KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2008 ( 1 )

Kawża C-324/07

Coditel Brabant SA

vs

Commune d’Uccle u Région de Bruxelles-Capitale

“Kuntratti pubbliċi — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti — Konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi — Konċessjoni dwar l-operat ta’ netwerk komunali ta’ teledistribuzzjoni — Assenjazzjoni minn komun lil kooperattiva interkomunali — Obbligu ta’ trasparenza — Kundizzjonijiet — Eżerċizzju, mill-awtorità konċedenti fuq l-entità konċessjonarja, ta’ kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”

1. 

Id-domanda preliminari tal-Conseil d’État (il-Belġju) għandha x’taqsam mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi. Din tirrigwarda l-kwistjoni jekk dan id-dritt huwiex applikabbli meta territorjalità kollettiva, f’dan il-każ komun, tiddelega l-operat tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni tagħha lil entità li hija struttura ta’ kooperazzjoni purament interkomunali ( 2 ) komposta minn dawn il-komuni, mingħajr ebda sehem ta’ kapital privat. F’dan il-każ partikolari teżisti kooperazzjoni interkomunali fil-forma ta’ kumpanija kooperattiva u d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-ewwel mill-kriterji imsejħa Teckal, jiġifieri “il-kontroll analogu għal dak eżerċitat mis-servizzi rispettivi tagħha”.

2. 

Fil-kawża prinċipali hemm kontra xulxin it-teledistributur Belġjan S. A. Coditel Brabant (iktar ’il quddiem “Coditel”) u tliet konvenuti: il-Komun ta’ Uccle (iktar ’il quddiem ukoll il-“Komun”), il-kumpannija kooperattiva Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (aktar ’il quddiem “Brutélé”) u r-Région de Bruxelles-Capitale, irrappreżentat mill-Gvern tiegħu.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

3.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprovdi li:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

4.

L-Artikolu 43 KE jipprovdi li:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. […]

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital”.

5.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jipprovdi dan li ġej:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

B — Id-dritt nazzjonali

6.

Skont l-Artikolu 162 tal-Kostituzzjoni Belġjana, il-komuni għandhom il-fakultà li jiffurmaw assoċjazzjonijiet.

7.

Is-sistemi ta’ kooperazzjoni interkomunali huma rregolati mil-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali (loi du 22 décembre 1986 relative aux intercommunales). L-Artikolu 1 ta’ dik il-liġi jistabbilixxi li l-komuni għandhom il-fakultà, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik il-liġi, li jiffurmaw assoċjazzjonijiet sabiex jilħqu għanijiet partikolari ta’ interess komunali. L-Artikolu 3 ta’ dik il-liġi jippreċiża li l-assoċjazzjonijiet interkomunali huma persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku li m’għandhomx karattru kummerċjali, indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom u mill-għan tagħhom. L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprovdi li kull assoċjazzjoni interkomunali għandu jkollha assemblea ġenerali, kunsill ta’ amministrazzjoni u kulleġġ ta’ kummissarji. Skont l-Artikolu 12 tagħha, ir-rappreżentanti tal-assemblea ġenerali jinħatru mill-kunsill komunali ta’ kull komun fost il-kunsillieri komunali, is-sindku u l-assessuri tal-komun. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li n-numru ta’ voti ta’ kull komun f’assemblea ġenerali jkun daqs is-sehem tiegħu fil-kumpannija.

II — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.

In-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tal-komun Belġjan ta’ Uccle kien jitmexxa, skont il-ftehim konklużi bejn l-1969 u l-1999, mill-kumpannija ta’ teledistribuzzjoni Coditel. Meta skada l-ftehim fil-31 ta’ Diċembru 1999 il-Komun għamel użu mill-possibbiltà stabbilita kuntrattwalment li jerġa’ jakkwista minn Coditel in-netwerk ta’ teledistribuzzjoni li kien jinsab fit-territorju tiegħu.

9.

F’Ottubru 1999 il-kunsill komunali ta’ Uccle ddeċieda, minn naħa, li jagħmel sejħa għal offerti, sabiex jiġi individwat konċessjonarju għall-operazzjoni u t-titjib tan-netwerk komunali ta’ teledistribuzzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2000 sat-, min-naħa l-oħra, li jiġi approvat l-abbozz ta’ klawżola ulterjuri ta’ proroga tal-ftehim ma’ Coditel, biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku ta’ teledistribuzzjoni sakemm jinħatar konċessjonarju futur. Fl-aħħar nett, il-klawżola tal-ftehim kienet tirregola l-operat min-naħa ta’ Coditel sal-.

10.

Fl-aħħar tal-1999 Coditel resqet lilha nnifisha bħala kandidata għall-għoti tal-konċessjoni tal-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tal-Komun ta’ Uccle. Fuq talba tal-Komun, f’April tal-2000, Coditel ippreżentat ukoll offerta ta’ akkwist tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni ( 3 ), kif għamlu, madankollu, anki l-kumpanniji l-oħrajn li kienu kandidati għas-sejħa għal offerti.

11.

F’Mejju 2000 il-kunsill komunali ta’ Uccle ddeċieda li kien jippreferi l-bejgħ tan-netwerk milli l-assenjazzjoni ta’ konċessjoni. Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti relatata, Coditel ippreżentat offerta ta’ akkwist f’Ottubru 2000. Il-prezzijiet offruti b’risposta għas-sejħa kienu jvarjaw bejn 750 miljun u biljun Frank Belġjani; l-unika offerta li kienet konformi u ammissibbli kienet ta’ Coditel u kienet l-orħos waħda.

12.

Fis-sejħa għal offerti għall-bejgħ kienet ipparteċipat ukoll Brutélé, li, madankollu ma kinitx ippreżentat offerta għall-akkwist iżda fformulat offerta ta’ assoċjazzjoni.

13.

Billi l-prezzijiet li offrewlu kienu baxxi ħafna pparagunati ma’ dawk li kienu ssemmew bħala possibbli xi żmien qabel ( 4 ), il Komun ta’ Uccle, b’deċiżjoni tal-kunsill komunali tat-23 ta’ Novembru 2000, irrinunzja għall-bejgħ tan-netwerk komunali ta’ teledistribuzzjoni (l-ewwel deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali).

14.

Fit-23 ta’ Novembru 2000, il-kunsill komunali ta’ Uccle ddeċieda wkoll li jassoċja l-Komun ma’ Brutélé (it-tieni deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali). Fid-deċiżjoni ġie ddikjarat, fost l-oħrajn, li Brutélé kienet ippreżentat lill-Komun ta’ Uccle offerta ta’ assoċjazzjoni, li kienet tipprovdi l-għoti tal-attiv tan-netwerk komunali u s-sottoskrizzjoni ta’ ishma tal-kumpannija, il-ħlas ta’ kera annwali ( 5 ), kif ukoll l-offerta lill-Komun ta’ Uccle, jekk kien jassoċja ruħu, li jwaqqaf subsettur tal-operat tiegħu b’awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet ( 6 ). Fid-deċiżjoni tiegħu, il-kunsill komunali semma wkoll li l-assoċjazzjoni ma’ Brutélé setgħet iġġib diversi vantaġġi għall-Komun ta’ Uccle: awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, dħul kunsiderevoli, l-ebda rinunzja għall-proprjetà tan-netwerk, kif ukoll il-ftehim fuq l-għażla li, fil-każ ta’ offerta interessanti ta’ akkwist futur, kien jippermetti li jirtira malajr u b’mod faċli mill-assoċjazzjoni interkomunali.

15.

Fit-30 ta’ Novembru 2000 Coditel indirizzat ilment immotivat lill-President tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, fejn talbitu jannulla d-deċiżjoni tal-kunsill komunali ta’ Uccle tat-23 ta’ Novembru, li kienet iddeċidiet l-assoċjazzjoni tal-komun ma’ Brutélé.

16.

Fis-7 ta’ Diċembru 2000 l-assemblea ġenerali straordinarja ta’ Brutélé approvat l-assoċjazzjoni tal-Komun ta’ Uccle (it-tielet deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali).

17.

Fid-19 ta’ Diċembru 2000 il-President tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale informa lill-komun ta’ Uccle li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għall-assoċjazzjoni kkundizzjonata tiegħu ( 7 ) ma’ Brutélé (ir-raba’ deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali). Fit- il-President tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale informa lil Coditel li ma kellux oġġezzjonijiet kontra l-assoċjazzjoni tal-Komun ta’ Uccle ma’ Brutélé.

18.

Fit-22 ta’ Jannar 2001 Coditel ippreżentat rikors għall-annullament tal-erba’ deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

19.

Fil-kawża prinċipali, il-Conseil d’État, li kien il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, ċaħad ir-rikors kontra tnejn minn dawn id-deċiżjonijiet (it-tielet u r-raba’ deċiżjonijiet ikkontestati) minħabba inammissibbiltà. Sa fejn ir-rikors huwa, fil-fehma tiegħu ammissibbli, għandha b’mod partikolari tiġi evalwata d-deċiżjoni li permezz tagħha l-kunsill komunali ta’ Uccle ddeċieda l-assoċjazzjoni ma’ Brutélé.

20.

B’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2007 il-Conseil d’État għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)

Komun jista’, mingħajr ma jagħmel sejħa għal offerti, jassoċja ruħu ma’ kooperattiva li tiġbor esklużivament flimkien komuni u assoċjazzjonijiet ta’ komuni oħra (assoċjazzjoni interkomunali msejħa “pura”) bil-għan li l-operat tan-netwerk tagħha ta’ teledistribuzzjoni jiġi ttrasferit lilha, meta jaf li l-kooperattiva twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha mas-soċji tagħha biss u fl-interessi tagħhom u li d-deċiżjonijiet li jirrigwardawhom jittieħdu mill-kunsill ta’ amministrazzjoni u mill-kunsilli tas-settur, fil-limiti tad-delegi li dan jagħtihom, bħala entitajiet statutarji komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u li jiddeċiedu bil-maġġoranza tagħhom?

2)

Is-setgħat eżerċitati b’dan il-mod, permezz ta’ entitajiet statutorji, mill-kooperaturi kollha, jew minn parti minnhom fil-każ ta’ setturi jew subsetturi tal-operat, fuq id-deċiżjonijiet tal-kooperattiva jistgħu jiġu kkunsidrati tali li permezz tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw fuq dik il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess?

3)

Din is-setgħa u dan il-kontroll, sabiex jistgħu jiġu kklassifikati bħala analogi, għandhom jiġu eżerċitati individwalment minn kull soċju jew ikun biżżejjed li jiġu eżerċitati mill-maġġoranza tas-soċji?”

21.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-assoċjazzjoni tal-Komun ta’ Uccle ma’ Brutélé ma tidħolx fil-kamp tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi iżda fil-kamp ta’ konċessjonijiet pubbliċi ta’ servizzi. Għalhekk, anki jekk ma japplikawx id-direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi, inġenerali huma applikabbli r-regoli fundamentali tad-dritt Komunitarju primarju b’mod ġenerali u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità b’mod partikolari, dan il-prinċipju jindika, essenzjalment, obbligu ta’ trasparenza.

22.

Skont il-qorti tar-rinviju, hemm ħafna elementi li wasslu għal fehma li l-Komun ta’ Uccle, bħala awtorità li tassenja l-kuntratti pubbliċi, ma setax japplika direttament u immedjatament il-formula ta’ assoċjalzzjoni ma’ Brutélé qabel sejħa għal offerti jew eżami komparattiv tal-offerti riċevuti. B’mod konkret, sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti Komunitarji, il-Komun kellu jagħmel sejħa ġdida għal offerti sabiex jeżamina jekk il-konċessjoni ta’ servizz ta’ teledistribuzzjoni tiegħu lil Coditel u lil operaturi ekonomiku tiegħu kinitx tikkostitwixxi alternattiva aktar vantaġġjuża minn dik finalment applikata.

23.

