KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2008 ( 1 )
Kawża C-388/07
The Queen, fuq it-talba ta’:
The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing
(Age Concern England)
vs
Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform
“Direttiva 2000/78 — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Sensji minħabba rtirar — Ġustifikazzjoni”
I — Introduzzjoni
1. |
B’digriet tal-24 ta’ Lulju 2007 ( 2 ), il-High Court of Justice (Queen’s Bench Division, Administrative Court, ir-Renju Unit) resqet numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas- li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 3 ). Bid-domandi tagħha, il-High Court essenzjalment tfittex li tivverifika jekk dik id-direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biex tittrasponi d-dispożizzjonijet tad-direttiva dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età li jippermettu lil min iħaddem, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex iġiegħel il-ħaddiema ta’ età ta’ 65 jew iktar sabiex jirtiraw. |
2. |
Din il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ kawża miftuħa mill-Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England) (iktar ’il quddiem ‘Age Concern England’) kontra s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform, fejn l-Age Concern England tikkontesta l-legalità ta’ dik il-leġiżlazzjoni. |
3. |
Dan il-każ, li, wara s-sentenzi Mangold ( 4 ), Lindorfer ( 5 ), Palacios de la Villa ( 6 ), u Bartsch ( 7 ), ser iżid mal-ġurisprudenza li qed toħroġ dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titfa’ iktar dawl fuq l-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari l-livell ta’ speċifiċità li bih dik il-projbizzjoni għandha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali. |
II — Il-kuntest ġuridiku
A — Id-dritt Komunitarju
4. |
Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE. Il-premessa 1, 14, u 25 tad-Direttiva jistipulaw kif ġej:
[…]
[…]
[…]” |
5. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li l-iskop tad-Direttiva huwa: “[…] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
6. |
L-Artikolu 2 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jipprovdi kif ġej: ‘1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, "il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament" għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
7. |
L-Artikolu 6 jipprovdi għal ġustifikazzjoni għat-trattament differenti fuq bażi ta’ età: ‘1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli tal-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
B — Id-dritt nazzjonali rilevanti
8. |
Id-digriet tar-rinviju jgħid li qabel l-1 ta’ Ottubru 2006 ma kien hemm l-ebda dispożizzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit li jimpedixxu d-diskriminazzjoni marbuta mal-età fir-rigward ta’ reklutaġġ u impjieg. Dawk li jħaddmu setgħu jkeċċu impjegati li kienu laħqu l-età tal-irtirar normali ta’ min iħaddimhom, jew, fin-nuqqas ta’ din l-età tal-irtirar normali, l-età ta’ 65. L-Artikoli 109 u 156 tal-Employment Rights Act 1996 (‘l-Att tal-1996’) kien jipprovdi li l-impjegati ma setgħux jitolbu kumpens għas-sensja f’ċirkustanzi bħal dawn. |
9. |
Fit-3 ta’ April 2006, ir-Renju Unit implementa d-Direttiva 2000/78 billi introduċa l-Employment Equality (Age) Regulations 2006, SI 1031/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”). |
10. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament jiddefinixxi l-kunċetti ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta marbuta mal-età għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jistipula kif ġej: “(1) Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, persuna (“A”) tkun qiegħda tiddiskrimina kontra persuna oħra (“B”) jekk —
|
11. |
B’eċċezzjoni għar-regola ġenerali, l-Artikolu 30 tar-Regolament jipprovdi: “(1) Dan ir-Regolament japplika għall-impjegati fis-sens tal-Artikolu 230(1) tal-Att tal-1996, għall-persuni impjegata mal-Kuruna, għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Commons, u għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Lords. (2) Xejn fit-Taqsimiet 2 jew 3 m’għandu jirrendi illegali t-tkeċċija ta’ persuna li għaliha japplika dan l-Artikolu, li għandha l-età ta’ 65 sena jew iktar, fejn ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar. (3) Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, jekk ir-raġuni għat-tkeċċija tkunx l-irtirar jew le għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 98 ZA sa 98 ZF tal-Att tal-1996.” |
12. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-effett tal-Artikolu 30 huwa li, taħt il-liġi nazzjonali, impjegat, li għandu l-età ta’ 65 sena jew iktar, ma jistax jippretendi li t-tkeċċija tiegħu jew tagħha kienet att illegali ta’ diskriminazzjoni marbuta mal-età fejn ‘ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’. |
13. |
Jekk dan huwiex il-każ jew le, jiddependi fuq l-applikazzjoni tal-kriterji fl-Iskeda 8 tar-Regolament. Dawk il-kriterji jvarjaw skont jekk l-impjegat għandux 65 sena jew iktar, jekk l-impjegat għandux l-età normali tal-irtirar, u jekk il-persuna li qed tħaddem segwitx il-proċedura fl-Iskeda 6 tar-Regolament. |
14. |
B’hekk, skont l-Iskeda 6, jekk min iħaddem ikollu l-intenzjoni li jsostni li ‘r-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’ sabiex ikun jista’ jistrieħ fuq l-Artikolu 30, huwa għandu jagħti lill-impjegat bejn sitt xhur u sena avviż mid-data maħsuba għat-tkeċċija u mid-dritt tal-impjegat li jagħmel talba biex ma jiġix imkeċċi minħabba l-irtirar. L-impjegat, imbagħad, għandu d-dritt li jitlob formalment li ma jiġix imkeċċi minħabba l-irtirar, liema talba għandha tiġi kkunsidrata minn min iħaddem skont il-proċeduri stabbbiliti fl-Iskeda 6. Madanakollu, min iħaddem mhuwiex obbligat li jilqa’ din it-talba. |
15. |
L-Artikolu 7(4) tar-Regolament jissupplixxi l-Artikolu 30 billi jippermetti li min iħaddem li jiddiskrimina, f’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ, kontra persuni ta’ età ta’ 65 sena jew iktar, meta l-Artikolu 30 ikun jista’ japplika għal persuna kkonċernata kieku din ġiet irreklutata. L-Artikolu 7 jipprovdi: “1. Huwa illegali għal min iħaddem li, meta jiġi biex jimpjega lil xi persuna fi stabbiliment fil-Gran Brittannja, jiddiskrimina kontriha —
[…] 4. Bla ħsara għall-paragrafu (5), il-paragrafu (l)(a) u (ċ) ma japplikax għal persuna
