KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2008 ( 1 )

Kawża C-155/07

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2006/1016/KE — Garanzija Komunitarja mogħtija lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 179 KE — Artikolu 181a KE — Kompatibbiltà”

I — Introduzzjoni

1.

B’dan ir-rikors għal annullament il-Parlament jikkontesta l-bażi legali għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006, li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità ( 2 ).

2.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ibbaża din id-deċiżjoni fuq il-legali tal-“miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi (Artikolu 181a KE). Skont il-Parlament id-deċiżjoni kellha tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 179 KE li huwa l-bażi legali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Parlament jimmotiva din l-opinjoni bil-fatt li l-maġġoranza tal-pajjiżi terzi li jaqgħu taħt din id-deċiżjoni huma pajjiżi li qed jiżviluppaw.”

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

3.

It-Titolu XX KE huwa intitolat “Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp”. L-Artikolu 177 jesponi l-għanijiet tal-politika Komunitarja f’dan is-settur:

“1.   Il-politika komunitarja fil-qasam ta’ l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li għandha tkun tikkumplimenta kull politika li jkollhom l-Istati Membri, għandha tiffavorixxi:

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari ta’ dawk li huma l-aktar svantaġġati;

l-integrazzjoni b’mod armonjuż u gradwali tal-pajjizi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija tad-dinja;

il-kampanja kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.   […]”.

4.

L-Artikolu 178 KE jistabbilixxi:

“Il-Komunità għandha tqis il-miri imsemmija fl-Artikolu 177 f’kull politika li timplimenta u li tista’ taffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”.

5.

L-Artikolu 179 KE huwa l-bażi legali għall-miżuri tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex imexxi’l quddiem l-objettivi msemmija fl-Artikolu 177. Miżuri bħal dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ programmi multi-annwali. Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx jaffettwaw il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku fil-qafas tal-Konvenzjoni AKP-KEE

2.   Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jikkontribwixxi, skond kif provdut fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

3.   […]”.

6.

L-Artikolu 181a KE huwa l-unika dispożizzjoni tat-Titolu XXI li tuża l-kliem “miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi”:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat, u b’mod partikulari għal dawk tat-Titolu XX, il-Komunità għandha twettaq, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi. Dawn il-miżuri għandhom ikunu komplimentari ma’ dawk imwettqa minn Stati Membri u koerenti mal-politika ta’ l-izvilupp tal-Komunità.

Il-politika tal-Komunità f’dan il-qasam għandha tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li jiġu żviluppati u konsolidati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u għall-fini li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, u l-libertajiet fundamentali.

2.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 […].

[…]”.

B — Id-Deċiżjoni 2006/1016

1. Silta mill-preambolu tad-deċiżjoni

7.

Il-Premessa 3 tal-preambolu tad-deċiżjoni tgħid hekk:

“Bil-ħsieb li tiġi sostnuta l-azzjoni esterna ta’ l-UE mingħajr ma jintlaqat il-mertu ta’ kreditu [credit standing] tal-BEI, il-BEI għandu jkun offrut garanzija baġitarja Komunitarja għall-operazzjonijiet imwettqa barra mill-Komunità. Il-BEI għandu jkun inkoraġġut sabiex iżid l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-Komunità mingħajr ma jirrikorri għall-garanzija Komunitarja, b’mod partikolari fil-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u fil-Mediterran kif ukoll f’pajjiżi ta’ grad ta’ investiment f’reġjuni oħra, filwaqt li n-natura tal-kopertura tal-garanzija Komunitarja għandha tkun iċċarata bħala waħda li tkopri riskji ta’ natura politika jew sovrana”.

8.

Ukoll il-premessa 8 tad-deċiżjoni tirreferi għall-politika esterna tal-Komunità:

“Huwa meħtieġ li l-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI jkunu konsistenti mal-linji politiċi esterni ta’ l-UE, inklużi l-objettivi reġjonali speċifiċi. Permezz ta’ koerenza ġenerali ma’ l-azzjonijiet ta’ l-UE, il-finanzjament tal-BEI għandu jkun komplementari għal-linji politiċi, programmi u strumenti ta’ l-assistenza Komunitarja korrispondenti fir-reġjuni differenti. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-sigurtà ta’ l-enerġija ta’ l-Istati Membri jiffurmaw parti mill-objettivi ta’ finanzjament tal-BEI fir-reġjuni eliġibbli kollha. Huwa meħtieġ li l-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI jseħħu f’pajjiżi li jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet xierqa li jkunu konsistenti ma’ ftehim ta’ l-UE ta’ livell għoli dwar aspetti politiċi u makro-ekonomiċi”.

2. Id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-deċiżjoni

9.

L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni jgħid dan li ġej:

“1.   Il-Komunità għandha tagħti lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (il-“BEI”) garanzija globali (il-“garanzija Komunitarja”) fir-rigward ta’ ħlasijiet li ma jkunux saru lill-BEI, iżda li jkunu dovuti lilu, fir-rigward ta’ self u ta’ garanziji għal self għal proġetti ta’ investiment tal-BEI eliġibbli mwettqa fil-pajjiżi koperti minn din id-Deċiżjoni, fejn il-finanzjament jew il-garanzija għas-self imsemmi ngħataw skond ftehim iffirmat li la skada u lanqas ma ġie mħassar (l-“Operazzjonijiet ta' Finanzjament tal-BEI”) u ngħataw skond ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess u b’sostenn għall-objettivi relevanti tal-politika esterna ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”.

10.

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, li tistabbilixxi l-pajjiżi koperti mill-garanzija, jistabblixxi dan li ġej fil-paragrafi 1 u 2:

“1.   Il-lista ta’ pajjiżi eliġibbli jew potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI taħt garanzija Komunitarja hija stabbilita fl-Anness I.

2.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I u mmarkati bi “*” u għal pajjiżi mhux elenkati fl-Anness I, l-eliġibbiltà ta’ tali pajjiż għall-finanzjament mill-BEI taħt garanzija Komunitarja għandha tiġi deċiża mill-Kunsill fuq bażi ta’ każ b’każ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 181a(2) tat-Trattat”.

11.

L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tirrigwarda l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-BEI ma’ l-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Il-paragrafu 2 jgħid dan li ġej:

“2.   Il-koperazzjoni għandha titwettaq fuq bażi reġjonalment differenzjata, fejn jitqiesu r-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea f’kull reġjun”.

12.

