KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

Kawża C-144/07 P

K-Swiss Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 2868/95 — Terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Deċiżjoni tal-UASI — Notifika permezz ta’ posta espress — Kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

1. 

Il-preżenti appell jirrigwarda r-regoli applikabbli għan-notifika ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ( 2 ) li tiċħad applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 ( 3 ).

2. 

Skont ir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95, in-notifiki li jsiru mill-Uffiċċju jistgħu jieħdu diversi forom, li l-metodi u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma stabbiliti fir-Regoli 62 sa 66 tal-istess regolament.

3. 

Skont ir-Regola 62(1) ta’ dan ir-regolament, li tirrigwarda n-notifika bil-posta, deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li tiċħad applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi nnotifikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

4. 

Ir-Regola 62 tistabbilixxi wkoll, fis-subparagrafu 3 tagħha, preżunzjoni fis-sens li ittra rreġistrata għandha titqies li ġiet ikkonsenjata lid-destinatarju fl-għaxar ġurnata wara li kienet intbagħtet bil-posta, sakemm l-ittra ma tasalx għand id-desinatarju jew tasal għandu iktar tard.

5. 

Barra minn dan, skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika ta’ att ma jkunux osservati, u jekk dan jasal għand id-destinatarju, l-att għandu jitqies li kien ġie nnotifikat fid-data ta’ meta ġie rċevut.

6. 

Iż-żewġ kwistjonijiet prinċipali f’din il-kawża huma dwar, minn naħa, jekk il-kunsinna ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju bil-posta espress tistax tiġi kkunsidrata bħala notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, fis-sens tar-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95, u, min-naħa l-oħra, jekk il-preżunzjoni stabbilita fis-subparagrafu 3 ta’ din ir-regola tapplikax ukoll meta jintwera li d-destinatarju ta’ din l-ittra espress irċevieha fi żmien għaxart ijiem minn meta ntbagħtet mill-Uffiċċju.

7. 

Fid-digriet mogħti fl-14 ta’ Diċembru 2006, K-Swiss vs UASI (Strixxi parallelli fuq żarbun) ( 4 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat, l-ewwel nett, li l-kunsinna ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju permezz ta’ posta espress ma tidhirx fost il-metodi ta’ notifika msemmija fir-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u li hija, għalhekk, irregolari. Hija ddeċidiet, it-tieni nett, li, skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, it-terminu sabiex jitressaq rikors beda jiddekorri mill-kunsina tal-ittra permezz ta’ posta espress peress li l-appellanti rrikonoxxiet espliċitament li kienet irċeviet id-deċiżjoni kkontestata b’dan il-mod.

8. 

Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem mogħti sabiex tiġi kkontestata tali deċiżjoni kien, fil-preżenti kawża, skada fid-9 ta’ Jannar 2006 u li r-rikors imressaq mill-appellanti fis- kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

9. 

Fil-preżenti konklużjonijiet, jien se nindika r-raġunijiet għaliex, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 dwar in-notifika ta’ atti tal-Uffiċċju, il-kunsinna deċiżjoni permezz ta’ posta espress jidhirli li għandha tiġi kkunsidrata li hija ekwivalenti għal notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Minn dan, jien se nikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regoli 61(2) u 62(1) u kif ukoll tar-Regola 68 ta’ dan ir-regolament u li l-appell huwa fondat.

10. 

Jien se nispjega wkoll ir-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħi, il-preżunzjoni prevista fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tapplika wkoll fil-każ ta’ prova ta’ rċevuta tal-att mid-destinatarju fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun intbagħatlu. Jien minn dan se nikkonkludi li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa ammissibbli u li d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

11. 

B’mod sussidjarju, jien ser insostni li r-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar l-irregolaritajiet fin-notifika, ma tistax twassal sabiex tqassar it-terminu sabiex jitressaq rikors li kien ikun applikabbli li kieku n-notifika saret b’mod regolari. Jien se nikkonkludi li, anki jekk jitqies li l-kunsinna ta’ deċiżjoni permezz ta’ posta espress ma tistax tiġi kkunsidrata li hija notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta u għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħal notifika irregolari, id-digriet appellat huwa, f’dak li jirrigwarda l-portata tar-Regola 68, irregolari wkoll minħabba żball ta’ liġi.

I — Il-kuntest ġuridiku

12.

Skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ( 5 ), ir-rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni. Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

13.

Skont ir-Regola 61(1) tar-Regolament Nru 2868/95, “[f]i proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, in-notifiki magħmula mill-Uffiċċju għandhom jieħdu l-forma li jittrasmettu d-dokument oriġinali, kopja mhix ċertifikata tiegħu jew kopja pprintjata bil-komputer skont Regola 55, jew fir-rigward ta’ dokumenti li joħorġu mill-partijiet infushom, kopji dupplikati jew kopji mhux iċċertifikati.”

14.

Is-subparagrafu 2 ta’ din l-imsemmija regola huwa fformulat kif ġej:

“Avviżi [notifiki] għandhom jingħataw

(a)

bil-posta skond ir-Regola 62;

(b)

permezz ta’ kunsinna bl-idejn skond ir-Regola 63;

(ċ)

permezz ta’ depożitu f’kaxxa postali fl-Uffiċċju skond ir-Regola 64;

(d)

permezz ta’ telecopier [faks] jew mezzi tekniċi oħra skond ir-Regola 65;

(e)

b’avviż pubbliku skond ir-Regola 66.”

15.

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regola 61(3) tar-Regolament Nru 2868/95, fejn id-destinatarju jindika n-numru tal-faks jew dettalji tiegħu biex jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezzi tekniċi, l-Uffiċċju jkollu l-għażla ta’ wieħed minn dawn il-mezzi ta’ notifika u notifika bil-posta.

16.

