KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-11 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-208/07

Petra von Chamier-Glisczinski

vs

Deutsche Angestellten-Krankenkasse

“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Kapitolu 1 tat-Titolu III — Artikoli 18 KE, 39 KE u 49 KE — Benefiċċji in natura intiżi sabiex ikopru r-riskju ta’ dipendenza — Residenza fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat kompetenti — Sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza li ma tinkludix benefiċċji in natura relatati mar-riskju ta’ dipendenza”

I — Introduzzjoni

1.

B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007, skont l-Artikolu 234 KE, il-Bayerisch Landessozialgericht München (il-Ġermanja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari bbażati, l-ewwel waħda, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 ( 2 ) u t-tieni waħda fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 KE, 39 KE u 49 KE.

2.

Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża li Petra Von Chamier-Glisczinski fetħet kontra d-DeutscheAngestellten-Krankenkasse (iktar ’il quddiem: id-“DAK”) sabiex tikseb ir-rimborż tal-ispejjeż li għamlet wara li ddaħħlet f’dar ta’ kura fl-Awstrija.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

1. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat

3.

Skont l-Artikolu 18(1) KE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.”

4.

L-Artikolu 39(1) sa (3) KE jipprovdi li:

“1.   Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2.   Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3.   Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta' pubblika u saħħa pubblika:

a)

li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru,

b)

li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

c)

li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

d)

li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkun okkupa impjieg hemm, bil-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun suġġetta għal regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.”

5.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jistabbilixxi li:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

2. Id-dritt sekondarju

6.

Id-differenzi li hemm bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rigward is-sigurtà soċjali jikkostitwixxu bla dubju ostakolu għall-mobbilità tal-ħaddiema. Għal din ir-raġuni, l-awturi tat-Trattat ta’ Ruma taw lill-Kunsill il-kompetenza li f’dan is-settur jadotta “dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa biex jipprovdi l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema”. L-Artikolu 51 (li sar l-Artikolu 42 KE) jirrakkomanda partikolarment li “għandu jagħmel arranġamenti biex jassigura lill-ħaddiema emigranti u lid-dipendenti tagħhom:

a)

l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet tad-diversi pajjiżi;

b)

il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.”

7.

Din il-kompetenza bdiet titwettaq mill-Kunsill diġà mill-1958 bl-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni biex jiġu kkoordinati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fid-diversi setturi tas-sigurtà soċjali, li kellha tiġi applikata għad-diversi riskji koperti mill-imsemmija leġiżlazzjonijiet. Bħalissa dan il-koordinament huwa żgurat mir-Regolament Nru 1408/71 ( 3 ), li t-test oriġinali tiegħu ġiet emendat kemm-il darba.

8.

Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huma partikolarment rilevanti l-Artikolu 19(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdu li:

“1.   Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat kompetenti, illi tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti biex tkun intitolata għall-benefiċċji, filwaqt li tingħata konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 fejn hu xieraq, għandha tirċievi fl-Istat fejn hija residenti:

a)

il-benefiċċji f'oġġetti [in natura] provduti fl-interess ta' l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza bi qbil mal-leġiżlazzjoni amministrata minn din l-istituzzjoni daqs li kieku kienet assigurata magħha;

b)

il-benefiċċji fi flus provduti mill-istituzzjoni kompetenti bi qbil mal-leġiżlazzjoni li tamministra. Madankollu bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-residenza, dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu mogħtija mill-istituzzjoni ta' l-aħħar fl-interess ta' l-ewwel, bi qbil mal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja li tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat kompetenti, fejn ma jkunux intitolati għal dawn il-benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu jirrisjedu.”

9.

Għandu jitfakkar ukoll li skont l-Artikolu 22(1)(b)(i) tar-regolament:

“1.   Ħaddiem illi jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għalbiex ikun intitolat għall-benefiċċji, filwaqt li jingħata qies fejn xieraq, tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u

[…]

(b)

li, wara li jkun sar intitolat għall-benefiċċji mħallsa bi dritt mill-istituzzjoni kompetenti, jiġi awtoriazzat minn din l-istituzzjoni li jerġa' lura lejn it-territorju ta' l-Istat Membru fejn jirrisjedi, jew li jittrasferixxi r-residenza tiegħu lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor,

[…] għandu jkun intitolat:

i)

għall-benefiċċji f'oġġetti [in natura] provduti fl-interess ta' l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta' l-għixien jew tar-residenza bi qbil mal-leġislazzjoni li tamministra, daqs li kieku kien assigurat magħha; iżda, it-tul tal-perijodu taż-żmien li matulu jiġu pprovduti l-benefiċċji għandhom ikunu regolati mil-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti”.

10.

Rigward l-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed tirreferi anki għall-Artikolu 10 tar-Regolament 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 ( 4 ) dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Dan l-artikolu ġie rrevokat ( 5 ) mill-Artikolu 38 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li jħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 6 ). Skont l-Artikolu 10(1):

“Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

(a)

il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

(b)

qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.”

B — Id-dritt nazzjonali

11.

B’risposta għal domanda li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż spjega l-punti ewlenin tas-sistema ta’ assigurazzjoni għar-riskju ta’ dipendenza pprovduta mill-Kapitolu XI tas-Sozialgesetzbuch (iktar ’il quddiem: is-“SGB”).

12.

Din is-sistema tipprevedi tliet forom ta’ intervent favur persuni dipendenti.

13.

L-Artikolu 36 tal-Kapitolu XI tas-SGB jipprovdi li l-persuni li jeħtieġu assistenza u kura fi djarhom għandhom dritt għal benefiċċji in natura mogħtija minn impjegati li jaħdmu fil-kliniċi tas-saħħa approvati mill-Fond għall-Persuni Dipendenti. L-ispejjeż għal servizzi bħal dawn jinħarġu mill-Fond fil-limiti ta’ livell massimu, li jvarja skont il-grad ta’ dipendenza tal-benefiċjarju. Għall-kategorija III, dan il-livell massimu huwa ta’ EUR 1432 fix-xahar u jista’ jitla’ sa EUR 1918 fix-xahar f’każi fejn ikun hemm ħtieġa għal assistenza intensiva u kontinwa li tinvolvi spejjeż partikolarment għoljin. Il-Fond iħallas is-servizzi skont tariffi ddefiniti fil-ftehim dwar is-servizzi li ġie konkluż bejn is-servizzi ambulatorji differenti. Il-kura medika fid-djar ma taqax taħt il-benefiċċji in natura li jissemmew fl-Artikolu 36 u jiġu koperti minn assigurazzjoni għall-mard.

14.

L-Artikolu 37 tal-Kapitolu IX tas-SGB jistabbilixxi li l-persuni dipendenti jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċju tal-kura fix-xahar meta jiksbu b’mod awtonomu s-servizzi tal-kura u tal-assistenza li jeħtieġu. Il-benefiċċju jista’ jintuża liberament mill-benefiċjarju u għalhekk anki biex jitħallsu servizzi li mhumiex koperti mill-assigurazzjoni jew li jingħataw minn persunal li mhux parti minn stabbilimenti approvati. Anki l-ammont tal-benefiċċju jvarja skont il-grad ta’ dipendenza. Għall-kategorija III, dan l-ammont huwa ta’ EUR 665 fix-xahar.

15.

L-Artikolu 38 tal-Kapitolu XI tas-SGB jipprovdi benefiċċji li jissejħu mħallta. Skont dan l-artikolu, il-persuna assigurata li ma tibbenefikax mill-benefiċċji in natura kollha li jkollha dritt għalihom tista’ tikseb kuntestwalment il-benefiċċju tal-kura li jissemma fl-Artikolu 37, bl-ammont tiegħu jitnaqqas b’perċentwali daqs dik tal-użu tal-benefiċċji in natura. Għandu jkun il-benefiċjarju li jiddeċiedi f’liema perċentwali biħsiebu jagħmel użu mill-benefiċċji in natura. Il-benefiċċji mħallta għandhom l-għan li jagħtu iktar awtonomija fl-organizzazzjoni tal-assistenza fid-djar tal-persuna dipendenti.

