KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-222/07

Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (UTECA)

vs

Administración General del Estado

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 12 KE — Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza — Artikoli 39 KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE — Libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE — Artikolu 87 KE — Għajnuna mill-Istat — Direttiva 89/552/KEE — Twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni — Obbligu fuq l-operaturi tat-televiżjoni, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, b’60% mill-imsemmi ffinanzjar ikun iddedikat għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju ta’ Spanja u li huma fil-parti l-kbira tagħhom prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola”

I — Introduzzjoni

1.

Liġi nazzjonali tista’ tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jiddedikaw perċentwali speċifika mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, li, iktar minn hekk, il-verżjoni oriġinali tagħha trid tkun f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru inkwistjoni? Din hija l-kwistjoni ċentrali tat-talba għal deċiżjoni preliminari li għamel it-Tribunal Supremo ( 2 ) Spanjol lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

2.

Fil-kawża prinċipali, l-Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (UTECA), li hija assoċjazzjoni tax-xandara televiżivi kummerċjali stabbiliti fi Spanja, tikkontesta l-obbligu impost mid-dritt Spanjol fuq l-operaturi tat-televiżjoni biex jiddedikaw 5% mid-dħul annwali tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej u li jirriżervaw 6% minn dan l-iffinanzjar għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja ( 3 ).

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE u mad-dritt Ewropew fuq l-għajnuna mill-Istat.

4.

M’hemmx għalfejn jingħad li apparti l-impatt ekonomiku tagħha, wieħed ma jistax jissottovaluta l-importanza tar-risposta għal din id-domanda għall-politika kulturali ta’ diversi Stati Membri u tal-Komunità kollha. L-interess li qajmet din il-kawża jixhduh l-ewwel nett il-parteċipazzjoni attiva ta’ serje sħiħa ta’ gvernijiet nazzjonali fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

5.

Apparti d-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa magħmul mid-Direttiva 89/552/KEE ( 4 ) — magħrufa wkoll bħala “Televiżjoni mingħajr fruntieri”— fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva 97/36/KE ( 5 ) ( 6 ).

6.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu II tad-Direttiva 89/552 jinkludu l-Artikolu 3(1) li jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu lix-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex iħarsu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

7.

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 89/552, li huwa intitolat “Promozzjoni tad-distribuzzjoni u l-produzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni” jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 6.

8.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/552 jiddisponi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw għal xogħlijiet Ewropej, fis-sens ta’ l-Artikolu 6, proporzjon ta’ maġġoranza tal-ħin ta’ trasmissjoni tagħhom […] Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandar dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jinkiseb progressivament, skont il-bażi ta’ kriterji xierqa.”

9.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552 jiddisponi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw mill-inqas 10% tal-ħin tat-trasmissjoni tagħhom […] jew alternattivament, għad-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru, mill-inqas 10% tal-budget ta’ l-ipprogrammar tagħhom, għal xogħlijiet Ewropej maħluqa minn produtturi li huma indipendenti minn xandara. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandara dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jintlaħaq progressivament, skont il-bażi ta’ kriterji xierqa; għandu jintlaħaq billi jiġi assenjat proporzjon adegwat għal xogħlijiet riċenti, jiġifieri xogħlijiet trasmessi fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.”

10.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/552 fih id-definizzjoni li ġejja:

“1.   Fis-sens ta’ dan il-Kapitolu, ‘xogħlijiet Ewropej’ ifisser dan li ġej:

a)

xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri;

[…]

2.   Ix-xogħlijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) huma xogħlijiet l-aktar magħmula b’awturi u ħaddiema li joqogħdu fi Stat wieħed jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) sakemm jikkonformaw ma waħda mit-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ikunu saru minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

b)

il-produzzjoni tax-xogħlijiet hija sorveljata u effettivament ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

ċ)

il-kontribuzzjoni tal-ko-produtturi ta’ dawk l-Istati għall-ispejjeż tal-ko-produzzjoni hija preponderanti u l-koproduzzjoni m’hijiex ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbiliti barra dawk l-Istati […]”

11.

Barra minn hekk, il-premessi tlettax, dsatax, tnejn u għoxrin, tlieta u għoxrin u sitta u għoxrin tad-Direttiva 89/552 jiddisponu dan li ġej:

“(13)

Billi din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi meħtieġa biex tiġi garantita l-libertà tat-trasmissjoni fix-xandir; billi, għalhekk, ma tolqotx ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni — inklużi s-sistemi ta’ liċenzjar, awtorizzazzjoni amministrattiva jew tassazzjoni — l-iffinanzjar u l-kontenut ta’ programmi; billi l-indipendenza ta’ żviluppi kulturali fl-Istati Membri u l-preservazzjoni tad-diversità kulturali fil-Komunità għalhekk jibqgħu mhux milquta;

(19)

Billi l-ħtiġiet minimi fir-rigward tal-programmi kollha pubbliċi u privati tat-televiżjoni tal-Komunità għal produzzjonijiet Ewropej awdjoviżwali kienu mezz biex jippromwovu l-produzzjoni, l-produzzjoni indipendenti u d-distribuzzjoni fl-industriji msemmija hawn fuq u jikkomplementaw strumenti oħrajn li diġà qegħdin jew ser jiġu proposti biex jiffavorixxu l-istess objettiv;

[…]

(22)

Billi huwa importanti li jiġu mfittxija strumenti u proċeduri approprjati skont il-liġi tal-Komunità sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi bl-iskop li jiġu adottati miżuri addattati sabiex jinkoraġġixxu l-attività u l-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni awdjoviżwali Ewropea, partikolarment f’[p]ajjiżi b’kapaċità baxxa għall-produzzjoni awdjoviżwali jew żona ristretta tal-lingwa;

(23)

Billi skemi nazzjonali ta’ sostenn għall-iżvilupp tal-produzzjoni Ewropea jistgħu jiġu applikati sa fejn dawn jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità;

[…]

(26)

Billi sabiex ikun hemm lok għal politika attiva favur lingwa speċifika, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti partikolarment skont il-bażi tal-kriterji tal-lingwa, sakemm dawn ir-regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari ma jkunux applikabbli għat-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet li joriġinaw fi Stati Membri oħrajn”.

12.

Sussidjarjament, jeħtieġ ukoll li ssir referenza għall-premessi 44 u 45 tad-Direttiva 97/36, li jipprovdu s-segwenti:

“(44)

Billi l-politika tad-Direttiva 89/552/KEE u ta’ din id-Direttiva ġiet adottata sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni meħtieġa u suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ xandiriet televiżivi fil-Komunità; billi l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li japplikaw għax-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom regoli aktar iddettaljati jew aktar stretta fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, inklużi, inter alia, regoli dwar il-kisba ta’ għanijiet ta’ politika dwar il-lingwa, il-protezzjoni ta l-interess pubbliku fejn għandu x'jaqsam ir-rwol tat-televiżjoni bħala fornitur ta’ informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment, il-ħtieġa li jiġi salvagwardjat il-pluraliżmu fl-industrija ta l-informazzjoni u l-media, u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni bil-għan li jiġi evitat l-abbuż ta pożizzjonijiet dominanti u/jew l-istabbiliment jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti permezz ta’ inkorporazzjoni, ftehim, akkwisti jew inizjattivi simili; billi dawk ir-regoli għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità;

(45)

Billi l-għan li tingħata għajnuna lill-produzzjoni awdjoviżivi fl-Ewropa jista jiġi segwit fl-Istati Membri fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni tas-servizzi tax-xandir tagħhom, inter alia, permezz tad-definizzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku għal ċerti organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluża l-obbligazzjoni li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investiment fil-produzzjoni Ewropea”.

B — Dritt internazzjonali

13.

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali ( 7 ) ġiet adottata fl-20 ta’ Ottubru 2005 f’Pariġi, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-edukazzjoni, xjenza u kultura tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO). Apparti l-Komunità Ewropea, il-kontraenti f’din il-konvenzjoni jinkludu l-parti l-kbira tal-Istati Membri ( 8 ). Il-Konvenzjoni UNESCO daħlet fis-seħħ fit-.

14.

Il-preambolu tal-Konvenzjoni UNESCO jikkonferma b’mod partikolari li d-diversità kulturali “hija karatteristika inerenti fl-umanità” ( 9 ), li tikkostitwixxi “wirt komuni ta’ l-umanità u għandha tiġi mgħożża u ppreservata għall-ġid ta’ kulħadd” ( 10 ). Hija tenfasizza “l-importanza tad-diversità kulturali sabiex realizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali pproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti oħrajn rikonoxxuti universalment” ( 11 ). Barra minn hekk, hija tirrileva li “d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali” ( 12 ).

15.

Skont l-ewwel Artikolu tagħha, il-Konvenzjoni UNESCO, b’mod partikolari, għandha l-għan:

“a)

li tħares u tippromwovi d-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali;

[…]

h)

li terġa’ tafferma d-drittijiet sovrani ta’ l-Istati li jżommu, jadottaw u jimplimentaw politika u miżuri li huma jikkunsidraw adattati għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom; […]”

16.

Fost l-ewwel prinċipji gwida tal-Konvenzjoni UNESCO, l-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni jiddeskrivi l-prinċipju ta’ sovranità bil-mod kif ġej:

“B’mod konformi mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, l-Istati għandhom id-dritt sovran li jadottaw miżuri u politika sabiex jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom.”

17.

Fl-artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet jaffermaw mill-ġdid,

“[…] f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prinċipji ta’ liġi internazzjonali u strumenti rikonoxxuti universalment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jaffermaw mill-ġdid id-dritt sovran tagħhom li jifformulaw u jimplimentaw il-politika kulturali tagħhom u li jadottaw miżuri sabiex jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali […]”

18.

L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni jiddisponi:

“1.   Fil-qafas tal-politika u l-miżuri kulturali tagħha kif definit fl-Artikolu 4.6, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet partikolari tagħha stess, kull Parti tista’ tadotta miżuri mmirati lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħha.

2.   Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

(i)

miżuri regolamentari li għandhom l-għan li jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali;

(ii)

miżuri li, b’mod adattat, joffru l-opportunitajiet għal attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali nazzjonali fost dawk kollha disponibbli fit-territorju nazzjonali għall-kreazzjoni, il-produzzjoni, ix-xandir, id-distribuzzjoni u t-tgawdija ta’ tali attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali nazzjonali, inklużi d-disposizzjonijiet relatati mal-lingwa użata għal tali attivitajiet, prodotti u servizzi […]”

19.

L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni UNESCO jirregola r-relazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma’ strumenti oħra bil-mod kif ġej:

“1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li għandhom iwettqu b’rieda tajba l-obbligi tagħhom taħt din il-Konvenzjoni u t-trattati l-oħra kollha li huma parti għalihom. Għaldaqstant, mingħajr ma’ din il-Konvenzjoni tiġi subordinata għal kwalunkwe trattat ieħor:

a)

huma għandhom irawmu s-sostenn reċiproku bejn din il-Konvenzjoni u t-trattati l-oħra li tagħhom jagħmlu parti; u

b)

filwaqt li jinterpretaw u japplikaw it-trattati l-oħra li tagħhom jagħmlu parti jew meta jkunu qed jidħlu f’obbligi internazzjonali oħra, il-Partijiet għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jkun interpretat bħala li jimmodifika d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt kwalunkwe trattat ieħor li għalih huma parti.”

C — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20.

Id-dispożizzjonijiet Spanjoli fuq it-televiżjoni u ċ-ċinema jinkludu l-Liġi 25/1994 tat-12 ta Lulju 1994 ( 13 ), li ttrasponiet id-Direttiva 89/552 fid-dritt Spanjol. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, intitolat “Xogħlijiet Ewropej”, ġie emendat diversi drabi. Il-verżjoni rilevanti f’dan il-każ hija dik emendata bil-Liġi 22/1999 tas-7 ta’ Ġunju 1999 ( 14 ) u bit-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2001 tad- ( 15 ).