L-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata fih lista ta’ pajjiżi eliġibbli għal proġetti megħjuna minn garanzija Komunitarja. Il-pajjiżi individwali jidhru taħt it-titoli miġjubin hemmhekk:

“A. PAJJIŻI TA’ QABEL L-ADEŻJONI

1. Pajjiżi kandidati

[…]

2. Pajjiżi kandidati potenzjali

[…]

B. PAJJIŻI TAL-VIĊINAT U TA’ SĦUBIJA

1. Il-Mediterran

[…]

2. L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu t’Isfel u r-Russja

[…]

C. L-ASJA U L-AMERIKA LATINA

1. L-Amerika Latina

[…]

2. L-Asja

[…]

D. L-AFRIKA T’ISFEL”.

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża, it-talbiet u l-proċediment

A — Il-fatti li wasslu għall-kawża

13.

Fit-22 ta’ Ġunju 2006 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tat lill-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar ’il quddiem il-“BEI”) garanzija tal-Komunità fil-każ ta’ telf minħabba self u garanziji għal self favur proġetti mwettqa barra mill-Komunità u bbażata fuq l-Artikolu 181a KE ( 3 ).

14.

Fir-riżoluzzjoni tat-30 ta’ Novembru 2006, il-Parlament esprima l-opinjoni tiegħu fuq dik il-proposta u talab lill-Kummissjoni li żżid l-Artikolu 179 KE bħala bażi legali għall-Artikolu 181a KE ( 4 ).

15.

Madankollu l-Kummissjoni ma emendatx it-tweġiba tagħha fuq dan il-punt ( 5 ) u l-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata fid-19 ta’ Diċembru 2006 fuq il-bażi legali biss tal-Artikolu 181a KE.

B — It-talbiet u l-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Il-Parlament ippreżenta rikors fid-19 ta’ Marzu 2007 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talab li:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, minħabba ksur tat-Trattat KE,

fil-każ li tannulla din id-deċiżjoni, li żżomm l-effetti tagħha sakemm deċiżjoni ġdida tiġi adottata, u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

17.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż

18.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kunsill.

19.

Il-partijiet kollha ressqu noti fil-proċedura bil-miktub kif ukoll fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008.

IV — Evalwazzjoni ġuridika

20.

Permezz tar-rikors tiegħu l-Parlament isostni kawża waħda ta’ nullità, jiġifieri l-għażla tal-bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Għalhekk il-Parlament jilmenta li hemm ksur tat-Trattat KE skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 230 KE.

21.

Fl-opinjoni tal-Parlament, id-Deċiżjoni 2006/1016 ma setgħetx tiġi adottata esklużivament abbażi tal-Artikolu 181a KE, iżda wkoll abbażi tal-Artikolu 179 KE. Il-Parlament jimmotiva din l-affermazzjoni bil-fatt – li mhuwiex ikkontestat mil-Kunsill – li fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni jidħlu fil-biċċa l-kbira pajiżi terzi kklassifikati bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw.

22.

Iż-żewġ partijiet jaqblu fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikkorrispondi għal azzjoni ta’ kooperazzjoni finanzjarja. Madankollu, skont il-Parlament, l-Artikolu 179 KE jirrappreżenta l-bażi legali l-iktar speċifika għall-kooperazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li bħala tali jeskludi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE.

23.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li att m’għandux jiġi bbażat wkoll fuq l-Artikolu 179 KE sempliċiment għaliex jirrigwarda pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija bażi legali msemmija kien jinfetaħ biss jekk l-att inkwistjoni kien isegwi wkoll għanijiet tal-politika ta’ għajnuna għall-iżvilupp, kif stabbilit fl-Artikolu 177 KE. Huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna indirettament ukoll pajjiżi li qed jiżviluppaw, madankollu m’għandhiex l-għan ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

A — Determinazzjoni tal-bażi legali adegwata

24.

Skont ġurisprudenza kostanti, l-għażla ta’ bażi legali ta’ att għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att ( 6 ).

25.

Jekk l-eżami tal-għan u tal-kontenut ta’ att Komunitarju juri li għandu żewġ għanjiet jew li għandu żewġ komponenti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi bażijiet legali, u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor mhuwiex għajr aċċessorju, l-att irid ikun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew komponent prinċipali jew predominanti ( 7 ).

26.

Qabel ma naraw il-kontenut u l-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom madankollu jiġu eżaminati fl-astratt il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 179 KE u 181a KE, billi huwa biss wara li jkun ġie identifikat kull kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-bażijiet legali li jista’ jiġi vverifikat jekk l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni effettivament jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ bażijiet legali, u jekk dan ikun il-każ, x’inhuma l-konklużjonijet li wieħed għandu jiġbed.

B — Id-deċiżjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi bażijiet legali?

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 179 KE u l-Artikolu 181a KE

27.

L-Artikolu 179 KE jirrappreżenta l-bażi legali għall-miżuri ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li l-Artikolu 181a KE jikkostitwixxi bażi legali għall-“miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi”. Fis-sustanza, din il-kwistjoni għandha x’taqsam ma’ kif għandhom jiġu ddelimitati fil-konfront ta’ xulxin iż-żewġ bażijiet legali u jekk jistgħux jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE anki miżuri tat-tip imsemmi hemmhekk mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

28.

L-ewwel nett hemm bżonn li jiġi ċċarat li n-natura ta’ miżura ma tistax isservi bħala kriterju ta’ delimitazzjoni. Jekk huwa veru li l-Artikolu 181a KE biss isemmi espliċitament il-“miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika” u li l-Artikolu 179 KE jitkellem biss ġenerikament fuq “miżuri”, madankollu l-miżuri ekonomiċi, finanzjarji u l-kooperazzjoni teknika jappartjenu għal forom klassiċi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 8 ).

29.

Il-Parlament huwa tal-fehma li l-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet huwa delimitat esklużivament minn kriterju ġeografiku. Abbażi tiegħu, l-Artikolu 179 KE jirrigwarda l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Artikolu 181a KE jirrigwarda biss il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra li mhumiex qed jiżviluppaw.

30.

Il-Parlament jimmotiva l-opinjoni tiegħu billi jsemmi l-iktar l-iżvilupp storiku tat-Titoli XX u XXI. It-Titolu XX fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp kien iddaħħal fit-Trattat mit-Trattat ta’ Maastricht. Qabel, il-miżuri fil-konfront ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 308 KE. Wara l-introduzzjoni tat-Titolu XX il-miżuri fil-konfront ta’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jiżviluppaw baqgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 308 KE sakemm inħoloq l-Artikolu 181a KE permezz tat-Trattat ta’ Nizza. Minn dan wieħed jista’ jifhem li l-Artikolu 181a KE kien maħsub biex jimla l-lakuna li kienet teżisti fit-Trattat dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li humiex pajjiżi li qed jiżviluppaw.

31.

