KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-391/07

Glencore Grain Rotterdam BV

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas

“Regolament (KE) Nru 800/1999 — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli — Artikolu 16 — Rifużjoni ddifferenzjata — Prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni — Produzzjoni ta’ kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport — Regolament (KE) Nru 1501/95 — Għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-suq taċ-ċereali — Artikolu 13 — Deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999”

1. 

Ir-rifużjonijiet Komunitarji fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali jistgħu jingħataw b’rati ddifferenzjati. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-każ preżenti ma kienet tingħata ebda rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ segala lejn l-Iżvizzera jew il-Liechtenstein filwaqt li kienu disponibbli rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha.

2. 

Abbażi tal-fatt li mhux possibbli li ssir esportazzjoni ta’ prodotti bil-baħar lejn il-Liechtenstein jew l-Iżvizzera, f’ċerti ċirkustanzi il-leġiżlazzjoni Komunitarja taċċetta prova tal-esportazzjoni bil-baħar minflok il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali fil-post tad-destinazzjoni sabiex tiġi applikata r-rata applikabbli għal pajjiżi oħra.

3. 

Dak li hu inqas ċar huwa jekk jibqax meħtieġ madankollu li wieħed jipprovdi, barra dan, dokumenti tat-trasport li jkopru l-kunsinna għad-destinazzjoni finali.

4. 

Ir-rinviju preżenti għal deċiżjoni preliminari mill-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) ta’ Amburgu jikkonċerna esportatur li jista’ jipprovdi prova tal-esportazzjoni bil-baħar lejn port barra mill-Komunità imma mhux tat-trasport bit-triq minn hemm ’il quddiem għad-destinazzjoni finali fir-Russja.

Leġiżlazzjoni

L-iffissar tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni

5.

B’mod konformi mal-Artikoli 1, 13 u 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1766/92 ( 2 ), jiġu ffissati perjodikament (tal-inqas darba kull xahar) rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċereali lejn pajjiżi terzi permezz ta’ regolament u/jew minn żmien għal żmien permezz ta’ sejħiet speċifiċi għal offerti. L-iskop tagħhom huwa li jingħata kumpens, fejn ikun xieraq, għal prezzijiet fis-suq dinji iktar baxxi minn dawk tal-Komunità.

6.

Safejn hu rilevanti għall-każ preżenti, ir-Regolament Nru 1758/1999 ( 3 ) ħareġ sejħa għal offerti għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ segala lejn il-pajjiżi terzi kollha. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament, il-liċenzji tal-esportazzjoni kellhom jitqiesu li nħarġu fil-ġurnata li ġiet ippreżentata l-offerta. Ir-Regolament Nru 1851/1999 ( 4 ) stabbilixxa r-rifużjoni massima għal offerti nnotifikati mill-20 sas-26 ta’ Awwissu 1999 għal EUR 66,25 għal kull tunnellata. L-iffissar regolari tar-rifużjoni għall-istess perijodu kien inkluż fir-Regolament Nru 1816/1999 ( 5 ), u l-anness tiegħu kien jindika li ebda rifużjoni ma kienet pagabbli fuq is-segala (il-kodiċi tal-prodott 1002 0000 9000) għall-“pajjiżi terzi kollha”.

Regoli ta’ implementazzjoni orizzontali

7.

Sal-1999, ir-Regolament Nru 3665/87 ( 6 ), kien jirregola s-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli b’mod ġenerali. L-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament kien jinkludi, inter alia, diversi regoli li jikkonċernaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati minn esportaturi sabiex jiksbu rifużjonijiet.

8.

B’effett mill-1 ta’ Lulju 1999, ir-Regolament Nru 3665/87 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament Nru 800/1999 ( 7 ). Skont l-Artikolu 54(2) ta’ dan ir-Regolament, referenzi fi strumenti Komunitarji għar-Regolament Nru 3665/87 jew għall-artikoli speċifiċi tiegħu għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għar-Regolament Nru 800/1999 jew għall-artikoli korrispondenti tiegħu, kif stipulat f’tabella ta’ korrelazzjoni inkluża f’anness. Skont dik it-tabella, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999 jikkorrispondi għall-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/1987.

9.

Il-premessi li ġejjin fil-preambolu tar-Regolament Nru 800/1999 jisgħu jkunu utli biex wieħed jifhem ir-regoli applikabbli:

“(2)

[…] r-regoli ġenerali stipulati mill-Kunsill jipprovdu għall-ħlas ta’ rifużjonijiet meta tinġieb prova li l-prodotti jkunu ġew esportati mill-Komunità; […] l-intitolament għar-rifużjonijiet tkun akkwistata malli l-prodotti jħallu s-suq tal-Komunità, meta tapplika rata waħda ta’ rifużjonijiet għall-pajjiżi terzi kollha; […] meta jkun hemm differenza fir-rata tar-rifużjonijiet skond id-destinazzjoni tal-prodotti, l-intitolament għar-rifużjonijiet jiddependi fuq il-kondizzjoni ta’ l-importazzjoni f’pajjiż terz;

[…]

(15)

[…] meta r-rata tar-rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni tal-prodott, għandha ssir dispożizzjoni għall-verifika li l-prodott ikun ġie importat fil-pajjiż jew pajjiżi terzi li għalihom ikunu ġew iddeterminati r-rifużjonijiet; […] miżura bħal dik tista’ tiġi llaxkata mingħajr diffikultà fir-rigward ta’ prodotti esportati meta r-rifużjonijiet involuti huma żgħar u t-tranżazzjoni tkun tali li toffri ċertezzi [assigurazzjonijiet] xierqa li l-prodotti kkonċernati jaslu fid-destinazzjoni tagħhom; […] l-għan tad-dispożizzjoni huwa li tissimplifika li x-xogħol amministrattiv involut fis-sottomissjoni tax-xhieda [tal-evidenza];

[…]

(17)

[…] meta r-rata ta’ rifużjonijiet hija ddifferenzjata skond id-destinazzjoni tal-prodotti esportati, għandha tingħata prova li l-prodott ikkonċernat ikun ġie importat f’pajjiż terz; […] t-tkomplija [t-twettiq] tal-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni tikkonsisti prinċipalment fil-pagament tad-dazji ta’ l-importazzjoni applikabbli sabiex prodott jiġi promoss [kkumerċjalizzat] fil-pajjiż terz ikkonċernat; […] jekk tiġi kkunsidrata d-diversità tas-sitwazzjonijiet prevalenti fil-pajjiżi terzi li jimpurtaw, huwa għaqli li tiġi aċċettata l-produzzjoni ta’ dokumenti doganali ta’ l-importazzjoni li jagħtu assigurazzjonijiet li l-prodotti esportati jkunu waslu fid-destinazzjoni tagħhom, waqt li jostakolaw il-kummerċ mill-inqas possibbli;

[…]”.

