KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

Kawża C-203/07 P

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Proġett sabiex tiġi stabbilita missjoni diplomatika komuni f’Abuja (in-Niġerja) — Rimbors ta’ somom dovuti mir-Repubblika Ellenika — Tpaċija mal-ammont li għandu jitħallas mill-Kummissjoni għall-programm operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali”

1. 

Permezz tal-preżenti appell, ir-Repubblika Ellenika qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Jannar 2007 fil-kawża, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni, ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), sa fejn hija waslet għall-konklużjoni żbaljata li ġew stabbiliti obbligi finanzjarji kontra r-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-firma u r-ratifika tagħha ta’ memorandum ta’ ftehim inizjali bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, tal-firma min-naħa tagħha ta’ memorandum addizzjonali, u tal-imġieba tagħha.

2. 

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala infondat ir-rikors għall-annullament tal-att li permezz tiegħu l-Kummissjoni pproċediet bl-irkupru, permezz ta’ tpaċija, tas-somom dovuti mir-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti Abuja I u II sabiex tiġi stabbilita missjoni diplomatika f’Abuja (in-Niġerja) għall-Kummissjoni u għal numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

I — Il-kuntest legali

A — Id-dritt Komunitarju

3.

L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid dan li ġej:

“Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza […]”

4.

L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 3 ) (iktar ’il quddiem: “ir-Regolament Finanzjarju”) jgħid dan li ġej:

“1.   Stabbiliment ta’ ammont riċevibbli huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega:

(a)

jivverifika li d-dejn jeżisti;

(b)

jiddetermina jew jivverifika ir-realtà u l-ammont tad-dejn;

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom id-dejn ikun dovut.

2.   Ir-riżori tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni [għall-Kummissjoni] u xi ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli. […]”

5.

L-Artikolu 72 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni ta’ l-irkupru hija att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega responsabbli jgħati [jagħti] struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontijiet, bil-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru, li jirkupra l-ammont riċevibbli li hu/hi jkun stabbilixxa. […]”

6.

L-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju jgħid:

“1.   L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jaġixxi fuq ordnijiet ta’ rkupru għall-ammonti riċevibbli, stabbiti kif suppost, mill-uffiċjal awtorizzanti, li huwa responsabbli. Hu/hi għandu jeżerċita diliġenza xierqa sabiex jassigura li l-Komunitajiet jirċievu l-introjtu dovut lilhom u għandu jara li d-drittijiet tagħhom ikunu ssalvagwardjati.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom [tpaċija] ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut. […]”

7.

L-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd [applikabbli] għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 4 ) (iktar ’il quddiem: “ir-Regolament ta’ implementazzjoni”) jgħid dan li ġej:

Il-proċedura

1.   Meta l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli], il-Komunitajiet jgħoddu dan il-fatt bħala stabbiliment tad-dritt li jintalab ħlas mid-detentur.

2.   L-ordni ta’ rkupru tkun l-operazzjoni li biha l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jgħid lill-uffiċċjal tal-kontijiet jirkupra l-ammont stabbilit.

3.   L-avviż ta’ debitu jinforma lid-detentur li:

(a)

l-Komunitajiet stabilixxew l-ammont li għandu jitħallas;

(b)

l-pagament tad-debitu lill-Komunitajiet dovut fuq ċertu data (“id-data tal-ħlas” minn hawn ’il quddiem);

(ċ)

jekk ma jsirx ħlas sad-data tal-ħlas id-debitu jeħel l-imgħax bir-rata msemmija fl-Artikolu 86, bla ħsara għal regolamenti speċifiċi li jistgħu ikunu jgħoddu;

(d)

meta jista’ jkun l-istituzzjoni tirkupra billi tikkumpensa [permezz ta’ tpaċija] wara li tkun għarrfet lid-debitur;

(e)

jekk ma jsirx ħlas sad-data tal-ħlas l-istituzzjoni tirkupra billi tenforza xi garanzija li kienet ingħatat bil-quddiem;

(f)

jekk wara li jkunu ttieħdu dawn il-passi kollha l-ammont ma jkunx irkuprat kollu, l-istituzzjoni tagħmel l-irkupru bl-enfurzar ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Finanzjarju jew b’azzjoni legali.

L-uffiċċjal li jawtorizza jibgħat l-avviż ta’ debitu lid-debitur u kopja lill-uffiċċjal tal-kontijiet”.

8.

L-Artikolu 79 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

Kemm għandu jitħallas

Biex jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli], l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jrid jiżgura li:

(a)

li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli] huwa ċert u m’hu suġġett ta’ l-ebda kondizzjoni;

(b)

li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli] hu ta’ ammont fiss, espress preċiżament f’termini ta’ flus;

(c)

li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli] hu dovut u mhux suġġett għal xi żmien ta’ ħlas;

(d)

il-partikolari tad-debitur huma tajbin;

(e)

l-ammont li għandu jkun irkuprat imniżżel fl-oġġett it-tajjeb tal-budget;

(f)

id-dokumenti ta’ sostenn huma kif suppost; u

(g)

irid jitħares il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba […]”

9.

L-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jgħid dan li ġej:

Irkupru permezz ta’ kumpens [tpaċija]

F’kull punt tal-proċedura, l-uffiċċjal tal-kontijiet, wara li jkun informa lill-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli u lid-debitur, jirkupra ammonti stabbiliti permezz ta’ kumpens [tpaċija], fejn id-debitur għandu jieħu mingħand il-Komunitajiet, meta li għandu jieħu huwa ċert, ammont fiss u li jrid jingħata minħabba somma stabbilita f’ordni ta’ pagament”.

B — Id-dritt Internazzjonali

10.

L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ( 5 ) jipprovdi:

Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni

1.   Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, flimkien mat-test, inklużi l-preamboli u l-annessi tiegħu:

(a)

kull ftehim relatat mat-trattat li jkun sar bejn il-partijiet kollha fir-rigward tal-konlużjoni tat-trattat;

(b)

kull strument li jkun sar minn parti jew partijiet fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie rikonoxxut mill-partijiet l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

3.   Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

(a)

kull ftehim li jsir sussegwentement bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

(b)

kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

(c)

kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

4.   Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet ix-xewqa tal-partijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

II — Il-fatti li wasslu għas-sentenza appellata

11.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sinteżi tal-fatti tal-kawża mressqa quddiemha kif ġej:

“7

Wara t-trasferiment tal-kapitali tan-Nigerja minn Lagos għal Abuja, il-Kummissjoni ilha mill-1993 tikri bini f’Abuja sabiex jilqa’ fih id-delegazzjoni tagħha kif ukoll, provviżorjament, ir-rappreżentanzi ta’ ċerti Stati Membri, fosthom tar-Repubblika Ellenika. Fil-kuntest ta’ arranġament ma’ dawn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja I’), il-Kummissjoni ssullokat numru ta’ uffiċċji u kienet tipprovdi ċerti servizzi lir-rappreżentanzi inkwistjoni. L-Istati Membri ftehmu fuq id-diviżjoni tal-ispejjeż relatati mar-rappreżentanzi tagħhom. Il-kontribuzzjoni tar-Repubblika Ellenika kienet tammonta għal 5,5 % tal-ispejjeż totali. Peress li kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħallset id-debiti tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproċediet, fl-2004, bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom korrispondenti (ara l-punt 44 iktar ’il quddiem).

8

Fit-18 ta’ April 1994, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-‘imsieħba’), fuq il-bażi tal-Artikolu J.6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar, wara emenda, l-Artikolu 20 UE), ikkonkludew memorandum ta’ ftehim (iktar ’il quddiem il-‘memorandum inizjali’) dwar il-kostruzzjoni, għall-missjonijiet diplomatiċi tagħhom f’Abuja, ta’ kumpless komuni ta’ ambaxxati li jużaw servizzi awżiljarji komuni (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja II’). Il-memorandum inizjali ġie kkompletat, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja, permezz ta’ protokoll ta’ adeżjoni.

9

L-Artikolu 1 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-ambaxxati tal-Istati Membri parteċipanti u d-delegazzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu missjonijiet diplomatiċi distinti, suġġetti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, tat-18 ta’ April 1961, u, għal dak li jikkonċerna l-Istati Membri, suġġetti wkoll għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari tal-.

10

L-Artikolu 10 tal-memorandum inizjali jindika li l-Kummissjoni għandha taġixxi, bħala l-koordinatriċi tal-proġett Abuja II, ‘f’isem’ l-imsieħba l-oħra.