5. Il-paragrafu (4) japplika biss għal persuna li għaliha kien ikun jista’ japplika r-regolament 30 (l-eċċezzjoni għall-irtirar) kieku hija kienet ingaġġata minn min iħaddimha. […] 8. Fil-paragrafu (4) “età tal-irtirar normali” hija l-età ta’ 65 jew iktar li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 98ZH tal-Att tal-1996.” |
III — Il-kuntest fattwali, proċedura u d-domandi preliminari
16. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England), hija istituzzjoni tal-karità li għandha l-iskop li tippromwovi l-benesseri ta’ persuni anzjani. Bil-kawża tagħha, l-Age Concern England qegħdha titlob dikjarazzjoni li partijiet mill-Artikoli 3, 7 u 30 huma illegali minħabba li r-Regolament ma jimplementax id-Direttiva 2000/78 kif suppost. |
17. |
B’mod partikolari, hija ssostni li l-Artikoli 30 u 7(4) u (5) jaqgħu taħt il-kamp tad-Direttiva 2000/78 u taħt il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni illegali fuq bażi ta’ età kif stabbilita hemmhekk u li l-Artikolu (6)1 tal-imsemmija Direttiva ma jippermettix lill-Istati Membri li jintroduċu difiża ġenerali ta’ ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età, kif provdut għaliha mill-Artikolu 3 tar-Regolament. L-imsemmi Artikolu jippermettilhom biss li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi li jelenkaw dawk l-atti ta’ trattament inqas favorevoli għal raġunijiet ta’ età li jistgħu jkunu ġġustifikati minn dak li jiddiskrimina jekk ikunu proporzjonati għall-kisba ta’ għan leġittimu. Barra dan, Age Concern England tissottometti li t-test li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni oġġettiva taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa sostanzjalment differenti minn dak taħt l-Artikolu 2(2)(b) tal-istess Direttiva u li l-istandard sabiex ikun hemm ġustifkazzjoni oġġettiva ma ntlaħaqx fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ. |
18. |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkontestaw din il-perspettiva. Huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament ma jirrilevawx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u li, fi kwalunkwe każ, huma konformi ma’ Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva. |
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court issospendiet il-proċeduri u ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari: “F’dak li jirrigwarda […] id-Direttiva 2000/78[…]:
|
IV — Analiżi ġuridika
A — Osservazzjonijiet preliminari
20. |
Filwaqt li s-sentenza li għandha tingħata fil-kawża prinċipali tista’ tkun, kif enfasizzat Age Concern England fl-osservazzjonijiet tagħha, ferm importanti għas-sistema ta’ irtirar li teżisti fir-Renju Unit u jkollha impatt deċiżiv fuq numru kbir ta’ każijiet li jikkonċernaw l-irtirar obbligatorju u li huma pendenti quddiem il-qrati nazzjonali fir-Renju Unit, il-portata ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija, fil-fatt, relattivament limitata. |
21. |
B’mod partikolari, il-High Court of Justice, fid-digriet tar-rinviju tagħha, żammet lura intenzjonalment milli tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà bejn id-Direttiva 2000/79 u t-tip ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil min iħaddem li jkeċċi l-impjegati ta’ età ta’ 65 jew iktar, għal raġuni ta’ irtirar. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lil din il-Qorti b’ebda informazzjoni sostanzjali li tippermettilha tanalizza jekk dawn ir-regoli jistgħux ikunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva; u l-partijiet f’dawn il-proċeduri lanqas ma ddiskutew fid-dettall l-għanijiet potenzjali mfittxija mir-regoli nazzjonali in kwistjoni jew il-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri. |
22. |
Minflok, kif il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ġustament osservaw, il-High Court resqet domandi pjuttost speċifiċi lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma ntiżi illi jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddisponi minn ċerti kwistjonijiet imqajma partikolarment minn Age Concern England u li tagħmel evalwazzjoni tagħha stess dwar jekk ir-Regolament hux konformi mad-Direttiva 2000/78. |
23. |
Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment, bid-Domandi (i), (ii) u (iii), li jien jidhirli li jkun xieraq li jiġu eżaminati flimkien, jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dik id-domanda tista’ tingħatlha tweġiba malajr fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Palacios de la Villa ( 8 ). |
24. |
Iż-żewġ domandi li fadal huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin minħabba li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva u l-kompattibiltà bejn dan l-Artikolu u leġiżlazzjoni bħal dik in eżami f’dan il-każ. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju l-ewwel tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jobbligax l-Istati Membri sabiex jispeċifikaw it-tipi ta’ differenzi ta’ trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati in konformità ma’ l-Artikolu 6. Wara, hija tistaqsi dwar il-kriterji ta’ ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età. |
25. |
Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa biex tipprovdi risposti li jkunu utli għall-qorti nazzjonali, tista’ tipprovdilha gwida sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni, sakemm il-proċess tal-kawża prinċipali u l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew ippreżentati lilha jippermettulha tagħmel dan ( 9 ). |
B — Età nazzjonali tal-irtirar u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (Domandi (i), (ii) u (iii))
26. |
Bid-domandi (i), (ii) u (iii), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk ir-regoli nazzjonali dwar l-età tal-irtirar bħal dawk tar-Regolament, li jippermettu s-sensja minħabba l-irtirar ta’ persuna tal-età ta’ 65 jew iktar, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
27. |
F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Age Concern England, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Italja kif ukoll mill-Kummissjoni. L-istess partijiet, ħlief għall-Gvern tal-Italja, kellhom ukoll ir-rappreżentanti tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-2 ta’ Lulju 2008. |
28. |
Il-partijiet kollha jaqblu sostanzjalment fuq il-fatt li joħroġ ċar mis-sentenza Palacios de la Villa ( 10 ), li r-regoli nazzjonali dwar l-età għall-irtirar bħal dawk tar-Regolament, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Il-Gvern tal-Italja, madankollu, jżid li sa fejn id-domanda (iii) għandha tinftiehem bħala li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, din għandha tiġi ddikjarata inammissibili. |
