KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-185/07

Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurtà SpA u Generali Assicurazioni Generali SpA

vs

West Tankers Inc.

“Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tagħti deċiżjoni dwar ordni intiża li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ — Konvenzjoni ta’ New York”

I — Introduzzjoni

1.

Il-House of Lords (ir-Renju Unit) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, preliminarjament, jekk l-ordnijiet li permezz tagħhom il-qrati jipprojbixxu l-partijiet milli jippreżentaw jew ikomplu l-kawża (“anti-suit injunctions”) sabiex jiġi osservat il-ftehim ta’ arbitraġġ humiex kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

2.

Fis-sentenza tagħha Turner ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’kuntest ieħor, li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 4 ) tipprekludi ordnijiet tali li jżommu l-kawżi. F’dik il-kawża, parti fi proċeduri ġudizzjarji pendenti quddiem qorti nazzjonali tar-Renju Unit ġiet miżmuma milli tibda jew tkompli kawża quddiem qorti ta’ Stat kontraenti ieħor. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk ordnijiet tali humiex ukoll illegali meta dawn isiru insostenn ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ.

3.

Fil-fatt, fir-Renju Unit, il-qrati baqgħu joħorġu ordnijiet tali, anki wara s-sentenza Turner, iċċitata iktar ’il fuq, meta fil-fehma tagħhom, parti li tkun qed tressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem qorti fi Stat Membru ieħor, tikser ftehim ta’ arbitraġġ li bih is-sede tal-arbitraġġ tkun fir-Renju Unit ( 5 ). Huma jikkunsidraw li s-sentenza Turner hija kompatibbli ma’ din il-prattika, peress li r-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għall-arbitraġġ.

II — Il-kuntest Legali

A — Il-Konvenzjoni ta’ New York

4.

L-Istati Membri kollha tal-Komunità Ewropea huma partijiet fil- Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, tal-10 ta’ Ġunju 1958 (il-“Konvenzjoni ta’ New York”) ( 6 ).

5.

L-Artikolu I(1) tal-Konvenzjoni ta’ New York jistipula l-iskop tal-applikazzjoni tagħha:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija fuq it-territorju ta’ Stat li ma jkunx l-Istat fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu qed jiġu mitluba, u li jinqalgħu minn differenzi bejn persuni fiżiċi jew legali. […]”

6.

L-Artikolu II tal-Konvenzjoni ta’ New York jistipula:

“1.   Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi ftehim bil-miktub li permezz tiegħu l-partijiet jimpenjaw irwieħom li jissottomettu għal arbitraġġ kull jew kwalunkwe differenza li tinqala’ jew li tista’ tinqala’ bejniethom fir-rigward ta’ relazzjoni legali definita, kemm jekk kontrattwali jew le, li tikkonċerna kwistjoni li tista’ tiġi deċiża permezz ta’ arbitraġġ.

(2)   […]

(3)   Il-qorti tal-Istat kontraenti, meta tiġi quddiemha kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet għamlu ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ wieħed mill-partijiet, tirrinvija l-partijiet għall-arbitraġġ, sakemm ma ssibx li l-imsemmi ftehim huwa bla effett, mhux operattiv jew li ma jistax jiġi mwettaq.”

7.

L-Artikolu V tal-Konvenzjoni ta’ New York jirregola r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-arbitraġġ u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet skont liema r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu, eċċezzjonalment, jiġu rrifjutati. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, inter alia, l-inkapaċità ta’ waħda mill-partijiet li tagħmel ftehim tal-arbitraġġ skont il-liġi applikabbli għaliha, l-invalidità tas-sentenza skont il-liġi propja tal-kuntratt jew skont il-liġi tal-pajjiż fejn ingħatat is-sentenza, il-ksur tal-prinċipju bażiku tal-proċess ġust skont il-liġi tal-pajjiż li fih ikunu saru l-proċeduri tal-arbitraġġ u l-fatt li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim tal-arbitraġġ. Barra dan ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu rrifjutati jekk, skont il-liġi tal-pajjiż li fih id-deċiżjoni tal-arbitraġġ għandha tiġi rikonoxxuta jew eżegwita, is-suġġett tat-tilwima ma jistax tiġi riżolt permezz ta’ arbitraġġ jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jkunu jmorru kontra l-politika pubblika ta’ dak il-pajjiż.

B — Ir-Regolament Nru 44/2001

8.

Il-premessi 14, 15, 16 u 25 fil-preambolu tar-Regolament Nru 44/2001 jaqraw kif ġej:

“(14)

L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn kuntratti ta’ l- assigurazzjoni, tal-konsumatur jew ta’ l-impieg, fejn tkun permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu stabbiliti l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata dejjem soġġetta għall-klawżoli dwar ġurisdizzjoni esklussiva stipulati f’dan ir-Regolament.

(15)

Fl-interess ta’ l-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċeduri legali simultanji u sabiex jiġi assigurat li ma jiġux mogħtija sentenzi rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati. […]

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika li sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

[…]

(25)

Ir-rispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”

9.

L-Artikolu 1 tar-Regolament jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(d)

arbitraġġ.”

[…]’

10.

L-Artikolu 5 tar-Regolament jispeċifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tort:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3.

dwar materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-att li għamel ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

11.

Għandha ssir ukoll referenza għar-regoli tar-Regolament li huma mmirati li jżommu milli jkun hemm deċiżjonijiet konfliġġenti. L-Artikolu 27 tar-Regolament jirregola każijiet ta’ lis pendens:

“Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta' Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta' quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta' l-ewwel qorti invokata.”

12.

Barra dan, l-Artikolu 28 tar-Regolament jipprovdi għall-prevenzjoni ta’ sentenzi irrikonċiljabbli fir-rigward ta’ azzjonijiet relatati:

“1.   Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta' Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissosspendi l-proċedimenti ta' quddiemha.

2.   Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista' wkoll, fuq applikazzjoni ta' wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f'dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta' dan.

3.   Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta' ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

C — Id-dritt nazzjonali

13.