11

Skont l-Artikolu 11 tal-memorandum inizjali, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-istudji arkitettorali tal-possibbiltà li jiġi attwat il-proġett Abuja II, l-istima inizjali tal-ispejjeż u l-fażijiet tad-disinn. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll għall-konklużjoni ta’ memorandum ta’ ftehim addizzjonali dwar ‘id-disinn dettaljat tal-bini, id-diviżjoni tal-ispejjeż u d-drittijiet fuq il-bini korrispondenti ta’ kull imsieħeb parteċipanti wara li jkun ġie kkompletat il-proġett [Abuja II]’ (iktar ’il quddiem il-‘memorandum addizzjonali’). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 jistabbilixxi kumitat permanenti ta’ direzzjoni, magħmul minn rappreżentanti tal-imsieħba kollha u ppresedut mill-Kummissjoni, sabiex jikkoordina u jikkontrolla l-proġett Abuja II. Il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni għandu jippreżenta rapporti perijodiċi lill-grupp ta’ ħidma ‘Affarijiet amministrattivi’ stabbilit fi ħdan il-Kunsill fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) (iktar ’il quddiem il-‘grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK’).

12

L-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali jipprovdi:

‘Il-proġett [Abuja II] għandu jkun direttament iffinanzjat, wara approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali] previst fl-Artikolu 11, minn kontribuzzjonijiet tal-imsieħba korrispondenti għall-parti tal-proġett allokata lil kull imsieħeb. Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għandha titħallas taħt it-titolu korrispondenti tal-baġit.

L-ispejjeż tax-xogħlijiet preparatorji (‘fażi 1’) għandhom jiġu imputati lill-krediti ta’ funzjonament tal-baġit tal-Kummissjoni. L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa kkalkolat għal ECU NaN. Jekk il-proġett [Abuja II] jiġi mwettaq, dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba kollha skont il-parti tagħhom fil-proġett’.

13

L-Artikolu 13 tal-memorandum inizjali jgħid:

‘L-imsieħba kollha jiggarantixxu, wara l-approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali], il-ħlas tal-ispejjeż kollha li jaqgħu fuqhom. L-ammont totali dovut minn kull imsieħeb jinkludi:

a)

l-ispiża totali tas-superfiċji tiegħu, u

b)

il-parti tiegħu fl-ispiża taż-żoni komuni u pubbliċi, ikkalkulata proporzjonalment abbażi tal-proporzjon bejn is-superfiċji tiegħu u t-total taż-żoni mhux komuni’.

14

L-Artikolu 14 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-Kummissjoni, bil-ftehim u l-parteċipazzjoni tal-Istati parteċipanti, għandha tħallas is-somom dovuti lil terzi (kontraenti).

15

L-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jgħid:

‘Jekk wieħed mill-imsieħba jiddeċiedi li jirtira mill-proġett [Abuja II] billi ma jiffirmax il-[memorandum addizzjonali] previst fl-Artikolu 11, it-termini tal-memorandum ta’ ftehim preżenti, inklużi l-obbligi finanzjarji previsti fl-Artikoli 12 u 13, jieqfu milli japplikaw għall-imsieħeb li jirtira’.

16

Fid-29 ta’ Marzu 1995, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet l-ewwel kuntratt ma’ impriża komposta bi sħab bejn, minn naħa, Dissing & Weitling arkitektfirma A/S, li rebħet kompetizzjoni tal-arkitettura organizzata mill-Kummissjoni għall-proġett Abuja II u, min-naħa l-oħra, COWIconsult Consulting Engineers and Planners A/S (iktar ’il quddiem il-‘konsulenti’). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tal-imsieħba li jikkonkludu ‘kuntratt finali’ mal-konsulenti. Skont l-Artikolu 2, il-konsulenti jintrabtu li jippreparaw il-proġett inkwistjoni. L-ispiża ta’ din il-preparazzjoni ammontat għal EUR 212547,59.

17

Waqt il-laqgħat bejn ir-rappreżentanti tas-servizzi kompetenti tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri kkonċernati u l-periti ta’ Dissing & Weitling arkitektfirma, ġew stabbiliti l-bżonnijiet reali tar-rappreżentanzi ta’ kull Stat Membru u l-parti tal-ispiża għal kull waħda minnhom.

18

Fis-26 ta’ Ottubru 1995, iltaqa’ s-sub-grupp ta’ ħidma ‘Affarijiet immobiljari’ stabbilit fil-kuntest tal-PBSK. Mill-minuti tal-laqgħa jirriżulta li dan is-sub-grupp stieden lill-Kummissjoni:

‘[…]

sabiex ittemm il-fażi [tad-disinn bażiku];

sabiex tagħmel l-arranġamenti neċessarji ma’ l-uffiċċju tal-periti sabiex jiġu stabbiliti l-[pjanijiet tal-fażi ta’ disinn intermedjarju] fit-terminu previst mill-[kumitat permanenti ta’ direzzjoni];

sabiex jiġu konklużi l-kuntratti [dwar l-istudju tal-artijiet u tal-esplorazzjoni tas-sit], billi dan l-aħħar [kuntratt] kien indispensabbli għar-redazzjoni tal-memorandum addizzjonali;

kif ukoll sabiex jitħallsu l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-istadji’.

19

Is-subgrupp ta’ ħidma kkonferma li ‘l-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni [jkunu] kkunsidrati bħala ħlas bil-quddiem tal-parti tagħha tal-fond ad hoc awtonomu, li ġie meqjus minn qabel bħala fformulat b’mod xieraq għall-finanzjament tal-proġett [Abuja II]’ u li, ‘[f’]każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-proġett, l-imsieħba l-oħra [jħallsu lura] lill-Kummissjoni skont il-metodi miftehma għall-fażijiet preċedenti’.

20

Fl-24 ta’ Novembru 1995, iltaqa’ l-kumitat permanenti ta’ direzzjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Il-minuti ta’ dik il-laqgħa jsemmu li kuntratt ‘ta’ għajnuna teknika’ mal-konsulenti, b’valur ta’ EUR NaN (iktar ’il quddiem il-“kuntratt prinċipali”), kien ġie sottopost għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti tal-Kummissjoni. Huwa msemmi wkoll li, ‘fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-proġett, l-imsieħba l-oħra għandhom iħallsu lura lill-Kummissjoni’.

21

Fis-27 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni kkonkludiet il-kuntratt prinċipali. Dan kien jikkonċerna d-disinn bażiku u l-fażi intermedjarja tal-proġett Abuja II (Artikoli 4.4 u 4.5), kif ukoll pjanijiet dettaljati eventwali (Artikolu 4.6).

22

Fid-19 ta’ Settembru 1996, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK approva d-disinn intermedjarju.

23

Fil-21 ta’ Novembru 1996, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK stieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri ad hoc sabiex il-periti jibdew jaħdmu fuq il-pjanti dettaljati. Il-grupp indika li l-kuntratt formali għal dik il-fażi kellu jkun konkluż wara li jiġi ffinalizzat il-memorandum addizzjonali. F’dik il-laqgħa, il-Kummissjoni informat lill-grupp imsemmi iktar ’il fuq dwar l-ammont li hija kienet ħalset minn qabel sal- għall-preparazzjoni tal-proġett Abuja II, jiġifieri madwar EUR 2,8 miljuni.

24

Fl-24 ta’ Frar 1997, dan l-istess grupp iltaqa’ u ddeċieda li ma jistenniex li jiġi kkompletat il-memorandum addizzjonali qabel jipproċedi għall-preparazzjoni tal-pjanti dettaljati u d-dokumenti kuntrattwali. Il-minuti ta’ dik il-laqgħa jinkludu r-riżoluzzjoni segwenti:

‘Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-periti għall-preparazzjoni tad-dokumenti u sabiex jitħallsu l-fondi neċessarji għal dawn ix-xogħlijiet skont il-metodi miftehma għall-proġett. Bħal f’każijiet preċedenti, l-ammonti mħallsa minn qabel mill-Kummissjoni jitħallsu lura sussegwentement mill-parteċipanti l-oħra skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan fil-[memorandum inizjali]’.

25

Fix-xhur segwenti, bosta Stati Membri rtiraw mill-proġett Abuja II. Fit-28 ta’ April 1997, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK qabbad lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ‘arranġamenti bilaterali mar-Renju tad-Danimarka għall-ħlas lura tal-parti tiegħu fl-ispejjeż tal-proġett magħmula mill-Kummissjoni għan-nom tal-imsieħba’. Ittieħdet deċiżjoni simili wara l-irtirar tal-Irlanda f’Settembru 1997, kif ukoll tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja.