Iżda l-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li ma jistax jintuża biss kriterju ġeografiku għad-delimitazzjoni, billi huwa meħtieġ ukoll kriterju materjali. Għaldaqstant, miżura ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE biss meta tikkonċerna pajjiż li qed jiżviluppa u fl-istess ħin issegwi l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE, għaliex f’dan il-każ biss huwa rilevanti l-Artikolu 179 KE bħala bażi legali. Miżura fil-konfront ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li ma ssegwix l-għanijiet tal-Artikolu 177 tista’ b’hekk tkun ibbażata fuq l-Artikolu 181a KE.

32.

Jekk wieħed jikkunsidra esklużivament is-sens litterali, il-kunċett ta’ “pajjiż terz” huwa wiesa’ biżżejjed biex jinkludi wkoll pajjiżi li qed jiżviluppaw.

33.

Iżda, jekk tiġi osservata s-sistema tat-Trattat, din l-aċċettazzjoni tidher madankollu dubjuża.

34.

Fil-fatt l-Artikolu 181a KE jiġi introdott bil-kliem “(m)ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat, u b’mod partikulari għal dawk tat-Titolu XX”. Dan ifisser b’mod ċar li t-Titolu XX dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa iktar speċifiku u jipprevali fuq l-Artikolu 181a KE.

35.

Il-Kunsill jenfasizza l-fatt li anki l-Artikolu 179 KE jibda bil-kliem “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat”. Iżda f’dan ir-rigward irid jiġi enfasizzat li, minn naħa, l-Artikolu 179 KE ġie fformulat f’mument meta l-Artikolu 181a KE kien għadu ma jeżistix, billi kien ġie introdott fit-Trattat KE b’emenda suċċessiva għat-Trattat. Min-naħa l-oħra, il-klawżola ta’ riżerva fl-Artikolu 179 KE hija b’mod kunsiderevoli iktar ġenerika minn dik fl-Artikolu 181a KE, li tirreferi espliċitament għat-Titolu XX. Il-klawżola ta’ riżerva taħt l-Artikolu 179 KE għalhekk tipprevali fuq dik tal-Artikolu 181a KE.

36.

Għaldaqstant it-Titolu XX u l-bażi legali tal-Artikolu 179 KE huma b’hekk id-dispożizzjonijiet l-iktar speċifiċi għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw.

37.

Madankollu hemm dubju dwar kemm huwa speċifku t-Titolu XX. Il-miżuri dwar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qatt jistgħu jibbażaw fuq l-Artikolu 181a KE? Jew din l-ispeċifiċità testendi sakemm tikkoinċidi mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE, bil-konsegwenza li l-miżuri li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 181a KE?

38.

Fil-fehma tiegħi, skont interpretazzjoni teleoloġika, il-miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jaqgħux, bħala regola ġenerali taħt l-Artikolu 181a KE ( 9 ).

39.

Interpretazzjoni differenti, tista’ fil-fatt, taħbi l-perikolu li permezz tal-Artikolu 181a KE jiġu evitati l-evalwazzjonijiet kwalitattivi li jinsabu taħt it-Titolu XX ( 10 ). Fil-fatt il-miżuri rregolati fl-Artikolu 181a KE, jiġifieri l-miżuri ekonomiċi, finanzjarji u l-kooperazzjoni teknika, jagħmlu parti mill-istrumenti klassiċi tal-għajnuna għall-iżvilupp ( 11 ). Skont l-Artikolu 179 KE, il-miżuri fil-konfront ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw huma suġġetti għall-kundizzjoni li jikkontribwixxu għall-għanijiet taħt l-Artikolu 177 KE, biex jiġi aġevolat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-dħul armonjuż u progressiv ta’ dawn il-pajjiżi fl-ekonomija dinjija u l-ġlieda kontra l-faqar. Bil-kontra, l-Artikolu 181a KE ma jassoċjax il-kooperazzjoni ma’ li jintlaħqu l-għanijiet politiċi soċjali u tal-iżvilupp.

40.

Jekk il-leġiżlatur jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 181a KE miżuri ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li ma jsegwux l-għanijiet taħt l-Artikolu 177 KE, jiġri li jispiċċaw biex jiġu evitati l-għanijiet vinkolanti taħt l-Artikolu 177 KE. Għalhekk il-leġiżlatur jista’ jorganizza l-kooperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw mingħajr ma jikkunsidra l-għanijiet imposti fuqu mill-Artikolu 177 ( 12 ). Madankollu dan jikkontradixxi s-sistema tat-Trattat li ġiet spjegata. Biex jiġi evitat ksur tal-Artikolu 177 KE ħafna elementi jindikaw li l-miżuri fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jistgħux jiġu bbażati fuq l-Artikolu 181a KE ( 13 ).

2. Talba intermedjarja

41.

Madankollu, għal dan il-każ partikolari, il-kwistjoni jekk l-Artikoli 179 KE u 181a KE għandhomx jiġu ddelimitati fil-konfront ta’ xulxin abbażi tal-kriterju ġeografiku jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati flimkien mal-kriterju materjali m’għandhiex tiġi solvuta b’mod definittiv, billi din il-kwistjoni hija rilevanti biss jekk id-deċiżjoni kkontestata ma ssegwix l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE. Kif ser turi l-analiżi li ġejja dwar il-kontenut u l-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssegwi, għal dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-għanijiet tal-politika ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 177 KE.

C — Kontenut u għan tad-Deċiżjoni 2006/1016

42.

L-ewwel nett sejjer neżamina jekk id-deċiżjoni kkontestata tidħolx, mil-lat ta’ kontenut, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE. It-tieni nett, ser nuru li d-deċiżjoni, sa fejn hija tikkonċerna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, issegwi l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE.

1. Kontenut tad-deċiżjoni

43.

Skont l-Artikolu 1(1) id-deċiżjoni għandha bħala għan li tingħata garanzija fuq il-baġit tal-Komunità sabiex tkopri operazzjonijiet partikolari magħmulin mill-BEI. Mill-Artikolu 1(1) jirriżultaw kundizzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija. Abbażi ta’ dan, il-garanzija tkopri l-ħlasijiet li ma jkunux saru lill-BEI, iżda li jkunu dovuti lilu, fir-rigward ta’ self u ta’ garanziji għal self għal proġetti ta’ investiment tal-BEI eliġibbli (iktar ’il quddiem l-“operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI”) fil-pajjiżi li jaqgħu taħt id-deċiżjoni. Premessa ulterjuri hija li l-operazzjonijiet relattivi ta’ finanzjament tal-BEI saru skont ir-regoli u l-proċeduri interni tal-BEI u b’sostenn għall-għanijiet ta’ politika esterna tal-Unjoni Ewropea.

44.

Il-pajjiżi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni u li jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament jirriżultaw mill-Anness I tad-deċiżjoni. Dan juri erba’ gruppi ta’ pajjiżi, jiġifieri “pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni”, “pajjiżi tal-viċinat u ta’ sħubija”, “l-Asja u l-Amerika Latina” u l-“Afrika t’Isfel”. Għal kull grupp hemm elenkati pajjiżi individwali.