Iżda, biex jiġu valutati definittivament il-fatti tal-każ li nġabu quddiemu, hija għandha bżonn li jiġu ċċarati r-rekwiżiti li jiġu mis-sentenza Teckal ( 8 ) u, b’mod partikolari, dwar il-metodu ta’ kontroll eżerċitat mill-awtorità pubblika li tikkonċedi fuq il-korp konċessjonarju. Fil-fatt, skont dik il-ġurisprudenza, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti mid-dritt Komunitarju jistgħu jiġu esklużi biss fil-każ li jeżistu żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, jiġifieri, minn naħa, li l-awtorità pubblika li tikkonċedi teżerċita fuq il-korp konċessjonarju kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u, min-naħa l-oħra, li dan il-korp iwettaq il-parti l-aktar importanti tal-attività tiegħu mal-awtorità pubblika li tikkontrollah.

24.

Brutélé f’dan ir-rigward sostniet li hija “assoċjazzjoni interkomunali pura”, li l-attivitajiet tagħha huma intiżi u riżervati għall-komuni assoċjati u li l-istatut tagħha ppermetta lill-Komun ta’ Uccle li jikkostitwixxi subsettur ta’ operat tiegħu b’awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex b’hekk ikun jista’ jeżerċita kontroll immedjat u preċiż fuq l-attivitajiet tal-kooperattiva f’dak is-subsettur, identiku eżatt għal dak li jeżerċita fuq id-dipartimenti interni tiegħu. Il-Komun ta’ Uccle għandu amministratur fil-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé u tliet amministraturi fil-kunsill tas-settur ta’ operat ta’ Brussell, kif ukoll mandat ta’ membru tal-kulleġġ sindakali u ta’ espert komunali. Il-Komun ta’ Uccle għandu wkoll il-fakultà li jirtira mill-assoċjazzjoni fi kwalunkwe mument u dan juri aktar u aktar il-poteri sħaħ tiegħu fl-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu.

25.

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-istatut ta’ Brutélé jirriżulta li l-membri tal-kooperattiva huma komuni u assoċjazzjoni interkomunali, li tiġbor fiha esklużivament komuni. Il-kooperattiva m’hijiex miftuħa għall-membri fil-kooperattivi privati. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni huwa kompost minn rappreżentanti tal-komuni — l-aktar tlieta kull komun — maħturin mill-assemblea ġenerali, anki din komposta minn rappreżentanti tal-komuni. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni għandu l-aktar poteri wesgħin. Il-komuni huma maqsumin f’żewġ setturi, wieħed minnhom jiġbor il-komuni tar-Reġjun ta’ Brussell, li min-naħa tagħhom jerġgħu jinqasmu f’subsetturi. Fi ħdan kull settur jiġi kkostitwit kunsill tas-settur iffurmat minn amministraturi maħturin fuq proposta tal-komuni mill-assemblea ġenerali, li jingħaqad f’diversi gruppi u dawn jirriflettu r-relazzjoni bejn l-ishma għal kull settur. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni jista’ jiddelega l-poteri li għandu lil kunsilli tas-settur għal dak li jirrigwarda problemi tas-subsetturi stess, partikolarment il-metodi ta’ applikazzjoni tat-tariffi, il-programmi tax-xogħlijiet u investimenti, il-finanzjament tagħhom, il-kampanji ta’ propaganda kif ukoll għal dak li jirrigwarda problemi komuni għad-diversi subsetturi li jikkostitwixxu s-settur ta’ operat. Il-korpi statutarji oħrajn tal-kooperattiva huma l-assemblea ġenerali li d-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti għas-soċji kollha, id-direttur ġenerali, il-kulleġġ tal-esperti, ikkostitwit minn uffiċjali komunali, u l-kulleġġ tal-kummissarji reviżuri. Id-direttur ġenerali, l-esperti u l-kummissarji huma, skont kif ikun il-każ, maħturin mill-kunsill ta’ amministrazzjoni jew mill-assemblea ġenerali.

26.

Il-qorti tar-rinviju tiġbed il-konklużjoni li l-awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jgawdi l-Komun ta’ Uccle m’hijiex daqstant kompleta kif issostni Brutélé. Per eżempju huwa l-kunsill ta’ amministrazzjoni, li fi ħdanu l-Kunsill ta’ Uccle għandu rappreżentant wieħed (biss) li għandu l-poteri l-aktar wesgħin. Jekk huwa veru li d-deċiżjonijiet kollha jiġu adottati minn korpi tal-kumpannija kooperattiva esklużivament komposti minn rappreżentanti tal-komuni u mill-membri tal-kooperattiva interkomunali, huwa veru wkoll li dan ma jfissirx li kull wieħed minn dawn il-membri għandu, individwalment, fil-kooperattiva l-istess influwenza determinanti li kieku jkollu kieku huwa stess ikun organizza l-attività b’mod intern u awtonomu.

27.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit li jirriżulta mis-sentenza Teckal ( 9 ), li jikkonsisti fil-fatt li “din il-persuna twettaq il-parti l-aktar importanti tal-attività tagħha mal-korp jew korpi lokali li jikkontrollawha”, il-qorti tar-rinviju tirrileva l-fatt inkontestabbli li l-kumpannija kooperattiva twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-assoċjati tagħha. Il-qorti tar-rinviju m’għamlet l-ebda domanda preliminari fir-rigward ta’ din il-kondizzjoni.

III — L-argumenti tal-partijiet

28.

Bis-saħħa tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet Coditel, il-Komun ta’ Uccle, Brutélé, il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja u tal-Olanda kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Fis-seduta tad-9 ta’ April 2008 huma esponew l-argumenti tagħhom fi trattazzjoni orali, ħlief għall-Komun ta’ Uccle li ma kienx irrappreżentat.

29.

Fis-sustanza l-partijiet kollha jaqblu fuq l-analiżi li l-fatti partikolari ta’ dan il-każ jidħlu fil-kuntest tal-għoti ta’ konċessjoni pubblika li, anki għalkemm mhux irregolata mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, xorta waħda hija soġġetta għar-rekwiżit ġenerali ta’ trasparenza ( 10 ).

30.

Ħlief għal Coditel, kollha jaqblu mal-fatt li, abbażi tal-informazzjoni li hemm fit-talba għal deċiżjoni preliminari, it-tieni rekwiżit Teckal għandu jiġi sodisfatt.

31.

Il-pożizzjonijiet li ħadu fir-rigward tal-ewwel rekwiżit Teckal huma kkontestati:

32.

Coditel u l-Kummissjoni jsostnu li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfatt, peress illi l-assoċjazzjoni diretta tal-Komun ta’ Uccle mal-kumpannija kooperattiva Brutélé m’hijiex konformi mal-obbligu ġenerali ta’ trasparenza.

33.

Coditel tenfasizza li qabel ma ssieħeb ma’ Brutélé, il-Komun ta’ Uccle ma kellu l-ebda relazzjoni magħha u, konsegwentement, il-ġurisprudenza Teckal xejn mhi rilevanti. Il-Komun ta’ Uccle għandu biss 8.26 % tal-ishma ta’ Brutélé (76 sehem f’total ta’ 920). Ma’ din iċ-ċirkustanza jingħad ukoll li Brutélé toffri s-servizzi tagħha bħad-teledistribuzzjoni, it-telefonija u l-Internet fuq bażi kummerċjali u f’kompetizzjoni ma’ offerenti privati oħrajn. L-istruttura interna tal-Brutélé hija sostanzjalment analoga mal-istruttura interna ta’ impriża privata. Il-Komun ta’ Uccle m’għandux il-possibbiltà li jikkontrolla lil Brutélé; jidher diskutibbli kontroll effettiv kollettiv min-naħa tal-membri tal-kooperattiva meta jiġi kkunsidrat in-numru kbir tagħhom u d-diverġenzi individwali ta’ interessi. Fid-dawl tas-sentenza Carbotermo ( 11 ), il-fatt li l-komuni u l-korpi lokali għandhom 100 % tal-kapital ta’ Brutélé m’huwiex fattur deċiżiv. F’dan ir-rigward partikolari, m’huwiex biżżejjed li l-Komun ta’ Uccle ngħata subsettur ta’ operat.

34.

Anki l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tiddiskuti l-istrutturi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet interni ta’ Brutélé u ma tara l-ebda possibbilità ta’ influwenza determinanti ( 12 ) ta’ komun wieħed bħal dak ta’ Uccle. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé għandu kompetenzi wesgħin u b’mod partikolari jistabbilixxi anki t-tariffi. Meta tiġi kkunsidrata mill-aspetti kollha, l-influwenza eżerċitata mill-Komun ta’ Uccle hija biss “maqsuma” u l-Komun bl-ebda mod ma jista’ jafferma liberament ir-rieda tiegħu, li fil-fatt hija premessa indispensabbli biex jiġi ssodisfat l-ewwel rekwiżit Teckal.

35.

Il-Komun ta’ Uccle u Brutélé, li min-naħa l-oħra jsostnu li l-ewwel rekwiżit Teckal huwa sodisfatt, jenfasizzaw l-aspett ta’ interkomunalità pura tal-kooperattiva, kemm skont l-istatut kif ukoll skont id-dritt Belġjan.

36.

Il-Komun ta’ Uccle jenfasizza li żamm, meta assoċja ruħu, “kontroll analogu”, skont is-sentenza Teckal fuq in-netwerk komunali ta’ teledistribuzzjoni. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma titkellimx fuq kontroll “identiku” iżda “analogu”. Li wieħed jippretendi kontroll komplet u individwali ta’ komun fil-forma ta’ kooperazzjoni interkomunali huwa ekwivalenti għal li tiġi impedita din il-kooperazzjoni li minnha nnifisha teħtieġ l-azzjoni konġunta ta’ diversi suġġetti.

37.

Brutélé tirreferi subordinatament biss għal li jiġi sodisfatt l-ewwel rekwiżit Teckal, billi tagħmel referenza partikolari għas-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo), (C-295/05, Ġabra p. I-2999, punti 57 et seq). Brutélé tikkonkludi primarjament f’dan is-sens li l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza, nondiskriminazzjoni u trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li minnhom innifishom, ma jipprekludux l-assoċjazzjoni mingħajr sejħa għal offerti ta’ komun ma’ kooperazzjoni purament interkomunali, li ma tirrikorrix għal kapital privat u hija kkostitwita, b’mod partikolari, sabiex twettaq għanijiet preċiżi ta’ interess komunali u ġenerali. Mis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, punt 48, jirriżulta li l-komuni għandhom il-possibbilità li jaqdu l-ħidmiet ta’ interess pubbliku li għandhom permezz tal-istrumenti tagħhom. Iżda l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju fuq il-kuntratti pubbliċi għall-kooperazzjoni interkomunali tkun tfisser li l-komuni jkunu obbligati li jqassmu ’l barra l-ħidmiet tagħhom billi jirrikorru għas-suq. Id-dritt Belġjan jistabbilixxi espressament għall-komuni l-possibbilità ta’ kooperattivi interkomunali ( 13 ). Ir-relazzjoni bejn il-Komun ta’ Uccle u l-kooperattiva ta’ Brutélé m’hijiex ikkostitwita b’kuntratt, imma b’assoċjazzjoni, li hija rregolata mil-liġi u mill-istatut ta’ Brutélé. Brutélé hija bbażata fuq kooperazzjoni purament interkomunali, m’hijiex miftuħa bl-istatut għall-kapital privat u taqdi l-obbligi tagħha fl-interess tal-komuni. L-għan tal-kooperazzjoni jikkonsisti fil-provvista lill-utenti tal-akbar għażla possibbli ta’ programmi televiżivi bl-aħjar kundizzjonijiet u eventwalment fl-estensjoni tal-offerta għar-radju u strutturi oħra ta’ komunikazzjoni. Fl-aħħar u fit-tielet lok, Brutélé tafferma li fil-kuntest tal-kooperattiva, il-Komun ta’ Uccle jeżerċita, partikolarment anki permezz tal-istruttura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet interna u bis-subsettur separat, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u dan huwa fatt ikkontestat f’dan il-proċediment.