2. Analiżi
29. |
Id-Direttiva 2000/78 hija intiża li tissabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament ‘fl-impjieg u fix-xogħol’ għal persuni kollha, billi toffrilhom protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq wieħed mill-bażijiet koperti mill-Artikolu 1, li jinkludi l-età ( 11 ). |
30. |
Il-portata sostantiva tad-Direttiva 2000/78 hija ddefinita fid-dettal fl-Artikolu 3, B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva, din tapplika fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità, “għall-persuni kollha […] f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”. |
31. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78, liema premessa għandha tittieħed in kunsiderazzjoni meta wieħed jiġi biex jinterpreta d-Direttiva, l-istess Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar. |
32. |
Madankollu, f’Palacios de la Villa, il-Qorti interpretat dik il-premessa b’mod strett, u ddeċċidiet li din il-premessa “tillimita ruħha sabiex tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira” u li “bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età ta’ l-irtirar hekk stabbilita.” ( 12 ) |
33. |
Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Palacios de la Villa, ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni f’dik il-kawża, li kienet tippermetti t-tmiem awtomatiku ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u ħaddiem meta l-istess ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 65, kienet taffettwa t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet u, b’mod iktar ġenerali, l-ingaġġ tal-ħaddiem ikkonċernat f’xi xogħol, billi tipprekludi l-parteċipazzjoni futura tiegħu fis-suq tax-xogħol, u li dik il-leġiżlazzjoni kellha għalhekk tiġi meqjusa bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardjaw “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 ( 13 ). |
34. |
Bla dubju l-istess raġunament japplika għal-leġiżlazzjoni bħalma hija dik li qiegħda fil-kwistjoni f’dan il-każ, li tippermetti lil min iħaddem ikeċċi impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar jekk ir-raġuni għas-sensja tkun l-irtirar. |
35. |
Għaldaqstant, għad-Domandi (i) sa (iii) għandhom tingħata risposta fis-sens li d-Direttiva 2000/78 tapplika għal regoli nazzjonali, bħalma huma dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lil min iħaddem ikeċċi impjegati ta’ età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ irtirar. |
C — Ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni speċifika (Domanda (iv))
36. |
Bid-domanda (iv) tagħha, li biha l-qorti tar-rinviju ċertament għandha f’moħħha d-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament, il-High Court tixtieq essenzjalment tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermettix ġustifikazzjoni ġenerali għal trattament differenti fuq bażi ta’ età, bħal dik prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament, jew jekk dan l-Artikolu jimponix fuq l-Istati Membri sabiex jispeċifikaw it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jiġu ġġustifikati permezz ta’ lista jew miżura oħra li fil-forma u fil-kontenut hija simili għal-lista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. |
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
37. |
Skont Age Concern England, hemm tliet problemi marbuta mal-Artikolu 3. L-ewwel nett, ir-Regolament 3 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn ġustifikazzjoni taħt l-Artikolu 6 u dik taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78; ir-Regolament ma jispjegax x’differenzi ta’ trattament fuq bażi ta’ età jistgħu potenzjalment jiġu ġġustifikati; finalment, ir-Regolament ma jistabbilixxix x’objettivi jistgħu jiġġustifikaw dawk id-differenzi fit-trattament. |
38. |
F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku d-domanda (iv), Age Concern England issostni li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età stabbilita fid-Direttiva 2000/78 hija aspett partikolari tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali u li l-eċċezzjonijiet kollha għal dan il-prinċipju għandhom ikunu ġġustifikati b’mod ċar. Barra minn hekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li d-diskriminazzjoni diretta, li altrimenti tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali, tista’ tkun iġġustifikata. |
39. |
Age Concern England issostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod strett b'mod li jillimita ċ-ċirkustanzi li fihom hija permessa l-ġustifikazzjoni. Fil-fehma tagħha, bil-fatt li fil-punt (a) sa (ċ) tat-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju jirrikorri għal lista illustrattiva ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli, huwa ried jimponi fuq l-Istati membri l-obbligu li, fl-istrumenti ta’ implementazzjoni tagħhom, jistabbilixxu lista speċifika ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati b’referenza għal xi għan leġittimu. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata mill-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78. Kuntrarjament, id-Direttiva ma tippermettix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li trattament differenti (mhux speċifikat) fuq il-bażi ta’ l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk huwa dan it-trattament huwa mezz proporzjonali biex jintlaħaq xi għan leġittimu. |
40. |
Bħala rimarka ġenerali, ir-Renju Unit jinnota li Age Concern England tipprova, b’mod mhux adattat, testendi il-portata ta’ dan ir-rinviju, li madankollu huwa limitat għad-domandi speċifiċi mressqa mill-High Court lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jenfasizza li s-sistema dettaljata ta’ rtirar fir-Renju Unit u l-kwistjoni dwar jekk is-sistema hijiex proporzjonali u ġustifikabbli, li tinvolvi numru kbir ta’ kunsiderazzjonijiet kumplessi, mhijiex daqshekk il-kwistjoni f’din il-kawża. Hija tikkontesta wkoll li l-aċċess għall-qrati huwa impossibbli, kif Age Concern England tidher li qegħda tissuġġerixxi. Din l-allegazzjoni hija bbażata fuq konfużjoni bejn, min-naħa, id-dmir skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, li jkun żgurat li l-proċeduri ġudizzjarji jkunu disponibbli għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva biex ma jikkunsidrawx ċerti distinzjonijiet fuq il-bażi ta’ età bħala diskriminazzjoni illegali. |
41. |