10.

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament Nru 800/1999 jikkonċerna l-intitolament għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Is-Sezzjoni 1 (l-Artikoli 3 sa 13), tinkludi dispożizzjonijiet ġenerali.

11.

Taħt l-Artikolu 3, “l-intitolament għar-rifużjonijiet jiġi akkwistat:

mat-tluq mit-territorji doganali tal-Komunità, meta rata waħda ta’ rifużjonijiet tapplika għall-pajjiżi terzi kollha;

ma’ l-importazzjoni f’pajjiż terz speċifiku, meta r-rifużjonijiet differenzjati japplikaw għal dak il-pajjiz terz”.

12.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 20, il-ħlas tar-rifużjoni għandu jkun kondizzjonali fuq il-fornitura ta’ l-evidenza li l-prodotti koperti minn dikjarazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni aċċettati jkunu ħallew it-territorju doganali tal-Komunità fl-istat mhux mibdul tagħhom fi żmien 60 ġurnata minn tali aċċettazzjoni.”

13.

L-Artikolu 9 jistipula dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti fil-każ ta’ esportazzjoni bil-baħar (paragrafu 1), bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi tal-ilma (paragrafu 2) u bl-ajru (paragrafu 3). Dawn jikkonċentraw essenzjalment fuq il-prova li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità. Is-subparagrafi 1(b) u 2(b) jindikaw li, għal prova bħal din, id-dokumenti tat-trasport jeħtieġ li jkunu jkopru l-prodotti sal-wasla tagħhom fil-pajjiż terz fejn dawn għandhom jinħattu; b’kuntrast ma’ dan, għal esportazzjoni bl-ajru, is-subparagrafu 3(a) jeħtieġ dokument tat-trasport li jindika destinazzjoni finali barra l-Komunità. Għall-esportazzjoni bil-baħar, l-Artikolu 9(1)(ċ) jippermetti lill-Istat Membru tal-ħruġ li jipprovdi, bħala alternattiva għall-kundizzjonijiet fis-subparagrafu 1(b), li d-dokument li jipprova li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità għandu jiġi approvat biss mal-preżentazzjoni ta’ “dokument tat-trasport li jispeċifika destinazzjoni finali ’il barra mit-territorju doganali tal-Komunità”.

14.

L-Artikolu 10 għandu x’jaqsam ma’ proċeduri simplifikati u għal darb’oħra jikkonċentra fuq “tluq” jew “ħruġ” mit-territorju doganali tal-Komunità.

15.

Is-Sezzjoni 2 (l-Artikoli 14 sa 19) tikkonċerna rifużjonijiet iddifferenzjati.

16.

L-Artikolu 14(1) jipprovdi: “Meta r-rata tar-rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni, ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu suġġetti għall-kondizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16.”

17.

L-Artikolu 15(1) jistipula li l-prodotti għandhom jiġu “mportati fl-istat mhux mibdul tagħhom, f’pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li dwarhom japplikaw ir-rifużjonijiet, fi żmien 12 -il xahar mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni”. L-Artikolu 15(2) jipprovdi gwida dwar xi tfisser l-espressjoni “stat mhux mibdul”. L-Artikolu 15(3) jistipula li prodott għandu jiġi meqjus li kien ġie importat “meta l-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-ġbir tad-dazji ta’ l-importazzjoni jkunu ġew imwettqa”. L-Artikolu 15(4) jistipula li l-parti differenzjata tar-rifużjoni għandha titħallas fuq il-massa tal-prodotti li jkunu għaddew mill-formalitajiet doganali għall-importazzjoni fil-pajjiż terz; madankollu, m’għandha tingħata ebda konsiderazzjoni għal xi varjazzjonijiet naturali li jistgħu jseħħu waqt it-trasport.

18.

Skont l-Artikolu 16(1), prova tat-twettiq tal-formalitajiet tal-importazzjoni doganali għandha tiġi pprovduta, bħala regola, bid-dokument doganali jew b’ċertifikat tal-ħatt u tal-importazzjoni. Skont l-Artikolu 16(2), jekk dawk id-dokumenti ma jkunux jistgħu jinkisbu, jistgħu jiġu aċċettati numru ta’ dokumenti speċifikati oħrajn (inklużi ċertifikati maħruġa minn aġenzija internazzjonali approvata ta’ kontroll jew ta’ superviżjoni). L-Artikolu 16(3) jipprovdi: “[l]-esportaturi għandhom fil-każijiet kollha jipproduċu kopja jew fotokopja tad-dokumenti tat-trasport” ( 8 ). L-Artikolu 16(4) jippermetti lill-Kummissjoni, f’ċerti każijiet speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti, li tiddisponi li l-prova tal-importazzjoni tista’ tiġi pprovduta “b’dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor”. L-Artikolu 16(5) jelenka r-rekwiżiti minimi għall-approvazzjoni ta’ aġenziji internazzjonali ta’ kontroll u ta’ superviżjoni.

19.

L-Artikolu 17 jistipula li “l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-esportaturi milli jipprovdu prova apparti mid-dokument tat-trasport meħtieġ permezz ta’ l-Artikolu 16, meta operazzjoni ta’ l-esportazzjoni toffri granziji adegwati tal-wasla fid-destinazzjoni ta’ prodotti koperti b’dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni li tagħti l-intitolament għal rifużjonijiet tal-komponent varjabbli li [li l-parti ddifferenzjata tagħhom] ma jkunx jeċċedi” jew EUR 1200 jew EUR 6000, skont ċerti ċirkustanzi.

20.

Is-Sezzjoni 3 (l-Artikolu 20) tikkonċerna miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità. L-Artikolu 20(1) jipprovdi, essenzjalment u sa fejn hu rilevanti, li, fejn ikun hemm dubji serji dwar id-destinazzjoni vera tal-prodott jew suspetti fondati li se jiġi importat mill-ġdid fil-Komunità mingħajr dazju jew b’rata ta’ dazju mnaqqsa, ir-rifużjoni għandha titħallas biss jekk il-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, u, fil-każ ta’ rifużjoni ddifferenzjata, ikun ġie importat fi stat mhux alterat f’pajjiż terz speċifiku mhux iktar minn 12-il xahar mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni. “Barra minn hekk”, ikompli jgħid l-Artikolu, “l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jitolbu evidenza addizzjonali għar-rifużjonijiet kollha li jagħtu prova għas-sodisfazzjon tagħhom li l-prodott ikun attwalment tqiegħed fuq is-suq fil-pajjiż terz ta’ l-importazzjoni jew li jkun għadda minn proċessar jew xogħol sostanzjali […]”.

