KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2008 ( 1 )

Kawża C-431/07 P

Bouygues SA u Bouygues Télécom SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Werrej

 

I — Il-kuntest ġuridiku

 

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A — L-għoti ta’ liċenzji UMTS

 

B — Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

 

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

 

IV — Talbiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — L-appell tal-appellanti u argumenti tal-partijiet

 

A — Fuq l-ewwel aggravju

 

B — Fuq it-tieni aggravju

 

C — Fuq it-tielet aggravju

 

1. Fuq l-ewwel parti

 

2. Fuq it-tieni parti

 

3. Fuq it-tielet parti

 

D — Fuq ir-raba’ aggravju

 

1. Fuq l-ewwel parti

 

2. Fuq it-tieni parti

 

3. Fuq it-tielet parti

 

VI — Evalwazzjoni ġuridika

 

A — Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

 

1. Il-kontenut tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2001 (it-tielet parti tat-tielet aggravju)

 

2. Ir-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR u l-eċċezzjoni bbażata fuq l-istruttura tas-sistema (l-ewwel parti tar-raba’ aggravju)

 

a) L-applikabbiltà u l-bażi legali tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema f’din il-kawża

 

b) L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju

 

c) Bilanċ

 

3. In-natura inċerta tal-krediti (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

 

4. Il-vantaġġ selettiv temporali (it-tieni parti tar-raba’ aggravju)

 

a) Il-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

 

b) L-argument ibbażat fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju

 

i) L-inevitabbiltà tal-għoti preċedenti tal-liċenzji lil Orange u lil SFR

 

ii) L-inevitabbiltà tal-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi għal Orange, għal SFR u għal Bouygues Télécom fit-3 ta’ Diċembru 2002

 

c) Bilanċ

 

5. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (it-tielet parti tar-raba’ aggravju)

 

6. L-uniċità tal-proċedura (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

 

7. Bilanċ

 

B — Fuq it-tieni aggravju

 

C — Fuq l-ewwel aggravju

 

D — Bilanċ

 

VII — Fuq l-ispejjeż

 

VIII — Konklużjonijiet

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 88(2) KE — Kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali — Diffikultajiet serji — Kriterji li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat — Riżorsi tal-Istat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

1. 

Permezz tal-appell tagħhom, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (iktar ’il quddiem “l-appellanti”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T-475/04, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”) ( 2 ) li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ċaħdet ir-rikors għal annullament tagħhom kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2004 (Għajnuna mill-Istat NN 42/2004 — Franza, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), dwar l-emenda retroattiva tat-tariffi dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji tal-Universal Mobile Telecommunications System (“UMTS”) ( 3 ).

I — Il-kuntest ġuridiku

2.

Skont l-Artikolu 87(1) KE:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

3.

L-Artikolu 88(3) KE jistipula:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fiż-żmien biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

4.

L-użu tal-ispettru radjoelettriku għall-forniment ta’ servizzi UMTS huwa inkwadrat fid-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar struttura komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet ( 4 ) u d-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Diċembru 1998, dwar l-introduzzjoni kkoordinata ta’ sistema ta’ komunikazzjonijiet tat-telefonija ċellulari u wajerless tat-tielet ġenerazzjoni (UMTS) ( 5 ) [Traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

5.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi u/jew in-netwerks ta’ telekomunikazzjoni jkunu jistgħu jiġu pprovduti jew mingħajr awtorizzazzjoni, jew inkella fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, issupplimentati fejn ikun meħtieġ bi drittijiet u obbligi li jeħtieġu evalwazzjoni individwali tal-applikazzjonijiet u li jagħtu lok għal liċenzja waħda jew diversi liċenzji individwali. L-Istati Membri jistgħu joħorġu liċenzja individwali biss jekk il-benefiċjarju jikseb aċċess għal riżorsi rari kemm jekk fiżiċi jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew jekk ikun soġġett għal obbligi partikolari jew ikun igawdi drittijiet partikolari, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-taqsima III.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13 huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri jistgħu jbiddlu l-kudizzjonijiet li hija suġġetta għalihom liċenzja individwali fil-każijiet iġġustifikati b’mod oġġettiv u b’mod proporzjonat. Meta jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom b’mod xieraq u li jippermetti li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom fuq il-bidliet proposti.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/13 jistipula:

“Meta Stat Membru għandu l-intenzjoni li joħroġ liċenzji individwali:

huwa għandu joħroġhom skond proċeduri bil-miftuh, mhux diskriminatorji u trasparenti, u għal dan il-għan, jissuġġetta kull kandidat għall-istess proċeduri, sakemm ma teżistix raġuni oġġettiva sabiex wieħed minnhom jingħata trattament differenti […].” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

L-Artikolu 10(1)(3) u (4) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw in-numru ta’ liċenzji individwali għal kategorija ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, tkun xi tkun, u għall-istabbiliment u/jew it-tħaddim ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet, ħlief sa fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi ggarantit l-użu effikaċi tal-frekwenzi tar-radju jew għal żmien li jkun meħtieġ biex ikun jista’ jingħata ammont suffiċjenti ta’ numri, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

[…]

3.   L-Istati Membri joħorġu dawn il-liċenzji individwali abbażi ta’ kriterji ta’ għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u ddettaljati. Waqt kull selezzjoni, huma għandhom debitament jikkunsidraw il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u li jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-utenti. […]

4.   Meta Stat Membru jikkonstata, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq domanda mibgħuta minn impriża, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva jew sussegwentement, li n-numru ta’ liċenzji individwali jista’ jiżdied, huwa għandu jieħu l-miżuri ta’ pubblikazzjoni meħtieġa u jniedi sejħa għall-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji supplimentari.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi:

“[…] fil-każ fejn se jintużaw riżorsi skarsi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom sabiex jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non-diskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.

Id-Deċiżjoni Nru 128/1999, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li “tiffaċilita l-introduzzjoni mgħaġġla u kkoordinata ta’ netwerks u tas-servizzi UMTS kompatibbli fil-Komunità” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jgħid hekk:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippermettu, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/13, l-introduzzjoni kkordinata u progressiva tas-servizzi UMTS fit-territorju tagħhom, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.

Iktar ’il quddiem, ser isir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/13 u tad-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE msemmija hawn fuq bħala “il-qafas Komunitarju”.

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

A — L-għoti ta’ liċenzji UMTS

12.

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2000, l-awtoritajiet Franċiżi ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal erba’ liċenzji UMTS. Il-liċenzji kellhom ikunu għal ħmistax-il sena. It-tariffa għal liċenzja kellha tammonta għal total kumulattiv ta’ EUR 4.95 biljun. L-erba’ liċenzji kellhom jingħataw skont il-proċedura ta’ ssuġġettar “komparattiv”. Dan il-metodu kien jippermetti lill-awtoritajiet Franċiżi li jagħżlu, fost l-operaturi li jiddikjaraw li huma lesti li jħallsu EUR 4.95 biljun, dawk li jkunu ħadu l-ikbar impenji fir-rigward ta’ serje ta’ kriterji fosthom il-firxa u l-ħeffa tal-installazzjoni tan-netwerk, il-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-azzjonijiet intiżi biex iħarsu l-ambjent.

13.

Id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet kienet iffissata għall-31 ta’ Jannar 2001, u l-applikanti setgħu jirtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001. Fil-31 ta’ Jannar 2001, kienu ġew ippreżentati żewġ applikazzjonijiet biss, jiġifieri dik tas-Société française du radiotéléphone — SFR (iktar ’il quddiem “SFR”) u tal-kumpannija France Télécom mobiles (li wara ftit xhur saret il-kumpannija Orange France, iktar ’il quddiem “Orange”). L-operaturi l-oħrajn irrinunzjaw li jissottomettu applikazzjoni, l-iktar minħabba l-ammont għoli tat-tariffi.

14.

Bħala konsegwenza, l-Autorité de régulation des télécommunications (iktar ’il quddiem l-“ART”) indikat fi stqarrija għall-istampa tal-31 ta’ Jannar 2001 (il-ġurnata tal-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet), li sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni reali, li hija għan kemm tat-testi Komunitarji kif ukoll dawk Franċiżi, kien meħtieġ li tinħareġ sejħa oħra għall-applikazzjonijiet sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-għoti ta’ erba’ liċenzji.

15.

Meta raw din l-indikazzjoni, Orange u SFR ġibdu l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi u tas-Segretarju tal-Istat għall-Industrija dwar il-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward ta’ servizzi pubbliċi u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi meta huma jiddeċiedu l-kundizzjonijiet ta’ liċenzji futuri.

16.

B’żewġ ittri datati 22 ta’ Frar 2001, b’termini identiċi, il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi u s-Segretarju tal-Istat għall-Industrija żguraw lil SFR u lil Orange li l-Gvern Franċiż kien jaqbel magħhom dwar l-objettiv doppju ta’ ħarsien tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward ta’ servizzi pubbliċi u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi, u li l-modalitajiet tas-sejħa għall-applikazzjonijiet addizzjonali kienu jiggarantixxu trattament ekwu bejn l-operaturi kollha li fl-aħħar kellhom jingħataw liċenzja.

17.

Fil-31 ta’ Mejju 2001, l-ART ħabbret li Orange u SFR kienu ser jintgħażlu bħala applikanti mill-ewwel sejħa. L-ART ipproponiet lill-Gvern li jniedi t-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet sa mhux iktar tard mill-ewwel semestru tal-2002 filwaqt li ppreċiżat li dik it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet kellha tikkunsidra l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ugwali, b’mod partikolari dawk finanzjarji, bejn l-operaturi kollha.

18.

Fit-18 ta’ Lulju 2001, l-ewwel żewġ liċenzji ngħataw lil SFR u lil Orange. Dawn iż-żewġ liċenzji ngħataw skont il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet ( 6 ).

19.

Fl-14 ta’ Diċembru 2001, inħarġet it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet. L-ART indikat li l-kundizzjonijiet ta’ din l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet kellhom jikkostitwixxu kontinwità mal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u kienu maħsuba biex jiżguraw b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-operaturi. L-ART irrakkomandat ukoll li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-liċenzji tal-kanditati tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet.

20.

Fis-16 ta’ Mejju 2002, id-data ta’ skadenza tat-terminu għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet, Bouygues Télécom biss kienet ippreżentat applikazzjoni. Fis-27 ta’ Settembru 2002, l-ART iddeċidiet li tilqa’ l-applikazzjoni ta’ Bouygues Télécom. Minħabba n-nuqqas ta’ applikanti, ir-raba’ liċenzja UMTS ma ngħatatx.

21.

B’deċiżjonijiet tat-3 ta’ Diċembru 2002, it-tielet liċenzja UMTS ingħatat lil Bouygues Télécom u l-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ Orange u SFR ġew allinjati mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja mogħtija lil Bouygues Télécom (iktar ’il quddiem l-“emenda inkwistjoni”). Il-liċenzji kollha b’hekk kellhom terminu ta’ 20 sena u tariffa mqassma f’żewġ partijiet, bl-ewwel parti kienet tammonta għal EUR 619 miljun, u kellha titħallas mal-ħruġ tal-liċenzja, waqt li t-tieni parti kellha titħallas annwalment abbażi tal-użu tal-frekwenzi u kkalkulata bħala perċentwal tal-fatturat miksub abbażi ta’ dawk il-frekwenzi ( 7 ).

B — Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

22.

Fl-4 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni rċeviet ilment mill-appellanti kontra l-emenda inkwistjoni. Fl-ilment tagħhom, l-appellanti sostnew li l-emenda inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Dan l-ilment kien wieħed minn diversi lmenti tal-appellanti kontra miżuri tal-Istat Franċiż fir-rigward ta’ France Télécom.

23.

Fil-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 8 ) fir-rigward ta’ wħud minn dawk il-miżuri. L-emenda inkwistjoni ma kinitx tinsab fost dawk il-miżuri. Fit-12 ta’ Novembru 2003, l-appellanti interpellaw lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni dwar l-ilment tagħhom kontra l-emendi inkwistjoni. Fil-21 ta’ Frar, l-appellanti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bil-għan li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-ilment. B’ordni tal-14 ta’ Frar 2005 ( 9 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak ir-rikors bħala inammissibbli.

24.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-emenda inkwistjoni b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE. Hija bbażat dik id-deċiżjoni fuq il-kunsiderazzjoni li l-emenda inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

25.

Fl-24 ta’ Novembru 2004, l-appellanti ressqu rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-Repubblika Franċiża, Orange u SFR ġew ammessi bħala partijiet intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26.

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-emenda inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li, peress li l-kawża kienet tqajjem diffikultajiet serji, il-Kummissjoni kien imissha fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

27.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tal-appellanti.

28.

Hija kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv fuq il-bażi tal-motivazzjoni segwenti.

29.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk il-miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi kinux taw vantaġġ selettiv lil Orange u lil SFR ( 10 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel lok eżaminat jekk ir-rinunzja parzjali tal-Istat Franċiż għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kinux jikkostitwixxu vantaġġ selettiv ( 11 ). Hija rrispondiet fin-negattiv, billi bbażat fuq in-natura inċerta tal-krediti inkwistjoni ( 12 ) u fuq il-konstatazzjoni li r-rinunzja parzjali kienet inevitabbli minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema ( 13 ).

30.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR kienx ikkostitwixxa vantaġġ selettiv ( 14 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza reġgħet wieġbet fin-negattiv, billi bbażat fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ kompetittiv li Orange u SFR kellhom fuq Bouygues Télécom ( 15 ) u fuq il-ħtieġa li tiġi evitata diskriminazzjoni bejn Orange u SFR minn naħa waħda u Bouygues Télécom min-naħa l-oħra, li kienet tmur kontra d-Direttiva 97/13 ( 16 ).

31.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ilment tal-appellanti li skontha l-awtoritajiet Franċiżi ma osservawx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 17 ). Hija ċaħdet dak l-ilment ( 18 ).

32.

Fir-rigward tal-ilment proċedurali, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li l-kawża ma kinitx qajmet diffikultajiet serji u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’hekk ma kienx meħtieġ ( 19 ).

IV — Talbiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.