38.

Il-Gvern Belġjan isostni li l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv. Komun għandu l-fakultà li jassoċja ruħu mingħajr ma jagħmel sejħa għal offerti ma’ kumpannija kooperattiva bħal Brutélé li hija kkostitwita esklużivament minn komuni u assoċjazzjonijiet oħrajn biex jittrasferixxi fiha l-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni, meta l-kooperattiva twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-membri tagħha biss, billi teħlishom mill-obbligi tagħhom, u d-deċiżjonijiet f’relazzjoni ma’ dik l-attività jiġu adottati mill-kunsill ta’ amministrazzjoni u mill-kunsilli tas-settur, fil-limiti tad-delegi li dawn jagħtuhom, bħala korpi statutarji komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u li jiddeċiedu b’maġġoranza.

39.

Brutélé, li ma tistax iddaħħal kapital privat, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża terza fir-rigward tal-Komun ta’ Uccle. Għalhekk, il-konċessjoni għan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni ma ngħatatx b’kuntratt barra iżda żammet in-natura interna tagħha.

40.

Id-domandi preliminari ulterjuri jiġu biss mill-fatt li l-kooperazzjoni interkomunali tirrappreżenta forma ta’ kollaborazzjoni li, min-natura tagħha, tiġbor diversi komuni f’kooperazzjoni reċiproka. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-amministrazzjonijiet iddeċentralizzati għandhom id-dritt li jagħżlu l-kooperazzjoni biex jiġi żgurat operat effiċjenti. F’dan il-kuntest hemm, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni bejn korpi lokali żgħar u kbar. Għal dak li jirrigwarda l-iżgħar korpi lokali, in-natura tagħhom stess tgħinhom biex iwettqu l-obbligi kumplessi jkun hemm aktar ta’ spiss il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni ġewwa struttura akbar u aktar artikolata. L-għażla tal-metodi ta’ organizzazzjoni interna u ta’ kontroll ta’ dawn il-kooperazzjonijiet bejn korpi lokali hija tal-amministrazzjonijiet relattivi tal-Istati Membri u għandha tiġi rrispettata. Isegwi li teżisti varjetà kbira ta’ mudelli interni organizzattivi u ta’ kontroll. Mill-fatt li l-kooperazzjoni tikkunsidra, fuq il-pjan ta’ kontroll, id-dimensjoni differenti tal-korpi lokali li jikkooperaw ma jistax jiġi dedott, madankollu, li jonqos kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess. Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess natura ta’ kooperazzjoni interkomunali li d-deċiżjonijiet interni ma jittieħdux minn komun wieħed, iżda mill-maġġoranza skont l-għan komuni. Skont il-ġurisprudenza, il-kontroll li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ maġġoranza għandu jiġi kkunsidrat bħala “kontroll analogu”. Wara l-kunsiderazzjonijiet msemmijin jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Komun ta’ Uccle, irrappreżentat fil-kulleġġi ta’ Brutélé mir-rappreżentanti tagħha, jeżerċita fuq Brutélé kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess.

41.

Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-applikabbilità tal-prinċipji u tar-regoli tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni ma tapplikax diġà ex ante, peress illi ż-żewġ rekwiżiti Teckal huma ssodisfatti. Fil-każ ta’ pluralità ta’ “awtoritajiet sovrani li jikkontrollaw” dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-amministrazzjoni aġġudikatriċi żżomm, flimkien ma’ persuni legali fid-dritt pubbliku oħrajn, l-ishma kollha tal-kontraenti, huwa impossibbli li jiġi dedott dgħufija fil-kontroll minħabba l-fatt li poter bħal dan jiġi eżerċitat konġuntament minn diversi awtoritajiet sovrani. Anki dipartimenti b’organizzazzjonijiet unitarji jistgħu, per eżempju, jiġu kkostitwiti u “mmexxija” konġuntament minn diversi korpi lokali, u f’dawk il-każijiet ikun żbaljat li wieħed jissupponi li hemm kontroll mhux komplet jew nieqes ta’ korpi lokali individwali. Hemm diversi eżempji fid-dritt Ġermaniż dwar l-organizzazzjoni amministrativa, fosthom l-Oberfinanzdirektionen, li huma intiżi kemm bħala dipartimenti Federali, kif ukoll dipartimenti tal-Land. F’xi Länder hemm il-Kreisverwaltungsbehörden (distretti amministrattivi interni fil-Land) li għandhom funzjoni kemm bħala dipartimenti tal-Landkreis kif ukoll bħala awtoritajiet minuri tal-Land. U xi Länder, bħal per eżempju Branderburg u Berlin, għandhom inkomuni l-Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva tat-tieni grad). Ikun żbaljat li wieħed jissupponi li korp lokali ma jikkontrollax jew ma jeżerċitax kontroll komplet fuq dawn it-tipi ta’ awtoritajiet, immexxija b’mod konġunt minn diversi korpi lokali. Bl-istess mod “eżerċitat konġuntament”, imma mhux minħabba f’hekk anqas effettiv, huwa l-kontroll eżerċitat fuq amministratur li jappartjeni lil diversi persuni legali tad-dritt pubbliku. Dan huwa l-każ ta’ Brutélé, billi hija komposta esklużivament minn komuni li jeżerċitaw konġuntament il-poteri ta’ kontroll tagħhom b’mod analogu bħall-kontroll li jeżerċitaw fuq dipartimenti (komuni).

42.

Jekk mill-fatt li l-awtorità aġġudikatriċi għandha teżerċita l-kontroll b’mod konġunt ma’ awtoritajiet sovrani oħrajn jirriżulta kontroll “insuffiċjenti” u jekk jiġi kkunsidrat li japplika d-dritt fuq il-kuntratti pubbliċi, ikun hemm konsegwenzi gravi għall-poter diskrezzjonali meħtieġ għall-kooperazzjonijiet interkomunali. L-għażla ta’ forma bħal din ta’ kooperazzjoni fil-fatt hija dejjem suġġetta għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti. B’hekk jirriżulta li l-kooperazzjoni interkomunali, bħala forma ta’ organizzazzjoni statali ta’ twettiq tal-obbligi, tingħata, b’mod ċar, importanza sekondarja meta mqabbla mal-obbligi f’forma awtonoma, li ma jinkludux l-applikazzjoni tar-regoli fuq il-kuntratti pubbliċi. [L-applikazzjoni obbligatorja tar-] regoli fuq il-kuntratti pubbliċi ġġiegħel lill-komuni, b’mod għal kollox bla sens, li jastjenu f’xi każijiet milli jikkooperaw ma’ komuni oħrajn. Madankollu, ir-regoli fuq il-kuntratti pubbliċi qatt ma kellhom dan l-għan. Dawn jiġu applikati biss meta l-komuni, sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom, iħarsu lejn is-suq.

43.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dritt għall-awtonomija huwa protett, fuq livell Ewropew, mill-Karta Ewropea fuq il-Gvernijiet Lokali ( 14 ). Din tistabbilixxi d-dritt tal-komuni li jaqdu b’mod awtonomu l-obbligi tagħhom u, għal aktar preċiżjoni, id-dritt li jikkonkludu kooperazzjoni interkomunali mingħajr ma jkollhom l-obbligu li jagħmlu sejħa għal offerti minn qabel.

44.

Il-Gvern Olandiż jipproponi li titwieġeb fl-affermattiv l-ewwel domanda preliminari. Dwar it-tieni domanda jinnota, filwaqt li jirreferi għall-ewwel rekwiżit tas-sentenza Teckal u tal-ġurisprudenza suċċessiva kif ukoll għall-informazzjoni li hemm fid-domanda għal deċiżjoni preliminari, li l-komuni u l-assoċjazzjonijiet interkomunali li ssieħbu f’Brutélé huma fil-pożizzjoni li jkollhom influwenza deċiżiva fuqha. Dan jidher mill-fatt li, flimkien, huma għandhom il-kapital sħiħ mingħajr l-ebda dħul ta’ kapital privat. L-aċċertament ta’ influwenza determinanti hija kkonfermata mill-fatt li l-komuni u l-assoċjazzjonijiet ta’ komuni għandhom il-kontroll sħiħ tal-korpi deċiżjonali ta’ Brutélé, peress illi dawn huma komposti mir-rappreżentanti tagħhom. Il-komuni u l-assoċjazzjonijiet ta’ komuni jistgħu b’hekk jeżerċitaw influwenza deċiżiva kemm fuq l-għanijiet strateġiċi, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti, bħall-iffissar tat-tariffi. Brutélé m’għandha l-ebda awtonomija u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala terz fir-rigward tal-komuni u l-assoċjazzjonijiet ta’ komuni. Fir-rigward tat-tielet domanda għandu jingħad li, għal dak li jirigwarda “kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess” huwa biżżejjed li l-komuni u l-assoċjazzjonijiet ta’ komuni kkonċernati jeżerċitaw il-kontroll b’mod konġunt.

IV — Evalwazzjoni ġuridika

45.

Billi d-domandi preliminari ssollevati jirrigwardaw aspetti differenti tal-istess kwistjoni, ser neżaminhom konġuntament.

46.

Flimkien dawn huma intiżi biex jiċċaraw jekk l-assoċjazzjoni ta’ komun, speċifikament il-Komun ta’ Uccle, ma’ kooperattiva interkomunali pura, speċifikament Brutélé, u t-trasferiment konsegwenti tal-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni komunali lil dik il-kooperattiva, għandhomx jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħal assenjazzjoni ta’ konċessjoni u, bħala tali, suġġetti għall-prinċipji tad-dritt Komunitarju fuq l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, jew jekk hijiex sitwazzjoni ta’ twettiq ta’ obbligi kważi interni sabiex b’hekk ma jkunx hemm bżonn ta’ sejħa għal offerti. L-aspetti li jinteressaw lill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-aktar l-istrutturi interni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet; għalhekk, minn naħa, id-deċiżjonijiet meħdudin mill-organi statutarji, bħall-kunsill ta’ amministrazzjoni u l-kunsilli ta’ settur, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li essenzjalment m’humiex ta’ natura individwali, iżda li jwasslu għal deċiżjoni b’maġġoranza. Jistgħu dawn l-istrutturi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu konformi mar-rekwiżit fil-ġurisprudenza tal-“kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”?

47.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontroll tal-kumpannija kooperattiva u tad-deċiżjonijiet tagħha jiġi eżerċitat b’mod konġunt mill-korpi lokali permezz tal-korpi statutarji tal-kumpannija kooperattiva, li jkollhom, permezz ta’ dan, ċerta awtonomija fil-konfront tal-assoċjati tagħhom. Ma jkunx hemm “kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess” u għalhekk il-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tikkunsidra l-ewwel motiv bħala fundat.

48.

Biex jiġu inkwadrati dawn il-kwistjonijiet għandu jingħad li skont ġurisprudenza kostanti, kif osservat ġustament il-qorti tar-rinviju, id-direttivi Komunitarji fuq il-kuntratti pubbliċi ( 15 ) ma japplikawx għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet tas-servizz pubbliku ( 16 ) ( 17 ). Li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ servizz pubbliku u mhux ta’ kuntratt pubbliku jista’ jiġi stabbilit mill-fatt li l-korp lokali ma jħallasx il-korrispettiv tas-servizz mogħti imma l-korrispettiv jikkonsisti fid-dritt li jisfrutta s-servizz tiegħu ( 18 ) u dan il-fatt jimplika l-assunzjoni tar-riskju fl-operat ( 19 ).

49.

Billi fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali ma kienet teżisti l-ebda direttiva għall-koordinament tal-proċeduri ( 20 ) dwar l-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, l-effetti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju fuq l-għoti ta’ dawn il-konċessjonijiet għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tad-dritt primarju u, partikolarment, fid-dawl tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat KE ( 21 ).

50.