21.

F’din il-verżjoni, l-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994 taqra skont kif ġej:

“L-operaturi tat-televiżjoni għandhom jirriżervaw 51% tal-ħin tat-trasmissjoni annwali tagħhom għax-xandir ta’ xogħolijiet awdjoviżivi Ewropej.

L-operaturi tat-televiżjoni li għandhom ir-responsabbiltà editorjali ta’ stazzjonijiet televiżivi li l-programmi tagħhom jinvolvu films twal ċinematografiċi prodotti reċentament, jiġifieri li ma jkunux eqdem minn seba’ snin mid-data tal-produzzjoni tagħhom, kull sena għandhom jirriżervaw ta’ mill-inqas, 5% tal-ammont totali tad-dħul irċevut fis-sena tan-negozju preċedenti, skont il-kont tal-operat tagħhom, għall-iffinanzjar antiċipat tal-produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal u qosra u ta’ films tat-televiżjoni Ewropej, inkluż dawk li jaqgħu taħt il-każijiet ikkontemplati fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi li tiffavorixxi u tippromwovi ċ-ċinematografija u s-settur awdjoviżiv. 60% ta’ dan l-iffinanzjar huwa destinat għall-produzzjonijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja.

Għal dan il-għan, b’films tat-televiżjoni wieħed għandu jifhem ix-xogħolijiet awdjoviżivi li l-karatteristiċi tagħhom huma simili għal dawk ta’ films twal ċinematografiċi, jiġifieri ix-xogħolijiet li jdumu iktar minn sittin minuta bi tmiem finali, li l-karatteristika tagħhom hija li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom ma tinkludix li dawn jiġu murija fis-swali taċ-ċinema; u bid-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni, wieħed għandu jifhem dak id-dħul provenjenti mill-programmi u mill-użu tal-istazzjon jew stazzjonijiet televiżivi li jagħtu lok għall-obbligu inkwistjoni, kif rifless fil-kontijiet tal-operat tagħhom li jkunu suġġetti għall-verifika.

Il-gvern, wara konsultazzjoni mas-setturi kollha interessati, jista’ b’liġi jistabbilixxi d-dewmien rikjest biex xogħol adwjoviżiv jiġi kkunsidrat bħala film tat-televiżjoni”.

22.

Id-Digriet Irjali 1652/2004, tad-9 ta’ Lulju 2004, approva r-“regolament dwar l-investiment obbligatorju għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi twal u qosra u films tat-televiżjoni, Ewropej u Spanjoli” ( 16 ). Dan id-digriet fih dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-liġi Nru 25/1994 f’dak li jikkonċerna l-iffinanzjar ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi Ewropej; b’mod partikolari huwa jirregola l-kalkolu tal-fatturat tal-operaturi tat-televiżjoni kif ukoll il-kalkolu tal-kwota riżervata għall-akkwist ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi Ewropej. Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha inkorsi mill-operatur tat-televiżjoni għall-produzzjonijiet proprji tiegħu, l-ordnijiet ta’ produzzjoni, il-koproduzzjonijiet u l-akkwist ta’ drittijiet ta’ xandir ta’ xogħlijiet awdjoviżivi.

23.

Għal dak li jikkonċerna l-proċedura, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha l-informazzjoni addizzjonali segwenti: fi Spanja, il-persuni legali tad-dritt privat li jiġu affettwati b’regolament ta’ natura ġenerali għandhom locus standi biex jikkontestaw l-imsemmi regolament quddiem il-qrati u biex dan jiġi annullat. Meta dawn id-dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali jkunu ġejjin mill-Kunsill tal-ministri Spanjol, l-analiżi tagħhom taqa’, fl-ewwel u fl-aħħar istanza, taħt is-sezzjoni tal-kawżi amministrattivi tat-Tribunal Supremo, li tiżgura l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-gvern.

III — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

24.

Fis-16 ta’ Settembru 2004, l-UTECA ppreżentat quddiem it-Tribunal Supremo Spanjol (iktar ’il quddiem, il-“Qorti tar-Rinviju”) rikors sabiex id-Digriet Irjali 1652/2004 jiġi ddikjarat null.

25.

Ir-rikors huwa intiż sabiex ma jiġix applikat id-digriet irjali kkontestat u r-regoli ġuridiċi li fuqhom huwa bbażat u dan minħabba li, skont l-UTECA, id-digriet jikser diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Spanjola u jmur kontra d-dritt Komunitarju.

26.

Il-pretensjonijiet tal-UTECA huma kkontestati mill-amministrazzjoni tal-Istat Spanjol ( 17 ), mill-Federación de Asociaciones de Productores Audiovisuales Españoles (iktar ’il quddiem il-“FAPAE”) li hija assoċjazzjoni ta’ produtturi Spanjoli fis-settur awdjoviżiv, u mill-Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (iktar ’il quddiem l-“EGEDA”) li hija organizzazzjoni għall-ġestjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-produtturi ta’ xogħlijiet awdjoviżivi.

IV — It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

B’deċiżjoni tat-18 ta’ April 2007 ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-, it-Tribunal Supremo ssospenda l-proċeduri u ressaq it-tliet domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

a)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, jippermetti lill-Istati Membri li jimponu fuq l-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali, li barra milli tipprovdi l-obbligu msemmi ta’ ffinanzjar antiċipat, tirriżerva 60% mill-imsemmi ffinanzjar obbligatorju għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija l-Ispanjol, hijiex konformi mad-direttiva msemmija u mal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħra li għalihom dan jagħmel referenza?

ċ)

L-obbligu impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-operaturi tat-televiżjoni li jikkonsistu f’li dawn jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi, li 60% minnu għandu jkun riżervat speċifikament għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom tkun l-Ispanjol u li fil-parti l-kbira tagħhom ikunu prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur din l-industrija fis-sens tal-Artikolu 87 KE?

28.

Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali u bil-miktub minn l-UTECA, il-FAPAE, l-EGEDA, mill-gvernijiet tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Ġew ukoll ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika tal-Polonja.

V — Kunsiderazzjonijiet

A — Fuq l-ewwel domanda: kumpatibbiltà ta’ obbligu tal-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej mad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”

29.

L-ewwel domanda tat-Tribunal Supremo tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/552. Essenzjalment, id-domanda hija intiża biex din issir taf jekk Stat Membru jistax — lil hinn mill-kwoti previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva — joblliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jiddedikaw perċentwali partikolari mid-dħul tal-operat tagħhom fis-sena għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej. Fi kliem ieħor, tirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” tħalli lill-Istati Membri fil-qasam tal-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej.

1. Osservazzjoni preliminari

30.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jeħtieġu li xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jistabbilixxu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti bid-direttiva.

31.

Din id-dispożizzjoni turi l-fatt li d-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ma tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-operaturi tat-televiżjoni, iżda tistabbilixxi sempliċement regoli minimi għat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni li huma jxandru ( 18 ).

32.

Madankollu din bl-ebda mod ma tgħid li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti jew iktar dettaljati għall-operaturi tat-televiżjoni biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”. Ċertament, ir-referenza għall-“oqsma koperti b[id-]”direttiva li hemm fl-Artikolu 3(1) tista’ tagħti x’tifhem dan. Madankollu, din id-diċitura hija sempliċement intiża li tippreċiża li, anke fl-oqsma koperti mid-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti mil-leġiżlatur Komunitarju. Mill-bqija, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li għandhom impatt fuq l-attività tal-operaturi tat-televiżjoni jistgħu jiġu adottati wkoll fl-oqsma totalment estranji għad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”  ( 19 ).

33.

Biex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, huwa b’hekk irrilevanti li l-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat ta’ ċerti films Ewropej, bħal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni, tkun tirrigwarda qasam kopert mid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” jew li din tevita kompletament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi imposti mid-direttiva.

34.

Madankollu, ir-“regoli aktar dettaljati jew aktar stretti” adottati mill-Istati Membri m’għandhomx jikkuntrastaw mat-termini u oġġettivi tad-direttiva u m’għandhomx jiksru dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju ( 20 ). Il-kunsiderazzjonijiet segwenti huma ddedikati għal-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri.

2. L-ineżistenza ta’ projbizzjoni ġenerali fuq ir-regoli nazzjonali fuq l-iffinanzjar antiċipat

35.

Id-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ma timponi ebda obbligu konkret fuq l-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-iffinanzjar jew l-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej ( 21 ).

36.

Iżda hija lanqas ma tipprojbixxihom milli jintroduċu liġijiet fuq dan is-suġġett fil-liġi domestika tagħhom. Is-silenzju tad-direttiva ma jfissirx fil-fatt li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jadottaw dan it-tip ta’ liġijiet. Fil-fatt, mill-banda l-oħra, kif jindika l-preambolu tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, hija ma taffettwax il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-iffinanzjar u l-kontenut tal-programmi ( 22 ).

37.

Għaldaqstant, u b’kuntrast ma’ dak li jaħsbu l-UTECA u l-Gvern tal-Polonja, il-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli lill-Istati Membri mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552 mhuwiex limitat għall-iffissar ta’ kwoti ta’ xandir televiżiv ta’ xogħlijiet Ewropej u r-regolazzjoni tagħhom xi ftit jew wisq stretta jew dettaljata fil-liġi domestika. Għall-promozzjoni tax-xandir u tal-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, fil-fatt huma mhumiex obbligati li jżommu mal-istrumenti previsti fl-Artikoli 4 u 5 tad-direttiva.

38.

Mill-banda l-oħra, ir-“regoli aktar dettaljati jew aktar stretti” li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552 jinkludu sensiela wiesa’ ta’ miżuri nazzjonali possibbli. Il-leġiżlatur Komunitarju nnifsu kkonfermaha meta emenda d-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” fl-1997 bid-Direttiva 97/36 u, fil-premessa 44 tal-istess Direttiva 97/36, huwa semma l-oqsma diversi li jistgħu jiġu rregolati mingħajr ma jeżawrixxihom, u dan kif jixhed l-użu tat-terminu “inter alia” ( 23 ). Il-premessa 45 tad-Direttiva 97/36 titkellem espressament ukoll fuq l-obbligazzjoni “li jikkontribwixxu […] għall-investiment fil-produzzjoni Ewropea”.

39.

Għaldaqstant, mid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” wieħed ma jistax jiddeduċi ebda projbizzjoni ġenerali fuq il-liġijiet li jikkonċernaw l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola ( 24 ).

3. M’hemm l-ebda projbizzjoni li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-iffinanzjar antiċipat jiġu inklużi l-operaturi tat-televiżjoni privati

40.

Skont l-UTECA, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552 ma jippermettix lill-Istati Membri li jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti ħlief għal ċerti operaturi tat-televiżjoni, li tingħatalhom missjoni ta’ interess pubbliku. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Protokoll fuq is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri ( 25 ).

41.

Jiena minix tal-istess fehma. Fuq livell ġenerali, id-distinzjoni bejn l-operaturi tat-televiżjoni privati u pubbliċi jew mogħtija missjoni ta’ interess pubbliku hija estranja għad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”. B’mod iktar speċifiku, id-diċitura tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552, li qed nitkellmu fuqu, ma fiha xejn li tista’ tiġġustifika din id-distinzjoni.

42.

Ċertament, fil-mument li saret l-emenda lid-direttiva fl-1997, il-leġiżlatur Komunitarju ppreċiża li ċerti operaturi tat-televiżjoni jistgħu jingħataw missjoni ta’ interess pubbliku, li tista’ tinvolvi l-obbligu li jikkontribwixxu għall-investiment fil-produzzjoni Ewropea ( 26 ).

43.

