KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008 ( 1 )

Kawża C-405/07 P

Ir-Renju tal-Olanda

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Artikolu 95(5) KE — Direttiva 98/69/KE — Miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur — Dispożizzjoni nazzjonali derogatorja li tantiċipa t-tnaqqis tal-valur limitu Komunitarju għall-emissjonijiet ta’ partiċelli prodotti minn ċerti vetturi ġodda b’magna diesel — Rifjut tal-Kummissjoni — Natura speċifika tal-problema — Dmir ta’ diliġenza u obbligu ta’ motivazzjoni”

I — Introduzzjoni

1.

Id-dritt Komunitarju jirregola l-limiti fuq l-emissjoni ta’ partiċelli kkawżata minn vetturi b’magna diesel. Ir-Renju tal-Olanda jikkontempla madankollu li ma jawtorizzax ħlief vetturi li josservaw standards ogħla. Din il-miżura hija intiża li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kwantità ta’ partiċelli preżenti fl-arja ċirkostanti. Fil-fatt, f’ħafna partijiet tal-pajjiż, il-valuri limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju għall-konċentrazzjoni ta’ partiċelli fl-arja ċirkostanti huma maqbuża.

2.

Din hija r-raġuni għaliex ir-Renju tal-Olanda talab lill-Kummissjoni sabiex, skont l-Artikolu 95(5) KE, huwa jkun jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet fuq il-limiti għall-emissjoni ta’ partiċelli. Madankollu l-Kummissjoni ċaħdet din it-talba permezz tad-deċiżjoni kkontestata ( 2 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza, min-naħa tagħha, ċaħdet ir-rikors tar-Renju tal-Olanda li kien intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 3 ).

3.

B’dan l-appell, ir-Renju tal-Olanda jakkuża lill-Kummissjoni bil-fatt li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport li għandu data ġdida dwar it-tniġġiż tal-arja fl-Olanda. Billi ċaħdet dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligi ta’ diliġenża u ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni. Barra dan, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda, fis-sens tal-Artikolu 95(5) KE hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

II — Il-kuntest ġuridiku

4.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet il-kuntest ġuridiku bil-mod segwenti, fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza tagħha:

“1

L-Artikolu 95 KE jipprovdi, fil-paragrafi (4) sa (6) tiegħu:

‘4.   Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

5.   Aktar minn hekk, mingħajr preġudizzjoni għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida, li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le, mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le, ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummssjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.’

2

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU L 296, p. 55), tiddisponi fl-Artikolu 7(3) tagħha li, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li ser jittieħdu fuq żmien qasir fil-każ ta’ riskju li jinqabżu l-valuri limiti jew il-livelli ta’ allarm għal-livelli ta’ tniġġis fl-arja ċirkostanti, sabiex jitnaqqas ir-riskju li jinqabżu u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ hekk. Dawn il-pjani jistgħu jipprevedu, skont il-każ, miżuri ta’ kontroll u, fejn ikun meħtieġ, sospensjoni tal-attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu sabiex il-valuri limiti jinqabżu.

3

Skont l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 96/62, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-okkorrenza tal-livelli ta’ tniġġis li jaqbżu l-valuri limiti miżjud mal-marġni tat-tolleranza, fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem ta’ kull eżerċizzju.

4

Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE (ĠU L 350, p. 1), daħlet fis-seħħ fit-, id-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5

Dan it-test jissuġetta għal valur limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ massa ta’ partiċelli (P) ta’ 25 mg/km il-vetturi b’magna diesel li jaqgħu, minn naħa, taħt il-kategorija M (karozzi privati), definiti fl-Anness IIA, tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta’ Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, p.1) — bl-eċċezzjoni ta’ vetturi b’piż li mhuwiex inqas minn 2500 kg — u, min-naħa l-oħra, tal-kategorij N1, klassi I, (vetturi kummerċjali ta’ piż awtorizzat ta’ mhux inqas minn 1305 kg).

6

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/69:

‘[…] l-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur:

jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip KE bi qbil ma’ l-Artikolu 4(1) ta’ Direttiva 70/156/KEE, jew

jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta’ vetturi, bi qbil ma’ l-Artikolu 7 ta’ Direttiva 70/156/KEE,

jekk il-vetturi jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva.’

7

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/30 KE tat-22 ta’ April 1999, dwar l-iffissar tal-valuri limiti għad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, għall-materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU L 163, p. 41), flimkien mad-Direttiva 96/62, jistabbilixxu valuri limiti applikabbli b’mod partikolari għall-konċentrazzjonijiet tal-partiċelli “PM10 ” fl-arja ċirkostanti, u hija legalment vinkolanti mill-.

8

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/30, il-partiċelli PM10 huma mfissra kif ġej:

‘11)

‘PM10’: tfisser materja f’ partiċelli li tgħaddi minn daħla ta’ daqs selettiv b’effiċjenza ta’ 50 % maqtugħa b’10 dijametru erodinamiku;’

9

Fl-Artikolu 5 tagħha, id-Direttiva 1999/30 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali ma teċċedix il-valuri limiti stabbiliti fis-Sezzjoni I ta’ l-Anness III.”

5.

Sadanittant ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 715/2007, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi ( 4 ). L-istandard ta’ emissjoni Euro 5 jipprevedi tnaqqis fil-valur limitu għall-konċentrazzjoni ta’ massa ta’ partiċelli (PM) għal 5mg/km. Fil-prinċipju, it-tipi ġodda ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali b’magna diesel għandu jkollhom filtru tal-partiċelli b’effett minn Settembru 2009, filwaqt li l-vetturi ġodda li jkunu diġà ġew approvati għandhom jiġu mgħammra bil-filtru msemmi b’effett minn Jannar 2011.

6.

Barra minn hekk, fil-21 ta’ Mejju 2008, ġiet adottata d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa ( 5 ). Din id-Direttiva tissostitwixxi b’mod partikolari d-Direttiva 96/62 u d-Direttiva 1999/30. L-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva l-ġdida, taħt ċertu kundizzjonijiet, jillibera lill-Istati Membri mill-obbligu li josservaw il-valuri limiti. Għall-PM10 l-imsemmija eżenzjoni tingħata għal 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri sa l-2011.

III — Proċedura amministrattiva

7.