26

Fit-12 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-periti addendum għall-kuntratt prinċipali, li kellu bħala għan it-twettiq tal-pjanti dettaljati u l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivjaġġar, b’valur ta’ EUR 1895696.

27

Fit-18 ta’ Ġunju 1998, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK semma l-eventwalità tal-irtirar tar-Renju tal-Belġju mill-proġett Abuja II. Mill-minuti ta’ dik il-laqgħa jirriżulta li l-kumitat permanenti ta’ direzzjoni osserva li r-Renju tal-Belġju kien ser iħallas il-parti tiegħu tal-ispejjeż kif stabbiliti wara l-approvazzjoni tad-disinn intermedjarju.

28

Fl-10 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ordni ta’ pagament għal EUR 153367,70, ammont li jikkorrispondi għas-sehem tar-Repubblika Ellenika fil-fażi inizjali tal-proġett, jiġifieri 5,06 % mill-ispiża totali. It-terminu tal-ħlas ġie stabbilit bħala l-.

29

Fid-9 ta’ Diċembru 1998, il-memorandum addizzjonali ġie ffirmat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni. L-Artikolu 11 tal-memorandum addizzjonali jipprovdi għall-ħolqien ta’ fond għall-finanzjament tal-proġett.

30

Skont l-Artikolu 14 tiegħu, il-memorandum addizzjonali japplika provviżorjament sa mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-firma tiegħu u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiddikjaraw li huma rratifikawh.

31

Fit-28 ta’ April 1999, il-Kummissjoni fetħet sejħa għal offerti għall-kostruzzjoni tal-ambaxxati tal-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll tad-delegazzjoni tal-Komunità (ĠU 1999, S 82). F’din is-sejħa kien indikat li l-ambaxxata tar-Repubblika Ellenika kellu jkollha superfiċji ta’ 677 m2.

32

Fit-3 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni ‘tenniet’ it-talba tagħha tal-1998 fil-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK sabiex l-Istati Membri jħallsuha lura l-ammonti li hija kienet ħallset lill-konsulenti għall-fażi tad-disinn intermedjarju. Hija indikat li ċerti Stati Membri kienu diġà ħallsu l-ammonti dovuti, iżda li oħrajn, fosthom ir-Repubblika Ellenika, ma kinux ħallsu qabel l-iskadenza tat-terminu fil-. Il-Kummissjoni żiedet li ordni oħra ta’ pagament kienet ser tintbagħat lill-imsieħba dwar, minn naħa, l-ispejjeż tal-pjanti dettaljati u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-modifika kkawżata mill-irtirar tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża.

33

Fl-20 ta’ Settembru 1999, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ltaqa’ sabiex issir il-pre-selezzjoni tal-kumpanniji tal-kostruzzjoni. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika ffirma l-minuti tal-laqgħa. Ġiet ippubblikata sejħa għal offerti sabiex issir il-kostruzzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali S 54 tas-.

34

Permezz ta’ ordni ta’ pagament tas-17 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas somma ta’ EUR 168716,94 għall-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti dwar il-pjanti dettaljati.

35

Fit-22 ta’ Ġunju 2000, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ddeċieda li jadotta approċċ ġdid għall-proġett (iktar ’il quddiem il-proġett ‘Abuja II imċekken’), li sar neċessarju minħabba l-irtirar tar-Repubblika Franċiża. Il-proġett Abuja II imċekken jipprovdi b’mod partikolari għall-eliminazzjoni ta’ bini u ta’ servizzi awżiljarji komuni, kif ukoll għal tnaqqis tas-superfiċji. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika f’dik il-laqgħa indika li kien jaqbel mal-proġett, suġġett dejjem għall-approvazzjoni tas-superjuri tiegħu. Fid-, il-Kummissjoni bagħtet il-minuti tal-laqgħa tat- lir-Repubblika Ellenika u talbitha tagħti risposta formali għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II imċekken.

36

Fil-5 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni reġgħet għamlet it-talba tagħha lir-rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika. Wara nota ta’ tfakkir ġdida datata l-, il-Kummissjoni, fil-, bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika permezz tal-faks, fejn indikat it- bħala t-terminu għal risposta u fejn indikat li s-silenzju tagħha kien ser jiġi kkunsidrat bħala rtirar mill-proġett. Fit-, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu risposta formali dwar il-proġett Abuja II imċekken. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrispondiet, fl-istess data, li hija kienet qabbdet lill-periti sabiex jipproċedu b’disinn ġdid tal-proġett Abuja II imċekken mingħajr ma jinkludu lir-Repubblika Ellenika.

37

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ debitu ta’ EUR 1276484,50 lir-Repubblika Ellenika dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni konnessi mal-proġett Abuja II. Sussegwentement, il-Kummissjoni annullat din in-nota ta’ debitu.

38

Wara li stabbiliet l-ambaxxata tagħha f’Abuja, fit-13 ta’ Lulju 2002 ir-Repubblika Ellenika telqet mill-bini li hija kienet tokkupa b’mod provviżorju fil-kuntest tal-proġett Abuja I.

39

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni nnotifikat formalment lir-Repubblika Ellenika bin-noti ta’ debitu mhux imħallsa dwar il-proġetti Abuja I u Abuja II u talbitha tħallas ammont totali ta’ EUR 861813,87 u ta’ USD 11000.

40

Wara negozjati bejn il-partijiet, il-Kummissjoni fakkret lir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, li din tal-aħħar ma kinitx ħallset id-debiti tagħha relatati mal-proġetti Abuja I u Abuja II u talbitha tħallas somma totali ta’ EUR 51637,96 u ta’ USD 12684,89 qabel l-aħħar ta’ Frar 2003. Il-Kummissjoni żiedet li, fin-nuqqas ta’ ħlas sad-data tal-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija kienet ser tipproċedi bl-irkupru tas-somom inkwistjoni billi tuża l-mezzi legali kollha disponibbli.

41

Fix-xhur segwenti, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni ddiskutew l-ammont tas-somom dovuti.

42

Fid-29 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Ellenika bagħtet ittra lir-Rappreżentant Permanenti tagħha għall-Unjoni Ewopea li tgħid hekk:

‘Peress li l-Kummissjoni Ewropea ssostni l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-debiti ta’ pajjiżna marbuta mal-proġett Abuja II billi tapplika l-proċedura ta’ tpaċija, aħna nitolbuk issegwi din il-proċedura u tgħidilna jekk u kif ġiet implementata, sabiex ir-Repubblika Ellenika tkun tista’ teżamina l-possibbiltà li tressaq rikors kontra l-Kummissjoni Ewropea.

Għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja I, aħna nfakkruk li aħna aċċettajna d-debiti tagħna sa Mejju 2002, filwaqt li l-ammont mitlub mill-Kummissjoni jkopri l-perijodu li jestendi sa Lulju 2002 kif ukoll wara dik id-data. Peress li aħna għandna l-intenzjoni li nħallsu d-debiti tagħna ċċitati iktar ’il fuq, aħna nitolbuk tikkuntattja s-servizzi finanzjarji kompetenti tal-Kummissjoni sabiex tivverifika l-elementi tal-ammont totali eżatt tad-debiti tagħna f’EUR sa Mejju 2002’.

43

Fis-16 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika fejn identifikat id-debiti ta’ din l-aħħar li kienu għadhom ma ġewx irregolarizzati fir-rigward tal-proġetti Abuja I u Abuja II. Mit-tabella mehmuża ma’ dik l-ittra, li ssemmi, b’mod partikolari, ħdax-il nota ta’ debitu mhux imħallsa relatati mal-proġetti Abuja I u Abuja II, jirriżulta li l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tħallas EUR 565656,80. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat:

‘[Ir-Repubblika Ellenika] bagħtet lill-Kummissjoni t-talba għal ħlas segwenti: […]

 

2000GR161PO005OBJ 1 GREĊJA KONTINENTALI – Ħlas interim – EUR 4774562,67.

Skont il-kundizzjonijiet ta’ ħlas kif stabbiliti mit-[tieni paragrafu tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju], il-Kummissjoni għandha tipproċedi bit-tpaċija tad-debiti u ammonti riċevibbli b’kunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, tal-interessi għad-dewmien.