L-appellanti talbu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid waqt li tikkunsidra l-perspettiva ġuridika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

34.

Il-Kummissjoni talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

35.

Ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

36.

Orange talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

37.

SFR talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

38.

Wara li tlestiet il-proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet seduta fil-11 ta’ Settembru 2008 fejn ipparteċipaw l-appellanti, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, Orange u SFR. Matul is-seduta, l-appellanti, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, Orange u SFR ikkompletaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom.

V — L-appell tal-appellanti u argumenti tal-partijiet

39.

L-appellanti jibbażaw l-appell tagħhom fuq erba’ aggravji.

A — Fuq l-ewwel aggravju

40.

Fl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

41.

L-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza tagħha fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema. Huma allegaw li hija ma spjegatx x’kienu n-natura u l-istruttura tas-sistema, u li d-deskrizzjoni tagħha tas-sistema ma kinitx dettaljata biżżejjed u kienet kontradittorja. Fir-rigward tar-rabta kawżali, huma allegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx għalfejn minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema kien inevitabbli li, minn naħa waħda jiġu rrinunzjati l-krediti ta’ Orange u SFR, u min-naħa l-oħra, li jingħataw liċenzji minn qabel lil dawk l-impriżi.

42.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni.

43.

Huma jgħidu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat raġunijiet suffiċjenti fir-rigward tal-istruttura tas-sistema, kif ukoll dwar ir-rabta kawżali bejn l-istruttura tas-sistema u, minn naħa waħda r-rinunzja tal-kreditu, u min-naħa l-oħra l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR.

B — Fuq it-tieni aggravju

44.

Fit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonfondiet l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultà serja ma’ dik tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-għan li tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha li tgħid formalment fit-tmiem tal-eżami tal-fondatezza ta’ kull wieħed mill-argumenti tal-partijiet li tali eżami ma kienx jikkostitwixxi diffikultà serja.

45.

Skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji kienet ikkonfermata mill-fatt li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet issostitwiet id-diskrezzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fuq diversi kwistjonijiet kumplessi, biex b’hekk irrifjutat parzjalment l-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

46.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ diffikultà serja.

47.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż jirrimarkaw fl-ewwel lok li l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza ġie kkonfermat fl-ordni tal-preżentazzjoni tal-aggravji mill-appellanti stess fir-rikors għal annullament tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni ddeduċiet li l-argument tal-allegata inverżjoni tal-metodu għandu jiġi miċħud bħala inammisibbli.

48.

Rigward il-merti, il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex kontradittorju u ma jagħtix lok għal konfużjoni. Skont hija, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat il-ġurisprudenza kostanti li f’sitwazzjoni ta’ diffikultà serja, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata sempliċement għal dik ir-raġuni, minkejja li ma jkunx ġie stabbilit li l-evalwazzjonijiet mogħtija dwar il-merti mill-Kummissjoni kienu żbaljati fil-liġi jew fil-fatt. Orange u SFR jinsistu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet distinzjoni bejn drittijiet proċedurali u l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-evalwazzjoni dwar il-merti ma tatx lok għal diffikultajiet serji.

49.

Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq is-sostituzzjoni tad-diskrezzjoni, il-Kummissjoni ssostni fl-ewwel lok li l-appellanti jirreferu għal kwistjonijiet essenzjalment fattwali, li b’hekk mhumiex ammissibbli fil-kuntest ta’ appell. Fl-aħħar, il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR huma tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssostitwitx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha. SFR u Orange jikkunsidraw li d-diversi evalwazzjonijiet li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma intiżi biss biex iwieġbu għall-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rikors tagħhom. Skont il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, tali sostituzzjoni m’għandha ebda konsegwenza fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u fuq il-validità tas-sentenza.

C — Fuq it-tielet aggravju

50.

Fit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Dan l-aggravju huma maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija mmirata kontra l-kwalifikazzjoni ġuridika mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-uniċità tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ liċenzji UMTS, it-tieni parti tikkontesta l-evalwazzjoni tan-natura inċerta tal-krediti rrinunzjati mill-Istat u t-tielet parti tikkonċerna t-termini tal-ittra Ministerjali tat-22 ta’ Frar 2001.

1. Fuq l-ewwel parti

51.

Fl-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkonstatat li ż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet konsekuttivi kienu jikkostitwixxu proċedura waħda minħabba l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u li l-prinċipju ta’ trattament ugwali kien jeħtieġ l-allinjament tat-tariffi dovuti minn Orange u SFR ma’ dawk dovuti minn Bouygues Télécom.

52.

Huma tal-fehma li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 jeħtieġ raġunament biss fir-rigward tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni materjali tas-sejħiet għal applikazzjonijiet. F’dan il-kuntest, huma jirreferu għad-differenzi taż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji, f’dak iż-żmien u għall-kandidati.

53.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange, u SFR jipproponu li din il-parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda.

54.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwalifikazzjoni taż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet bħala proċedura waħda jew bħala żewġ proċeduri distinti ma taffettwax il-konklużjoni li skontha t-tliet kandidati kienu f’sitwazzjoni simili fil-mument tal-għoti tal-liċenzji. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ir-raġunament tagħha fuq tqabbil tas-sitwazzjoni fattwali li fiha kienu jinsabu Orange, SFR u Bouygues Télécom. Din il-parti b’hekk hija żviluppata biżżejjed u ma taffettwax ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement adottat konstatazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi. Skont il-Kummissjoni u Orange, din il-konstatazzjoni fattwali ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell.

55.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż huma tal-fehma li ż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet kellhom jitqiesu globalment, b’mod partikolari minħabba n-natura kumplimentari tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet u l-kontinwità tagħha mal-ewwel. Il-Gvern Franċiż u Orange jikkunsidraw li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 ma jissostanzjax l-argumenti tal-appellanti.

56.

SFR tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta fl-evalwazzjoni tagħha tat-trattament ugwali billi bbażat fuq il-kuntest tas-suq emerġenti tal-UMTS u billi qieset li ebda wieħed mill-operaturi ma kien aċċeda għas-suq. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li fi proċedura ġdida ab initio, l-istess operaturi kienu ser jingħataw liċenzji b’kundizzjonijiet identiċi.

2. Fuq it-tieni parti

57.

Fit-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkwalifikat il-krediti bħala inċerti.

58.

F’dan il-kuntest, huma jallegaw li, peress li l-emenda tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ Orange u SFR seħħet fit-3 ta’ Diċembru 2002, Orange u SFR ma kienx għad għandhom il-possibbiltà li jirtiraw l-offerta tagħhom. L-appellanti huma tal-fehma li f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-krediti tal-Istat Franċiż kontra Orange u SFR ma kellhomx jiġu kkwalifikati bħala inċerti.

59.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR huma tal-fehma li l-krediti kienu inċerti. Huma jikkunsidraw li bl-ittri ta’ garanzija ta’ trattament ugwali tat-22 ta’ Frar 2001, l-awtoritajiet Franċiżi rrinunzjaw għall-krediti f’mument meta Orange u SFR xorta setgħu jirtiraw l-offerta tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dawk l-ittri ta’ garanzija ta’ trattament ugwali, probabbilment Orange u SFR kienu jirtiraw l-offerta tagħhom.

60.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż u Orange huma tal-fehma li fi kwalunkwe każ, dan huwa aggravju żviluppat biżżejjed. Skonthom, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat fl-ewwel lok fuq l-inevitabbiltà tal-abbandun tal-kreditu minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema, jekk jiġi kkontestat l-argument ibbażat fuq il-konstatazzjoni li l-krediti kienu inċerti, dan ma jaffettwax il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

61.

Orange tgħid ukoll li, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ okkupazzjoni tal-qasam pubbliku, il-fakultà ta’ irtirar kienet tissussisti wara l-31 ta’ Mejju 2001, kemm-il darba l-proprjetarji setgħu jirrinunzjaw f’kull mument il-liċenzja tagħhom u, konsegwentement, jieqfu jħallsu t-tariffa.

3. Fuq it-tielet parti

62.

Fit-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkonstatat li l-awtoritajiet Franċiżi kienu ggarantixxew fl-ittra tat-22 ta’ Frar 2001 trattament ugwali għal Orange u għal SFR. Huma jargumentaw li l-awtoritajiet Franċiżi ggarantixxew trattament ekwu, u mhux trattament ugwali. Skonthom, dawn iż-żewġ kunċetti għandhom tifsira differenti. Waqt li trattament ugwali jitlob trattament identiku, trattament ekwu kien jitlob f’din il-kawża distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u lil SFR, minn naħa waħda, u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja mogħtija lil Bouygues Télécom, min-naħa l-oħra.

63.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR huma tal-fehma li fil-fatt, l-appellanti mhumiex qed jallegaw żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti iżda żball ta’ żnaturament tal-fatti. Huma jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma interpretatx b’mod żnaturat l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001. Il-Kummissjoni ppreċiżat li t-termini ta’ ekwità u ugwaljanza ntużaw bħala sinonimi fis-sentenza appellata. Peress li l-Kummissjoni użat dawn it-termini wkoll bħala sinonimi, hija tikkunsidra li din il-parti tal-aggravju hija inammissibbli, peress li l-appellanti kien imisshon ressqu dan l-aggravju fil-prim’istanza.

D — Fuq ir-raba’ aggravju

64.

Ir-raba’ aggravju tal-appell jallega ksur tal-Artikolu 87 KE. Dan huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema, it-tieni parti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, u t-tielet parti tirrigwarda l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

1. Fuq l-ewwel parti

65.

Fl-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jallegaw li l-eċċezzjoni bbażata fuq l-istruttura tas-sistema tippreżupponi li d-distinzjoni hija inerenti fis-sistema fejn tinsab. Iżda skonthom dan mhuwiex il-każ. Is-soluzzjoni magħżula mill-awtoritajiet Franċiżi ma kinitx inevitabbli. Skont l-appellanti, l-istruttura tas-sistema inkwistjoni kienet marbuta mat-tfittxija għal erba’ operaturi taħt kundizzjonijiet ta’ tali natura li jiggarantixxu l-ħarsien tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Dan kien jeħtieġ għażla bejn, minn naħa waħda, li terġa’ tinfetaħ ab initio il-proċedura tal-għażla bl-istess kundizzjonijiet għall-kandidati kollha, u min-naħa l-oħra, żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet suċċessivi u b’kundizzjonijiet differenti.

66.

L-għażla li saret mill-awtoritajiet Franċiżi, li jorganizzaw żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet suċċessivi u li jistabbilixxu ugwaljanza finanzjarja bejn l-applikanti taż-żewġ sejħiet, ma kinitx inevitabbli. Barra minn hekk, dik l-għażla tat vantaġġi selettivi lil Orange u SFR, b’mod partikolari l-fatt li ngħataw il-liċenzji qabel u garanzija li jintgħażlu bħala kandidati. Fl-aħħar, l-eċċezzjoni bbażata fuq l-istruttura tas-sistema kellha tintlaħaq sa fejn hu possibbli minn miżuri ta’ natura ġenerali. Iżda s-soluzzjoni magħżula mill-awtoritajiet Franċiżi ma kinitx miżura ta’ natura ġenerali.

67.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR jargumentaw li l-istruttura tas-sistema inkwistjoni tippreżupponi li d-diversi kriterji użati fil-qafas Komunitarju għall-għoti tal-liċenzji UMTS huma applikati, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ suq kompetittiv u l-ħarsien tat-terminu tal-1 ta’ Jannar 2002.

68.

Is-soluzzjoni proposta mill-appellanti li l-proċedura kollha tal-għażla terġa’ tinbeda ab initio ma setgħetx tiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji. Fl-ewwel lok, din ma kinitx ser tippermetti li jiġi osservat it-terminu tal-1 ta’ Jannar 2002. Fit-tieni lok, kieku l-proċedura tal-għażla kellha tinbeda kompletament mill-ġdid, dan kien joħloq ir-riskju li l-applikanti tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet kienu jbiddlu l-istrateġija tagħhom u ma jippreżentawx applikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, kieku l-proċedura reġgħet inbdiet ab initio, l-eżitu ma kienx ser ikun differenti, fis-sens li l-uniċi kandidati kienu ser ikunu Orange, SFR u Bouygues Télécom u li l-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija matul proċedura mibdija mill-ġdid ab initio kienu jkunu identiċi għall-kundizzjonijiet li l-kandidati kisbu fl-aħħar. Is-soluzzjoni l-oħra proposta mill-appellanti, l-organizzazzjoni ta’ żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet differenti, iżda b’kundizzjonijiet differenti, ma kinitx tkun konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

69.

Skont il-Kummissjoni, il-garanzija għal Orange u SFR li jintgħażlu bħala kandidati, kienet dovuta għad-deċiżjoni ta’ Bouygues Télécom li ma tippreżentax applikazzjoni għall-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet. Fl-aħħar, l-objettivi tal-qafas Komunitarju għall-għoti ta’ liċenzji UMTS ma setgħux jinkisbu b’miżuri ta’ natura ġenerali.

70.

Skont Orange, din il-parti tal-aggravju hija inammissibbli, inkwantu din hija intiża biex tikseb evalwazzjoni ġdida tal-motivi invokati fil-prim’istanza.

2. Fuq it-tieni parti

71.

Fit-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ineżistenza ta’ vantaġġ temporali minħabba li Orange u SFR ingħataw il-liċenzji qabel. Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx fl-ewwel lok tikkonstata l-vantaġġ potenzjali ta’ żmien għal Orange u SFR minħabba li ngħataw il-liċenzji qabel, u sussegwentement tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna, abbażi tal-argument li Orange u SFR, fil-prattika, ma kisbux profitt minn dak il-vantaġġ.

72.

F’dan il-kuntest, l-appellanti jsostnu fl-ewwel lok li l-eżistenza ta’ vantaġġ potenzjali hija kundizzjoni suffiċjenti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna. Peress li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tikkunsidra fl-evalwazzjoni tagħha elementi suġġettivi dwar l-imġieba tal-operaturi fis-suq jew l-effett reali tal-għajnuniet fis-suq. Iċ-ċirkustanza li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ Orange u ta’ SFR bħala impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ ma kinitx inbidlet, ma kinitx rilevanti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha sempliċement tikkunsidra l-fatt li Orange u SFR kienu bbenefikaw minn vantaġġ reali u immedjat minħabba li kienu ngħataw il-liċenzji qabel.