16.

Il-benefiċċji li jaqbżu l-livelli massimi previsti mill-assigurazzjoni għad-dipendenza tħallashom il-persuna dipendenti.

17.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 43 tal-Kapitolu XI tas-SGB, li jissemma fl-osservazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni, il-persuni dipendenti għandhom dritt għal assistenza sħiħa f’dar ta’ kura meta l-assistenza fid-djar jew assistenza parzjali f’dar ta’ kura ma tkunx possibbli jew ma tkoprix il-karatteristiċi partikolari tal-każ. Il-Fond għall-Persuni Dipendenti jkopri l-ispejjeż ta’ assistenza, l-ispejjeż għall-kura medika u l-ispejjeż għall-assistenza soċjali b’ammont fiss. Dan l-ammont fiss huwa ta’ EUR 1432 għall-persuni dipendenti li jappartjenu għall-kategorija III. B’kollox, l-ammonti li jinħarġu mill-Fond ma jridux jaqbżu l-75% tal-ammont totali tal-ispejjeż għall-kura, għall-assistenza u għall-akkomodazzjoni tal-persuna dipendenti. L-Artikolu 43 jipprovdi wkoll li l-ammont annwali tal-ispejjeż ta’ Fond għall-Persuni Dipendenti għall-persuni koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali assistiti interament f’dar ta’ kura ma jridx jaqbeż, bejn wieħed u ieħor, EUR 15339 għal kull persuna. Dawn l-ammonti massimi jistgħu jinqabżu f’każi eċċezzjonali. Il-persuna assigurata li tagħżel li tingħata l-assistenza kollha f’dar ta’ kura minkejja li l-Fond jikkonstata li dan ma jkunx meħtieġ għandha dritt għal kontribuzzjoni ta’ mhux iktar mill-ammont massimu pprovdut mill-Artikolu 36 għall-kategorija ta’ dipendenza tagħha.

III — Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.

Billi kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ dipendenza, P. Von Chamier-Glisczinski, ċittadina Ġermaniża residenti f’Munich, kienet tirċievi mid-DAK, l-entità tas-sigurtà soċjali li kienet assigurata magħha permezz tar-raġel tagħha, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għad-dipendenza pprovduti mill-Artikolu 38 tal-Kapitolu XI tas-SGB (benefiċċji mħallta).

19.

Fis-27 ta’ Awwissu 2001, P. Von Chamier-Glisczinski talbet lid-DAK li l-benefiċċji in natura li kellha dritt għalihom skont il-liġi Ġermaniża jingħatawlha f’dar ta’ kura li kienet tinsab fl-Awstrija, fejn hija kienet biħsiebha tidħol. Din it-talba ġiet miċħuda mid-DAK b’deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2001, fejn ġie indikat li r-raġuni għaċ-ċaħda kienet li f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ P. Von Chamier-Glisczinski, id-dritt Awstrijak ma jipprovdix li l-persuni koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu jingħataw benefiċċji in natura. Skont id-DAK, P. Von Chamier-Glisczinski kellha biss dritt għall-benefiċċju tal-kura skont l-Artikolu 37 tal-Kapitolu XI tas-Sozialgeseztbuch, li jingħata lill-kategorija III, jiġifieri DEM 1300 (EUR 664,68).

20.

Mis-17 ta’ Settembru 2001 sat-18 ta’ Diċembru 2003, P. Von Chamier-Glisczinski kienet residenti f’dar ta’ kura rikonoxxuta mill-Istat Awstrijak, fejn skont kif ingħad fid-deċiżjoni tar-rinviju, marret minħabba li r-raġel tagħha kellu l-ħsieb li jfittex xogħol f’dan il-pajjiż.

21.

B’deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2002, id-DAK ċaħdet l-ilment ippreżentat minn P. Von Chamier-Glisczinski kontra d-deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2001. Din tal-aħħar għamlet talba lis-Sozialgericht München, li ċaħdet ir-rikors b’sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2005. P. Von Chamier-Glisczinski appellat minn din is-sentenza quddiem il-Bayerisches Landessozialgericht München, fejn irrepetiet it-talba għal rimbors tal-ispejjeż li kellha waqt li kienet fid-dar ta’ kura Awstrijaka, jiġifieri d-differenza bejn il-benefiċċju tal-kura li rċeviet u l-ammont massimu tal-ispejjeż għall-benefiċċji in natura li skont l-Artikolu 36 tal-Kapitolu XI tas-SGB jitħallsu mill-entità kompetenti għall-persuni li jappartjenu għall-kategorija III.

22.

Billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Bayerisches Landessozialgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1.

L-Artikolu 19(1)(a) li eventwalment jinqara mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fid-dawl tal-Artikolu 18 KE u tal-Artikoli 39 KE u 49 KE flimkien mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat jew persuna li taħdem għal rasha jew membru tal-familja tagħha, ma għandux dritt għal beneficċju finanzjarju jew rifużjoni, f’isem istituzzjoni kompetenti, min-naħa tal-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tar-regoli applikabbli għal din l-aħħar istituzzjoni ma jipprovdux, għall-persuni assigurati ma’ din l-instituzzjoni, benefiċċji in natura iżda benefiċċji fi flus biss?

2.

Fil-każ li dritt ta’ dan it-tip ma jeżistix, jeżisti, fid-dawl tal-Artikoli 18 [KE], 39 [KE] u 49 KE, dritt, suġġett għal approvazzjoni minn qabel, għal ħlas mill-istituzzjoni kompetenti, tal-ispejjeż ta’ trattament ġewwa dar ta’ kura li tinsab fi Stat Membru ieħor, f’ammont ekwivalenti għall-benefiċċji dovuti fl-Istat Membru kompetenti?”

IV — Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Fit-18 ta’ Settembru 2007, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-mewt ta’ P. Von Chamier-Glisczinski, li l-kawża kienet qed titkompla mir-raġel tagħha, u li d-domandi preliminari kienu għadhom viġenti.

24.

Bis-saħħa tat-tieni u tat-tielet paragrafi tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Norveġiż ressqu noti ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma spjegaw anki b’mod orali l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta li saret fit-12 ta’ Ġunju 2008.

25.

Intbagħtet talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 104(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar għamlet ukoll xi domandi lill-Gvern Ġermaniż biex sussegwentement tingħata risposta bil-miktub.

V — L-analiżi ġuridika

A — L-osservazzjonijiet preliminari

26.

Qabel ma nibdew neżaminaw id-domandi preliminari, jeħtieġ li nispjegaw f’iktar dettall il-kuntest fattwali tal-kawża a quo, kif jirriżulta mir-risposta li l-qorti tar-rinviju tat għall-kjarifiki mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-kjarifiki li ngħataw mir-rikorrenti waqt is-seduta.

27.