Dawn tal-aħħar jeħtieġu, għall-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ trattament ugwali u trasparenza ( 22 ), partikolarment fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza skont l-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE ( 23 ), li, ġeneralment, jeħtieġu, sejħa għall-offerti.

51.

Skont il-ġurisprudenza, tista’ issir biss deroga minn dan jekk hemm “qadi tal-obbligi kważi interni” ( 24 ); din hija ġurisprudenza li rat il-bidu tagħha fis-sentenza Teckal ( 25 ), iċċitata aktar ’il fuq, u li sussegwentement ġiet żviluppata ( 26 ) u applikata għar-regoli Komunitarji kollha dwar il-kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi ( 27 ) kull darba li jkun hemm adempjiment li jkun l-istess bħal miżura interna ( 28 ). Għalhekk, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti m’hijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra jkun korp legalment differenti mill-awtorità kontraenti, meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq il-korp distint inkwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra din l-entità twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha ( 29 ).

A — L-ewwel rekwiżit Teckal

52.

Hemm lok li jiġi eżaminat l-ewwel rekwiżit, jiġifieri “kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”.

1. L-esklużjoni ta’ impriżi b’ekonomija mħallta

53.

Mill-ġurisprudenza kostanti li tibda mis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau ( 30 ) jirriżulta b’mod inekwivokabbli li l-impriżi b’ekonomija mħallta fl-ebda każ ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala korp li fuqu jiġi eżerċitat kontroll analogu għal dak li jiġi eżerċitat fuq dipartimenti tiegħu stess, ikun kemm ikun minuri s-sehem f’kapital privat ( 31 ). Huwa biżżejjed li jkun hemm ftuħ għall-kapital privat, mingħajr ma jkun (għad) hemm parteċipazzjoni effettiva ( 32 ). Hemm bżonn ukoll li jiġi kkunsidrat trasferiment ta’ kapital lil terzi privati li jkun sar ftit wara l-għoti tal-konċessjoni ( 33 ).

54.

Fiċ-ċirkustanzi tal-proċediment prinċipali, l-aspett tal-kapital privat għandu jiġi solvut, b’mod ċar, f’sens negattiv. Mhux biss m’hemm l-ebda sehem f’kapital privat, iżda Brutélé lanqas biss ma hija miftuħa għall-kapital privat.

2. Fatturi deċiżivi oħrajn

55.

Mandankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ sehem fil-kapital privat jew l-interdizzjoni fih m’huwiex biżżejjed biex f’kull każ jiġi ssodisfatt il-kriterju Teckal li jikkonsisti fi “l-eżerċizzju ta’ kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess” ( 34 ). Huwa minn dan l-aspett li jridu jinftehmu d-domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju.

56.

Minn uħud mis-sentenzi li jittrattaw l-ewwel miż-żewġ rekwiżiti Teckal jirriżulta li “id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha u l-fatti rilevanti għandhom jiġu kkunsidrati” ( 35 ). Minn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-kumpannija aġġudikatriċi hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità aġġudikatriċi li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija. Għandu jkun hemm lok għal possibbiltà ta' influwenza determinanti kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta' din il-kumpannija ( 36 ).

57.

Il-kriterji li jisgħu jkunu importanti f’dan is-sens jirriżultaw b’mod paritkolari mis-sentenza Parking-Brixen. F’din is-sentenza, it-trasformazzjoni f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, it-twessigħ tal-għan soċjali, il-ftuħ obbligatorju tal-kumpannija, fi żmien qasir, għal kapitali oħrajn, espansjoni territorjali kunsiderevoli tal-attivitajiet tal-kumpannija u l-poteri kunsiderevoli mogħtijin lill-kunsill ta’ amministrazzjoni wasslu, kumplessivament, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kumpannija inkwistjoni kienet intiża sabiex timmira lejn suq u marġni mis-suq li jeskudu l-eżerċizzju mill-awtorità pubblika konċedenti fuq il-korp konċessjonarju ta’ kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fid-dipatrimenti tagħha ( 37 ).

58.

Għalhekk jidher ċar li kienu tnejn il-kategoriji essenzjalment determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet korrispondenti ssollevati fil-kawża Parking Brixen: min-naħa safejn kellha aspett kummerċjali, min-naħa l-oħra l-grad ta’ awtonomija ( 38 ) tal-korp konċessjonarju. Dawn il-kategoriji jikkoinċidu mar-rekwiżit msemmi fil-punt 51 tas-sentenza Teckal, li jirrigwarda wkoll l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ poter li jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtonomu tal-korp inkwistjoni fir-rigward tal-korp jew korpi pubbliċi ( 39 ).

59.

Iżda, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif iffurmata sa issa fuq ir-rekwiżiti Teckal, hija ġibdet l-attenzjoni ftit drabi biss għal dawn iċ-ċirkustanzi oħrajn. Fiż-żewġ kawżi ċċitati, Parking Brixen u Carbotermo, seħħew diversi ċirkustanzi minn dawn u fosthom kien hemm waħda biss li wriet li kien hemm l-għoti ta’ poteri wesgħin u kunsiderevoli lill-kunsill ta’ amministrazzjoni.

60.

Fis-sentenza Parking Brixen, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ASM Bressanone SpA kienet kisbet dritt għal skop kummerċjali b’mod li l-kontroll tal-komun sar prekarju u pprovdiet ħames raġunijiet biex issostni l-argument tagħha ( 40 ), fosthom il-ftuħ obbligatorju tal-kumpannija, fi żmien qasir, għal kapitali oħrajn u l-espansjoni territorjali tal-attivitajiet tal-kumpannija mal-Italja kollha u barra ( 41 ).

61.

Fis-sentenza Carbotermo, element essenzjali kien il-fatt li l-influwenza eventwali tal-komun Taljan ta’ Busto Arsizio fuq id-deċiżjonijiet ta’ AGESP SpA, impriża li kienet tagħti servizzi pubbliċi ta’ diversi tipi, kienet tiġi eżerċitata permezz ta’ kumpannija holding intermedja ( 42 ). Fuq dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intervent ta’ din l-intermedjarja seta’, skont iċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, tnaqqas il-kontroll eventwali eżerċitat mill-awtorità aġġudikatriċi fuq kumpannija b’responsabbiltà limitata mis-sempliċi fatt li tipparteċipa fil-kapital tagħha ( 43 ).

62.

Għalhekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li f’dawn il-każijiet l-evalwazzjoni globali ( 44 ) ingħatat fil-preżenza ta’ diversi ċirkustanzi speċjali.

3. Il-kooperazzjoni interkomunali pura, għalkemm mhux a priori, ġeneralment ma teħtieġx sejħa għal offerti.

63.

Madankollu, hemm ħafna raġunijiet biex wieħed jikkunsidra li s-sitwazzjonijiet li qegħdin fil-bażi tas-sentenzi Parking Brixen u Carbotermo jirrappreżentaw każijiet iżolati, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li nqabeż ċertu limitu u t-trasferiment ta’ obbligi ta’ interess pubbliku lil korp ta’ kooperazzjoni pura ta’ kollettivitajiet pubbliċi, mingħajr ebda parteċipazzjoni ta’ kapital privat, għandu jiġi kkunsidrat, ċertament mhux bħala a priori, iżda bħala li m’huwiex suġġett għal sejħa għal offerti ( 45 ). Dan huwa ddokumentat mill-każijiet u l-iżviluppi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ser jintwera iktar ’il quddiem.

64.

Fis-sentenza Carbotermo citata iktar ’il fuq, li fiha ċirkustanzi oħra kienu jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tkun ikkaratterizzata bħala li m’hijiex soġġetta għal sejħa għal offerti, huwa litteralment indikat li: “[i]l-fatt li l-awtorità aġġudikatriċi tikkontrolla, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra, it-totalità tal-kapital ta’ kumpannija rebbieħa jwassal sabiex jindika, mingħajr ma jkun deċisiv, li din l-awtorità aġġudikatriċi teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha, fis-sens tal-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq” ( 46 ).

65.

Fil-punti suċċessivi tas-sentenza Carbotermo jidher ċar li bil-limitazzjoni “mingħajr ma jkun deċisiv” wieħed jifhem iċ-ċirkustanzi l-oħrajn imsemmija, jiġifieri li jiddgħajjef il-kontroll bħala konsegwenza tal-interpożizzjoni ta’ holding, anki jekk il-kapital tagħha huwa ta’ 99.98 % mill-korp lokali inkwistjoni, kif ukoll il-poteri wesgħin wisq tal-kunsilli ta’ amministrazzjoni kemm fuq il-kumpannija holding kif ukoll fuq il-kumpannija maħluqa mill-holding billi l-kwistjoni kienet fuq l-għoti tal-kuntratt lit-tieni waħda ( 47 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-istatuti inkwistjoni ma jirriservaw l-ebda setgħa ta’ kontroll jew dritt ta’ vot partikolari sabiex jirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni rrikonoxxuta lil dawn il-kunsilli ta’ amministrazzjoni. Il-kontroll eżerċitat mill-komun fuq dawn iż-żewġ kumpanniji huwa limitat fil-parti l-kbira għad-diskrezzjoni li d-dritt tal-kumpanniji jirrikonoxxi lill-maġġoranza tas-soċji, li jillimita b’mod konsiderevoli s-setgħa tiegħu li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta' dawn il-kumpanniji ( 48 ).

66.

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mis-sentenza aktar reċenti Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) li, fil-każ ta’ kooperazzjoni interkomunali pura, l-ewwel rekwiżit Teckal ta’ “kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”, għandu jiġi ġeneralment ikkunsidrat sodisfatt, mingħajr ma jkun meħtieġ, is-soltu, eżami ulterjuri tal-istrutturi interni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u tar-relazzjonijiet tal-maġġoranza. Is-silta ċċitata aktar ’il fuq ( 49 ) tas-sentenza Carbotermo, ittieħdet mill-punt 57 tas-sentenza suċċessiva Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo), imma f’forma kemmxejn differenti. Filwaqt li fis-sentenza Carbotermo s-silta tgħid “— ohne entscheidend zu sein —” (mingħajr ma jkun deċisiv), fis-sentenza Asemfo tintuża “grundsätzlich” (mingħajr ma jkun deċisiv). Minn “ohne entscheidend zu sein […]” dan isir “[…] grundsätzlich […]”.

67.

Għaldaqstant hemm ħafna raġunijiet biex jiġi deċiż li meta l-awtorità kontraenti jew l-awtorità pubblika li tikkonċedi żżomm, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn ( 50 ), il-kapital sħiħ ta’ kumpannija li tirbaħ il-kuntratt jew tal-konċessjonarju, hija teżerċita fuq dak il-korp kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha skont il-punt 50 tas-sentenza Teckal. Għalkemm dik ir-regola tista’ tiġi kkontestata ( 51 ), huwa madankollu meħtieġ li jkun hemm qbil fuq il-fatti partikolari, kif diġà ngħad qabel ( 52 ).

4. Il-kriterji għal analiżi ddettaljata tas-setgħa ta’ kontroll

68.

Jiġi osservat dan li ġej fir-rigward tar-rwol tal-kwistjoni tal-poter ta’ kontroll ta’ korpi pubbliċi individwali ġewwa kooperazzjonijiet puri bejn korpi pubbliċi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija rilevanti hawnhekk.

69.