Fir-rigward tad-Domanda (iv), il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-interpretazzjoni proposta minn Age Concern England u jsostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jobbligax lill-Istati Membri jiddefinixxu, permezz ta’ lista jew miżura oħra li hija simili fil-forma jew fil-kontenut għal-lista tal-Artikolu 6(1), it-tipi ta’ differenzi fit-trattement li jistgħu jkunu ġġustifikati bħala li jikkostitwixxu mezz proporzjonat biex jintħalaq għan leġittimu fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. In sostenn tal-fehma tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit jirreferi għad-diċitura tal-Artikolu 6(1) u tal-premessa 25 tad-Direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Palacios de la Villa ( 14 ), l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva u l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri jgawdu fl-implimentazzjoni tad-Direttivi skont l-Artikolu 249 KE. Meta kien qed ifassal l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju kien ferm konxju li ma kienx ser ikun realistiku li jiġu identifikati minn qabel it-tipi ta’ sitwazzjonijiet li fihom id-differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età jistgħu jkunu ġustifikati. Ikun inqas u inqas xieraq li l-Istati Membri jkunu obbligati jħejju lista bħal din. |
42. |
Il-Gvern tal-Italja jsostni wkoll li l-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri għal meta ssir it-traspożizzjoni tad-Direttivi trendi superfluwa li wieħed jiddefinixxi permezz ta’ lista speċifika, it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġustifikati. |
43. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, għandu jkun iġġustifikat minn obbjettiv ta’ interess pubbliku/ta’ livell ta’ politika soċjali. Hija tifhem l-Artikolu 6(1), kif interpretat fid-dawl tal-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, jipprovdi forma limitata ta’ eċċezzjoni għad-dritt fundamentali li hija ġustifikata b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet partikolari ta’ politika soċjali li tapplika fis-sitwazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku. B’hekk l-Artikolu 6(1) jimplika li huwa neċessarju li tkun introdotta miżura nazzjonali speċifika li tirrifletti sett partikolari ta’ ċirkostanzi u obbjettivi. Ir-Regolament 30, li jipprovdi li t-tkeċċija ta’ persuna fl-età ta’ 65 jew iktar hija legali ‘fejn ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar’, jipprovdi eżempju ċar ta’ din il-miżura. Min iħaddem għalhekk japplika politika nazzjonali għal ċirkostanzi speċifiċi, imma l-għażla ta’ dik il-politika hija f’idejn l-Istat Membru u mhux f’idejn min iħaddem. |
2. Analiżi
44. |
Peress li din id-domanda tikkonċerna kwistjoni ta’ ‘teknika leġiżlattiva’ fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, iktar milli l-portata materjali tagħha, jidher li huwa xieraq li wieħed jibda billi jfakkar xi prinċipji bażiċi li jikkonċernaw safejn jasal l-obbligu tal-Istati Membri li jittrasponu xi direttiva. |
45. |
Fuq naħa waħda, il-kliem stess tal-Artikolu 249 KE jindika li, peress li d-direttivi jorbtu f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq, l-Istati Membri, fil-prinċipju, huma liberi li jagħżlu l-mod u l-mezzi biex jimplimentaw id-direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-grad ta’ flessibbiltà mħollija lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ direttivi jimplika wkoll li t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mhux neċessarjament teħtieġ azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutatment irrikonoxxiet li mhux dejjem huwa neċessarju li r-rekwiżiti tad-direttiva jiġu adottati formalment f’dispożizzjoni legali speċifika u espressa u dan peress li l-kuntest legali ġenerali jista’ jkun biżżejjed biex tkun implimentata d-direttiva, dejjem skont il-kontenut tagħha ( 15 ). |
46. |
Mill-banda l-oħra, huwa ċar li, filwaqt li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-nezzi, huma jinsabu f’kull każ obbligati li jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li d-Direttiva jkollha effett sħiħ, u dan skont l-objettivi li hija jkollha ( 16 ). |
47. |
Il-bżonn li jkun żgurat li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod sħiħ jeħtieġ li l-Istat Membri, fl-ewwel lok, iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi mad-dritt Konunitarju, u ovvjament, ma jadottawx liġijiet ġodda li jistgħu jippreġudikaw l-effettività sħiħa ta’ xi direttiva speċifika. Madankollu, iktar minn hekk, jista’ jkun meħtieġ, speċjalment fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ xi direttiva jkunu intiżi li joħolqu drittijiet għall-individwi, li jiġu adottati liġijiet sabiex joħolqu sitwazzjoni li tkun suffiċjentement ċerta, ċara u trasparenti, b’mod illi l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali ( 17 ). |
48. |
F’dan il-kuntest, l-iskop tad-Direttiva 2000/78, skont l-Artikolu 1 magħqud mal-Artikolu 3(1)(ċ), huwa li joffri lill-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, protezzjoni effettiva kontra diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1, li jinkludu l-età ( 18 ). |
49. |
Id-Direttiva għalhekk tfittex li toffri protezzjoni effettiva lill-individwi, partikolarment dawk f’relazzjonijiet (orizzontali) ma’ individwi oħra fil-kuntest ta’ impjieg, minn diskriminazzjoni abbażi inter alia ta’ età. Mill-Artikoli 9 u 10 tad-direttiva u l-premessi 29 u 31 tad-Direttiva, jirriżulta ċar li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali għal dak il-għan u li, ladarba jkun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, jipprovdu għall-inverżjoni fl-oneru tal-prova mill-persuna li tkun qed tallega li hija l-vittima għall-fuq il-konvenut. |
50. |
Fid-dawl tal-protezzjoni sostantiva li d-Direttiva 2000/78 hija għaldaqstant intiża li toffri lill-individwi kontra forom ta’ diskriminazzjoni pprojbiti taħt id-Direttiva, wieħed jista’ jargumenta li l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva ma tkunx ġiet milħuqa meta jiġi żgurat biss li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, hija fil-verità konformi mar-rekwiżiti tat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol li joħorġu mid-Direttiva. |
51. |