Ir-Regola 62 ta’ dan ir-regolament, dwar in-notifika bil-posta, hija fformulata kif ġej:

“1.

Deċiżjonijiet soġġetti għal limitu taż-żmien għall-appell, ċitazzjonijiet jew dokumenti oħra kif iddeterminat mill-President ta’ l-Uffiċċju għandhom jiġu nnotifikati b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Notifikazzjonijiet oħra għandhom isiru kollha bil-posta normali.

[…]

3.

Meta avviż [notifika] isir b’ittra reġistrata, b’avviż ta’ kunsinna [b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta] jew mingħajru [mingħajrha], dan għandu jitqies li jkun ġie kkonsenjat lid-destinatarju fl-għaxar ġurnata wara dik meta kien impustat, sakemm l-ittra ma naqsitx milli tasal għand il-persuna li għaliha kienet destinata jew waslitilha iktar tard. F’każ ta’ xi kontestazzjoni, għandu jkun l-Uffiċċju li jiddetermina li l-ittra waslet fid-destinazzjoni jew li jiddetermina d-data li fiha ġiet ikkunsinnjata lid-destinatarju, skond il-każ.

4.

Notifika b’ittra reġistrata, b’avviż ta’ kunsinna [b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta] jew mingħajru [mingħajrha], għandu jitqies li tkun saret ukoll jekk il-persuna lil min hija [i]ndirizzata tirrifjuta li taċċetta l-ittra.

5.

Notifikazzjoni b’ittra normali għandha tiġi meqjusa li waslet wara l-għaxar jum minn meta tiġi [i]mpustata.”

17.

Ir-Regola 68 tal-imsemmi regolament hija dwar l-irregolaritajiet fin-notifika. Hija tipprovdi:

“Meta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-Uffiċċju ma jkunx jista’ jagħti prova li kien ġiet notifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet dwar in-Notifika tiegħu ma jkunux osservati, id-dokument għandu jitqies li kien ġie notifikat fid-data stabbilita mill-Uffiċċju bħala d-data ta’ meta ġie rċevut.”

18.

Għandha tissemma wkoll ir-Regola 70 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar il-kalkolu tat-termini, li s-subparagrafu 2 tagħha huwa fformulat kif ġej:

“Il-kalkolu għandu jibda mill-jum ta’ wara l-ġurnata li fiha seħħet l-okkorrenza rilevanti, bl-okkorrenza tkun pass proċedurali jew l-iskadenza ta’ perjodu ta’ żmien ieħor. Fejn il-pass proċedurali huwa Notifika, l-okkorrenza kunsidrata għandha tkun ir-riċeviment tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor”.

II — Il-kuntest fattwali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

19.

Fl-24 ta’ Lulju 2002, l-appellanti applikat quddiem l-Uffiċċju sabiex tirreġistra bħala trade mark Komunitarja sinjal figurattiv magħmul minn ħames strixxi parallelli fuq il-ġenb ta’ stampa ta’ żarbuna, sabiex tidentifika prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nizza ( 6 ), li jikkorrispondu għal żraben tal-irġiel, tan-nisa, u tat-tfal.

20.

Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2004 minħabba li s-sinjal in kwistjoni ma kellux karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. L-appell magħmul mill-appellanti kontra din id-deċiżjoni kien ukoll miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas- tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ( 7 ).

21.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2006, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Uffiċċju għall-ispejjeż.

22.

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ April 2006, l-Uffiċċju qajjem l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Huwa talab ukoll il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

23.

L-Uffiċċju sostna li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkonsenjata lill-appellanti fit-28 ta’ Ottubru 2005 permezz ta’ posta espress imqassma mill-kumpannija DHL (iktar ’il quddiem il-“posta DHL”). Minn dan huwa kkonkluda li l-preżenti rikors, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-, ġie mressaq wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, miżjuda bit-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

24.

Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2006, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara r-rikors tagħha ammissibili.

25.

L-appellanti rrikonoxxiet li kienet irċeviet id-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ posta DHL fit-28 ta’ Ottubru 2005. Madankollu, hija sostniet li din id-data ta’ kunsinna ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala d-data tan-notifika legali tal-imsemmija deċiżjoni. Hija sostniet, f’dan ir-rigward, li l-kunsinna tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ posta DHL ma taqa’ taħt ebda wieħed mill-metodi ta’ notifika previsti mir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95, lanqas taħt il-mezz postali msemmi fl-inċiż (a). Minn dan hija kkonkludiet li din il-kunsinna ma tistax tiġi kkunsidrata bħal notifika fis-sens tal-istess regola u tal-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprevdi li r-rikors għandu jsir quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

26.

B’mod sussidjarju, l-appellanti sostniet li kien hemm lok li jiġu applikati, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet dwar in-notifika bil-posta. Hija spjegat li, f’din l-ipoteżi, in-notifika kienet preżunta, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li saret fl-għaxar ġurnata wara li ntbagħtet, jiġifieri, f’din il-kawża, fil-5 ta’ Novembru 2005. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu sabiex taġixxi ma kienx skada qabel is-, hekk li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

III — Id-digriet appellat

27.

Fid-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat il-motivi li ġejjin:

“22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, kif sostniet ir-rikorrenti, il-kunsinna tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ kumpannija ta’ posta espress, bħalma hija l-kumpannija DHL, ma tissemmiex fost il-metodi ta’ notifika previsti fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li la l-[Uffiċċju] u lanqas ir-rikorrenti, li ssostni anki b’mod espress li l-kunsinna permezz tal-kumpannija DHL ma tikkostitwixxix notifika bil-posta, ma jallegaw li l-posta DHL ikkonsenjata lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2005 ntbagħtet fil-forma ta’ ittra rreġistrata, lanqas, barra minn dan, li l-kumpannija DHL tista’ twassal ittri rreġistrati fil-Ġermanja, u lanqas, fl-aħħar nett, li d-deċiżjoni kkontestata, barra minn dan, ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ wieħed mill-metodi l-oħra previsti fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95, u fir-Regoli 62 sa 66 ta’ dan l-istess regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ittra ta’ kopertura tal-posta DHL ikkonsenjata lir-rikorrenti ma tindika bl-ebda mod li hija ittra rreġistrata, iżda tenfasizza li l-imsemmija posta hija ‘nnotifikata minn DHL biss’.