Minn daqshekk, wieħed ma jistax jiddeduċi li huma biss l-operaturi li jingħataw din il-missjoni ta’ interess pubbliku li jistgħu legalment ikunu obbligati li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej. Mill-banda l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jimponu dan l-obbligu ta’ ffinanzjar antiċipat fuq l-operaturi tat-televiżjoni kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, sabiex b’hekk jikkontribwixxi għall-iktar implimentazzjoni effettiva possibbli tas-sistema ta’ kwoti għax-xandir ta’ xogħlijiet Ewropej (ara l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552) ( 27 ).

44.

Fi ftit kliem, m’hemm xejn fid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” li tipprojbixxi li l-operaturi tat-televizjoni privati jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat.

4. L-oġġettivi tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-iffinanzjar antiċipat

45.

Fir-rigward tal-oġġettivi tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat il-preambolu sabiex jintwera li l-leġiżlatur Komunitarju ta importanza partikolari għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni Ewropej u xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ( 28 ). Dan jirriżulta wkoll mill-Kapitolu III, li t-titolu tiegħu juri li d-direttiva hija intiża biex tippromwovi mhux biss id-distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni, imma wkoll il-produzzjoni tagħhom.

46.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar antiċipat ta’ ċerti films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni Ewropej u ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u għaldaqstant hija kumpatibbli mal-oġġettivi tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ( 29 ). Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni hija ġġustifikata wkoll minħabba raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-libertajiet fundamentali ( 30 ).

47.

Barra minn hekk, il-konkretizzazzjoni tar-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” għax-xandir ta’ xogħlijiet Ewropej fuq it-televiżjoni tkun illużorja jekk, fin-nuqqas ta’ finanzjament adegwat, ma jkunx possibbli li jiġi prodott numru suffiċjenti ta’ xogħlijiet Ewropej. L-Istati Membri li jadottaw il-miżuri interni biex itejbu l-iffinanzjar ta’ produzzjonijiet Ewropej jikkontribwixxu wkoll indirettament għal din il-konkretizzazzjoni.

48.

Għaldaqstant, l-oġġettiv speċifiku tad-direttiva li tippromwovi l-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej apparti x-xandir tagħhom fuq it-televiżjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jipparteċipaw għall-iffinanzjar antiċipat ta’ ċerti films Ewropej ( 31 ).

49.

Tali leġiżlazzjoni ta’ prefinanzjament lanqas ma tikkuntrasta mal-oġġettiv primarju tad-direttiva, li huwa li tiżgura x-xandir liberu ta’ programmi tat-televiżjoni fl-Ewropa ( 32 ).

50.

Fuq livell assolutament ġenerali, l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali iktar stretti mhux bilfors jaffettwa t-twettiq tal-oġġettiv konsistenti f’li jiġi żgurat ix-xandir liberu ta’ programmi tat-televiżjoni ( 33 ).

51.

F’dan il-każ, hemm possibbiltà inqas ta’ xkiel għat-twettiq ta’ dan l-oġġettiv inkwantu l-operaturi tat-televiżjoni barranin li l-programmi tagħhom għandhom jiġu mxandra fi Spanja, bl-ebda mod ma huma suġġetti għas-sistema ta’ prefinanzjament li japplika fi Spanja.

52.

Fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Spanja, għalkemm dawn huma obbligati li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej, dan m’għandux impatt dirett fuq il-programmi tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-iffinanzjar antiċipat impost mid-dritt Spanjol huwa intiż għal implimentazzjoni iktar effettiva tas-sistema ta’ kwoti għax-xandir ta’ xogħlijiet Ewropej prevista fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552 u li tapplika għall-operaturi tat-televiżjoni kollha stabbiliti fil-Komunità.

53.

Fi kwalunkwe każ, l-obbligu ta’ ffinanzjar antiċipat jista’ jiġi kkunsidrat bħala indħil indirett fuq il-programmi tal-operatur tat-televiżjoni minħabba l-effetti tiegħu fuq il-baġit tal-istess operatur. Madankollu, bħalma l-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat, b’5% fuq id-dħul tal-operat, ma jaffettwax ħlief frazzjoni relattivament żgħira tal-baġit globali ta’ operatur tat-televiżjoni, l-effetti tiegħu jidhru wisq insinjifikanti u inċerti ( 34 ) biex jaffettwaw bis-serjetà l-libertà ta’ programmazzjoni tiegħu u konsegwentement biex jostakolaw ix-xandir liberu tal-programmi tat-televiżjoni tal-għażla tiegħu, skont id-direttiva.

54.

Fi ftit kliem, l-oġġettivi tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar antiċipat ta’ ċerti films Ewropej.

5. Osservazzjonijiet oħra

55.

Għal fini ta’ eżawriment tas-suġġett, jiena sejra finalment nittratta żewġ problemi speċifiċi mqajma mit-Tribunal Supremo fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari u li qajmulha xi dubji fir-rigward tal-kumpatibbiltà mad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ta’ leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola.

a) Ċerti kategoriji ta’ xogħlijiet Ewropej jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ liġi domestika fuq l-iffinanzjar antiċipat?

56.

L-ewwel nett, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal Supremo enfasizzat partikolarment li l-obbligu ta’ ffinanzjar antiċipat impost fuq l-operaturi tat-televiżjoni Spanjoli ma jestendix għax-xogħlijiet Ewropej kollha fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, imma biss fuq numru minnhom, jiġifieri l-films ċinematografiċi u l-films tat-televiżjoni li jdumu iktar minn 60 minuta u li mhumiex magħmulin minn diversi episodji.

57.

Kif diġà osservajt ( 35 ), id-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ma timponix li l-Istati Membri, fil-liġi domestika tagħhom, jirregolaw l-iffinanzjar, antiċipat u mhux, ta’ xogħlijiet Ewropej. Konsegwentement, hija lanqas ma tgħid liema xogħlijiet Ewropej jistgħu jew għandhom, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ tali sistema nazzjonali ta’ ffinanzjar antiċipat. Fil-prinċipju għalhekk, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu l-metodi dettaljati tas-sistema ta’ ffinanzjar antiċipat tagħhom u li jippreċiżaw liema xogħlijiet għandhom jibbenefikaw minnha.

58.

Kwalunkwe restrizzjonijiet tad-dritt Komunitarju f’dan il-każ, ma jistgħux jirriżultaw ħlief mill-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament jew tan-nondiskriminazzjoni, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 36 ) u li għandu jiġi osservat mill-Istati Membri meta japplikaw dan id-dritt Komunitarju ( 37 ). Inkwantu, kif rajna, is-sistema Spanjola ta’ ffinanzjar antiċipat intiża sabiex tippromwovi l-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, hija fil-fatt tmiss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” ( 38 ).

59.

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tan-nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 39 ).

60.

Ċertament, il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat tagħmel differenza bejn il-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li jdumu iktar minn 60 minuta u xogħlijiet oħra, fosthom is-serje tat-televiżjoni. Fir-rigward dwar jekk dawn humiex sitwazzjonijiet komparabbli jew differenti u jekk il-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat hijiex oġġettivament iġġustifikata, dan jiddependi min-numru kbir ta’ fatturi li biex jiġu evalwati jeħtieġ li l-leġiżlatur nazzjonali jkollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni ( 40 ).

61.

B’hekk id-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” tenfasizza partikolarment il-ħtieġa li jiġu sostnuti l-produtturi indipendenti ( 41 ). Jista’ jkun xieraq ukoll li jingħata ffinanzjar antiċipat għax-xogħlijiet li l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom huma komparattivament għoljin u li t-twettiq tagħhom jinvolvi xi diffikultajiet partikolari. Iż-żewġ perspettivi jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni ta’ iktar min 60 minuta mhumiex paragunabbli max-xogħlijiet l-oħra, b’mod partikolari s-serje tat-televiżjoni, jew fi kwalunkwe każ huwa oġġettivament iġġustifikat li dawn jingħataw trattament partikolari.

62.

Ebda evalwazzjoni definittiva ma tista’ madankollu ssir abbażi tal-ftit informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-bqija, l-evalwazzjoni tal-fatti tal-każ li qed jiġi eżaminat u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għal dawn il-fatti jaqgħu assolutament taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju ( 42 ).

b) L-operaturi tat-televiżjoni li għandhom biss numru minimu ta’ films ċinematografiċi ta’ produzzjoni reċenti jistgħu jiġu obbligati jikkontribwixxu għall-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej?

63.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal Supremo osservat ukoll li l-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat jaqa’ fuq kull operatur li fil-programm tiegħu jinkludi films ċinematografiċi ta’ produzzjoni reċenti ( 43 ), anke jekk il-films ċinematografiċi jkollhom post minimu jew negliġibbli fil-programmi tiegħu.

64.

Kif diġà enfasizzajt ( 44 ), l-Istati Membri fil-prinċipju huma liberi li jistabbilixxu l-metodi tas-sistema nazzjonali tagħhom tal-iffinanzjar antiċipat. F’dan il-kuntest, huma għandhom id-dritt ukoll li jgħidu liema operaturi għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat.

65.

F’dan ir-rigward, kull restrizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tistax tirriżulta ħlief mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ( 45 ) u mill-prinċipju tal-proporzjonalità ( 46 ).

66.

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni tidher li timponi l-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej fuq kull operatur tat-televiżjoni bl-istess mod. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tgħid jekk is-sitwazzjoni tal-operaturi tat-televiżjoni li jkollhom biss numru minimu ta’ films ċinematografiċi huwiex verament komparabbli ma’ dik ta’ operaturi oħra. Jekk dan ma jkunx hekk, hija trid teżamina jekk l-ugwaljanza fit-trattament jistax madankollu jkun iġġustifikat oġġettivament fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat. F’dan ir-rigward ukoll, jeħtieġ li l-leġiżlatur nazzjonali jingħata ċerta marġni ta’ diskrezzjoni ( 47 ).

67.

Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, dan jeżiġi li l-atti adottati m’għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-oġġettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, salv għall-fatt illi, meta l-għażla tkun bejn diversi miżuri xierqa, ikun opportun li wieħed jirrikorri għal dik li tkun l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkaġunati m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet ikkontemplati ( 48 ). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha tgħid b’mod partikolari jekk l-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej jikkostitwixxix piż eċċessiv għall-operaturi tat-televiżjoni li jkollhom biss numru minimu ta’ films ċinematografiċi, anke jekk b’5% mid-dħul tal-operat, dan l-obbligu ma jolqotx ħlief frazzjoni relattivament żgħira mill-baġit totali tal-operatur.

68.

L-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li tingħata deċiżjoni b’mod definittiv fuq ebda minn dawn il-kwistjonijiet. Iżda, kif diġà rrilevajt ( 49 ), l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għal dawk il-fatti jaqgħu assolutament taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju.

6. Konklużjoni intermedja

69.

Fil-qosor jiena nikkonstata dan li ġej:

Id-Direttiva 89/552 b’mod ġenerali u l-Artikolu 3 b’mod partikolari ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li l-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom annwali għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, dejjem jekk dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kompatibbli mar-regoli l-oħra tad-dritt Komunitarju.

B — Fuq it-tieni domanda: il-libertajiet fundamentali u l-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat ta’ xogħlijiet Ewropej prodotti f’ċerti lingwi

70.

L-eżami tat-tieni domanda huwa meħtieġ jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fis-sens li jien ipproponejt. Din it-tieni domanda hija intiża essenzjalment sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru jistax, legalment, jobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jiddedikaw 60% mill-iffinanzjar antiċipat obbligatorju għal films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej li l-lingwa oriġinali tagħhom hija rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali f’dak l-Istat Membru ( 50 ).

1. Osservazzjonijiet preliminari

71.

Bil-mod kif inhi redatta, it-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/552 u tal-prinċipju Komunitarju tal-projbizzjoni tan-nondiskriminazzjoni.

72.