Fil-każ fejn it-talbiet għal ħlas min-naħa tiegħek jaqbżu l-ammonti paċuti, il-bilanċ nett li għalih inti għandek dritt se jitħallas lilek malajr kemm jista’ jkun. […]’

44

Fl-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ttrasferiet fondi lir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-program operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali. Madankollu, minflok ma ħallset l-ammont ta’ EUR 4774562,67 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ħallset biss EUR 3121243,03. Hija b’hekk ipproċediet bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-bilanċ li kien għadu ma ġiex imħallas mir-Repubblika Ellenika, fosthom EUR 565656,80 għal dak li jikkonċerna l-proġetti Abuja I u Abuja II (iktar ’il quddiem l-‘att ikkontestat’)”.

III — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

12.

Ir-Repubblika Ellenika ressqet rikors kontra l-att ta’ tpaċija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li wara ntbagħat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ġie rreġistrat bħala kawża T-231/04. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Repubblika Ellenika invokat motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-memoranda ta’ ftehim inizjali u addizzjonali, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002.

13.

Permezz tal-ewwel parti tal-motiv, ir-Repubblika Ellenika allegat ksur tal-memoranda inizjali u addizzjonali.

14.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza trattat il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ dan ir-rikors billi waħda mis-somom ta’ flus li ġiet paċuta kienet taqa’ taħt it-Titolu V tat-Trattat UE, liema Titolu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda ġurisdizzjoni fuqu billi din il-ġurisdizzjoni mhijiex speċifikata fl-Artikolu 46 UE. Madankollu, billi l-Kummissjoni rkuprat l-ammont inkwistjoni permezz ta’ att skont ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-att ta’ tpaċija jaqa’ taħt qasam tad-dritt Komunitarju u, għalhekk, huwa att li jista’ jiġi kkontestat taħt l-Artikolu 230 KE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ r-rikors.

15.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ir-responsabbiltà finanzjarja tar-Repubblika Ellenika għall-proġetti Abuja I u Abuja II.

16.

Fir-rigward tal-proġett Abuja I, ir-Repubblika Ellenika għarfet li hija kienet marbuta tħallas l-ammonti dovuti għall-ispejjeż tal-kera u l-ispejjeż tal-operat, iżda kkontestat ir-responsabbilità tagħha għas-somma totali ta’ EUR 72714,47, kif kienet qiegħda ssostni l-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika naqqset milli tipprova li l-Kummissjoni kienet għamlet żball fir-rigward tas-somma dovuta. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ma kkontestatx id-diversi noti ta’ debitu li kienet irceviet u ma spjegatx ir-raġuni għaliex ma kinitx responsabbli għad-differenza bejn id-debiti li hija kienet għarfet u s-somma mitluba mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument li bih ir-Repubblika Ellenika ċaħdet ir-responsabbilità tagħha fir-rigward tad-debiti marbuta mal-proġett Abuja I ma setax jiġi aċċettat.

17.

Fir-rigward tal-proġett Abuja II, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li għal iktar minn sitt snin – mit-18 ta’ April 1994 sat- — ir-Repubblika Ellenika, permezz tal-imġieba tagħha u b’mod konsistenti, tat l-impressjoni lill-imsieħba l-oħra li hija kienet għadha qed tieħu sehem fil-proġett Abuja II. Wara l-iffirmar tal-memorandum addizzjonali f’Diċembru 1998, hija ħadet sehem fil-proġett għal madwar sentejn oħra.

18.

Minn dawn il-fatti l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li l-evalwazzjoni tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika ma setgħatx tkun ibbażata biss fuq il-memoranda inizjali u addizzjonali, iżda kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-aspettattivi li l-imsieħba l-oħra kellhom b’riżultat tal-imġieba ta’ dak l-Istat Membru.

19.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-prinċipju ta’ bona fide huwa regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju vinkolanti fuq il-Komunità u fuq l-imsieħba parteċipanti l-oħra u li huwa l-“korollarju, fid-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”.

20.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ukoll li, peress li r-Repubblika Ellenika kienet iffirmat il-memorandum inizjali u anki rratifikatu, hija kienet waħda mill-imsieħba parteċipanti fil-proġett Abuja II u bħala tali kellha obbligi msaħħa ta’ kooperazzjoni u ta’ solidarjetà fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra.

21.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-memorandum inizjali kien jikkonċerna l-fażi preliminarja tal-proġett Abuja II u li, ladarba din il-fażi kienet kompluta, l-imsieħba ddeċidew, sa minn qabel ma ffirmaw il-memorandum addizzjonali, sabiex ikomplu għaddejjin bil-proġett u sabiex iħallsu l-ispejjeż kollha tal-pjanti dettaljati tal-bini. Fil-fatt, f’laqgħa li saret fl-24 ta’ Frar 1997 u li għaliha attendew żewġ rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika, l-imsieħba awtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-arranġamenti kollha neċessarji għat-tfassil tal-pjanti dettaljati mill-periti mingħajr ma stennew li jiġi stabbilit il-memorandum addizzjonali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, permezz ta’ din l-imġieba, l-imsieħba marru lilhinn mill-fażijiet preliminarji, b’tali mod li kienu neċessarjament ikkonkludew ftehim impliċitu li jimplementaw il-proġett. Peress li l-imsieħba ddeċidew fil-laqgħa tal- sabiex jimplementaw il-proġett, huma ma setgħux — fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza — jirtiraw minnu mingħajr ma jħallsu lura s-sehem tagħhom mill-ispejjeż preliminari u sussegwenti.

22.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet tosserva li għalkemm ċerti Stati Membri kienu sussegwentement irtiraw mill-proġett, ir-Repubblika Ellenika ma adottat l-ebda mġieba li setgħet toħloq dubju dwar il-parteċipazzjoni tagħha u, fid-9 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali flimkien ma’ l-imsieħba l-oħra li ma kinux irtiraw mill-proġett. Il-Qorti tal-Prim’Istanza nnutat ukoll il-fatt li kien biss fis-sajf tas-sena 2000 li r-Repubblika Ellenika uriet, għall-ewwel darba, riżervi fir-rigward tal-perseveranza tal-parteċipazzjoni tagħha.

23.

Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika setgħet tirtira mill-proġett iżda, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-impenji mogħtija wara l-fażi inizjali u minkejja n-nuqqas ta’ ratifika tal-memorandum addizzjonali, ir-Repubblika Ellenika ma setgħetx tirtira mingħajr ma tħallas l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

24.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-obbligi finanzjarji tar-Repubblika Ellenika jirriżultaw ukoll mit-termini tal-memorandum inizjali, speċjalment mill-Artikolu 15(1) tiegħu. Skont dan l-artikolu, Stat jista’ jevita l-obbligi finanzjarji konnessi mal-proġett billi ma jiffirmax il-memorandum addizjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet tgħid ukoll li, meta Stat jiffirma l-memorandum addizzjonali (bħal fil-każ tar-Repubblika Ellenika), jiġri eżattament l-oppost.

25.

Fir-rigward tal-argument li r-ratifika tal-memorandum addizzjonali hija kundizzjoni neċessarja sabiex dan jidħol fis-seħħ, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li, skont l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, dan il-memorandum applika għar-Repubblika Ellenika b’mod provviżorju mill-1 ta’ Frar 1999 sa Ottubru 2000. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan jimplika li r-Repubblika Ellenika ma setgħatx tinjora din l-applikazzjoni provviżorja billi tinvoka l-fatt li hija ma rratifikatx il-memorandum addizzjonali.

26.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li ż-żieda fl-ispiża tal-proġett tista’ titqies bħala “bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi” li teħlisha mill-obbligi finanzjarji tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li fil-każ ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ bini, iż-żieda fl-ispiża tal-proġett ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi”. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika kienet aċċettat iż-żieda fl-ispiża tal-proġett, liema żieda kienet diġà magħrufa sa mill-bidu tal-proġett Abuja II, u ma kienet qajmet ebda oġġezzjoni meta s-sehem tagħha fil-proġett kiber bħala riżultat tal-irtirar mill-proġett ta’ diversi Stati Membri bejn l-1997 u l-1999.

27.

Għal dawn il-motivi l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika kellha titqies responsabbli għall-ispejjeż kollha konnessi mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

28.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel parti tal-motiv bħala infondata.

29.

Fit-tieni parti tal-motiv tagħha, ir-Repubblika Ellenika allegat ksur tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002.

30.