73.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalbet l-oneru tal-prova meta talbet li l-appellanti jressqu prova tal-konsegwenzi tal-vantaġġ effettiv. Ġaladarba l-eżistenza tal-vantaġġ temporali kien ġie kkonstatat, l-oneru li jiġi ppruvat li dan ma sarrafx f’benefiċċji effettivi kien jaqa’ fuq il-benefiċjarji ta’ dak il-vantaġġ.

74.

Fl-aħħar, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ebda operatur ma kien preżenti fis-suq, inkwantu l-Artikolu 87 KE huwa applikabbli f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali.

75.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball. Huma jsostnu li l-appellanti kkonfondew l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u l-analiżi tal-kriterju tal-aspettattiva ta’ kompetizzjoni. Il-vantaġġ kellu jkun reali. Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra żviluppi li seħħu wara d-data tal-miżura inkwistjoni.

76.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat li ż-żewġ operaturi ma kinux kisbu vantaġġ mill-għoti minn qabel tal-liċenzji minħabba l-fatt li ma kinux daħlu fis-suq. Skont il-Kummissjoni u Orange, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat korrettament li, minħabba d-dewmien tat-teknoloġija UMTS, l-għoti minn qabel tal-liċenzji ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ teknoloġiku. Orange u SFR isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat fil-kompetenza esklużiva tagħha li, f’din il-kawża, il-vantaġġ potenzjali ma kienx ibbenefika lil Orange u lil SFR.

77.

Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-argument ibbażat fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ kompetizzjoni ma kienx applikabbli, peress li l-appellanti kkonfondew il-problema tad-definizzjoni tas-suq u dik tal-aċċess għas-suq. L-aċċess għas-suq huwa l-kriterju li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ din il-kawża.

78.

Fir-rigward tal-qlib tal-oneru tal-prova, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat biss teoretikament il-preżenza ta’ vantaġġ effettiv u li b’hekk kienu l-appellanti li kellhom jippruvaw l-eżistenza tal-vantaġġ. Skont il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż u Orange, huwa l-awtur ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandu jipprova li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex valida.

3. Fuq it-tielet parti

79.

Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Huma jsostnu li peress li Orange u SFR, minn naħa waħda, u Bouygues Télécom, min-naħa l-oħra, ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni, it-trattament identiku tagħhom mill-awtoritajiet Franċiżi kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

80.

F’dan il-kuntest, l-appellanti jirreferu għall-prinċipju ta’ intanġibbiltà tal-kriterji tal-għoti, li ma kinux jawtorizzaw emenda tal-ammont tat-tariffi. Barra minn hekk, il-ħarsien tal-objettivi preskritti mid-Direttiva 97/13 mhumiex inklużi fost id-derogi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 87(2) KE.

81.

L-appellanti jgħidu wkoll li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom biżżejjed żmien biex jerġgħu jibdew il-proċedura ab initio qabel l-iskadenza tat-terminu tal-1 ta’ Jannar 2002.

82.

Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

83.

Orange issostni li din il-parti tal-aggravju hija inammissibbli minħabba l-fatt li l-appellanti sempliċement irrepetew l-istess argumenti li kienu qajmu fil-prim’istanza.

84.

Il-Kummissjoni u Orange jargumentaw li t-tliet proprjetarji tal-liċenzji UMTS sabu ruħhom de facto fl-istess sitwazzjoni. Orange u SFR ma kinux approfittaw ruħhom materjalment mill-fatt li kienu ngħataw il-liċenzji qabel. Il-Gvern Franċiż u SFR jikkunsidraw li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għażla waħda, anki jekk tkun organizzata f’diversi fażijiet, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu japplika biex ż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet jitqiesu b’mod globali.

85.

Skont il-Kummissjoni, ir-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam tal-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi ma kinux applikabbli. Fir-rigward tal-legalità tal-emenda tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija matul l-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet, il-Kummissjoni tirrileva li l-prinċipju ta’ intanġibbiltà la kien jinsab fid-Direttiva 97/13 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra applikabbli tad-dritt Komunitarju. Fi kwalunkwe każ, skont Orange, tali prinċipju ma setax ipoġġi f’dubju l-ħarsien tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Skont il-Kummissjoni, SFR u Orange, il-possibbiltà li jiġu emendati l-kundizzjonijiet għall-għotjiet kienu previsti espressament fid-Direttiva 97/13.

86.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tallega li meta l-Istat jaġixxi bħala regolatur tas-suq, is-sempliċi fatt li miżura tal-Istat ittejjeb is-sitwazzjoni ta’ impriża ma jwassalx awtomatikament għall-eżistenza ta’ għajnuna. F’każ bħal dak, ikun hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk impriża għandhiex vantaġġ u, fit-tieni lok, jekk is-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi hijiex komparabbli fir-rigward tal-objettiv segwit mill-miżura inkwistjoni.

87.

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-Artikolu 87(2) KE, il-Kummissjoni u Orange jenfasizzaw li l-appellanti kkonfondew l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni.

88.

Rigward l-argument li jgħid li l-awtoritajiet kellhom iż-żmien biex jerġgħu jibdew il-proċedura ab initio qabel l-iskadenza tat-terminu tal-1 ta’ Jannar 2002, il-Gvern Franċiż huwa tal-fehma li din tikkonsisti f’evalwazzjoni tal-fatti li hija inammissibbli fl-istadju tal-appell. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet ma kellhomx iż-żmien meħtieġ biex jerġgħu jibdew il-proċedura kollha ab initio.

VI — Evalwazzjoni ġuridika

89.

Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ineżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Jiena ser neżamina fl-ewwel lok dawn l-aggravji (A), sussegwentement it-tieni aggravju dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (B) u fl-aħħar l-ewwel aggravju dwar l-iżball ta’ motivazzjoni (C).

A — Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

90.

Fit-tielet u r-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ element ta’ għajnuna mill-Istat fl-emenda inkwistjoni. Nosserva li l-appellanti kklassifikaw l-argumenti tagħhom fit-tielet u r-raba’ aggravju skont it-tip ta’ żball li huma jallegaw u mhux skont il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Jiena nemmen li eżami tad-diversi partijiet tat-tielet u r-raba’ aggravju, li jsegwi l-ordni tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata ( 20 ), jiffaċilita l-analiżi tal-fondatezza ta’ dawk l-aggravji.

91.

Fl-ewwel lok, ser nanalizza t-tielet parti tat-tielet aggravju, li tirrigwarda element tal-fatti tal-kawża, l-evalwazzjoni fattwali tal-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Frar 2001 (1).

92.

Sussegwentement, ser neżamina l-partijiet indirizzati kontra l-parti tas-sentenza fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li r-rinunzja parzjali tal-Istat Franċiż għall-krediti dovuti minn SFR u Orange ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv ( 21 ), jiġifieri l-ewwel parti tar-raba’ aggravju dwar l-argument ibbażat fuq l-istruttura tas-sistema (2) u t-tieni parti tat-tielet aggravju dwar l-argument ibbażat fuq in-natura inċerta tal-krediti (3).

93.

Wara, ser nevalwa t-tieni parti tar-raba’ aggravju, li hija indirizzata kontra l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza skont liema l-vantaġġ potenzjali ta’ żmien dovut għall-għoti minn qabel tal-liċenzji ma jikkostitwixxix vantaġġ selettiv (4).

94.

Fl-aħħar, ser neżamina l-partijiet indirizzati kontra l-parti tas-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jiġifieri l-ewwel parti tat-tielet aggravju (5) u t-tielet parti tar-raba’ aggravju (6).

1. Il-kontenut tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2001 (it-tielet parti tat-tielet aggravju)

95.

It-tielet parti tat-tielet aggravju hija indirizzata kontra l-punt 107 tas-sentenza appellata. Fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li fl-ittri tat-22 ta’ Frar 2001, l-awtoritajiet Franċiżi żguraw lill-applikanti tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet, Orange u SFR, li huma kienu ser jingħataw trattament ugwali bħall-applikanti tat-tieni sejħa għal applikazzjonijiet.

96.

Skont l-appellanti, din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-kontenut tal-ittri tat-22 ta’ Frar 2001. Huma jsostnu li l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 kienu jinkludu garanzija ta’ trattament “ekwu” bejn l-applikanti tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet u tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat il-kontenut ta’ dawk l-ittri bħala garanzija ta’ trattament “identiku” bejn dawk iż-żewġ gruppi ta’ applikanti.

97.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li — għall-kuntrarju tat-tielet aggravju — l-appellanti ma jargumentawx li hemm żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti jikkonsisti fi żball fl-applikazzjoni ta’ regola għall-fatti ( 22 ).

98.

Dak li jallegaw l-appellanti huwa żball tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kontenut tal-ittri tat-22 ta’ Frar 2001. Dan b’hekk jikkonsisti fi żball dwar l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza u mhux żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Fil-kuntest ta’ appell, li huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt, l-appellanti ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ħlief jekk huma jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żnaturament ċar tal-fatti ( 23 ). L-affermazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 fil-fatt kellhom kontenut differenti minn dak li qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi allegazzjoni ta’ dak it-tip.

99.

Żball li seta’ kien, iżda li ma kienx ikkritikat fil-prim’istanza, huma inammissibbli fl-istadju ta’ appell ( 24 ). Iżda peress li l-appellanti ma jidhrux li qed jikkonstataw żball diġà mwettaq mill-Kummissjoni u rripetut mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda pjuttost żball mwettaq biss mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jidhirlix li din l-allegazzjoni hija inammissibbli.

100.

Fil-fehma tiegħi, din il-parti b’hekk hija ammissibbli.

101.

Min-naħa l-oħra, din il-parti tal-aggravju tal-appellanti hija infondata. Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx li l-awtoritajiet Franċiżi taw assigurazzjoni lill-applikanti tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet li huma kienu ser jingħataw trattament “identiku” bħal dak mogħti lill-applikanti tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet.

102.

Wara li semmiet it-“trattament ugwali”, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet riferiment għall-punt 14 tas-sentenza appellata, fejn hija ddeskriviet il-kontenut tal-ittri tat-22 ta’ Frar 2001. Kif hija qalet fil-punt 14 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet Franċiżi kienu ggarantixxew f’dawk l-ittri trattament ekwu bejn l-applikanti tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u l-applikanti tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet, kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem l-awtoritajiet pubbliċi u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi ( 25 ). Peress li l-awtoritajiet Franċiżi jidhru li użaw il-kunċetti ta’ “ugwali” u “ekwu” bħala sinonimi f’dawk l-ittri, is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat il-kunċett ta’ “trattament ugwali” biex tiddeskrivi l-kontenut ta’ dawk l-ittri ma jikkostitwixxix żnaturament tal-fatti.

103.

L-appellanti ma jressqu ebda argument ieħor li fuqu tista’ tiġi bbażata l-affermazzjoni tagħhom skont liema l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żnaturament tal-kontenut tal-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 billi interpretathom bħala garanzija ta’ trattament identiku. Jiena b’hekk nipproponi li t-tielet parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

2. Ir-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR u l-eċċezzjoni bbażata fuq l-istruttura tas-sistema (l-ewwel parti tar-raba’ aggravju)

104.

Sabiex issostni li r-rinunzja parzjali mill-Istat Franċiż għall-krediti dovuti minn Orange u SFR ma kkostitwitx vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat fuq eċċezzjoni li tirriżulta min-natura u l-istruttura tas-sistema ( 26 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet, b’mod partikolari, li l-qafas Komunitarju huwa bbażat fuq it-trattament ugwali bejn l-operaturi kemm għall-għoti tal-liċenzji kif ukoll għad-determinazzjoni tat-tariffi li jistgħu jiġu imposti, waqt li jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu l-proċedura għall-għoti tal-liċenzji, kemm-il darba jiġu osservati l-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa u trattament ugwali ( 27 ). Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ tariffi mhux diskriminatorji fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 għandha tikkunsidra l-mument tal-aċċess għas-suq ta’ kull wieħed mill-operaturi kkonċernati ( 28 ). Fl-aħħar, hija qalet li m’hemmx element ta’ għajnuna meta l-modalitajiet tal-liċenzji jingħataw b’mod identiku lill-operaturi kollha kkonċernati ( 29 ). Hija kkonkludiet li l-fatt li l-Istat jirrinunzja għal riżorsi u li vantaġġ seta’ jirriżulta għall-benefiċjarji tat-tnaqqis tat-tariffa mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, peress li l-abbandun tal-krediti kien inevitabbli ( 30 ).

105.

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx b’mod suffiċjenti għalfejn ir-rinunzja kienet inerenti fil-qafas Komunitarju.

106.

Fl-ewwel lok, nosserva li fil-parti tas-sentenza attakkata minn din il-parti tal-aggravju ( 31 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat (biss) il-kwistjoni jekk ir-rinunzja parzjali tal-Istat Franċiż għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kellhiex tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ selettiv. Il-konklużjoni tagħha dwar l-inevitabbiltà minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema fil-punt 111 tas-sentenza appellata b’hekk hija limitata għall-inevitabbiltà tar-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR ( 32 ). F’dan il-kuntest, b’hekk hemm lok, biss, li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-inevitabbiltà tar-rinunzja parzjali bbażata fuq l-eċċezzjoni tan-natura u l-istruttura tas-sistema.

107.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tas-sistema. L-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni, li ġiet żviluppata u applikata fil-qasam tas-sistemi nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi, f’din il-kawża timmerita xi riflessjonijiet dwar il-bażi legali ta’ tali eċċezzjoni (a). Sussegwentement, ser neżamina l-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza (b).

a) L-applikabbiltà u l-bażi legali tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema f’din il-kawża

108.