Rigward id-Direttiva 89/552, jiena diġà rrilevajt fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda ( 51 ), li din ma timponi ebda obbligu partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-iffinanzjar jew l-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi, dejjem bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni tibqa’ kumpatibbli mar-regoli l-oħra tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE ( 52 ). Għaldaqstant huwa biss taħt dan l-aspett li jiena ser neżamina iktar ’il quddiem it-tieni domanda preliminari.

73.

Inkwantu t-tieni domanda tirreferi għall-prinċipju ġenerali tan-non diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE, jeħtieġ li jiġi mfakkar li dan l-Artikolu mhuwiex intiż li japplika b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li għalihom it-Trattat ma jipprovdix regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni ( 53 ). Kif sejrin naraw, din il-kawża tirrigwarda diversi libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, b’mod li mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-Artikolu 12 KE fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

2. Il-libertajiet fundamentali rilevanti u r-restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet

74.

Il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jiddedikaw perċentwali speċifika mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali rikonoxxuti fi Spanja.

75.

Ċertament, fit-teorija, dawn il-films jistgħu jiġu prodotti fl-Istati Membri kollha. Fil-prattika madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li essenzjalment dawn huma films prodotti fi Spanja ( 54 ). Fil-fatt, biex jinġibed film f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja, l-atturi, ir-reġista, il-cameramen, l-assistenti u l-ekstras għandhom ikollhom konoxxenza suffiċjenti ta’ dik il-lingwa. Normalment, il-konoxxenza tagħhom tal-lingwa għandha — dejjem fil-każ tal-atturi — tikkorrispondi ma’ dik ta’ persuna li titkellem il-lingwa ta’ twelidu ( 55 ). Fil-Komunità, dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti speċjalment fi Spanja jew mill-Ispanjoli.

76.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jiġi naturalment ittentat li jeżamina — skont il-kunsiderazzjonijiet magħmulin mit-Tribunal Supremo u minn ċerti partijiet fil-proċedura — l-effetti tal-leġiżlazzjoni Spanjola b’mod partikolari mill-aspett tad-diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Madankollu, tali approċċ iwassal sabiex wieħed jiffoka iktar fuq effett partikolarment manifest tal-leġiżlazzjoni Spanjola, jiġifieri l-fatt li l-operaturi tat-televiżjoni huma, minn ċertu aspett, inkoraġġuti li jinvestu fi proġetti nazzjonali filwaqt li jiġu fl-istess ħin skoraġġuti milli jinvestu fi proġetti barranin. Madankollu, il-kunċett tad-diskriminazzjoni indiretta għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ħafna biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti l-oħra kollha tal-leġiżlazzjoni Spanjola, b’mod partikolari fuq il-moviment liberu tal-persuni li jipproduċu films jew jipparteċipaw fi ġbid ta’ films fl-Ewropa.

77.

Din hija r-raġuni għaliex l-effetti tal-leġiżlazzjoni Spanjola għandhom jiġu eżaminati globalment mill-aspett tar-restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, u partikolarment tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (Artikoli 49 KE u 50 KE), tal-libertà tal-istabbiliment (Artikolu 43 KE), tal-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56(1) KE) u tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 39 KE). Huwa magħruf li dawn il-libertajiet fundamentali kollha jinkludu kemm il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet ( 56 ). Il-linja li tifred id-diskriminazzjoni indiretta u r-restrizzjoni tvarja. Madankollu d-diskriminazzjoni indiretta għadha tiġi meqjusa bħala sempliċi każ partikolari ta’ restrizzjoni tal-libertà fundamentali ( 57 ). Insostenn ta’ din it-teżi, wieħed jista’ jsostni li kif inhuma miktubin, tlieta mill-erba’ libertajiet fundamentali jsemmu l-kunċett tar-restrizzjoni, imma mhux dak tad-diskriminazzjoni (Artikolu 43 KE, Artikolu 49 KE u l-Artikolu 56(1) KE). Iktar minn hekk, il-ġurisprudenza essenzjalment tapplika l-istess kriterji kemm għall-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet u kif ukoll għall-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta ( 58 ).

a) Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (Artikoli 49 KE u 50 KE)

78.

Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (Artikoli 49 KE u 50 KE) tapplika l-ewwel nett meta l-operaturi Spanjoli jkunu jixtiequ jixtru drittijiet għax-xandir mingħand produtturi ta’ Stati Membri oħra ( 59 ). Inkwantu l-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat timponi fuq l-operaturi Spanjoli l-obbligu li jiffinanzjaw il-films miġbudin f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja, hija tagħmel inqas attraenti għal dawn l-operaturi li huma jakkwistaw drittijiet għax-xandir ta’ films prodotti f’lingwi oriġinali oħra, u dan minħabba li dan l-akkwist ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat. Il-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni jaffettwaw qabel xejn il-films ta’ produtturi barranin. Fl-istess ħin, ikun inqas interessanti għall-produtturi barranin li jikkummerċjalizzaw id-drittijiet għax-xandir tal-films tagħhom fi Spanja, u dan peress li, normalment, il-lingwa oriġinali ta’ dawn il-films ma tkunx waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak il-pajjiż.

79.

Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni osservat ġustament, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tintlaqat ukoll minn aspett ieħor: meta l-atturi, ir-reġisti u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-ġbid tal-film ma jkunux impjegati, huma jkunu qegħdin jipprestaw servizz lill-produttur fis-sens tal-Artikolu 49 KE. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat tħajjar lill-produtturi Spanjoli sabiex jiġbdu l-films tagħhom prinċipalment f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tagħhom. Konsegwentement, ma tantx ikunu mħajra jingaġġaw atturi, reġisti u persuni oħra barranin, li normalment ikollhom konoxxenza inqas tajba tal-lingwi uffiċjali Spanjoli milli jkollu l-persunal lokali. Bl-istess mod, dawn il-persuni isibuha iktar diffiċli li joffru s-servizzi tagħhom lill-produtturi Spanjoli sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi ġbid ta’ film.

80.

Minn dawn l-aspetti, leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat, bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxi b’hekk restrizzjoni għall-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

b) Il-libertà tal-istabbiliment (Artikolu 43 KE)

81.

Leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola tista’ taffettwa l-libertà tal-istabbiliment minn żewġ aspetti (Artikolu 43 KE).

82.

Minn banda, hija tagħmel inqas attraenti għall-operaturi tat-televiżjoni Spanjoli li jakkwistaw kumpanniji ta’ produzzjoni ta’ Stati Membri jew — pereżempju, fil-kuntest tal-koproduzzjonijiet — li jakkwistaw sehem rilevanti f’dawn il-kumpanniji ( 60 ). Fil-fatt, għalkemm dawn il-produtturi barranin ma jiġbdux films f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja, l-attività tagħhom ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-adempiment mal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat ( 61 ).

83.

Mill-banda l-oħra, il-produtturi u r-reġisti barranin ikunu inqas imħajra li jistabbilixxu ruħhom fi Spanja jew li joħolqu fergħat jew kumpanniji sussidjarji hemmhekk, u dan peress li l-films miġbuda f’lingwi oħra li mhumiex il-lingwi uffiċjali ta’ Spanja ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni lokali fuq l-iffinanzjar antiċipat.

84.

Fuq dawn iż-żewġ punti, il-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxi b’hekk, restrizzjoni għall-libertà tal-istabbiliment.

c) Il-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56(1) KE)

85.

Il-moviment liberu tal-kapital jidħol fl-istorja meta l-operaturi tat-televiżjoni jitfgħu sempliċement kapital għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji barranin — pereżempju għall-fini ta’ koproduzzjoni — jew jakkwistaw ishma mingħajr ma jipparteċipaw fil-kontroll tal-kumpannija ( 62 ) (Artikolu 56(1) KE).

86.

Leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola hija suxxettibbli li tiskoraġġixxi lill-kumpanniji Spanjoli tat-televiżjoni milli jagħmlu l-investimenti msemmijin iktar ’il fuq f’kumpanniji barranin. Fil-fatt, inkwantu dawn il-produtturi barranin ma jiġbdux films f’lingwa oriġinali rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali fi Spanja, l-attività tagħhom ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rispett tal-obbligi imposti fuq l-operaturi tat-televiżjoni mil-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat. Hemmhekk, dik hija restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 63 ).

d) Il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 39 KE)

87.

Meta l-atturi, ir-reġisti u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fi ġbid ta’ film ikollhom l-istat ta’ impjegati tal-produttur u jaħdmu għalih fil-kuntest ta’ rabta ta’ dipendenza u bil-paga, huma jkunu ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE u jkun meħtieġ li jiġi applikat għalihom, mutatis mutandis, dak li għidt jien ( 64 ) fuq is-suġġett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat tħajjar lill-produtturi Spanjoli sabiex jiġbdu films prinċipalment fil-lingwi rikonoxxuti bħala uffiċjali fi Spanja. Konsegwentement, ma tantx ikunu mħajra jingaġġaw impjegati barranin, u dan peress li, normalment, dawn ikunu jafu l-lingwi uffiċjali Spanjoli inqas minn kif ikunu jafuhom il-persunal lokali. B’żieda ma’ dan, isir iktar diffiċli għall-barranin li joffru ruħhom bħala kandidati għal impjiegi offruti minn produtturi Spanjoli. Ir-riżultat jissarraf f’limitazzjoni fuq il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema barranin.

3. Ġustifikazzjoni

88.

Skont il-ġurisprudenza ( 65 ), restrizzjoni għal-libertà fundamentali garantita mit-Trattat KE ma tistax tiġi aċċettata sakemm ma jkollhiex għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan persegwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

89.

Fi kliem ieħor, ir-restrizzjoni għall-libertà fundamentali għandu jkollha oġġettiv leġittimu u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità ( 66 ).

a) L-għan leġittimu

90.

Il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat hija intiża biex tippromwovi l-produzzjoni ta’ films Ewropej li l-lingwa oriġinali tagħhom tkun waħda mil-lingwi rikonoxxuti bħala uffiċjali fi Spanja.

91.

Il-fatt jekk dan huwiex oġġettiv leġittimu jirriżulta partikolarment mid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”. Fil-fatt, skont il-preambolu ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu regoli iktar stretti jew iktar dettaljati partikolarment “skond il-bażi tal-kriterji tal-lingwa”, “sabiex ikun hemm lok għal politika attiva favur lingwa speċifika” ( 67 ). Fil-mument tal-emenda li saret lid-direttiva fl-1997, il-leġiżlatur Komunitarju enfasizza għal darba oħra li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw regoli iktar dettaljati jew iktar stretti partikolarment sabiex jintlaħqu “għanijiet ta’ politika dwar il-lingwa” ( 68 ).

92.

Din l-estensjoni tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” għall-promozzjoni ta’ ċerti lingwi hija marbuta mill-qrib max-xewqa li tinżamm l-indipendenza tal-evoluzzjoni kulturali ta’ kull Stat Membru — inkluż u preċiżament l-Istati li għandhom kapaċità produttiva baxxa jew żona lingwistika ristretta — sabiex b’hekk tiġi ppreservata d-diversità kulturali fil-Komunità ( 69 ).

93.

It-trattat ta’ Maastricht ( 70 ) ta importanza qawwija lil din l-aspirazzjoni tant li inkludiha fid-dritt primarju. Huwa b’dan il-mod li l-Komunità tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni (Artikolu 151(1) KE). Hija tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri partikolarment fil-qasam tat-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej kif ukoll fil-qasam tal-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjoviżiv (Artikolu 151(2) KE). Ir-rispett u l-promozzjoni tad-diversità tal-kulturi huma aspetti li l-Komunità għandha tagħti każ fl-attivitajiet kollha tagħha (Artikolu 151(4) KE), inkluż fil-leġiżlazzjoni tagħha fuq il-prestazzjoni tas-servizzi awdjoviżivi, inkwantu dawn fl-aħħar mill-aħħar huma espressjoni tar-rispett tal-Unjoni Ewropea għall-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha (Artikolu 6(3) UE).