Fir-rigward tas-sottomissjoni tar-Repubblika Ellenika li kien hemm inċertezza manifesta dwar l-ammont u l-ġustifikazzjoni tas-somom mitluba fir-rigward tal-proġetti Abuja I u Abuja II, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li tpaċija skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju mhijiex eskluża meta wieħed mid-debiti jkun ikkontestat jew meta jkun hemm negozjati bejn il-Kummissjoni u d-debitur dwar l-imsemmija debiti, għaliex altrimenti d-debitur ikun jista’ jtawwal b’mod indefinit l-irkupru ta’ debitu.

31.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, anki jekk setgħet teżisti inċertezza dwar l-ammonti riċevibbli fl-2002, il-Kummissjoni wasslet għal konklużjoni ċerta, wara kuntatti bejn il-partijiet u wara li eżaminat mill-ġdid il-fajl, għal dak li jikkonċerna l-ammonti dovuti fl-2004 meta hija pproċediet bl-irkupru.

32.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li r-Repubblika Ellenika ma ressqet ebda prova sabiex turi li l-Kummissjoni naqqset milli ssegwi l-proċedura prevista mir-regolamenti inkwistjoni jew li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tikkonkludi li l-ammont riċevibbli kien “ċert, ta’ ammont fiss u dovut”. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet previsti għal irkupru permezz ta’ tpaċija kienu ssodisfati fid-data tal-att ikkontestat.

33.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet is-sottomissjonijiet tar-Repubblika Ellenika li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tipproċedi bl-irkupru permezz ta’ tpaċija minħabba li l-ammonti inkwistjoni kienu riċevibbli mill-imsieħba u mhux mill-Komunità u li għalhekk it-tpaċija ma kinitx toffri protezzjoni lill-interessi finanzjarji tal-Komunità, liema protezzjoni hija l-għan tar-regolamenti msemmija iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, għall-kuntrarju, li l-ammonti inkwistjoni kienu riċevibbli mill-Kummissjoni peress li l-Kummissjoni kienet qiegħda taġixxi bħala aġent tal-imsieħba fil-proġetti Abuja I u II.

34.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tieni parti tal-motiv bħala infondata.

IV — It-talbiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.

Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli l-appell preżenti;

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-parti kkontestata;

tilqa’ r-rikors skont it-talbiet tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tiddikjara l-appell bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiddikjara l-appell manifestement infondat u tiċħad l-appell fl-intier;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V — L-appell

A — Aggravji

1. L-ewwel aggravju

37.

Ir-Repubblika Ellenika tissottometti li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 12, 13 u 15 tal-memorandum ta’ ftehim inizjali, l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali u l-prinċipju ta’ bona fide u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

38.

Ir-Repubblika Ellenika tissottometti li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront tal-proġett Abuja II kienu ddeterminati abbazi tal-imġieba ta’ kull Stat Membru, minflok fuq bażi purament kuntrattwali skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawk iż-żewġ memoranda. Madankollu, l-Artikoli 12, 13 u 15 tal-memorandum ta’ ftehim inizjali u l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma ġew stabbiliti ebda obbligi finanzjarji għar-Repubblika Ellenika peress li hija kienet biss iffirmat il-memorandum addizzjonali, u ma kinitx irratifikatu. Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx approvat dak il-memorandum u, b’riżultat ta’ dan, il-kundizzjonijiet sabiex jinħolqu obbligi finanzjarji ma kinux jeżistu fil-konfront ta’ dak l-Istat Membru.

39.

Ir-Repubblika Ellenika tissottometti li l-prinċipju ta’ bona fide huwa rilevanti biss sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kienx qiegħed jipparteċipa fil-proġett Abuja II u mhux sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li joħorġu minn din il-parteċipazzjoni. Tali obbligi għandhom ikunu ddeterminati esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, mingħajr ma tingħata ebda rilevanza lill-imġieba tal-Istat Membru.

40.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod ħażin l-Artikolu 13 tal-memorandum inizjali li, “wara l-approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali]” jitlob “il-ħlas tal-ispejjeż kollha” mingħand l-Istati Membri kkonċernati. Is-sempliċi applikazzjoni provviżorja tal-memorandum addizzjonali mhijiex biżżejjed sabiex jinħolqu l-obbligi finanzjarji previsti fl-Artikoli 12 u 13 tal-memorandum inizjali, li jitolbu l-approvazzjoni tal-memorandum addizzjonali.

41.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ukoll b’mod żbaljat l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali li jiċċara l-fatt li huwa neċessarju li l-memorandum addizzjonali jkun approvat billi jigi rratifikat sabiex jidħol fis-seħħ u għalhekk sabiex jinħolqu obbligi finanzjarji għall-Istati Membri parteċipanti.

2. It-tieni aggravju

42.

Ir-Repubblika Ellenika tissottometti li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 15 tal-memorandum ta’ ftehim inizjali meta kkunisdrat li, qabel ma ġie ffirmat il-memorandum addizzjonali, l-imsieħba laħqu ftehim impliċitu fl-24 ta’ Frar 1997 sabiex iwettqu dan il-proġett u li, b’dan il-mod, l-Artikolu 15(1) ġie annullat jew għall-inqas emendat.

B — Ammissibbiltà

1. L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

43.

Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa inammissibbli għar-raġuni li huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni ta’ memoranda ta’ ftehim li ma jiffurmawx parti mid-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, l-appell m’huwa bbażat fuq ebda wieħed mill-aggravji elenkati fl-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqhom jista’ jkun ibbażat appell.

44.

L-Artikolu 58 tal-Istatut jipprovdi li appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Din id-dispożizzjoni hija interpretata fis-sens li tillimita l-kompetenza tal-appell tal-Qorti tal-Ġustizzja għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

45.

F’din il-kawża tqum id-diffikultà, bħalma esprimiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li “r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jirriżultaw mill-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tad-disinn, tal-ippjanar u tal-eżekuzzjoni tal-proġetti Abuja I u Abuja II jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Trattat UE” ( 6 ). Madankollu, bħalma l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament osservat, “fil-kuntest tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma elenkati b’mod limitat mill-Artikolu 46 UE. Dan ma jipprovdi għal ebda ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE” ( 7 ). Għaldaqstant, il-memoranda ta’ ftehim ma jaqgħux bħala tali taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.

Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni quddiemha, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li “huwa paċifiku li l-Kummissjoni pproċediet bl-irkupru tas-somom kontenzjuzi permezz ta’ att adottat abbażi tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002, b’mod li l-att ta’ tpaċija jaqa’ taħt qasam tad-dritt Komunitarju” ( 8 ).

47.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet ukoll li “mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari tal-Artikolu 1 tiegħu, jirriżulta li l-proċedura ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija, prevista fl-Artikolu 73(1) tiegħu, tapplika biss għal somom li jaqgħu taħt il-baġit Komunitarju. Issa, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, skont l-Artikolu 268 KE, li jipprovdi għall-inklużjoni fil-baġit kemm tan-nefqa tal-Komunità kif ukoll ta’ ċerti spejjeż ikkawżati lill-istituzzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, sabiex tinkludi fil-baġit Komunitarju l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-proġetti Abuja I u Abuja II” ( 9 ).

48.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza wasslet għall-iktar konklużjoni loġika mill-Artikolu 268 KE, li jipprovdi li mhux biss in-nefqa Komunitarja, iżda wkoll ċerti spejjeż ikkaġunati lill-istituzzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, għandhom ikunu inklużi fil-bagit Komunitarju. Din id-dispożizzjoni hija riflessa fl-Artikolu 28(2) UE. L-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jassimilaw it-trattament baġitarju ta’ din in-nefqa ma’ dak tal-ispejjeż sostnuti taħt it-Trattat KE ( 10 ). Isegwi għalhekk li l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprovdi għat-tpaċija ta’ debiti dovuti lill-Komunità minn debitur li min-naħa tiegħu għandu pretensjoni kontra l-Komunità, huwa applikabbli bl-istess mod għal spejjeż ikkaġunati lill-istituzzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u li kienu ġew inklużi fil-baġit Komunitarju bħala nefqa Komunitarja.

49.

Billi huwa att tad-dritt Komunitarju, l-att ta’ tpaċija huwa suġġett għal stħarriġ mill-qrati Komunitarji skont l-Artikolu 230 KE. Sabiex dan l-istħarriġ ikun effettiv u komprensiv, ħafna drabi ( 11 ) tkun meħtieġa verifika tal-eżistenza tad-debiti li qegħdin jiġu mpaċija. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tanalizza kemm il-memorandum inizjali kif ukoll il-memorandum addizzjonali, sa fejn l-interpretazzjoni tagħhom kienet neċessarja sabiex isir stħarrig ġudizzjarju komprensiv tal-legalità tal-att ta’ tpaċija.