21.

Fil-Kapitolu 2, “Avvanzi fuq rifużjonijiet”, l-Artikolu 24(1) jipprovdi li fuq talba tal-esportatur, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-ammont kollu tar-rifużjoni jew parti minnu, bil-quddiem, ladarba d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun ġiet aċċettata, bil-kundizzjoni li garanzija ekwivalenti għall-ammont avvanzat, flimkien ma’ 10 %, tkun ġiet ippreżentata.

22.

Fl-aħħar nett, it-Titolu IV, Kapitolu 2 (l-Artikoli 51 u 52), jipprovdu li ammonti mħallsin indebitament għandhom jiġu rkuprati u li penalitajiet għandhom jiġu imposti fuq l-esportaturi fl-eventwalità li jsiru applikazzjonijiet għal rifużjonijiet li mhumiex dovuti jew li jeċċedu r-rata applikabbli.

Regoli ta’ implementazzjoni settorjali

23.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1501/95 ( 9 ) jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati, applikabbli speċifikament għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali.

24.

L-erbatax-il premessa taqra:

“[…] [i]r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 […] jirrikjedi li, meta r-rifużjonijiet ivarjaw skond id-destinazzjoni, il-ħlas tar-rifond [rifużjoni] jista’ jkun kondizzjonali partikolarment fuq il-preżentazzjoni ta’ prova li l-prodott ikun ġie importat fl-istat mhux mibdul tiegħu fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalihom japplikaw ir-rifużjonijiet; […] fir-rigward ta’ ċereali, l-unika rifużjoni iktar baxxa minn dik applikabbli għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi kollha hija dik fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Iżvizzera u l-Liechtenstein; […] sabiex jiġi evitat li tiġi ostakolata ħafna mill-esportazzjoni tal-Komunità billi tintalab prova tal-wasla fid-destinazzjoni, iridu jinstabu mezzi oħra ta’ kif jista’ jiġi żgurat li prodotti li fuqhom tkun tħallset rifużjoni li tapplika għall-pajjiżi terzi kollha ma jiġux esportati lejn il-pajjiżi hawn fuq imsemmija; […] għal dak l-iskop, l-obbligu li tiġi ppreżentata prova tal-wasla għandu jiġi rinunzjat fil-każijiet kollha fejn l-esportazzjoni ssir bil-baħar; […] ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jiddikjaraw li l-prodotti telqu mit-territorju dognali tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar huma kkunsidrati li jipprovdu garanzija suffiċjenti]”.

25.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 jistipula ( 10 ):

“Minkejja l-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, [ ( 11 )] prova li tlestew il-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għall-konsum mhijiex ser [ma għandhiex] tintalab f’każi ta’ rifużjoni stabbiliti f’kuntratt li ngħata għar-rifużjoni fuq esportazzjoni lill[-]pajjiżi terzi kollha, sakemm l-operatur jagħti prova li l-kwantità ta’ mhux inqas minn 1500 tunnelata ta’ prodott taċ-ċereali ħareġ mit-territorju tad-dwana tal-Komunità abbord ta’ vapur li jiflaħ għall-baħar.

Prova bħal din għandha tkun ipprovduta bil-kitbiet segwenti attestati mill-awtorità kompetenti fuq il-kopja ta’ kontroll li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, fuq id-dokument amministrativ singolu jew fuq id-dokument nazzjonali li jipprova li l-oġġetti jkunu telqu mit-territorju doganali tal-Komunità:

[…]

‘Esportazzjoni ta’ ċereali bil-baħar — Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95 [Esportazzjoni ta’ ċereali bil-baħar — Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95]’

[…]”

26.

L-Artikolu 14 jiddisponi:

“Meta l-operatur jagħti prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum fl-Isvizzera jew fil-Liechtenstein, l-ammont tar-rifond ta’ l-esport għall-esportazzjoni [tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni] “lejn il-pajjiżi terzi kollha” stabbiliti permezz ta’ l-istedina [tas-sejħa] għall-offerti għandu jitnaqqas bid-differenza bejn dak l-ammont u l-ammont tar-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni fis-seħħ għad-destinazzjonijiet imsemmija hawn fuq fil-jum meta jingħata l-kuntratt.”

Fatti, proċeduri legali u d-domanda preliminari

27.

Skont id-digriet tar-rinviju, fi Frar tas-sena 2000, Glencore Grain Rotterdam BV (‘Glencore’) kisbet is-superviżjoni doganali finali għall-esportazzjoni ta’ 6725 tunnellata ta’ segala lejn ir-Russja maqsumin f’diversi kunsinni.

28.

Jirriżulta mill-proċess mibgħut mill-qorti tar-rinviju li l-liċenzji ta’ esportazzjoni rilevanti kienu nħarġu wara offerta ippreżentata fis-26 ta’ Awwissu 1999, b’mod konformi mar-Regolament Nru 1759/1999. Konsegwentement, jidher li r-rata ta’ rifużjoni kienet ta’ EUR 66,25 għal kull tunnellata għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi kollha, b’mod konformi mar-Regolament Nru 1851/1999, bl-eċċezzjoni tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein, li fir-rigward tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1501/1995 moqri flimkien mar-Regolament Nru 1816/1999, l-ebda rifużjoni ma kienet pagabbli ( 12 ).

29.

Kienu nħarġu dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni, bl-indikazzjoni: “Pajjiż tad-destinazzjoni: pajjiżi terzi kollha; […] ‘Esportazzjoni ta’ ċereali bil-baħar — Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95’”.

30.

L-ewwel kunsinna, li kienet tlaħħaq 3041.886 tunnellata ( 13 ), intbagħtet bil-vapur minn Lübeck fil-Ġermanja għal Klaipėda fil-Litwanja. Il-polza tat-tagħbija datata 8 ta’ Frar 2000, kopja ta’ liema tinsab fil-proċess nazzjonali, kienet tindika Klaipėda bħala l-port tad-destinazzjoni ( 14 ).

31.

Fit-12 ta’ Lulju 2000, Glencore talbet lill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (“l-awtorità doganali”) biex tingħata ħlas antiċipat tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni relattiva.

32.

B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2000, Glencore ġiet informata bil-ħtieġa li jiġu ppreżentati d-dokumenti tat-trasport għall-vjaġġ minn Klaipėda sad-destinazzjoni fir-Russja.