94.

Il-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità fil-qasam kulturali huma verament importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u dan proprju minħabba li din id-diversità hija l-karatteristika tal-Ewropa u tal-kultura Ewropea. Din hija r-raġuni għaliex “l-unità fid-diversità” tifforma parti mill-bażi tal-Unjoni Ewropea ( 71 ) u l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 72 ) jipprovdi li l-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

95.

L-importanza tad-diversità kulturali ġiet enfasizzata wkoll fuq livell internazzjonali mill-Konvenzjoni UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali ( 73 ). Din il-konvenzjoni tenfasizza b’mod partikolari li d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali ( 74 ).

96.

Fl-istess sens, il-Kummissjoni Ewropea tqis ir-rispett tad-diversità lingwistika bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 75 ) u reċentement ukoll, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sejjaħ sabiex tiġi ppreservata d-diversità lingwistika fl-Ewropa ( 76 ).

97.

Id-dimensjoni kulturali tal-lingwa ma tiqafx mal-qasam letterarju. Hija għandha wkoll rwol determinanti, preċiżament fil-qasam awdjoviżiv, sabiex tippreserva u tiżviluppa l-kulturi kif ukoll biex ixxerred it-tagħrif b’mod adegwat. Kieku x-xogħlijiet awdjoviżivi, pereżempju l-films ċinematografiċi jew tat-televiżjoni, ma jibqgħux jiġu prodotti — partikolarment minħabba raġunijiet ta’ vijabbiltà — ħlief f’lingwa waħda jew f’numru żgħir ta’ lingwi partikolarment magħrufa, żgur li tbati d-diversità kulturali. Fil-fatt, m’hemmx dubju li d-doppjaġġ ta’ film f’lingwi oħra jista’ jiffaċilita li jkun hemm pubbliku ikbar li jista’ jifhmu, iżda dan ma jbiddel xejn mill-kuntest kulturali u l-valuri li fuqhom huwa bbażat il-film u li permezz tiegħu jiġu mxerrda.

98.

B’hekk il-Konvenzjoni UNESCO, tenfasizza b’mod partikolari d-dritt sovran tal-Istati li jaġixxu biex jipproteġu u jippromwovu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, inkluż fil-qasam tal-prestazzjoni tas-servizzi kulturali ( 77 ). Din il-konvenzjoni tippermetti espressament li l-Istati kontraenti jadottaw dispożizzjonijiet fir-rigward tal-lingwa użata għal dawn is-servizzi ( 78 ).

99.

Il-Komunità u l-Istati Membri kontraenti fil-Konvenzjoni UNESCO intrabtu li jieħdu inkunsiderazzjoni din il-konvenzjoni meta jiġu biex jinterpretaw u japplikaw trattati oħra, inkluż it-Trattat KE ( 79 ).

100.

Mill-ġurisprudenza stabbilita għal żmien twil jirriżulta li huwa possibbli li din il-konvenzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-Trattat KE. F’din il-ġurisprudenza l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “ċerti għanijiet marbuta mal-promozzjoni, fuq il-livell nazzjonali, tal-kultura” ( 80 ), fosthom il-konservazzjoni tal-patrimonju storiku u artistiku ( 81 ), l-apprezzament tar-rikkezzi storiċi u t-tixrid l-iktar mifrux possibbli tat-tagħrif dwar il-patrimonju artistiku u kulturali ta’ pajjiż ( 82 ) jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

101.

F’din il-kawża, jeħtieġ li jibqa’ jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-promozzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi ( 83 ) l-istabbiliment u l-preservazzjoni tal-pluraliżmu fis-settur awdjoviżiv ( 84 ) kif ukoll il-fatt li tinżamm ċerta kwalità fil-programmi ( 85 ) bħala li huma ġustifikazzjonijiet li jippermettu xi restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali. Hija rrikonoxxiet ukoll id-dritt tal-Istati Membri li jippromwovu l-lingwi nazzjonali u uffiċjali tagħhom ( 86 ).

102.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-leġiżlatur Spanjol ikun qiegħed isegwi għan leġittimu meta, fil-kuntest tal-miżuri tiegħu biex isostni l-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, huwa jagħti prijorità lill-promozzjoni ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi li fi Spanja huma rikonoxxuti bħala uffiċjali.

b) Proporzjonalità

103.

Jibqa’ biex jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat tużax mezzi proporzjonati biex tilħaq l-għan leġittimu tagħha. Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu impost fuq l-operaturi tat-televiżjoni għandu jkun xieraq biex jiżgura t-twettiq tal-oġġettiv imfittex mingħajr ma jeċċedi dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq ( 87 ).

104.

L-obbligu impost fuq l-operaturi tat-televiżjoni biex jiddedikaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom ta’ kull sena għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej miġbudin f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja huwa bla ebda dubju xieraq biex jippreserva dawn il-lingwi u, magħhom, il-kultura ta’ Spanja u tar-reġjuni tagħha kif ukoll biex jippromwovi t-tisħiħ u t-tixrid fiċ-ċinema u fuq it-televiżjoni ( 88 ).

105.

Dawn il-miżuri ta’ preservazzjoni u promozzjoni tal-lingwa u tal-kultura ta’ Stat Membru jew ta’ reġjun tal-Unjoni Ewropea jikkontribwixxu fuq kollox għall-promozzjoni tal-kultura Ewropea kollha kemm hi.

106.

Il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola, fil-konfigurazzjoni konkreta tagħha, hijiex meħtieġa biex tilħaq l-għan imfittex jew jekk hija tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju teħtieġ, madankollu, analiżi li tkun ftit iktar approfondita.

107.

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat hija ġenerali wisq u vaga wisq. Hemm neqsin kriterji oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li din tiġi applikata biss għall-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li huma suxxettibbli li jiġu kklassifikati bħala “prodotti kulturali”.

108.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat f’okkażjoni waħda, fis-sentenza tagħha Distribuidores Cinematográficos, milli tiġġustifika leġiżlazzjoni Spanjola għall-promozzjoni tal-films, partikolarment minħabba li hija kienet tiffavorixxi “d-distribuzzjoni ta’ films nazzjonali, irrispettivament mill-kontenut u l-kwalità tagħhom” ( 89 ). Fl-istess sens, l-Avukat Ġenerali Van Gerven kien ilmenta min-nuqqas ta’ kull “kontroll ta’ kwalità” fil-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni ( 90 ).

109.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, is-sentenza Distribuidores Cinematográficos m’għandhiex tiġi applikata għal din il-kawża.

110.

Jiena ma jidhirlix li din il-kawża hija b’xi mod paragunabbli mal-kawża Distribuidores Cinematográficos, fejn ir-referenza tal-leġiżlazzjoni għall-“films Spanjoli” kienet tikkontempla biss l-Istat Membru fejn il-film ikun ġie prodott. Mill-banda l-oħra, f’dan il-każ, il-kriterju tal-konnessjoni huwa wieħed lingwistiku. In-natura kulturali ta’ dan il-kriterju lingwistiku ma jistax jiġi miċħud a priori, fid-dawl tal-importanza li diġà semmejt iktar ’il fuq, tal-lingwa għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kulturi kif ukoll għat-tixrid adegwat tat-tagħrif fuq il-kulturi ( 91 ). B’kuntrast mal-kawża Distribuidores Cinematográficos, il-leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat inkwistjoni f’dan il-każ ma tistax tiġi ridotta a priori għall-miżura protezzjonista, adottata minħabba raġunijiet esklużivament ekonomiċi.

111.

Indipendentement mix-xebh jew in-nuqqas ta’ xebh bejn din il-kawża u l-kawża Distribuidores Cinematográficos, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati wkoll il-konsegwenzi negattivi ta’ kontroll tal-kontenut u tal-kwalità li jmorru lil hinn mill-kriterju tal-lingwa, fuq il-qasam tal-kultura u tal-midja.

112.

F’soċjetà miftuħa u pluralista, il-kunċett tal-kultura huwa miftuħ ħafna. Għaldaqstant l-espressjonijiet tal-kultura huma konsegwentement numerużi, inkluż fil-qasam awdjoviżiv. Salv għal xi każijiet estremi, li huma irrilevanti għal dan il-każ ( 92 ), jidhirli li huwa prattikament impossibbli li jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi, u fuq kollox ġusti, sabiex tiġi definita l-kultura u inqas u inqas biex tiġi definita t-tifsira ta’ “prodotti kulturali” li jistgħu jibbenefikaw mill-promozzjoni. Kwalunkwe tentattiv f’dan is-sens jirriskja inevitabbilment li wieħed jeħel fi ħsibijiet stereotipati u jinjora d-dinamika tal-kurrenti kulturali l-iktar reċenti kif ukoll l-attività kulturali tal-minoritajiet soċjali.

113.

Anke jekk wieħed ikun jixtieq jipprova jistabbilixxi l-kriterji oġġettivi sabiex jiġi deċiż jekk film ċinematografiku jew televiżiv jistax jiġi kklassifikat bħala “prodott kulturali” ( 93 ) jew “film ta’ kwalità” ( 94 ), l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-kriterji tkun indubjament tqila u burokratika ħafna. Biex jiġi garantit minimu ta’ ċertezza legali, jista’ jirriżulta li jkun metħieġ li l-Istat jappunta kumitat ta’ esperti jew istituzzjoni u jagħtihom l-inkarigu li jiddeċiedu liema proġetti ta’ films jistgħu jiġu kkunsidrati għall-iffinanzjar antiċipat mill-operaturi tat-televiżjoni. Din tista’ tagħti lill-produtturi u artisti kkonċernati l-impressjoni li l-proġetti tagħhom huma suġġetti għaċ-ċensura mill-Istat.

114.

Xejn minn dan kollu ma jeskludi madankollu li, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu ( 95 ), Stat Membru jipprova japplika l-kriterji tal-kontenut u tal-kwalità fil-qasam tal-għajnuna għaċ-ċinema. Madankollu, fil-fehma tiegħi, id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali, ma jimponu ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex japplikaw il-kriterji tal-kontenut u tal-kwalità għall-promozzjoni tal-kultura.

115.

Fl-istess sens, il-Kummissjoni tibqa’ libera li fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ( 96 ) li hija għandha biex tawtorizza l-għajnuna mill-Istat intiża biex tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju (Artikolu 87(3)(d) KE), tadotta attitudni restrittiva u ma tawtorizzax miżuri li jkollhom bħala suġġett “prodott kulturali” definit b’mod preċiż ( 97 ). Madankollu, din il-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat bl-ebda mod ma taffettwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat KE, u b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali. Xejn ma jimpedixxi lill-Istati Membri milli, barra mill-qasam tal-għajnuna mill-Istati, jirrinunzjaw għall-kriterji tal-kontenut u tal-kwalità u li jippromwovu l-kultura bl-iktar mod estensiv possibbli.

116.

Għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, mhuwiex meħtieġ li, biex tiġi ġustifikata leġiżlazzjoni fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi limitat, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli, għall-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li jidhru bħala “prodotti kulturali” jew “films ta’ kwalità” u allura n-natura tagħhom tidher partikolarment xierqa li tiġi sostnuta.

117.

Finalment, jiena nosserva mill-ġdid li mill-informazzjoni li għandi, il-piżijiet finanzjarji bħalma huma dawk li ġew imposti fuq l-operaturi tat-televiżjoni mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mhumiex totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-oġġettiv imfittex. It-3% mid-dħul tal-operat annwali li l-operaturi Spanjoli għandhom jiddedikaw għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films miġbuda f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja jirrappreżentaw perċentwali komparattivament moderat ( 98 ). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tobbliga lill-operaturi li ma jagħtux il-benefiċċju tal-iffinanzjar antiċipat ħlief lil films miġbuda fil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja. Mill-banda l-oħra, bis-sehem 60:40, hija tħalli marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali biex l-operaturi jinvestu fi proġetti Ewropej ta’ films miġbuda f’lingwi oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta minn ċerti partijiet fil-proċedura, l-operaturi tat-televiżjoni, fuq kollox, għandhom il-possibbiltà li jinvestu f’koproduzzjonijiet li l-prodott finali jeżisti f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, li kollha kemm huma huma meqjusa bħala verżjonijiet oriġinali ( 99 ).