Fil-liġi Ingliża, il-bażi legali għal ordnijiet li jżommu l-kawżi hija l-Artikolu 37(1) tal-Att dwar il-Qorti Suprema 1981, li jaqra: “ Il-High Court tista’, permezz ta’ digriet interlokutorju jew finali toħroġ ordni […] fil-każijiet kollha fejn jidher għall-qorti li huwa ġust u xieraq li jsir hekk.”. Fir-rigward tal-‘anti-suit injunctions’ biex jinżammu kawżi insostenn ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, joħroġ ċar mill-Artikolu 44(1) u (2)(e) tal-Att dwar l-Arbitraġġ 1996 li l-qrati nazzjonali għandhom l-istess setgħa li jagħmlu mandati kif għandhom fi proċedimenti ġudizzjarji.

14.

L-“anti-suit injunctions” huma indirizzati lejn atturi attwali jew potenzjali fi proċedimenti barra l-pajjiż. In-nuqqas ta’ konformità ma’ ordnijiet li jżommu kawżi jammonta għal disprezz tal-qorti, li għalih jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet serji, inkluża l-priġunerija jew is-sekwestru tal-assi li jinsabu fir-Renju Unit. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li l-qrati tar-Renju Unit ma jirrikonoxxux u ma jeżegwux sentenzi mogħtija barra bi ksur ta’ ordni għaż-żamma ta’ kawżi ( 7 ).

III — Fatti, id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

F’Awwissu 2000 il-Front Comor, bastiment li huwa proprjetà ta’ West Tankers Inc li nkera lil Erg Petroli SpA, ħabat ma’ moll ta’ proprjetà ta’ Erg Petroli ġewwa Siracusa (l-Italja) u kkaġuna ħsarat. Il-kuntratt ta’ kera kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li kien jipprovdi li kull tilwima li tqum mill-kuntratt kellha tiġi ttrattata minn tribunal tal-arbitraġġ ġewwa Londra. Barra dan ġie wkoll mifthiem li l-liġi Ingliża kellha tkun applikabbli għall-kuntratt.

16.

Riunione Adriatica di Sicurtà SpA (mill-1 ta’ Ottubru 2007 ‘il quddiem Allianz SpA) u Generali Assicurazioni Generali SpA (iktar ’il quddiem, kollettivament, ‘Allianz et’) kienu assiguraw lil Erg Petroli u ħallsu kumpens għall-ħsarat li saru mill-ħabta sal-limitu tal-kopertura tal-assigurazzjoni. Erg Petroli talbet il-ħlas tad-danni kontra West Tankers għat-telf tagħha mhux assigurat fi proċeduri ta’ arbitraġġ ġewwa Londra.

17.

Fit-30 ta’ Lulju 2003 Allianz et bdew proċeduri kontra West Tankers quddiem qorti f’Siracusa biex jirkupraw l-ammonti li huma ħallsu lil Erg Petroli taħt il-poloz tal-assigurazzjoni. L-argumenti dwar responsabbiltà fil-proċeduri ġudizzjarji fl-Italja kienu essenzjalment l-istess bħal dawk fil-proċeduri tal-arbitraġġ. L-argument ewlieni fiż-żewġ każijiet kien jekk West Tankers setgħux joqogħdu fuq l-esklużjoni mir-responsabbiltà minħabba żbalji tan-navigazzjoni fi klawżola 19 tal-kuntratt ta’ kiri jew taħt l-hekk imsejħin Regoli ta’ Aja ( 8 ).

18.

Fl-10 ta’ Settembru 2004 West Tankers fetħet kawża quddiem il-High Court tar-Renju Unit kontra Allianz et, fejn talbet dikjarazzjoni li t-tilwima li kienet is-suġġett inkwistjoni fil-proċeduri f’Siracusa qamet mill-kuntratt ta’ kera tal-vapur u li Allianz et, li għamlu t-talba abbażi ta’ surroga, għalhekk kienu marbutin bil-ftehim ta’ arbitraġġ. West Tankers ukoll għamlu rikors għal ordni biex iżommu lil Allianz et milli jieħdu passi ulterjuri fir-rigward tat-tilwima jekk mhux permezz ta’ arbitraġġ u, b’mod partikolari, kienu qed jinsistu li dawn iwaqqfu l-proċeduri legali f’Siracusa.

19.

Il-High Court irreferiet għall-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Appell ( 9 ) is-sentenza Turner ma eskludietx l-“anti-suit injunctions” insostenn tal-ftehim ta’ arbitraġġ, u laqgħet ir-rikorsi.

20.

B’digriet tal-21 ta’ Frar 2007, il-House of Lords, li quddiemha tressaq appell mid-deċiżjoni, irrinvjat id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Il-fatt, għal qorti ta’ Stat Membru, li tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura legali fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il proċedura tikser ftehim ta’ arbitraġġ, huwa kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 44/2001?”

21.

Fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

IV — Fuq id-domanda preliminari

22.

Bid-domanda li rrinvjat għal deċiżjoni preliminari, il-House of Lords trid tikkjarifika, bħala estensjoni tas-sentenza Turner, jekk l-“anti-suit injunctions” humiex inkompatibbli wkoll mar-Regolament Nru 44/2001 jekk jingħataw fi kwistjoni li l-partijiet ikunu ssuġġettaw għal arbitraġġ.

A — Is-sentenza Turner

23.

F’Turner, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Konvenzjoni ta’ Brussell teskludi l-impożizzjoni ta’ ordni inkonnessjoni ma’ proċeduri legali quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, anki fejn il-proċeduri legali fil-pajjiż barrani jkunu tressqu b’mala fede bl-iskop li jiġu ffrustrati proċedimenti eżistenti.

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika, essenzjalment, ir-rimedju tagħha fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka, li fuqu hija bbażata s-sistema tal-Konvenzjoni ( 10 ). Hija tistqarr:

“Mill-bidu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Konvenzjoni hija bbażata neċessarjament fuq il-fiduċja li l-Istati Kontraenti jakkordaw b’mod reċiproku lis-sistemi ġuridiċi u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom. Hija din il-fiduċja reċiproka li għamlitha possibbli li tiġi stabbilita sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni, li l-qrati kollha li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-iskop tal-Konvenzjoni huma obbligati li jirrispettaw, u bħala korollarju r-rinunzja minn dawk l-Istati għad-dritt li japplikaw ir-regoli interni tagħhom dwar rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin favur mekkaniżmu simplifikat għar-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi.” ( 11 )

25.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat is-sentenza Gasser ( 12 ) fejn kellha twieġeb għad-domanda jekk it-tieni qorti li ġiet invokata għandhiex tissoprassjedi minħabba lis pendens fi Stat Kontraenti ieħor skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (li tikkorrispondi mal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001) anki fejn, fil-fehma tal-qorti li tiġi invokata sussegwentement, il-qorti li ġiet invokata l-ewwel evidentement m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni minħabba ftehim li jikkonferixxi ġurisdizzjoni. Anki jekk il-proċeduri biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni quddiem il-qorti li ġiet invokata l-ewwel idumu ħafna iktar mis-soltu u setgħu saru hemmhekk sabiex itawlu l-proċeduri biss, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tagħmel eċċezzjonijiet għar-regola tal-lis pendens. Il-qorti li tiġi invokata l-ewwel trid teżamina hija stess il-ġurisdizzjoni tagħha. Huwa biss jekk dik il-qorti ma taċċettax li għandha ġurisdizzjoni li l-qorti li ġiet invokata sussegwentement tista’ tkompli bil-proċeduri pendenti quddiemha ( 13 ).