33.

Madankollu r-rifużjoni ġiet imħallsa provviżorjament b’deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2000, bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta l-prova tad-dritt għar-rifużjoni fil-forma u t-terminu previsti.

34.

Minkejja estenzjoni tat-terminu mogħti, Glencore ma kinitx kapaċi tipproduċi d-dokumenti tat-trasport mitluba ( 15 ) u, f’Diċembru tal-2001, l-awtorità doganali talbet il-ħlas lura tal-pagament antiċipat, b’żieda ta’ 10 % ( 16 ).

35.

Il-kontestazzjoni ta’ Glencore tad-deċiżjoni tal-awtorità doganali issa tinsab quddiem il-Finanzgericht Hamburg, li qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-produzzjoni tal-prova prevista fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-eżenzjoni mill-obbligu mhux biss li ssir il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum imma anki li jiġu prodotti d-dokumenti tat-trasport (L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, li sar l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999)?”

36.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Glencore, l-awtorità doganali u l-Kummissjoni. Glencore u l-Kummissjoni ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta.

37.

Glencore tissottometti li l-attestazzjoni tal-esportazzjoni bil-baħar, kif prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95, issostitwiet il-bżonn kemm tal-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tal-importazzjoni u tal-produzzjoni tad-dokumenti tat-trasport; l-awtorità doganali u l-Kummissjoni jissottomettu li din tissostitwixxi biss il-bżonn tal-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali.

Analiżi

38.

Ħaġa li tidher ċara mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija l-intenzjoni li jinstab bilanċ bejn, minn banda waħda, il-bżonn li jiġi żgurat li r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jitħallsu biss meta l-kundizzjonijiet rilevanti jintlaħqu u, mill-banda l-oħra, ix-xewqa li l-kummerċ tal-esportazzjoni tal-Komunità ma jiġix ostakolat minn piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dak li hu inqas ċar huwa fejn eżattament għandu jintlaħaq dak il-bilanċ.

L-erbatax-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1501/95 — l-importanza tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein

39.

Fil-proċeduri legali preżenti, Glencore għamlet enfażi kbira fuq ir-raġunament mogħti fl-14-il premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 1501/95. Dik il-premessa tistipula essenzjalment li l-unika rata ta’ rifużjoni iktar baxxa minn dik għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi kollha hija dik għall-esportazzjonijiet lejn l-Iżvizzera u l-Liechtenstein u li, sabiex jiġi evitat tfixkil inutli għall-esportazzjonijiet Komunitarji, kulma huwa meħtieġ biex jiġi ggarantit li prodotti ma jiġux esportati lejn dawk il-pajjiżi huwa li awtorità nazzjonali kompetenti tiċċertifika li l-prodotti jkunu telqu mit-territorju doganali tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar.

40.

Din hi loġika konvinċenti, u wieħed japprezza l-argument ta’ Glencore li kwalunkwe ambivalenza fid-dispożizzjonijiet tar-regolament trid tiġi riżolta b’mod li jkun konformi magħha. Jekk kwantità ta’ għall-inqas 1500 tunnellata ta’ ċereali titlaq mill-Komunità bil-baħar, huwa improbabbli li din se tispiċċa fl-Iżvizzera jew fil-Liechtenstein ( 17 ). Mhux biss dawk il-pajjiż m’għandhomx aċċess għall-baħar, iżda huma mdawwrin għal kollox b’pajjiżi tal-Komunità. Kwalunkwe kunsinna ta’ prodotti għal dawn il-pajjiżi trid tgħaddi mit-territorju tal-Komunità, fejn bħala regola tkun soġġetta għal kontrolli doganali tal-Komunità. Jekk, f’dak il-każ, evidenza tal-esportazzjoni bil-baħar tirrendi inutli l-bżonn ta’ prova tal-iżdoganar f’pajjiż terz li ma jkunx l-Iżvizzera jew il-Liechtenstein, għalfejn ma tistax ukoll tirrendi inutli l-bżonn li jiġi ppruvat it-trasport sad-destinazzjoni finali speċifika? Ir-rata tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma tiġix affettwata minn dik id-destinazzjoni speċifika.

41.

Jien kont nista’ nissottoskrivi b’mod iktar konvinċenti għal dik il-loġika li kieku s-suppożizzjoni li fuqha hi bbażata — li, fejn hemm rata differenzjata ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni, dejjem hemm rata iktar baxxa għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein u rata uniformi iktar għolja għall-pajjiżi terzi l-oħra kollha — setgħet tiġi kkonfermata. Madankollu, ikkonstatajt, wara li fittixt li nivverifika d-differenzjali applikabbli fiż-żmien materjali, li dan altru milli huwa l-każ.

42.

Fl-istess ġurnata li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1501/95 — id-29 ta’ Ġunju 1995 — hija stabbiliet ukoll ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni tas-segala (u fuq ix-xgħir, minbarra ż-żerriegħa, kodiċi tal-prodott 1003 0090 000) għal ECU 10 għal kull tunnellata għall-Iżvizzera, l-Liechtenstein, Cueta u Melilla, ECU 8 għal kull tunnellata għas-Slovenja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovaka, u ECU 0 għal pajjiżi terzi oħra ( 18 ). Għalhekk: fl-ewwel lok, ma kien hemm ebda differenzjar binarju bejn l-Iżvizzera u l-Liechtenstein u l-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha; fit-tieni lok, l-esportazzjoni lejn l-Iżvizzera u l-Liechtenstein kienet tikkwalifika għall-ogħla rata ta’ rifużjoni u mhux għall-iktar waħda baxxa; u, fit-tielet lok, it-tliet rati kienu japplikaw għall-pajjiż terzi li setgħu jintlaħqu bil-baħar minn port fil-Komunità. Pjuttost jidher bħallikieku l-id leġiżlattiva l-leminija tal-Kummissjoni ma kinitx taf x’qed tagħmel l-id regolatorja x-xellugija tagħha.

43.