Ir-Renju tal-Olanda, fit-2 ta’ Novembru 2005, talab il-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni sabiex, għall-emissjonijiet ta’ partiċelli ta’ ċerti vetturi b’magna diesel, japplika standards ogħla minn dawk previsti mid-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri li huma s-suġġett tat-talba għall-awtorizzazzjoni fil-punt 6 tad-deċiżjoni 2006/372/KE, bil-mod segwenti:

“Ir-Renju ta’ l-Olanda nnotifikat lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ digriet intiż li jimponi valur limitu obbligatorju ta’ 5 mg kull kilometru għall-emissjonijiet ta’ partiċelli f’dak li jikkonċerna l-vetturi kummerċjali ta’ piż massimu permissibbli ta’ 1305 kg (vetturi N1, klassi I) u l-vetturi ħfief għall-passiġġieri (vetturi M1), kif definiti fl-Artikolu 1.1 (h) u 1.1 (at) tal-Voertuigreglement. Id-digriet għandu japplika għall-vetturi kollha ta’ dawn it-tipi użati għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Diċembru 2006 u armati b’magna diesel. Dan jimplika li dawn il-vetturi għandu jkollhom għarbiel għall-partiċelli.”

8.

Il-kumplament tal-proċedura tinsab deskritta bil-mod kif ġej fil-punti 21 sa 26 tas-sentenza kkontestata:

“21

B’ittra tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern Olandiż li rċeviet in-notifika tiegħu u informatu li t-terminu ta’ sitt xhur mogħti lilu skond l-Artikolu 95(6) KE, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ deroga, beda jiddekorri fil-, l-għada tal-ġurnata li fiha rċeviet in-notifika.

22

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-Olanda għas-sena 2004, stabbilit b’applikazzjoni tad-Direttiva 96/62, ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2006 u rreġistrat minnha fl-10 ta’ Frar ta’ wara.

23

B’ittra tal-10 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ rapport stabbilit f’Marzu 2006 mill-Milieu- en Natuurplanbureau (l-Aġenzija Olandiża għall-evalwazzjoni tal-ambjent, il-“MNP”), intitolat “Nieuwe inzichten in de omvang van de fijnstofproblematiek” (“Indikazzjonijiet ġodda fuq il-portata tal-problemi tal-partiċelli”).

24

Sabiex tevalwa l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni talbet opinjoni xjentifika u teknika minn konsorzju ta’ konsulenti kkoordinat min-Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuur-wetenschappelijk onderzoek (l-Organizzazzjoni Olandiża għar-riċerja xjentifika applikata).

25

Dan il-korp ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2006.

26

Bid-Deċiżjoni 2006/372/KE, il-Kummissjoni ċaħdet l-abbozz tad-digriet innotifikat, minħabba l-fatt li “ir-Renju ta’ l-Olanda ma [kienx] wera l-eżistenza ta’ problema speċifika fid-dawl tad-Direttiva 98/69” u li “il-miżura nnotifikata ma [kinitx] proporzjonata ma’ l-għanijiet imfittxija”.”

IV — Proċedura fl-ewwel istanza u t-talbiet tal-partijiet

9.

Fit-12 ta’ Lulju 2006, ir-Renju tal-Olanda ressaq rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata Nru 2006/372 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

10.

Fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Gvern Olandiż spjega li d-deċiżjoni inkwistjoni hija kuntrarja għar-regoli sostanzjali tal-Artikolu 95 KE u għall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 253 KE, l-ewwel, inkwantu tiskarta l-eżistenza ta’ problema speċifika għall-Olanda li seħħet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69, u dan, b’mod partikolari, mingħajr ma eżaminat id-data rilevanti mibgħuta mill-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni, inkwantu tqis li l-abbozz ta’ digriet innotifikat mhuwiex proporzjonat mal-għanijiet imfittxija mir-Renju tal-Olanda.

11.

B’sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat deċiżjoni fuq ir-rikors wara l-proċedura mħaffa. Fl-imsemmija proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat biss l-ewwel motiv tar-rikors, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data mogħtija mir-Renju tal-Olanda kif ukoll tal-prova tal-eżistenza ta’ problema speċifika f’dan il-pajjiż. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argumenti tal-gvern Olandiż.

12.

Dan l-appell tar-Renju tal-Olanda huwa fil-fatt dirett kontra din is-sentenza. Il-Gvern Olandiż jikkontesta ż-żewġ partijiet tal-evalwazzjoni magħmula fl-ewwel istanza u jitlob li l-Qorti jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi l-motivi l-oħra tar-rikors, u

tikkundanna lill-kontroparti għall-ispejjeż.

13.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell inammissibbli, jew, sussidjarjament, tiċħdu, u

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

14.

Kull parti ppreżentat is-sottomissjonijiet tagħha. Ma kien hemm ebda seduta.

V — Evalwazzjoni ġuridika

15.

Ir-Renju tal-Olanda u l-Kummissjoni ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju li, fl-Olanda, jiġu ffissati valuri limiti għall-emissjonijiet ta’ partiċelli prodotti mill-vetturi b’magna diesel iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 98/69.

16.

Ir-Renju tal-Olanda jista’ jintroduċi sistema li teżenta mid-Direttiva 98/69 biss wara li l-Kummissjoni tkun tat l-awtorizzazzjoni tagħha. Dan joħroġ mill-Artikolu 95(5) u (6) KE, meta l-Gvern Olandiż jeżenta b’hekk a posteriori att ġuridiku bbażat fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 95 KE).

17.

Skont l-Artikolu 95(5) KE, l-Istat Membru huwa obbligat li jinnotifika lill-Kummissjoni bil-motivi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati ( 6 ). Huwa l-obbligu tiegħu li jipprova dawn il-motivi ( 7 ).

18.

L-Istat membru għandu, fl-ewwel lok, juri li l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni hija bbażata fuq provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent u jew mal-qasam tax-xogħol. Barra minnhekk, huwa għandu juri li l-imsemmija introduzzjoni ssir minħabba problema li hija speċifika għalih u li rriżultat wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni ( 8 ).

19.

Meta tinġieb din il-prova, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 95(6) KE, tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali humiex, jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux inkella le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

20.

Din il-proċedura ta’ appell tirrigwarda esklużivament l-applikazzjoni tal-Artikolu 95(5) KE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tabilħaqq ikkonstatat li r-Renju tal-Olanda effettivament kien ippreżenta provi xjentifiċi ġodda ( 9 ), iżda hija sostniet li fl-Olanda ma kinitx teżisti problema speċifika. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi mqajmin f’dan ir-rigward mir-Renju tal-Olanda, u kkonfermat din il-konstatazzjoni.