23

Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx innotifikata lir-rikorrenti skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regoli 61 u 62 tar-Regolament Nru 2868/95.

24

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma tistax madankollu twassal għall-konklużjoni li l-preżenti rikors ġie ppreżentat fit-termini previsti.

25

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolat ‘Irregolaritajiet fl-avviż’, ‘[m]eta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-Uffiċċju ma jkunx jista’ jagħti prova li kien ġie notifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet dwar in-Notifika tiegħu ma jkunux osservati, id-dokument għandu jitqies li kien ġie notifikat fid-data stabbilita mill-Uffiċċju bħala d-data ta’ meta ġie rċevut’.

26

Din id-dispożizzjoni, meħuda globalment, għandha tinftiehem fis-sens li hija tagħti lill-Uffiċċju l-possibbiltà li jistabbilixxi d-data li fiha dokument jasal għand id-destinatarju tiegħu, meta huwa ma jkunx jista’ jipprova li dan id-dokument kien ġie nnotifikat kif imiss jew meta d-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tiegħu ma jkunux ġew osservati, fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti lil tali prova l-effetti ġuridiċi ta’ notifika legali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ April 2005, Success-Marketing vs UASI — Chipita [PAN & CO], T-380/02 u T-128/03, Ġabra p. II-1233, punt 64).

27

Issa, f’din il-kawża, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti rċeviet il-posta DHL fit-28 ta’ Ottubru 2005, kif tiċċertifika, barra minn hekk, in-nota bid-dettalji tal-posta miżmuma mir-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell.

28

Skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk titqies li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2005, hekk li l-preżunzjoni prevista fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tapplika f’din il-kawża. Dan huwa, barra minn hekk, konformi mar-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li ‘[f]ejn il-pass proċedurali huwa Notifika, l-okkorrenza kunsidrata għandha tkun ir-riċeviment tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor’. Bl-istess mod, skont ġurisprudenza kostanti dwar il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, fl-ipoteżi fejn l-att ikkontestat ġie nnotifikat lid-destinatarju tiegħu, it-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-wasla tiegħu għand l-imsemmi destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-12/90, Ġabra p. II-219, punt 19, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Bayer vs Il-Kummissjoni, C-195/91 P, Ġabra p. I-5619).

29

F’dawn il-kundizzjonijiet, ikkunsidrat li, skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jsir fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, terminu miżjud b’għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata skada fid-9 ta’ Jannar 2006.

30

Il-preżenti rikors, ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2006, huwa għalhekk tardiv u għandu jiġi miċħud bħal inammissibbli.”

IV — L-appell

A — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

L-appellanti ppreżentat appell kontra d-digriet appellat permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru fil-11 ta’ Marzu 2007.

29.

L-Uffiċċju ppreżenta r-risposta tiegħu fil-31 ta’ Mejju 2007.

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienet meħtieġa seduta sabiex tistieden lill-partijiet jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom dwar it-tifsira tar-Regola 62 tar-Regolament Nru 2868/95, b’mod partikolari tas-subparagrafu 3 tagħha, u dwar il-kwistjoni jekk ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar l-irregolaritajiet fin-notifika, tistax twassal għal soluzzjoni anqas vantaġġjuża għall-appellanti mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ notifika previsti fl-imsemmija Regola 62.

B — It-talbiet u l-argumenti tal-partijiet

31.

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat u tikkundanna lill-Uffiċċju għall-ispejjeż.

32.

L-Uffiċċju jitlob li l-appell jiġi miċħud bħala infondat u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

33.

In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tar-Regoli 61, 62 u 68 tar-Regolament Nru 2868/95.

34.

Hija tindika li l-metodu normali ta’ notifika ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell huwa li jintbagħtu bil-posta DHL u li l-Uffiċċju kkunsidra dan il-metodu bħala ekwivalenti għal notifika bil-posta. Din l-assimilazzjoni hija ġustifikata mill-konnessjoni funzjonali u istituzzjonali mill-qrib li teżisti bejn DHL u l-posta Ġermaniża, peress li DHL hija sussidjarja 100 % ta’ Deutsche Post AG u peress li l-kunsinna ta’ dokument minn DHL tagħti lok għal firma ta’ rċevuta mid-destinatarju, fid-data tal-kunsinna.

35.

Jekk jiġi deċiż li l-kunsinna bil-posta DHL hija metodu ta’ notifika irregolari, dan jimplika li l-Uffiċċju volontarjament adotta prassi li twassal għal irregolaritajiet fin-notifika fis-sens tar-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95. Dan imur kontra l-obbligu tal-Uffiċċju li jaġixxi b’mod legali, peress li dan ma jistax iċaħħad lid-destinatarju ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tiegħu miċ-ċertezza legali fil-kalkolu tat-terminu sabiex jitressaq rikors u mill-benefiċċju tal-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tal-istess regolament.

36.

L-appellanti għalhekk issostni li n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ posta DHL għandha tiġi kkunsidrata bħala li saret bil-posta, fis-sens tar-Regola 61(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, b’forma li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta u li, jekk ikun il-każ, ma’ dik ta’ notifika bil-posta ordinarja.

37.