Pjuttost, sabiex l-individwi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jkunu jistgħu jagħmlu użu b’mod effettiv tad-dritt tagħhom li jkunu ttrattati b’mod ugwali u b’mod iktar partikolari, biex ma jbagħtux minn diskriminazzjoni pprojbita fuq il-bażi ta’ età, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri huma obbligati li, fir-rigward tax-xogħol u tal-impjieg, jadottaw regoli fil-liġi domestika tagħhom li jipprovdu b’mod speċifiku u b’ċarezza suffiċjenti, għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età, kif prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 1 magħdud mal-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78. Jidhirli li l-Artikolu 3 tar-Regolament jikkostitwixxi prinċipalment regola tali ta’ dritt nazzjonali, in kwantu jistabbilixxi definizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-finijiet tad-dritt nazzjonali. |
52. |
Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li Age Concern England jidher li qed tissuġġerixxi, jiena ma naħsibx li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha fil-liġi nazzjonali hija nieqsa mill-preċiżjoni meħtieġa jew mhijiex biżżejjed speċifika minħabba biss li l-leġiżlazzjoni domestika kkonċernata ma tipprovdix b’mod speċifiku it-tipi ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1). |
53. |
Bħalma jirrimarka l-Gvern tar-Renju Unit, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi biss diversi eżempji ta’ differenzi fit-trattament sabiex juri t-tipi ta’ differenzi fit-trattament li huma indirizzati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u ċjoè, dawk li jistgħu jiġu meqjusa bħala oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati minn għan leġittimu u huma għalhekk kumpatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva ( 19 ). |
54. |
Minn dan wieħed ma jistax jiddeduċi li l-Istati Membri, fl-istrumenti ta’ implimentazzjoni tagħhom, huma meħtieġa jipprovdu lista speċifika ta’ differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati b’riferenza għal xi għan leġittimu. Fid-dawl tal-varjetà ta’ sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jqumu dawn id-differenzi ta’ trattament, wieħed jista’ jargumenta wkoll li jkun impossibbli li tiġi stabbilita minn qabel lista bħal din, mingħajr ma tkun ristretta indebitament il-portata tal-ġustifikazzjoni pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. |
55. |
Finalment, wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-Regolament 3 ma jistabbilixxix il-portata tal-projbizzjoni taħt il-liġi nazzjonali tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età fl-impjieg u fix-xogħol b’mod iżolat minn regoli oħra, li huma iktar speċifiċi, li jirregolaw sitwazzjonijiet u aspetti partikolari, bħalma huwa r-Regolament 30 fir-rigward tal-irtirar obbligatorju. |
56. |
Jiena nikkonkludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa r-Regolament 3, ma jkunx inkumpatibbli ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 sempliċiment minħabba li ma jkunx fih lista speċifika ta’ forom ta’ trattament permissibbli. |
57. |
Jiena għalhekk nipproponi li r-risposta għad-Domanda (iv) tkun fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu leġiżlazzjoni li tipprovdi li xi differenza fit-trattament fuq il-bażi ta’ età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk jiġi deċiż li hija mezz proporzjonat sabiex jintlaħaq għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1). Madanakollu, l-istess Artikolu ma jobbligax lill-Istati Membri jiddefinixxu t-tipi ta’ differenzi ta’ trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) permezz ta’ lista jew miżura oħra li hija simili fil-forma u fil-kontenut għal-lista fl-Artikolu 6(1). |
D — It-test sabiex tiġi ġġustifikata d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta
58. |
Bid-Domanda (v), il-qorti tar-rinviju qed tfittex gwida dwar kif għandha taċċerta li l-Artikoli 7(4), 7(5) u 30 tar-Regolament, in kwantu dawn jippermettu lil min iħaddem ikeċċi impjegati li għandhom l-età ta’ 65 jew iktar meta r-raġuni għat-tkeċċija tkun l-irtirar, huma ġustifikati taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Għal dan il-għan, hija tixtieq tkun taf jekk hemmx xi differenza prattika bejn it-testijiet dwar il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, rispettivament. |
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
59. |
Age Concern England tenfasizza n-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 u l-interpretazzjoni b’mod strett li dan għandu jingħata għal dik ir-raġuni. Dwar dan, hija tibbaża ruħha fuq l-għan u d-diċitura tal-Artikolu 6 u l-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 u fit-travaux préparatoires. |
60. |
Hija tinnota li l-Artikolu 6(1) jillimita d-derogi mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għall-miżuri li huma ġustifikati bħala kemm ‘oġġettivi’ u kif ukoll ‘raġonevoli’. Hija tosserva li l-użu ta’ dik il-kundizzjoni doppja huwa uniku fid-dritt Komunitarju sussidjarju u huwa marbut direttament mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess jew razza. Skont Mangold, ( 20 ) minħabba li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età huwa prinċipju ġenerali tad-dirtt Komunitarju, kwalunkwe ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ età għandha tkun suġġetta għal livell għoli ta’ skrutinju. |
61. |
Għalhekk Age Concern England tieħu l-pożizzjoni li t-test dwar il-ġustifikazzjoni pprovdut fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta huwa, ċertament, differenti minn dak ipprovdut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta. |
62. |
Age Concern England tikkonkludi li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-konvenut jista’ jiġġustifika trattament inqas favorevoli fuq il-bażi ta’ età biss billi juri li d-differenza fit-trattament huwa ġġustifikat kemm oġġettivament kif ukoll raġonevolment. L-użu ta’ dawk it-termini jindika li dik il-ġustifikazzjoni għandha tkun permessa biss fejn hemm raġunijiet b’saħħithom u f’ċirkustanzi eċċezzjonali u limitati ħafna tat-tip preskritt fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jew f’ċirkustanzi simili partikulari. |
63. |
Mill-banda l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li, abbażi tat-tifsira u l-għan tad-Drettiva 2000/78, l-istorja leġiżlattiva tagħha u s-sentenza Palacios de la Villa ( 21 ), mhemm ebda differenza prattika bejn it-test tal-ġustifikazzjoni preskritt fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva u t-test tal-ġustifikazzjoni preskritt fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Huwa jargumenta li Age Concern England tagħti wisq importanza lill-użu tal-kelma“raġonevolment” magħquda mal-kelma “oġġettivament”. Huwa jirrimarka li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirreferi wkoll għal sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta, bħal pereżempju, il-kundizzjonijiet minimi tal-anzjanità jew esperjenza professjonali meħtieġa għall-aċċess għall-impjieg (punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva). Ġeneralment wieħed jista’ jistrieħ fuq ġustifikazzjoni oġġettiva u proporzjonata sabiex jirribatti xi ilment ta’ diskriminazzjoni, kemm fid-dritt Komunitarju kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. |