21.

B’dan l-appell, il-Gvern Olandiż jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn banda, erronjament aċċettat li l-Kummissjoni kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport li ġie ppreżentat lilha (punt A iktar ’l isfel), u mill-banda l-oħra, li kkonstatat li l-eżami tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk teżistix problema speċifika fl-Olanda kien suffiċjenti (punt B iktar ’l isfel).

22.

Inkwantu dawn iż-żewġ aggravji tal-appell jinvokaw żbalji tad-dritt kontenuti fis-sentenza appellata, jiena ser nivverifika, barra minn hekk, jekk il-parti dispożittiva tas-sentenza tistax tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata għal motivi oħra tad-dritt (punt Ċ). F’dan il-każ ukoll, ikun hemm lok li l-appell jiġi miċħud ( 10 ).

A — Fuq l-ewwel aggravju tal-appell — it-trattament riżervat għar-rapport Olandiż

23.

Dan l-aggravju huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li l-Kummissjoni erronjament sostniet li r-rapport fuq il-kwalità tal-arja fl-Olanda fl-2004 kien għadu ma kienx disponibbli.

1. Fuq id-diversi rapporti

24.

Skont l-Artikolu 11(1)(a)(i) tad-Direttiva 96/62 l-Istati Membri, kull sena, għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar il-kwalità tal-arja li jindika ż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet speċifiċi li fihom il-livell tal-inkwinant, wieħed jew iktar, jeċċedi s-somma tal-valur limitu magħdud mal-marġni ta’ eċċess.

25.

Fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li r-Renju tal-Olanda kienet għadha ma bagħtitx data għas-sena 2004. Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit li din il-konstatazzjoni hija żbaljata. Fil-punt 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni rċeviet ir-rapport inkwistjoni fit-8 ta’ Frar 2006 u rreġistratu fir-reġistru tagħha fl-. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata ħlief tliet xhur wara.

26.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-rapport iċċitat iktar ‘il fuq, dwar il-kwalità tal-arja fl-2004, u żewġ rapporti oħra.

27.

Minn banda, ir-Renju tal-Olanda, f’Marzu 2006, bagħat rapport tal-Aġenzija Olandiża għall-evalwazzjoni tal-ambjent ( 11 ), magħruf bħala r-rapport MNP. Fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-istess rapport, tafferma li l-konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli huma inqas b’madwar 10 sa 15 % tat-testijiet preċedenti. Dejjem skont ir-rapport MNP, in-numru ta’ żoni fejn il-valuri limiti tal-kwalità tal-arja jiġu maqbuża għandu jitnaqqas bin-nofs fl-2010 fil-konfront tas-sena 2005 u fl-2015 fil-konfront tas-sena 2010.

28.

Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni inkarigat konsorzju ta’ konsulenti kkoordinat mill-Organizzazzjoni Olandiża għar-riċerka xjentifika applikata ( 12 ) sabiex jeżamina t-talba tal-Olanda. Ir-riżultati ta’ dan l-eżami ngħataw fir-rapport, magħruf bħala r-rapport TNO, tas-27 ta’ Marzu 2006. Il-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq dan l-aħħar rapport sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

29.

Ir-rapport TNO juri li tal-inqas l-esperti tal-Kummissjoni kienu jafu bid-data l-ġdida fuq il-kwalità tal-arja fl-Olanda fl-2004. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiċċita dan ir-rapport fil-punt 44 tas-sentenza appellata, bil-mod segwenti:

“Id-data preliminari kkomunikata mir-Renju ta’ l-Olanda fir-rigward tal-qbiż fil-2004 juru sitwazzjoni differenti għal dik ta’ l-2003. F’kull żona, nikkonstataw qabża għall-PM10 ta’ mill-inqas waħda mill-valuri limiti miżjuda tal-marġni ta’ tolleranza.”

2. Evalwazzjoni ġuridika ta’ dan l-aggravju

30.

B’dan l-aggravju, il-Gvern Olandiż jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tagħha tal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

Fuq l-ammissibbiltà

31.

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Olanda m’għadux iġġustifikat jilmenta fir-rigward tar-rapport tas-sena 2004, minħabba li huwa ppreżenta l-imsemmi rapport tard wisq. Barra minn hekk, b’dan l-aggravju tal-appell, ir-Renju tal-Olanda jikkontesta biss il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

32.

L-ewwel oġġezzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda, inkwantu din hija nieqsa — tal-inqas f’dan il-każ — minn kull bażi. Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Stat Membru ppreżentati tardivament fil-proċedura amministrattiva taqa’ prinċipalment taħt il-fondatezza tar-rikors.

33.

Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt tista’ tiġi invokata, fl-analiżi tal-ammissibbiltà, fil-konfront ta’ appell jew fil-konfront ta’ ċerti aggravji tal-appell. Madankollu għal din ir-raġuni, jeħtieġ li l-Istat membru jkun nibbet fil-Kummissjoni l-aspettattiva leġittima fil-fatt li l-imsemmi Stat membru ma jkunx ippreżenta xi informazzjoni oħra jew, fi kwalunkwe każ, ma jkun għamel l-ebda lment,tal-inqas fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti dokumenti. Madankollu, l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li teżisti tali ċirkustanza straordinarja u, barra minn hekk, mhemm xejn li jippermetti li din tiġi affermata.

34.

Barra minn hekk, l-iktar l-iktar tali oġġezzjoni ma tistax issir ħlief fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ rikors fil-Prim’Istanza, iżda mhux fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ appell. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tafferma li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li r-rikors tar-Renju tal-Olanda kien ammissibbli fuq dan il-punt.

35.

It-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni kontra l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju hija bbażata, min-naħa tagħha, fuq prinċipju rikonoxxut fil-qasam tal-appelli: skont l-Artikolu 225 KE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tevalwa u tagħmel osservazzjonijiet fuq il-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. Għalhekk, ħlief f’każ ta’ interpretazzjoni ħażina, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 13 ).

36.

Bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, l-ilment magħmul mill-Gvern Olandiż ma jirrigwardax il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dawn il-konstatazzjonijiet mhumiex ikkontestati. Il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn dawn il-konstatazzjonijiet, setgħetx sewwasew tislet il-konklużjoni li l-Kummissjoni ma naqsitx la mid-dmir ta’ diliġenza tagħha u lanqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Hemmhekk tkun tirrigwarda punt ta’ dritt. Hawnhekk ukoll jeħtieġ li din l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni tiġi miċħuda.