26.

Fis-sentenza Turner, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li l-Konvenzjoni ma tippermettix — apparti l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 — li qorti tistħarreġ il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Kontraenti ieħor ( 14 ). Jekk parti tiġi miżmuma milli tagħti bidu jew milli tkompli kawża quddiem qorti ta’ Stat Kontraenti ieħor permezz ta’ ordni biex tinżamm kawża, dan jikkostitwixxi ndħil fil-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, li huwa inkompatibbli mas-sistema tal-Konvenzjoni u jostakola l-effettività tagħha ( 15 ). Il-fatt li l-ordni hija indirizzata lill-konvenut u mhux direttament lill-qorti barranija huwa irrilevanti. ( 16 )

B — Kompatibbiltà mar-Regolament Nru 44/2001 tal-“anti-suit injunctions” biex jingħata effett lil ftehim ta’ arbitraġġ

27.

Il-kwistjoni kruċjali fil-każ preżenti hija jekk il-prinċipji stabbiliti f’Turner jistgħux jiġu applikati għall-“anti-suit injunctions” biex jinżammu kawżi insostenn tal-proċeduri ta’ arbitraġġ.

28.

Il-fatt li l-bażi tas-sentenza Turner kienet il-Konvenzjoni ta’ Brussell, filwaqt li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli, ratione temporis, għall-każ preżenti, mhuwa tal-ebda ostakolu. Ir-regolament għandu l-ħsieb li jaġġorna l-Konvenzjoni, filwaqt li jaderixxi għall-istruttura u l-prinċipji bażiċi tagħha ( 17 ) u jiżgura l-kontinwità tagħha ( 18 ). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jikkaratterizzaw l-arranġamenti tas-sistema u l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata s-sistema għalhekk jibqgħu essenzjalment l-istess ( 19 ).

29.

B’mod partikolari, madankollu, ma nbidel xejn rigward l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-iskop tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tar-Regolament ( 20 ). Biex jiġi ddefinit “arbitraġġ”, għalhekk jista’ jsir riferiment għat-travaux préparatoires tal-Konvenzjoni, kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

30.

Huwa speċifikament minħabba l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fl-Artikolu 1(2)(d) li l-House of Lords tieħu l-pożizzjoni li l-ġurisprudenza ta’ Turner ma tistax tiġi applikata għall-kawża preżenti. Fil-fatt, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrelatat il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma’ proċeduri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Arbitraġġ jinkludi mhux biss il-proċeduri ta’ arbitraġġ infushom u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-arbitraġġ imma anki kull proċediment tal-qrati nazzjonali fejn is-suġġett inkwistjoni jkun arbitraġġ. Peress li l-“anti-suit injunctions” huma ta’ sostenn għal mod kif jitmexxew proċeduri ta’ arbitraġġ, il-proċeduri intiżi għall-adozzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-eċċezzjoni fl-Artikolu 1(2)(d) ta’ Regolament Nru 44/2001.

1. Dwar l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001

31.

Qabel ma jiġi ddefinit it-terminu ‘arbitraġġ’ fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat fir-rigward ta’ liema proċeduri l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandu jiġi stabbilit.

32.

Il-House of Lords, West Tankers u l-Gvern tar-Renju Unit jagħmlu enfażi fuq il-proċeduri pendenti fl-Ingilterra, li hija intiża għall-adozzjoni ta’ “anti-suit injunction”. Huma jassumu li dawk il-proċeduri ma jistgħux ikunu inkompatibbli mar-Regolament, peress li jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjoni tal-arbitraġġ ( 21 ). Mill-banda l-oħra, il-qorti nazzjonali tidher li tqis li l-effetti tal-ordni fuq il-proċeduri pendenti quddiem il-qorti ta’ Siracusa huma irrilevanti.

33.

Din il-pożizzjoni hija sorprendenti, peress li f’Turner il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-effett tal-“anti-suit injunction” fuq proċeduri barranin kien jikser il-Konvenzjoni ta’ Brussell, anki jekk wieħed kellu jassumi li l-ordni għaż-żamma ta’ kawżi, bħala miżura ta’ natura proċedurali, kienet kwistjoni tal-liġi nazzjonali biss ( 22 ). Għalhekk, il-kwistjoni deċiżiva mhijiex jekk ir-rikors għall-ordni għaż-żamma ta’ kawżi — f’dan il-każ il-proċeduri legali quddiem il-qrati Ingliżi — jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, imma jekk il-proċeduri legali li kontra tagħhom l-ordni hija diretta — f’dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-qorti ta’ Siracusa — jagħmlux dan.

34.

Lanqas mhuwa prerekwiżit tal-ksur tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li fuqu s-sentenza Turner kienet ibbażata fis-sustanza, li kemm ir-rikors għal ordni għaż-żamma ta’ kawżi u l-proċedimenti li jkunu miżmuma b’dik l-ordni għandhom jaqgħu fi ħdan l-iskop tar-regolament. Pjuttost, il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka jista’ jinkiser ukoll b’deċiżjoni tal-qorti ta’ Stat Membru li ma taqax fi ħdan l-iskop tar-regolament li tostakola l-qorti ta’ Stat Membru ieħor milli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha taħt ir-Regolament.

35.

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru ma jistgħux jotakolaw l-effettività prattika tad-dritt Komunitarju meta jeżerċitaw kompetenza li, min-naħa tagħha, mhijiex regolata bid-dritt Komunitarju ( 23 ). Dan jikkorrispondi pereżempju ma’ linja konsistenti ta’ kawżi fejn ġie deċiż li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa nazzjonali taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Istati Membri ( 24 ).