64. |
Il-Gvern tal-Italja huwa tal-fehma li l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma differenti fil-portata tagħhom, fis-sens li d-derogi mill-prinċipju ta’ non-diskriminaazzjoni fuq il-bażi tal-età permessi taħt l-Artikolu 6(1) huma iktarwiesgħa minn dawk irregolati mill-Artikolu 2 tad-Direttiva. |
65. |
Il-Kummissjoni taqbel mal-Gvern tar-Renju Unit li d-differenza fid-diċitura bejn l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 mhijiex sinjifikattiva. Minflok, hija tara d-distinzjoni essenzjali bejn iż-żewġ artikoli bħala li tirrigwarda l-kwistjoni dwar min għandu jipprovdi l-ġustifikazzjoni, in-natura tagħha, u kif din għandha tiġi ippruvata. Matul is-seduta il-Kummissjoni spjegat li hija tara l-Artikolu 6(1) bħala forma ta’ lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, u bħala li jipprovdi l-unika ġustifikazzjoni possibbli għal diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età. |
66. |
Bħalma jipprovdi b’mod espliċitu l-Artikolu 6(1), huwa l-Istat Membru li għandu jiġġustifika l-għażliet ta’ politika “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”. Mis-sentenza Palacios de la Villa ( 22 ) jirriżulta ċar ukoll li l-għan wara miżura leġiżlattiva speċifika għandu jkun kapaċi li jiġi identifikat direttament mid-diċitura tagħha jew mill-kuntest ġenerali tagħha, inkluż pereżempju minn dokumenti uffiċjali. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 2(2) tad-direttiva jiffoka fuq jekk min iħaddem waħdu jistax jiġġustifika l-prattiċi tiegħu ta’ impjieg. |
67. |
Il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għan-noti ta’ spjegazzjoni maħruġa mid-Department of Trade and Industry, tinnota li l-objettiv soċjo-politiku li għandhu r-Regolament huwa dak li jkun hemm “ippjanar tal-forza tax-xogħol’ u li jkun evitat impatt negattiv fuq il-pensjonijiet u benefiċċji oħra marbuta max-xogħol, objettivi dawn li jaqgħu fil-kategorija ta’ għanijiet leġittimi kontemplati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal numru ta’ kunsiderazzjonijiet u kriterji li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu kont tagħhom meta teżamina l-proporzjonalità tar-regoli inkwistjoni (pereżempju, jekk humiex approprjati u neċessarji). |
2. Evalwazzjoni
68. |
F’dinja perfetta kulħadd jiġi ġġudikat individwalment u skont il-merti tiegħu, kulħadd ikun ittrattat bl-istess mod safejn ikun l-istess u differenti safejn ikun differenti. F’dinja perfetta kullħadd ikun għalhekk mogħti dak li hu tiegħu u ssir ġustizzja. |
69. |
Sfortunatament, ġustizzja perfetta f’dak is-sens għandha tibqa’ barra mill-portata tal-liġi ta’ din id-dinja. Bħala ‘regola’, il-liġi għandha min-natura tagħha tkun ġenerali; bħala tali għandha tiffaċċja r-realtà biss permezz tal-astratt, u huwa imbaghad f’idejn il-qrati, l-amministrazzjonijiet u l-individwi li japplikawha għall-każijiet individwali u għalhekk li ‘jittraduċu’ l-liġi ġenerali fil-każ ideali, f’ġustizzja individwali. |
70. |
Għalhekk il-liġi tiġġeneralizza u tikkategorizza; hija tindirizza l-individwi u s-sitwazzjonijiet individwali permezz ta’ prismi ta’ tipi, kategoriji, karatteristiċi u klassijiet; tiddifferenzja skont ċerti kriterji ( 23 ). Madankollu, matul iż-żmien, ċerti klassifikazzjonijiet ġew rrikonoxxuti mill-ordni legali bħala li huma inaċċettabbli u li jmorru kontra l-valuri li huma l-bażi tagħha. Fil-linja tal-Artikolu 13 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jidentifika r-reliġjon u t-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali bħala kriterji li fuqhom, in prinċipju, id-differenzi fil-liġi jistgħu ma jkunux ibbażati fuqhom, jiġifieri, sakemm ma jiġix stabbilit li dik id-differenza hija oġġettivament iġġustifikata. |
71. |
Klassifikazzjonijiet jew differenzi fit-trattament ibbażati, direttament jew indirettament, fuq dawn ir-raġunjiet huma għalhekk fil-prinċipju ‘suspettużi’ u jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni illegali, għalkemm mill-possibiltajiet ta’ ġustifikazzjoni pprovduti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva jirriżulta li dan jista’ ma jkunx il-każ. Kollox jiddependi — b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-differenzi, fit-trattament fuq il-bażi ta’ età. |
72. |
B’mod speċifiku fir-rigward tal-età, fil-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur Komunitarju enfasizza li illi huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.” |
73. |
L-età hija identifikata fost ir-raġunijet msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva in kwantu l-Artikolu 6(1) fih ġustifikazzjoni speċifika għad-differenza fit-trattament fuq il-bażi tal-età — sakemm dawk l-inugwaljanzi ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni pprojbita taħt l-Artikolu 2 — “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu proporzjonali u neċessarji”. |
74. |
Ġie nnutat qabel, li dik il-pożizzjoni partikolarment raffinata għad-differenzi fit-trattament fuq il-bażi tal-età tirrifletti differenza ġenwina bejn l-età u r-raġunijet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva ( 24 ). Min-natura tagħha l-età mhijiex ‘raġuni suspettuża’, tal-inqas mhux daqs, pereżempju, ir-razza u s-sess. Għalkemm id-differenzi bbażati fuq l-età, il-limiti fl-età u l-miżuri relatati mal-età huma, bħala prinċipju, sempliċi biex jiġu amministrati, ċari u trasparenti, id-divrenzjar ibbażat fuq l-età, il-limiti ta’ età u l-miżuri relatati ma’ l-età, paradossalment, huma għall-kuntrarju mifruxin fil-liġi u b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni soċjali u dwar l-impjiegi. Fl-istess ħin, l-età tikkostitwixxi kriterju flessibbli. Il-fatt dwar jekk trattament differenzjat jikkostitwixix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età tista’ ma jiddependix biss fuq il-kwistjoni dwar jekk din hijiex ibbażata direttament jew indirettament fuq l-età, iżda hija wkoll kwistjoni dwar liema età hija kkonċernata. Għalhekk, jista’ ikun ħafna iktar diffiċli milli fil-każ, pereżempju, ta’ trattament differenzjat fuq il-bażi ta’ sess sabiex jiġi stabbilit fejn jieqaf it-trattament differenzjat ġustifikabbli u fejn tibda d-diskriminazzjoni inġustifikabbli. Finalment, safejn il-limiti bbażati fuq l-età bħall-età tal-irtirar previsti mir-Regolament jinvolvu distinzjoni bbażata direttament fuq l-età, dawn għandhom awtomatikament jiġu eżaminati taħt il-kappa tad-diskriminazzjoni diretta kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. |