Għalhekk id-data ta’ meta tintbagħat id-deċiżjoni kkontestata tkun dik li tidher fuq l-ittra ta’ akkumpanjament tar-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell, li hija s-26 ta’ Ottubru 2005. Skont il-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tal-istess regolament, in-notifika titqies li saret fl-għaxar ġurnata wara din id-data ta’ meta ntbagħtet, li hija l-, hekk li r-rikors imressaq permezz tal-preżentata tar-rikors fir-Reġistru fis- ikun ammissibbli.

38.

Bħall-appellanti, l-Uffiċċju jsostni, l-ewwel nett, li n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell permezz ta’ posta espress tista’ tiġi kkunsidrata li hija ekwivalenti għal notifika bil-posta, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-dispożizzjonijiet tar-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95 kellhom japplikaw f’din il-kawża.

39.

F’dan ir-rigward, huwa jispjega li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija nnotifikata kif imiss meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u dan ikun f’pożizzjoni li jsir jaf biha. ( 8 )

40.

L-Uffiċċju jindika wkoll li posta espress tista’ titqabbel ma’ posta ordinarja, fid-dawl tax-xebh bejn il-metodi tal-operat ta’ dawn iż-żewġ servizzi. Huwa jirreferi fuq dan il-punt għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), li jipprovdi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, li s-“servizzi postali” huma ddefiniti bħala servizzi li jinvolvu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali.

41.

L-Uffiċċju jikkonferma li l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu jiġu nnotifkati bil-posta espress.

42.

Fit-tieni lok u kuntrarjament għall-appellanti, l-Uffiċċju jsostni li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tapplikax meta teżisti prova tal-kunsinna tad-deċiżjoni lid-destinatarju.

43.

Skont l-Uffiċċju, l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni f’każ bħal dan twassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn destinatarju li joqgħod Alicante, li jirċievi d-dokument innotifikat il-ġurnata ta’ wara li jintbagħat, u destinatarju li joqgħod Ċipru li jirċevih biss ħames jew sitt ġranet iktar tard.

44.

Meta d-destinatarju jkun irċieva d-deċiżjoni in kwistjoni u seta’ jsir jaf biha qabel l-għaxar ġurnata wara li ntbagħtet, ma jkunx iktar raġonevoli li l-ġurnata li fiha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors tkun din l-għaxar ġurnata.

C — Kunsiderazzjonijiet

45.

Bħall-appellanti u l-Uffiċċju, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li notifika permezz ta’ posta espress kienet irregolari. Se nindika, barra minn dan, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ liġi.

1. In-notifika ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju permezz ta’ posta espress tikkostitwixxi notifika regolari skont ir-Regolament Nru 2868/95

46.

Se nara, l-ewwel nett, li l-kunsinna ta’ deċiżjoni mill-Uffiċċju permezz ta’ posta espress taqa’ taħt il-kunċett ta’ “avviż [notifika] bil-posta” fis-sens tar-Regoli 61(2)(a) u 62 tar-Regolament Nru 2868/95. Jiena se nispjega, it-tieni nett, il-motivi għaliex din il-kunsinna għandha tiġi kkunisdrata li hija ekwivalenti għal notifika b’ittra rreġistrata, skont ir-Regola 62 tar-Regolament Nru 2868/95.

a) Il-kunsinna ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju bil-posta espress hija notifika bil-posta

47.

Huwa minnu li, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fid-digriet appellat, il-kunsinna bil-posta espress mhijiex imsemmija espressament fost il-metodi ta’ notifika elenkati fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u lanqas fir-Regola 62 ta’ dan ir-regolament, dwar in-notifika bil-posta. Madankollu, jien tal-fehma li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala notifika bil-posta għall-motivi li ġejjin.

48.

Il-kunċett ta’ “avviż bil-posta” li jinsab fir-regoli msemmija iktar ’il fuq ma jidhirlix li jista’ jingħata interpretazzjoni stretta jew formalista.

49.

Fil-fatt, nikkonstata li, fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iċċitat il-metodi ta’ trażmissjoni possibbli jew immaġinabbli kollha, bħalma huma l-posta, il-kunsinna lid-destinatarju fil-bini tal-Uffiċċju, id-depożitu f’kaxxa postali fl-Uffiċċju, il-faks kif ukoll il-metodi tekniċi ta’ trażmissjoni l-oħra kollha u, fl-aħħar nett, il-pubblikazzjoni.

50.

Din il-lista turi, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni riedet tagħti lill-Uffiċċju l-possibbiltà li juża l-akbar firxa possibbli ta’ metodi ta’ trażmissjoni. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-formulazzjoni tar-Regola 61(2)(d) ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi l-possibbilità ta’ notifika b’faks kif ukoll permezz ta’ “mezzi tekniċi oħra”. Din il-parti tal-frażi turi li l-Kummissjoni ma riditx tillimita l-metodi ta’ trażmissjoni għal mezzi tekniċi partikolari, iżda riedet li l-Uffiċċju jkun jista’ juża l-għodda eżistenti kollha kif ukoll dawk li jistgħu jkunu disponibbli wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2868/95.

51.

Minn dan nikkonkludi li l-kunċett ta’ notifika “bil-posta”, imsemmi fir-Regoli 61(2)(a) u 62 tar-Regolament Nru 2868/95, m’għandhux jinftiehem f’sens restrittiv bħala li jkopri esklużivament is-servizzi mogħtija mill-operaturi nazzjonali li, qabel il-ftuħ tas-suq fis-settur postali, kellhom monopolju f’dan il-qasam ta’ attività ( 10 ).

52.

Jien tal-fehma li, meta inkludiet il-posta fost il-metodi ta’ notifika li jistgħu jintużaw mill-Uffiċċju, il-Kummissjoni riedet tirreferi għall-metodu ta’ trażmissjoni fih innifsu, jiġifieri l-komunikazzjoni tal-att ikkonċernat f’ittra li għandha indirizz u li tinġabar minn fornitur ta’ servizzi, ittrasportata u kkonsenjata lid-destinantarju tagħha.