36.

Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonfermat, fis-sentenza tagħha f’Hagen, li l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali — b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ammissibbiltà ta’ kawża — ma tistax tostakola l-effettività tal-Konvenzjoni ( 25 ). F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’Hagen kienu ta’ oriġini nazzjonali u ċertament mill-bidu nett ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, filwaqt li l-arbitraġġ huwa sempliċement eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

37.

Huwa iktar importanti jekk ir-Regolament Nru 44/2001 japplikax għall-kawża li kontra tagħha hija mmirata l-ordni — jiġifieri, f’dan il-każ, il-kawża pendenti f’Siracusa. Jekk dan ma kienx il-każ, l-effettività tar-Regolament ma setgħetx tiġi ostakolata permezz tal-ordni.

38.

Il-House of Lords, West Tankers u l-Gvern tar-Renju Unit iqisu li jekk il-partijiet ftehmu b’mod kuntrattwali li jissottomettu esklużivament il-kontroversji li jirriżultaw mill-kuntratt lil qorti ta’ arbitraġġ, din ir-relazzjoni legali teskludi mill-bidu nett il-qrati nazzjonali — bl-eċċezzjoni tal-qrati tal-post fejn isir l-arbitraġġ. Jekk din il-fehma hija korretta, ordni għaż-żamma ta’ kawżi li għandha impatt fuq proċedimenti ta’ qrati nazzjonali ma tistax tiġi evalwata skont il-kriterji tar-Regolament Nru 44/2001.

39.

L-iskejjel legali Anglo-Sassoni u dawk kontinentali Ewropej jiddifferenzjaw madankollu minn dejjem fuq il-punt dwar jekk l-eċċezzjoni tal-arbitraġġ għandhiex tinftihem f’dan is-sens wiesgħa, kif ġie diġà sostnut fir-rapport ippreparat mill-Professur Schlosser fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u tal-Irlanda ta’ Fuq:

“Matul id-diskussjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt (4) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] l-eżami ta’ din il-kwistjoni tat lok għat-teħid ta’ żewġ pożizzjonijiet differenti u irrikonċiljabbli. Il-fehma li ġiet espressa primarjament f’isem ir-Renju Unit kienet li din id-dispożizzjoni tkopri t-tilwim kollu li l-partijiet kienu effettivament qablu li għandu jiġi riżolt b’arbitraġġ, inklużi tilwim sekondarju konness mal-arbitraġġ mifthiem. Il-fehma l-oħra li ġiet sostnuta mill-Istati Membri oriġinali tal-KEE, tqis proċeduri quddiem qrati nazzjonali bħala parti minn ‘arbitraġġ’ biss fejn dawn jirreferu għal proċeduri ta’ arbitraġġ, jekk konklużi, għadhom għaddejjin jew għandhom jiġu mibdija.” ( 26 )

40.

Dawn il-fehmiet diverġenti jista’ jkollhom effett fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi li, fil-fehma tal-qorti tal-Istat Membru fejn qed jintalab ir-rikonoxximent, inggħataw mingħajr ma ngħata qies tal-klawżola ta’ arbitraġġ ( 27 ). Barra minn hekk, dawn jaffettwaw kollox ma’ kollox il-kwistjoni ta’ min għandu ġurisdizzjoni biex jeżamina l-effettività u l-iskop tal-klawżola ta’ arbitraġġ.

41.

Skont il-fehma approvata mill-House of Lords, huma biss it-tribunal tal-arbitraġġ u l-qrati nazzjonali tal-post fejn isir l-arbitraġġ, li jagħtu sostenn għall-attivitajiet tiegħu, li għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu tweġiba għal dik id-domanda. Għalhekk il-High Court mhux biss ħarġet l-ordni għaż-żamma ta’ kawżi dwar it-tilwima fil-proċeduri prinċipali t’hawnhekk, imma kkonstatat ukoll li t-tilwima nqalgħet minn kuntratt ta’ kiri ta’ vapur. Barra dan, hija affermat li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni, li ma kinux huma nfushom partijiet għall-kuntratt imma li kienu qed jagħmlu t-talbiet tagħhom abbażi ta’ dritt ta’ surroga taħt il-kuntratt, kienu marbuta bil-klawżola ta’ arbitraġġ.

42.

Madankollu skont il-fehma kontinentali Ewropea, dan jiddependi fuq jekk ir-rikors għad-danni jaqax, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u jekk il-qorti ta’ Siracusa — bħa ħsara għall-eċċezzjoni tal-arbitraġġ — għandhiex ġurisdizzjoni bħala l-post fejn seħħ l-effett tal-ħsara skont l-Artikolu 5(3). Jekk il-konvenut jinvoka b’mod leġittimu l-klawżola ta’ arbitraġġ f’dawn il-proċedimenti, il-qorti tkun obbligata fil-prinċipju, taħt l-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York, tirrinvija t-tilwima quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ.

43.

Id-differenza kruċjali bejn iż-żewġ opinjonijiet għalhekk hija li skont l-ewwel opinjoni l-eċċezzjoni tal-arbitraġġ tiġi interpretata b’mod wiesgħa: hekk kif jiġi affermat li hemm ftehim ta’ arbitraġġ, it-tilwim kollu li nqala’ mir-relazzjoni legali huwa suġġett esklużivament għall-arbitraġġ, irrispettivament mis-suġġett inkwistjoni. Huwa biss it-tribunal tal-arbitraġġ u l-qrati tal-post fejn isir l-arbitraġġ li huma intitolati jeżaminaw il-ġurisdizzjoni.

44.

Il-fehma kuntrarja tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel u qabel kollox is-suġġett sostantiv. Jekk is-suġġett inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, qorti li fil-prinċipju għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament hija intitolata teżamina jekk tapplikax l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 1(2)(d) u, abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-effettività u l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ arbitraġġ, tirrinvija l-kawża quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ jew li tiddeċiedi hija stess dwar is-suġġett inkwistjoni.

45.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 ma tagħti l-ebda indikazzjoni ċara dwar liema interpretazzjoni kellha tiġi ppreferuta. Madankollu jista’ jiġi konkluż mill-użu tal-kelma “arbitraġġ”, li dan ifisser mhux biss il-proċeduri attwali tal-arbitraġġ imma anki proċeduri relatati quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu esklużi mill-iskop tar-regolament.