45.

Il-Parlament sostna li l-parti l-kbira tal-pajjiżi elenkati hemmhekk huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ pajjiż li qed jiżviluppa li ġiet żviluppata mid-dritt Komunitarju, il-Parlament irrefera f’dan ir-rigward għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi magħmula mill-OSCE u mill-Bank Dinji. Dan ma ġiex oppost mill-Kunsill. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, bħala regola ġenerali, għall-finijiet tad-dritt Komunitarju, il-klassifikazzjonijiet magħmulin mill-OSCE u mill-Bank Dinji jistgħu ikollhom biss effett indikatorju għad-dritt Komunitarju. Fil-fatt il-kunċett ta’ pajjiż li qed jiżviluppa fid-dritt Komunitarju għandu jiġi ddeterminat b’mod awtonomu, billi jista’ jkun hemm differenza ta’ klassifikazzjoni f’każ partikolari. Madankollu dawn l-eventwali differenzi mhumiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-lista ta’ pajjiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

46.

Il-garanzija offruta mid-deċiżjoni kkontestata hija miżura li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE taħt l-aspett tal-għan?

47.

Kif issemma qabel ( 14 ), anki miżura ta’ kooperazzjoni finanzjarja tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE.

48.

Il-fatt li l-ħlasijiet imwettqa mill-BEI lill-imsieħba ta’ proġett f’pajjiż li qed jiżviluppa mhumiex ħlasijiet bil-quddiem li mhumiex rimborżabbli, iżda jammontaw għal self, ma jistax jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

49.

Fil-fatt, minn naħa, l-imsieħba tal-BEI fi ħdan proġett jibbenefikaw – hekk kif esponew il-Parlament u l-Kummissjoni, mill-fatt tal-garanzija, minn self b’rati iktar favorevoli, li fil-fatt jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 179(2) KE jipprovdi espliċitament li l-BEI isostni l-politika ta’ għajnuna għall-iżvilupp sostnuta mill-Komunità. Peress illi madankollu l-attività tal-BEI tikkonsisti essenzjalment fl-għoti ta’ kreditu, il-fatt li dan huwa kreditu u mhux sussidju ma jistax jipprekludi l-kwalifika bħala għajnuna għall-iżvilupp.

2. Skop tad-deċiżjoni

50.

Il-Parlament isostni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda pajjiżi li qed jiżviluppaw, issegwi l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE, l-iktar fir-rigward tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

51.

Il-Kunsill ikkontesta dan l-argument, mingħajr madankollu ma indika liema huwa, fin-nuqqas ta’ dan, l-għan segwit mid-deċiżjoni fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’dan ir-rigward il-Kunsill sostna biss u ripetutament li d-Deċiżjoni 2006/1016 għandha l-għan li toħloq “miżura ta’ kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ strument Komunitarju ta’ finanzjament”. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jaħseb l-Kunsill, mhuwiex tant l-għan tal-miżura, iżda pjuttost il-kontenut tagħha, li tidher permezz ta’ din id-deskrizzjoni. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni, l-għoti tal-garanzija mhuwiex għan minnu nnifsu, iżda bil-kontra isegwi għanijiet li jmorru lil hinn minn hekk.

52.

L-għanijiet tad-deċiżjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-ewwel u t-tielet ‘premessi’ tagħha. Skont dawn il-‘premessi’, il-garanzija tingħata b’sostenn għal-linji politiċi esterni tal-UE mingħajr ma jintlaqat il-mertu ta’ kreditu tal-BEI.

53.

Għalhekk il-garanzija għandha tippermetti lill-BEI li jagħmel operazzjonijiet ta’ finanzjament f’pajjiżi ’il barra mill-Komunità – li ta’ spiss ikunu ta’ riskju akbar – mingħajr ma dan jaffettwa l-valutazzjoni favorevoli tiegħu tal-mertu ta’ kreditu (credit rating).

54.

Ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn donnu jidher li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex miżura esterna ta’ politika barranija, iżda pjuttost miżura sempliċement interna. Il-Kummissjoni wkoll tidher li qed talludi għal dan meta ssostni li l-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi strument ta’ finanzjament li japplika fl-ewwel lok fil-livell intern tal-Komunità. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, b’mod differenti minn strumenti oħrajn ta’ finanzjament fis-settur tar-relazzjonijiet esterni, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex fiha nnifisha l-bażi legali tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI f’pajjiżi terzi; f’dan ir-rigward, il-bażi legali huwa fuq kollox l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 18(2) tal-Protokoll dwar l-istatut tal-BEI ( 15 ). Il-pajjiżi terzi jibbenefikaw indirettament biss mid-deċiżjoni kkontestata billi jiksbu krediti iktar vantaġġużi abbażi tal-garanzija. Huma jibbenefikaw direttament mill-finanzjamenti tal-BEI. Il-Kunsill ippreċiża, matul is-seduta, li fil-fehma tiegħu, din ir-relazzjoni indiretta bejn il-garanzija u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienet tikkostitwixxi r-raġuni deċiżiva li minħabba fiha d-deċiżjoni kkontestata ma kelliex ukoll tkun ibbażata fuq l-Artikolu 179 KE.

55.

Madankollu dan l-approċċ mhuwiex konvinċenti. Barra minn hekk, jekk wieħed isegwi l-argument tal-Kummissjoni sa l-aħħar jasal għall-konklużjoni li la l-Artikolu 179 KE u lanqas l-Artikolu 181a KE ma jistgħu jitqiesu bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, u dan indipendentement mill-kwistjoni jekk pajjiżi li qed jiżviluppaw humiex ikkonċernati jew le. L-Artikolu 181a KE jipprovdi bażi legali għall-kooperazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi terzi u mhux għal miżuri purament interni.

56.

Qabel xejn għandu jkun hemm qbil mal-Kummissjoni fuq il-fatt li, qabel kollox, il-garanzija taġixxi direttament biss ġewwa l-Komunità, jiġifieri bejn il-BEI u l-baġit Komunitarju. Għalhekk fiha nnifisha, il-garanzija lanqas ma tista’ tiġi kunsidrata bħala kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi. Iżda l-għan essenzjali tad-deċiżjoni huwa s-sostenn tal-politika esterna Komunitarja. Il-garanzija mhijiex għan fiha nnifisha iżda l-mezz biss biex jintlaħaq l-iskop effettiv tal-Komunità, jiġifieri s-sostenn tal-politika esterna tagħha biex tkun possibbli l-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz tal-BEI. Dan huwa ċċarat mill-fatt li, skont l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni, il-garanzija taħdem biss għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mogħtija bħala sostenn tal-għanijiet ta’ politika esterna tal-Unjoni Ewropea.

57.