53.

Kif sostnew il-partijiet, kumpannija ta’ posta espress toffri servizz li verament jixbah lil dak ta’ operatur pubbliku jew privat li, skont id-Direttiva 97/67, illum il-ġurnata jassigura għal kollox jew in parti s-servizz postali universali fi Stat Membru. Hija tiġbor l-ittra li jkun fiha d-deċiżjoni tal-Uffiċċju li għandha tiġi nnotifikata, tittrasportaha sad-destinatarju u tagħtihielu.

54.

Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju bil-posta espress hija ta’ natura li tissodisfa l-għan tar-regoli tar-Regolament Nru 2868/95 dwar in-notifika.

55.

Skont il-ġurisprudenza, in-notifika ta’ att għandha l-għan li tippermetti lid-destinatarju jsir jaf bih u jagħmel użu, jekk ikun il-każ, mid-dritt tiegħu li jressaq rikors ( 11 ). In-notifika ta’ deċiżjoni minn kumpannija ta’ posta espress hija ta’ natura li tissodisfa dan l-għan, peress li tikkonsisti fil-kunsinna ta’ verżjoni bil-miktub ta’ din id-deċiżjoni lid-destinatarju tagħha permezz ta’ impjegat ta’ din il-kumpannija. Bħala prova ta’ dan nista’ nsemmi wkoll il-fatt li, xi kultant, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża wkoll dan il-mod ta’ trażmissjoni.

56.

Huwa għalhekk li din il-kunsinna għandha tiġi kkunsidrata, fil-fehma tiegħi, bħala notifika bil-posta, fis-sens tar-Regoli 61(2) u 62 tar-Regolament Nru 2868/95.

b) Il-kunsinna ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju bil-posta espress tista’ tiġi kkunsidrata li hija ekwivalenti għal notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta

57.

Il-proċedura tan-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta m’għandhiex biss l-għan li tikkomunika l-att ikkonċernat lid-destinatarju tiegħu sabiex dan ikun jaf bih. Għandha wkoll l-għan li tippermetti li tiġi ddeterminata b’ċertezza d-data ta’ din il-komunikazzjoni sabiex jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra dan l-att. Fl-aħħar nett, permezz tagħha, il-mittent ikollu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, prova tal-kunsinna tal-ittra lid-destinatarju tagħha, fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ rċevuta bil-firma tad-destinatarju jew tal-persuna li tirrappreżentah u li l-identità tagħha, fil-prinċipju, tkun ġiet ivverifikata mill-impjegat li għamel din il-kunsinna.

58.

Il-kunsinna ta’ deċiżjoni bil-posta espress tippermetti mingħajr ebda dubju li tkun magħrufa bi preċiżjoni d-data tal-kunsinna lid-destinatarju. Kif spjegaw il-partijiet, il-kunsinna ta’ ittra minn kumpannija ta’ posta espress tagħti lok għall-firma ta’ rċevuta mid-destinatarju jew mill-persuna awtorizzata minnu sabiex tirċievi tali dokument. Id-data ta’ din il-kunsinna titniżżel imbagħad fir-reġistru miżmum mir-Reġistratur tal-Bord tal-Appell li jkun ta d-deċiżjoni kkonċernata.

59.

Barra minn dan, jien ma naħsibx li kumpannija ta’ posta espress tipprovdi anqas garanzija, f’dak li jikkonċerna l-eżattezza ta’ din id-data, mill-operatur responsabbli, fl-Istat Membru, li jassigura għal kollox jew in parti s-servizz pubbliku universali, li minnu jagħmlu parti s-servizzi dwar il-posta rreġistrata, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 97/67.

60.

Fil-fatt, anki dan is-servizz universali jista’ jiġi fdat lil operaturi privati, kif tindika d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz universali” li tinsab fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67. Barra minn dan, kif jirriżulta mit-tmintax-il premessa tagħha, id-differenza essenzjali bejn il-posta espress u s-servizz postali universali tinsab fil-valur miżjud ipprovdut mis-servizzi ta’ posta espress lill-klijenti u l-iktar mod effettiv sabiex jiġi stabbilit dan il-valur miżjud huwa li wieħed iqis il-prezz addizzjonali li l-konsumaturi huma lesti li jħallsu.

61.

Fi kliem ieħor, huwa prinċipalment minħabba raġunijiet ta’ prezz li l-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li s-servizzi dwar posta rreġistrata, għandhom jagħmlu parti mis-servizz universali.

62.

Fil-fatt, l-unika differenza li jidhirli li teżisti, fil-kuntest ta’ din il-kawża, bejn kunsinna bil-posta espress u notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta hija dwar il-fatt li l-kumpannija ta’ posta espress ma tindirizzax sistematikament lill-mittent l-irċevuta ffirmata mid-destinatarju tal-att. Għalhekk, l-Uffiċċju ma jkollux minn qabel dan il-mezz ta’ prova tal-kunsinna, li jista’ jiġi oppost fil-konfront tad-destinatarju fil-każ ta’ kontestazzjoni.

63.

Madankollu, din id-differenza, fil-fehma, tiegħi, mhijiex ta’ natura determinati fil-kuntest tar-regoli dwar in-notifika previsti fir-Regolament Nru 2868/95.

64.

Fil-fatt, fl-istat tal-formulazzjoni tar-Regoli 61 et seq ta’ dan ir-regolament, ma jidhirx b’ċertezza li n-notifika ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju li biha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors għandha ssir esklużivament bil-posta, permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Fi kliem ieħor, dawn ir-regoli jistgħu jinftiehmu fis-sens li, jekk l-Uffiċċju jagħżel li jinnotifika tali deċiżjoni bil-posta, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Madankollu, ma jidhirx li huwa eskluż li jista’ juża wkoll wieħed mill-metodi l-oħra ta’ notifika msemmija fir-Regola 61(2) tal-imsemmi regolament.