46.

Jekk wieħed jirrikorri għat-travaux préparatoires tal-verżjoni preċedenti tad-dispożizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, jikkonferma dik il-pożizzjoni. Ir-Rapport Jenard ( 28 ) u r-Rapport Evrigenis u Kerameus ( 29 ) jispjegaw ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għalkemm it-Trattat KE kien jagħmel riferiment għall-arbitraġġ fl-Artikolu 220 (issa t-tieni subinċiż tal-Artikolu 65(a)). Għalhekk, l-eċċezzjoni tal-arbitraġġ ġiet inkluża fl-Artikolu 1(2)(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell sabiex din tikkonforma mal-ftehim internazzjonali li diġà kien jeżisti f’dan il-qasam — b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ New York.

47.

Il-Konvenzjoni ta’ New York tistipula r-regoli li għandhom jiġu rrispettati mhux mill-arbitri nfushom imma mill-qrati tal-Istati inkwistjoni, pereżempju regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ftehim li permezz tagħhom il-partijiet jirreferu tilwima għall-arbitraġġ jew dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mill-qrati ta’ Stat Kontraenti. Kif huwa suġġerit ukoll mill-formulazzjoni, il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Brussell għalhekk xtaqu jeskludu kompletament l-arbitraġġ, apparti l-proċeduri ta’ arbitraġġ infushom, inklużi l-proċeduri li jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali li huma relatati mal-arbitraġġ ( 30 ).

48.

Fir-Rapport Schlosser ( 31 ) jingħataw bħala eżempji l-każijiet li ġejjin: il-ħatra jew tneħħija ta’ arbitri, l-iffissar tal-post fejn isir l-arbitraġġ jew l-estensjoni tal-perijodu ta’ żmien għall-għoti tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ. Bl-istess mod, sentenza li tistabbilixxi jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex validu jew le, jew għax dan ikun invalidu, il-partijiet jiġu ordnati li ma jkomplux bil-proċeduri tal-arbitraġġ, mhijiex koperta bil-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-Konvenzjoni ta’ Brussell lanqas tkopri proċeduri u deċiżjonijiet li jikkonċernaw rikorsi għar-revoka, emendi, rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ( 32 ).

49.

B’kuntrast ma’ dan, ir-Rapport Evrigenis u Kerameus ( 33 ) fir-rigward ta’ proċedimenti li jittrattaw l-arbitraġġ jgħid:

“Madankollu, il-verifika bħala kwistjoni inċidentali, tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ li jiġi ċitat minn litigant sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha qed jiġi mfittex, għandha titqies konformi mal-Konvenzjoni, li taqa’ fl-ambitu tal-iskop tagħha.”

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din id-distinzjoni bejn is-suġġett tal-proċeduri u d-domandi preliminari fis-sentenza Rich ( 34 ):

“Sabiex jiġi stabbilit jekk tilwima taqax fl-ambitu tal-iskop tal-Konvenzjoni, irid isir riferiment biss għas-suġġett tat-tilwima. Jekk, permezz tas-suġġett tagħha, bħall-ħatra ta’ arbitru, tilwima taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni, l-eżistenza ta’ kwistjoni preliminari li l-qorti jkollha tirriżolvi sabiex tiddetermina t-tilwima ma tistax, tkun xi tkun it-tilwima, tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

51.

F’dik il-kawża speċifika, il-konvenut ikkontenda li fil-fatt l-kwistjoni preliminari dwar jekk jeżistix ftehim ta’ arbitraġġ validu kienet waħda deċiżiva. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, imur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali li l-applikabbiltà tal-esklużjoni tvarja skont jekk teżistix jew le kwistjoni preliminari, li tista’ tiġi rrilevata f’kull ħin mill-partijiet ( 35 ).

52.

Kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Van Uden, jekk il-proċeduri jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni jew tar-Regolament Nru 44/2001 irid għalhekk jiġi ddeterminat mis-suġġett sostantiv tat-tilwima ( 36 ).

53.

Fit-tilwima quddiem il-qorti f’Siracusa, Allianz et qed jitolbu l-ħlas tad-danni bi dritt ta’ surroga għal telf ikkawżat lill-parti assigurata, Erg Petroli, wara ħabta bejn Front Comor u l-moll. Is-suġġett inkwistjoni għalhekk huwa talba għad-danni bbażata fuq tort (possibbilment anki fuq kuntratt) li taqa’ fl-ambitu tal-iskop tar-Regolament Nru 44/2001, u mhux arbitraġġ.

54.

L-eżistenza u l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ arbitraġġ sempliċement tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li l-qorti invokata trid tindirizza meta teżamina għandhiex ġurisdizzjoni. Anki jekk kellha tittieħed il-pożizzjoni li l-kwistjoni kienet taqa’ fl-ambitu tal-arbitraġġ ( 37 ), bħala kwistjoni preliminari din ma setgħetx tbiddel il-klassifikazzjoni tal-proċeduri legali, li s-suġġett inkwistjoni tagħhom jaqa’ barra mill-iskop tar-Regolament ( 38 ). Hawnhekk jista’ jitħalla mhux deċiż il-punt dwar kif proċeduri li jikkonċernaw riżultanzi bħal dawn għandhom jiġu evalwati fil-kawża prinċipali ( 39 ).

55.

Inċidentalment, huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ New York li qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq is-suġġett inkwistjoni fil-proċeduri skont ir-Regolament Nru 44/2001 li din teżamina l-kwistjoni preliminari dwar l-eżistenza u l-iskop tal-klawżola ta’ arbitraġġ innifisha. L-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York jobbliga lil qrati nazzjonali jirreferu lill-partijiet għal arbitraġġ biss taħt tliet kundizzjonijet:

is-suġġett tat-tilwima attwalment jista’ jiġi riżolt b’arbitraġġ. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Istat Kontraenti (u l-qrati tiegħu) taħt l-Artikolu II(1) tal-Konvenzjoni ta’ New York mhumiex obbligati li jirrikonoxxu l-ftehim ta’ arbitraġġ;

il-qorti ta’ Stat Kontraenti tiġi invokata permezz ta’ kawża dwar suġġett li fuqu l-partijiet għamlu ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dak l-artikolu;

il-qorti invokata ma ssibx li dak il-ftehim huwa null u bla effett, li mhux operattiv jew li ma jistax jitwettaq.