37.

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tal-appell huwa ammissibbli.

Dwar il-fondatezza

38.

L-obbligi ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kompetenzi li hija eżerċitat f’din il-kawża. Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li l-Kummissjoni għandha tagħmel fil-kuntest tal-Artikolu 95(5) u (6) KE, jeħtieġ li din tingħatalha setgħa wiesa’ ta’ evalwazzjoni ( 14 ).

39.

Madankollu, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju jinsab ristrett bil-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordni ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi jieħu ċertu importanza dejjem iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji nsibu, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti ( 15 ). L-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja jestendi wkoll għalhekk għall-kwistjoni dwar jekk l-elementi ta’ prova invokati fid-deċiżjoni jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jikkorroboraw il-konklużjonijiet li jiġu mislutin minnha ( 16 ).

40.

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rapport għas-sena 2004 jikkontjenix data rilevanti. F’dan ir-rigward, fir-rapport TNO ġie kkonstatat li d-data ġdida turi stampa differenti meta mqabbla mad-data preċedenti. B’hekk, it-tibdil fid-data huwa neċessarjament sinjifikattiv għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-Olanda. Għaldaqstant, din id-data ġdida kienet rilevanti.

41.

Il-mument li fih ġiet ikkomunikata din id-data tqajjem madankollu l-punt dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tonqos milli tieħu l-imsemmija data inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni li tirrigwarda t-talba tal-Olanda.

42.

Skont l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 96/62, ir-Renju tal-Olanda kellu jibgħat ir-rapport inkwistjoni mill-1 ta’ Ottubru 2005, jiġifieri xahar qabel ma ppreżenta t-talba tiegħu fis-sens tal-Artikolu 95(5) KE. F’dan il-każ huwa bagħatha 5 xhur tard. Madankollu, it-termini tad-Direttiva 96/62 m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 95(6) KE. Għaldaqstant, l-inosservanza tagħhom m’għandha l-ebda effett fuq il-proċedura tad-deroga mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni.

43.

L-Artikolu 95 KE ma fih ebda dispożizzjoni espressa fir-rigward tal-mument li fih għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti insostenn tat-talba għad-deroga. Il-Qorti tal-Ġustizzja, tabilħaqq, titlaq mill-prinċipju li l-Istat Membru jippreżenta l-argumenti tiegħu fl-istess żmien tat-talba tiegħu ( 17 ), iżda hija taċċetta wkoll li d-dokumenti prodotti jiġu kkompletati sussegwentement ( 18 ).

44.

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta sussegwentement huwa wkoll konformi mal-prinċipji li huma fil-bażi tad-dritt tal-ambjent u tad-dritt Komunitarju amministrattiv. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 174(3) KE, il-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni data xjentifika u teknika disponibbli fit-tfassil tal-politika ambjentali tagħha ( 19 ). It-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ġdida tikkostitwixxi barra minn hekk il-bażi tal-proċedura skont l-Artikolu 95(5) u (6) KE ( 20 ). Fir-rigward tad-dritt tal-proċedura amministrattiva, il-legalità ta’ att ġuridiku għandha tiġi evalwata abbażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-istess att ( 21 ).

45.

Skont dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni ħadet espressament inkunsiderazzjoni r-rapport magħruf bħala MNP. F’dan il-każ, hija kienet irċeviet dan ir-rapport addirittura iktar tard minn dak li jikkonċerna l-kwalità tal-arja fl-Olanda fis-sena 2004. Il-fatt li r-rapport MNP isostni l-fehma tal-Kummissjoni jitfa’ fl-istess ħin xi dubju fuq il-mod li bih il-Kummissjoni ttrattat ir-rapport għas-sena 2004.

46.

Minkejja dan kollu, il-fatt li ma ġietx ikkunsidrata data mibgħuta tardivament jista’, jekk ikun il-każ, jkun iġġustifikat mit-termini stretti tal-proċedura skont l-Artikolu 95(6) KE ( 22 ), per eżempju jekk ma kienx għadu possibbli li jsir l-eżami fit-termini. Fil-każ fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni prodotta tardivament, jeħtieġ li din id-deċiżjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma tieħux inkunsiderazzjoni r-rapport għas-sena 2004. Madankollu, hija ma għamlitx dan.

47.

Għaldaqstant ir-rapport fuq il-kwalità tal-arja fl-Olanda fl-2004 kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni li tikkonċerna t-talba tal-miżuri derogatorji.

48.

Fid-deċiżjoni kkontestata, ma jidhirx li d-data inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni. Pjuttost li l-Kummissjoni, fil-punt 41 tad-deċiżjoni, tafferma li r-rapport inkwistjoni ma kienx disponibbli.

49.

Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza kkontestata, tikkonstata li l-esperti tal-Kummissjoni ħadu inkunsiderazzjoni d-data inkwistjoni fir-rapport TNO u li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan l-aħħar rapport. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-evalwazzjoni tar-rapport MNP li ġie ppreżentat sussegwentement. Fil-punt 47, hija tikkonkludi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset milli teżamina d-data reċenti kkomunikata mill-Gvern Olandiż qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

50.

Fil-fatt, mir-rapport TNO jirriżulta li l-Kummissjoni kienet taf biċ-ċifri għall-2004 u li dawn iċ-ċifri kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, preċiżament permezz ta’ dan ir-rapport TNO.

51.

Madankollu, mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-data rilevanti b’xi mod jew ieħor. Fil-fatt, hija għandha l-obbligu li tieħu debita kunsiderazzjoni ta’ din it-tip ta’ informazzjoni ( 23 ).

52.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma turix l-importanza li hija kellha tagħti għall-qbiż tal-valuri limiti fit-territorju kollu tal-Olanda. Ir-rapport TNO, li fuqu tistrieħ, ċertament li fih xi spjegazzjonijiet fuq din is-sitwazzjoni, iżda m’hemm xejn li jippermetti li jiġi stabbilit jekk, f’dan ir-rigward, teżistix problema speċifika fl-Olanda.

53.

Hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li tittratta dan il-kwistjoni fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, hija tirrileva li fl-2004 erba’ Stati Membri oħra kienu qabżu l-valuri limiti fiż-żoni kollha u li l-kwalità tal-arja fl-Olanda kienet tjiebet ukoll, b’ċifri assoluti, meta mqabbla mas-sena preċedenti.

54.

Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, madankollu, ma jistgħux jirrimedjaw għad-difett li minnhu d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bih. Għall-kuntrarju, il-motivazzjoni ta’ att ġuridiku għandu juri mill-ewwel, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 24 ). Għaldaqstant il-motivazzjoni insuffiċjenti ma tistax tiġi ssanata matul il-proċedura ġudizzjarja, u a fortiori mill-qrati Komunitarji.

55.

Barra minn hekk, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza stess tipparaguna lir-Renju tal-Olanda ma’ Stati Membri oħra, hija teċċedi l-kompetenza tagħha u tissostitwixxi lilha nfisha għall-Kummissjoni ( 25 ). Il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħmel hija stess dan il-paragun, fid-deċiżjoni kkontestata, jew tal-inqas, li tibbaża fuq rapport li jirrigwarda dan is-suġġett. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-paragun mal-Istati Membri l-oħra huma irrilevanti.

56.

Il-konstatazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport Olandiż għas-sena 2004, jinsab ivvizzjat bi żball ta’ dritt, billi l-Kummissjoni ma ħaditx id-debita kunsiderazzjoni tar-rapport inkwistjoni. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan l-iżball ta’ dritt jinvolvix l-annullament tas-sentenza jew jikkontribwixxix għall-istess annullament, din tista’ tiġi deċiża b’mod definittiv biss wara l-eżami tat-tieni aggravju tal-appell.

B — Fuq it-tieni aggravju tal-appell — in-nuqqas ta’ problema speċifika fl-Olanda

57.

It-tieni aggravju tal-appell iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Olanda għandhiex problema speċifika. L-Olanda tikkontesta żewġ argumenti żviluppati fis-sentenza mogħtija fil-Prim’Istanza.

58.

Minn banda, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kawżi partikolari li wasslu għall-qbiż tal-valuri limiti fl-Olanda, inkwantu d-Direttiva 1999/30 ma ssemmix dawn il-kawżi. L-istess kawżi huma l-effetti tal-emissjonijiet transkonfinali tal-partiċelli, id-densità tal-popolazzjoni, l-intensità tat-traffiku fit-toroq u l-importanza tal-ħabitat matul it-triq.

59.

Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċertament irrikonoxxiet li l-problema ma kellhiex tikkostitwixxi bilfors każ wieħed, filwaqt li fil-prattika, eżiġiet madankollu, li jkun hemm differenza meta mqabbel mal-Istati Membri l-oħra kollha, ħaġa din li twassal biex wieħed jitkellem fuq problema waħda.

60.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija miktuba b’tali mod li ż-żewġ argumenti jitħalltu u jsostnu, it-tnejn li huma, il-waħda indipentenement mill-oħra, id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ir-Renju tal-Olanda huwa ristrett li jibbaża ruħu fuq iż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju tal-appell, sabiex jikkontesta l-bażi tas-sentenza.

1. Fuq il-kriterji tad-Direttiva 1999/30

61.

Fil-punti 92 u 115 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet transkonfinali ta’ partiċelli, id-densità demografika, l-intensità tat-traffiku fit-triq fid-diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat tul it-toroq. Fil-fehma tagħha, dawn il-kriterji mhumiex dawk tad-Direttiva 1999/30.

62.

Peress li d-Direttiva 1999/30 tistabbilixxi biss valuri limiti, din il-perspettiva għandha twassal, finalment, sabiex jitqies bħala kriterju adegwat biex jiġi stabbilit jekk teżistix problema speċifika biss l-importanza tal-qbiż tal-valuri limiti. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tippreċiżax għal-liema raġuni hija tqis li l-kawżi tal-qbiż tal-valuri limiti għandhom jiġu ċċitati fid-Direttiva 1999/30.

63.

Ir-Renju tal-Olanda jikkontesta din il-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan l-appell fuq dan il-punt, iżda ssostni l-motivazzjoni alternattiva tas-sentenza appellata billi tinvoka d-differenzi insuffiċjenti fir-rigward ta’ Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 96/62. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin, meta l-valuri limiti fi Stat membru jiġu skorruti minħabba emissjonijiet prodotti fi Stat membru ieħor. F’dan il-każ, ir-Renju tal-Olanda ma tax bidu għall-imsemmija konsultazzjoni.

64.

Id-Direttiva 96/62 hija deċiżiva sabiex jiġi evalwat l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-kriterji kkontemplati fid-Direttiva 1999/30. Fil-fatt, din l-aħħar Direttiva ma tistax tiġi applikata b’mod iżolat, iżda biss flimkien mad-Direttiva 96/62. B’hekk, l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/30 hija prevista fl-Artikolu 4 u fl-anness I tad-Direttiva 96/62. Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom jadottaw, b’mod partikolari, imma mhux biss, f’każ li jiġu skorruti l-valuri limiti fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ma jirriżultawx mid-Direttiva 1999/30, iżda mid-Direttiva 96/62.

65.

Ebda waħda minn dawn iż-żewġ Direttivi ma fihom xi ħaġa li tippermetti li wieħed jafferma li huma jipprevedu liema jkunu l-kawżi tat-tniġġis tal-arja li jkunu xierqa biex jimmotivaw l-eżistenza ta’ problema speċifika. Dawn jinsabu pjuttost redatti f’termini relattivament ġeneral, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri. Din hija r-raġuni għaliex dawn huma limitati biex jippreksrivu s-sorveljanza tal-kwalità tal-arja, li huwa l-objettiv li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-valuri limiti, u l-iżvilupp ta’ programmi sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, mingħajr ma jeżiġu miżuri preċiżi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet. B’mod partikolari, il-valuri limiti għat-tniġġis tal-arja ċirkostanti, skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 1999/30 jikkostitwixxu ħtiġiet minimi li japplikaw, b’mod ġenerali, fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt jistgħu jiġu adottati miżuri iktar stretti ( 26 ).

66.

Barra minn hekk, jekk wieħed jeżamina d-Direttiva 1999/30 u d-Direttiva 96/62 flimkien, jirriżulta li l-kriterji miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma fil-fatt sinjifikattivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja ċirkostanti.

67.

L-Artikolu 8 u l-anness IV tad-Direttiva 96/62 jippreċiżaw, b’mod partikolari, liema data l-Istati Membri għandhom jiġbru u jibgħatu lill-Kummissjoni f’każ li l-valuri limiti jinqabżu. Skont il-punt 5 ta’ dan l-anness, jeħtieġ li jiġi identifikat l-oriġni tat-tniġġis, u partikolarment is-sorsi prinċipali ta’ emissjoni u t-tniġġis importat minn reġjuni oħra. L-analiżi tas-sitwazzjoni prevista fil-punt 6 tal-istess anness għandha tippreċiża l-fatturi responsabbli għall-eċċess, it-trasport, inkluż it-trasport transkonfinali, u l-formazzjoni li jinsabu msemmija espressament hemmhekk.