65.

Huwa minnu li r-Regola 66(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tista’ tinqara f’sens kuntrarju. Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, “[j]ekk l-indirizz tad-destinatarju ma jistax jiġi stabbilit jew jekk wara għall-anqas tentattiv wieħed, in-notifikazzjoni skond Regola 62 ġiet ipprovata li hi impossibbli, in-notifikazzjoni għandha ssir b’avviż pubbliku”. Din id-dispożizzjoni tista’ għalhekk tinftiehem fis-sens li deċiżjoni li biha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors għandha tiġi nnotifikata bil-posta, jiġifieri permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta u, fil-każ li dan ikun impossibbli, bil-pubblikazzjoni.

66.

Madankollu, tali interpretazzjoni tas-sistema ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 2868/95 hija kontradetta mir-Regola 61(3) ta’ dan l-istess regolament, li tipprovdi, għandu jiġi mfakkar, li, meta d-destinatarju jindika n-numru tal-faks jew id-dettalji tiegħu sabiex ikun jista’ jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezzi tekniċi oħra, l-Uffiċċju jkollu l-għażla bejn wieħed minn dawn il-mezzi ta’ notifika u n-notifika bil-posta.

67.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, min-naħa tagħha, ħadet pożizzjoni ċara fuq dan il-punt fis-sentenza Success-Marketing vs UASI — Chipita (PAN & CO), iċċitata iktar ’il fuq, meta ddeċidiet li l-Uffiċċju mhuwiex obbligat jinnotifika esklużivament bil-posta d-deċiżjonijiet li bihom jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors, peress li tali interpretazzjoni tar-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tneħħi l-effett utli tal-metodi l-oħra ta’ notifika msemmija fir-Regola 61(2) tal-istess regolament ( 12 ). Minn dan ikkonkludiet li tali deċiżjonijiet jistgħu jkunu nnotifikati validament bil-faks ( 13 ).

68.

Fl-istat tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 dwar in-notifika, din l-interpretazzjoni jidhirli li għandha tinżamm. L-Uffiċċju jista’ għalhekk jinnotifika bil-posta deċiżjoni li biha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors, skont ir-Regola 62 ta’ dan ir-regolament, jew permezz ta’ kunsinna bl-idejn skont ir-Regola 63 tal-imsemmi regolament, jew ukoll permezz ta’ depożitu f’kaxxa postali fl-uffiċċji tiegħu, jew fl-aħħar nett permezz tal-faks jew ta’ mezzi tekniċi oħra ta’ komunikazzjoni. Fil-każ li jkun impossibbli li jintuża wieħed minn dawn il-metodi ta’ notifika, għandha ssir notifka b’avviż pubbliku.

69.

Għandu għalhekk jittieħed inkonsiderazzjoni, għall-kwistjoni eżaminata f’din il-kawża, il-fatt li, meta jipproċedi għal notifika bil-faks, l-Uffiċċju lanqas ma jkollu, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-kunsinna tagħha, dokument li jista’ jiġi oppost fil-konfront tad-destinatarju li jkollu l-forza ta’ prova ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Huwa għalhekk li jkun kontradittorju mas-sistema ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 2868/95 li jiġi kkunsidrat li komunikazzjoni bil-posta espress ma tistax titqies li hija ekwivalenti għal notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, meta tali komunikazzjoni, kuntrarjament għal sempliċi faks, tagħti lok, fil-prinċipju, għall-firma ta’ rċevuta li tista’, jekk ikun il-każ, tiġi trażmessa lill-Uffiċċju

70.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li nqis li d-digriet appellat, li jipprovdi li n-notifika bil-posta espress ma tidhirx fost il-metodi ta’ notifika previsti mir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u hija irregolari fis-sens tar-Regola 68 ta’ dan ir-regolament, huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli kif ukoll fl-interpretazzjoni tar-Regola 62(1) tal-imsemmi regolament.

2. Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball ta’ liġi fuq id-digriet appellat

71.

L-Uffiċċju jqis li l-iżball ta’ liġi li jinsab fid-digriet appellat m’għandux iwassal għall-annullament tiegħu. Skont l-Uffiċċju, ir-rikors għal annullament imressaq mill-appellanti huwa inammissibbli peress li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tapplikax meta tingħata l-prova li l-kunsinna lid-destinatarju saret fi żmien għaxart ijiem minn meta l-att intbagħat bil-posta espress.

72.

Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet ikkonsenjata lill-appellanti fit-28 ta’ Ottubru 2005, ir-rikors għal annullament ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis- huwa għalhekk tardiv peress li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn minn din il-kunsinna, miżjud b’terminu ta’ distanza ta’ darba ta’ għaxart ijiem.

73.

Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Bħall-appellanti, jien tal-fehma li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tapplika wkoll meta titressaq il-prova tal-kunsinna fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun intbagħat l-att. Jien nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

74.

Skont ġurisprudenza kostanti, it-termini sabiex jitressaq rikors jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ( 14 ). Għalhekk, dawn it-termini għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u preċiż sabiex id-destinatarju ta’ deċiżjoni jkun jista’ jkun jaf eżattament minn meta u f’liema terminu jista’, jekk ikun il-każ, jikkontestaha.

75.

Għandu jiġi mfakkar li r-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 hija fformulata kif ġej:

“Meta avviż [notifika] isir b’ittra reġistrata, b’avviż ta’ kunsinna [b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta] jew mingħajru [mingħajrha], dan għandu jitqies li jkun ġie kkonsenjat lid-destinatarju fl-għaxar ġurnata wara dik meta kien impustat, sakemm l-ittra ma naqsitx milli tasal għand il-persuna li għaliha kienet destinata jew waslitilha iktar tard. […]”

76.