75. |
Bil-fatt li l-Artikolu 6(1) jipprovdi għal possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni speċifika u addizzjonali, dan l-Artikolu għandu l-għan li jieħu in kunsiderazzjoni n-natura u d-diffikultajiet speċifiċi tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età. Huwa ovvjament intiż biex jippermetti lill-Istati Membri jżommu prattiċi ta’ impjiegi bbażati fuq l-età u jistabbilixxu jew jippreżervaw limiti tal-età sakemm dawn ikunu ġġustifikati minn għan ta’ politika soċjali jew tal-impjiegi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jikkontempla wkoll ġustifikazzjoni għad-differenzi fit-trattament ibbażati direttament fuq l-età, li hija unika fost il-forom ta’ diskriminazzjoni pprojbiti taħt id-Direttiva ( 25 ). |
76. |
F’dan is-sens, u kontra dak li Age Concern England tidher li qed tissuġġerixxi, il-possibiltajiet taħt id-Direttiva ta’ iġġustifikar ta’ differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età huma iktar estensivi minn dawk bbażati fuq ir-raġunijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. Madankollu, din il-konstatazzjoni m’għandhix tiġi interpretata bħala li tagħmel diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età fil-qiegħ tal-‘ġerarkija’ apparenti tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni previsti mid-Direttiva. Minflok, din tikkostitwixxi pjuttost espressjoni ta’ differenzi materjali bejn dawk ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni u l-mod kif dawk l-istess raġunijiet jiffunzjonaw bħala kriterji ġuridiċi. Mhijiex kwistjoni ta’ valur jew importanza, iżda kwistjoni ta’ kif wieħed jiddelimita b’mod adegwat il-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. |
77. |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni, li tippermetti lil min iħaddem sabiex jissensja lill-impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar meta r-raġuni għas-sensja hija l-irtirar, dik ir-regola għandha titqies bħala li tintroduċi differenza fit-trattament bbażata direttament fuq l-età, li tikkostitwixxi potenzjalment diskriminazzjoni diretta kif deskritta fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
78. |
Għalhekk il-ġustifikazzjoni possibbli għaliha taqa’ biex tiġi eżaminata biss taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, is-sentenza Palacios de la Villa, li kienet tikkonċerna wkoll regola li kienet tipprovdi għall-irtirar obbligatorju (għalkemm differenti f’ċerti aspetti), tipprovdi gwida fuq diversi aspetti li huma rilevanti għal dan il-każ. |
79. |
Fir-rigward tat-test għall-iġġustifikar li għandu jiġi applikat taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jiena naqbel mal-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit li f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ skrutinju li għandu jiġi applikat għal miżuri nazzjonali li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(1), l-ebda importanza m’għandha tingħata lill-użu tal-kelma ‘raġonevolment’ flimkien ma’ ‘objettivament’. Mill-ġurisprudenza jidher ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta teżamina l-ġustifikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, ma tapplikax test speċifiku ta’ ‘raġonevolezza’ bħala tali. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tapplika l-espressjoni konġunta ‘objettivament u raġonevolment’ biex turi l-leġittimità tal-għan li jkollha l-miżura nazzjonali in kwistjoni ( 26 ). Iktar minn hekk, Age Concern England ma kinitx kapaċi toħroġ tifsira ta’ ‘raġonevolment’ li hija distinta minn ‘objettivament’ in kwantu jikkonċerna l-livell ta’ skrutinju li huwa meħtieġ. |
80. |
Barra minn hekk, fis-sentenza Palacios de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex tkunu ġustifikabbli taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, mhux meħtieġ li l-miżura nazzjonali in kwistjoni tirreferi espressament għal għan leġittimu tat-tip previst fl-Artikolu 6(1); huwa biżżejjed li “li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll tan-natura approprjata u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan.” ( 27 ) |
81. |
Infatti, meta wieħed iżomm f’moħħu l-massima leġiżlttiva antika ‘lex imperat, non docet’, il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ dispożizzjoni m’għandiex tiddependi fuq l-objettivi deskritti b’mod espress. |
82. |
Madankollu, jiena naħseb li dak li possibbilità bħal din tippreżumi huwa li fi kwalunkwe każ hemm xi tip ta’ leġiżlazzjoni, u jiena naqbel ukoll mal-Kummissjoni li wieħed jista’ jargumenta li dan jista’ jiġi dedott mill-premessa 25 (‘dispożizzjonijiet speċifiċi’) u mid-diċitura stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. L-imsemmi Artikolu 6(1) jirrigwarda primarjament il-miżuri nazzjonali li jirriflettu għażliet ta’ politika soċjali u ta’ impjieg u mhux deċiżjonijiet individwali ta’ min iħaddem. ( 28 ) Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni ta’ miżuri li jipprovdu għal differenzi fit-trattament fuq il-bażi ta’ età taqa’ biex tiġi eżaminata mill-Istat Membru, ‘fil-kuntest tal-liġi nazzjonali’. |
83. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan m’għandux jeskludi l-possibbiltà li wieħed jiġġustifika r-regoli nazzjonali li jagħtu xi poteri diskrezzjonali jew ċerta flessibbilità lill-awtoritajiet jew anke lill-individwi. Dan ifisser biss li d-domanda li għandha ssir f’każ bħal dan, fir-rigward ta’ regola bħar-Regolament 30 u fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, mhijiex dwar jekk id-deċiżjoni individwali ta’ min iħaddem biex iġiegħel impjegat jirtira hija ġġustifikata, iżda jekk regola li biha min iħaddem huwa permess li jagħmel hekk fuq il-bażi tal-irtirar jekk l-impjegat ikun tal-età ta’ 65 jew iktar, hijiex iġġustifikata b’referenza għal xi għan leġittimu, bħal ma huwa previst fl-Artikolu 6(1) ( 29 ). |
84. |
Imbagħad, jekk l-għan leġittimu jkun jista’ jiġi identifikat, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jeħtieġ li l-mezzi wżati biex jintlaħaq dak l-għan ikunu ‘approprjati u neċessarji’. |
85. |