Il-kawża Teckal diġà kienet tirrigwarda sitwazzjoni ta’ kooperazzjoni interkomunali ( 53 ) fejn il-kwistjoni ta’ kontroll issemmiet fil-kuntest tad-daqs tal-ishma: kienet titratta b’mod partikolari konsorzju ta’ 45 komun mill-provinċja ta’ Reggio Emilia, fejn il-komun inkwistjoni, Viano pparteċipa bi 0.9 %. F’dan ir-rigward l-Avukat Ġenerali Cosmas osserva: “inqis li huwa improbabbli […] li jista’ jiġi sostnut li l-Komun ta’ Viano jeżerċita fuq dak il-konsorzju kontroll analogu ma’ dak li jeżerċita korp fl-intern tal-organu” ( 54 ). Is-sentenza stess ma ssemmi xejn fuq din il-kwistjoni, partikolarment fil-formulazzjoni tar-rekwiżit ta’ kontroll fil-punt 50 ( 55 ) dan l-aspett m’huwiex ikkunsidrat. Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma solvitx fin-negattiv a priori l-kwistjoni tal-poter ta’ kontroll ta’ komun b’sehem fil-kumpannija u numru żgħir ħafna ta’ voti u ħalliet lill-qorti tar-rinviju l-possibbilità li tiddeċiedi jekk ir-rekwiżit ta’ kontroll kienx sodisfatt jew le fil-kawża prinċipali.

70.

Is-sentenza Coname tal-2005, fil-frattemp, solviet dan l-aspett b’mod oppost, billi qieset li sehem ta’ 0.97 % ma kienx biżżejjed ( 56 ).

71.

Madankollu, is-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) ċċarat li d-daqs tas-sehem li jkollu korp pubbliku wieħed f’kooperazzjoni fost korpi pubbliċi ma japplikax (iżjed) bħala miżura ta’ kontroll possibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat espressament li, hu kemm hu żgħir is-sehem, fl-eżempju 0.25 % tal-kapital ta’ din il-kooperazzjoni (1 % tal-kapital kien f’idejn erba’ reġjuni awtonomi, kull waħda proprjetarja ta’ sehem) xejn ma jipprekludi l-fatt li, fir-rigward tal-korpi lokali involuti, wieħed jista’ jassumi li hemm “qadi ta’ l-obbligi kważi interni” ( 57 ).

72.

Fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza citata iktar ’il fuq Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) il-poter ta’ kontroll fuq il-korp inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-attivitajiet ikkontestati huwa eżerċitat b’mod ċar mill-amministrazzjoni statali ċentrali, li għandha l-maġġoranza tal-ishma, u mhux mill-erba’ reġjuni awtonomi, li l-ishma tagħhom jirrappreżentaw kumplessivament il-1 % tal-kapital ( 58 ). Iżda din iċ-ċirkustanza ma pprekludietx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkunsidra l-ewwel rekwiżit Teckal bħala ssodisfatt, mhux biss għall-Istat Spanjol, iżda esspressament anki għar-reġjuni awtonomi li għandhom sehem fil-kapital ( 59 ). Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kontroll eżerċitat mir-reġjuni autonomi, mhux possibbli li jinftiehem mis-sentenza jekk tridx tagħti direzzjoni ġdida lill-ġurisprudenza, jew jekk, kif ġustamentament wieħed jista’ jissupponi, hijiex dovuta minħabba fatti partikolari u deċiżivi tal-każ ( 60 ). Madankollu, jirriżulta ċar li fil-każ ta’ kooperazzjoni pura bejn korpi pubbliċi, mhuwiex opportun li jingħata piż żejjed għall-kwistjoni tal-poter tal-għoti ta’ deċiżjonijiet u ta’ kontroll intern.

73.

Minn analiżi sistematika tal-preċiżazzjonijiet tal-ġurisprudenza dwar id-daqs tal-ishma ( 61 ), kif ukoll minn eżami letterali, minħabba l-użu tal-plural fit-test relattiv fit-tieni rekwiżit Teckal, li jgħid “u din il-persuna twettaq il-parti l-aktar importanti tal-attività tagħha mal-korp u l-korpi lokali li jikkontrollawha” ( 62 ), jista’ jirriżulta li m’huwiex indispensabbli li l-korp pubbliku inkwistjoni jkollu poter ta’ kontroll sħiħ u individwali iżda li jkun biżżejjed poter ta’ kontroll kollettiv eżerċitat b’maġġoranza ( 63 ).

74.

Tidher li hija deċiżiva l-kwistjoni jekk il-kontroll fuq dan il-korp, hawnhekk il-kooperattiva Brutélé, jiġix eżerċitat kollettivament mill-korpi pubbliċi involuti, jew jekk din il-kooperattiva taġixxix billi tevita dan il-kontroll kollettiv.

5. Konklużjoni interlokutorja

75.

L-analiżi ġuridika ċċarat li l-kooperazzjoni interkomunali pura m’hijiex, b’mod ġenerali, suġġetta għal proċedura ta’ sejħa għal offerti, ħlief jekk ikun hemm ċirkustanzi partikolari li juru li l-korp interkomunali kiseb dritt għal skop kummerċjali u awtonomija li jaqbżu l-limiti li fihom kooperazzjoni interkomunali intiża għall-qadi tal-obbligi ta’ interess ġenerali, ma tkunx suġġetta għad-dritt fuq l-għoti ta’ kuntratti.

76.

Għalkemm, sal-preżent, għadha ma ntlaħqitx iċ-ċertezza legali ( 64 ), fir-rigward tal-limiti preċiżi ta’ kriterji bħal-“livell ta’ dritt għal skop kummerċjali” u l-“livell ta’ awtonomija” u għalhekk m’huwiex ċar fejn jinsab il-limitu preċiż safejn kooperazzjoni interkomunali intiża biex twettaq l-obbligi ta’ interess ġenerali ma tkunx suġġetta għad-dritt fuq l-għoti ta’ kuntratti, madankollu ma jeżisti l-ebda element li jsostni l-fatt li l-kooperazzjoni fi ħdan Brutélé tiżvolġi lil hinn minn dan il-limitu.

77.

Huma l-qrati nazzjonali, f’dan il-każ partikolari l-qorti tar-rinviju, li għandhom jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi fil-każ konkret. Fil-kawża preżenti evalwazzjoni bħal din m’għandhiex turi xi qbiż ta’ limitu msemmi aktar ’il fuq. L-istrutturi interni ta’ Brutélé fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet għandhom il-karatteristika li huma influwenzati kollettivament mill-korpi lokali li jipparteċipaw permezz ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza. Huma jeżerċitaw l-influwenza tagħhom mhux biss fil-assemblea ġenerali, imma anki fil-kunsill ta’ amministrazzjoni kompost minn rappreżentanti tal-komuni. Għaldaqstant il-kwistjoni tal-kontroll tista’ tiġi solvuta f’sens affermattiv abbażi ta’ elementi suffiċjenti. Ma’ dan jiżdied li, għar-rigward tas-subsetturi, saħansitra jista’ jkun hemm piż akbar tad-deċiżjonijiet tal-komuni individwali. Id-dritt għal skop kummerċjali ta’ Brutélé tirrispondi għal eżiġenzi ta’ interess ġenerali, bħad-teledistribuzzjoni, it-telefonija u l-Internet u ma jidhirx li hemm evidenza li nqabeż il-limitu fejn b’hekk japplikaw id-dispożizzjonijiet fuq l-għoti tal-kuntratti huma kemm huma indeterminati l-kriterji ta’ fissazzjoni ta’ dak il-limitu.

78.

F’dan il-każ kollox juri li, f’każ bħal dak ineżami, ninsabu quddiem kooperazzjoni ta’ kollettivitajiet pubbliċi li m’għandhomx ikunu soġġetti għal sejħa għal offerti.

79.

Kontra dak li tgħid Coditel, f’dan il-kuntest huwa rrilevanti li Brutélé toffri s-servizzi tagħha kummerċjalment lill-utenti u li bħala konsegwenza tidħol awtomatikament f’kompetizzjoni ( 65 ) ma’ offerenti privati oħrajn.

6. Fuq il-valur tal-kooperazzjoni interkomunali

80.

Għalkemm fil-fehma tiegħi, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, diġà ingħatat ir-risposta għad-domandi preliminari, nixtieq li, fil-qosor, neżamina r-riżultat u fl-istess ħin nanalizza l-argumenti kuntrarji invokati minn Coditel u l-Kummissjoni.

81.

Il-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi hija u tibqa’ wieħed mill-istrumenti politiċi l-aktar influwenti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Komunitarji għall-proċedura ta’ integrazzoni Ewropea ( 66 ). Madankollu dan huwa potenzjal li m’għandux jintuża bla kunsiderazzjoni ta’ xejn, iżda l-iskop tiegħu għandu jiġi kkonċiljat mal-valuri ta’ kull politika oħra.

82.

Jekk, kif jipproponu l-qorti tar-rinviju, Coditel u l-Kummissjoni, tkun meħtieġa “awtonomija wiesgħa biex jittieħdu d-deċiżjonijiet” tal-komun kkonċernat, fis-sens li huwa jeżerċita l-“poter sħiħ” fuq il-kooperazzjoni interkomunali rispettiva (f’dan il-proċediment, il-poter fuq il-kooperattiva), prattikament ma jkunx hemm aktar futur għall-kooperazzjoni interkomunali. Waħda mill-karatteristiċi importanti ta’ kooperazzjoni vera tikkonsisti fl-adozzjoni b’mod ugwali tad-deċiżjonijiet u mhux is-supremazija ta’ wieħed mis-soċji li jipparteċipa fil-kooperazzjoni. Mill-pożizzjonijiet meħudin minn Coditel u mill-Kummissjoni matul il-proċediment u fis-seduta jirriżulta li ż-żewġ partijet kkonċernati jifformulaw kriterji li fil-verità, korp lokali wieħed għandu jeżerċita, biex ngħidu hekk, waħdu l-kontroll fuq kooperazzjoni. Huwa evidenti li f’ċirkustanzi simili ma jistax jingħad li hemm kooperazzjoni jew kollaborazzjoni.

83.

Infakkar li dan iwassal biex tispiċċa tkun imprattikabbli kooperazzjoni interkomunali pura. Il-korpi lokali li joperaw f’kooperazzjoni interkomunali għandhom f’dak il-każ dejjem jaffaċċjaw l-obbligu li jafdaw l-eżekuzzjoni tas-servizzi tagħhom lil terzi privati li jagħmlu l-aħjar offerta; dan il-fatt ikun ekwivalenti għal privatizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali li tiġi imposta bl-użu ta’ strumenti tad-dritt fuq l-għoti tal-kuntratti ( 67 ).

84.

Interpretazzjoni tant restrittiva tal-ewwel rekwiżit Teckal tagħti piż inadegwat għall-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u taffettwa, fl-istess ħin, b’mod eċċessiv l-awtonomija amministrattiva tal-komuni u, b’konsegwenza, il-kompetenzi tal-Istati Membri ( 68 ).

85.

Dan huwa aspett enfasizzat ġustament anki mill-Gvernijiet li ppreżentaw noti ta’ osservazjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-dritt għall-awtonomija amministrattva tal-komuni, minbarra li huwa mfisser fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri, huwa stabbilit, kif josserva tajjeb il-Gvern Ġermaniż, anki fil-Karta Ewropea tal-Gvernijiet Lokali, iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u rratifikata mill-maġġoranza tagħhom ( 69 ). L-Artikolu 263 KE jwaqqaf il-Kumitat tar-Reġjuni, kompost minn rappreżentanti tal-entitajiet reġjonali u lokali. Hija dispożizzjoni li, filwaqt li tipprovdi l-possibbilità li jitqiesu istituzzjonalment l-orjentamenti reġjonali u komunali, timplika wkoll ċertu għarfien tal-awtodeterminazzjoni. Fl-aħħar it-Trattat ta’ Liżbona ( 70 ) jenfasizza r-rwol tal-awtonomija amministrattiva reġjonali u lokali fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali relattiva li għandha tiġi mħarsa.

86.