B’risposta għat-talba għal kjarifiki, il-Bayerisches Landessozialgericht München bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ ittri, l-ewwel waħda tal-avukat tar-rikkorenti u t-tieni waħda tad-DAK. Fl-ewwel waħda jiġi sostnut li sakemm P. Von Chamier-Glisczinski damet fid-dar ta’ kura Awstrijaka, ir-raġel tagħha żamm ir-residenza tiegħu f’Monako, fejn kellu impjieg sat-30 ta’ Ġunju 2002. Madankollu, minn Awwissu 2001, huwa ma baqax iktar impjegat minħabba ftehim li għamel ma’ dak li kien iħaddmu fid-dawl tat-tmiem tal-kuntratt ta’ impjieg. Minn Awwissu 2001 sa Diċembru 2003 kien qed ifittex impjieg fl-Awstrija, fejn kienet residenti martu. F’Diċembru 2003 is-Sur Von Chamier-Glisczinski fetaħ negozju li s-sede tiegħu ġiet stabblita f’Laufen f’April 2004. Fl-ittra tad-DAK minflok qed jingħad li mill-inkartament tar-rikorrenti jirriżulta li fis-17 ta’ Settembru 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002, is-Sur Von Chamier-Glisczinski kien impjegat bħala ħaddiem dipendenti u kien assigurat mal-konvenuta b’mod volontarju; li mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-18 ta’ Diċembru 2003 kien irreġistrat bħala persuna li kienet qed tfittex impjieg ma’ aġenzija tal-impjiegi ta’ Monako, li mingħandha kien jirċievi l-benefiċċji tal-qgħad; u kien assigurat mal-konvenuta b’mod obbligatorju u; fl-aħħar nett li, mid-19 ta’ Diċembru 2003, kien assigurat mad-DAK bħala li kien jaħdem għal rasu.

28.

Waqt is-seduta, is-Sur Von Chamier-Glisczinski ppreċiża li f’Awwissu 2001 kien għaddej b’negozjati ma’ kumpannija farmaċewtika Awstrijaka sabiex jiftaħ negozju għal rasu. Dan il-proġett, li kien se jwasslu biex imur joqgħod fl-Awstrija, fejn minn Settembru 2001 kienet residenti martu, madankollu falla minħabba li ma ngħatax il-finanzjament meħtieġ.

29.

Iktar ’il quddiem fl-analiżi se nqis l-elementi li semmejt iktar ’il fuq, skont kemm uħud minnhom għandhom impatt fuq ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi li għamlet il-qorti tar-rinviju.

B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.

Essenzjalment, bl-ewwel domanda preliminari il-Bayerisches Landessozialgericht München qed tistaqsi jekk fuq il-bażi tal-mekkaniżmu pprovdut mill-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiem hix obbligata, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, li tagħti benefiċċji fi flus, eventwalment f’forma ta’ rimbors jew ta’ ħlas ta’ spejjeż, meta s-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat, b’differenza għal dik tal-istituzzjoni kompetenti, ma tipprovdix biex l-affiljati tagħha jingħataw benefiċċji in natura.

31.

L-ewwel domanda għalhekk għandha l-għan li taċċerta jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71, tistax tinvoka dritt għal ammont ta’ flus ekwivalenti għall-benefiċċji in natura inkwistjoni mill-entitajiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ residenza tagħha.

32.

Qabel ma nirrispondi għal din id-domanda nqis li jkun aħjar jekk nippreċiża xi affarijiet.

33.

L-ewwel nett infakkar li r-Regolament Nru 1390/81 estenda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom. Is-sitwazzjoni tal-konjuġi Von Chamier-Glisczinski għaldaqstant hija rregolata minn dawn ir-regolamenti minkejja li waqt is-seduta rriżulta li s-Sur Von Chamier-Glisczinski, waqt li martu kienet fid-dar ta’ kura fl-Awstrija, ma kienx qed ifittex impjieg bi ħlas f’dak l-Istat, imma kellu l-ħsieb li jiftaħ negozju għal rasu.

34.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li tagħti l-fehma tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 rigward il-benefiċċji tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża kontra r-riskju ta’ dipendenza. Fis-sentenza Molenaar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali benefiċċji, anki jekk għandhom karatteristiċi tagħhom proprja għandhom jiġu meqjusa bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, għaliex “għandhom essenzjalment l-għan li jissupplementaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni fuq il-mard li magħhom […] huma marbuta fuq livell ta’ organizzazzjoni sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa u tal-ħajja tal-persuni dipendenti”  ( 7 ). Għaldaqstant, l-Artikoli 18 sa 36 tar-Regolament huma applikabbli għal dawn il-benefiċċji.

35.

Il-qorti tar-rinviju qieset lill-Artikolu 19 tar-Regolament bħala d-dispożizzjoni ta’ referenza li fuq il-bażi tagħha għandha tiġi kkuntestwalizzata s-sitwazzjoni tal-konjuġi Von Chamier-Glisczinski. Madankollu, għandi xi dubji rigward kemm hija korretta din ir-referenza legali. Fil-fatt, dan l-artikolu jirregola s-sitwazzjoni tal-ħaddiem, jew ta’ membru tal-familja tiegħu, li, filwaqt li jkun hemm ir-riskju li jagħti dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, f’dan il-każ id-dipendenza, ikun residenti fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti. Is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem, jew ta’ membru tal-familja tiegħu, li, wara li jkun ingħata l-benefiċċji mħallsa mill-Istat kompetenti, jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, min-naħa l-oħra hija rregolata mill-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament.

36.

Issa, f’dan il-każ, huwa evidenti li s-Sinjura Von Chamier-Glisczinski diġà kienet tibbenefika mill-benefiċċji tal-assigurazzjoni għad-dipendenza Ġermaniża, fil-forma ta’ benefiċċji msejħa mħallta, qabel ma ttrasferiet ir-residenza tagħha mill-Ġermanja għall-Awstrija. Għaldaqstant jidhirli li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ iktar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) milli f’dak tal-Artikolu 19.

37.

Il-bidla fid-dispożizzjoni ta’ referenza madankollu ma timplikax bidla sostanzjali fis-sistema applikabbli. Fil-fatt, kif se naraw aħjar iktar ’il quddiem, l-Artikolu 22(1)(i) u (ii) jipprovdi sistema simili għal dik tal-Artikolu 19(1)(a) u (b), ħlief għall-obbligu li għandu l-ħaddiem jew il-membru tal-familja tiegħu li jitlob lill-istituzzjoni kompetenti l-awtorizzazzjoni biex ikompli t-trattament mediku fi Stat Membru ieħor ( 8 ). Madankollu fil-każ imsemmi fl-Artikolu 22(1)(b), li jidher li huwa dak ta’ P. Von Chamier-Glisczinski, din l-awtorizzazzjoni “tista’ tiġi rrifjutata biss jekk jiġi stabbilit illi ċ-ċaqliq tal-persuna interessata jkun ta’ preġudizzju għall-istat ta’ saħħtu jew għar-riċeviment ta’ kura medika”.

38.

Fl-aħħar jeħtieġ jitfakkar ukoll li fis-sentenza Twomey, il-Qorti tal-Ġustizzja, li telqet mill-konstatazzjoni tal-aċċettazzjoni partikolarment wiesgħa tal-kunċett ta’ ħaddiem inkluża fir-Regolament Nru 1408/71, ippreċiżat li l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jiġi applikat anki għal ħaddiem qiegħed li jkun residenti fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti, irrispettivament mill-waqt meta beda l-istat ta’ invalidità, jekk hux qabel jew wara li waqaf jaħdem ( 9 ). Minn dan jirriżulta, konformi mar-referiment skont l-Artikolu 19(2), li dan tal-aħħar japplika anki fil-każ tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem qiegħed li jkunu residenti fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti. Fil-fehma tiegħi għandha tapplika l-istess konklużjoni anki għall-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament. Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ ħaddiem inkluż f’dan l-Artikolu huwa l-istess, kif ġie rikonoxxut b’mod impliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 16 tas-sentenza. Min-naħa l-oħra, anki l-Artikolu 22(1)(b), bħall-Artikolu 19, għandu kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dak tal-Artikolu 25 tar-Regolament, li jirregola s-sitwazzjoni tal-ħaddiema qiegħda li joqogħdu b’mod temporanju fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti biex ifittxu impjieg ( 10 ), madankollu mingħajr ma jittrasferixxu hemmhekk ir-residenza tagħhom ( 11 ). Għaldaqstant, il-fatt li jirriżulta mill-ittra tad-DAK li ġiet trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, li għal ċertu perijodu ta’ żmien waqt li martu kienet qiegħda fid-dar ta’ kura fl-Awstrija, is-Sur Von Chamier-Glisczinski kien irreġistrat fil-Ġermanja bħala persuna li kienet qed tfittex impjieg u kien qed jirċievi mingħand l-entitajiet kompetenti ta’ dan l-Istat benefiċċju tal-qgħad, anki fejn tkun ikkonfermata, fiha nfisha mhijiex biżżejjed biex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 (u, għall-istess raġunijiet, lanqas tal-Artikolu 22(1)(b)) tar-Regolament għas-sitwazzjoni ta’ P. Von Chamier-Glisczinski.