Qabel ma bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet riferiment għas-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 33 ), Spanja vs Il-Kummissjoni ( 34 ) kif ukoll AEM u AEM Torino ( 35 ). Kif jindikaw dawn is-sentenzi, l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema ġiet żviluppata mill-ġurisprudenza fil-qasam tas-sistemi nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi ( 36 ). Skont din il-ġurisprudenza, differenza fit-trattament bejn l-impriżi ma tirrappreżentax vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk dik id-differenza hija inerenti għan-natura u l-istruttura tas-sistema nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi ( 37 ), jew, fi kliem ieħor, jekk dik id-differenza tirriżulta mil-loġika ta’ dik is-sistema nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi ( 38 ).

109.

Minn perspettiva dogmatika, din l-eċċezzjoni tista’ tiġi assimilata mal-kwistjoni jekk dik id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix vantaġġ speċifiku ( 39 ). Interpretazzjoni diversa tikkwalifika l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema bħala applikazzjoni tar-“rule of reason” fil-qasam tas-sistemi nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi ( 40 ).

110.

Indipendentement mill-kategorizzazzjoni dogmatika, nosserva li l-kwistjoni determinanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema hija jekk id-differenza tat-trattament inkwistjoni hijiex inerenti għal-loġika interna tas-sistema nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi. L-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni f’din il-kawża, li la tikkonsisti fi trattament differenti li jirriżulta mil-loġika ta’ sistema ta’ servizzi pubbliċi, u lanqas minn differenza li tirriżulta minn sistema nazzjonali, b’hekk hija altru milli evidenti.

111.

Huwa minnu li, fis-sentenza AEM u AEM Torino, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-loġika interna ta’ sistema nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi tista’ tkun influwenzata minn regoli tad-dritt Komunitarju. F’dik is-sentenza, hija aċċettat li distinzjoni fis-sistema nazzjonali ta’ servizzi pubbliċi, li hija intiża biex tikkumpensa vantaġġ maħluq għal ċerti impriżi mit-traspożizzjoni ta’ direttiva, kienet tirriżulta min-natura u l-istruttura ta’ dik is-sistema ta’ servizz pubbliku nazzjonali ( 41 ). Madankollu, anki meta jitqies dan l-aspett tas-sentenza AEM u AEM Torino, jiena ma jidhirlix li l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema ta’ servizzi pubbliċi bħal dik stabbilita mill-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata direttament f’din il-kawża.

112.

Meta jitqiesu l-elementi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma narax iktar il-ħtieġa li tintuża applikazzjoni analoga ta’ dik l-eċċezzjoni.

113.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 87(1) KE isemmi d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li permezz tagħhom dawn tal-aħħar, bil-għan li jsegwu objettivi ekonomiċi u soċjali li huma fil-kompetenza tagħhom, ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-impriżi jew suġġetti oħra tal-liġi, permezz ta’ deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi, riżorsi jew jagħtuhom vantaġġi intenzjonati biex jiffavorixxu l-kisba ta’ objettivi ekonomiċi jew soċjali mixtieqa ( 42 ).

114.

Peress li l-Artikolu 87(1) KE mhuwiex applikabbli għall-miżuri tal-leġiżlatur Ewropew ( 43 ), isegwi li, sabiex il-vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuniet fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn il-miżuri għandhom, b’mod partikolari, ikunu imputabbli għall-Istat ( 44 ). Miżura ta’ Stat Membru li tkun ordnata mid-dritt Komunitarju b’hekk ma tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Dan fil-fatt jissottometti att legali tal-leġiżlatur Ewropew għall-kontroll tal-Artikolu 87(1) KE ( 45 ).

115.

Skont l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw ir-regoli tad-dritt Komunitarju. Iktar speċifikament, l-Artikolu 249(3) KE jistipula li direttiva torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, waqt li l-Artikolu 249(4) KE jistipula li deċiżjoni hija obbligatorja fl-elementi tagħha kollha għad-destinatarji li lilhom tkun indirizzata.

116.

Għandu jiġi eżaminat jekk, meta rrinunzjaw parzjalment għall-krediti dovuti minn Orange u SFR, l-awtoritajiet Franċiżi kinux sempliċement qed iwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-qafas Komunitarju u b’hekk tal-Artikoli 10 KE u 249(3) u (4) KE. Min dan isegwi li dik il-miżura mhijiex imputabbli lill-Istat Franċiż, iżda tirriżulta, fir-realtà, minn att tal-leġiżlatur Ewropew u b’hekk mhijiex soġġetta għall-Artikolu 87(1) KE.

117.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li, għalkemm l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura ta’ sistema ta’ servizzi pubbliċi nazzjonali mhijiex applikabbli f’din il-kawża, eċċezzjoni bbażata fuq l-inevitabbiltà ta’ miżura nazzjonali dovuta għan-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju tista’ tkun applikabbli f’din il-kawża. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk ir-rinunzja parzjali tirriżultax inevitabbilment mill-qafas Komunitarju f’din il-kawża.

b) L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju

118.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx għalfejn ir-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kienet inevitabbli.

119.

Fl-ewwel lok, jidhirli li huwa utli li nfakkar li fil-parti inkwistjoni tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat biss il-kwistjoni jekk ir-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kinitx inevitabbli ( 46 ).

120.

Wara li ddeċidew li jadottaw l-hekk imsejħa proċedura ta’ sottomissjoni “komparattiva”  ( 47 ), l-awtoritajiet Franċiżi kkonstataw, fil-31 ta’ Jannar 2001, li l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet parzjalment ma kinitx irnexxiet. Huma kkonstataw li l-preżenza ta’ żewġ operaturi biss fis-suq ma kinitx biżżejjed biex tiggarantixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni reali u li n-nuqqas ta’ applikanti kien dovut għall-ammont għoli tat-tariffi.

121.

Minħabba l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu massimu ta’ liċenzji sabiex jiggarantixxu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq UMTS, skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 97/13, l-awtoritajiet Franċiżi ma setgħux ikunu konformi bl-għoti ta’ żewġ liċenzji UMTS lil Orange u lil SFR, iżda kienu obbligati li jattiraw operaturi oħrajn billi joffru kundizzjonijiet iktar vanaġġużi għal-liċenzji, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ammont tat-tariffi.

122.

Minħabba dak l-obbligu, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom jeżaminaw x’impatt kien ser ikollu t-tnaqqis tal-ammont tat-tariffi għall-applikanti futuri fuq il-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u lil SFR. Kif qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata ( 48 ), l-awtoritajiet kienu obbligati li josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13. L-awtoritajiet Franċiżi b’hekk kienu obbligati li jirrinunzjaw parzjalment il-krediti dovuti minn Orange u SFR inkwantu dik ir-rinunzja kienet neċessarja biex josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn Orange u SFR u l-applikanti futuri.

123.

Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew l-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti ( 49 ). L-evalwazzjoni dwar jekk dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet humiex komparabbli jew le fis-sens tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq l-objettivi tal-qafas Komunitarju inkwistjoni ( 50 ).

124.

Objettiv importanti tal-qafas Komunitarju kien il-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13. Fil-qasam ekonomiku, l-iżvolġiment mingħajr xkiel tal-kompetizzjoni u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni huma marbuta mill-qrib ( 51 ).

125.

Kundizzjoni elementari għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva f’suq hija l-assigurazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn id-diversi operaturi. B’hekk, emenda tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ Orange u ta’ SFR kienet meħtieġa mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, inkwantu l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet inizjali tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ Orange u SFR ma kinitx adatta biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn Orange u SFR minn naħa waħda, u l-applikanti futuri min-naħa l-oħra.

126.

Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn l-operaturi f’suq emerġenti kien fl-ewwel lok li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha. F’dan il-kuntest, nosserva li — kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 52 ) — il-proporzjon bejn l-ammont ta’ tariffi mitluba mingħand Orange u SFR matul l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u l-ammont li l-awtoritajiet Franċiżi kkunsidraw li kien adattat biex jiġu attirati iktar applikanti kien ta’ 8 għal 1. Jidhirli li huwa evidenti ( 53 ) li t-tnaqqis tal-ammont ta’ krediti li inizjalment kienu previsti għall-applikanti tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet kien neċessarju sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn Orange u SFR, minn naħa waħda, u l-applikanti futuri, min-naħa l-oħra ( 54 ).

c) Bilanċ

127.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet korrettament tikkonstata fil-punt 111 tas-sentenza appellata li r-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kienet inevitabbli. Peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu pjuttost evidenti u diġà kienu ġew diskussi matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tisjpega għaliex ir-rinunzja għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kienet inevitabbli.

128.

B’hekk nipproponi li tiġi miċħuda l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, billi tiġi ssostitwita l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-bażi legali tal-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema.

3. In-natura inċerta tal-krediti (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

129.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-kreditu tal-Istat ma kienx ċert, peress li l-applikanti kien għad għandhom il-possibbiltà li jirtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 u, sussegwentement, li jirrinunzjaw għall-benefiċċju tal-liċenzja tagħhom u li jwaqqfu l-ħlas tat-tariffa.

130.

L-appellanti jikkontestaw din l-evalwazzjoni. Skonthom, l-Istat Franċiż irrinunzja parzjalment għall-krediti dovuti minn Orange u SFR fit-3 ta’ Diċembru 2002. F’dak il-mument, Orange u SFR ma setgħux iktar jirtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom.

131.

Fil-fehma tiegħi, din il-parti tal-aggravju hija inoperattiva. Parti ta’ aggravju tkun inoperattiva jekk ma tkunx tista’ tpoġġi f’dubju l-konklużjoni kkontestata ( 55 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-evalwazzjoni tagħha li r-rinunzja parzjali ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv fuq żewġ argumenti, minn naħa waħda fuq in-natura inċerta tal-krediti u min-naħa l-oħra fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema. Peress li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, li hija indirizzata kontra l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza bbażata fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tas-sistema, għandha tiġi miċħuda ( 56 ), dan l-aggravju huwa, fih innifsu, ta’ natura li jiġġustifika s-suffiċjenza tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Id-difetti li jistgħu jivvizzjaw il-motivazzjoni bbażata fuq in-natura inċerta tal-krediti, b’hekk huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-parti operattiva tas-sentenza appellata. Din il-parti tal-aggravju b’hekk hija inoperattiva.

132.

Rigward il-fondatezza ta’ din il-parti tal-aggravju, nikkunsidra li l-ewwel, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-fażi mill-31 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Mejju 2001 minn naħa waħda, u l-emenda inkwistjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002, min-naħa l-oħra.

133.

Fil-31 ta’ Jannar 2001, l-awtoritajiet Franċiżi kkonstataw li żewġ kandidati kienu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom u li dan ma kienx biżżejjed biex tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-UMTS. Huma b’hekk ħabbru li kienet meħtieġa t-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet. Kien wara dan l-avviż li Orange u SFR ikkuntattjaw lill-awtoritajiet Franċiżi u talbu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fis-servizzi pubbliċi u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi.

134.

F’dak il-mument, Orange u SFR kienu għadhom f’pożizzjoni fejn setgħu jirtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom. Kif ikkonstatat il-Kummissjoni, il-possibbiltà li Orange u SFR kienu ser jaċċettaw il-kundizzjonijiet tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet, meta l-kundizzjonijiet tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet kienu ferm iktar vantaġġużi, kienet pjuttost teoretika ( 57 ).

135.

Minħabba dawk iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-krediti tal-Istat Franċiż mingħand Orange u SFR setgħu jiġu kkwalifikati korrettament bħala inċerti, ta’ mill-inqas sa mill-mument meta l-awtoritajiet Franċiżi kienu ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jniedu t-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet b’kundizzjonijiet nettament iktar vantaġġużi.

136.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-awtoritajiet Franċiżi, fuq talba espliċita ta’ Orange u SFR, iggarantixxew trattament ekwu mal-applikanti tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dik il-garanzija, Orange u SFR setgħu jitilqu mill-prinipju li l-liċenzji tagħhom kienu ser jiġu emendati inkwantu dan kien neċessarju sabiex jiġi ggarantit trattament ekwu. B’hekk kien ċar qabel il-31 ta’ Mejju 2001 li l-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u SFR kienu jinkludu riżerva ta’ emenda. Wara li l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru li l-ammont tat-tariffi kien ser ikun nettament iktar baxx għall-applikanti tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet, din ir-riżerva tal-emenda b’hekk diġà kienet tinkludi rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR. Dan huwa dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ( 58 ), fejn hija qalet li “l-allinjament retroattiv kien diġà jirriżulta impliċitament mill-kundizzjonijiet miftiehma fil-liċenzji tal-ewwel sejħa”. Ma nikkunsidrax li f’dawn il-kundizzjonijiet huwa possibbli li l-krediti dovuti minn Orange u SFR jiġu kklassifikati bħala ta’ natura attwali u inkontestabbli.

137.

Bħala konklużjoni, il-krediti dovuti minn Orange u SFR b’hekk kellhom jitqiesu bħala inċerti qabel il-garanzija ta’ trattament ekwu fl-ittri tat-22 ta’ Frar 2001. Wara dawk l-ittri, kien ċar li l-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u SFR kienu jinkludu riżerva ta’ rinunzja parzjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Orange u SFR ma setgħux jirtiraw iktar l-offerti tagħhom wara t-3 ta’ Diċembru 2002 b’hekk ma jpoġġix f’dubju l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 107 tas-sentenza appellata skont liema din kienet tikkonsisti f’rinunzja parzjali ta’ krediti inċerti.

138.

Għaldaqstant nipproponi li t-tieni parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala inoperattiva u sussidjarjament bħala infondata.

4. Il-vantaġġ selettiv temporali (it-tieni parti tar-raba’ aggravju)

139.

Fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR kienx ta vantaġġ selettiv temporali lil dawk l-impriżi fuq Bouygues Télécom. Wara li kkwalifikat l-għoti minn qabel tal-liċenzji bħala vantaġġ potenzjali ( 59 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li dak il-vantaġġ potenzjali ma kienx ibbenefika lil Orange u lil SFR ( 60 ) u kkonkludiet, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u SFR ma kienx ikkostitwixxa vantaġġ kompetittiv għad-detriment ta’ Bouygues.

140.

Fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll li fi kwalunkwe każ, vantaġġ mogħti virtwalment lil Orange u SFR kien l-uniku mod kif wieħed seta’ jipproċedi b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-qafas Komunitarju.