Il-komuni stess għandhom jiddeċiedu jekk jaqdux l-obbligi ta’ interess pubbliku li għandhom permezz tal-istrumenti amministrattivi, tekniċi u ta’ kull tip ieħor tagħhom, mingħajr ma jkollhom l-obbligu li jirrikorru għall-korpi esterni li ma jkunux tad-dipartimenti tagħhom ( 71 ), jew inkella jwettquhom bl-għajnuna ta’ korp legalment distint minnhom li jaġixxi bħala awtorità kontraenti jew konċedenti. Jekk jagħżlu t-tieni alternattiva, ikunu ħielsa mill-ġdid li jaqdu l-obbligi essenzjali tagħhom billi jillimitaw ruħhom sabiex ( 72 ) jeżerċitaw b’mod awtonomu l-poteri tagħhom jiġifieri li jaġixxu f‘kooperazzjoni “pura” ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn billi jżommu “kontroll analogu għal dak li jerżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom” u jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fuq l-għajnuna mogħtija mill-Istat jew fuq il-kuntratti pubbliċi ( 73 ); jistgħu jirrikorru għal kapital privat ( 74 ) u/jew jaġixxu waħedhom fil-każ ta’ dħul għal skop kummerċjali akbar, jaffrontaw il-kompetizzjoni u dan huwa fatt li jwassal għat-telf ta’ privileġġi ( 75 ). Fl-aħħar jistgħu jagħżlu outsourcing klassiku lil terzi jew il-privatizzazzjoni, fejn madankollu m’hijiex prevista l-konċessjoni ta’ privileġġi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

87.

Mhux dejjem faċli għall-komuni u għall-korpi lokali ġeneralment li jwettqu d-dover tagħhom fid-diversi ħidmiet tradizzjonali ( 76 ) u dawk maħluqin ġodda ( 77 ), l-aktar għal dawk l-iżgħar fosthom u fi żmiijiet ta’ budgets imnaqqsa ( 78 ). Barra minn dan, ħafna obbligi, partikolarment fis-setturi tal-ambjent u tat-trasport, m’humiex limitati biss għal-livell komunali ( 79 ). Mill-banda l-oħra, ħafna Stati Membri ta’ spiss jirrikorru għall-kooperazzjoni interkomunali, mingħajr dħul ta’ kapital privat minħabba l-effetti sinerġetiċi tagħha, bħala strument ta’ provvista effikaċi u konvenjenti tas-servizzi pubbliċi ( 80 ).

B — It-tieni rekwiżit Teckal

88.

F’dan il-każ m’hemmx bżonn li ssir analiżi tat-tieni rekwiżit; abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward ma teżisti l-ebda problema ( 81 ).

V — Konklużjoni

89.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tliet domandi magħmulin mill-Conseil d’État b’dan il-mod:

“L-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji fuq it-trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza ma jimpedixxux li komun jassoċja ruħu ma’ kooperattiva billi jittrasferilha kontestwalment l-operat tan-netwerk komunali ta’ teledistibuzzjoni mingħajr ma jkun hemm qabel sejħa għal offerti, sakemm dak il-komun jeżerċita fuq dik il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu u l-kooperattiva tiżvolġi l-parti l-aktar importati tal-attività tagħha mal-assoċjati tagħha. Il-fatt li dik il-kooperattiva hija kkostitwita esklużivament minn komuni u assoċjazzjonijiet bejn il-komuni (jew korpi pubbliċi), mingħajr ma wieħed jirrikorri bl-ebda mod għall-kapital privat, jindika sostanzjalment li r-rekwiżit ta’ eżerċizzju ta’ kontroll analogu għal dak li jiġi eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom huwa sodisfatt. F’każ bħal dak inkwistjoni, il-kontroll eżerċitat permezz tal-organi statutarji tal-kooperattiva, ikkostitwiti minn rappreżentanti tal-komuni u tal-assoċjazzjonijiet bejn il-komuni li jiddeċiedu b’maġġoranza għandu jinftiehem bħala kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Il-kunċett ta’ “kooperazjoni interkomunali” jew “kollaborazzjoni interkomunali” tinkludi forom differenti ħafna ta’ kooperazzjoni amministrattiva, bi jew mingħajr natura ġuridika formali (ara Schmidt: Kommunale Kooperation, Der Zweckverband als Nukleus des öffentlichen Gesellschaftsrechts, Tübingen 2005, p. 2 et seq), li huma kemm sempliċi komunitajiet tax-xogħol komunali sa forom, mil-lat ġuridiku, istituzzjonalizzati ħafna, bħal, per eżempju, l-assoċjazzjonijiet bejn komuni jew il-kooperattivi. Ara wkoll il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni ta’ diversi korpi pubbliċi” jew “suġġetti li l-ishma tagħhom qegħdin f’idejn diversi korpi pubbliċi” fost l-oħrajn, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-12 ta’ Jannar 2006, Carbotermo u Consorcio Alisei (sentenza tal-, C-340/04, Ġabra p. I-4137), punt 29 et seq, kif ukoll Egger, Europäisches Vergaberecht, 2007, p. 167 et seq.

( 3 ) Wara t-talba tal-Komun ta’ Uccle, Coditel staqsietu jekk il-proposta ta’ l-akkwist mill-ġdid tan-netwerk kienx jikkostitwixxi kriterju ta’ valutazzjoni ta’ l-offerti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti għall-konċessjoni tal-operat tan-netwerk, jekk din il-proposta tissostitwixxi sejħa għal offerti li għadha għaddejja u jekk kinitx ġiet indirizzata lill-kandidati l-oħrajn fis-sejħa għal offerti. Fit-28 ta’ April 2000 il-Komun ta’ Uccle rrisponda li kien indirizza ruħu lill-erba’ kumpanniji li kienu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom fis-sejħa għal offerti, li l-proposta ta’ l-akkwist mill-ġdid tan-netwerk ma kinitx tissostitwixxi s-sejħa għal offerti u lanqas ma kienet tikkostitwixxi element ta’ valutazzjoni ta’ l-offerti ppreżentati u fl-aħħar li “billi l-kunsill kien irċieva proposta ta’ akkwist (sa issa kkundizzjonata) iddeċieda, madankollu, li dik l-ipoteżi ma setgħetx tiġi eskluża a priori u setgħet tkun wieħed mill-elementi ta’ riflessjoni kkunsidrati fuq il-ġejjieni tan-netwerk; għaldaqstant, qabel ma tiġi proposta deċiżjoni għall-assenjazzjoni ta’ konċessjoni tal-operat jew le, il-kunsill iddeċieda, għall-kompletezza ta’ l-informazzjoni u għall-ekwità fost il-kandidati, li jisma’ lil kull wieħed minnhom”.

( 4 ) Il-kunsill komunali ta’ Uccle jippreċiża fuq dan il-punt fid-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2000, “din id-differenza hija, bla dubju, attribwibbli għal raġunijiet tal-qagħda ekonomika, peress illi l-ishma fil-borża ta’ wħud mill-protagonisti ewlenin tas-settur tal-valuri teknoloġiċi niżlu fix-xhur preċedenti f’livelli baxxi storiċi u dan il-fatt jagħmel il-kundizzjonijiet attwali sfavorevoli ħafna”.

( 5 ) Skont kif ġie deċiż fil-kunsill komunali fit-23 ta’ Novembru 2000, il-ħlas annwali offruta kienet magħmula minn dan li ġej:

a)

kera fissa ta’ 10 % mid-dħul mill-abbonament bażiku għad-teledistribuzzjoni [abbażi ta’ 31000 abbonat u 3400 Frank Belġjan ta’ abbonament annwali (netti mill-VAT u mid-drittijiet ta’ l-awtur): 10540000 Frank Belġjan fis-sena];

b)

ħlas ta’ 5 % tal-fatturat ta’ Canal + u tal-bouquet;

c)

ħlas tal-profitti kollha magħmulin fuq is-servizzi kollha pprovduti.

( 6 ) Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni relattiva tal-kunsill komunali tat-23 ta’ Novembru 2000:

[…] Din l-awtonomija tirrigwarda partikolarment:

l-għażla tal-programmi distribwiti;

it-tariffi ta’ l-abbonament u tal-konnessjoni;

il-politika ta’ l-investimenti u tax-xogħlijiet;

l-iskontijiet jew il-vantaġġi li jingħataw lil xi kategoriji ta’ individwi;

in-natura u l-metodi ta’ servizzi oħrajn li jingħataw permezz tan-netwerk u l-possibbilità li l-interkomunali jiġi afdat bit-twettiq ta’ interess komunali li jaqbel mal-għan fl-istatut tiegħu, bħal per eżempju, l-implementazzjoni ta’ Intranet komunali, website u taħriġ tal-persunal għal dak l-iskop.

[…] f’dan il-kuntest:

Brutélé għandha tħejji kont ta’ profitt u ta’ telf u karta tal-bilanċ ta’ l-attivitajiet fuq in-netwerk ta’ Uccle;

Uccle għandu jkollu amministratur fil-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé ta’ tliet amministraturi fil-kunsill tas-settur ta’ operat ta’ Brussell, ta’ mandat fil-kulleġġ tas-sindki u ta’ espert komunali.

( 7 ) L-assoċjazzjoni ġiet deċiża fit-23 ta’ Novembru 2000, bil-kundizzjoni ta’ riżoluzzjoni suċċessiva ta’ l-assemblea ġenerali ta’ Brutélé, li permezz tagħha l-membri assoċjati kollha kienu ddeċidew minn dak il-mument li ma jopponux jekk eventwalment il-Komun ta’ Uccle jirtira.

( 8 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 50).

( 9 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ċċitata aktar ’il fuq, punt 50.

( 10 ) Anki jekk il-Gvern Olandiż isostni li l-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari m’hijiex biżżejjed biex tkun tista’ ssir valutazzjoni reali ta’ dan l-aspett.

( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37).

( 12 ) Fuq dan il-punt il-Kummissjoni tirriferi għas-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 65) u Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

( 13 ) Brutélé tirreferi għall-Kostituzzjoni Belġjana, kif ukoll għal-liġi Belġjana fuq assoċjazzjonijiet interkomunali (ara l-punti 6 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 14 ) Il-Karta Ewropea fuq il-Gvernijiet Lokali, konvenzjoni adottata fil-15 ta’ Ottubru 1985 mill-Istati Membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa fi Strasburg u li daħlet fis-seħħ fl- (għal aktar informazzjoni ara http://conventions.coe.int).

( 15 ) Fost l-oħrajn, id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1). L-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fuq il-kuntratti pubbliċi jikkonsisti fil-promozzjoni tal-moviment libera tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorzjoni fl-Istati membri kollha, ara s-sentenza tal-, Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 37, punt 44.

( 16 ) Neergaard, The Concept of Concession in EU Public Procurement Law versus EU Competition Law and National Law, fi: Nielsen/Treumer (ed.), The New EU Public Procurement Directives, 2005, josserva li jeżistu kunċetti differenti ħafna tal-konċessjoni skont il-kuntest ġuridiku u li l-kunċett ta’ konċessjoni fid-dritt Komunitarju fuq il-kuntratti huwa differenti ħafna mill-kunċett li jirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni u, f’parti, anki fid-dritt nazzjonali.

( 17 ) Biżżejjed li ssir referenza għas-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745, punti 56 u 57); tal-, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287, punti 9 u 16); Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 42), u tat-, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-382/05, Ġabra p. I-6657, punt 29).

( 18 ) Ara f’dan ir-rigward il-kriterji użati għad-divrenzjar fis-sentenza Telaustria u Telefonadress (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 58). Ara wkoll id-definizzjoni ta’ liġi li ngħatat fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, li kienet għadha m’hijiex applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali (ĠU L 134, p. 114): “‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas”. Hija kwistjoni tal-operat u manutenzjoni ta’ servizzi li jeżistu, ara Trepte, Public Procurement in the EU, A Practitioner's Guide, 2007, 4.42. Bħala prinċipju jiġi osservat li l-kwistjoni jekk il-konċessjoni ta’ servizzi inkwistjoni għandhiex tiġi kkwalifikata bħala konċessjoni ta’ servizzi jew le għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Komunitarju, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 31).

( 19 ) Sentenza Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 40). Fuq dan il-punt ara l-espożizzjoni ddettaljata ta’ Arrowsmith, fi The Law of Public and Utilities Procurement, 2005, 6.62 u 6.63.