68.

B’kuntrast mal-affermazzjonijiet magħmula fil-punt 92 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 96/62 jenfasizza f’dan ir-rigward li l-emissjonijiet transkonfinali ta’ partiċelli, kif jesponi r-Renju tal-Olanda, jikkostitwixxu kriterju tassew deċiżiv, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja.

69.

B’kuntrast ma’ dak li tikkonstata l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 115 tas-sentenza appellata, l-intensità tat-traffiku fit-toroq ma jistax ma jitteħidx inkunsiderazzjoni wkoll. Għalkemm dan m’għandux l-istess importanza bħat-tniġġis transkonfinali, din hija xorta waħda kawża ta’ tniġġis li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62.

70.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-anness II tad-Direttiva 96/62, il-grad ta’ espożizzjoni tal-popolazzjoni finalment huwa fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-valuri limiti Komunitarji. Dan il-fattur jikkostitwixxi għaldaqstant kriterju xieraq biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ eċċess tal-valuri limiti f’ċerti Stati Membri. Peress li d-densità demografika, l-intensità tat-traffiku fit-toroq f’diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat matul it-toroq huma elementi determinanti fir-rigward tal-espożizzjoni tal-popolazzjonijiet, il-punt 115 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ dritt minħabba wkoll li hija tiċħad dawn il-fatturi minħabba li ma jissemmewx fid-Direttiva 1999/30.

71.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta fil-punti 92 u 115, filwaqt li rreferiet għad-Direttiva 1999/30, irrifjutat milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tniġġis transkonfinali, id-densità demografika, l-intensità tat-traffiku fit-toroq f’diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat ma’ tul it-toroq.

2. Fuq l-assenza ta’ problema speċifika

72.

Għaldaqstant jeħtieġ li wieħed janalizza t-tieni argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dwar l-assenza ta’ problema speċifika fl-Olanda.

73.

Minn banda, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tafferma li “għaldaqstant mhux speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 95(5) KE, kull problema li tinstab f’termini ġeneralment analogi fit-totalità ta’ l-Istati Membri u tkun tista’, konsegwentement, ikollha soluzzjoni armonizzata fuq livell Komunitarju.”

74.

Bl-istess mod, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonċedi lill-Gvern Olandiż li “sabiex problema tkun speċifika għal Stat Membru fis-sens tad-dispożizzjoni rilevanti, mhuwiex neċessarju li jirriżulta minn riskju ambjentali li jeżisti fit-territorju ta’ dan l-Istat biss.”

75.

Bl-appell tiegħu, madankollu, ir-Renju tal-Olanda jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza bil-fatt li din, fil-punti 53 u 106, b’kuntrast mal-affermazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ problema speċifika, riedet li jkun hemm xi differenzi bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet kull argument favur l-eżistenza ta’ problema speċifika, billi kull darba sostniet li s-sitwazzjoni hija simili fi Stati Membri oħra.

76.

Skont il-punt 53 tas-sentenza appellata, l-awtorizzazzjoni tal-miżuri Olandiżi tippreżupponi li l-eċċessi tal-valuri limiti kkonstatati fit-territorju Olandiż jippreżentaw intensità li “tiddistingwiha ħafna minn dawk irrilevati fi Stati Membri oħra”. Skont il-punt 106 tas-sentenza msemmija, l-Istat membru kkonċernat għandu juri li huwa għandu quddiemu problemi speċifiċi “li jagħmluh differenti mill-Istati Membri l-oħra”. Għaldaqstant, f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza titlob li tkun teżisti differenza mill-Istati membri l-oħra kollha.

77.

Għaldaqstant hemm kontradizzjoni bejn il-punti 63 u 65 tas-sentenza appellata, minn banda, u l-punti 53 u 106, mill-banda l-oħra. Minkejja din il-kontradizzjoni, madankollu, jidher ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża s-sentenza appellata biss fuq il-kunsiderazzjoni, li tinsab esposta fil-punti 53 u 106, li tgħid li l-Olanda ma pprovatx l-eżistenza ta’ differenza meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tittrattax il-punt dwar jekk in-numru ta’ Stati Membri kkonfrontati bi problemi simili huwiex kbir wisq biex tirrikonoxxi li l-Olanda għandha problema speċifika. Hija tillimita ruħha pjuttost biex tiċċita eżempji ta’ Stati Membri li għandhom problemi simili.

78.

Din l-aħħar evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija fi kwalunkwe każ ġuridikament żbaljata. Skont is-sentenza Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, il-problema speċifika fis-sens tal-Artikolu 95(5) KE, mhijiex limitata għall-“problema unika” ( 27 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Kummissjoni ġustament interpretaw it-terminu “speċifika” fil-kawża Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fis-sens “partikolari” ( 28 ).

79.

Minn dan isegwi li l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-paragun tal-Istati Membri lanqas mhuma xierqa biex jiġġustifikaw is-sentenza appellata.

C — Fuq il-possibbiltà ta’ motivazzjoni oħra tas-sentenza appellata

80.

Is-sentenza appellata, ċertament, fiha żbalji ta’ dritt, imma l-appell irid jiġi miċħud xorta waħda jekk id-dispożittiv tas-sentenza jirriżulta li huwa ġust fid-dawl ta’ motivi oħra ( 29 ). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun sabiex tikkonstata li fl-Olanda, ma kienx hemm problema speċifika fis-sens tas-sentenza Land Oberösterreich iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri li tikkonstata problema li mhijiex partikolari, imma li hija ta’ natura ġenerali.

81.

Il-problema tal-Olanda tikkonsisti fil-fatt li l-livell ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti jeċċedi l-valuri limiti kkontemplati fid-Direttiva 96/62 flimkien mad-Direttiva 1999/30.

82.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Kummissjoni, b’konformità mal-prattika segwita s’issa, janalizzaw il-punt dwar jekk kienx hemm problema speċifika billi jipparagunaw is-sitwazzjoni fid-diversi Stati Membri. F’din il-kawża, madankollu, il-kunflitt teleoloġiku bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jtendi mill-ewwel sabiex isostni l-eżistenza ta’ problema speċifika (ara l-punt 1 hawn isfel). Din għaliex jien mhux ser neżamina ħlief b’mod sussidjarju wkoll il-fondatezza tal-eżistenza ta’ problema speċifika permezz tal-paragun ma Stati Membri oħra (ara l-punt 2 hawn isfel).