141.

Fit-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ vantaġġ potenzjali, dan kellu jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

142.

Fl-ewwel lok, jidhirli li din il-parti tal-aggravju hija inoperattiva ( 61 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha li l-allegat vantaġġ temporali ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ selettiv minn naħa waħda, fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata, fuq l-evalwazzjoni li l-vantaġġ ma kienx ibbenefika lil Orange u lil SFR, u min-naħa l-oħra, fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata, fuq il-konstatazzjoni li fi kwalunkwe każ, l-għoti tal-allegat vantaġġ temporali kien l-uniku mezz biex wieħed jipproċedi b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-qafas Komunitarju. L-appellanti ma jidhrux li kkontestaw formalment l-argument sussidjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata. Din il-parti tal-aggravju b’hekk jidhirli li hija inoperattiva, għaliex id-difetti li jistgħu jivvizzjaw l-motivazzjoni fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata m’għandhom ebda effett fuq il-motivazzjoni sussidjarja fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata u b’hekk fuq il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

143.

Rigward il-fondatezza ta’ din il-parti tal-aggravju, ser neżamina fl-ewwel lok l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata (a). Sussegwentement, ser nevalwa jekk il-konklużjoni kkontestata tistax tkun ibbażata fuq il-motivazzjoni sussidjarja fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata, li hija bbażata fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju (b).

a) Il-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

144.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel lok ikkonstatat li l-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u SFR kienu ngħatawlhom sena u nofs qabel, fil-prinċipju seta’ tahom vantaġġ selettiv meta mqabbla ma’ Bouygues Télécom ( 62 ). Sussegwentement, hija kkonkludiet li dak il-vantaġġ potenzjali ma kienx ibbenefika lil Orange u SFR ( 63 ) u li fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonstata li Orange u SFR ma kinux kisbu profitt mill-vantaġġ temporali li kien jikkostitwixxi l-fatt li l-liċenzji kienu ngħataw qabel u li l-Kummissjoni b’hekk setgħet tikkunsidra li Orange u SFR effettivament ma kinux kisbu vantaġġ kompetittiv għad-detriment ta’ Bouygues Télécom ( 64 ).

145.

L-appellanti jsostnu b’mod partikolari li l-għoti minn qabel tal-liċenzji kien minnu nniffsu vantaġġ reali u immedjat. Huma jargumentaw li billi ċaħdet l-eżistenza ta’ vantaġġ għar-raġuni li Orange u SFR ma setgħux jibbenefikaw minn dak il-vantaġġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat s-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi. Huwa irrelevanti għall-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jekk is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju marritx għall-aħjar maż-żmien.

146.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment mhuwiex mingħajr bażi.

147.

L-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tippresupponi li miżura statali tiffavorixxi impriża meta mqabbla ma’ oħra ( 65 ). Nosserva li fil-mument meta Orange u SFR irċevew il-liċenzji tagħhom, huma kienu l-uniċi impriżi li kellhom aċċess għas-suq tal-UMTS. Fil-fehma tiegħi, dik il-possibbiltà esklużiva li jaċċedu għas-suq tal-UMTS kienet tikkostitwixxi trattament vantaġġuż għal Orange u SFR fuq l-impriżi l-oħrajn.

148.

Fil-punti 116 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet l-eżistenza ta’ għajnuna meta kkonstatat li l-benefiċjarji ma setgħux japprofittaw minn dak it-trattament vantaġġuż. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ huwa żbaljat.

149.

Fl-ewwel lok, il-kwistjoni jekk il-benefiċjarji setgħux japprofittaw minn miżura statali jidhirli li pjuttost tikkonċerna l-effetti fuq il-relazzjoni kompetittiva bejn l-impriżi iktar milli l-eżistenza tal-vantaġġ.

150.

Huwa minnu li vantaġġ mogħti lil impriża preżenti fis-suq jista’ joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni għad-detriment tal-impriżi l-oħrajn preżenti fl-istess suq. Il-konnessjoni bejn il-vantaġġ u d-distorsjoni għall-kompetizzjoni b’hekk hija pjuttost evidenti ( 66 ). Iżda konklużjoni kuntrarja, skont liema n-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jindika l-ineżistenza ta’ vantaġġ, mhijiex konformi mal-Artikolu 87(1) KE. Dan tal-aħħar japplika kemm għall-għajnuniet li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni kif ukoll għall-għajnuniet li jheddu li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni. Peress li mhuwiex meħtieġ li għajnuna fir-realtà toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni, il-konstatazzjoni ex posteriori li Orange u SFR ma bbenefikawx mill-fatt li kienu ngħataw il-liċenzji minn qabel b’hekk ma tippermettix li wieħed jikkonkludi li ma kienx hemm vantaġġ.

151.

Fit-tieni lok, l-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna għandha ssir fil-mument meta tkun ittieħdet il-miżura statali ( 67 ). Għaldaqstant ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Orange u għal SFR fuq il-bażi ta’ analiżi ex posteriori tal-vantaġġ kompetittiv li Orange u SFR kisbu mit-trattament vantaġġuż. Fi kwalunkwe każ, huwa żbaljat li jiġu kkunsidrati l-vantaġġi kompetittivi fil-mument meta l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tagħha, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 122 tas-sentenza appellata. Peress li l-vantaġġi kompetittivi ta’ miżura statali jistgħu jinbidlu maż-żmien, l-eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tiddependi fuq il-mument meta l-Kummissjoni tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha ( 68 ).

152.

Fit-tielet lok, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq l-argument li jgħid li kien prevedibbli, fil-mument meta l-liċenzji ngħataw lil Orange u SFR, li Orange u SFR ma kinux ser jibbenefikaw minn dak it-trattament vantaġġuż. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Franċiżi kienu ddeċidew li ma jibdewx il-proċedura ta’ għażla mill-ġdid ab initio preċiżament biex jiżguraw il-possibbiltà ta’ preżenza ta’ numru minimu ta’ operaturi fis-suq tal-UMTS sa mill-bidu tal-1 ta’ Jannar 2002. Fil-mument tal-għoti tal-liċenzji lil Orange u SFR, b’hekk ma kienx possibbli li jiġi eskluż li dan kien jippermetti lill-operaturi li jkollhom aċċess għas-suq tal-UMTS qabel l-applikanti futuri.

153.

Fuq il-bażi ta’ analiżi a posteriori tal-vantaġġi kompetittivi li Orange u SFR setgħu jiksbu mill-għoti minn qabel tal-liċenzji biex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ivvizzjat il-motivazzjoni tagħha fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

154.

Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv dovut għall-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u SFR kienu ngħataw qabel, mhux biss fuq dik il-motivazzjoni żbaljata, iżda wkoll fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema, għandu jiġi eżaminat jekk dak l-argument sussidjarju jistax iwassal għall-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

b) L-argument ibbażat fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju

155.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li fi kwalunkwe każ, “il-vantaġġ mogħti virtwalment lil Orange u SFR” kien l-uniku mezz biex jiġi evitat li tiġi adottata miżura li tmur kontra l-qafas Komunitarju ( 69 ). F’dan il-kuntest, hija għamlet riferiment, b’mod partikolari, għad-differenza notevoli bejn iż-żewġ sistemi ta’ tariffi maħluqa mill-awtoritajiet nazzjonali, fin-nuqqas tal-preżenza ta’ operaturi fis-suq tal-UMTS fil-mument tal-emenda inkwistjoni u għall-identiċità tal-liċenzji tat-tliet operaturi ( 70 ).

156.

Meta kkonstatat li l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR kien inevitabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat mill-ġdid fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju ( 71 ).

157.

Nosserva li fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha għall-ispjegazzjoni tar-raġuni li l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet kienet inevitabbli. Fil-fehma tiegħi, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza mhijiex suffiċjenti.

158.

Peress li l-fatt li Orange u SFR kienu ngħataw il-liċenzji minn qabel seta’ jaffettwa r-relazzjoni kompetittiva bejn Orange u SFR minn naħa waħda u l-applikanti futuri min-naħa l-oħra, konstatazzjoni dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv ibbażata fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq żewġ elementi. Fl-ewwel lok, l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR, li seħħ fit-18 ta’ Lulju 2001, kellu jkun inevitabbli skont il-qafas Komunitarju (i). Fit-tieni lok, l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ liċenzji identiċi għal Orange, għal SFR u għal Bouygues Télécom, li seħħet fit-3 ta’ Diċembru 2002, kellha tkun meħtieġa mill-qafas Komunitarju minkejja l-fatt li Orange u SFR kienu rċevew il-liċenzji tagħhom qabel Bouygues Télécom (ii).

i) L-inevitabbiltà tal-għoti preċedenti tal-liċenzji lil Orange u lil SFR

159.

Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx, fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, għalfejn kien inevitabbli li jingħataw il-liċenzji minn qabel lil Orange u SFR. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat dan fil-parti tas-sentenza appellata dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 72 ).

160.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li skont id-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE, l-Istati Membri kienu obbligati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun tista’ ssir l-introduzzjoni kkoordinata u progressiva tas-servizzi UMTS fit-territorju tagħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002 ( 73 ). Din id-data ta’ skadenza kienet wieħed mill-elementi vinkolanti tal-qafas Komunitarju.

161.

Skont l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ab initio ma kinitx possibbli qabel l-iskadenza ta’ dak it-terminu ( 74 ). L-appellanti jikkontestaw dak il-fatt. Huma jargumentaw li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ab initio kienet possibbli. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, peress li appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkontestata fil-qafas tal-appell ( 75 ). Peress li l-appellanti jillimitaw ruħhom li jikkontestaw l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ma jallegawx żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti, dik il-kontestazzjoni tal-appellanti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

162.

Barra minn hekk, kieku l-proċedura kollha kellha terġa’ tinbeda ab initio, kien ikun hemm il-periklu li l-awtoritajiet jpoġġu f’dubju l-applikazzjoni ta’ Orange u SFR u b’hekk il-possibbiltà tal-preżenza ta’ dawk iż-żewġ kandidati fis-suq tal-UMTS sa mill-1 ta’ Jannar 2002 ( 76 ).

163.

Peress li l-qafas Komunitarju kien jeħtieġ li l-awtoritajiet Franċiżi jippermettu aċċess għas-suq UMTS lil numru suffiċjenti ta’ operaturi, u fin-nuqqas, lil numru minimu ta’ operaturi sa mill-1 ta’ Jannar 2002, nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonstatat li l-ftuħ tal-proċedura ab initio ma kinitx alternattiva konformi mal-qafas Komunitarju. Għall-kuntrarju, il-qafas Komunitarju kien jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi — kif huma fil-fatt għamlu — li jagħtu qabel kollox il-liċenzji lil Orange u SFR biex jiggarantixxu l-possibbiltà ta’ numru minimu ta’ operaturi fis-suq tal-UMTS sa mill-1 ta’ Jannar 2002.

164.

Jiena b’hekk tal-fehma, fl-ewwel lok, li l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR fit-18 ta’ Lulju 2001 kien konsegwenza inevitabbli tal-qafas Komunitarju.

ii) L-inevitabbiltà tal-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi għal Orange, għal SFR u għal Bouygues Télécom fit-3 ta’ Diċembru 2002

165.

Kif semmejt iktar ’il fuq ( 77 ), mhux biss l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR kellu jkun konsegwenza inevitabbli tan-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju, iżda wkoll id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi tat-3 ta’ Diċembru 2002 li japplikaw l-istess kundizzjonijiet għal-liċenzji ta’ Orange, SFR u Bouygues.

166.

L-appellanti jsostnu li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom japplikaw kundizzjonijiet differenti għal Orange u SFR minn naħa waħda u għal Bouygues Télécom min-naħa l-oħra. B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tirriżultax b’mod inevitabbli mill-qafas Komunitarju, jew jekk kienx meħtieġ trattament differenzjat. Dan l-eżami għandu jsir fil-mument meta ttieħdet il-miżura, jiġifieri fit- 3 ta’ Diċembru 2002.

167.

Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-awtoritajiet Franċiżi kienu obbligati li josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 78 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll li t-tariffi imposti lid-diversi operaturi kellhom ikunu ekwivalenti f’termini ekonomiċi ( 79 ).

168.

Infakkar li l-awtoritajiet Franċiżi kienu obbligati li jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn l-operaturi fis-suq tal-UMTS ( 80 ). Fil-fehma tiegħi, kundizzjoni elementari għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva f’suq hija l-assigurazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn id-diversi operaturi. Il-punt tat-tluq biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn l-operaturi fuq suq f’fażi emerġenti huwa fl-ewwel lok li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha. B’hekk kien hemm lok, fil-prinċipju, li l-operaturi kollha fis-suq jiġu ttrattati bl-istess mod, kemm-il darba ma jkunx hemm ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament differenzjat.

169.

Il-fatt li Orange u SFR kienu rċevew il-liċenzji tagħhom qabel Bouygues Télécom hija ċirkustanza li setgħet taffettwa r-relazzjoni kompetittiva bejn l-operaturi. L-effett ta’ dik iċ-ċirkustanza fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn Orange, SFR u Bouygues b’hekk għandha tiġi kkunsidrata.

170.

Għaldaqstant, l-ewwel, hemm lok li jiġu eżaminati l-effetti ta’ dik iċ-ċirkustanza u l-mod kif ġiet ikkunsidrata mill-mudell ta’ tariffi applikat mill-awtoritajiet Franċiżi.

171.

F’dan il-kuntest, nosserva fl-ewwel lok li t-tieni komponent ta’ dan il-mudell ta’ tariffi huwa bbażat fuq il-fatturat miksub permezz tal-liċenzja. L-aċċess minn qabel għal Orange u għal SFR għas-suq tal-UMTS b’hekk seta’ kellu impatt fuq l-ammont tat-tariffi tagħhom. Il-mudell tat-tariffi applikat għall-operaturi kollha mill-awtoritajiet Franċiżi b’hekk ikkunsidra l-possibbiltà li Orange u SFR ikollhom aċċess għas-suq qabel l-applikanti futuri.

172.