( 20 ) Is-sitwazzjoni baqgħet kważi ma nbidlitx mid-Direttiva 2004/18/KE suċċessiva (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18); billi hija, għalkemm tagħti definizzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizzi, teskludi, fl-Artikolu 17, l-applikabbilità tagħha f’dawn il-konċessjonijiet. Ara l-eżami ddettaljat ta’ Flamme/Flamme/Dardenne, Les marchés publics européens et belges, 2005, p. 19 et seq.

( 21 ) Sentenzi Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 16); Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 46) u tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I-3303, punti 18 et seq). Broussy/Donnat/Lambert, f‘Délégations de services publics’, L'actualité juridique — droit administratif (AJDA) 2005, p. 2340 et seq, partikolarment p. 2341, isostnu li meta wieħed jirrikorri b’dan il-mod għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni hemm ir-riskju li tiġi estiża l-applikabbiltà tar-regoli fuq il-kuntratti lil hinn sewwa mill-kuntest tad-direttivi rilevanti u b’hekk jiġu inklużi ċirkustanzi li l-valur tagħhom jibqa’ taħt il-livell ta’ applikazzjoni tad-direttivi.

( 22 ) Trepte, Transparency Requirements, fi: Nielsen/Treumer (ed.), The New EU Public Procurement Directives, 2005, jinnota li l-kunċett ta’ trasparenza fid-dritt Komunitarju fuq il-kuntratti huwa xi ħaġa limitata, fejn jirreferi għat-trattament ugwali ta’ l-offerenti ġejjin minn diversi Stati Membri u mhux għal kunċett aktar wiesa’ ta’ trasparenza.

( 23 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Telaustria u Telefonadress (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 60 et seq); Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 18 et seq), kif ukoll Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 47 et seq).

( 24 ) Dan il-kliem m’huwiex uniformi, billi spiss jingħad “għoti (kważi) in house” jew “operazzjoni in house” (f’sens aktar wiesa’).

( 25 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 37, punt 49); Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 23 sa 26); Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 56 et seq); ANAV (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 24); Carbotermo u Consorzio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 36 u 37); tad-19 ta’ April 2007, Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (C-295/05, Ġabra p. I-2999, punti 55 sa 57) u tat-, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (C-220/06, Ġabra p. I-12175, punt 58).

( 27 ) Fis-sentenza Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 61) il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li ż-żewġ kriterji Teckal ma japplikawx biss fil-qasam tad-direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi, iżda wkoll f’dak tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi.

( 28 ) Flamme/Flamme/Dardenne, iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 32; il punt 20 jenfasizza, waqt li jirreferi għall-punti 49 u 50 tas-sentenza Teckal (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8), li l-eċċezzjoni stabbilita għal “qadi ta’ obbligi kważi interni” hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni sempliċi li l-istipulazzjoni ta’ “kuntratt magħhom innifishom” m’huwiex possibbli.

( 29 ) Ara s-sentenzi Teckal (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 50); Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 37, punt 49); tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-84/03, Ġabra p. I-139, punt 38); ta’ l-, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-29/04, Ġabra p. I-9705, punt 34); Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 33) u Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 37, punt 55).

( 30 ) Is-sentenza segwita ħafna Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 37) tgħid, fil-punt 49: “Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux eskluż li jista’ jkun hemm ċirkustanzi oħra li fihom is-sejħa għal offerti m’hijiex obbligatorja anki jekk il-entità kontraenti hija entità legalment distinta mill-awtorità kontraenti. Dan huwa l-każ ukoll fis-sitwazzjoni fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq l-entità distinta inkwistjoni kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess u dik l-entità twettaq l-essenzjal ta’ l-attività tagħha mal-awtorità pubblika jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-każ iċċitat iktar ’il fuq, l-entità distinta kienet interament il-proprjetà ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni, anki minuri, ta’ kumpannija privata fil-kapital ta’ kumpannija li għaliha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti inkwistjoni teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”. Belorgey/Gervasoni/Lambert, Qualification de marché public, AJDA 2005, p. 1113 et seq, partikolarment p. 1114, filwaqt li jirreferu għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C-18/01, Ġabra p. I-5321), isostnu li s-sentenza Stadt Halle m’għamlet xejn ħlief li kkonfermat expressis verbis dak li kien ġie affermat implicitament fil-ġurisprudenza preċedenti.

( 31 ) Biżżejjed li ssir referenza għas-sentenzi Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 26); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 46); ANAV (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 31) u tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C-220/05, Ġabra p. I-389, punt 64). Jibqa’ biex jiġi ċċarat b’liema mod tiġi evalwata l-parteċipazzjoni ta’ suġġetti privati jew ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, per eżempju, fil-kuntest soċjali jew kulturali (ara fuq dan il-punt Egger, iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 170, punt 637).

( 32 ) F’dan is-sens, is-sentenzi Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 26) u ANAV (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 30 sa 32).

( 33 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29), punti 38 sa 42: f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenjazzjoni tal-kuntratt għandu jiġi eżaminat billi jitqiesu l-fażijiet kollha (għoti u ristrutturar tal-kapital) u l-għanijiet tiegħu.

( 34 ) Ara wkoll, fost l-oħrajn, Probst/Wurzel, Zulässigkeit von In-house-Vergaben und Rechtsfolgen des Abschlusses von vergaberechtswidrigen Verträgen, fi: European Law Reporter 2007, p. 257 et seq, partikolarment p. 261.

( 35 ) Sentenzi Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 65) u Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 36).

( 36 ) Ibid.

( 37 ) Sentenza Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 67 sa 70). Għal kritika fuq il-ġustifikazzjoni tal-kriterji li jistgħu jwasslu biex il-korpi użati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jaqdu l-obbligi tagħhom jinħolqu taħt forom legali partikolari, ara Kotschy, Arrêts “Stadt Halle”, “Coname” et “Parking Brixen”, Revue du droit de l'Union européenne 2005, n. 4, p. 845 et seq, partikolarment p. 853.

( 38 ) Probst/Wurzel jenfasizzaw li aktar ma tkun ċara r-rabta mill-qrib mal-awtorità li tagħti x-xogħol jew mal-konċedenti u l-possibbilità mnaqqsa tal-kuntrattur jew tal-konċessjonarju li jwettaq fis-suq attivitajiet kummerċjali għal terzi, aktar ikun sempliċi li tkun iġġustifikata l-preżunzjoni ta’ negozju “in house” (iċċitati aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 261).

( 39 ) Sentenza Teckal (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 51).

( 40 ) F’dan ir-rigward, Ferrari jitkellem fuq indikazzjonijiet ta’ awtonomija li m’hijiex kompatibbli mal-kunċett ta’ kontroll analogu ma’ dak eżerċitat fuq servizzi tiegħu stess (Ferrari, Parking Brixen: Teckal da totem a tabù?, fi: Diritto pubblico comparato ed europeo 2006, p. 271 et seq, partikolarment p. 273).

( 41 ) Sentenza Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 67). Jennert, fi “Das Urteil Parking Brixen”, Neue Zeitschrift für Baurecht und Vergaberecht (NZBau) 2005, p. 623 et seq, partikolarment p. 626, josserva li, bħala konsegwenza, m’huwiex possibbli li s-suq jiġi protett b’għoti “in house” mingħajr kuntratt meta jkun hemm parteċipazzjoni kontemporanja fil-kompetizzjoni permezz ta’ espansjoni ta’ portata mhux biss lokali ta’ l-attività.

( 42 ) Fil-punti 22 u 23 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2006, Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitati aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2) l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl issostni li l-kawża, b’mod analogu mal-kawża Stadt Halle, għandha l-karatteristika ewlenija li l-“kuntratt” ma jingħatax direttament lis-suġġett li fih il-korp lokali jipparteċipa direttament, imma kien f’xenarju ta’ parteċipazzjoni indiretta.

( 43 ) Sentenza Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 39).

( 44 ) Jennert (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 41, p. 625) titkellem dwar l-“evalwazzjoni globali”.

( 45 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 40).

( 46 ) Sentenza Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37).

( 47 ) Ibid, punti 38 sa 40.

( 48 ) Ibid, punt 38.

( 49 ) Sentenza Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37): “Il-fatt li l-awtorità aġġudikatriċi tikkontrolla, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra, it-totalità tal-kapital ta’ kumpannija rebbieħa jwassal sabiex jindika, mingħajr ma jkun deċisiv, li din l-awtorità aġġudikatriċi teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha, fis-sens tal-punt 50 tas-sentenza Teckal [iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8]”.

( 50 ) Billi kontroll ta’ maġġoranza ma jiġix eskluż a priori, ara wkoll Fenoyl, Contrats “in house” — état des lieux après l'arrêt Asemfo, AJDA 2007, p. 1759 et seq, partikolarment il-paġna 1761.

( 51 ) Egger (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 169, punt 626) ġustament jitkellem fuq preżunzjoni ribattibbli.

( 52 ) Ara aktar ’il fuq, punt 55 et seq  ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Dan jinnotawh anki Pape/Holz, fi Vergabefreie In-house-Geschäfte, NJW 2005, p. 2264 et seq, partikolarment p. 2265. Huma jikkunsidraw li għalkemm abbażi ta’ analiżi sempliċiment formali kooperazzjoni fost diversi korpi pubbliċi ma tistax titqies bħala kuntratt “in house”, għaliex id-drittijiet ta’ vot tas-soċji l-oħrajn ma jippermettux, minnhom innifishom, li jiġi stabbilit jekk kull soċju jeżerċitax fuq korp kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq dipartimenti tiegħu, abbażi ta’ analiżi funzjonali huwiex opportun li hija tiġi kkunsidrata bħala għoti ta’ kuntratt “in house”.

( 54 ) Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Cosmas ta’ l-1 ta’ Lulju 1999, Teckal (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 61).

( 55 ) Sentenza Teckal (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).

( 56 ) Sentenza Coname (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 23 u 24). F’dak il-każ, fil-proċediment prinċipali l-kumpannija inkwistjoni kienet, ta’ l-anqas parzjalment, miftuħa għall-kapital privat, ara l-punt 26 tas-sentenza Coname.

( 57 ) Sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq, punti 58 sa 60). Il-punt 59 jgħid hekk: “F'dan ir-rigward, ma tistax tiġi sostnuta t-teżi li tgħid li l-imsemmija kundizzjoni ġiet sodisfatta biss mill-kuntratti mwettqa fuq ordni ta' l-Istat Spanjol, bl-esklużjoni ta' dawk li kienu s-suġġett ta’ ordni tal-Komunitajiet awtonomi li fid-dawl tagħhom Tragsa għandha tiġi kkunsidrata bħala parti terza”. Il-punt 61 jiċċara li din l-osservazzjoni ma tirrigwardax ir-Reġjuni awtonomi kollha ta’ Spanja, għalkemm Tragsa taġixxi għan-nom ta’ kollha (ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed tat-28 ta’ Settembru 2006, Asociación Nacional de Empresas Forestales [Asemfo], (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 13 u 14), imma dawk biss li għandhom sehem mill-kapital ta’ Tragsa.

( 58 ) Mis-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 37, punt 13, il-ħames paragrafu) jirriżulta dan li ġej dwar id-dritt nazzjonali: “[…] il-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ ħarsien u ta’ kontroll ta’ Tragsa u s-sussidjarji tagħha, jitwettqu mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, tas-Sajd u ta’ l-Ikel, kif ukoll mill-Ministru ta’ l-Ambjent”. Il-kontroll ikun ta’ l-amministrazzjoni ċentrali u mhux tar-Reġjuni awtonomi. Bl-istess mod anki l-Avukat Ġenerali Geelhoed josserva fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006, fil-kawża Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq il-punt 37, punt 51) li r-Reġjuni awtonomi ma jeżerċitawx il-poter tagħhom ta’ kontroll u li huma ma jistgħux lanqas isostnu dak il-poter bis-saħħa tas-sehem li għandhom. Huwa biss is-soċju ta’ maġġoranza, jiġifieri l-amministrazzjoni ċentrali ta’ l-Istat Spanjol, li għandu l-poteri ta’ kontroll. Anki l-istess sentenza tgħid fil-punt 51: “Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 3(6) ta’ l-imsemmi Digriet Irjali, ir-relazzjonijiet ta' Tragsa mal-imsemmija entitajiet pubbliċi, safejn din il-kumpannija hija strument u servizz tekniku tagħhom, m’humiex ta’ natura kuntrattwali, iżda f’kull rigward, ta’ natura interna, dipendenti u kkundizzjonata”. L-argumenti ppreżentati fil-punti 59 sa 61 fuq il-kwistjoni tal-poter ta’ kontroll tar-Reġjuni awtonomi m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-istrutturi interni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, imma għandhom x’jaqsmu mal-obbligu ex lege li jagħmlu l-ħidmiet tagħhom, il-fatt li t-tariffi huma stabbiliti mill-Istat u li din m’hijiex relazzjoni kuntrattwali.