50.

Fl-opinjoni tiegħi, bħala konsegwenza loġika tal-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha d-dritt li tagħmel konstatazzjoni legali fir-rigward taż-żewġ memoranda ta’ ftehim, u kif fil-fatt għamlet, huwa għalhekk leġittimu li, fil-livell ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravju jista’ jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ memoranda. Madankollu, għalkemm dan l-aggravju jirrigwarda punt ta’ dritt li għandu jiġi indirizzat f’din il-kawża sabiex tkun ivverifikata l-legalità ta’ att tad-dritt Komunitarju (l-att ta’ tpaċija), tali aggravju mhuwiex fil-fatt ibbażat fuq allegata interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju. Peress li l-aggravji li fuqhom qiegħda tibbaża ruħha l-appellanti mhumiex fost dawk speċifikati fl-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm bżonn jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax madankollu tiddeċiedi dwar aggravji bbażati fuq dawn il-punti ta’ dritt.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jingħad fl-ewwel lok li, fil-kuntest ta’ proċeduri oħra li mhumiex appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba kellha tanalizza dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 12 ).

52.

Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-proċedura tal-appell huwa li tipprovdi protezzjoni legali fuq żewġ livelli li ssaħħaħ il-leġittimità tad-deċiżjonijiet ġuridiċi ( 13 ).

53.

Fl-aħħar lok, m’għandux jiġi eskluż li jekk l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi interpretat b’mod restrittiv, dan ikollu effetti fuq tipi oħra ta’ appelli, fejn ikunu involuti punti ta’ dritt li, fir-realtà, ma jikkonċernawx l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Dan ikun il-każ ta’ appelli kontra sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 238 KE. F’kawżi bħal dawk, hemm possibiltà kbira li l-parti l-kbira tal-konstatazzjonijiet, jekk mhux kollha, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza jkunu bbażati fuq il-liġi nazzjonali li tapplika għall-kuntratt li jkollu klawżola ta’ arbitraġġ. Jekk l-eċċezzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tintlaqa’ f’din il-kawża fejn għandhom x’jaqsmu konstatazzjonijiet rigward it-Titolu V tat-Trattat UE, dan, fl-opinjoni tiegħi, jista’ jipprekludi anki lil appellant minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 238 KE milli jinvoka, b’eżitu pożittiv, żbalji ta’ liġi fir-rigward ta’ konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza skont liġi nazzjonali partikolari. Fl-opinjoni tiegħi, huwa diffiċli li dan jiġi rrikonċiljat max-xewqa li tiġi stabbilita protezzjoni legali fuq żewġ livelli.

54.

Għaldaqstant, jien nemmen li l-motivi ta’ dritt li huma relatati ma’ l-interpretazzjoni tal-memoranda ta’ ftehim għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu fl-ambitu ta’ punti ta’ dritt li jistgħu jiġu soġġetti għal stħarriġ mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

55.

B’hekk, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

2. It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbilità

56.

Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa inammissibbli peress li l-aggravji mhumiex effettivi. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, is-sentenza appellata tibqa’ valida anki fl-eventwalità pjuttost improbabbli li ż-żewġ aggravji jitqiesu bħala ammissibbli u fondati. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 100 tas-sentenza appellata li huma biss dawk il-partijiet li rtiraw mill-proġett mingħajr ma ffirmaw il-memorandum addizzjonali li huma meħlusa mill-obbligi finanzjarji tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dawk li ffirmaw il-memorandum addizzjonali mingħajr ma rratifikawh. Skont il-Kummissjoni, l-appellanti lanqas ma tikkontesta l-konstatazzjoni magħmul fil-punt 101 tas-sentenza appellata li r-Repubblika Ellenika għandha ġġarrab responsabbiltà finanzjarja anki bħala riżultat tal-applikazzjoni provviżorja tal-memorandum addizzjonali.

57.

Għalkemm jista’ jkun li r-Repubblika Ellenika ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 100 u 101 b’mod speċifiku, jidher ċar mill-argumenti li ressqet fir-rigward tal-ewwel aggravju u ta’ dawk il-partijiet tas-sentenza appellata li hija tirreferi għalihom, li r-Repubblika Ellenika ma taqbilx b’mod fundamentali mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dawk il-punti. Fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-konstatazzjoni legali li, skont l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali, l-iffirmar tal-memorandum ta’ ftehim addizzjonali joħloq obbligi finanzjarji għar-Repubblika Ellenika li huma differenti mill-obbligi ta’ dawk il-partijiet li ma ffirmawx il-memorandum addizzjonali. Fit-tieni lok, peress li r-Repubblika Ellenika qiegħda tiċħad il-possibbilità li nħolqu obbligi finanzjarji qabel ir-ratifika tal-memorandum addizzjonali, u qiegħda targumenta espliċitament li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali li jipprovdi għall-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-memorandum, hija neċessarjament qiegħda targumenta li l-applikazzjoni provviżorja tal-memorandum addizzjonali għall-firmatarji tiegħu ma jistax ikollha l-effett li timponi obbligi finanzjarji fuq il-firmatarji tal-memorandum addizzjonali li naqsu milli jirratifikawh. Huwa ċar, għalhekk, li l-ewwel aggravju jkopri anki l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel aggravju huwa fondat, hija tkun qiegħda tiddikkjara b’mod impliċitu li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata mhumiex validi.

58.

B’hekk, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

C — Fuq il-mertu

1. L-ewwel aggravju

59.

Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża hija jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx żbaljata meta ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika kellha debitu finanzjarju fil-konfront tal-baġit Komunitarju b’riżultat ta’ obbligi finanzjarji mġarrba minħabba l-parteċipazzjoni ppjanata tagħha fil-proġett Abuja II.

60.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat l-eżistenza ta’ obbligi finanzjarji fid-dawl tal-kliem użat fil-memoranda inizjali u addizzjonali, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ bona fide u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li kien inħoloq obbligu finanzjarju abbażi tal-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali (peress li r-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali), u minħabba li, skont l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, dan tal-aħħar kellu japplika provviżorjament mill-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara li jiġi ffirmat.

61.

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-determinazzjoni ta’ obbligu finanzjarju għandha tkun ibbażata esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali u li l-imġieba tar-Repubblika Ellenika m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ obbligi finanzjarji. Essenzjalment, ir-Repubblika Ellenika temmen li l-klawżoli kuntrattwali biss huwa rilevanti u li ma seta’ jinħoloq ebda obbligu finanzjarju qabel ma tkun tat il-kunsens tagħha b’mod espliċitu sabiex tkun marbuta bil-memorandum addizzjonali, jiġifieri, qabel ma tkun irratifikat dak il-memorandum.

62.

Qabel kollox, wieħed jiftakar li, bħalma ntqal iktar ’il quddiem fir-rigward tal-ammissibbilità ta’ dan l-appell, iż-żewġ memoranda inkwistjoni ġew adottati taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwarda l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, magħrufa aħjar bħala “it-tieni pilastru” tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak it-Titolu joħolqu drittijiet u obbligi rregolati mid-dritt internazzjonali ( 14 ). Dan ifisser li, legalment, il-memoranda huma ftehim internazzjonali ( 15 ) li, bħalma hemm fil-preambolu, jidhru li ġew konklużi bejn il-Kummissjoni Ewropea, fuq naħa, u numru ta’ Stati, inkluża r-Repubblika Ellenika, fuq in-naħa l-oħra ( 16 ). Għalhekk, min-natura ta’ dawn l-istrumenti legali jsegwi li għandhom jiġu interpretati skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 17 ).

63.

F’dan ir-rigward, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, hekk kif ikkodifikati ( 18 ) fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, hemm tliet elementi prinċipali fl-interpretazzjoni tat-Trattati: (i) it-test; (ii) il-kuntest; u (iii) l-għan u l-iskop.

64.

Fil-każ tal-memoranda inkwistjoni, id-dispożizzjoni l-iktar rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi finanzjarji ta’ parti li tirtira hija ċertament l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali. Dan l-artikolu jirregola l-konsegwenzi tal-irtirar ta’ wieħed mill-imsieħba mill-proġett Abuja II. Huwa jgħid, essenzjalment, li jekk wieħed mill-imsieħba jiddeċiedi li jirtira mill-proġett Abuja II billi ma jiffirmax il-memorandum addizzjonali, it-termini tal-memorandum inizjali — inklużi l-obbligi finanzjarji previsti fl-Artikoli 12 u 13 tiegħu — jieqfu japplikaw fil-konfront tal-imsieħeb li jirtira.