118.

F’dan il-kuntest, jiena nikkonkludi li leġiżlazzjoni bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola hija xierqa biex tilħaq l-għan tagħha ta’ politika lingwistika u kulturali mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għat-twettiq tagħha u mingħajr ma timponi piż sproporzjonat fuq l-operaturi tat-televiżjoni.

4. Konklużjoni intermedja

119.

Fil-qosor jiena nikkonstata dan li ġej:

Il-libertajiet fiundamentali tat-Trattat KE ma jipprekludux li Stat Membru, legalment, jimponi fuq l-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jiddedikaw 60% mill-iffinanzjar antiċipat annwali obbligatorju għall-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li l-lingwa oriġinali hija rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali f’dak l-Istat Membru.

C — Fuq it-tielet domanda: kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

120.

It-tielet domanda hija intiża li tippreċiża l-kunċett ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk titqiesx bħala għajnuna meta Stat Membru jimponi fuq l-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jiddedikaw perċentwali speċifika mid-dħul tal-operat tagħhom fis-sena għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi jew tat-televiżjoni Ewropej miġbuda f’lingwa oriġinali rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali f’dak l-Istat Membru. Għal din id-domanda, it-Tribunal Supremo tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-parti l-kbira tal-films li jibbenefikaw mill-iffinanzjar antiċipat skont il-Liġi 25/1994 ( 100 ) huma prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola ( 101 ).

121.

Ħlief għall-UTECA, il-partijiet fil-proċedura kollha KEmm huma jsostnu li f’dan il-każ m’hemmx għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Jiena naqbel ma’ din il-fehma.

122.

Biex miżura tiġi kklassfikata bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat KE, jeħtieġ li l-erba’ kriterji kumulattivi kkontemplati fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti kollha ( 102 ). Dawn huma l-iffinanzjar tal-miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat (l-ewwel kriterju), l-eżistenza ta’ xi benefiċċju għall-impriża (it-tieni kriterju), is-selettività tal-miżura (it-tielet kriterju) kif ukoll l-impatt tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha (ir-raba’ kriterju) ( 103 ).

123.

F’dan il-każ, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari ħafna għall-ewwel kriterju, dak tal-iffinanzjar mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

124.

Ċertament, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-prinċipju, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-għajnuna m’hemmx bżonn li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u l-każijiet fejn din tingħata minn korpi pubbliċi jew privati li l-Istat iwaqqaf jew jaħtar għall-ġestjoni tagħha; altrimenti biex jiġu evitati l-Artikoli 87 KE u 88 KE jkun biżżejjed li wieħed joħloq istituzzjonijiet awtonomi inkarigati mid-distribuzzjoni tal-għajnuna ( 104 ).

125.

Madankollu, biex xi benefiċċju jiġi kklassifikat bħala għajnuna, minn banda, huwa jrid ikun ingħata direttament jew indirettament mir-riżorsi tal-Istat, u mill-banda l-oħra, irid ikun imputabbli lill-Istat ( 105 ).

126.

B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-UTECA, il-ġurisprudenza reċenti, b’mod partikolari s-sentenzi GEMO, Pearle, Forum 187 u Laboratoires Boiron, ma biddlu assolutament xejn. B’hekk, fis-sentenza Pearle, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li kien hemm eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE preċiżament minħabba li ma kienx hemm finanzjament permezz tar-riżorsi tal-Istat ( 106 ). Fil-kawża GEMO, ċerti prestazzjonijiet kienu ffinanzjati minn taxxa miġbura u ġestita minn korpi tal-Istat, b’mod li ma kienx hemm dubju fuq l-iffinanzjar permezz tar-riżorsi tal-Istat u għalhekk ma kien hemm bżonn ta’ ebda eżami partikolari ( 107 ). Is-sitwazzjoni kienet simili fil-kawżi Forum u Laboratoires Boiron, li kellhom bħala suġġett ċertu benefiċċji fil-forma ta’ eżenzjonijiet minn taxxi tal-Istat ( 108 ), f’dawn il-kawżi, l-Istat ma kienx ħallas flus, imma kien irrinunzja għal ċertu dħul tal-operat.

127.

F’dan il-każ, il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, li jimponi l-obbligu tal-iffinanzjar antiċipat fuq l-operaturi tat-televiżjoni Spanjoli, jikkostitwixxi bla ebda dubju miżura tal-Istat meħuda mir-Renju ta’ Spanja. Għalhekk, il-benefiċċji li l-produtturi tal-films jistgħu jieħdu minn dan jista’ perfettament jiġi imputat lill-Istat Spanjol ( 109 ).

128.

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tinvolvi ebda trasferiment, dirett jew indirett, ta’ riżorsi tal-Istat lill-produtturi tal-films. Ċertament, tali trasferiment ma jimplikax neċessarjament il-ħlas ta’ somma ta’ flus provenjenti mill-patrimonju tal-Istat ( 110 ). Madankollu jeħtieġ, tal-inqas, li qabel il-ħlas lill-produtturi, il-flus iddedikati għall-iffinanzjar antiċipat ikunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat ( 111 ) jew ikunu involvew xi forma oħra ta’ piż finanzjarju għall-Istat ( 112 ). Dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

129.

Fl-ewwel lok, l-iffinanzjar antiċipat ta’ films skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa żgurat esklużivament permezz tar-riżorsi finanzjarji tal-operaturi tat-televiżjoni; ftit li xejn jimporta li dawn il-films jiġu prodotti mill-imsemmija operaturi jew minn produtturi terzi. Ma jidhirx li l-Istat Spanjol jista’ jeżerċita kontroll fuq dawn ir-riżorsi finanzjarji jew li jista’ jinfluwenza l-użu effettiv tagħhom; wieħed ma jistax jippreżumi għalhekk li dawn ir-riżorsi qegħdin għad-dispożizzjoni tiegħu.

130.

Fit-tieni lok, is-sistema ta’ ffinanzjar antiċipat lanqas ma tinvolvi xi piż finanzjarju għall-Istat Spanjol. B’mod partikolari, tali piż ċertament ma jirriżultax minħabba s-sempliċi fatt li l-obbligu legali tal-iffinanzjar antiċipat ta’ films Ewropej jista’ jnaqqas id-dħul tal-operat fiskali tal-Istat Spanjol filwaqt li jnaqqas il-benefiċċji tal-impriżi tat-televiżjoni ( 113 ). In-ness ta’ kawżalità bejn l-iffinanzjar antiċipat tal-films u l-eventwali tnaqqis fid-dħul tal-operat fiskali huwa fil-fatt inċert u indirett wisq biex wieħed ikun jista’ jafferma li l-produtturi tal-films ser jibbenefikaw minn benefiċċju ffinanzjat mill-Istat. Taħt din il-perspettiva, din il-kawża hija differenti radikalment minn dawk fejn il-benefiċċju mogħti mill-Istat jikkonsisti fi tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi, b’mod li t-tnaqqis fid-dħul tal-operat fiskali huwa suffiċjentement prevedibbli u jirrifletti l-benefiċċju li jingħata ( 114 ).

131.

Bis-sistema ta’ ffinanzjar antiċipat, l-Istat Spanjol jimponi sempliċement l-obbligu fuq ċerti impriżi, jiġifieri fuq l-operaturi tat-televiżjoni, li jirriżervaw parti mir-riżorsi finanzjarji tagħhom għal għan partikolari, jiġifieri l-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej miġbudin f’ċerti lingwi. Għalkemm l-intervent tal-Istat li dan jinvolvi fuq l-awtonomija privata tal-operaturi tat-televiżjoni jista’ jkollu xi benefiċċji ekonomiċi għal ċerti produtturi tal-films, dawn il-benefiċċji, madankollu, mhumiex iffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat, imma esklużivament mill-operaturi tat-televiżjoni inkwistjoni ( 115 ).

132.

Dan mhuwiex ikkontestat mill-fatt li l-operaturi tat-televiżjoni Spanjoli suġġetti għas-sistema ta’ ffinanzjar antiċipat jinkludu mhux biss impriżi privati, imma wkoll kumpanniji tax-xandir pubbliċi ( 116 ). Ċertament, ir-riżorsi ġestiti mill-impriżi pubbliċi jew mill-istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku jistgħu f’ċerti każijiet jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat ( 117 ). Madankollu, dan ma jseħħx dejjem u awtomatikament ( 118 ), u japplika biss meta r-riżorsi jibqgħu kostantement taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 119 ).

133.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-impriżi tax-xandir pubbliċi jibbenefikaw minn awtonomija partikolari fil-konfront tal-Istat li tipproteġihom kontra kwalunkwe intervent tal-Istat fir-rigward tal-programmi tagħhom, imma wkoll fir-rigward tal-ispejjeż tagħhom. Inkwantu l-operaturi tat-televiżjoni pubbliċi fi Spanja jibbenefikaw minn din l-awtonomija fir-rigward tal-Istat Spanjol — ħaġa li trid tiġi verifikata mill-qorti tar-rinviju — ir-riżorsi finanzjarji tagħhom m’għandhom qatt jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE ( 120 ).

134.

Madankollu, anke jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li fi Spanja, il-kumpanniji tax-xandir pubbliċi jistgħu jiġu influwenzati mill-Istat f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż tagħhom, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-ispejjeż inkwistjoni f’din il-kawża, li jirrigwardaw l-iffinanzjar antiċipat tal-films, mhumiex dovuti għal xi influwenza speċifika eżerċitata mill-Istat fuq il-kumpanniji tax-xandir pubbliċi, ħaġa li tiġġustifika l-konklużjoni li din hija għajnuna moħbija. Mill-banda l-oħra, dawn l-ispejjeż joħorġu minn liġi ġenerali, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mhijiex limitata għall-kumpanniji tax-xandir pubbliċi, imma tinkludi wkoll numru ta’ operaturi tat-televiżjoni privati li mhux ta’ min jinjorahom.

135.

Fil-verżjoni l-ġdida tiegħu, l-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-operaturi tat-televiżjoni privati u operaturi pubbliċi. Għalhekk din id-dispożizzjoni hija paragunabbli mal-liġijiet ġenerali tal-Istat l-oħra li għandhom għan ta’ interess pubbliku — pereżempju l-ħarsien tas-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent jew is-sigurtà fit-triq — u li japplikaw kemm għall-entitajiet pubbliċi u kif ukoll dawk privati.

136.

B’hekk, dispożizzjoni legali li timponi fuq dawk li jsuqu l-mutur li jilbsu l-elmu ma tikkostitwixxix minnha nnifisha, xi sistema ta’ għajnuna favur l-impriżi li jipproduċu jew ibiegħu l-istess elmu, anke jekk l-Istat jixtri ftit minnhom biex jagħtihom lill-pulizija. Anke jekk Stat Membru jimponi dan l-obbligu li jinxtraw elmijiet ta’ produttur nazzjonali, il-problema ma taqax, bħala tali, taħt il-kappa tal-għajnuna, imma għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, u b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.

137.

L-istess japplika għar-regola bħalma hija l-obbligu tal-operaturi tat-televiżjoni Spanjoli li, fl-interess pubbliku, jirriżervaw parti mir-riżorsi tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films Ewropej. Leġiżlazzjoni ma tikkonvertix ruħha f’għajnuna ffinanzjata mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE minħabba s-sempliċi fatt li hija timponi fuq il-persuni suġġetti għaliha ċerti spejjeż li minnhom jibbenefikaw terzi persuni. L-effetti fuq id-dritt Komunitarju ta’ dik il-liġi għandhom, mill-banda l-oħra, jiġu analizzati fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern ( 121 ).