39.

Issa li ppreċiżajt dawn il-punti, se ngħaddi biex neżamina l-ewwel domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju.

40.

Mid-deċiżjoni ta’ din il-qorti, jirriżulta li għal ċertu perijodu ta’ żmien P. Von Chamier-Glisczinski bbenefikat mill-benefiċċji mħallta li jissemmew fl-Artikolu 38 tal-Kapitolu XI tas-SGB. Dawn tal-aħħar jippreżumu l-assistenza fid-dar tal-persuna dipendenti. Waqt is-seduta, is-Sur Von Chamier-Glisczinski kkonferma wkoll li martu, sakemm marret fid-dar ta’ kura fl-Awstrija, kienet tingħata assistenza f’darhom.

41.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li f’Awwissu 2001, P. Von Chamier-Glisczinski talbet lid-DAK biex tikseb l-awtorizzazzjoni ħalli tmur f’dar ta’ kura fl-Awstrija filwaqt li żżomm id-dritt għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni għad-dipendenza Ġermaniża, awtorizzazzjoni li ġiet miċħuda. Kif rajna, skont l-Artikolu 43(1) tal-Kapitolu XI tas-SGB, il-persuni dipendenti għandhom dritt għal assistenza sħiħa f’dar ta’ kura meta l-assistenza f’darhom, jew assistenza parzjali f’dar ta’ kura ma tkunx possibbli. Skont l-Artikolu 43(2), il-Fond għall-Persuni Dipendenti jkopri l-ispejjeż li jikkonċernaw ir-residenza fid-dar ta’ kura b’ammont fiss; għall-persuni li jappartjenu għall-kategorija III, bħal P. Von Chamier-Glisczinski, dan l-ammont fiss huwa ta’ EUR 1432 fix-xahar. Barra minn dan, skont l-Artikolu 43(4), il-persuna assigurata li tagħżel li tirċievi assistenza sħiħa f’dar ta’ kura minkejja li l-istituzzjoni kompetenti tqis li dan ma jkunx meħtieġ, tibbenefika madankollu minn dritt għal kontribuzzjoni ekwivalenti għall-ammont previst mill-Artikolu 36 għall-kategorija ta’ dipendenza korrispondenti; għall-kategorija III din il-kontribuzzjoni hija ta’ EUR 1432 fix-xahar.

42.

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, huwa loġiku li nissuponu li, fit-talba li għamlet lid-DAK, is-Sinjura Von Chamier-Glisczinski wriet ix-xewqa tagħha li tgħaddi mis-sistema tal-benefiċċji mħallta skont l-Artikolu 38 tal-Kapitolu XI tas-Sozialgesetzbuch għall-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 43, u fl-istess ħin talbet li dawn il-benefiċċji jiġu “esportati” fl-okkażjoni tat-trasferiment tagħha fid-dar ta’ kura fl-Awstrija. Iċ-ċaħda tad-DAK kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71 u mhux fuq in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet biex ikun hemm aċċess għall-benefiċċji li jissemmew fl-Artikolu 43. Fi kliem ieħor, is-Sinjura Von Chamier-Glisczinski wisq probabbli kienet tibbenefika minn dawn il-benefiċċji li kieku ġiet irrikoverata f’dar ta’ kura fil-Ġermanja. Meta ddeċidiet li titrasferixxi r-residenza tagħha fl-Awstrija, is-Sinjura Von Chamier-Glisczinski, għall-kuntrarju, tilfet id-dritt għall-benefiċċji previsti fl-Artikoli 36, 38 u 43 tal-Kapitolu XI tas-Sozialgesetzbuch, filwaqt li madankollu żammet dak tal-benefiċċju tal-kura skont l-Artikolu 37 li, fil-każ tagħha, ammonta għal madwar EUR 665 fix-xahar. Barra minn hekk, hija ma setgħet tgawdi mill-ebda benefiċċju mogħti mis-sistema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka li, minn dak li rriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li ma tipprovdix benefiċċji in natura għas-sitwazzjonijiet ta’ dipendenza bħal dawk tas-Sinjura Von Chamier-Glisczinski ( 12 ).

43.

Il-Gvern Ġermaniż, dak Norveġiż u l-Kummissjoni jsostnu li s-sitwazzjoni sfavorevoli li sabet ruħha fiha s-Sinjura Von Chamier-Glisczinski tiddependi mis-sistemi differenti tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, sistemi li huma suġġetti biss għal koordinazzjoni skont ir-Regolament Nru 1408/71 u mhux għal armonizzazzjoni.

44.

L-ewwel nett jeħtieġ li nfakkar li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi għal sistema differenti għall-benefiċċji fi flus u għal dawk in natura. Filwaqt li tal-ewwel jingħataw lill-ħaddiem li jkun residenti fi Stat Membru differenti minn dak ta’ fejn jaħdem “mill-istituzzjoni kompetenti bi qbil mal-leġislazzjoni li tamministra” (Artikolu 19(1)(b)), tal-aħħar jingħataw f’isem l-istituzzjoni kompetenti tal-post ta’ residenza “bi qbil mal-leġislazzjoni amministrata minn din l-istituzzjoni daqs li kieku [l-ħaddiem] kien assigurat magħha” (Artikolu 19(1)(a)). Kif diġà kelli okkażjoni ngħid, l-Artikolu 22(1)(i) u (ii) tar-Regolament jipprovdi għal sistema simili.

45.

Il-mekkaniżmu doppju li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet jippermetti li l-ħaddiem kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru li jkun residenti jew jgħix fi Stat Membru ieħor, ikun jista’, minn naħa, “jesporta” l-benefiċċji fi flus li għandu dritt għalihom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti, u mill-oħra, li jkollu aċċess fl-Istat Membru ta’ residenza għall-istess benefiċċji in natura li jkollhom dritt għalihom dawk koperti mis-sistema tal-imsemmi Stat. Barra minn hekk, ir-referenza għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza jew ta’ għajxien tippermetti li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet ta’ dan l-Istat, mitluba jipprovdu benefiċċji in natura lil ħaddiem kopert minn sistema ta’ Stat Membru ieħor, ikunu obbligati japplikaw regoli differenti minn tagħhom. Konsegwentement, huwa fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni li jiġu ddefiniti, pereżempju, it-tip ta’ benefiċċju, il-mod kif jingħata ( 13 ), għal kemm żmien jingħata ( 14 ) u l-firxa tal-kopertura. Il-benefiċċji jingħataw “fl-interess tal-istituzzjoni kompetenti” ( 15 ), li, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament, ikollha tirrimborsahom kollha lill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza jew ta’ għajxien.

46.