( 59 ) Il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed tat-28 ta’ Settembru 2006 fil-kawża Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq il-punt 37) jeżaminaw espressament u fid-dettall dan l-aspett u jirrilevaw nuqqas ta’ l-influwenza tar-Reġjuni (punti 98 sa 101). Jeżaminaw il-problema fil-punt ukoll Broussy/Donnat/Lambert, fi “Actualité du droit communautaire, Marché in house”, AJDA 2007 p. 1125 et seq, p. 1126.

( 60 ) Kif jenfasizza bir-raġun Müller, fi Interkommunale Zusammenarbeit im Weg der In-House-Vergabe?, Zeitschrift für Vergaberecht und Beschaffungspraxis (ZVB) 2007, p. 197 et seq, partikolarment p. 202, iċ-ċirkustanzi partikolari jinstabu, fost l-oħrajn, fl-obbligu, ex lege, li jaċċettaw li jeżegwixxu l-ħidmiet mogħtijin u fil-fatt li t-tariffi huma stabbiliti mill-awtorità. Ara wkoll Piazzoni, Précisions jurisprudentielles sur les contrats “in house”, Revue Lamy de la Concurrence: droit, économie, régulation 2007, Nru 12, p. 56 et seq, partikolarment p. 58 u Mok, Hof van Justitie van de Europese Gemeenschappen C-295/05, Nederlandse jurisprudentie; Uitspraken in burgerlijke en strafzaken 2007, Nru 417, p. 4413 et seq, partikolarment, p.  4423.

( 61 ) Fuq l-interpretazzjoni sistematika, ara, b’mod partikolari, Riesenhuber, Europäische Methodenlehre, 2006, p. 253 et seq

( 62 ) Fuq l-interpretazzjoni grammatikali, ara, b’mod partikolari, Riesenhuber, Europäische Methodenlehre, 2006, p. 250 et seq

( 63 ) Ara, fost l-oħrajn, anki Dreher, Das In-house-Geschäft, NzBau 2004, p. 14 et seq, partikolarment p. 17, li skont dan, l-element kruċjali qiegħed fin-nuqqas ta’ poter tal-kontraent li jista’ jieħu deċiżjoni. Ara wkoll Dischendorfer, The Compatibility of Contracts Awarded Directly to “Joint Executive Services” with the Community Rules on Public Procurement and Fair Competition: A Note on Case C-295/05, Asemfo v Tragsa, Public Procurement Law Review 2007, p. NA123 et seq, partikolarment p. NA129.

( 64 ) In ġenerali, fuq il-punt tan-nuqqas ta’ ċertezza legali dwar sensiela ta’ kunċetti ġuridiċi indeterminati u problemi ta’ delimitazzjoni dwar ir-rekwiżiti Teckal, ara wkoll, fost l-oħrajn, Jennert (iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 625 u 626), li tilqa’ iċ-ċertezza legali akbar miksuba permezz ta’ rekwiżiti konkreti u qrib l-esperjenza prattika li ġew speċifikati f’dik is-sentenza filwaqt li tagħti, fl-istess ħin, attenzjoni anki għal kwistjonijiet li għadhom m’humiex solvuti dwar, b’mod partikolari, il-bejgħ suċċessiv lil individwi privati ta’ ishma ta’ kumpannija komunali li jingħatalha inkarigu ħafna żmien qabel bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza in house u jikkunsidra li l-prinċipji ta’ trattament indaqs u ta’ trasparenza għandhom jiġu applikati anki fil-bejgħ ta’ ishma; konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl tat-12 ta’ Jannar 2006, fil-kawża Carbotermo u Consorcio Alisei (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 17); Söbbeke, fi Zur Konzeption des Kontrollerfordernisses bei vergabefreien Eigengeschäften, Die Öffentliche Verwaltung 2006, p. 996 et seq, partikolarment p. 997, jikkunsidra li l-inċertezzi maħluqin mis-sentenza Teckal, li għamlu anqas faċli l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni li teżenta l-figura legali tax-xenarju “in house” mill-obbligu ta’ sejħa għal kuntratt, kienu tnaqqsu suċċessivament mis-sentenzi Stadt Halle u Carbotermo.

( 65 ) Għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni lanqas huwa rilevanti l-fatt li t-twettiq kważi intern ta’ l-obbligi għandu bħala konsegwenza l-esklużjoni tal-kompetizzjoni ta’ impriżi oħrajn li huma wkoll lesti li jassumu l-obbligi inkwistjoni peress li dan huwa effett inerenti tat-twettiq kważi intern ta’ l-obbligi (Egger, iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 163, punt 600).

( 66 ) Bovis, Public Procurement in the European Union, 2005, p. 240.

( 67 ) Ara wkoll l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, fil-kawża Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 68). F’dan is-sens ukoll, anki Calsolaro jafferma fil-kumment tiegħu fuq is-sentenza Parking Brixen li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiftiehem fis-sens ta’ obbligu ta’ outsourcing (Calsolaro, S.p.a. in mano pubblica e in house providing. La Corte di giustizia CE torna sul controllo analogo: un'occasione perduta?, fi: Foro Amministrativo (Consiglio di Stato) 2006, p. 1670 et seq, partikolarment p. 1674).

( 68 ) Ara wkoll l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, fil-kawża Parking Brixen (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 71). L-applikazzjoni ġenerali tad-dritt fuq il-kuntratti għal korpi li fihom jipparteċipaw diversi korpi pubbliċi ma tolqotx din l-awtonomija ammnistrattiva (ara, fuq dan il-punt, Egger, iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 168, punt 621), imma pjuttost applikazzjoni li tmur lil hin mill-għanijiet segwiti. Ara wkoll Frenz, Rekommunalisierung und Europarecht nach dem Vertrag von Lissabon, Wettbewerb fi Recht und Praxis (WRP) 2008, p. 73 et seq, partikolarment p. 85: l-awtonomija amministattiva tal-komuni għandha titħares fl-istrutturi bażiċi tagħha għalkemm m’għandux jiġi permess il-ksur ta’ libertajiet fundamentali għall-Ewropa.

( 69 ) Iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14. Mit-tifsira letterali ta’ l-Artikolu 6(1) jirriżulta li bla preġudizzju għar-regoli aktar ġenerali stabbiliti bil-liġi, l-entitajiet lokali għandhom ikunu jistgħu huma stess jiddefinixxu l-istrutturi amministrattivi interni li beħsiebhom jadottaw biex jadattawhom għall-eżiġenzi tagħhom speċifiċi sabiex ikun hemm amministrazzjoni effikaċi.

( 70 ) Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li kien iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 306, p. 1), Artikolu 3A tat-Trattat UE futur li għadu mhux fis-seħħ. Li sar, fil-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 115, p. 1), Artikolu 4 tat-Trattat UE, li għadu mhux fis-seħħ.

( 71 ) Sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 48).

( 72 ) It-tieni rekwiżit Teckal (twettiq tal-parti l-aktar importanti ta’ l-attività tagħha mal-korp jew korpi lokali li jikkontrollawha) jistabbilixxi l-possibbilità li jingħataw ċerti ħidmiet lil terzi. Minn naħa hemm is-saturazzjoni (temporanja) tar-riżorsi, imma wkoll, per eżempju, kif turi s-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), it-teħid sistematiku (irregolat mil-liġi) ta’ ħidmiet għal korpi pubbliċi oħrajn (f’dan il-każ partikolari, għar-Reġjuni awtonomi kollha ta’ Spanja, fejn erbgħa minnhom biss għandhom parteċipazzjoni żgħira).

( 73 ) Jennert (iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 626).

( 74 ) U miegħu wieħed jirrikorri wkoll eventwalment għan-know how estern.

( 75 ) Jennert (iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 626).

( 76 ) Fost il-ħidmiet x’aktarx tradizzjonali tal-komuni u tal-korpi lokali għandu jkun hemm, fost l-oħrajn, li jiġu ggarantiti s-servizzi hekk imsejħin bażiċi, bħall-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-ilma, it-trasport pubbliku, ir-rimi ta’ l-iskart, l-organizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet edukattivi u kulturali kif ukoll l-organizzazzjoni u l-operat ta’ l-isptarijiet (għal aktar eżempji, ara, fost l-oħrajn, Frenz, fix-xogħol iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68, kif ukoll fi Papier, Kommunale Daseinsvorsorge im Spannungsfeld zwischen nationalem Recht und Gemeinschaftsrecht, Deutsche Verwaltungsblätter (DVBl) 2003, p. 686 et seq.

( 77 ) Li wieħed jiddefinixxi “b’mod statiku” is-servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali jwassal biex jiġi ttraskurat il-fatt li l-ħtiġijiet espressi miċ-ċittadini lill-komuni tagħhom jinbidlu speċjalment matul iż-żmien. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ interess ġenerali” ma jistax jiġi limitat billi jitqabbel, fid-dritt Komunitarju fuq il-kuntratti, ma’ dak ta’ “servizzi ta’ benefiċċji soċjali”. Per eżempju l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (kawżi magħquda C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605, punt 33 e seq) affermat li l-organizzazzjoni ta’ fieri u wirjiet hija attività ta’ interess ġenerali, billi ma tissodisfax biss l-interess ta’ l-eżibituri u tal-kummerċjanti, imma tfisser ukoll impuls għall-iskambji li jirriżultaw mill-informazzjoni mogħtija mill-konsumaturi (fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, dik il-kawża kellha x’taqsam mal-klassifikazzjoni ta’ “korp tad-dritt pubbliku”, li ma ġietx sodisfatta fil-każ ta’ Agorà u Excelsior billi l-attività ma ġietx iġġudikata bħala li għandha “natura mhux industrijali jew kummerċjali”).

( 78 ) Fuq dan il-punt ukoll, Kotschy, iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, p. 853.

( 79 ) Ħafna korpi lokali isibu ruħhom jaffrontaw ħidmiet ta’ natura soprareġjunali, per eżempju fil-qasam tat-trasport pubbliku lokali, ta’ l-iżvilupp rurali u tal-ħarsien ambjentali, li biex tiġi implimentata, il-kooperazzjoni tirrappreżenta s-soluzzjoni naturali. Għal eżempju ta’ kooperazzjoni bħal din ara s-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).

( 80 ) Minbarra l-osservazzjonijiet ta’ Gvernijiet intervenjenti, ara fuq dan il-punt, per eżempju, anki Söbbeke, iċċitat aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, p. 999; Flömer/Tomerius, Interkommunale Zusammenarbeit unter Vergaberechtsvorbehalt?, NZBau 2004, p. 660 et seq, partikolarment p. 661.

( 81 ) Il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi l-kawża, tista’ b’mod ċar tirrileva l-elementi kollha meħtieġa tas-sentenza Carbotermo (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 70): “Fil-każ fejn diversi awtoritajiet jikkontrollaw impriża, il-kundizzjoni relatata mal-parti l-kbira ta' l-attività tagħha tista' tiġi sodisfatta jekk din l-impriża teffettwa l-parti l-kbira ta' l-attività tagħha, mhux neċessarjament ma' dik jew l-oħra minn dawn l-awtoritajiet, iżda ma' dawn l-awtoritajiet meħuda fit-totalità tagħhom”.