B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament li l-uniċi żewġ każijiet li fihom il-preżunzjoni in kwistjoni hija mwarrba huma meta d-destinatarju ma jirċevix l-ittra u meta l-ittra tasallu iktar minn għaxart ijiem wara li tkun intbagħtet bil-posta ( 15 ). Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, din il-preżunzjoni tapplika għalhekk ukoll meta d-destinatarju kien irċieva l-ittra fl-għaxart ijiem wara li kienet intbagħtet ( 16 ).

77.

Kuntrarajment għall-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fid-digriet appellat, jien ma nemminx li r-Regola 70 tar-Regolament Nru 2868/95 tista’ tikkontradixxi din l-analiżi. Fil-fatt, din ir-regola, li tipprovdi li meta l-att ta’ proċedura huwa notifika, il-kunsinna tad-dokument innotifikat tikkostitwixxi l-okkorrenza li biha jibda jiddekorri t-terminu, tipprevedi espressament li hija tapplika “sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor”. Ir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tikkostitwixxi preċiżament dispożizzjoni li tipprovdi mod ieħor ( 17 ).

78.

Huwa minnu li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni fil-każ tal-kunsinna tal-ittra fl-għaxar jum wara li tkun intbagħtet tista’ tidher illoġika fid-dawl tal-għan tal-metodu ta’ notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, li huwa, fil-prinċipju, li tiġi stabbilita b’ċertezza d-data ta’ meta d-destinatarju sar jaf bid-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, il-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors. F’dan id-dawl, il-preżunzjoni li l-ittra kienet riċevuta fl-għaxart ijiem wara li ntbagħtet għandha tapplika biss meta d-data ta’ meta kienet riċevuta ma tistax tkun magħrufa bi preċiżjoni, jew minħabba li d-destinatarju rrifjuta li jiġbor l-ittra rreġistrata indirizzata lilu, jew għaliex is-servizz tal-posta ma bagħatx lura d-dikjarazzjoni ta’ rċevuta lill-mittent.

79.

Barra minn dan, kif enfasizza l-Uffiċċju, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni li l-ittra kienet riċevuta fl-għaxart ijiem wara li kienet intbagħtet toħloq inugwaljanza fit-trattament bejn id-destinatarji li jirrisjedu fil-qrib tal-Uffiċċju, li jistgħu jirċievu l-ittra sa mill-għada li tkun intbagħtet, u dawk li qegħdin fl-Istati Membri iktar imbegħda, li għalihom it-terminu ta’ trasport tal-posta jista’ jkun itwal. Bis-saħħa ta’ din il-preżunzjoni, dawk tal-ewwel ikollhom għalhekk termini itwal sabiex jiddeċiedu jekk jagħmlux jew le rikors għal annullament u sabiex jippreparaw dan ir-rikors.

80.

Madankollu, dan in-nuqqas ta’ loġika u dan in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn id-destinatarji ma jistax jiġġustifika, fil-fehma tiegħi, li tingħata interpretazzjoni lir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 li tmur kontra l-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tat-terminu sabiex jitressaq rikors, għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata iktar importanza liċ-ċertezza legali u lid-dritt tad-destinatarji ta’ deċiżjoni li jkunu jafu preċiżament it-terminu li huma għandhom.

81.

Jien nirrileva, barra minn dan, li l-ittra tal-Uffiċċju, annessa mal-kopja tad-deċiżjoni kkontestata fil-posta espress ikkonsenjata lill-appellanti fit-28 ta’ Ottubru 2005, ma kien fiha ebda indikazzjoni tat-terminu li fih din id-deċiżjoni setgħet tiġi kkontestata u lanqas fuq il-punt meta jibda jiddekorri dan it-terminu ( 18 ).

82.

Jekk l-Uffiċċju jixtieq li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tapplikax iktar meta jkun ippruvat li l-kunsinna saret fl-għaxart ijiem wara l-impustar bil-posta, huwa għandu jitlob lill-Kummissjoni li temenda f’dan is-sens il-kontenut ta’ dan it-test. Ir-Regolament Nru 2868/95, kif rajna, diġà ġie emendat darbtejn, fl-2004 u fl-2005.

83.

Huwa għalhekk li jien tal-fehma li n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi stabbilita fl-għaxar ġurnata wara d-data li tkun intbagħtet bil-posta espress, jiġifieri fil-5 ta’ Novembru 2005. Minn dan isegwi li t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem mogħti lill-appellanti sabiex tressaq rikors kontra din id-deċiżjoni skada fil-. Peress li dik il-ġurnata kienet il-Ħadd, l-iskadenza ġiet imtawla sat-Tnejn , skont l-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li sar dik il-ġurnata, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

84.

Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-digriet appellat, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jiġi deċiż ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tirriżerva l-ispejjeż ( 19 ).

3. Osservazzjonijiet magħmula sussidjarjament

85.

Sussidjarjament, anki jekk il-kunsinna ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju bil-posta espress tiġi kkunsidrata bħala li mhijiex konformi mar-Regolament Nru 2868/95, jien tal-fehma li r-Regola 68 ta’ dan l-istess regolament ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddikjara r-rikors għal annullament inammissibbli peress li sar wara l-iskadenza tat-terminu.

86.

Safejn l-interpetazzjoni ta’ din ir-regola, li wasslet għal din is-soluzzjoni fid-digriet appellat, tirrigwarda direttament it-tul tat-terminu sabiex jitressaq rikors mill-appellanti u, safejn, skont il-ġurisprduenza, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-termini sabiex jitressaq rikors huma ta’ ordni pubbliku ( 20 ), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika ex officio li dawn it-termini ta’ żmien ikunu ġew osservati ( 21 ).