Huwa minnu li fit-3 ta’ Diċembru 2001, jiġifieri fil-mument meta l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li japplikaw il-mudell ġdid ta’ tariffi għall-operaturi kollha, ebda wieħed mill-operaturi ma kien preżenti fis-suq. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ mudell ġdid ta’ tariffi ma kinitx twassal neċessarjament għal trattament identiku u mingħajr distinzjoni bejn l-operaturi, għaliex setgħet tikkunsidra l-iżviluppi li seħħew wara t-3 ta’ Diċembru 2001. Jekk il-fatt li l-liċenzji ngħataw minn qabel kellu impatt fuq l-aċċess minn qabel għas-suq, il-mudell ġdid ta’ tariffi kellu jikkunsidra dan il-fatt.

173.

Sussegwentement, fir-rigward tal-possibbiltà li kellhom Orange u SFR li jaċċedu għas-suq qabel it-3 ta’ Diċembru 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat l-eżistenza ta’ diffikultajiet marbuta mat-teknoloġija UMTS u l-kuntest ekonomiku li ma kienx wisq favorevoli għall-iżvilupp tiegħu ( 81 ). Il-fatt li Orange u SFR ma setgħux jiksbu profitt mil-liċenzji tagħhom b’hekk ma kienx dovut għal nuqqas ta’ inizjattiva jew mertu min-naħa ta’ dawn l-operaturi.

174.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-vantaġġi l-oħrajn allegati mill-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li dawn ma kinux eżistenti jew fi kwalunkwe każ, ma kinux jaffettwaw ir-relazzjoni kompetittiva tal-operaturi fis-suq tal-UMTS ( 82 ).

175.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza qalbet l-oneru tal-prova meta aċċettat fl-ewwel lok l-eżistenza ta’ vantaġġ temporali potenzjali u sussegwentement talbet li l-appellanti jressqu prova tal-konsegwenzi effettivi ta’ dak il-vantaġġ.

176.

Fil-fehma tiegħi, din il-kritika hija infondata. Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-motivazzjoni sussidjarja fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, li hija bbażata fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tas-sistema, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE mhijiex ikkonstatata ( 83 ). Sussegwentement, jekk hemm konnessjoni evidenti bejn il-fatt li l-liċenzji ngħataw minn qabel u l-potenzjal ta’ aċċess minn qabel għas-suq, tali konnessjoni mhijiex evidenti bejn l-għoti minn qabel tal-liċenzji u l-vantaġġi allegati mill-appellanti fil-prim’istanza, kif deskritti fil-punti 117 sa 121 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tiegħi, l-appellanti b’hekk kellhom jissostanzjaw ir-raġunijiet għaliex il-fatt li l-liċenzji ngħataw minn qabel kien ser iwassal għal dawk il-vantaġġi allegati u liema impatti dawk il-vantaġġi allegati kellhom fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn Orange u SFR minn naħa waħda u Bouygues Télécom min-naħa l-oħra. Fl-aħħar, huma l-appellanti bħala awturi tar-rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandhom juru li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx valida ( 84 ).

177.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-mudell ġdid ta’ tariffi kkunsidra l-effett potenzjali li l-għoti minn qabel tal-liċenzji seta’ kellu fuq il-mument tal-aċċess għas-suq tal-operaturi u li effetti oħrajn fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn l-operaturi ma kinitx stabbilita. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk setgħet tiddeċiedi korrettament li l-mudell il-ġdid ta’ tariffi ma kienx diskriminatorju ( 85 ).

c) Bilanċ

178.

L-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR u l-applikazzjoni tal-mudell ġdid ta’ tariffi lil Orange, SFR u Bouygues Télécom b’hekk kienu inevitabbli. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 86 ), il-mod kif ipproċedew l-awtoritajiet Franċiżi kien l-uniku mod kif setgħu jiżguraw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-qafas Komunitarju. Bħala konsegwenza, nikkunsidra li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv dovut għall-għoti minn qabel tal-liċenzji hija korretta.

179.

B’hekk nipproponi li tiġi miċħuda t-tieni parti tar-raba’ aggravju, billi tiġi ssostitwita parzjalment il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 87 ).

5. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (it-tielet parti tar-raba’ aggravju)

180.

Fit-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jallegaw żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

181.

Skont Orange, dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li l-appellanti sempliċement jirrepetu l-istess argumenti bħal fil-prim’istanza.

182.

Huma minnu li parti ta’ aggravju li tirrepeti l-argumenti diġà mqajjma fil-prim’istanza tista’ tkun inammissibbli ( 88 ). Madankollu, dan huwa biss il-każ jekk il-parti tal-aggravju ma tkunx titlob stħarriġ tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda pjuttost evalwazzjoni mill-ġdid tal-merti tal-kawża ( 89 ). F’dan il-każ, il-parti tal-aggravju hija fil-fatt diretta kontra l-att ġuridiku kkontestat fil-prim’istanza u mhux kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Jekk, min-naħa l-oħra, bħal f’din il-kawża, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni li kienet issofri mill-istess żball, dik il-parti tal-aggravju hija diretta kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u b’hekk hija ammissibbli ( 90 ).

183.

L-appellanti jibbażaw din il-parti tal-aggravju tagħhom b’mod partikolari fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-intanġibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u fuq l-Artikolu 87(2) KE.

184.

Rigward il-fondatezza tal-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, infakkar li diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew l-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti ( 91 ).

185.

L-appellanti jsostnu li l-metodu applikat mill-awtoritajiet Franċiżi huwa diskriminatorju. Huma jallegaw li Orange u SFR bħala applikanti għall-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u Bouygues Télécom bħala applikanta għat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet b’hekk ma kinux fl-istess sitwazzjoni.

186.

B’hekk għandu jiġi eżaminat, jekk Orange u SFR, minn naħa waħda, u Bouygues Télécom, min-naħa l-oħra, kinux fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika. Kif diġà ssemma iktar ’il fuq ( 92 ), mhuwiex biżżejjed biex tintwera diskriminazzjoni li jsir riferiment għal differenzi bejn żewġ gruppi. Peress li s-sors legali tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkwistjoni kien l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, il-kwistjoni rilevanti hija jekk iċ-ċirkustanzi allegati mill-appellanti kinux rilevanti skont l-objettivi ta’ dik id-Direttiva u tal-qafas Komunitarju ( 93 ).

187.

Infakkar li r-rinunzja parzjali għall-krediti tal-Istat Franċiż mingħand Orange u SFR kienet meħtieġa mill-qafas Komunitarju ( 94 ). F’din il-parti, għaldaqstant għandu jiġi eżaminat biss jekk il-mod kif ipproċedew l-awtoritajiet Franċiżi meta għażlu li ma jibdewx il-proċedura kollha ab initio kienx diskriminatorju ( 95 ).

188.

L-appellanti jallegaw li dan il-mod kif ipproċedew l-awtoritajiet Franċiżi kien kontra l-prinċipju ta’ intanġibbiltà u li l-prinċipju ta’ intanġibbiltà kien jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi li japplikaw sistema differenti għall-kandidati tal-ewwel u tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet. Huma jsostnu li l-prinċipju ta’ intanġibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet kellu jpoġġi lil Orange u lil SFR f’sitwazzjoni legali differenti minn dik ta’ Bouygues Télécom.

189.

F’dan il-kuntest, nosserva fl-ewwel lok li — kif qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata — la d-Direttiva 97/13, u lanqas id-Deċiżjoni Nru 128/1999 ma jadottaw il-prinċipju ta’ intanġibbiltà ( 96 ). Għall-kuntrarju, il-qafas Komunitarju fil-fehma tiegħi fih elementi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ intanġibbiltà.

190.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-motivazzjoni tagħha fuq l-argument skont liema l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu emendati l-kundizzjonijiet. Kif jindika l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 97/13, il-kundizzjonijiet imsemmija minn dak l-Artikolu huma l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti 2 u 4 tal-anness tad-Direttiva 97/13. Għalkemm l-ammont tat-tariffi mhuwiex imsemmi espliċitament taħt dawk il-punti, nosserva li fil-punt 4.9 tal-anness, huwa ppreċiżat li l-lista ta’ kundizzjonijiet hija mingħajr preġudizzju għal kull kundizzjoni ġuridika oħra li mhijiex partikolari għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 97/13, għall-kuntrarju, jistipula li l-kundizzjonijiet għandhom ikunu relatati biss ma’ sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali liċenzja kif iddefiniti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/13. Jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet elenkati f’dak l-artikolu ma jagħmlux riferiment espliċita għall-ammont tat-tariffi. Fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, jiena tal-fehma li huwa permess li tiġi ddubitata l-fondatezza tal-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat fuq l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13.

191.

Madankollu, dan ma jaffettwax il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ intanġibbiltà. Anki fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13 ma jsemmix l-ammont tat-tariffi, jidhirli li huwa possibbli li wieħed jiddeduċi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/13 li emenda sussegwenti tal-ammont tat-tariffi għandha tkun possibbli.

192.

Kif diġà semmejt iktar ’il fuq ( 97 ), l-Istati Membri huma obbligati li jagħtu massimu ta’ liċenzji u huma obbligati li jniedu sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji supplimentari, jekk huma jikkonstataw li l-għoti ta’ liċenzja supplimentari hija possibbli ( 98 ). L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 jipprevedi li l-ammont ta’ tariffi għandu jikkunsidra n-neċessità li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni. Minn dan niddeduċi li Stat Membru jista’ jkun obbligat — bħal ma kien il-każ f’din il-kawża — li jirrevedi l-ammont tat-tariffi ’l isfel, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġu attirati iktar applikanti. F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 99 ) u l-obbligu li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi ( 100 ) jitlobx emenda tal-ammont tat-tariffi għal-liċenzji eżistenti. Ebda dispożizzjoni fid-Direttiva 97/13 ma titlob li jinbeda ab initio l-għoti tal-liċenzji kollha f’każ ta’ ħruġ ta' liċenzja addizzjonali. L-istruttura tas-sistema tad-Direttiva b’hekk jipprevedi, ta’ mill-inqas impliċitament, l-emenda tal-ammont tat-tariffi ta’ liċenzji eżistenti.

193.

L-argument tal-appellanti bbażat fuq l-intanġibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-għoti b’hekk għandu jiġi miċħud. Peress li l-qafas Komunitarju ma jinkludix il-prinċipju ta’ intanġibbiltà, jiena tal-fehma li ċ-ċirkustanza skont liema Orange u SFR minn naħa waħda u Bouygues Télécom min-naħa l-oħra kienu applikanti ta’ żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet suċċessivi ma jpoġġihomx f’sitwazzjoni legali differenti fis-sens tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13.

194.

Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ intanġibbiltà jidhirli li jippresupponi kundizzjonijiet ta’ liċenzji ta’ natura suffiċjentement intanġibbli. F’din il-kawża, l-awtoritajiet Franċiżi kienu ggarantixxew emenda tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u lil SFR qabel ma dawn kienu ngħataw lil Orange u lil SFR kif ukoll qabel ma kien skada t-terminu tad-dritt ta’ Orange u SFR li jirtiraw l-offerta tagħhom ( 101 ). Anki fl-ipoteżi li “prinċipju ta’ intanġibbiltà” kien applikabbli, il-kundizzjonijiet tal-liċenzji mogħtija lil Orange u lil SFR, li kienu jinkludu riżerva ta’ emenda ( 102 ) ma jidhirlix li kienu suffiċjentement intanġibbli.

195.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra li meta jitqiesu l-objettivi tal-qafas Komunitarju, Orange u SFR minn naħa waħda u Bouygues Télécom min-naħa l-oħra ma kinux f’sitwazzjoni ġuridika differenti. Il-metodu applikat mill-awtoritajiet Franċiżi b’hekk ma kienx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13.

196.

Fl-aħħar, l-argument tal-appellanti, li skontu l-osservanza tal-objettivi tal-qafas Komunitarju għall-għoti tal-liċenzji UMTS mhuwiex imsemmi fl-Artikolu 87(2) KE, għandu jiġi miċħud. Dan jikkonsisti fl-eżami tal-kwistjoni jekk jeżistix vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u mhux dik tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(2) KE.

197.

Għaldaqstant nipproponi li tiġi miċħuda t-tielet parti tar-raba’ aggravju.

6. L-uniċità tal-proċedura (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

198.

Fl-ewwel parti tat-tielet aggravju l-appellanti jikkritikaw żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti dwar l-uniċità tal-proċedura.

199.

Il-Kummissjoni u Orange jikkunsidraw li din il-parti hija inammissibbli. Huwa minnu li l-kwistjoni, jekk iż-żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet għandhomx jitqiesu bħala proċedura waħda jew bħala żewġ proċeduri distinti, tista’ tidher prima facie bħala konstatazzjoni ta’ fatt. Madankollu, nemmen li wara dan l-aspett fattwali hemm tistaħba kwistjoni ta’ dritt. Kif diġà semmejt iktar ’il fuq ( 103 ), żball fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti huwa żball ta’ applikazzjoni ta’ regola għall-fatti. Ksur tad-dritt jista’ ma jkunx jikkonsisti biss f’interpretazzjoni żbaljata ta’ regola tad-dritt, iżda wkoll meta sitwazzjoni ta’ fatt partikolari tingħata kwalifikazzjoni ġuridika żbaljata.

200.

Peress li r-regola inkwistjoni hija l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 97/13, li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew l-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti, jidhirli li l-kwistjoni jekk hemmx proċedura waħda jew żewġ proċeduri distinti, fil-fatt għandha tiġi interpretata bħala l-kwistjoni jekk Orange u SFR bħala applikanti tal-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet, u Bouygues Télécom bħala applikanta tat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet, setgħux jitqiesu li kienu fl-istess sitwazzjoni fis-sens tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 97/13. Din il-kwistjoni hija kwistjoni ta’ dritt u b’hekk hija ammissibbli.

201.