Sitwazzjonijiet li jinkorporaw xi waħda jew iktar minn dawk it-tliet fatturi — li lkoll kemm huma jgiddbu s-suppożizzjoni li fuqha hija bbażata l-14-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1501/95 — seħħew spiss matul is-snin. Dawn jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed iħossu kunfidenti meta jaqra r-regolament fid-dawl ta’ dik il-premessa. Għalkemm — sa fejn nista’ nikkonstata mir-regolamenti applikabbli f’dak iż-żmien ( 19 ) — is-suppożizzjoni inerenti fil-premessa tidher li hi valida għat-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni fil-każ preżenti, hemm ħafna iktar każijiet oħra fejn din ma treġix. Pereżempju, taħt ir-Regolament Nru 1816/1999, applikabbli fid-data rilevanti għat-tranżazzjoni inkwistjoni, sitt prodotti taċ-ċereali oħra kellhom rata ta’ rifużjoni uniformi għall-pajjiżi terzi kollha, u prodott wieħed kellu rata pożittiva għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein u rata żero għall-pajjiżi terzi l-oħra. U, sabiex jingħata eżempju ieħor (iktar reċenti), ir-Regolament Nru 986/2005 ( 20 ) kien japplika rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ ħames prodotti ta’ ċereali lejn il-pajjiżi terzi kollha ħlief il-Albanija, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Bożnja u Ħerzogovina, is-Serbja u Montenegro, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (li lkoll kemm huma setgħu jintlaħqu bil-baħar minn port fil-Komunità), il-Liechtenstein u l-Iżvizzera, biex b’hekk l-iktar rata baxxa (f’dan il-każ żero) kienet komuni għal dawn il-pajjiżi kollha.

44.

Għalhekk, jien tal-fehma li l-14-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1501/95 ma tistax tkun ta’ għajnuna fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 — huma meħtieġa d-dokumenti tat-trasport?

45.

Id-diċitura tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999, moqrija flimkien, ma tidhirx li toħloq xi diffikultà kbira. Fin-nuqqas tal-gwida li setgħet tinkiseb mill-14-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1501/95, li kieku s-suppożizzjoni li fuqha hi bbażata ( 21 ) ġiet ikkonfermata, jidher li huwa xieraq li dawk id-dispożizzjonijiet jinqraw b’mod letterali, u li l-kliem jingħata t-tifsira ordinarja tiegħu.

46.

L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 800/1999 jeħtieġ li prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tiġi pprovduta permezz ta’ ċerti dokumenti; l-Artikolu 16(4) jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi li dik il-prova tista’ tiġi pprovduta “b’dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor” ( 22 ). B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 16(3) jeħtieġ li l-esportaturi jipproduċu kopja jew fotokopja tad-dokumenti tat-trasport “fil-każijiet kollha” — u ċjoè, ikun xi jkun il-mod kif jiġi pprovat l-iżdoganar. Il-preżentazzjoni tad-dokumenti tat-trasport għalhekk evidentement titqies bħala kwistjoni separata mill-preżentazzjoni tal-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dokumenti bħal dawn mhumiex maħsuba biex jiċċertifikaw l-istatus doganali tal-prodotti — li sa ċertu punt se jaffettwa l-probabbiltà li dawn jinġarru lejn xi destinazzjoni oħra — imma jipprovdi sempliċement evidenza tat-trasport tagħhom minn post wieħed għal ieħor.

47.

Għalhekk, meta l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 jistipula li “[m]inkejja [l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999], prova li tlestew il-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għall-konsum mhijiex ser [m’għandhiex] tintalab” fiċ-ċirkustanzi stipulati, il-kelma “minkejja” loġikament għandha tirrigwarda biss dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu li altrimenti kienu jkunu ta’ ostakolu għar-rifużjoni, ċjoè, dawk li għandhom x’jaqsmu mal-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali.

48.

Barra dan, din il-konklużjoni hija konformi mal-interpretazzjoni restrittiva meħtieġa mill-istatus tal-Artikolu 13 bħala deroga (settorjali) minn regola ġenerali (orizzontali).

49.

Din hi konsistenti wkoll mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Philipp Brothers ( 23 ), li tagħmel distinzjoni bejn l-obbligu li jiġu ppreżentati dokumenti doganali (li għalihom huwa possibbli li tingħata estensjoni tat-terminu) u l-obbligu li jiġu ppreżentati dokumenti tat-trasport (li għalihom dan mhuwiex possibbli). Kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-esportaturi jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu dokumenti doganali mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, li fuqhom m’għandhom ebda mezz biex jeżerċitaw pressjoni, imma mhux fir-rigward tad-dokumenti tat-trasport: fil-każ ta’ kuntratt cif, l-esportatur jagħmel l-arranġamenti tat-trasport u għalhekk iżomm kopja tad-dokumenti tat-trasport, waqt li fil-każ ta’ kuntratt fob huwa jista’ jitlob lix-xerrej biex jipprovdilu kopja.

50.

Jien minix konvinta bl-argumenti testwali ta’ Glencore fis-sens kuntrarju.

51.

L-użu tal-kelma ‘Außerdem’ (“barra dan”) fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, li Glencore tinvoka bħala indikazzjoni li l-obbligu li jiġu ppreżentati d-dokumenti tat-trasport huwa anċillari għall-obbligu prinċipali li tiġi ppreżentata prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali u ma jibqax japplika jekk l-obbligu msemmi l-aħħar jiġi sodisfatt, ma jidhirlix li hu sinjifikanti. Anki jekk dan it-terminu seta’ jingħata valur bħal dan (ħaġa li nikkunsidra dubjuża), huwa ma jinsab f’ebda verżjoni lingwistika oħra li stajt nivverifika, u dan jidher li huwa riżultat ta’ emenda intenzjonata għat-test li oriġinarjament kien deher fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 3665/87. L-għan tal-emenda tabilħaqq seta’ kien li titneħħa kull ambigwità li setgħet tiġi dedotta mit-terminu, u l-fatt li baqa’ fil-verżjoni Ġermaniża jidher li kien żball fl-abbozzar tiegħu.

52.

Lanqas ma jien influwenzata mir-referenzi li għamlet Glencore għal dispozizzjonijiet f’regolamenti oħra.

53.

Ir-Regolament Nru 40/2004 u r-Regolament Nru 450/2005 ( 24 ) it-tnejn jinkludu Artikolu 1(1) li essenzjalment għandu kliem identiku, li jipprovdi li fir-rigward ta’ esportazzjoni speċifika: “[…] li għaliha l-esportatur ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi l-prova msemmija fl-Artikoli 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999, il-prodotti għandhom jiġu kkunsidrati, b’deroga minn dak l-Artikolu, li ġew importati ġewwa pajjiż terz” mal-preżentazzjoni ta’ kopja tad-dokument tat-trasport, dikjarazzjoni uffiċjali ċertifikata tal-ħatt u dokument bankarju li jiċċertifika l-ħlas.

54.