Fuq il-bażi tad-definizzjoni inkluża fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “benefiċċji f’oġġetti [in natura]” ma jeskludix benefiċċji li jikkonsistu fi ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni debitriċi, b’mod partikolari taħt il-forma ta’ ħlas dirett jew ta’ ħlas lura ta’ spejjeż, u li l-kunċett ta’ “benefiċċji fi flus” ikopri essenzjalment il-benefiċċji intiżi li jikkumpensaw it-telf ta’ salarju tal-ħaddiem marid ( 16 ). Fis-sentenza Molenaar li semmejt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-benefiċċji tal-assigurazzjoni għad-dipendenza Ġermaniża “maħsuba biex ikopru l-kura li tkun irċeviet il-persuna assigurata, kemm f’darha kif ukoll f’istituzzjonijiet speċjalizzati, l-akkwist ta’ tagħmir u x-xogħol imwettaq, jaqgħu bla ebda dubju taħt il-kunċett ta’ ‘‘benefiċċji f’oġġetti [in natura]’ skont l-Artikoli 19(1)(a), 25(1)(a), u 28(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71” ( 17 ). Il-benefiċċji li huma s-suġġett tal-pretensjoni mressqa minn P. Von Chamier-Glisczinski fil-konfront tad-DAK, anki jekk jikkonsistu fl-għotja ta’ somma ta’ flus biex jiġu rimborsati l-ispejjeż, b’hekk jikkostitwixxu benefiċċji in natura u huma suġġetti għas-sistema pprovduta għal dawn il-benefiċċji mir-Regolament Nru 1408/71.

47.

Skont l-Artikolu 19(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, hekk kif interpretatu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Molenaar, il-ħaddiem li għandu r-residenza tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti għandu dritt għall-benefiċċji in natura li l-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ għajxien jagħti f’sitwazzjonijiet simili lill-affiljati tiegħu, “peress li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ikun xi jkun l-isem iktar speċifiku tas-sistema ta’ ħarsien soċjali li tkun inkluża fiha, tipprovdi l-għotja ta’ dawn il-benefiċċji biex ikunu koperti l-istess riskji koperti mill-assigurazzjoni […] tal-Istat Membru ta’ impjieg” ( 18 ).

48.

Konsegwentement, il-ħaddiem ma jista’ jkollu l-ebda pretensjoni fil-konfront tal-Istat ta’ residenza, fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ma tipprovdix l-għotja ta’ benefiċċji in natura biex ikun kopert ir-riskju li għalih ġew invokati l-isemmija benefiċċji. Jidhirli li din il-konklużjoni hija konformi mal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament, anki mar-ratio tiegħu, li għandu l-għan li jiżgura li l-ħaddiem fl-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ għajxien ikollu aċċess għall-kura adattata għall-istat ta’ saħħa tiegħu bl-istess mod bħall-persuni koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat.

49.

Fil-każ P. Von Chamier-Glisczinski, peress li donnu li s-sistema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka ma tipprovdix l-għotja ta’ benefiċċji in natura għar-riskju ta’ dipendenza, dak li ngħad iktar ’il fuq ifisser li hija ma jista’ jkollha l-ebda pretensjoni fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Istat ta’ residenza.

50.

Għaldaqstant, f’dan il-punt naqbel mal-interpretazzjoni li ssuġġerew il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Norveġiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom.

51.

Min-naħa l-oħra, ma naqbilx mat-teżi li tgħid li huwa minħabba n-natura ta’ dispożizzjoni dwar kunflitt tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament li l-aċċess tal-ħaddiem għall-benefiċċji in natura fil-każ ta’ residenza fi Stat Membru differenti minn dak tal-impjieg jingħata esklużivament mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, jiġifieri li ma tista’ titressaq l-ebda pretensjoni rigward dawn il-benefiċċji fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-imsemmi Stat fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ma tipprovdi għall-ebda għotja ta’ benefiċċji in natura biex ikun kopert ir-riskju li għalih qed jiġu invokati dawn il-benefiċċji.

52.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li ssostni fis-sentenza Jordens-Vosters li r-Regolament Nru 1408/71 “essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-applikazzjoni, skont kriterji uniformi u Komunitarji, tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li, f’kull Stat Membru, jikkonċernaw il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità” u li “dan ifisser li wieħed ikun qed imur lil hinn minn dan l-ambitu u fl-istess ħin iqiegħed lilu nnifsu lil hinn mill-għanijiet u mill-kuntest tal-Artikolu [42 KE], jekk ir-Regolament Nru 1408/71 jiġi interpretat bħallikieku qed jipprojbixxi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-ħaddiem protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li tiġi mill-applikazzjoni tal-istess Regolament” ( 19 ). B’mod iktar preċiż minn hekk, f’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li jkunu qed jitwarrbu kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu tal-Artikolu 19 tar-Regolament jekk jiġi interpretat bħala li dan qed jipprojbixxi“lill-entità kompetenti li tagħti lil ħaddiem benefiċċji tas-sigurtà soċjali iktar favorevoli minn dawk li suppost tiggarantilhom skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, f’każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-imsemmija entità tawtorizzaha li, f’ċirkustanzi partikolari, tagħti ħarsien soċjali addizzjonali lill-imsemmija persuni assigurati”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja mhux rilevanti jekk il-ħaddiem ikunx residenti fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak kompetenti; din iċ-ċirkustanza filwaqt li hija deċiżiva, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament, “biex ikun iddeterminat jekk l-entità mqabbda biex tipprovdi l-benefiċċji dovuti lill-persuna assigurata, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata għall-għoti tal-istess benefiċċji, mhix importanti […] fejn għandha x’taqsam l-għotja eventwali, skont il-leġiżlazzjoni kompetenti, ta’ benefiċċji soċjali addizzjonali li l-persuna assigurata ma għandhiex dritt għalihom imma li l-entità kompetenti tista’ tagħtihomlha” ( 20 ).

53.

Bl-istess mod, fis-sentenza Pierik I ( 21 ), li tikkonċerna mhux l-Artikolu 19 imma l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sostniet li “fil-kuntest tal-għanijiet ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 22 […] jaqa’ fl-ambitu tal-miżuri li għandhom l-għan li permezz tagħhom il-ħaddiem, ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità, ikun jista’ jgawdi, lil hinn mill-entità nazzjonali li huwa rreġistrat magħha jew mill-post ta’ residenza, mill-benefiċċji in natura ipprovduti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor” ( 22 ), qieset li t-termini “benefiċċji f’oġġetti [in natura] provduti fl-interess ta’ l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta’ l-għixien jew tar-residenza” (Artikolu 22(1)(b)) ma jindikawx esklużivament il-benefiċċji in natura ipprovduti fl-Istat Membru ta’ residenza, imma anki dawk li l-entità kompetenti għandha l-fakultà li tagħti ( 23 ); ir-raġuni għal dan kollu ġejja mill-fatt li, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament jeħtieġ li lill-ħaddiem tkun iggarantita l-possibbiltà li jibbenefika mill-kura l-iktar adattata u l-iktar effettiva għall-istat ta’ saħħa tiegħu, irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu jew mill-post fi ħdan il-Komunità fejn tkun disponibbli din il-kura ( 24 ).

54.

Iż-żewġ preċedenti li semmejt iktar ’il fuq kienu jikkonċernaw kura li ngħatat fit-territorju tal-Istat Membru tal-impjieg mill-entità tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat lil ħaddiem residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, filwaqt li fil-każ ta’ P. Von Chamier-Glisczinski, ir-rimbors qed jintalab għal benefiċċji li P. Von Chamier-Glisczinski rċeviet fl-Istat ta’ residenza. Madankollu, ma naħsibx li din iċ-ċirkustanza biss hija tali li ma tippermettix traspożizzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja anki f’sitwazzjonijiet bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

55.

Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 19 jitqies bħala ostakolu biex l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jagħtu lil affiljat tagħhom benefiċċji in natura skont il-leġiżlazzjoni li tapplika fir-rigward tagħhom, meta dawn il-benefiċċji ma jkunux ipprovduti mill-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, dan jista’ jwassal għal riżultati li ma jkunux kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament. Dan iseħħ, pereżempju, f’każ li l-Istat Membru kompetenti jipprovdi, biex ikun kopert riskju partikolari, biss benefiċċji in natura u l-Istat Membru ta’ residenza jipprovdi biss benefiċċji fi flus: f’dan il-każ, il-ħaddiem la jirċievi benefiċċji fi flus, peress li dawn mhumiex ipprovduti mill-Istat kompetenti, li għandu l-obbligu li jipprovdihom skont l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament, u lanqas benefiċċji in natura, peress li dawn mhumiex ipprovduti mill-Istat Membru ta’ residenza. Fi kliem ieħor, il-ħaddiem jibqa’ bla ebda kopertura għar-riskju inkwistjoni u dan minkejja li s-sistema tas-sigurtà soċjali taż-żewġ Stati tipprovdi kopertura. F’dan il-każ, il-ħaddiem ikun anki qed jingħata trattament differenti kemm minn dak li jingħata lill-persuni koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat kompetenti li jkunu residenti f’dak l-Istat, kif ukoll minn dak tal-persuni koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ residenza.

56.

Huwa pjuttost evidenti li riżultat bħal dan ma jkunx konformi mal-ispirtu tar-Regolament u mal-għanijiet segwiti permezz tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali mixtieqa mill-Artikolu 42 KE, fejn fost l-oħrajn hemm fuq kollox il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u ż-żamma tad-drittijiet miksuba ( 25 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja minn dejjem kienet kontra interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li setgħet tirriżulta f’telf ta’ vantaġġi tas-sigurtà soċjali li ġew iggarantiti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ( 26 ).

57.

Jekk ir-Regolament Nru 1408/71 mhux kontra r-rimbors li huwa l-għan tal-pretensjoni li ressqet P. Von Chamier-Glisczinski fil-konfront tad-DAK, madankollu d-dritt li tikseb dan ir-rimbors, fil-fehma tiegħi, ma jistax jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, anki jekk jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles. Għalhekk jeħtieġ li neżaminaw jekk l-imsemmi dritt jistax jiġi rikonoxxut direttament fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar, li l-interpretazzjoni tagħhom hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

58.

Għall-motivi kollha li għadni kemm semmejt, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari:

“L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi [tas-sistemi] tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, għandu jiġi interpretat bħala li l-ħaddiem b’salarju jew għal rasu li għandu r-residenza tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru kompetenti ma għandu dritt għall-ebda benefiċċju in natura ipprovdut f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza ma tipprovdix li jingħataw benefiċċji in natura biex ikun kopert ir-riskju li għalih jiġu invokati l-isemmija benefiċċji. L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix li dan il-ħaddiem jew membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jikseb l-imsemmija benefiċċji, f’forma ta’ rimborż tal-ispejjeż li jkun ħareġ, mingħand l-istituzzjoni kompetenti, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni li tapplika din l-istituzzjoni”.

59.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 irid jiġi interpretat bl-istess mod, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni ta’ P. Von Chamier-Glisczinski taqa’, kif naħseb jiena, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mhux taħt dak tal-Artikolu 19.

C — Dwar it-tieni domanda preliminari

60.

Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 49 KE, hemmx dritt, li jista’ jkun impost fuq l-istituzzjoni kompetenti, b’awtorizzazzjoni, li jitħallsu l-ispejjeż tal-ammissjoni u tal-assistenza f’dar ta’ kura fi Stat Membru ieħor, għal ammont daqs il-benefiċċji li għandu jkollha l-persuna assigurata fl-Istat Membru kompetenti.

61.

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li jekk, skont ġurisprudenza stabbilita rigward it-tqassim tal-kompiti bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti Komunitarja, ex Artikolu 234 KE, għandha tkun tal-ewwel li tapplika rigward il-kawża li jkollha quddiemha d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju bil-mod kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġusizzja, madankollu għandha tkun tal-aħħar li għandha tislet mill-informazzjoni kollha li ngħatatilha mill-qorti nazzjonali l-punti tad-dritt Komunitarju li jridu jiġu interpretati, fir-rigward tas-suġġett tal-kawża ( 27 ).

62.

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-elementi dwar il-kawża prinċipali li għandna quddiemna jwassluna biex inqisu li P. Von Chamier-Glisczinski ma għandhiex raġun li tinvoka l-applikazzjoni favuriha tal-Artikolu 49 KE. Tabilħaqq, skont l-informazzjoni li bagħtet il-qorti tar-rinviju u skont l-indikazzjonijiet li ta s-Sur Von Chamier-Glisczinski waqt is-seduta, P. Von Chamier-Glisczinski ma marritx toqgħod b’mod temporanju fl-Awstrija sabiex tirċievi kura fl-istituzzjoni speċjalizzata fejn iddaħħlet, imma stabbiliet ir-residenza tagħha f’dan l-Istat sabiex tantiċipa t-trasferiment imminenti tar-raġel tagħha. Hija kompliet tirrisjedi b’mod stabbli fl-Awstrija, u kompliet toqgħod fid-dar ta’ kura inkwistjoni, għal perijodu ta’ 27 xahar. Fis-sentenza Steymann vs Stassecretaris van Justitie, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat (issa l-Artikoli 49 KE u 50 KE) “ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fit-territorju ta’ Stat Membru u hemmhekk jistabbilixxi r-residenza tiegħu biex […] f’dan l-Istat jirċievi l-benefiċċji ta’ servizzi għal perijodu indefinit” ( 28 ). Din il-konklużjoni kienet ikkonfermata fis-sentenza Sodemare ( 29 ), li kienet tikkonċerna s-servizzi ta’ lqigħ fi djar għall-anzjani.

63.

Bl-istess mod, is-sitwazzjoni tal-konjuġi Von Chamier-Glisczinski ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 KE. Mid-dikjarazzjonijiet li għamel is-Sur Von Chamier-Glisczinski waqt is-seduta, jirriżulta tabilħaqq li dan tal-aħħar, matul il-perijodu li martu qattgħet fid-dar ta’ kura fl-Awstrija, ma ħa l-ebda inizjattiva diretta sabiex ifittex xogħol b’salarju f’dak il-pajjiż.

64.

Meta jitqies il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, għalhekk jeħtieġ li nillimitaw ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE biss.

65.

L-ewwel nett, ma naqbilx mal-oġġezzjoni li qajmu l-Kummissjoni u l-Gvern Norveġiż, jiġifieri li l-fatt li r-Regolament Nru 1408/71 jimplementa l-libertà tal-moviment stabbilita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-kuntest tas-sigurtà soċjali jfisser li l-Artikolu 19(1)(a) ta’ dan ir-regolament biss japplika għall-kawża prinċipali, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistgħu jiġu applikati biss jekk dan l-Artikolu jiġi ddikjarat invalidu.

66.

Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 30 ), tabilħaqq inqis li l-Artikolu 19(1)(a) mhux qed jostakola r-rikonoxximent għall-ħaddiem u għall-membri tal-familja tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ta’ dritt li għandu jiġi invokat mhux fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Istat ta’ residenza imma fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Istat ta’ affiljazzjoni.

67.

F’dan ir-rigward, għandna nfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta eżaminat ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment liberu tas-servizzi, fis-sentenza Kohll ( 31 ), ippreċiżat li dan l-Artikolu ma għandux l-għan li jirregola — u għaldaqstant bl-ebda mod ma jimpedixxi — ir-rimborż mill-Istati Membri, skont it-tariffi fis-seħħ fl-Istat kompetenti, imma huwa limitat sabiex jippermetti li l-persuna assigurata tgawdi minn benefiċċji mediċi in natura, f’isem l-entità kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn jiġu pprovduti l-benefiċċji ( 32 ). Il-portata ġenerali ta’ din l-affermazzjoni, minn naħa, u l-fatt li l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament jipprovdu l-istess regolamentazzjoni rigward il-benefiċċji in natura, min-naħa l-oħra, jwasslu biex inqisu li dak li ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja ikun applikabbli, kemm fis-sitwazzjonijiet kollha koperti mill-Artikolu 22(1) (inklużi dawk speċifikati mill-Artikolu 22(1)(b)), kif ukoll fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1). L-istess bħall-Artikolu 22(1), l-Artikolu 19(1) għaldaqstant ma għandux l-għan li jirregola, u konsegwentement ma jimpedixxix, ir-rimborż tal-ispejjeż għall-kura medika li ngħatat fi Stat Membru differenti minn dak ta’ affiljazzjoni fil-kundizzjonijiet u bit-tariffi pprovduti minn dan tal-aħħar.