56.

Kull qorti invokata għalhekk għandha dritt, skont il-Konvenzjoni ta’ New York, qabel ma tirrinvija l-partijiet għall-arbitraġġ li teżamina dawn it-tliet kundizzjonijiet. Ma jistax jiġi dedott mill-Konvenzjoni li dan id-dritt huwa rriżervat biss għat-tribunal tal-arbitraġġ jew għall-qrati nazzjonali tal-post fejn isir l-arbitraġġ. Peress li l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-iskop tar-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li ma tiġix ostakolata l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York, il-limitazzjoni tal-iskop tar-Regolament ukoll m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa stipulat fil-Konvenzjoni.

57.

Fis-sentenza tagħha Gasser, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li qorti li tkun it-tieni waħda li ġiet invokata m’għandhiex tantiċipa l-eżami dwar il-ġurisdizzjoni mill-qorti li ġiet invokata l-ewwel fir-rigward tal-istess suġġett inkwistjoni, anki jekk jiġi affermat li hemm ftehim li jikkonferixxi ġurisdizzjoni fuq it-tieni qorti li ġiet invokata ( 40 ). Kif tispjega ġustament il-Kummissjoni, minn dan jista’ jiġi dedott il-prinċipju ġenerali li kull qorti hija intitolata teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha stess (id-duttrina ta’ Kompetenz-Kompetenz). L-affermazzjoni li hemm ftehim ta’ deroga bejn il-partijiet — f’dan il-każ ftehim li jikkonferixxi ġurisdizzjoni, f’dan il-każ ftehim ta’ arbitraġġ — ma jistax ineħħi dan id-dritt mill-qorti invokata.

58.

Dan jinkludi d-dritt li jiġu eżaminati l-validità u l-iskop tal-ftehim li tressaq bħala kwistjoni preliminari. Jekk il-qorti tiġi impedita milli tiddeċiedi dwar kwistjonijiet preliminari bħal dawn, wieħed mill-partijiet jista’ jevita l-proċeduri billi sempliċement jafferma li kien hemm ftehim ta’ arbitraġġ. Fl-istess ħin rikorrent li ressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti għax jikkunsidra li l-ftehim huwa invalidu jew inapplikabbli jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-qorti nazzjonali. Dan imur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti fil-Komunità ( 41 ).

59.

M’hemm ebda indikazzjoni mod ieħor f’Van Uden. F’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti deċiżjoni dwar ġurisdizzjoni rigward miżuri temporanji f’każ li kien ġie referut għal arbitraġġ fil-proċeduri prinċipali. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li, fejn il-partijiet eskludew il-ġurisdizzjoni tal-qrati f’tilwima li tkun tqajmet minn kuntratt u kienu rreferew dik it-tilwima għall-arbitraġġ, m’hemm l-ebda qrati ta’ xi Stat li għandhom ġurisdizzjoni rigward is-sustanza tal-każ għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 42 ).

60.

Din l-istqarrija hija ċertament korretta. Il-ġustifikazzjoni għall-ġurisdizzjoni esklużiva tat-tribunal tal-arbitraġġ speċifikament teżiġi, madankollu, ftehim ta’ arbitraġġ effettiv li jkopri s-suġġett inkwistjoni. Ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Van Uden li l-eżami ta’ kwisjonijiet preliminari relatati ma’ dan jitneħħa mill-qrati nazzjonali.

61.

Huwa wkoll mhux ovvju għalfejn eżami bħal dan għandu jiġi rriżervat biss għat-tribunal tal-arbitraġġ, għax il-ġurisdizzjoni tiegħu tiddependi fuq l-effettività u l-iskop tal-ftehim tal-arbitraġġ bl-istess mod bħal mhija l-ġurisdizzjoni tal-qorti fl-Istat Membru l-ieħor. Il-fatt li l-liġi tal-post fejn isir l-arbitraġġ ġiet magħżula bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt ma jistax jikkonferixxi fuq it-tribunal tal-arbitraġġ dritt esklużiv biex tiġi eżaminata l-klawżola ta’ arbitraġġ. Il-qorti fl-Istat Membru l-ieħor — f’dan il-każ il-qorti f’Siracusa — fil-prinċipju hija f’pożizzjoni li tapplika l-liġi barranija, kif tabilħaqq ħafna drabi huwa l-każ skont id-dritt internazzjonali privat.

62.

Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li relazzjoni legali ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 sempliċement għax il-partijiet ikunu daħlu fi ftehim ta’ arbitraġġ. Għall-kuntrarju, dan ir-Regolament huwa applikabbli meta l-għan sostantiv tal-proċedura jaqa’ taħt dan tal-aħħar. Dan l-aspett huwa indipendenti mill-kwistjoni preliminari mressqa mill-qorti li ġiet invokata, li tirrigwarda l-kwistjon dwar jekk hija m’għandhiex ġurisdizzjoni minħabba klawżola ta’ arbitraġġ u jekk għandhiex tirrinvija t-tilwima għall-arbitraġġ skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Konvenzjoni ta’ New York u tal-Artikolu 71 tar-Regolament. Ordni għaż-żamma ta’ kawżi li jżomm parti f’dik is-sitwazzjoni milli jibda jew ikompli proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru tostakola proċeduri legali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

2. Jistgħu kunsiderazzjonijiet relatati mar-realtà prattika ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ jikkostitwixxu ġustifikazzjoni?

63.

Fil-fehma tal-House of Lords, fuq kollox ir-realtà prattika ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ bħala metodu biex jiġu riżolti tilwimiet kummerċjali titlob li l-qrati Ingliżi jkunu f’pożizzjoni li joħorġu “anti-suit injunctions” insostenn tal-arbitraġġ.

64.

Barra dan il-House of Lords issostni f’dan ir-rigward li l-qrati nazzjonali għandhom jirrispettaw l-awtonomija tal-partijiet li ddeċidew li jirreferu t-tilwim tagħhom għal arbitraġġ privat. Il-partijiet xtaqu jevitaw li jkunu involuti fi proċeduri li jieħdu fit-tul quddiem il-qrati nazzjonali. Fl-għażla tagħhom tal-post tal-arbitraġġ persuni ingaġġati fil-kummerċ se jagħtu qies ta’ jekk il-qrati hemmhekk għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji effettivi b’sostenn għall-arbitraġġ. L-Istati Membri l-oħrajn huma fil-libertà li jagħtu lill-qrati tagħhom għodod simili biex isaħħu l-attrazzjoni tagħhom bħala sede tal-arbitraġġ.