Safejn dawn jipprovdu espressament li d-dokumenti tat-trasport jistgħu jissostitwixxu “l-prova msemmija fl-Artikoli 16(1) u (2)” tar-Regolament Nru 800/1999, jekk jiġu ppreżentati flimkien ma’ dokumenti speċifikati oħra, dawk id-dispożizzjonijiet pjuttost jimmilitaw kontra l-paragun li Glencore tixtieq tagħmel mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95. M’hemm l-ebda referenza espressa bħal din f’dan l-aħħar artikolu, u lanqas m’hemm xi dispożizzjoni li tistipula li għandhom jiġu pprovduti elementi ta’ prova addizzjonali.

55.

L-istess japplika għall-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 436/2007 ( 25 ), għajr li assolutament ma jagħmel l-ebda referenza għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999.

56.

Jien għalhekk tal-fehma li l-produzzjoni tal-prova deskritta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 teskludi biss il-ħtieġa li jiġu prodotti provi dwar it-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum imma mhux li jiġu prodotti d-dokumenti tat-trasport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999.

L-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999 — liema dokumenti tat-trasport huma meħtieġa?

57.

Għalkemm dik il-konklużjoni strettament twieġeb id-domanda tal-qorti tar- rinviju, inqis li l-analiżi ma tistax tieqaf hemm.

58.

L-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999 jeħtieġ li tiġi ppreżentata kopja tad-“dokumenti tat-trasport”, mingħajr ma jiddefinixxi aktar fil-fond dak it-terminu. Glencore ppreżentat kopja tal-polza tat-tagħbija, li hija dokument tat-trasport. Din tistabbilixxi li s-segala ġiet esportata lejn pajjiż terz li għalih ir-rata ta’ rifużjoni inkwistjoni kienet applikabbli. F’ċirkustanzi bħal dawn, esportatur fil-pożizzjoni ta’ Glencore hu obbligat jippreżenta dokumenti tat-trasport ulterjuri li jaffermaw it-trasport sal-pajjiż tad-destinazzjoni finali, li għalih kienet applikabbli l-istess rata?

59.

Jista’ tabilħaqq jiġi argumentat li, billi tinsab immedjatament wara l-Artikolu 16(1) u (2), li għandu x’jaqsam mat-twettiq tal-formalitajiet doganali fil-pajjiż terz tal-importazzjoni, ir-referenza għad-“dokumenti tat-trasport” fl-Artikolu 16(3) għandha tkun għad-dokumenti li jkopru t-trasport sa dik id-destinazzjoni. Din ma tidhirx li tkun interpretazzjoni artifiċjali tad-dispożizzjoni f’dak il-kuntest.

60.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, hemm indikazzjonijiet oħra fid-diċitura u fl-iskema tar-Regolament Nru 800/1999 li jimmilitaw kontra dik il-pożizzjoni.

61.

Taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali fit-Titolu II, Kapitolu 1, Sezzjoni I (partikolarment l-Artikoli 7 u 9) ( 26 ), dak li hu meħtieġ hu fil-prinċipju limitat għal dokumenti li jistabbilixxu li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità. Fejn ikun irid jiġi intiż dokument tat-trasport li juri destinazzjoni finali barra mill-Komunità, dan jiġi espressament iddikjarat (bħal fil-każ tar-rekwiżit alternattiv għall-esportazzjoni bil-baħar fl-Artikolu 9(1)(ċ) jew tar-rekwiżit għall-esportazzjoni bl-ajru fl-Artikolu 9(3)(a)).

62.

Dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali japplikaw għar-rifużjonijiet kollha, kemm b’rata waħda jew b’rati ddifferenzjati, kif inhu evidenti mid-dikjarazzjoni fl-Artikolu 14(1) li l-Artikoli 15 u 16 jinkludu kundizzjonijiet addizzjonali applikabbli fil-każ imsemmi l-aħħar.

63.

Għall-esportazzjoni bil-baħar, ir-rekwiżit normali taħt l-Artikolu 9(1)(b) huwa l-preżentazzjoni “tad-dokument(i) ta’ trasport, jew kopja jew fotokopja ta’ l-istess, li jkopru l-prodotti mit-tluq […] sal-wasla fil-pajjiż terz li fih għandhom jiġu żbarkati”. Evidentement, “il-pajjiż terz li fih għandhom jiġu żbarkati” mhuwiex neċessarjament il-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, kif intwera bil-każ preżenti, fejn is-segala ġiet żbarkata fil-Litwanja għalkemm id-destinazzjoni finali kienet ir-Russja.

64.

M’hemm ebda indikazzjoni espliċita fl-Artikoli 15 jew 16 li jridu jiġu ppreżentati dokumenti tat-trasport għad-destinazzjoni finali fejn ir-rata ta’ rifużjoni tvarja skont id-destinazzjoni, u lanqas naħseb li indikazzjoni bħal din tista’ tiġi dedotta. Prova tal-importazzjoni f’pajjiż terz li għalih tapplika r-rata xierqa ta’ rifużjoni ( 27 ) għandha tiġi pprovduta permezz ta’ dokumenti tal-iżdoganar u mhux tad-dokumenti ta’ trasport. L-Artikolu 16(3) sempliċement jindika li prova tal-importazzjoni bħal din ma teżentax mill-obbligu li jiġu ppreżentati “id-dokumenti tat-trasport” — li fil-kuntest ġenerali, għandha tfisser dawk li kienu jkunu meħtieġa f’kull eventwalità, anki fil-każ ta’ rata mhux iddifferenzjata ta’ rifużjoni.

65.

Jekk dik hi t-tifsira tal-Artikolu 16(3) fil-każ normali, din għandha tkun ukoll it-tifsira anki fejn, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) u (2) ma japplikawx.

66.

Nista’ napprezza s-saħħa tas-sottomissjoni tal-Kummissjoni li r-rekwiżit li jiġu ppreżentati dokumenti tat-trasport sad-destinazzjoni finali fil-pajjiż terz tal-importazzjoni jipprovdi protezzjoni addizzjonali siewja kontra l-frodi. Imma jekk il-Kummissjoni ma nkorporatx b’mod ċar rekwiżit bħal dan fil-leġiżlazzjoni tagħha, mhuwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi dan ir-rekwiżit permezz ta’ deduzzjoni.

67.

Madankollu trid issir referenza għall-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament Nru 800/1999 li jistipula li, bħala alternattiva għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(b), tista’ tkun meħtieġa l-preżentazzjoni ta’ “dokument tat-trasport li jispeċifika destinazzjoni finali ’il barra mit-territorju doganali tal-Komunità”. Għalhekk, jekk japplika l-Artikolu 9(1)(ċ), u mhux l-Artikolu 9(1)(b), id-dokumenti tat-trasport rikjesti mill-Artikoli 16(3) jridu juru tali destinazzjoni finali.