68.

Fis-sentenza Kohll li semmejt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li d-dritt għal dan ir-rimborż ġej direttament mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi ( 33 ).

69.

Imma l-kwistjoni li rridu nsolvu hawnhekk hija jekk l-istess dritt jistax jiġi rikonoxxut skont l-Artikolu 18 KE, f’sitwazzjoni fejn la jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 KE u lanqas dawk tal-Artikolu 39 KE.

70.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar qabel kollox li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri biex jorganizzaw is-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali ( 34 ). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, għandha tkun il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet biex jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ( 35 ). Madankollu, jibqa’ l-fatt li filwaqt li jeżerċitaw din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt Komunitarju ( 36 ) u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà rikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni għal moviment liberu u għal residenza fit-territorji tal-Istati Membri ( 37 ).

71.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li ssostni li peress li ċittadin tal-Unjoni għandu dritt jara li jiġi rrikonoxxut lilu, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li dan iċ-ċittadin jingħata, fl-Istat Membru fejn huwa ċittadin, trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet lilu mogħtija mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu ( 38 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-opportunitajiet ma jkunux jistgħu fil-fatt jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba fl-ostakli magħmula lir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba f’liġi tal-Istat oriġinali tiegħu li tippenalizza l-fatt li hu eżerċitahom ( 39 ).

72.

Liġi nazzjonali li tiżvantaġġa xi ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għalhekk toħloq inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipji li jiggwidaw l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri l-garanzija tal-istess trattament ġuridiku fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tiegħu ( 40 ).

73.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiċħad lil persuna koperta mis-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali kontra r-riskju ta’ dipendenza r-rimbors tal-ispejjeż li kellha, fil-limiti tal-kopertura ggarantita minn dik is-sistema, meta qattat perijodu fi klinika speċjalizzata fi Stat Membru ieħor, fejn ir-rimborż ta’ dawn l-ispejjeż kieku kien jingħata li kieku qattat dan il-perijodu f’istituzzjoni taħt ftehim kuntrattwali li kienet tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni.

74.

Id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn liġi bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi proporzjonali għall-oġġettiv leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali ( 41 ).

75.

F’dan ir-rigward infakkar li fis-sentenza Smits u Peerbooms ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta estendiet l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Kohll rigward it-trattamenti mediċi fl-isptarijiet, ippreċiżat li minkejja li l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissottoponi l-ħlas tal-ispejjeż mill-Fond ta’ affiljazzjoni relatati ma’ benefiċċji li ngħataw fi sptar li jinsab fi Stat Membru ieħor għal awtorizzazzjoni preċedenti jista’ jkun ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, dan jista’ jkun iġġustifikat mill-għan doppju li tinżamm skema medika u ta’ sptarijiet li tkun ibbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd flimkien ma’ ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji maħsuba għall-kura tas-saħħa ( 43 ).

76.

Inqis li fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ kura u ta’ assistenza lil persuni dipendenti mogħtija fil-qafas ta’ strutturi speċjalizzati għandhom japplikaw kunsiderazzjonijiet simili. Tabilħaqq, kif fil-fehma tiegħi enfasizzaw ġustament kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll dak Norveġiż, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, hemm l-istess ħtiġijiet ta’ ppjanar marbuta maż-żamma ta’ sistema ta’ strutturi li jilqgħu persuni dipendenti bbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment jekk jitqies li fil-pajjiżi tal-Komunità n-nies qed jgħixu iktar u li hemm il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż imħallsa mis-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

77.

Għalhekk, il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni preċedenti sabiex jinkiseb ir-rimbors li ssemma iktar ’il fuq mhix inkompatibbli mal-Artikolu 18 KE, sakemm il-kundizzjonijiet li jridu jiġu rrispettati biex tingħata din l-awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati mill-għanijiet li semmejt iktar ’il fuq, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskiminatorji u ddeterminati minn qabel, u jkunu konformi mar-rekwiżit tal-proporzjonalità ( 44 ).

78.

Madanakollu, għandu jitfakkar li f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba ta’ P. Von Chamier-Glisczinski biex waqt il-perijodu li qattgħet fid-dar ta’ kura fl-Awstrija tingħata l-benefiċċji in natura pprovduti mis-sistema tal-assigurazzjoni għad-dipendenza li hija kienet koperta minnha ġiet miċħuda biss fuq il-bażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71. Għar-raġunijiet li semmejt iktar ’il fuq, il-fatt li dan l-artikolu jista’ jiġi applikat ma jeskludix id-dritt għal rimbors tal-ispejjeż fil-limiti tal-kopertura pprovduta minn din is-sistema, skont l-Artikolu 18 KE ( 45 ). Ir-rifjut li ngħatat P. Von Chamier-Glisczinski għalhekk bl-ebda mod ma jista’ jitqies li kien legali.

VI — Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bayerisch Landessozialgericht München fit-termini li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi [tas-sistemi] tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, għandu jiġi interpretat bħala li l-ħaddiem b’salarju jew għal rasu li għandu r-residenza tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru kompetenti ma għandu dritt għall-ebda benefiċċju in natura pprovdut f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza ma tipprovdix li jingħataw benefiċċji in natura biex ikun kopert ir-riskju li għalih jiġu invokati l-isemmija benefiċċji. L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix li dan il-ħaddiem jew membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jikseb l-imsemmija benefiċċji, f’forma ta’ rimborż tal-ispejjeż, mingħand l-istituzzjoni kompetenti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni li tapplika din l-istituzzjoni.

2.

L-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiċħad, lil persuna koperta minn sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali kontra r-riskju ta’ dipendenza, ir-rimborż, fil-limiti tal-kopertura ggarantita minn din is-sistema, tal-ispejjeż imġarrba waqt il-perijodu ta’ residenza f'dar ta’ kura speċjalizzata, fejn ibbenefikat mill-kura u mill-assistenza mitluba mill-istat ta’ saħħitha, fi Stat Membru ieħor, safejn il-ħlas jew ir-rimborż ta’ dawn l-ispejjeż kien jingħata f’każ ta’ residenza fi ħdan istituzzjoni taħt ftehim kuntrattwali fit-territorju tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni. Id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn liġi bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi proporzjonali għall-oġġettiv leġittimu imfittex mid-dritt nazzjonali”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.

( 3 ) Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 ġew ikkompletati mir-Regolament (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi [sistemi] ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.

( 5 ) B’seħħ mit-30 ta’ April 2006.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 7 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Kawża C-160/96 (Ġabra p. I-843, punt 24).

( 8 ) Għall-benefiċċji in natura huwa previst li jiġu pprovduti tul perijodu ta’ żmien li jiġi ddeterminat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti u mhux minn dak ta’ residenza (jew ta’ domiċilju), kif fil-fatt huwa l-każ tal-Artikolu 19.

( 9 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Kawża C-215/90 (Ġabra p. I-1823, punti 13-15 u 18).

( 10 ) Ara l-punt 15 tas-sentenza Twomey iċċitata iktar ‘il fuq.

( 11 ) Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri “il-post abitwali ta’ residenza”.

( 12 ) Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż ma jaqbilx għaliex iqis li l-qorti tar-rinviju interpretat ħażin id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrijak.