65.

Huwa ċar li r-Rebubblika Ellenika qiegħda tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 100 tas-sentenza appellata ( 19 ) meta ssostni fir-rikors ta’ din il-kawża li s-sitwazzjoni legali ta’ Stat li ffirma iżda ma rratifikax il-memorandum addizzjonali, u li għaldaqstant mhuwiex parti fil-memorandum addizzjonali, mhijiex differenti — speċjalment fir-rigward tal-obbligi finanzjarji — mis-sitwazzjoni legali ta’ Stat li qatt ma ffirma l-memorandum addizzjonali.

66.

Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

67.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jirreferi espressament għall-iffirmar tal-memorandum addizzjonali u mhux għar-ratifika tiegħu. Dak jindika li l-partijiet iddeċidew li jagħtu importanza speċjali, fil-kuntest tal-irtirar ta’ xi partijiet mill-proġett Abuja II, lill-iffirmar tal-memorandum addizzjonali iktar milli lir-ratifika tiegħu. Din l-għażla ta’ avveniment fil-futur bħala l-punt li jiskatta ċerti effetti ġuridiċi hija indipendenti mill-fatt li hija r-ratifika tal-memorandum addizzjonali biss li twassal għad-dħul fis-seħħ tal-memorandum addizzjonali.

68.

Ma hemm xejn, għaldaqstant, li jissuġġerixxi li l-memorandum ta’ ftehim addizzjonali kellu jiġi rratifikat u anki jidħol fis-seħħ sabiex id-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar fl-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jibda jkollhom effett legali.

69.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ġustament ikkonstatat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-obbligi finanzjarji tar-Repubblika Ellenika joħorġu mit-termini tal-memorandum inizjali. Nemmen li din hija raġuni suffiċjenti sabiex is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tiġi kkonfermata.

70.

Fit-tieni lok, u insostenn ta’ din il-konklużjoni, għandu jiġi nnutat li, permezz tal-firma tagħha, ir-Repubblika Ellenika qabblet, skont l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, li dan il-memorandum tal-aħħar għandu japplika provviżorjament b’effett mill-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara li jiġi ffirmat sakemm imbagħad jidħol fis-seħħ wara r-ratifika mill-firmatarji jew minn meta jkun hemm notifika mill-firmatarji l-oħra li ma għandhomx l-intenzjoni jirratifikaw dan il-ftehim.

71.

Filwaqt li, bħalma ntqal qabel, l-iffirmar tal-memorandum addizzjonali huwa biżżejjed sabiex l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jkollu effetti ġuridiċi, il-fatt li l-memorandum addizzjonali kien applikat provviżorjament huwa ta’ sinjifikat addizzjonali għall-evalwazzjoni ta’ jekk ir-Repubblika Ellenika kinitx diġà marbuta b’obbligi finanzjarji meta hija rtirat mill-proġett Abuja II.

72.

Għalkemm ftehim internazzjonali fil-prinċipju m’għandu l-ebda effett vinkolanti fuq l-Istati firmatarji qabel ir-ratifika ( 20 ), il-partijiet kontraenti jistgħu jipprovdu li ftehim japplika provviżorjament qabel ma jidħol fis-seħħ. ( 21 ) L-għan ta’ din l-applikazzjoni provviżorja huwa li tneħħi kull inċentiv għall-firmatarji li jonqsu mir-reġim tat-trattat permezz ta’ dewmien jew nuqqas ta’ ratifika tat-trattat billi tobbligahom iħallsu l-ispejjeż tal-obbligi tat-trattat immedjatament kif jiffirmawh ( 22 ).

73.

Għaldaqstant, il-fatt li l-firmatarji tal-memorandum addizzjonali ftehmu li għandu jkollu applikazzjoni provviżorja juri b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw l-effetti, kemm jekk finanzjarji u kemm jekk le, li joħorġu mill-applikazzjoni provviżorja tal-memorandum sa meta xi firmatarju jinnotifika lill-imsieħba l-oħra bl-intenzjoni tiegħu li ma jirratifikax il-memorandum addizzjonali.

74.

Għalhekk nemmen li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żbaljatx meta, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma setgħatx tinjora l-applikazzjoni provviżorja billi targumenta li ma rratifikatx il-memorandum.

75.

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkonkludi, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, li kien hemm obbligu finanzjarju li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali u mill-applikazzjoni provviżorja tal-memorandum addizzjonali.

76.

Huwa għalhekk dubbjuż jekk, għall-eżitu ta’ dan l-appell, huwiex fil-fatt rilevanti jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatx fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ bona fide u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-Artikoli 12, 13 u 15 tal-memorandum inizjali u tal-Artikolu 14 tal-memorandum ta’ ftehim addizzjonali.

77.

Fi kwalunkwe każ, u għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad fil-qosor li, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tibbaża ruħha anki fuq il-prinċipju ta’ bona fide sabiex tissostanzja l-konklużjoni li kien hemm obbligu finanzjarju għar-Repubblika Ellenika bħala riżultat tar-ratifika tagħha tal-memorandum inizjali u tal-iffirmar tal-memorandum addizzjonali.

78.

Bħalma l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament enfasizzat, il-prinċipju ta’ bona fide huwa regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li l-eżistenza tagħha ġiet rikonoxxuta mill-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali stabbilita fil-kuntest tal-Kunsill tal-Lega tan-Nazzjonijiet ( 23 ). Sa ċertu punt ( 24 ), dan il-prinċipju huwa l-kontroparti, fid-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jeżisti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju ( 25 ).

79.

Jistgħa jingħad ukoll li, iktar riċentement, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qalet li “[w]ieħed mill-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-mod kif jiġu stabbiliti u mwettqa obbligi legali, independentement mis-sors tagħhom, huwa l-prinċipju ta’ bona fide” ( 26 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

80.

Madankollu, mhuwiex faċli li jiġu identifikati d-definizzjoni preċiza ( 27 ) u r-rwol tal-prinċipju ta’ bona fide fid-dritt internazzjonali ( 28 ). Jidher iżda li huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ bona fide, meta applikat għal relazzjonijiet konvenzjonali taħt id-dritt internazzjonali, jimplika applikazzjoni raġjonevoli u ekwa tad-dispożizzjonijiet konvenzjonali għaċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali. Il-prinċipju ta’ bona fide huwa speċjalment prinċipju ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-fatti ( 29 ).

81.

Il-fatt li l-iktar li jidher rilevanti għal din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-bona fide teħtieġ li l-intenzjoni espressa tkun konsistenti ma’ l-intenzjoni reali, u, b’mod iktar ġenerali, li r-realtà legali tkun konsistenti ma’ l-apparenza legali (jiġifieri, konsistenti ma’ l-impressjonijiet mogħtija mid-dikjarazzjonijiet jew mill-aġir min-naħa tal-atturi ġuridiċi) ( 30 ). Dan l-effett tal-prinċipju ta’ bona fide donnu jikkoinċidi mal-prinċipju allegans contraria non est audiedus, magħruf aħjar bħala l-prinċipju ta’ estoppel taħt id-dritt internazzjonali ( 31 ).

82.

Fid-dawl tad-diversi fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li juru li r-Repubblika Ellenika, minn April 1994 sa Settembru 2000, ħalliet lill-partijiet l-oħra jibnu l-aspettattiva li hija kienet se tkompli tipparteċipa fil-proġett Abuja II, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament irreferiet għall-prinċipju ta’ bona fide sabiex issostni l-konklużjoni tagħha li r-Repubblika Ellenika ma setgħatx tirtira mingħajr ma tinżamm responsabbli għall-ispiża relatata mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

83.

Din il-konklużjoni hija sostnuta — apparti minn din it-tifsira ġenerali tal-prinċipju ta’ bona fide — mill-eżistenza ta’ obbligu iktar riġidu ta’ bona fide ( 32 ) li jikkundizzjona lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin u ma’ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bħala riżultat tas-sħubija tagħhom fl-UE ( 33 ). F’din il-kawża, tali obbligi kienu japplikaw għar-Repubblika Ellenika fir-relazzjonijiet tagħha mal-Kummissjoni u ma’ l-Istati msieħba fil-proġett Abuja II.

84.

Għal dawn il-motivi, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel aggravju huwa infondat.

2. It-tieni aggravju

85.