65.

Fl-aħħar nett il-House of Lords tirreferi għall-iżvantaġġ kompetittiv li bih tiġi mhedda Londra, komparata ma’ sedi internazzjonali ta’ arbitraġġ oħrajn bħal New York, Bermuda u Singapore, jekk il-qrati Ingliżi ma jkunux jistgħu joħorġu iktar “anti-suit injunctions”, mhux bħal qrati f’dawn il-postijiet.

66.

L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tad-dritt Komunitarju ( 43 ). Mill-banda l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija tal-partijiet tista’ tingħata kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, kif ġie affermat mill-Qorti tal-Ġustizzja inkonnessjoni ma’ ftehim li jinkonferixxu ġurisdizzjoni ( 44 ) u kif jiġi enfasizzat f’dan il-kuntest fil-premessa 14 tal-preambolu tar-Regolament. Anki jekk l-arbitraġġ — għad-differenza tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni — ma jaqgħax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan ir-Regolament li r-Regolament Nru 44/2001 m’għandux jippreġudika r-regoli internazzjonali dwar l-arbitraġġ ( 45 ).

67.

Madankollu l-interpretazzjoni li ġiet avvanzata hawnhekk tirrispetta l-awtonomija individwali, kif ukoll ma tpoġġix fid-dubju l-operat tal-arbitraġġ. Ikun hemm proċedimenti quddiem qorti nazzjonali barra mill-post tal-arbitraġġ fil-każ biss jekk l-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-klawżola ta’ arbitraġġ hijiex valida u applikabbli għat-tilwima inkwistjoni. F’din is-sitwazzjoni fil-fatt mhuwiex ċar jekk hemmx kunsens ġenerali bejn il-partijiet biex jissottomettu tilwima speċifika għall-arbitraġġ.

68.

Jekk mill-eżami tal-qorti nazzjonali jirriżulta li l-klawżola ta’ arbitraġġ hija valida u applikabbli għat-tilwima, il-Konvenzjoni ta’ New York teżiġi li jsir rinviju għall-arbitraġġ. Għalhekk m’hemm l-ebda riskju li dak li jkun jevita l-arbitraġġ. Huwa veru li l-invokazzjoni tal-qorti nazzjonali huwa stadju addizzjonali fil-proċeduri. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, parti li tieħu l-pożizzjoni li mhix marbuta b’klawżola ta’ arbitraġġ, ma tistax tiġi impeduta milli jkollha aċċess għall-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001.

69.

Jekk il-qrati li jista’ jkollhom ġurisdizzjoni ma jiġux invokati, minħabba ordni għaż-żamma ta’ kawżi, hemm ukoll ir-riskju li dawn il-qrati jistgħu iktar tard jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjoni tal-arbitraġġ konformi mal-Artikolu V tal-Konvenzjoni ta’ New York. Anki mill-persepettiva ta’ ekonomija proċedurali, ordni għaż-żamma ta’ kawżi tista’ għalhekk twassal għal riżultati mhux sodisfaċenti.

70.

Huwa veru li tribunal tal-arbitraġġ jew il-qrati nazzjonali tal-post fejn isir l-arbitraġġ, minn banda, u l-qrati fi Stat Membru ieħor li għandhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament fir-rigward tas-suġġett inkwistjoni fil-proċeduri, mill-banda l-oħra, jistgħu jaslu għal deċiżjonijiet diverġenti dwar l-iskop tal-klawżola ta’ arbitraġġ. Jekk kemm it-tribunal tal-arbitraġġ u anki l-qorti nazzjonali jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni, dan jista’ jwassal għal deċiżjonijiet konfliġġenti fuq il-mertu, kif ġie rrilevat mill-House of Lords.

71.

Fl-ambitu tal-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom, sa fejn huwa possibbli jiġu evitati deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. F’każijiet ta’ konflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali ta’ żewġ Stati Membri, l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001 jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni, kif ġie nnotat b’mod partikolari mill-Gvern Franċiż. Madankollu, peress li l-arbitraġġ ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, fil-preżent m’hemm l-ebda mekkaniżmu sabiex tiġi kkoordinata l-ġurisdizzjoni tiegħu mal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

72.

Ordni unilaterali għaż-żamma ta’ kawżi madankollu mhijiex miżura adatta biex tiġi rretifikata dik is-sitwazzjoni. B’mod partikolari, jekk Stati Membri oħra kellhom isegwu l-eżempju Ingliż u jintroduċu wkoll “anti-suit injunctions”, dan iwassal biex ikun hemm ordnijiet reċiproċi. Fl-aħħar mill-aħħar tipprevali l-ġurisdizzjoni li tista’ timponi sanzjonijiet iktar għoljin għan-nuqqas ta’ konformità mal-ordni.

73.

Minflok soluzzjoni permezz ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni, hija meħtieġa soluzzjoni permezz tal-liġi. F’dan ir-rigward hija biss l-inklużjoni tal-arbitraġġ fl-iskema ta’ Regolament Nru 44/2001 li tista’ tirrimedja s-sitwazzjoni. Sadanittant, jekk ikun meħtieġ, iridu jiġu aċċettati deċiżjonijiet diverġenti. Madankollu għal darb’oħra jrid jerġa’ jiġi affermat li dawn il-każijiet huma l-eċċezzjonijiet. Jekk klawżola ta’ arbitraġġ hija fformulata b’mod ċar u m’hemm l-ebda dubju dwar il-validità tagħha, il-qrati nazzjonali m’għandhom ebda raġuni għalfejn ma jirreferux il-partijiet għat-tribunal ta’ arbitraġġ maħtur konformi mal-Konvenzjoni ta’ New York.

V — Konklużjoni

74.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li d-domandi preliminari rrinvjati mill-House of Lords għandhom tingħatalhom risposta kif ġej:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali jipprekludi qorti ta’ Stat Membru milli tagħti ordni li żżomm persuna milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor minħabba li, fl-opinjoni tal-qorti, proċeduri bħal dawn isiru bi ksur ta’ ftehim ta’ arbitraġġ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU 2001 L 12, p. 1.