1. Fuq il-fondatezza tal-eżistenza ta’ problema speċifika fuq il-kunflitt teleoloġiku bejn dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

83.

F’din il-kawża, il-problema li r-Renju tal-Olanda jixtieq jaffronta permezz ta’ deroga mid-Direttiva 98/69 hija bbażata fuq ir-rekwiżiti imposti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju: l-arja ċirkostanti fl-Olanda ma tilħaqx il-kwalità prevista fid-Direttiva 96/62 flimkien mad-Direttiva 1999/30.

84.

Dan jista’ effettivament ma jikkostitwixxix każ partikolari u jikkonċerna Stati Membri oħra. Madankollu, id-dispożizzjonijiet Komunitarji fuq il-kwalità tal-arja ċirkostanti jiddeskrivu l-kwalità li l-arja ċirkostanti għandha jkollha kullimkien fil-Komunità. Il-ksur ta’ din ir-regola ta’ kwalità ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala “ordinarju” fis-sens ġuridiku. Fil-fatt hija l-osservanza tad-dritt Komunitarju, u mhux il-ksur tiegħu, li jikkostitwixxi r-regola li għandha tiġi osservata. Il-ksur tar-regola għandha titqies bħala speċifika fis-sens tal-Artikolu 95(5) KE.

2. Fuq il-paragun ma’ Stati Membri oħra

85.

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqsamx jew ma tagħmilx tagħha l-fehma tiegħi, minħabba li l-partijiet ma għamlux l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, jien ser neżamina, hawn iktar ’l isfel, il-punt dwar jekk fl-Olanda teżistix problema speċifika abbażi tal-paragun ma’ Stati Membri oħra.

86.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-istħarriġ ġudizzjarju, il-Kummissjoni tibbenefika, kif diġà għidt, minn setgħa wiesgħa diskrezzjonali, inkwantu l-paragun tas-sitwazzjoni fid-diversi Stati Membri jirrikjedi evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Mill-banda l-oħra, hija għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti. L-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja huwa estiż ukoll għall-kwistjoni dwar jekk l-elementi ta’ prova invokati fid-deċiżjoni jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tiġi meqjusa sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jikkorroboraw il-konklużjonijiet li jiġu mislutin minnhom ( 30 ).

87.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ problema speċifika jaqa’ fuq l-Istat Membru li għamel it-talba, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Olanda ( 31 ). Għaldaqstant mhuwiex l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova li ma teżistix problema speċifika. Madankollu, meta hija ma tirrikonoxxix li hemm tali problema speċifika, hija tkun obbligata li timmotiva fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija tiċħad l-argumenti rilevanti tal-Istat membru.

88.

Kif diġà rrilevajt, jeħtieġ li f’dan il-każ, b’kuntrast mas-sentenza appellata, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tniġġis transkonfinali, id-densità demografika, l-intensità tat-traffiku fit-toroq fid-diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat matul ir-rotot tat-triq, kif ukoll ir-rapport fuq il-kwalità tal-arja fl-2004.

89.

Fil-punti 41 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża sostanzjalment fuq żewġ argumenti. Fl-ewwel lok, il-livell ta’ partiċelli fini mhuwiex ogħla fl-Olanda milli huwa f’seba’ Stati Membri oħra. Fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ problema fid-dawl tad-Direttiva 98/69 mhijiex ċerta, minħabba li l-livell ta’ partiċelli fini fl-Olanda ma joriġinax mill-emissjonijiet ta’ vetturi msemmija f’dan il-pajjiż.

90.

L-ewwel argument jista’ jkun tabilħaqq konvinċenti, prinċipalment, jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-eċċess tal-valuri limiti Komunitarji ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu u fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, problema speċifika. Madankollu, dan ma jistax jiġi sostnut hawnhekk minħabba s-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni ma ttrattatx il-konċentrazzjoni tal-partiċelli fini, kif jirriżulta mir-rapport Olandiż għall-2004.

91.

It-tieni argument tal-Kummissjoni, jiġifieri l-assenza ta’ problema speċifika fir-rigward tal-vetturi b’magna diesel, huwa validu sabiex tiġi rifjutata parti mill-argument Olandiż li jinsab fit-talba għad-deroga. Hekk kif ir-Renju tal-Olanda stess illum ma jikkontestax iktar, f’dan il-pajjiż jiġu rreġistrati inqas vetturi b’magna diesel milli fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-oħra.

92.

Madankollu dan ma jeskludix li fir-rigward tal-punti l-oħra mqajmin, jeżistu problemi speċifiċi fl-Olanda. Il-punt dwar jekk dawn il-problemi eventwali humiex tali li jiġġustifikaw miżuri intiżi għall-vetturi b’magna diesel, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ problema speċifika. Tali eżami pjuttost għandu jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni sussegwenti taħt l-Artikolu 95(6) KE.

93.

Għal dak li jikkonċerna l-argument rilevanti l-ieħor tal-Olanda, il-Kummissjoni, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrikonoxxi li parti kbira mill-partiċelli fini li jaffettwaw l-Olanda jibqgħu sejrin biex jaqsmu l-fruntieri. Madankollu, hija tenfasizza li din il-parti mhijiex ikbar minn dak li jseħħ fl-Istati l-oħra tal-Benelux.

94.

Dan l-argument madankollu ma jikkonvinċinix, peress li l-problema speċifika m’għandhiex neċessarjament tkun ta’ natura esklużiva. Il-fatt li l-pajjiżi tal-Benelux isofru minn tniġġis transkonfinali minħabba l-partiċelli, minħabba s-sitwazzjoni ċentrali tagħhom u d-daqs żgħir tagħhom, jikkostitwixxi problema li hija partikolari għalihom u li jeħtieġ li effettivament titqies bħala speċifika.

95.

Anki fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonferma l-influwenza indiretta sinjifikattiva tal-port ta’ Rotterdam fuq il-kwantità ta’ partiċelli fini, mingħajr ma tippreċiża, madankollu, ir-raġuni għaliex dan ma jikkostitwixxix problema speċifika.

96.