Billi nikkunsidra li kien hemm digà obbligi finanzjarji għall-Greċja mid-dispożizzjonijiet tal-memoranda inizjali u addizzjonali, jidher li huwa irrelevanti għall-eżitu ta’ dan l-appell jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellhiex raġuni tiddetermina li tali obbligi finanzjarji ħarġu wkoll minn ftehim impliċitu konkluż fil-laqgħa tal-24 ta’ Frar 2007.

86.

It-tieni aggravju huwa għalhekk ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

87.

Minn dak kollu li ntqal isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud kompletament.

VI — Spejjeż

88.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċeduri tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

VII — Konklużjoni

89.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)

tiċħad l-appell;

(2)

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) T-231/04, Ġabra p. II-63.

( 3 ) ĠU L 248, p. 1.

( 4 ) ĠU 2002 L 357, p. 1.

( 5 ) United Nations Treaty Series, Vol. 1155, p. 331.

( 6 ) Punt 74 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Punt 73 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Punt 74 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Punt 111 tas-sentenza appellata. Sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 268 KE jgħid: “L-ispiża amministrativa li tiġi kaġunata lill-istituzzjonijiet minn dawk il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-intern, għandha tiġi nkluża fl-estimi. L-ispiża operativa kaġunata mill-implementazzjoni tal-provvedimenti imsemmija tista’, skond il-kondizzjonijiet hemm imsemmija, tiġi nkluża fl-estimi”.

( 10 ) Ara Philippe Léger, Commentaire article par article des traités UE et CE, 2000, p. 1806.

( 11 ) Dan, per eżempju, ma jkunx il-każ meta l-att ta’ tpaċija jkun ikkontestat unikament abbażi tal-proċedura.

( 12 ) Għal eżempju reċenti fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-459/03, Ġabra p. I-4635) u f’talba għal domanda preliminari, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Merck Genérios (C-431/05, Ġabra p. I-7001).

( 13 ) Ara D. Waelbroeck ‘Le transfert des recours directs au Tribunal de première instance des Communautés européennes – vers une meilleure protection des justiciables?’, La réforme du système juridictionnel communautaire, Éditions de l’université de Bruxelles, 1994, p. 87 sa 97.

( 14 ) Ara f’dan is-sens Maria-Gisella Garbagnati Ketvel, “The jurisdiction of the European Court of Justice in respect of Common Foreign and Security Policy”, International and Comparative Law Quarterly, vol. 55, Jannar 2006, p. 77 sa 120, p. 82; I. Macleod, I.D. Hendry and S. Hyett, The External Relations of the European Communities, Clarendon Oxford Press, 1996, p. 424.

( 15 ) In sostenn ta’ dan, jista’ jiġi nnutat li jidher li l-memoranda jeħtieġu r-ratifika mill-partijiet qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. Tali formalità hija, fil-prinċipju, irriżervata għall-atti konvenzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku.

( 16 ) Għalkemm dawn it-tip ta’ ftehim ovvjament iqajmu numru ta’ punti legali interessanti, bħas-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonkludi ftehim ta’ dan it-tip taħt it-Titolu V tat-Trattat EU, tali punti jmorru lilhinn mill-ambitu ta’ din il-kawża u għalhekk m’hemmx bżonn li jiġu analizzati iktar fid-dettall.

( 17 ) Sa fejn jikkonċerna l-memorandum addizzjonali, nemmen li dan l-argument ma jipprekludix l-applikazzjoni, meta jkunu jistgħu jiġu identifikati, ta’ “prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea”, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 13(2) tal-memorandum addizzjonali, flimkien mar-regoli tad-dritt internazzjonali.

( 18 ) Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet li l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarju (ara s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Frar 1994, Libya vs Chad, ICJ Reports 1994, p. 4, punt 41).

( 19 ) “Kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Ellenika (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali li msieħeb li ma jiffirmax il-memorandum addizzjonali jista’ jevita l-obbligi finanzjarji konnessi mal-proġett (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Madanakollu, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali għandu jinqara eżattament fis-sens oppost ta’ l-interpretazzjoni li tatu r-Repubblika Ellenika”.

( 20 ) Normalment, huwa biss wara li jirratifika l-ftehim skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali tiegħu li firmatarju jkun marbut skont id-dritt internazzjonali.

( 21 ) L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

( 22 ) Alex. M. Niebrugge, “Provisional application of the Energy Charter Treaty: the Yukos arbitration and the future place of provisional application in international law”, Chicago Journal of International Law, summer 2007, vol. 8, p. 355, 359.

( 23 ) Is-sentenza appellata, punt 85.

( 24 ) Fl-opinjoni tiegħi, iż-żewġ prinċipji m’humiex totalment ekwivalenti, billi l-prinċipju ta’ bona fide fid-dritt internazzjonali pubbliku jidher li għandu ambitu iktar wiesa’ mill-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi skont id-dritt Komunitarju.

( 25 ) Nemmen li l-użu tal-kelma “kontraparti” huwa iktar xieraq f’dan il-kuntest peress li hija kelma iktar newtrali mill-kelma “korollarju”, użata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 87 tas-sentenza appellata u meħuda mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T-115/94, Ġabra p. II-39, punt 93). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “korollarju” jimplika neċessarjament li l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi taħt id-dritt Komunitarju jippreċedi, fiż-żmien kif ukoll fl-importanza, il-prinċipju ta’ bona fide taħt id-dritt internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat il-punt 76 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-, Racke (C-162/96, Ġabra p. I-3655) fejn huwa m’użax it-terminu “korollarju” iżda esprima dan il-kunċett billi qal dan li ġej: “[f]is-sentenza Opel Austria l-prinċipju ta’ bona fide taħt id-dritt internazzjonali ġie magħqud mal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi taħt id-dritt Komunitarju”.

( 26 ) Sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Diċembru 1974, L-Awstralja vs Franza (Nuclear Tests Case), ICJ Reports 1974, p. 253, p. 268.

( 27 ) Għal definizzjoni, ara J. F. O’Connor, Good Faith in International Law, Dartmouth Publishing Company, 1991, p. 124.

( 28 ) Ara inter alia Michel Virally, ‘Review essay: good faith in public international law’, The American Journal of International Law, 1983, Vol. 77, p. 130.

( 29 ) Serge Sur jgħid f’L’interprétation de droit international public, Pariġi, Librairie générale de droit et de jurisprudence, 1974: “l’interprétation des circonstances n’est pas soumis à des règles, encore moins à des méthodes très précises. Leur diversité constitue une base multiple et il ne reste qu’un principe, celui de la bonne foi”. [L-interpretazzjoni tal-fatti m’hijiex sottomessa għal regoli u anqas minn hekk, m’hijiex sottomessa għal metodi riġidi. Id-differenzi ta’ bejniethom jikkostitwixxu bażi multipla u jifdal biss prinċipju wieħed, dak tal-bona fide]. Ara wkoll Elisabeth Zoller, La bonne foi en droit international public, Pedone, 1977, p. 227.

( 30 ) Ara Michel Virally, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 131 u 133.

( 31 ) Bin Cheng, General Principles of Law as applied by International Courts and Tribunals, ed. Martinus Nijhoff – The Hague, 1953, p. 141-142; Lord McNair, The Laws of Treaties, Oxford Clarendon Press, 1961, p. 485. Bħalma spjegat minn Lord McNair, minħabba dan il-prinċipju, persuna li tkun affermat jew qablet ma xi affermazzjoni li persuna oħra tistrieħ fuqha sal-punt li tinfluwenza l-pożizzjoni tagħha, hija prekluża milli tbiddel il-pożizzjoni tagħha iktar tard.

( 32 ) Ara Elisabeth Zoller, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il- paġna 29, p. 157. L-awtriċi tikkunsidra li obbligu iktar riġidu ta’ bona fide (l-awtriċi tuża l-espressjoni “bonne foi renforcée”) jeżisti fl-organizazzjonijiet internazzjonali u japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-organi ta’ l-organizazzjoni.

( 33 ) L-eżistenza ta’ obbligu iktar riġidu sabiex wieħed jaġixxi in bona fide huwa, fl-opinjoni tiegħi, rifless fl-Artikolu 11(2) UE li jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka”. Dan huwa sostnut mill-fatt li, sa fejn huwa kkonċernat it-Trattat KE, huwa rikonoxxut li obbligu iktar riġidu ta’ bona fide jidher li huwa, għall-inqas impliċitament, rifless fl-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jinsab fl-Artikolu 10 KE (ara, Vlad Constantinesco, ‘L’article 5 CEE, de la bonne foi à la loyauté communautaire’, Du droit international au droit de l’intégration (Liber amicorum Pierre Pescatore), Nomos, 1989, p. 97-114, p. 101).