Il-fatt li permezz tal-garanzija jkun hemm effetti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod indirett biss permezz tal-BEI ma jipprekludix in-natura ta’ miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp. Il-garanzija hija l-kundizzjoni li ma tistax tiġi rrinunzjata sabiex il-BEI jagħmel dawn l-operazzjonijiet ta’ finanzjament fil-pajjiżi terzi, li altrimenti, minħabba il-mertu ta’ kreditu (credit rating) tiegħu stess, probabbiliment ma jkunx jista’ jagħmel hekk jew jagħmel hekk b’kundizzjonijiet sostanzjalment anqas konvenjenti għal min jissellef mill-BEI fil-pajjiżi terzi. Għalhekk permezz tal-garanzija jkun possibbli u jiġi promoss fis-sustanza l-impenn tal-BEI fil-pajjiżi li qed jiżvilupaw.

58.

Peress illi permezz tad-deċiżjoni, il-Komunità toħloq il-kundizzjoni bażika li tippermetti lill-BEI fil-konkret li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu ta’ sostenn, il-fatt li jinżamm il-credit rating tal-BEI jidher sempliċiment – fil-kuntest ta’ valutazzjoni tal-kwalità, li tkun meħtieġa f’dan il-każ – bħala mezz meħtieġ biex jitwettaq l-għan essenzjali li huwa li jingħata appoġġ lill-pajjiżi terzi.

59.

Iżda għal dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan ukoll taħt l-Artikolu 177 KE, jiġifieri l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija u l-ġlieda kontra l-faqar?

60.

Id-deċiżjoni ssostni b’mod għal kollox ġeneriku li hija għandha l-għan li tipprovdi sostenn għall-politika esterna tal-Komunità. Madankollu, fost l-attivitajiet esterni tal-Komunità hemm ukoll il-politika Komunitarja ta’ għajnuna għall-iżvilupp. Il-Premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata tenfasizza li huwa meħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI jkunu konsistenti mal-linji politiċi esterni tal-UE, inklużi l-objettivi reġjonali speċifiċi. Għal dak li jirrigwarda l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-għan speċifiku reġjonali huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ( 16 ). Anki l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi espliċitament li l-kooperazzjoni għandha titwettaq fuq bażi reġjonalment differenzjata, fejn jitqiesu r-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji politiċi tal-Unjoni Ewropea f'kull reġjun.

61.

Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi espressament l-istrumenti ta’ kooperazzjoni li għandhom jibbenefikaw l-impenn tal-BEI u li għalih tapplika l-garanzija. Ħlief għal wieħed, dawn l-istrumenti ta’ finanzjament huma bbażati wkoll fuq l-Artikolu 179 KE u għalhekk huma strumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp: l-istrument Ewropew tal-viċinat u tas-sħubija ( 17 ) (ibbażat fuq l-Artikoli 179 u l-Artikolu 181a KE), l-istrument għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 18 ) (ibbażat fuq l-Artikolu 179 KE) u l-istrument għall-istabbilità ( 19 ) (ibbażat fuq l-Artikoli 179 u 181a KE).

62.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tistabbilixxi fil-preambolu indikazzjonijiet konkreti dwar l-għanijiet li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom isegwu fir-reġjuni individwali. Għar-reġjuni li fihom hemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw hemm referenza għall-għanijiet tipiċi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

63.

Fl-Asja u fl-America Latina l-għanijiet għandhom ikunu ffukati fuq is-sostenibbilità ambjentali, il-proġetti dwar is-sigurtà tal-enerġija, kif ukoll is-sostenn kontinwu għall-preżenza tal-UE fl-Asja u l-Amerika Latina permezz ta' Investiment Barrani Dirett, u t-trasferiment ta’ teknoloġija u ta' kapaċitajiet (il-Premessa 12). Fl-Asja Ċentrali, il-BEI għandu jiffoka fuq il-proġetti prinċipali tal-provvista tal-enerġija u tat-trasport tal-enerġija b’implikazzjonijiet transkonfinali (il-Premessa 13). Fl-Afrika ta’ Isfel il-BEI għandu jiffoka fuq proġetti ta’ infrastruttura ta’ interess pubbliku (inklużi infrastruttura muniċipali, provvista tal-enerġija u tal-ilma) u fuq is-sostenn lis-settur privat, inklużi l-SMEs (il-Premessa 14).

64.

Il-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi implementata mid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-garanzija lill-BEI, għandha b’hekk għanijiet soċjoekonomiċi wkoll, sa fejn għandha x’taqsam ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, taħt l-Artikolu 177 KE, speċjalment l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3. Talba intermedjarja

65.

Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda pajjiżi li qed jiżviluppaw, hija tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE. Fejn tirrigwarda pajjiżi li mhumiex qed jiżviluppaw hija tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk għal din ir-raġuni l-att kellux jiġi bbażat fuq iż-żewġ bażijiet legali.

D — Possibbli li tiġi identifikata prijorità?

66.

In ġenerali, att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda. Jekk mill-eżami ta’ att jirriżulta li dan isegwi żewġ għanjiet jew li għandu żewġ komponenti, skont l-hekk imsejħa ġurisprudenza dwar il-prijorità tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda jew komponent prinċipali jew predominanti ( 20 ).

67.

Eċċezzjonalment, jekk huwa stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew li għandu iktar minn komponent wieħed, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat ma’ l-ieħor, tali att għandu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti, meta l-proċeduri relattivi jkunu kompatibbli ( 21 ).

68.

Kif intqal, id-deċiżjoni kkontestata fiha żewġ komponenti: waħda tirrigwarda l-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE, l-oħra tirrigwarda l-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi oħrajn u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE.

69.

Il-Parlament huwa tal-fehma li f’dan il-każ il-ġurisprudenza fuq il-prijorità tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax. Subordinatament huwa jargumenta li anki meta jiġi applikat il-kriterju tal-prijorità ż-żewġ komponenti ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, mingħajr ma waħda minnhom tassumi importanza sekondarja u indiretta fil-konfront tal-oħra.

70.

Din is-sitwazzjoni hija differenti minn żewġ aspetti tal-każijiet deċiżi sa issa.

71.

Minn naħa ż-żewġ bażijiet legali jirrigwardaw l-istess suġġett, jiġifieri l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Madankollu dawn, kif intqal qabel, jeskludu lil xulxin taħt l-aspett tad-destinatarji tal-kooperazzjoni: l-Artikolu 179 KE huwa, fir-rigward tal-Artikolu 181a KE, ir-regola l-iktar speċifika li twarrab lill-oħra. Sa fejn huma involuti pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Artikolu 179 KE huwa l-bażi legali korretta, fejn huma involuti pajjiżi li mhumiex qed jiżviluppaw, il-bażi legali adegwata hija l-Artikolu 181a KE.