138.

Bħala konklużjoni, għandu jingħad li regola fuq l-iffinanzjar antiċipat bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola mhijiex għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

VI — Konklużjoni

139.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo Spanjol fis-sens li ġej:

1)

Id-Direttiva 89/552/KEE b’mod ġenerali u l-Artikolu 3 b’mod partikolari ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li l-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom annwali għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, dejjem jekk dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kompatibbli mar-regoli l-oħra tad-dritt Komunitarju.

2)

Il-libertajiet fiundamentali tat-Trattat KE ma jipprekludux li Stat Membru, legalment, jimponi fuq l-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jiddedikaw 60% mill-iffinanzjar antiċipat annwali obbligatorju għall-films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li l-lingwa oriġinali hija rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali f’dak l-Istat Membru.

3)

Regola bħalma hija dik li tinsab deskritta fil-punti 1 u 2 lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Qorti Suprema.

( 3 ) Dan l-obbligu japplika għall-operaturi tat-televiżjoni li jinkludu fil-programmi tagħhom films twal ċinematografiċi ta’ “produzzjoni reċenti”, jiġifieri ta’ inqas minn seba’ snin.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23 — iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 89/552”).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (ĠU L 202, p. 60 — iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 97/36” jew id-“Direttiva 97/36 li temenda”).

( 6 ) Fl-2007, id-Direttiva 89/552 ġiet emendata għal darba oħra fuq punti essenzjali mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/65/KE tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (ĠU L 332, p. 27). Madankollu, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom ma jiskadix ħlief fid-19 ta’ Diċmebru 2009 (ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/65), dawn l-emendi huma irrilevanti għal dan il-każ.

( 7 ) Iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni UNESCO”. It-test ta’ din il-konvenzjoni jifforma l-anness 1a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (ĠU L 201, p. 15).

( 8 ) Il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit (għal-lista ta’ Stati kontraenti, ara s-sit internet tal-UNESCO fl-indirizz http://portal.unesco.org/la/convention.asp?KO=31038&language=E&order=alpha#1 l-aħħar ikkonsultata fit-8 ta’ Lulju 2008).

( 9 ) L-ewwel premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 10 ) It-tieni premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 11 ) Il-ħames premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 12 ) L-erbatax-il premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 13 ) Ley 25/1994, de 12 de juilio, por la que se incorpora al Ordenamiento Jurídico Español la Directiva 89/552/CEE, sobre la coordinación de Disposiciones Legales, Reglamentarias y Administrativas de los Estados Miembros relativas al ejercicio de actividades de Radiodifusión Televisiva (BOE Nru 166, tat-13 ta’ Lulju 1994, p. 22342).

( 14 ) Ley 22/1999, de 7 de junio, de Modificación de la Ley 25/1994 por la que se incorpora al Ordenamiento Jurídico Español la Directiva 89/552/CEE, sobre la coordinación de disposiciones legales, reglamentarias y administrativas de los Estados miembros, relativas al ejercicio de actividades de radiodifusión televisiva (BOE Nru 136, tat-8 ta’ Ġunju 1999, p. 21765).

( 15 ) Ley 15/2001, de 9 de julio, de fomento y promoción de la cinematografía y el sector audiovisual (BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 2001, p. 24904).

( 16 ) Real Decreto 1652/2004, de 9 de julio, por el que se aprueba el Reglamento que regula la inversión obligatoria para la financiación anticipada de largometrajes y cortometrajes cinematográficos y películas para televisión, europeos y españoles (BOE Nru 174, tal-20 ta’ Lulju 2004, p. 26264).

( 17 ) Administración General del Estado.

( 18 ) Ara l-premessa tlettax tad-Direttiva 89/552 kif ukoll is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec (C-412/93, Ġabra 1995, p. I-179, punti 29 u 44), u tad-, De Agostini u TV-Shop (C-34/95 sa C-36/95, Ġabra p. I-3843, punt 3).

( 19 ) Kif turi l-premessa 13 tad-Direttiva 89/552, l-istess direttiva ma tolqotx ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-iffinanzjar u kif ukoll il-kontenut tal-programmi. Fl-istess sens, il-premessa 44, tad-Direttiva 97/36 li temenda, tippreċiża li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li japplikaw għax-xandara l-liġi tal-kompetizzjoni tagħhom.

( 20 ) F’dan ir-rigward ara l-aħħar frażi tal-premessa 44 tad-Direttiva 97/36. Is-sentenzi segwenti diġà kienu deċiżi fl-istess sens: De Agostini u TV-Shop (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, b’mod partikolari fil-punti 50 u 51) u tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C-6/98, Ġabra p. I-7599, b’mod partikolari l-punti 49 u 50); f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza r-regoli nazzjonali iktar stretti fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Ara wkoll is-sentenza tas-, Corporación Dermoestética (C-500/06, Ġabra, p. I-5785, punt 31).

( 21 ) Anke r-referenza li hemm fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552 għall-ammonti tal-baġit tal-operaturi tat-televiżjoni ma tikkonċernax l-iffinanzjar tal-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, imma sempliċement ix-xandir tagħhom fuq it-televiżjoni.

( 22 ) It-tlettex-il premessa tad-Direttiva 89/552.

( 23 ) F’sens simili, u għar-rapporti bejn l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 19 tad-Direttiva 89/552, ara s-sentenza Leclerc-Siplec (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 40, 41 u 47).

( 24 ) Fl-istess sens, u għall-futur, ara l-Artikolu ġdid 3a(1) tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, li jrid jinqara flimkien mal-premessa 48 tad-Direttiva 2007/65.

( 25 ) Il-protokoll fuq is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri ġie mehmuż mat-Trattat KE mit-Trattat ta’ Amsterdam, iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997. Huwa kien ġie ppubblikat fil-ĠU 1997, C 340, p. 109.

( 26 ) Premessa 45 tad-Direttiva 97/36.

( 27 ) Dan huwa kkonfermat għas-sitwazzjonijiet fil-futur bl-Artikolu ġdid 3a(1) tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri”, meħuda flimkien mal-premessa 48 tad-Direttiva 2007/65; fil-kuntest tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, dawn it-testi jirreferu espressament għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-prestatarji tas-servizzi bħala mezzi għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej.

( 28 ) Id-dsatax u t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552.

( 29 ) Ara t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552, li tawtorizza espressament l-applikazzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ sostenn għall-iżvilupp tal-produzzjoni Ewropea sa fejn dawn jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità.

( 30 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Cinéthèque et (60/84 u 61/84, Ġabra p. 2605, punt 23).

( 31 ) Fl-istess sens, ara l-premessa 45 tad-Direttiva 97/36 kif ukoll, għall-futur, l-Artikolu ġdid 3a(1) tad-Direttiva “Televiżjoni bla fruntieri”, flimkien mal-premessa 48 tad-Direttiva 2007/65.

( 32 ) Il-fatt li l-għan primarju tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” huwa li jiggarantixxi x-xandir liberu ta’ programmi tat-televiżjoni jirriżulta partikolarment mis-sentenzi Leclerc-Siplec (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 28), De Agostini u TV-Shop (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 3) u ARD (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 28).

( 33 ) Sentenza Leclerc-Siplec (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44).

( 34 ) Fl-istess sens, imma f’kuntest ieħor, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor (C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 38) u tas-, Burmanjer et (C-20/03, Ġabra p. I-4133, punt 31, l-aħħar frażi).

( 35 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-334/03, Ġabra p. I-8911, punt 24), u tat-, Eman u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57).

( 37 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 56), u tas-, Cordero Alonso (C-81/05, Ġabra p. I-7569, punti 35 u 41).

( 38 ) Ara d-dsatax u t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552 kif ukoll it-titolu tal-Kapitolu III: “Promozzjoni tad-distribuzzjoni u l-produzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni”.

( 39 ) Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95), Eman u Sevinger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 57), kif ukoll tal-, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).

( 40 ) F’sens simili, ara pereżempju s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/97, Ġabra p. I-2737, punti 35 u 49), tal-, Steinicke (C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 61), u tat-, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 63), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja — waqt l-eżami tagħha tal-projbizzjonijiet tad-diskriminazzjoni — irrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tagħhom li jfittxu ċerti oġġettivi ta’ politika agrikola u ta’ politika soċjali. Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li fil-qasam tal-libertajiet fundamentali, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-oqsma li għadhom mhumiex armonizzati; ara pereżempju, fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa, is-sentenza tat-, Bacardi France (C-429/02, Ġabra p. I-6613, punt 33), u fil-qasam tal-politika kulturali, is-sentenza tat-, United Pan-Europe Communications Belgium et (C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 44).

( 41 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552; ara wkoll id-dsatax u l-erbgħa u għoxrin il-premessa tad-Direttiva 89/552 kif ukoll il-premessa 31 tad-Direttiva 97/36.

( 42 ) Sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA (C-253/03, Ġabra p. I-1831, punti 35 u 36), u tal-, Feryn (C-54/07, Ġabra, p. I-5187, punt 19).

( 43 ) Skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, b’din wieħed għandu jifhem il-films li m’ilhomx li ġew prodotti iktar minn seba’ snin (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, fil-verżjoni emendata tagħha).

( 44 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara l-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom, ara s-sentenzi Karlsson et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 45 u 58), tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C-96/03 u C-97/03, Ġabra p. I-1895, punt 46), u tas-, Twoh International (C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 25).

( 47 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

( 48 ) Ara pereżempju s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81), u Tempelman und van Schaijk (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 47).

( 49 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ċertament, it-tieni domanda tirreferi biss għax-“xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija l-Ispanjol” (‘obras en lengua original española’). Mill-qari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, fil-verżjoni emendata tagħha bil-Liġi 15/2001, jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni mhijiex limitata għal lingwa waħda, imma tirreferi għall-“produzzjonijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija lingwa uffiċjali fi Spanja” (‘producciones cuya lengua original sea cualquiera de las oficiales en España’). Bħalma enfasizza l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, din il-formula tinkludi l-lingwi uffiċjali reġjonali, bħalma huma l-Katalan, il-Galizzjan u l-Bask.

( 51 ) Ara b’mod partikolari l-punti 35 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara l-aħħar frażi tal-premessa 44 tad-Direttiva 97/36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 25), tal-, AMOK (C-289/02, Ġabra p. I-15059, punt 25), tal-, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 99) u tal-, Lyyski (C-40/05, Ġabra p. I-99, punt 33).

( 54 ) Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt ġie kkontestat mill-FAPAE kif ukoll, f’ċerti aspetti, mill-EGEDA, li rreferew b’mod partikolari għal diversi koproduzzjonijiet li qasmu l-fruntieri. Jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-kawża u li tislet il-konsegwezi minnhom għad-deċiżjoni li hija tkun imsejħa tagħti; ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz (17/81, Ġabra p. 1331, punt 12), tal-, Eind (C-291/05, Ġabra, p. I-10719, punt 18), u tal-, MOTOE (C-49/07, Ġabra, p. I-4863, punt 30).

( 55 ) Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku wieħed mill-persunaġġi kellu jirreċta parti f’film u jitkellem b’aċċent barrani.

( 56 ) Ġurisprudenza stabbilita. Fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punti 92, 103 u 104), tas-, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493, punti 21 sa 23), u tal-, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 45); fuq il-libertà tal-istabbiliment, ara s-sentenzi tat-, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37), u tal-, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11); fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, ara s-sentenzi tal-, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12), u tat-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 63); fuq il-moviment liberu tal-kapital, ara s-sentenzi ‘Golden Shares’ tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731, punt 44) u Il-Kummissjoni vs Franza (C-483/99, Ġabra p. I-4781, punt 40), is-sentenza tas-, Federconsumatori et (C-463/04 u C-464/04, Ġabra p. I-10419, punt 19), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tal- fil-kawża Bouanich (sentenza tad-, C-265/04, Ġabra, p. I-923, punt 31).

