal, organizzazzjonijiet karitattevoli.

( 11 ) Għalkemm huwa impossibbli li fl-astratt jiġu ddefiniti b’mod eżawrjenti l-iskopijiet ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, ħafna minn dawn l-assoċjazzjonijiet jitwaqqfu sabiex jipprovdu prodotti u servizzi lil persuni privati, magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji ddeterminati minn qabel, jew bla ħlas jew b’rata mraħħsa. (L-iskop ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru jista’ jkun ukoll il-protezzjoni ta’ annimali jew il-ħarsien tal-ambjent, il-promozzjoni tal-kultura, eċċ. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li tali assoċjazzjonijiet joffru prodotti u servizzi bir-rata kummerċjali f’ċerti ċirkustanzi). Sabiex iwettqu l-iskop tagħhom, ċerti assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jistgħu jipprovaw jiġbru donazzjonijiet, per eżempju mill-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, fl-eventwalità li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru ma tibqax tipprovdi prodotti u servizzi lil persuni privati mingħajr ħlas jew b’rata mraħħsa, ma jistax jiġi eskluż li l-persuni li qabel kienu jibbenefikaw minn dawn il-prodotti u servizzi jakkwistawhom huma stess, tal-inqas sa ċertu punt, fis-suq. Alternattivament, l-Istat jista’ jintervjeni sabiex, inter alia, jakkwista, tal-inqas parzjalment, tali prodotti u servizzi f’isem l-imsemmija persuni.

( 12 ) “Il-kwistjoni jekk użu huwiex biżżejjed sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem fis-suq għal dawn il-prodotti jew servizzi tiddependi minn diversi fatturi u minn evalwazzjoni każ b’każ li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali […] [I]l-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat, li jaffettwaw direttament l-istrateġija ta’ marketing tal-proprjetarju tat-trade mark, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark”. Ara s-sentenza La Mer Technology, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 22 u 23.

( 13 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, iktar ’il fuq.

( 14 ) Wieħed biżżejjed jaħseb fil-kunċett ta’ “donation fatigue” sabiex jirrealizza li numru kbir ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jistgħu jikkompetu għal ammont limitat ta’ donazzjonijiet mingħand il-pubbliku.

( 15 ) Għandu jingħad li r-riferiment għal din il-klassi qed isir bl-iskop li jingħata eżempju biss peress li milli jidher it-trade marks inkwistjoni ta’ BKFR ma kinux irreġistrati f’din il-klassi. Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

( 16 ) Għandu jingħad li filwaqt li l-Komunità Ewropea mhijiex parti fil-Ftehim ta’ Nizza, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU 1995 L 303, p. 1), is-sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi stabbilita fil-Ftehim ta’ Nizza għandha tiġi applikata, inter alia, meta ssir applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Protokoll 28 dwar proprjetà intellettwali (ĠU 1994 L 1, p. 194), il-Partijiet Kontraenti ntrabtu li jaderixxu qabel l-1 ta’ Jannar 1995 mal-Ftehim ta’ Nizza. F’dan ir-rigward jidher li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, minbarra Malta u Ċipru, huma partijiet fil-Ftehim ta’ Nizza. Madankollu, fuq is-sit uffiċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali Malta u Ċipru huma indikati bħala pajjiżi li jużaw is-sistema ta’ klassifikazzjoni stabbilita fil-Ftehim ta’ Nizza. Dan ifisser li din is-sistema hija effettivament użata fl-Istati Membri kollha u għalhekk għandha valur persważiv sostanzjali fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104.

( 17 ) It-trade mark tista’ tintuża fuq badges mogħtija lil donaturi, fuq materjal ta’ reklamar għal avvenimenti fejn jinġabru l-fondi, fuq karti użati fil-kummerċ li per eżempju jitolbu donazzjonijiet mingħand il-pubbliku jew fil-forma ta’ badges li jilbsu l-membri tal-assoċjazzjoni matul attivitajiet fejn jinġabru fondi mingħand il-pubbliku u meta jqassmu donazzjonijiet, etc.

( 18 ) Nikkunsidra li l-għoti ta’ badges jew emblemi li fuqhom ikollhom trade mark lil membri ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru matul avvenimenti li għalihom ikun mistieden il-pubbliku ġenerali jista’ jikkostitwixxi użu ġenwin tat-trade mark jekk iservi, per eżempju, bħala reklam għall-attivitajiet ta’ din l-assoċjazzjoni u sabiex jattira donazzjonijiet mill-pubbliku.

( 19 ) F’ċirkustanzi bħal dawn is-sinjal irreġistrat ma jintużax bħala trade mark peress li l-pubbliku ġenerali jkun eskluż.