72.

Min-naħa l-oħra l-prijorità, f’dan il-każ, ma tistax tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterju li jkollu x’jaqsam mal-kontenut, peress illi d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u ma’ pajjiżi li ma jistgħux jissejħu bħala tali. Iżda f’dan il-każ, tista’ tiġi ddeterminata prijorità biss mill-aspett purament kwantitattiv.

73.

Din hija wkoll id-differenza mal-ftehim kummerċjali u fis-settur tas-sajd iċċitati mill-Kunsill ( 22 ). Għalkemm jirrigwardaw pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ġew ibbażati biss fuq il-bażi legali rispettiva li hija oġġettivament rilevanti u mhux ukoll fuq l-Artikolu 179 KE. F’dan il-każ huwa possibbli li tiġi kkonstatata prijorità ta’ kontenut bejn il-politika ta’ għajnuna għall-iżvilupp u l-politika tas-sajd jew il-politika kummerċjali. Meta jkun hemm involuta b’mod prijoritarju, mill-aspett ta’ kontenut, il-politika tas-sajd jew il-politika kummerċjali, att relattiv għandu jiġi bbażat esklużivament fuq il-bażi legali rispettiva u mhux ukoll fuq l-Artikolu 179 KE, għalkemm l-att jirrigwarda pajjiżi li qed jiżviluppaw. Madankollu, fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, mill-aspett tal-kontenut hemm l-istess tip ta’ miżura li hija differenti biss b’referenza għad-destinatarji.

74.

Meta tiġi eżaminata l-prijorità kwantitattiva, f’dan il-każ jista’ jiġi konkluż li la l-komponent dwar il-pajjiżi li mhumiex qed jiżviluppaw u lanqas dak dwar pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jikkostitwixxu l-prijorità.

75.

Mill-aspett numeriku, hemm numru akbar ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw milli dawk li mhumiex qed jiżviluppaw fost il-pajjiżi eliġibbli jew potenzjalment eliġibbli għall-finanzjament skont id-deċiżjoni. Meta wieħed iqis biss in-numru tal-pajjiżi, id-deċiżjoni kellha tiġi bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 179 KE. Iżda meta tiġi eżaminata l-prijorità kwantitattiva għandhom jitqiesu wkoll l-ammonti massimi tal-garanzija previsti mid-deċiżjoni għar-reġjuni individwali. Fuq dan il-punt hemm ukoll dubju fuq kemm huwa possibbli jingħad bi preċiżjoni kemm huwa d-daqs massimu tal-garanzija assenjata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil dawk li mhumiex qed jiżviluppaw. Fil-fatt qed jiġi ċċitat kull darba ammont wieħed komuni biss għar-reġjuni individwali u mhux għall-pajjiżi individwali. Madankollu fl-istess reġjun jista’ jkun hemm pajjiżi li jkunu jappartjenu għaż-żewġ kategoriji. Il-Parlament sostna fis-seduta li madwar nofs l-ammont komplessiv indikat fid-deċiżjoni bħala ammont massimu tal-garanzija huwa assenjat għal pajjiżi li qed jiżviluppaw ( 23 ).

76.

Iżda minn din il-kunsiderazzjoni ma jirriżultax li d-deċiżjoni tirrigwarda fundamentalment u b’mod prevalenti, mill-aspett kwantitattiv, pajjiżi li mhumiex qed jiżviluppaw u biss sussidjarjament u marġinalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant anki bl-applikazzjoni tat-teorija tal-prijorità wieħed jasal għall-konklużjoni f’dan il-każ partikolari li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 181a KE.

77.

Madankollu, fil-fehma tiegħi kriterju purament kwantitattiv, bħala regola ġenerali, mhuwiex adegwat sabiex jistabbilixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prijorità, jekk att jirrigwardax, mil-lat ta’ prijorità, l-Artikolu 179 KE jew l-Artikolu 181a KE. Fil-fatt diġà mhuwiex ċar skont liema kriterji għandha tiġi stabbilita l-prijorità kwantitattiva. Għandu jiġi kkunsidrat għal dan l-iskop in-numru tal-pajjiżi kkonċernati? Għandhom jiġu kkunsidrati għal dan l-iskop anki d-dimensjonijiet jew in-numru ta’ abitanti tal-pajjiżi biex jiġi stabbilit jekk miżura tirrigwardax, mil-lat ta’ prijorità, pajjiżi li qed jiżviluppaw jew pajjiżi li mhumiex qed jiżvilupaw? Iżda, ġustament, jidher li m’għandux ikollu rilevanza lanqas esklużivament in-numru tal-pajjiżi, imma wkoll il-livell tal-ammonti li jkunu għad-dispożizzjoni f’att għall-kooperazzjoni.

78.

Dawn il-fatturi jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi u skont l-użu u l-influwenza tagħhom, iwasslu b’mod definittiv għal riżultati arbitrarji. Għalhekk, mil-lat tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, hemm riżervi biex tiġi determinata l-għażla tal-bażi legali fuq din il-bażi. B’hekk, fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjonijiet bħal f’dan il-każ mhuwiex possibbli li tiġi individwata karatterisitika sempliċiment minħabba raġunijiet ta’ prinċipju.

79.

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ opinjonijiet iwasslu għall-istess riżultat: id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 181a KE.

80.

Minn dan jirriżulta li meta ż-żewġ komponenti ma jkunux jistgħu jiġu sseparati minn xulxin l-att għandu jiġi bbażat eċċezzjonalment fuq iż-żewġ bażijiet legali rilevanti, meta l-proċeduri jkunu kompatibbli ( 24 ). Bħala konklużjoni għandu jiġi vverifikat jekk il-proċeduri tal-Artikoli 179 KE u 181a KE humiex kompatibbli.

E — Kompatibbiltà tal-proċeduri

81.

Iżda huwa eskluż li jintużaw żewġ bażijiet legali meta l-proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ bażi legali waħda jew oħra ikunu inkompatibbli u/jew l-akkumulazzjoni ta’ bażijiet legali tkun tali li jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-Parlament ( 25 ). Dan l-aspett għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

82.

B’referenza għar-regoli fuq il-vot fi ħdan il-Kunsill, il-kompatibbiltà bejn iż-żewġ bażijiet legali ma tippreżenta l-ebda diffikultà, billi l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata kemm fil-każ tal-Artikolu 179 KE kif ukoll f’dak tal-Artikolu 181a KE.

83.

Madankollu hemm xi differenzi għal dak li jirrigwarda ż-żewġ proċeduri mill-aspett tal-involviment tal-Parlament ( 26 ). Filwaqt li l-Artikolu 181a KE jistabbilixxi sempliċiment il-konsultazzjoni tal-Parlament, dan, fil-kuntest tal-Artikolu 179 KE, għandu funzjoni leġiżlattiva fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Kunsill.