Rigward il-fondatezza ta’ din il-kwistjoni, infakkar li mhuwiex suffiċjenti, biex jintwera li kien hemm diskriminazzjoni, li jsir riferiment għad-differenzi bejn iż-żewġ gruppi. Jeħtieġ li ċ-ċirkustanzi jkunu rilevanti fid-dawl tal-objettivi tal-qafas Komunitarju ( 104 ). Meta jitqiesu l-argumenti msemmija fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, li għalihom nagħmel riferiment ( 105 ), iċ-ċirkustanza li Orange u SFR kienu applikanti għall-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet u Bouygues Télécom applikanta għat-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet, ma tpoġġihomx f’sitwazzjoni differenti fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 97/13.

202.

Għaldaqstant nipproponi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

7. Bilanċ

203.

Bħala konklużjoni, nipproponi li t-tielet u r-raba’ aggravju jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom, waqt li tiġi ssostitwita parzjalment il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

B — Fuq it-tieni aggravju

204.

Fil-proċedura fil-prim’istanza, l-appellanti argumentaw li l-ilment li huma kienu ressqu lill-Kummissjoni jqajjem diffikultajiet serji u li din tal-aħħar b’hekk kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(3) KE ( 106 ).

205.

Fil-punti 86 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat dan l-ilment. Hija qalet li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(3) KE tkun ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji biex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna ( 107 ). Hija sussegwentement eżaminat jekk l-argumenti żviluppati mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kkontestata kinitx tqajjem diffikultà serja ( 108 ). Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel lok evalwat il-fondatezza tal-ilmenti tal-appellanti dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv, u sussegwentement ikkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma kinitx tikkostitwixxi diffikultà serja ( 109 ). Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat jekk l-awtoritajiet Franċiżi kinux josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Hija qalet li dan l-eżami ma kienx qajjem diffikultà serja ( 110 ).

206.

L-appellanti jsostnu li billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni kkonfondiet l-evalwazzjoni ta’ diffikultà serja u dik tal-fondatezza tad-deċiżjoni.

207.

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-analiżi tal-miżura statali għall-fażi preliminari, jekk, matul l-ewwel eżami, hija tkun kisbet il-konvinzjoni li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew hija, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mas-suq komuni ( 111 ). Jekk, għall-kuntrarju, l-ewwel eżami ma jkunx ippermettilha li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajjma, hija tkun obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 112 ).

208.

Il-kunċett ta’ diffikultà serja huwa ta’ natura oġġettiva. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha tiġi mfittxija kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-miżura statali inkwistjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha ( 113 ). Għaldaqstant hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiddetermina, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt partikolari għal kull kawża, jekk id-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom fl-eżami tal-miżura statali jkunux jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 114 ). Għalkemm il-Kummissjoni għandha obbligu fir-rigward tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija madankollu għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-riċerka u l-eżami taċ-ċirkustanzi tal-kawża biex tiddetermina jekk dawn jqajjmux diffikultajiet serji ( 115 ).

209.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx b’mod preċiż liema ċirkustanzi jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ diffikultà serja ( 116 ), nosserva li t-tliet tipi ta’ indikazzjonijiet segwenti ġew rikonoxxuti mill-ġurisprudenza.

210.

L-ewwel tip ta’ indikazzjoni jista’ jirriżulta mill-kontenut tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru matul il-fażi preliminari ( 117 ).

211.

F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet riferiment għal dokumentazzjoni relatata mal-kawża, fejn il-Kummissjoni semmiet kumplessità eċċezzjonali ( 118 ). Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat li dawk id-dokumenti ma kinux jirrigwardaw il-miżura inkwistjoni, iżda miżuri oħrajn li taw lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dik l-indikazzjoni b’hekk ma kinitx tindika l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Jiena nikkonstata li l-appellanti ma kkontestawx dik il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 119 ).

212.

It-tieni tip ta’ indikazzjoni huwa ż-żmien li jiddekorri matul il-proċedura tal-investigazzjoni preliminari fil-kawża.

213.

Jekk dan ikun qabeż b’mod notevoli ż-żmien normali ta’ fażi preliminari, dan jista’ jkun indikazzjoni ta’ diffikultà serja ( 120 ). Fil-punti 158 u 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, meta wieħed iqis l-ammont ta’ xogħol li kellha b’mod partikolari minħabba l-ilmenti l-oħrajn tal-appellanti, il-Kummissjoni ma ħaditx żmien irraġonevoli. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkonstatat, ta’ mill-inqas impliċitament, li ż-żmien li ddekorra ma kienx jindika diffikultà serja. Din l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma ġiet ikkontestata mill-appellanti.

214.

It-tielet tip ta’ indikazzjoni, li tista’ tindika l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, tikkonsisti fl-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat biex tadotta deċiżjoni fit-tmiem tal-fażi preliminari. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jqajjmu diffikultajiet li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 121 ).

215.

L-istħarriġ ta’ din l-indikazzjoni b’hekk jippresupponi, fil-fehma tiegħi, li fl-ewwel lok jiġu identifikati l-evalwazzjonijiet materjali li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni, biex sussegwentement jiġi mistħarreġ jekk il-Kummissjoni kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażat ( 122 ).

216.

Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta pproċediet kif hija għamlet f’din il-kawża. Jidhirli pjuttost li l-metodu applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza kien meħtieġ. Peress li huwa fil-kompetenza tal-Kummissjoni li tagħżel il-motivi li fuqhom hija tibbaża deċiżjoni, fl-ewwel lok għandhom jiġu identifikati l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha, qabel ma tevalwa jekk hija kellhiex biżżejjed elementi għad-dispożizzjoni tagħha biex tistabbilixxi l-evalwazzjonijiet rilevanti.

217.

Rigward il-kritika li tgħid li dik il-konstatazzjoni kienet biss waħda formali, ma jidhirlix li motivazzjoni estensiva hija neċessarja, jekk l-analiżi materjali tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni tkun turi li hija kellha l-elementi kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha.

218.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat it-tliet indikazzjonijiet tipiċi li jistgħu jindikaw diffikultà serja u li ebda waħda minn dawk l-indikazzjonijiet ma kienet tindika li kien hemm diffikultà serja. Fir-rigward tat-tielet indikazzjoni mqajjma mill-appellanti, jidhirli li l-metodu applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma vvizzjax is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

219.

Barra minn hekk, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni billi fittxet hija stess evalwazzjonijiet ta’ sostituzzjoni kumplessi. Skonthom, dan kien jindika li proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet meħtieġa.

220.

F’dan il-kuntest, nosserva fl-ewwel lok li mhuwiex il-fatt li l-evalwazzjonijiet meħtieġa jkunu kumplessi li jitlobu il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 123 ). Il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa neċessarju biss jekk il-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li fuqhom hija tibbaża d-deċiżjoni tagħha. B’hekk huwa biss f’każijiet fejn il-Kummissjoni ma tkunx kapaċi tegħleb dawk id-diffikultajiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari li proċedura ta’ investigazzjoni formali tkun neċessarja.

221.

Fit-tieni lok, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni u ssostitwietha bil-motivazzjoni tagħha stess. Jekk din l-allegazzjoni hija fondata, din tikkostitwixxi fiha nfisha żball ta’ liġi li jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex l-awtorità li tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-Kummissjoni bil-motivazzjoni tagħha ( 124 ). B’hekk hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dik l-allegazzjoni.

222.

L-ewwel, fir-rigward tal-kritika tal-appellanti li tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza qajmet dubju dwar ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-valur ekonomiku tal-liċenzji, nosserva li din il-kritika tirrigwarda l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni matul is-seduta ( 125 ). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, madankollu, kienet ibbażata fuq in-natura inċerta tal-liċenzji ( 126 ), fuq l-inevitabbiltà tal-miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi minħabba n-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju ( 127 ) u fuq l-argument li jgħid li l-liċenzji ma kellhomx jiġu ttrasferiti bi prezzijiet tas-suq ( 128 ). Il-kontestazzjoni tal-argumenti dwar il-valur ekonomiku tal-liċenzji b’hekk ma taffettwax il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

223.

Sussegwentement, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet fil-punti 113 sa 121 tas-sentenza appellata l-evalwazzjoni tagħha dwar l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv dovut għall-preċedenza tal-krediti minflok l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 113 sa 121 hija żbaljata. Għaldaqstant, kemm skont il-motivazzjoni sussidjarja tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata kif ukoll skont il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ( 129 ), l-ineżistenza ta’ vantaġġ selettiv hija bbażata fuq l-argument, li skontu l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet għall-operaturi kollha kienet inevitabbli skont ir-regoli tal-qafas Komunitarju.

224.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-differenza bejn ir-riskji li assumew Orange u SFR bħala applikanti għall-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet meta mqabbla ma’ Bouygues Télécom kif deskritt fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, dan huwa argument sussidjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt li l-argument deċiżiv kien l-inevitabbiltà tar-rinunzja parzjali u tal-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi skont l-istruttura tal-qafas Komunitarju.

225.

Fl-aħħar, rigward l-analiżi tad-diversi alternattivi li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi, nosserva li l-Kummissjoni kkunsidrat dawk l-alternattivi b’mod partikolari fil-punti 11, 12, 22, 23 u 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ma ssostitwietx il-motivazzjoni tal-Kummissjoni bil-motivazzjoni tagħha.

226.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-kritika ta’ sostituzzjoni tal-aggravji hija infondata. L-appellanti b’hekk ma jistgħux jibbażaw fuq dan l-argument biex isostnu li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji.

227.

Għaldaqstant nipproponi li t-tieni aggravju tal-appellanti jiġi miċħud bħala infondat.

C — Fuq l-ewwel aggravju

228.

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

229.

Għandu jitfakkar l-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għas-sentenza li hija tkun tat u lill-qorti kompetenti biex teżerċita l-isħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 130 ).

230.

L-appellanti jikkritikaw fl-ewwel lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni dwar in-natura u l-istruttura tas-sistema, mingħajr ma ddeskriviet b’mod suffiċjenti l-istruttura tas-sistema. Huma jallegaw li d-deskrizzjoni tagħha tas-sistema ma kinitx dettaljata biżżejjed u kienet kontradittorja.

231.

Għalkemm nikkunsidra li kull eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema għandha tkun immotivata b’mod espliċitu, il-kritika tal-appellanti ma jidhirlix li hija fondata f’din il-kawża.

232.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet l-elementi rilevanti tal-qafas Komunitarju u l-obbligi li jirriżultaw minnu għall-awtoritajiet Franċiżi ( 131 ). Peress li l-qafas Komunitarju kien isegwi diversi objettivi (b’mod partikolari li jinstabu erba’ operaturi sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni suffiċjenti ( 132 ), l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 133 ) u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa ( 134 ), kif ukoll l-osservanza tat-terminu ta’ skadenza tal-1 ta’ Jannar 2002 ( 135 )), il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet riferiment għad-diversi objettivi ta’ dik is-sistema ma jagħmilx il-motivazzjoni tagħha kontradittorja.

233.

Fit-tieni lok, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ppreċiżatx b’mod suffiċjenti r-rabta kawżali bejn in-natura u l-istruttura tas-sistema u r-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR.

234.

F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li, biex tiġi spjegata n-natura inevitabbli tar-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR minħabba n-natura u l-istruttura tal-qafas Komunitarju, ma kienx neċessarju li jsir riferiment għall-elementi kollha tal-qafas Komunitarju. F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-prinċipji ta’ trattament ugwali bejn l-operaturi għad-determinazzjoni tat-tariffi u n-neċessità tal-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva ( 136 ).

235.

Fit-tielet lok, għalkemm l-appellanti ma jikkritikawx espliċitament li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ppreċiżatx ir-rabta kawżali bejn in-natura u l-istruttura tas-sistema u l-għoti minn qabel tal-liċenzji lil Orange u lil SFR, ser nindirizza wkoll dan l-ilment għal finijiet ta’ kompletezza.

236.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata għaliex l-għoti minn qabel kien inevitabbli ( 137 ). Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza pprovdiet tali spjegazzjoni fil-punti 139 sa 142 tas-sentenza appellata, fejn hija għamlet riferiment għall-obbligu tal-awtoritajiet Franċiżi li josservaw it-terminu ta’ skadenza tal-1 ta’ Jannar 2002. L-appellanti b’hekk kellhom il-possibbiltà li jkunu jafu r-raġuni ta’ inevitabbiltà tal-għoti minn qabel tal-liċenzji u l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-possibbiltà li teżerċita l-isħarriġ ġudizzjarju tagħha. Bħala konsegwenza, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma semmietx ir-raġuni tal-inevitabbiltà fil-punti 139 sa 142 tas-sentenza appellata, b’hekk ma jirrappreżentax ksur sostanzjali tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

237.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju b’hekk huwa infondat. Jiena b’hekk nipproponi li jiġi miċħud.

D — Bilanċ

238.

Fil-fehma tiegħi, l-aggravji kollha tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda. L-appell tal-appellanti b’hekk għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

VII — Fuq l-ispejjeż

239.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) jipprevedi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

240.

Peress li l-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, Orange u SFR talbu li Bouygues u Bouygues Télécom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, u dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż.

241.

Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII — Konklużjoni

242.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

tiċħad l-appell;

2)

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż;

3)

tordna li r-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ġabra p. II-2097.

( 3 ) ĠU 2005 C 275, p. 3.

( 4 ) ĠU L 117, p. 15.

( 5 ) ĠU 1999 L17, p. 1.

( 6 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Għal emendi oħra ta’ kundizzjonijiet ta’ natura teknika, ara l-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 8 ) Proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

( 9 ) Digriet tal-14 ta’ Frar 2005, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T-81/04).

( 10 ) Ara l-punti 95 sa 126 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Ara l-punti 106 sa 112 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Ara l-punt 107 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Ara l-punti 108 sa 112 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Ara l-punti 113 sa 125 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Ara l-punti 115 sa 122 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Ara l-punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata.

( 17 ) Ara l-punti 127 sa 154 tas-sentenza appellata.

( 18 ) Ara l-punt 155 tas-sentenza appellata.

( 19 ) Ara l-punti 86 sa 93, 126 u 155 sa 160 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara d-deskrizzjoni fil-punti 27 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara l-punti 95 sa 126 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Ara l-punt 3 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 1991 fil-kawża Costacurta vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, C-145/90 P, Ġabra p. I-5449); K. Lenaerts,. D. Arts,. I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-tieni edizzjoni, Londra 2006, p. 457, punt 16-007.

( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 49); tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni (C-53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 42); K Lenaerts,. D Arts,. I. Maselis, op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 455, punt 16-005.

( 24 ) K Lenaerts,. D Arts,. I. Maselis,,op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 457, punt 16-006.

( 25 ) Ara l-punt 14 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Ara l-punti 108 sa 112 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Ara l-punt 108 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Ara l-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Ara l-punt 110 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Ara l-punt 111 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Ara l-punti 108 sa 111 tas-sentenza appellata.

( 32 ) Din ma kinitx tirrigwarda l-inevitabbiltà tal-vantaġġi l-oħrajn allegati mill-appellanti, bħall-allegat vantaġġ temporali dovut għall-fatt li l-liċenzji kienu ngħataw minn qabel jew l-allegat vantaġġ ta’ għażla ggarantita.

( 33 ) Sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709, punt 33).

( 34 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 42).

( 35 ) Sentenzi tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino (C-128/03 u C-129/03, Ġabra p. I-2861, punt 39).

( 36 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ din l-eċċezzjoni għall-ewwel darba fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 33).

( 37 ) Sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 33, punt 33); tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni (C-251/97, Ġabra p. I-6639, punt 36); tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 33).

( 38 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Ávala vs Il-Kummissjoni (T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 60).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punti 137 u 138); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 51); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 119) u tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-66/02, Ġabra p. I-10901, punti 94 sa 102). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċerti sentenzi, in-natura selettiva ta’ miżura u l-eċċezzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema huma eżaminati separatament, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C-53/00, Ġabra p. I-9067, punti 17 u 18) u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T-233/04, Ġabra p. II-591, punti 97 sa 99), kif ukoll il-punti 315 sa 319 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger tad-9 ta’ Frar 2006 fil-kawża Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq.

( 40 ) Ara Heidenhain, Handbuch des Europäischen Beihilfenrecht, Munich, 2003, p. 163.

( 41 ) Ara l-punti 39 sa 43 tas-sentenza AEM u AEM Torino (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35).

( 42 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, Ġabra p. 1205, punt 31) u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 100).

( 43 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1982, Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor Will et (213/81 sa 215/81, Ġabra p. 3583, punt 22); Heidenhain, op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40), p. 23.

( 44 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata) u Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 100).

( 45 ) Approċċ komparabbli ġie applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 100 sa 105).

( 46 ) Ara l-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li l-qafas Komunitarju ma kienx jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi li jirrikorru għal irkanti pubbliċi, ara l-punt 108 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Punt 108 tas-sentenza appellata.

( 49 ) Punt 129 tas-sentenza appellata.

( 50 ) R. Herny,,“Principe d’égalité et principe de non-discrimination dans la jurisprudence de la Court de justice des Communautés européennes”, LGDJ, 2003, p. 357 igħid li m’hemmx similarità jew singularità fis-sitwazzjonijiet minnhom nfushom, iżda li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni għandha ssir biss skont is-suġġett u l-għan tar-regola. Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 47); tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I-8365, punti 41 u 42) u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 40). Huwa minnu li dawn is-sentenzi jirreferu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, jiena tal-fehma li wieħed jista’ jiddeduċi minn din il-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni, dwar jekk żewġ sitwazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit jekk humiex komparabbli jew differenti, għandha ssir billi jiġu kkunsidrati l-objettivi tal-qafas Komunitarju.

( 51 ) R. Herny,,op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50) paġna 263.

( 52 ) Punt 145 tas-sentenza appellata.

( 53 ) Fl-appell tagħhom, l-appellanti ma jidhrux li qed jikkontestaw il-prinċipju li jgħid li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jirrinunzjaw parzjalment għall-krediti dovuti minn Orange u SFR. Skonthom, waħda mill-alternattivi li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi kienet li jibdew il-proċedura sħiħa ab initio, li kienet twassal għal kundizzjonijiet identiċi għall-applikanti kollha magħżula minn dik il-proċedura ġdida. Dak li l-appellanti jikkritikaw, min-naħa l-oħra, huwa kif il-mod li bih ipproċedew l-awtoritajiet Franċiżi ta vantaġġ lil Orange u SFR fil-forma ta’ għoti minn qabel tal-liċenzji u garanzija li jintgħażlu.

( 54 ) Kif diġà semmejt iktar ’il fuq (ara l-punti 106 u 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dan l-eżami huwa limitat għall-kwistjoni jekk ir-rinunzja parzjali għall-krediti dovuti minn Orange u SFR kinitx inevitabbli. Kwistjoni oħra hi li jiġi evalwat il-mod kif ipproċedew l-awtoritajiet Franċiżi meta organizzaw żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet suċċessivi u applikaw retroattivament kundizzjonijiet identiċi għall-applikanti taż-żewġ sejħiet. Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata ulterjorment (ara l-punti 144 sa 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 55 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29); K. Lenaerts,, D. Arts,, I. Maselis, op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 465, punt 16-019.

( 56 ) Ara l-punti 104 sa 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 58 ) Ara l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 59 ) Ara l-punti 113 sa 115 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Ara l-punti 115 sa 121 tas-sentenza appellata.

( 61 ) Kif imsemmi iktar ’il fuq (ara l-punt 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet), parti ta’ aggravju tkun inoperattiva, jekk il-konklużjoni kkontestata tista’ tkun ibbażata fuq motivazzjoni alternattiva u l-parti b’hekk ma tkunx tista’ tpoġġi f’dubju l-konklużjoni kkontestata.

( 62 ) Ara l-punti 113 u 114 tas-sentenza appellata.

( 63 ) Ara l-punti 115 sa 121 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Ara l-punt 122 tas-sentenza appellata.

( 65 ) Sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni (T-67/94, Ġabra p. II-1, punt 52); tas-7 ta’ Ġunju 2006, Ufex et vs Il-Kummissjoni (T-613/97, Ġabra p. II-1531, punt 67).

( 66 ) W Cremer,.,“Artikel 87”, f’ Ch. Callies, u M. Ruffert, Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, edizzjoni Beck, it-tielet edizzjoni, 2007, p. 1176, punt 21.

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 71). Skont din is-sentenza, “hemm lok li npoġġu ruħna fil-kuntest taż-żmien li matulu l-miżuri […] ittiedħu […] u li b’hekk noqogħdu lura minn kwalunkwe evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm dan il-punt jirreferi għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur infurmat f’ekonomija tas-suq, jiena tal-fehma li għal dak li għandu x’jaqsam mal-mument rilevanti, din ir-regola tista’ tiġi applikata f’din il-kawża. Ara wkoll is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 41), li tgħid li huwa irrilevanti li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju ma tkunx evolviet maż-żmien. B’hekk għandhom jiġi eżaminati l-kundizzjonijiet applikabbli fil-mument meta ttieħdet il-miżura statali.

( 68 ) Tali approċċ lanqas m’hu konformi mal-prinċipju ta’ notifikazzjoni minn qabel tal-għajnuniet tal-Istati.

( 69 ) Ara l-punt 123 tas-sentenza appellata.

( 70 ) Ara l-punt 123 tas-sentenza appellata.

( 71 ) Fir-rigward tal-bażi ġuridika ta’ din l-eċċezzjoni, nirreferi għall-punti 108 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Ara l-punti 127 sa 154 tas-sentenza appellata. F’dan il-kuntest, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina separatament l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fil-punti 95 sa 126 tas-sentenza appellata u l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-punti 127 sa 154 tas-sentenza appellata jidhirli li huwa żbaljat. L-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ għajnuna tiddependi mill-kwistjoni jekk il-miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi kinux meħtieġa mill-qafas Komunitarju. Peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa element ta’ dan il-qafas Komunitarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha eżaminat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bħala element tal-qafas Komunitarju.

( 73 ) Ara l-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata.

( 74 ) Ara l-punt 141 tas-sentenza appellata.

( 75 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23); K. Lenaerts, D. Arts,, I. Maselis,,op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 453, punt 16-003.

( 76 ) Ara l-punt 146 tas-sentenza appellata.

( 77 ) Ara l-punt 158 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Ara l-punt 123 tas-sentenza appellata.

( 79 ) Punt 109 tas-sentenza appellata b’riferiment għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 90).

( 80 ) Ara l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13/KE.

( 81 ) Ara l-punt 116 tas-sentenza appellata.

( 82 ) Ara l-punti 117 sa 126 tas-sentenza appellata.

( 83 ) L-argument tal-appellanti huwa indirizzat kontra r-raġunament żbaljat tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 113 sa 122 tas-sentenza appellata.

( 84 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1990, Sens vs Il-Kummissjoni (T-117/89, Ġabra p. II-185, punt 20).

( 85 ) Ara l-punt 109 tas-sentenza appellata b’riferiment għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79, punt 90).

( 86 ) Ara l-punt 148 tas-sentenza appellata.

( 87 ) Sostituzzjoni tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tippermetti wkoll li jiġi rrimedjat l-approċċ żbaljat tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta eżaminat separatament l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fil-punti 95 sa 126 tas-sentenza appellata u l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-punti 127 sa 154 tas-sentenza appellata (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 72).

( 88 ) K. Lenaerts,, D. Arts, I. Maselis, Procedural Law of the European Union, op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 463, punt 16-017.

( 89 ) Digriet tat-23 ta’ Mejju 2007, Smanor et vs Il-Kummissjoni (C-99/07 P, punti 34 sa 36).

( 90 ) Digriet tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament (C-488/01 P, Ġabra p. I-13355, punti 39 sa 41).

( 91 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 tas-sentenza appellata, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30) u tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et (C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 16).

( 92 ) Ara l-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Ara l-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Ara l-punti 104 sa 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 95 ) Kif diġà semmejt iktar ’il fuq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 72), il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha eżaminat l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-eżami dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Madankollu, l-appellanti ma attakkawx dak l-element tas-sentenza.

( 96 ) Ara l-punt 135 tas-sentenza appellata.

( 97 ) Ara l-punt 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 98 ) Ara l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 97/13.

( 99 ) Ara l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 97/13.

( 100 ) Ara l-Artikolu 10(3) KE.

( 101 ) Ara l-punti 132 sa 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 102 ) Ara l-punt 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 103 ) Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 104 ) Ara l-punti 123 u 184 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 105 ) Ara l-punti 180 sa 197 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 106 ) Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.

( 107 ) Ara l-punti 89 sa 91 tas-sentenza appellata.

( 108 ) Ara l-punt 93 tas-sentenza appellata.

( 109 ) Ara l-punt 126 tas-sentenza appellata.

( 110 ) Ara l-punt 155 tas-sentenza appellata.

( 111 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punti 38 u 39); tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, (T-289/03, Ġabra p. II-289, punt 329); tal-1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni (T-27/02, Ġabra p. II-4177, punt 52) u tat-8 ta’ Novembru 1990, Barbi vs Il-Kummissjoni (T-73/89, Ġabra p. II-619, punt 42). Għal analiżi fil-fond dwar ir-relazzjoni bejn il-fażi preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ara l-punti 17 sa 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro ppreżentati fil-31 ta’ Marzu 1993 fil-kawża Cook vs Il-Kummissjoni (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, C-198/91, Ġabra p. I-2487) u l-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven ippreżentati fit-28 ta’ April 1993 fil-kawża Matra vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, C-225/91, Ġabra p. I-3203).

( 112 ) Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 166); tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-49/93, Ġabra p. II-2501, punt 58) u tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (T-73/98, Ġabra p. II-867, punt 42).

( 113 ) Sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punt 47).

( 114 ) Sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punt 43).

( 115 ) Sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punt 43).

( 116 ) Ara l-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber, ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2000, fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, C-204/97, Ġabra p. I-3175).

( 117 ) Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven tat-28 ta’ April 1993 fil-kawża Matra vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 111); sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni (T-46/97, Ġabra p. II-2125, punt 4).

( 118 ) Ara l-punt 157 tas-sentenza appellata.

( 119 ) Fl-appell tagħhom, l-appellanti jirreferu biss għall-punti 93, 94, 126 u 155 tas-sentenza appellata.

( 120 ) Sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, Ġabra p. 1451, punti 15 sa 17); SIC vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 117, punti 102 sa 107); Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punti 53 sa 85); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber, tat-18 ta’ Mejju 2000, fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punt 43).

( 121 ) Sentenza Cook vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 111, punt 31); SIC vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 117, punti 74 sa 85); Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punti 86 sa 107); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 45 sa 51).

( 122 ) Ara l-mod kif ipproċediet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni (T-158/99, Ġabra p. II-1).

( 123 ) Sentenza BUPA et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 111, punt 333).

( 124 ) K. Lenaerts,, D. Arts,, I. Maselis, op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 456, punt 16-005.

( 125 ) Kif qalet espliċitament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 105 tas-sentenza appellata, hija kkontestat l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni matul is-seduta. Hija m’għamlitx riferiment għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

( 126 ) Ara l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 127 ) Ara l-punti 28 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 128 ) Ara l-punti 29 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 129 ) Ara l-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 130 ) Sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24); tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53) u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni (C-446/00 P, Ġabra p. I-10315, punt 20); K. Lenaerts,, D. Arts,, I. Maselis,,op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), p. 457, punt 16-008.

( 131 ) Ara b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-qafas Komunitarju fil-punti 2 sa 8 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punti 108 sa 112, 123 sa 125 u 134 sa 148 tas-sentenza appellata.

( 132 ) Ara b’mod partikolari l-punt 134 tas-sentenza appellata.

( 133 ) Ara b’mod partikolari l-punt 108 tas-sentenza appellata

( 134 ) Ara b’mod partikolari l-punti 108 u 134 tas-sentenza appellata.

( 135 ) Ara b’mod partikolari l-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata.

( 136 ) Ara l-punti 106, 107 u 118 sa 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 137 ) Kif issemma iktar ’il fuq (ara l-punt 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha, f’dawn il-punti, li tispjega għaliex l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi għal-liċenzji ta’ Orange, SFR u Bouygues Télécom kienet inevitabbli.