Fil-punti 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi wkoll id-densità demografika, l-intensità tat-traffiku fit-toroq fid-diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat matul ir-rotot tat-toroq. Għalkemm hija ma tiddeċidix fuq il-punt dwar jekk dan jistax jimmotiva l-eżistenza ta’ problema speċifika,tal-inqas hemm affermazzjonijiet f’dan is-sens fir-rapport tal-esperti tal-Kummissjoni li hija tirreferi għalih. Skont l-imsemmi rapport, is-sitwazzjoni tal-Olanda dwar dan il-punt hija simili għal dik tal-pajjiżi l-oħra tal-Benelux, taċ-ċentru tar-Renju Unit u tal-Ġermanja tal-punent.

97.

Dawn il-konstatazzjonijiet, madankollu, mhumiex suffiċjenti, inkwantu m’hemmx deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk din il-parti relattivament limitata tal-Komunità tistax tiġi meqjusa bħala suffiċjentement partikolari biex tkun affettwata minn problema speċifika.

98.

Il-Kummissjoni ma evalwatx, jew tal-inqas mhux b’mod adegwat, ċerti karatteristiċi deċiżivi tal-Olanda, billi rrifjutat milli tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda. L-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-assenza ta’ tali problema speċifika fl-Olanda ma jistgħux jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata.

3. Konklużjonijiet intermedjarji

99.

Is-sentenza kkontestata ma tistax għaldaqstant tiġi kkonfermata abbażi ta’ motivi oħra. F’din il-kawża, is-sempliċi ksur tad-Direttiva 96/62, flimkien mad-Direttiva 1999/30, huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda. Iżda l-eżami li jiena għamilt b’mod sussidjarju, tal-paragun tal-Istati Membri, iwassal ukoll għal din il-konklużjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma evalwatx suffiċjentement l-osservazzjonijiet rilevanti tar-Renju tal-Olanda.

D — Fuq id-deċiżjoni fil-mertu

100.

Bis-saħħa tat-tieni frażi tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew altrimenti tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

101.

L-analiżi magħmula s’issa għadha ma tippermettix li jiġi deċiż ir-rikors tal-Olanda kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tistrieħx biss fuq ir-rifjut tar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq raġuni oħra, liema raġuni ġiet ikkontestata wkoll mir-Renju tal-Olanda: il-miżura Olandiża hija inkompatibbli mal-Artikolu 95(6) KE.

102.

Dan il-punt ma ġiex ittrattat fl-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ma tqajjimx fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jitfa’ dubji serji fuq il-fatt li l-kawża qiegħda fi stat li tiġi deċiża.

103.

Wieħed jista’ jistaqsi biss jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tiġi annullata minħabba s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, fl-eżami tagħha taħt l-Artikolu 95(6) KE naqset ukoll li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport Olandiż tal-2004 fuq il-kwalità tal-arja. Madankollu, sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni jeħtieġ anki li jkunu nstemgħu l-partijiet. Dan ma kienx il-każ, s’issa, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li mhuwiex possibbli, għall-istess Qorti li tiddeċiedi din il-kawża fl-intier tagħha.

104.

Hemm lok għalhekk li l-kawża tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiediha.

VI — Fuq l-ispejjeż

105.

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal deċiżjoni definittiva, ma jkunx meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura u dik id-deċiżjoni hija riżervata għas-sentenza finali.

VII — Konklużjoni

106.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li:

1.

Is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Ġunju 2007 fil-kawża L-Olanda vs Il-Kummissjoni (T-182/06, Ġabra p. II-1983) hija annullata.

2.

Tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex din tiddeċidieha.

3.

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Deċiżjoni 2006/372/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Olanda skont l-Artikolu 95(5) KE u li jistabbilixxi l-limiti għall-emissjoni ta’ partiċelli mill-vetturi b’magna diesel (ĠU L 142, p. 16).

( 3 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2007, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (T-182/06, Ġabra p. II-1983).

( 4 ) ĠU L 171, p. 1.

( 5 ) ĠU L 152, p. 1.

( 6 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-512/99, Ġabra p. I-845, punti 80 et seq).

( 7 ) F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 95(4) KE, ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, Danimarka vs Il-Kummissjoni (C-3/00, Ġabra p. I-2643, punt 84).

( 8 ) Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C-439/05 P u C-454/05 P, Ġabra p. I-7141, punt 57).

( 9 ) Ara l-punti 25 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 10 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28), tat-, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58), u tal-, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 186).

( 11 ) Milieu- en Natuurplanbureau, MNP.

( 12 ) Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuurwetenschappelijk onderzoek, TNO.

( 13 ) Sentenzi tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 29); tal-, Dorsch Consult vs Il-Kunsill Il-Kummissjoni (C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punti 35 et seq); tas-, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49), u tal-, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 60).

( 14 ) F’dan is-sens ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C-326/05 P, Ġabra p. I-6557, punt 75), u tat-, Norbrook Laboratories (C-127/95, Ġabra p. I-1531, punt 90).

( 15 ) Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14) u tas-, Pesquerias De Bermeo et vs Il-Kummissjoni (C-258/90 u C-259/90, Ġabra p. I-2901, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tas-, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T-374/04, Ġabra p. I-4431, punt 81).

( 16 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39); Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 77, u tat-, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57).

( 17 ) Sentenzi Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 48, u Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 38.

( 18 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 62.

( 19 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punti 49 et seq). Dwar l-applikazzjoni fil-konfront tal-Istati membri, ara s-sentenzi tas-, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 54); tat-, WWF Italia et (C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 27), u tat-, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-418/04, Ġabra p. I-10947, punt 63).

( 20 ) Ara s-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41, u Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 58.

( 21 ) Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni (74/74, Ġabra p. 533, punti 29 sa 32), tas-, Franza vs Il-Kummissjoni (15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7), tas-, SAM Schiffahrt u Stapf (C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I-4475, punt 46), u tat-, Agrarproduktion Staebelow (C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 38).

( 22 ) Ara s-sentenzi Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 48, u Land Oberösterreich vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 39.

( 23 ) Sentenza Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 114.

( 24 ) Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, L-Italja vs Il-Kummissjoni (1/69, Ġabra p. 277, punt 9); tas-, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48); tal-, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 26), u tat-, Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 137).

( 25 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 81.

( 26 ) B’mod partikolari, ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-320/03, Ġabra p. I-9871, punt 80).

( 27 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 65.

( 28 ) Idem, punti 66 et seq.

( 29 ) Ara r-referenza magħmula fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 30 ) Ara l-punti 398 et seq iktar ’il fuq.

( 31 ) Ara l-punti 17 et seq iktar ’il fuq.