68.

Madankollu, il-kundizzjonijiet alternattivi ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jamministraw is-sistema b’mod diskrezzjonali. L-Artikolu 9(1)(ċ) jipprovdi li “l-Istat Membru tal-ħruġ jista’ jistipula” li l-kundizzjonijiet alternattivi għandhom japplikaw. Dan, fil-fehma tiegħi, jimplika li hemm bżonn ta’ xi liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tagħmel il-pożizzjoni ċara għall-esportaturi. M’għandna l-ebda informazzjoni dwar jekk dawn jeżistux fil-Ġermanja. Jekk ma jeżistux, l-awtoritajiet ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jinsistu fuq il-preżentazzjoni ta’ dokumenti tat-trasport lejn id-destinazzjoni finali abbażi tal-Artikolu 9(1)(ċ).

69.

Jien għalhekk nasal għall-konklużjoni li, meta l-prodotti jiġu esportati bil-baħar, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999 jeżiġi l-produzzjoni tad-dokumenti tat-trasport li jistabbilixxu li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità u li jkopru t-trasport tagħhom sal-wasla fil-pajjiż terz li fih jinħattu jew, jekk l-Istat Membru tal-ħruġ ikun eżerċita l-għażla fl-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ dak ir-regolament permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali, sal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom.

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 800/1999 — evidenza addizzjonali f’każ ta’ dubju

70.

M’għandux jintesa, madankollu, li, taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 800/1999, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu f’ċerti ċirkustanzi jirrikjedu evidenza addizzjonali li tipprova għas-sodisfazzjon tagħhom li attwalment il-prodott tqiegħed fis-suq fil-pajjiż terz tal-importazzjoni jew li għadda hemmhekk minn ipproċessar jew xogħol sostanzjali.

71.

Dik il-possibbiltà hija disponibbli b’mod partikolari jekk ikun hemm dubji serji dwar id-destinazzjoni reali tal-prodott jew suspetti fondati li se jiġi importat mill-ġdid ġewwa l-Komunità mingħajr dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju.

72.

Dan jidher li jipprovdi garanzija raġonevoli kontra l-frodi f’każijiet fejn, b’mod konformi mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999 interpretati bil-mod kif qed nipproponi, esportatur ikun ippreżenta biss dokumenti tat-trasport li jistabbilixxu l-esportazzjoni bil-baħar lejn pajjiz terz fir-rigward ta’ liema hi applikabbli r-rata rilevanti ta’ rifużjoni u l-indikazzjoni preskritta mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95.

73.

Madankollu, dan ma jistax jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali li jirrikjedu b’mod sistematiku evidenza addizzjonali bħal din f’kull każ. L-ewwel irid ikun hemm dubju serju jew suspett fondat tan-natura deskritta iktar ’il fuq. Il-kwistjoni jekk dawn ir-raġunijiet biex tintalab l-evidenza humiex fil-fatt preżenti hija waħda li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali f’kull każ individwali.

Rimarki finali

74.

Il-leġislazzjoni inkwistjoni hi — bir-raġun, meta jitqies is-suġġett — kumplessa u teknika. Madankollu, għandha wkoll id-difett ta’ nuqqas konsiderevoli ta’ kjarezza fid-dettalji u inkonsistenza sinjifikanti bejn ir-raġunijiet mogħtija għal dispożizzjoni waħda u l-kontenut ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li huma applikabbli fl-istess ħin.

75.

Nixtieq infakkar lill-Kummissjoni dwar il-ftehim rigward l-abbozzar tal-liġijiet li hi adottat flimkien mal-Parlament u l-Kunsill ( 28 ). L-ewwel żewġ premessi fil-preambolu ta’ dak il-ftehim jaqraw kif ġej:

“(1)

l-abbozzar ċar, sempliċi u preċiż ta’ atti leġislattivi tal-Komunità hu essenzali jekk għandhom ikunu trasparenti u mifhuma faċilment mill-pubbliku u operaturi ekonomiċi. Huwa wkoll rekwiżit minn qabel għall-implimentazzjoni xierqa u l-applikazzjoni uniformi ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità fl-Istati Membri;

(2)

skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li hi parti mill-ordni legali tal-Komunità, jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli minn individwi. Dik il-ħtieġa għandha tkun mħarsa kull ma jmur aktar strettament fil-każ ta’ att suġġett li jkollu konsegwenzi finanzjarji u li jimponi obbligazzjonijiet fuq individwi sabiex dawk involuti jistgħu ikunu jafu preċiżament l-estent ta’ l-obbligazzjonijiet li jimponi fuqhom”.

76.

Fil-fehma tiegħi, dawk il-prinċipji ma ġewx rispettati għal kollox fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-każ preżenti.

Konklużjoni

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda magħmula mill-Finanzgericht Hamburg f’dan is-sens:

il-produzzjoni tal-prova deskritta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1501/95 teskludi biss il-ħtieġa li jiġu prodotti provi dwar it-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum imma mhux li jiġu prodotti d-dokumenti tat-trasport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999;

meta l-prodotti jiġu esportati bil-baħar, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999 jeżiġi l-produzzjoni tad-dokumenti tat-trasport li jistabbilixxu li l-prodotti jkunu telqu mit-territorju doganali tal-Komunità u li jkopru t-trasport tagħhom sal-wasla fil-pajjiż terz li fih jinħattu jew, jekk l-Istat Membru tal-ħruġ ikun eżerċita l-għażla fl-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ dak ir-regolament permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali, sal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom;

fiċ-ċirkustanzi stipulati fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 800/1999, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirrikjedu evidenza addizzjonali li tipprova għas-sodisfazzjon tagħhom li l-prodotti attwalment tqiegħdu fis-suq fil-pajjiż terz tal-importazzjoni jew li għaddew hemmhekk minn ipproċessar jew xogħol sostanzjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (ĠU 1992 L 81, p. 21).

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1758/1999 tad-9 ta’ Awwissu 1999 li jiftaħ sejħa għal offerti għar-rifużjoni jew it-taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ segala lejn il-pajjiżi terzi kollha (ĠU 1999 L 210, p. 3).

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1851/1999 tas-26 ta’ Awwissu 1999 li jistabbilixxi r-rifużjoni massima fuq l-esportazzjoni tas-segala inkonnessjoni mas-sejħa għal offerti maħruġa fir-Regolament (KE) Nru 1758/1999 (ĠU 1999 L 226, p. 20).