( 13 ) F’ċerti sistemi nazzjonali, pereżempju, l-ispejjeż għall-kura medika mogħtija fi strutturi pubbliċi ġeneralment jitħallsu mill-istituzzjoni kompetenti, filwaqt li f’oħrajn teżisti sistema ta’ rimborż. Il-perċentwali tal-kopertura tal-ispejjeż għall-kura medika tvarja minn sistema għal sistema.

( 14 ) Kif rajna, għas-sitwazzjonjiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1), il-perijodu kemm idumu jingħataw il-benefiċċji jiġi ddeterminat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti.

( 15 ) Ara l-Artikoli 19(1)(b), 22(1)(i), 19(1)(b) u 22(1)(i).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, Kawża 61/65 Vaassen-Göbbels, (Ġabra p. 407, b’mod partikolari p. 429)

( 17 ) Punt 32.

( 18 ) Punt 37. Il-korsiv huwa tiegħi.

( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 1980, Kawża 69/79 Jordens-Vosters (Ġabra p. 75, punt 11).

( 20 ) Punt 13. Il-korsiv huwa tiegħi.

( 21 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 1978, Kawża 117/77, (Ġabra p. 825).

( 22 ) Punt 14

( 23 ) Punt 21.

( 24 ) Punti 17 u 22.

( 25 ) F’dan ir-rigward, għandha titqies anki d-deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Bosmann, fejn ġie sostnut li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li fuq il-bażi tiegħu persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, “xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament mhuwiex intiż sabiex iwaqqaf l-Istat ta’ residenza milli jagħti, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, allowances tal-familja lil din il-persuna” (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Kawża C-352/06, Ġabra p. I-3827, punt 31).

( 26 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1993, Kawżi Magħquda C-45/92 u C-46/92, Lepore u Scamuffa (Ġabra p. I-6497, punt 21); tal-4 ta’ Ottubru 1991, Kawża C-349/87, Paraschi (Ġabra p. I-4501, punt 22); tat-30 ta’ Marzu 1993, Kawża C-282/91, de Wit (Ġabra p. I-1221, punti 16 u 17); u tal-5 ta’Ottubru 1994, Kawża C-165/91, van Munster (Ġabra p. I-4661, punt 27). Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1997, Kawżi Magħquda minn C-31/96 sa C-33/96, Naranjo Arjona et (Ġabra p. I-5501, punt 20); tas-17 ta’ Diċembru 1998, Kawża C-153/97, Grajera Rodríguez (Ġabra p. I-8645, punt 17); u tad-9 ta’ Novembru 2006, Kawża C-205/05, Nemec, (Ġabra p. I-10745, punti 37 u 38).

( 27 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Kawża C-56/01, Inizan (Ġabra p. I-12403, punti 32 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Kawża 196/87 (Ġabra p. 6159, punt 17).

( 29 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Kawża C-70/95, Sodemare et (Ġabra p. I-3395, punt C-70/95)

( 30 ) Ara l-punti 51 sa 56.

( 31 ) Sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kawża C-158/96, Kohll (Ġabra p. I-1931).

( 32 ) Punti 26 u 27. F’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal oġġezzjoni, imqajma mill-Gvern tal-Lussemburgu u mill-istituzzjoni kompetenti, li tixbah lil dik li qajmet il-Kummissjoni f’dan il-każ. Ara anki s-sentenza Vanbraekel, punt 36. Fis-sentenza Inizan, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad eskludiet li l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-regolament, fil-parti fejn l-għotja tal-benefiċċji in natura — li tiggarantihom — hija suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, kienet kontra l-Artikoli 49 KE u 50 KE (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Kawża C-56/01, Ġabra p. I-12403, punti 15-36). Fl-aħħar nett, ara s-sentenza iktar reċenti tas-16 ta’ Mejju 2006, Kawża C-372/04, Watts (Ġabra p. I-4325, punti 46-48).

( 33 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li regolament nazzjonali jissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż (skont it-tariffi tal-Istat ta’ reġistrazzjoni) għal kura medika mogħtija minn professjonista stabbilit fi Stat Membru ieħor barra minn kwalunkwe sptar għall-awtorizzazzjoni tal-entità tas-sigurtà soċjali tal-persuna assigurata. Regolament ta’ din ix-xorta, skont il-Qorti, “jiskoraġġixxi lill-persuni assigurati milli jmorru għand fornituri ta’ servizzi mediċi li jkunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor u jikkostitwixxi, kemm għal dawn tal-aħħar kif ukoll għall-pazjenti tagħhom, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi” (punti 34 u 35 tas-sentenza).

( 34 ) B’mod partikolari, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Kawża 238/82, Duphar et (Ġabra p. 523, punt 16), u Sodemare et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ April 1980, Kawża 110/79, Coonan (Ġabra p. 1445, punt 12); tal-4 ta’ Ottubru 1991, Kawża C-349/87, Paraschi (Ġabra p. I-4501, punt 15); u tat-30 ta’ Jannar 1997, Kawżi Magħquda C-4/95 u C-5/95, Stöber u Piosa Pereira (Ġabra p. I-511, punt 36).

( 36 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Kawża C-385/99, Müller-Fauré u van Riet (Ġabra p. I-4509, punt 100); tat-28 ta’ April 1998, Kawża C-120/95, Decker (Ġabra p. I-1831, punt 23); Watts, punt 92 u Kohll, iċċitati iktar ’il fuq, punt 19.

( 37 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Kawża C-135/99, Elsen (Ġabra p. I-10409, punt 33).

( 38 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Kawża C-520/04, Turpeinen (Ġabra p. I-10685, punt 20); tal-11 ta’ Lulju 2002, Kawża C-224/98, D’Hoop (Ġabra p. I-6191, punt 30); u tad-29 ta’ April 2004, Kawża C-224/02, Pusa, (Ġabra p. I-5763, punt 18).

( 39 ) Ara s-sentenzi Turpeinen, punt 22, u Pusa, punt 19, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 40 ) Ara s-sentenzi Turpeinen, punt 22, u Pusa, punt 19, iċċitati iktar ‘il fuq. Ara anki s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Kawża C-406/04, De Cuyper (Ġabra p. I-6947, punt 39) u Elsen, iċċitata iktar ‘il fuq.

( 41 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, Kawża C-138/02, Collins (Ġabra p. I-2703, punt 66), Turpeinen, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32 u Van Cuyper, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40.

( 42 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kawża C-157/99 (Ġabra p. I-5473).

( 43 ) Punti 69 et seq. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza, ma jistgħux jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni il-kuri ambulatorji li jingħataw fi Stat Membru ieħor (sentenza Kholl, iċċitata iktar ‘il fuq).

( 44 ) Punti 76-82. Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Kawża C-385/99, Müller-Fauré u van Riet (Ġabra p. I-4509); u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Kawża C-56/01, Inizan (Ġabra p. I-12403). Fis-sentenza Leichtle, il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, iddikjarat li l-kundizzjonijiet li skont regolament Ġermaniż dwar is-sigurtà soċjali kellhom jiġu rispettati biex tingħata awtorizzazzjoni lill-persuni koperti minn din is-sistema tas-sigurtà soċjali biex jagħmlu kura fi spas fi Stat Membru ieħor ma kinux konformi mal-ħtiġijiet tal-moviment liberu tas-servizzi.

( 45 ) Madankollu, għandna nżommu quddiem għajnejna li, f’ċerti każi, dan id-dritt għal rimbors u d-dritt għall-benefiċċji in natura ipprovduti mill-Istat ta’ residenza jew ta’ għajxien li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jistgħu jitrikkbu. Jidher biċ-ċar f’dawn il-każi li jeħtieġ li jiġi evitat ir-riskju li jiġu akkumulati l-benefiċċji. Dan il-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-entitajiet ikkonċernati, skont is-sistema implimentata mill-istess Regolament.