( 3 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2004 (C-159/02, Ġabra 2004 p. I-3565).

( 4 ) Il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Britanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1978 L 304, p. 1, u — test emendat — p. 77), u bil-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) u bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1).

( 5 ) Ara Through Transport Mutual Insurance Association (Eurasia) Ltd vs India Assurance Co Ltd [2005] 1 Lloyd’s Rep 67.

( 6 ) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Barranin, New York, 10 ta’ Ġunju 1958, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 330, p. 3. Għal-lista tal-Istati Kontraenti ara: www.uncitral.org/uncitral/en/uncitral_texts/arbitration/NYConvention_status.html.

( 7 ) Ara Toepfer International GmbH vs Molino Boschi (Q.B.D.) [1996] 1 Lloyd’s Rep 510, [1996] C.L.C. 738, [1997] I.L.Pr. 133; Philip Alexander Securities and Futures Limited vs Bamberger (Qorti tal-Appell) [1997] I.L.Pr 73; [1996] C.L.C. 1757.

( 8 ) Konvenzjoni Internazzjonali għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tal-Liġi li għandhom x’jaqsmu ma’ poloz tat-tagħbija (Brussell, 25 ta’ Awwissu 1924), li ġiet emendata bil-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tal-Liġi rigward poloz tat-tagħbija (Regoli ta’ Visby) (Brussell, 23 ta’ Frar 1968 ) u l-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni, kif emendat bil-Protokoll tat-23 ta’ Frar 1968 (Brussell, 21 ta’ Diċembru 1979) [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 1412, p. 127 (punt 23643)].

( 9 ) Through Transport Mutual Insurance Association (Eurasia) Ltd vs New India Assurance Co [2005] 1 Lloyd’s Rep 67.

( 10 ) Ara b’mod partikolari l-premessa 16 fil-preambolu tar-Regolament Nru 44/2001 (iċċitata fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 11 ) Turner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 24).

( 12 ) Sentenza tad-9 ta Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, Ġabra 2003 p. I-14693, punt 72).

( 13 ) Gasser (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 54 u 73).

( 14 ) Turner (iċcitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 25 u 26).

( 15 ) Turner (iċcitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 27 u 29).

( 16 ) Turner (iċcitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 28).

( 17 ) Proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 1999 għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Settembru 1999 [COM (1999) 348 finali] (ĠU C 376 E, p. 1, punti 2.1 u 4.1).

( 18 ) Ara l-premessa 19 fil-preambolu tar-Regolament Nru 44/2001.

( 19 ) Fis-sentenzi mogħtija s’issa f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk sempliċement irreferiet għall-ġurisprudenza tagħha dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, safejn id-dispożizzjonijiet ma ġewx emendati (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C-103/05, Ġabra I-6827, punt 22, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C-98/06, Ġabra I-8319, punti 23 u 39). Ara madankollu, fis-sens kuntrarju, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Laboratoires Glaxosmithkline, (C-462/06, Ġabra p. I-3965, punti 15 et seq), peress li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal kuntratti ta’ impjieg ġew emendati.

( 20 ) L-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 21 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ arbitraġġ, il-House of Lords tirreferi għas-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Rich (C-190/89, Ġabra p. I-3855), u tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden, (C-391/95, Ġabra p. I-7091).

( 22 ) Ara Turner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29).

( 23 ) Ara Turner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29).

( 24 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29); tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36).

( 25 ) Sentenza tal-15 ta’ Mejju, 1990 (C-365/88, Ġabra p. I-1845, punt 20). Ara wkoll Turner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29).

( 26 ) P. Schlosser, Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar l-Assoċjazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979 C 59, p. 71 punt 61). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Rich (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 23), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Van Uden, (sentenza ċċitata hawn fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 40 et seq.).

( 27 ) Ara r-Rapport Schlosser (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 62).

( 28 ) P. Jenard, Rapport rigward il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali tas-27 ta’ Settembru 1968, u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti awtentiċi, ĠU 1979 C 59, p, 1, Kapitolu 3, IV D.

( 29 ) Rapport Evrigenis u Kerameus rigward l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għall-Konvenzjoni tal-Komunità dwar Ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1986 C 298, p. 1) 10, punt 35.

( 30 ) Rich (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 18) u Van Uden Maritime (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 31).

( 31 ) Rapport Schlosser (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 61).

( 32 ) Rapport Schlosser (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 64 et seq.).

( 33 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 35.

( 34 ) Rich (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 26).

( 35 ) Rich (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 27).

( 36 ) Rich (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 33 u 34).

( 37 ) F’Rich, il-konvenut kien fil-fatt argumenta li l-kwistjoni preliminari relattiva kienet taqa’ fl-ambitu tal-iskop tal-Konvenzjoni u din kienet ir-raġuni għalfejn il-proċeduri kollha kemm huma ġew inklużi. Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar ma ddeċidietx dwar il-klassifikazzjoni tal-kwistjoni preliminari għaliex din kienet immaterjali għar-rigward tal-inklużjoni tal-proċeduri fl-ambitu jew l-esklużjoni tal-proċeduri barra mill-iskop tal-Konvenzjoni.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, Rich (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 27).

( 39 ) Fir-rapport Schlosser (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 64) jistipula f’dak ir-rigward: “Bl-istess mod li sentenza li tistabbilixxi jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex validu jew le, jew għax hu invalidu l-partijiet jiġu ordnati biex ma jkomplux bi proċeduri ta’ arbitraġġ, mhuwiex kopert bil-Konvenzjoni tal-1968.” Dan il-passaġġ huwa ċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Van Uden (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 32).

( 40 ) Gasser (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 13).

( 41 ) Sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra 1651, punti 18 u 19; sentenza tal-25 ta’ Lulju, 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39; u sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37. Dwar il-garanzija fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ara l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali (iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950) u l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (proklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, ĠU 2000 C 364, p. 1).

( 42 ) Van Uden (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 24).

( 43 ) Ara, fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali: sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Gouda, C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 10; sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 41; u sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 34).

( 44 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1978, Meeth, 23/78, Ġabra p. 2133, punt 5; u s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C-387/98, Ġabra p. I-9337, punt 14).

( 45 ) Ara iktar ‘il fuq, punt 53.