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1816/1999 tad-19 ta’ Awwissu 1999 li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali, dqiq mill-qamħ jew ismar, xgħir u barli mitħun u dqiq tal-qamħirrum (ĠU 1999 L 220, p. 22).

( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 Novembru 1987 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1987 L 351, p. 1).

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1999 L 102, p. 11).

( 8 ) Fost il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan il-paragrafu, dik Ġermaniża biss tibda b’ “Außerdem […]” (“barra dan”). Espressjoni ekwivalenti kienet, madankollu, preżenti fil-verżjonijiet kollha tad-dispożizzjoni preċedenti, l-Artikolu 18(3) ta’ Regolament Nru 3665/87.

( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1501/95 tad-29 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 (ĠU 1995 L 147, p. 7). Dan ġie adottat meta r-Regolament Nru 3665/87 kien għadu fis-seħħ imma, fiż-żmien materjali fil-każ preżenti, ma kienx ġie emendat minn meta dak ir-Regolament ġie sostitwit bir-Regolament Nru 800/1999.

( 10 ) Fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien materjali, jiġifieri, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/97 tal-1 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, L 174, p. 10).

( 11 ) It-tabella fl-anness tar-Regolament Nru 800/1999 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) turi li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 jikkorrispondi għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

( 12 ) Ara l-punti 6 u 26 iktar ’il fuq. L-Artikolu 14 ta’ Regolament Nru 1501/1995 (regola ta’ implementazzjoni settorjali) jopera sabiex rifużjoni fuq l-esportazzjoni “għall-pajjiżi terzi kollha” f’sejħa għal offerti li għandha x’taqsam ma’ prodott f’dak is-settur (Regolament Nru 1851/1999) tiġi ttrasformata f’rifużjoni differenzjata. Dan jagħmel hekk billi jagħmel riferiment għall-iffissar regolari ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal dak il-prodott, deskritt ukoll bħala li huwa għall-“pajjiżi terzi kollha” (Regolament Nru 1816/1999).

( 13 ) Waqt is-seduta ġie kkonfermat li t-tilwima m’għandhiex x’taqsam mal-kunsinni li kien fadal, li fir-rigward tagħahom jista’ jiġi dedott li Glencore kienet kapaċi tipproduċi d-dokumentazzjoni kollha mitluba mill-awtorità doganali.

( 14 ) Id-destinazzjoni finali tas-segala mhijiex ċara. Fid-digriet tar-rinviju jingħad li ntalbet superviżjoni doganali finali għall-esportazzjoni lejn Nazran u Minsk fir-Russja. Il-polza tat-tagħbija tindika ‘OOO Agroprodservis’, ta’ Nazran, ir-Russja, bħala l-kunsinnjatarju. Minsk fil-fatt tinsab fil-Belarus, filwaqt li Nazran tinsab fl-Ingushetia, fil-fruntiera mal-Ġeorġja. Il-proċess nazzjonali jinkludi kopja ta’ dokument bl-Ingliż, datat 23 ta’ Settembru 2002, li jagħti x’jifhem li ġej mid-“Dwana tal-Belarus” f’Minsk u li jikkonferma l-wasla u l-iżdoganar għall-importazzjoni ta’ 3034150 kg ta’ segala fi Frar 2000, “b’karrijiet bir-roti ex mv. ‘VOLGOBALT — 209’” — il-vapur indikat fuq il-polza tat-tagħbija. It-trasport fuq l-art minn Klaipėda għal Nazran seta’ verosimilment jgħaddi minn Minsk.

( 15 ) Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Glencore iddikjarat, mingħajr ma ġiet kontradetta, li hi kienet ikkunsinnjat is-segala lill-importatur Russu f’Klaipėda u li l-importaturi Russi ħafna drabi kienu jinjoraw it-talbiet biex jipprovdu evidenza dokumentarja tat-trasport lejn id-destinazzjoni finali.

( 16 ) Li, minn kif jidher mill-proċess nazzjonali, kien jammonta għal EUR 220561,82.

( 17 ) Għalkemm, s’intendi, xejn ma jista’ jiġi eskluż. Waqt is-seduta, l-aġent tal-Kummissjoni għamel enfażi fuq l-inventiva awdaċi tal-frodisti fil-kamp tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

( 18 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1525/95 tad-29 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali, dqiq mill-qamħ jew ismar, xgħir u barli mitħun u dqiq tal-qamħirrum (ĠU L 147, p. 72).

( 19 ) Ara l-punti 6, 26 u 28 iktar ’il fuq.

( 20 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2005 tat-23 ta’ Ġunju 2005 li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali, dqiq mill-qamħ jew ismar, xgħir u barli u dqiq tal-qamħirrum (ĠU 2005 L 164, p. 33).

( 21 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.

( 22 ) M’hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni ħadet pass bħal dan.

( 23 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, (C-155/89, Ġabra p. I-3265, punti 25 sa 32, b’mod partikolari l-punt 27).

( 24 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 40/2004 tad-9 ta’ Jannar 2004 dwar prova tal-osservanza tal-formalitajiet tad-dwana fir-rigward tal-importazzjoni taz-zokkor ġewwa pajjiżi terzi kif provdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999 (ĠU 2004 L 6, p. 17) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 450/2005 tat-18 ta’ Marzu 2005 dwar prova li l-formalitajiet għall-importazzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib f’pajjiżi terzi ġew imwettqa kif ipprovdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 (ĠU 2005 L 74, p. 30).

( 25 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2007 tal-20 ta’ April 2007 dwar il-prova li l-formalitajiet doganali jkunu twettqu fir-rigward tal-importazzjoni taz-zokkor f'pajjiż terzi, kif ipprovdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 (ĠU 2007 L 104, p. 14).

( 26 ) Ara l-punti 10 et seq. iktar ’il fuq.

( 27 ) U jista’ jiġi nnutat li xejn fl-Artikoli 15 u 16 ma jeħtieġ li ssir prova tal-importazzjoni fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali. L-Artikolu 15(1) hu, tabilħaqq, pjuttost espliċitu meta jeħtieġ li jkun hemm importazzjoni f’“pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li dwarhom japplikaw ir-rifużjonijiet” (l-enfasi hija tiegħi). Dik id-diċitura ċertament ma kinitx tintuża li kieku kien jeżisti l-obbligu li tiġi stabbilita l-wasla f’destinazzjoni finali speċifika fost dawk kollha li jikkwalifikaw għall-istess rata ta’ rifużjoni.

( 28 ) Ftehim Interistituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1998 fuq linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità (ĠU 1999 C 73, p. 1).