84.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi jekk l-Artikolu 133(4) KE, li ma jistabbilixxi l-ebda dritt formali ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament, u l-Artikolu 175(1) KE, li jistabbilixxi l-kodeċiżjoni tal-Parlament, humiex kompatibbli mill-aspett tad-diversi drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament ( 27 ). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li fil-proċedura magħquda tiġi applikata kumplessivament il-kodeċiżjoni, jiġifieri involviment akbar tal-Parlament. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-kompatibbiltà taż-żewġ proċeduri billi argumentat li l-użu ta’ dawn iż-żewġ bażijiet legali mhuwiex tali li jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament, peress illi l-użu tal-Artikolu 175 KE jippermetti lil dik l-istituzzjoni li tadotta l-att bil-proċedura tal-kodeċiżjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-kompatibbiltà taż-żewġ proċeduri.

85.

Għall-kwistjoni tal-kompatibbilità tal-proċeduri b’referenza għall-organizzazzjoni rispettiva tal-parteċipazzjoni tal-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzji tikkunsidra f’dawn il-każijiet biss id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament.

86.

Meta wieħed jibda minn dan l-argument, anki f’dan il-każ jeħtieġ jiġi konkluż li hemm kompatibbiltà bejn iż-żewġ proċeduri. Fejn — kif diġà stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja — proċedura li ma tistabbilixxi l-ebda parteċipazzjoni mill-Parlament hija kompatibbli mal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, dan għandu japplika iżjed u iżjed għall-kompatibbiltà tal-“konsultazzjoni” u tal-“kodeċiżjoni” li huma rilevanti f’dan il-każ partikolari. Għalhekk, l-Artikoli 179 KE u 181a KE jistgħu jintużaw bħala bażi legali doppja għal att wieħed.

87.

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li bażi legali doppja tirrappreżenta eċċezzjoni li tista’ tiġri biss meta żewġ għanijiet jew komponenti jkunu tal-istess valur jew inseparabbli ( 28 ).

88.

Dan ifisser li fejn att ikun separabbli għandhom jiġu adottati żewġ atti distinti, l-hekk imsejħin atti tewmin. Att li għandu x’jaqsam ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 179 KE, u t-tieni att dwar il-pajjiżi terżi l-oħra, abbażi tal-Artikolu 181a KE. Meta att ma jkunx separabbli, huwa għandu jkun ibbażat kemm fuq l-Artikolu 179KE kif ukoll fuq l-Artikolu 181a KE. Il-leġiżlatur għandu jiġi rikonoxxut li għandu marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kwistjoni jekk att jistax jiġi separat. F’dan il-każ hemm ħafna elementi li jwasslu lil wieħed jgħid li l-att, tal-anqas fil-forma attwali tiegħu, ma jistax jiġi separat, billi jistabbilixxi bħala ammonti massimi għall-garanzija somom kumplessivi għar-reġjuni individwali li taħthom jaqgħu kemm pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll pajjiżi li mhumiex qed jiżviluppaw. Dan il-metodu, li jikkonsisti li jiġu indikati ammonti globali għal kull wieħed mir-reġjuni u mhux somom massimi għal kull pajjiż jagħti lill-BEI l-aħjar flessibbiltà possibbli fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha.

89.

Iżda jekk huma kkunsidrati determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà anki d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Kunsill, kif issuġġerejt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill ( 29 ), wieħed ikollu jiċħad f’dan il-każ partikolari l-kompatibbiltà tal-proċeduri. Jekk tiġi estiża l-proċedura ta’ kodeċiżjoni għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, li għaliha t-Trattat ma speċifika l-ebda kodeċiżjoni tal-Parlament, il-Kunsill jiġi mċaħħad mill-kompetenza leġiżlattiva esklużiva tiegħu f’dan is-settur, li jkollu mbagħad jaqsam mal-Parlament. Konklużjoni bħal din tikkontradixxi dak li ġie stabbilit b’mod konsapevoli mill-Istati Membri dwar il-proċedura leġiżlattiva. Għalhekk skont dik l-opinjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun ibbażata fl-istess ħin fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ pajjiżi terzi.

90.

Fil-każ ta’ inkompatibbilità tal-proċeduri l-att, skont din l-opinjoni, għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda u li f’dan ir-rigward għandha tingħata preferenza lil dik il-bażi legali li tistabbilixxi l-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva, id-dritt ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament jirrappreżenta r-regola. Huwa għalhekk konformi anki l-prinċipju ta’ trasparenza (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 KE) u l-prinċipju ta’ demokrazija (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 UE) li jekk ikun hemm dubju tintgħażel, bejn żewġ bażijiet legali li japplikaw bl-istess mod u milquta b’mod daqstant qawwi iżda li fl-istess ħin huma inkonċiljabbli, dik li l-applikazzjoni tagħha tagħti drittijiet akbar ta’ parteċipazzjoni lill-Parlament.

91.

Fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kont esprimejt l-opinjoni, li att li jsegwi kemm l-għanijiet taħt l-Artikolu 133 KE kif ukoll l-għanijiet taħt l-Artikolu 175 KE, għandu jkun ibbażat biss fuq l-Artikolu 175 KE ( 30 ). Bl-istess mod, f’dan il-każ partikolari d-deċiżjoni kkontestata kellha tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 179 KE li jipprovdi proċedura ta’ kodeċiżjoni.

F — Konklużjoni parzjali

92.

Bħala konklużjoni parzjali għandu jiġi stabbilit li, indipendentement mill-fatt li tiġi preżupposta kompatibbiltà tal-proċeduri taħt l-Artikoli 179 KE u 181a KE, id-deċiżjoni kkontestata xorta waħda ma setgħetx tiġi bbażata fuq l-Artikolu 181a KE bħala bażi legali esklużiva. Għalhekk hija għandha tiġi annullata minħabba għażla żbaljata tal-bażi legali.

V — Żamma tal-effetti

93.

Il-Parlament talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida jekk din tiġi annullata. Il-Kunsill u l-Kummissjoni appoġġaw din it-talba tal-Parlament.

94.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra li huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tar-regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ. Jekk huwa veru li din ir-regola, interpretata b’mod letterali, tapplika biss għar-regolamenti, madankollu hija tiġi applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja analogament ukoll għal atti oħrajn ( 31 ).

95.

Skont l-Artikolu 10, id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, fit-30 ta’ Diċembru 2006, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Mid-dħul fis-seħħ tagħha l-BEI ġie impost obbligi abbażi ta’ din il-garanzija. Fejn tonqos il-garanzija għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li bdew diġà hemm perikolu notevoli għall-mertu ta’ kreditu tal-BEI. Għaldaqstant fid-dawl tal-obbligi li diġà daħal għalihom, jeħtieġ li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata.