( 57 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C-411/03, Ġabra p. I-10805, punt 23), tal-, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punti 29 u 30), u tat-, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 39), li jxebbhu d-“differenza fit-trattament” ma’ restrizzjoni ta’ libertà fundamentali. F’sens simili, is-sentenza tal-11 ta’ Settemrbu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 117), titkellem fuq differenza fit-trattament li hija tali li “tagħmel iktar diffiċli”, jew fi kliem ieħor tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet mill-partijiet interessati.

( 58 ) Dwar il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjonijiet indiretti, ara b’mod partikolari s-sentenzi Karlsson et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 44 u 45) u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 46).

( 59 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos (C-17/92, Ġabra p. I-2239, punt 10). Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-punt 9 tal-konklużjonijiet tiegħu tat- f’din il-kawża, l-element essenzjali tal-użu ta’ film qiegħed fil-fatt li l-produttur jagħti drittijiet għad-distribuzzjoni f’suq partikolari u fl-assenjazzjoni, temporanja, tad-drittijiet ta’ rappreżentanza pubblika f’dak is-suq. Il-fatt li jintbagħat support ta’ affarijiet għall-film (li jaqsam il-fruntieri) mhuwiex ħlief konsegwenza loġika ta’ dan, b’mod li wieħed ma jistax jitkellem fuq moviment ta’ merkanzija fis-sens tat-trattat.

( 60 ) Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li l-akkwist ta’ ishma f’kumpannija ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liberta tal-istabbiliment ħlief jekk dan jagħti lill-azzjonarju “ishma [li] jikkonferixx[u] lil dawn il-persuni influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha”; ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000 Baars (C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22), tal-, Überseering (C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 77), Oy AA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 20) u tas-, Columbus Container Services (C-298/05, Ġabra p. I-10451, punt 30).

( 61 ) Waqt is-seduta saret referenza għall-eżistenza ta’ koproduzzjonijiet li jwasslu għal xogħlijiet f’diversi lingwi oriġinali. Jekk din l-affermazzjoni kellha tirriżulta vera — u l-verifikazzjoni ta’ din taqa’ taħt il-kompitu tal-qorti tar-rinviju — din twassal biex ittaffi l-effett restrittiv li l-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat jista’ jkollha fuq il-libertà tal-istabbiliment.

( 62 ) Meta s-sehem f’kumpannija jippermetti lil dak li jkun li jakkwista l-kontroll tal-kumpannija, ma jibqax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li jkun intlaqat, imma dak tal-libertà tal-istabbiliment. Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60.

( 63 ) Kif diġà osservajt qabel, waqt is-seduta saret referenza għall-eżistenza ta’ koproduzzjonijiet li jwasslu għal xogħlijiet f’diversi lingwi oriġinali. Jekk din l-affermazzjoni kellha tirriżulta vera — u l-verifikazzjoni ta’ din taqa’ taħt il-kompitu tal-qorti tar-rinviju — din twassal biex ittaffi l-effett restrittiv li l-leġiżlazzjoni Spanjola fuq l-iffinanzjar antiċipat jista’ jkollha fuq il-libertà tal-kapital.

( 64 ) Punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 104), Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 49), tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C-92/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 61), tal-, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, magħrufa bħala “Viking Line” (C-438/05, Ġabra, p. I-10779, punt 75), u tat-, Laval u Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 101).

( 66 ) F’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenzi Bacardi France (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 33), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 48).

( 67 ) Ara s-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552.

( 68 ) Premessa 44 tad-Direttiva 97/36.

( 69 ) It-tlettax u t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552.

( 70 ) Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, u daħal fis-seħħ fl- (ĠU 1992, C 191, p. 1).

( 71 ) Taqsima 1.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas strateġiku ġdid għall-multilingwiżmu, 22 ta’ Novembru 2005, KUM (2005) 596 finali.

( 72 ) Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet solennement ipproklamata għall-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1) u t-tieni darba fit- fi Strasburgu (ĠU 2007, C 303, p. 1). Anke jekk din ma torbotx bħalma jorbot id-dritt primarju, hija xorta waħda tipprovdi indikazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali garantiti mill-ordni ġuridiku Komunitarju qua sors ta’ referenza ġuridika; ara s-sentenza tas-, Il-Parlament vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “Riunifikazzjoni tal-familja” (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38), u l-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħi tat- f’din il-kawża; ara wkoll is-sentenza tat-, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).

( 73 ) Ara b’mod partikolari l-ewwel, it-tieni u l-ħames premessa kif ukoll l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 74 ) L-erbatax-il premessa tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 75 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2005 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71, taqsima I.1).

( 76 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2008 fuq il-multilingwiżmu (ĠU C 140, p. 14), punt 2 tal-“affermazzjonijiet”.

( 77 ) Artikolu 1(h), Artikolu 2(2), Artikolu 5 u Artikolu 6(1) u (2)(a) tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 78 ) Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni UNESCO.

( 79 ) Artikolu 20 tal-Konvenzjoni UNESCO, b’mod partikolari s-subparagrafu 1(b).

( 80 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 45); fl-istess sens, ara s-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 42). F’sens differenti, ara s-sentenza Distribuidores Cinematográficos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 20), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tara xi ġustifikazzjoni fil-“politika kulturali” fis-sens tal-Artikolu 56(1) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 46(1) KE), u dan mingħajr ma għamlet l-iċken referenza għar-rikonoxximent potenzjali tagħha bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

( 81 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-180/89, Ġabra p. I-709, punt 20).

( 82 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C-154/89, Ġabra p. I-659, punt 17)

( 83 ) Sentenza Cinéthèque et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 23).

( 84 ) Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 23) u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 30), tat-, Veronica Omroep Organisatie (C-148/91, Ġabra p. I-487, punti 9 u 10), tal-, TV10 (C-23/93, Ġabra p. I-4795, punti 18 u 19), u United Pan-Europe Communications Belgium et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 41 u 42).

( 85 ) Sentenzi Collectieve Antennevoorziening Gouda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 84, punt 27), Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 84, punt 45) u ARD (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 50).

( 86 ) Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener (C-379/87, Ġabra p. 3967, punt 19); fl-istess sens ara s-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 43).

( 87 ) Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 88 ) Ara wkoll is-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 43).

( 89 ) Sentenza Distribuidores Cinematográficos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 20).

( 90 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Distribuidores Cinematográficos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 28).

( 91 ) Ara l-punti 97 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 92 ) Fil-fehma tiegħi dawn il-każijiet jinkludu t-twettiq ta’ reati li jkollhom il-pretest tal-arti.

( 93 ) Riproduzzjoni eżatta tat-termini użati mill-Kummissjoni.

( 94 ) Din l-espressjoni ntużat mill-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Distribuidores Cinematográficos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 28).

( 95 ) Erġa’ ara s-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 44), rigward il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

( 96 ) Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, Ġabra p. 557, punt 11) u Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra 1977, p. 595, punt 8); ara wkoll is-sentenzi tat-, Franza vs Il-Kummissjoni (C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 41), u tat-, Atzeni et (C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 84).

( 97 ) Ara t-taqsima 2.3(b) Nru 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rigwardanti ċerti aspetti ġuridiċi marbutin max-xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, KUM(2001)534 finali (ĠU 2002, C 43, p. 6), imsejħa “Komunikazzjoni taċ-ċinema”. L-applikazzjoni tal-kriterji tal-kumpatibbiltà stabbiliti b’dan it-test għall-għajnuna mill-Istati ġiet imtawla darbtejn, l-ewwel darba bit-taqsima 2, punt 9 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti ġuridiċi marbutin max-xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra tas-26 ta’ Settembru 2001, KUM(2004)171 finali (ĠU 2004, C 123, p. 1), u t-tieni darba bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-validità tal-komunikazzjoni wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti ġuridiċi marbutin max-xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra tas- (ĠU 2007, C 134, p. 5). Dawn il-kriterji jibqgħu għalhekk applikabbli sal-iktar tard il-.

( 98 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, fil-verżjoni emendata tagħha, jimponi li 5% mid-dħul tal-operat annwali ta’ operatur tat-televiżjoni jiġi rriżervat għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, filwaqt li 60% minn din is-somma tibqa’ riżervata għall-iffinanzjament ta’ xogħlijiet li l-lingwa oriġinali hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja.

( 99 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-preċiżjoni ta’ dawn l-indikazzjonijiet.

( 100 ) Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, fil-verżjoni emendata tagħha bil-Liġi 15/2001.

( 101 ) Kif semmejt diġà, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-validità ta’ din il-preżunzjoni ġiet ikkontestata mill-FAPAE kif ukoll, f’ċerti aspetti mill-EGEDA. Madankollu, fuq dan is-suġġett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li fil-kuntest ta’ proċedura preliminari, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja imma l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-kawża u li tislet il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li hija msejħa biex tagħti; ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.

( 102 ) Sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, magħrufa bħala “Altmark Trans” (C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74), tat-, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 38), tat-, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 55), u tat-, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 84); fl-istess sens, ara s-sentenza tal-, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse” (C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25).

( 103 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 28); fl-istess sens, salv għal ċerti kjarifiki fil-formulazzjoni, ara s-sentenzi Altmark Trans (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 75), tat-, Heiser (C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 27), u Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 39).

( 104 ) Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Stardust Marine” (C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 23), u tal-, GEMO (C-126/01, Ġabra p. I-13769, punt 23); ara wkoll is-sentenzi Steinike & Weinlig (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96, punt 21), u tat-, van der Kooy vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra, 219, punt 35).

( 105 ) Sentenzi Stardust Marine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 24), GEMO (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 24), tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra p. I-7139, punt 35), kif ukoll Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 127).

( 106 ) Sentenza Pearle et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punti 35 sa 39).

( 107 ) Sentenza GEMO (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punti 7 u 27).

( 108 ) Sentenzi Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 87) u tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C-526/04, Ġabra p. I-7529, punti 33 sa 35); fl-istess sens, ara s-sentenza tal-, Banco Exterior de España (C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 14).

( 109 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza GEMO (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 26).

( 110 ) Sentenza Stardust Marine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punti 36 u 37).

( 111 ) Sentenzi Stardust Marine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 37) u Pearle et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punti 36 u 41 in fine).

( 112 ) Sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887, punt 21), tal-, Ecotrade (C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 35), tas-, Piaggio (C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 35), u Pearle et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 36).

( 113 ) Sentenzi Sloman Neptun (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punt 21), Ecotrade (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 112, punt 36) u tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 62).

( 114 ) Hekk kien pereżempju fil-każ “ta’ assuġġettiment asimmetriku” għal taxxa invokata mill-UTECA (sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 34) kif ukoll fis-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 87).

( 115 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele (82/77, Ġabra p. 25, punti 24 u 25), PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 113, punti 60 u 61) u Pearle et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 36).

( 116 ) Bl-istess mod, fis-sentenza PreussenElektra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-produtturi tal-elettriku milqutin mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jinkludu kemm l-impriżi privati u l-impriżi pubbliċi, huwa irrilevanti (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 113, punt 55).

( 117 ) Sentenza Steinike & Weinlig (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96, punti 1 u 22) kif ukoll is-sentenzi van der Kooy vs Il-Kummissjoni (punti 35 sa 38), Stardust Marine (punti 34, 37 u 38) u GEMO (punti 7 u 27), kollha kemm huma ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104.

( 118 ) F’dan is-sens ara s-sentenza Pearle et (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punti 36 u 41).

( 119 ) Sentenza Stardust Marine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punti 34 u 37).

( 120 ) Anke fil-kawża van der Kooy vs Il-Kummissjoni (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punti 37 u 38), l-awtonomija ta’ Gasunie kien kriterju essenzjali fl-eżami dwar jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat jew riżorsi tal-Istat.

( 121 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet tiegħi fuq it-tieni domanda preliminari (punti 74 sa 119).