F’dan ir-rigward, fis-sentenza Palacios de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita li skont hija” l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ l-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan.” ( 30 ) |
86. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-kunsiderazzjonijiet diversi u kumplessi li l-awtoritajiet nazzjonli kkonċernati jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-irtirar u kkonkludiet li huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-interessi differenti involuti, basta jkunu osservati r-rekwiżiti tal-proporzjonalità ( 31 ). |
87. |
Din tidher li qed tissuġġerixxi li l-Istati Membri jibqgħalhom diskrezzjoni relattivament wiesgħa meta jidentifikaw il-mezzi li għandhom jintużaw biex jintħalaq l-għan leġittimu li jirrigwarda l-politika soċjali u ta’ impjieg segwita, li hija possibbilment riflessa wkoll fil-kliem tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ, li skont dik ir-risposta, tali regoli mhumiex preklużi jekk il-“mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali ma jidhrux li huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan.” ( 32 ) |
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda (v) tkun fis-sens li regola bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil min iħaddem ikeċċi impjegati li għandhom tal-età ta’ 65 jew iktar jekk ir-raġuni għat-tkeċċija tkun l-irtirar, tista’ tkun in prinċipju ġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jekk ir-regola hija objettivament u raġonevolment iġġustifikata fil-kuntest tal-liġi nazzjonali b’għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u s-suq tax-xogħol u ma jkunx jidher li l-mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess pubbliku huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan. |
V — Konklużjoni
89. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari skont kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Dan wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Awwissu 2007 (faks li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzju fid-).
( 3 ) ĠU 2000 L 303, p. 16.
( 4 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 (C-144/04, Ġabra p. I-9981).
( 5 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007 (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767), għalkemm fl-aħħar mill-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddeċidiet dak il-każ purament abbażi ta’ diskriminazzjoni marbuta mas-sess. Ara, madankollu, l-ewwel konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fis-, u t-tieni konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit- wara li reġa’ nfetaħ il-każ.
( 6 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007 (C-411/05, Ġabra p. I-8531).
( 7 ) Sentenza C-427/06, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, madankollu, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008.
( 8 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 9 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tat-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, p. Ġabra p. I-623, punt 68, u s-sentenza tas-, Freers u Speckmann, C-278/93, Ġabra p. I-1165, punt 24.
( 10 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 11 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42.
( 12 ) Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44.
( 13 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 45 sa 47.
( 14 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 51 sa 55.
( 15 ) Ara pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 76, u s-sentenza tal-, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-49/00, Ġabra p. I-8575, punt 21.
( 16 ) F’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-216/05, Ġabra p. I-10787, punt 26, u s-sentenza tal-, Emmott, C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 18.
( 17 ) f’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 76, u s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-162/99, Ġabra p. I-541, punt 22.
( 18 ) Ara l-punti 28 u 29 iktar ’il fuq.
( 19 ) F’dan is-sens ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 52.
( 20 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
( 21 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 60 sa 65.
( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 57.
( 23 ) Jekk il-liġi tħalli wisq spazju għal deċiżjonijiet individwali, hija tkun qiegħda tippreġudika l-funzjonijiet intrinsiċi tagħha, u ċioe’ dawk li tistabbilixxi ċertezza legali u b’mod iktar ġenerali, ‘l-istat tad-dritt’; mill-banda l-oħra, jekk il-liġi ma tieħux biżżejjed kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali, hija tista’ twassal għal inġustizzja inaċċettabbli.: summum ius, summa iniuria …
( 24 ) F’dan is-sens, ara pereżempju l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 61 sa 63, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Lindorfer, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 83 u 84.
( 25 ) F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif Age Concern Limited ammettiet fis-seduta, l-Artikolu 6(1) jirreferi wkoll, fost l-eżempji ta’ trattament potenzjalment ġustifikabbli, għal ċirkustanzi li jikkorispondu iktar għal diskriminazzjoni indiretta iktar milli diskriminazzjoni diretta, pereżempju fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Għaldaqstant, id-distinzjoni bejn il-ġustifikazzjonijiet previsti, fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) rispettivament, mhijiex distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta.
( 26 ) Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 59 u 60, u s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 64 sa 66.
( 27 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 54 sa 57.
( 28 ) Għal dan il-għan, ara wkoll ir-referenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal-“l-għażla li jista’ jkollhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati” f’Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 69.
( 29 ) Naħseb li l-omissjoni ta’ dik id-distinzjoni hija r-raġuni għal ċerta konfużjoni u nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan il-każ.
( 30 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 68, b’referenza għas-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 63.
( 31 ) Sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 68 sa 71.
( 32 ) Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 77; ara wkoll, b’mod iktar espliċitu f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’dak il-każ, fil-punt 74.