96.

Hemm dubju jekk l-effetti tad-deċiżjoni għandhomx ikomplu japplikaw anki għal proġetti li għadhom ma ġewx deċiżi. Jista’ jiġi argumentat li l-BEI jista’ jippreserva l-credit rating tiegħu billi jirrinunzja għall-finanzjament ta’ proġetti riskjużi. Madankollu dan iwassal għal paraliżi disproporzjonata fl-attivitajiet tal-BEI u għalhekk anki li jintlaħqu l-għanijiet esterni tal-Komunità.

97.

Għalhekk il-garanzija għandha tibqa’ fis-seħħ anki għal operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li għadhom ma ġewx deċiżi jiġifieri għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI miftiehma sa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, mhux iktar tard, madankollu, mill-iskadenza ta’ terminu adegwat għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ( 32 ). Biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata il-leġiżlatur dam sitt xhur, għalhekk terminu ta’ tnax-il xahar mill-għoti tas-sentenza għandu jkun adegwat għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

VI — Fuq l-ispejjeż

98.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament. Skont l-Artikolu 69(4) tal-istess Regoli, il-Kummissjonii għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VII — Konklużjoni

99.

Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dan li ġej:

“1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006, li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità, għandha tiġi annullata.

2)

L-effetti tad-deċiżjoni annullata qed jinżammu għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI deċiżi sa ma tidħol fis-seħħ deċiżjoni adottata skont bażi legali korretta, mhux iktar tard minn tmiem it-tmintax-il xahar mill-għoti tas-sentenza.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

4)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 414, p. 95, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2006/1016” jew ukoll id-“deċiżjoni”.

( 3 ) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità [COM(2006) 324 finali.]

( 4 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji favur proġetti f’pajjiżi terzi tat-30 ta’ Novembru 2006, P6_TA(2006)0507 (ĠU C 316E, p. 109).

( 5 ) Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra it-telf minn self għal proġetti barra l-Komunità (l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant, il-pajjiżi Mediterranji, l-Amerika Latina u l-Asja u r-Repubblika tal-Afrika ta’ Isfel) [COM(2006) 419 finali.]

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-440/05, Gabra p. I-9097, punt 61); tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-178/03, Ġabra p. I-107, punt 41); Il-Kummisjoni vs Il-Kunsill, (C-94/03, Ġabra p. I-1, punt 34), mogħtija fl-istess jum, u tal-, C-300/89, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa“diossidu tat-titanju” (C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10).

( 7 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 73); Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  6, punt 42); u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 39).

( 8 ) Ara d-dikjarazzjoni komuni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri miġburin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-kunsens Ewropew”, tal-20 ta’ Diċembru 2005 (ĠU C 46 p. 1, punt 119).

( 9 ) Tal-istess parir huwa wkoll l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 148).

( 10 ) L-Artikolu 181a KE jirriferi mhux biss għall-Artikolu 179 KE, iżda espliċitament għat-Titolu XX sħiħ.

( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 12 ) Meta l-Artikolu 178 KE jeħtieġ li l-Komunità tqis fis-setturi kollha tal-politika l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE, dan bl-ebda mod ma jirrappreżenta kontrapiż għar-riskju ta’ ksur, għaliex sempliċiment li tqis l-għanijiet ma fihiex saħħa daqs meta għandek l-obbligu li ssegwi l-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 177 KE.

( 13 ) Skont din l-interpretazzjoni l-emenda li ser jagħmel it-Trattat ta’ Liżbona fl-Artikolu 181a KE tiċċara l-affarijiet. L-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-futur ser jeskludi espliċitament il-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu: “[…] l-Unjoni għandha twettaq azzjonijiet ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, inkluża għajnuna, b’mod partikolari għajnuna finanzjarja, ma’ pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw […]”.

( 14 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Statut tal-BEI, Protokoll Nru 10 f’anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea fil-verżjoni tal-1 ta’ Mejju 2004, Artikolu 18(1): “Fil-qafas tal-kompitu stabbilit fl-Artikolu 267 ta’ dan it-Trattat, il-Bank għandu jagħti self lill-membri tiegħu jew lill-impriżi privati jew pubbliċi għal proġetti ta’ investiment li għandhom jitwettqu fit-territorji Ewropej ta’ Stati Membri, sal-limitu li l-fondi ma jkunux disponibbli minn fonti oħrajn b’termini raġjonevoli. Madanakollu, b’deroga awtorizzata mill-Bord ta’ Gvernaturi, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi, il-Bank jista’ jagħti self biex proġetti ta’ investiment jitwettqu, kompletament jew in parti, barra t-territorji Ewropej ta’ Stati Membri”.

( 16 ) Fir-rigward ta’ pajjiżi koperti mill-istrument tas-sħubija tal-Unjoni elenkati fl-Anness I huwa s-sostenn tal-politika ta’ sħubija u l-viċinat, fir-rigward tal-pajjiżi f’fażi ta’ qabel l-adeżjoni, il-politika ta’ qabel l-adeżjoni.

( 17 ) Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, p. 1).

( 18 ) Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41).

( 19 ) Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, p. 1).

( 20 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42), u, tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 55).

( 21 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 75); Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43), u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 56).

( 22 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006, tat- 30 ta’ Novembru 2006, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (ĠU L 342, p. 1).

( 23 ) Matul is-seduta, il-Parlament sostna, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li madwar EUR 13400 miljun minn EUR 27800 miljun li jikkorrispondu għall-ammonti massimi tal-garanzija jingħataw lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

( 24 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 43 u 57); u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 36 u 52).

( 25 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (is-sentenza “diossidu tat-titanju”, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 17 sa 21).

( 26 ) Skont it-Trattat ta’ Liżbona ma jkunx hemm aktar din il-problema għaliex l-istess proċedura tkun applikabbli għaż-żewġ artikoli u b’hekk il-kompatibbiltà tista’ tiġi sostnuta mingħajr l-ebda problema.

( 27 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 59) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 54).

( 28 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6)).

( 29 ) F’dan is-sens huma l-konklużjonijiet tiegħi tas-26 ta’ Mejju 2005 fi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 61).

( 30 ) Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 64).

( 31 ) Ara, fuq l-applikazzjoni analoga għal deċiżjonijiet (Beschlüsse), is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-22/96, Ġabra p. I-3231, punt 42), fuq l-applikazzjoni analoga għad-deċiżjonijiet (Entscheidungen), ara s-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42) u tat-, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C-106/96, Ġabra p. I-2729, punt 41).

( 32 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C-14/06 u C-295/06, Ġabra p. I-1649, punti 82 sa 86) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 61 sa 65); ara wkoll f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fit- (Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, sentenza tat-, C-217/04, Ġabra p. I-3771, punti 47 sa 50).