87.

Kif sostnejt iktar ’il fuq, mir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li, meta n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju li tiċħad applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ssir permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, din in-notifika hija meqjusa li saret fl-għaxar ġurnata wara li tkun intbagħtet bil-posta jew fil-ġurnata ta’ dik il-kunsinna jekk din issir wara dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.

88.

Minn dan isegwi li, li kieku d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata lill-appellanti fit-28 Ottubru 2005 permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, ir-rikors magħmul minnha fis- kien ikun ammissibbli.

89.

Huwa minnu li l-Uffiċċju, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet imsemmija u mis-sentenza Success-Marketing vs UASI — Chipita (PAN & CO), iċċitata iktar ’il fuq, seta’ uża wieħed mill-metodi l-oħra ta’ notifika msemmija fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u, f’dawn il-każijiet, il-preżunzjoni kontenzjuża ma kinitx tkun applikabbli. Madankollu, li kieku l-Uffiċċju uża wieħed minn dawn il-metodi l-oħra ta’ notifika, l-appellanti kienet tkun tista’ tiddetermina preċiżament il-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors applikabbli ( 22 ). Dan ma jkunx il-każ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kunsinna bil-posta espress hija irregolari u ma taqa’ taħt ebda wieħed mill-metodi ta’ notifika msemmija fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

90.

Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, kien meħtieġ li l-appellenti tkun konvinta minn din l-irregolarità u mill-fatt li r-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95 kienet applikabbli. Issa, jien ma naħsibx li din il-kumpannija tista’ tiġi obbligata tkun taf jekk il-prassi ta’ notifika użata normalment mill-Uffiċċju hijiex irregolari.

91.

Għalhekk, jien inqis li ksur, mill-Uffiċċju, tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tan-notifika ma jistax ikollu l-effett li jċaħħad lill-appellanti mill-benefiċċju tat-terminu sabiex jitressaq rikors l-iktar favorevoli li minnu kienet tgawdi li kieku din il-leġiżlazzjoni ġiet osservata.

92.

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata qabel, it-termini sabiex jitressaq rikors mhumiex fid-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti iżda huma imposti bħala dispożizzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku. L-Uffiċċju ma jistax, għalhekk, bi prassi irregolari, iwarrab it-termini sabiex jitressaq rikors li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet tiegħu.

93.

Safejn ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95 għandha twassal għal dikjarazzjoni li r-rikors tal-appellanti huwa inammissibbli, jien tal-fehma li din ir-regola hija illegali u għandha tiġi mwarrba. Dan jimplika li, jekk il-kunsinna tad-deċiżjoni kkontestata bil-posta espress tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li mhijiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2868/95, din il-kunsinna għandha tiġi kkunsidrata bħala li m’għandhiex effett. L-Uffiċċju jkollu għalhekk jinnotifika d-deċiżjoni kkontestata b’wieħed mill-metodi ta’ notifika previsti mir-Regola 61(2) ta’ dan ir-regolament.

94.

Din is-soluzzjoni jidhirli li għandha tiġi imposta iktar u iktar f’din il-kawża peress li l-appellanti kienet tat lill-Uffiċċju n-numru tal-faks tagħha, hekk li dan tal-aħħar kellu l-possibbilità li juża wieħed mill-metodi ta’ notifika espressament previsti mir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

V — Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2006, K-Swiss vs UASI (Strixxi parallelli fuq żarbuna) (T-14/06).

tiċħad bħala infondata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

tirrinvija l-proċess tal-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komuntajiet Ewropej sabiex din tiddeċiedi fuq it-talbiet ta’ K-Swiss, Inc għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-26 ta’ Settembru 2005.

tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”.

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 782/2004, tas- (ĠU L 123, p. 88), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad- (ĠU L 172, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”).

( 4 ) T-14/06, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”.

( 5 ) Regolament tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).

( 6 ) Ftehim dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trademarks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

( 7 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 8 ) L-Uffiċċju jsemmi s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni (42/85, Ġabra p. 3749).

( 9 ) Direttiva 97/67/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU 1998, L 15, p. 14).

( 10 ) Il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li jiftaħ gradwalment is-settur tas-servizzi postali għall-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, huwa adotta d-Direttiva 97/67, li fiha ppreveda l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxi, minn naħa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur postali u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ servizz postali universali li joffri numru minimu ta’ servizzi għal prezz li jista’ jitħallas mill-utenti kollha, irrispettivament mil-lokal ġeografiku fejn jinsabu fil-Komunità Ewropea. Il-ħolqien tas-suq intern tas-servizz postali tkompla bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, p. 21), bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 284, p. 1), kif ukoll bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10) u tas-6 ta’ Diċembru 1990, Wirtschaftsvereinigung Eisen- und Stahlindustrie vs Il-Kummissjoni (C-180/88, Ġabra p. I-4413, punt 22).

( 12 ) Punti 58 sa 60.

( 13 ) Punt 61.

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (C-154/99 P, Ġabra p. I-5019, punt 15).

( 15 ) Din il-formulazzjoni hija identika anki fil-verżjoni Ġermaniża u Ingliża tar-Regolament Nru 2868/95.

( 16 ) Ir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 hija differenti minn dan l-aspett mill-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 100 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jgħidu li għandha titqies li saret kunsinna lid-destinatarju bil-posta reġistrata, fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-sede tagħha, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f'data oħra jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex (il-korsiv huwa tiegħi).

( 17 ) Din l-analiżi ma twasslax li ċċaħħad lir-Regola 70 tar-Regolament Nru 2868/95 minn kull effett utli. Għalhekk, din ir-regola tibqa’ rilevanti sabiex tistabbilixxi meta jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors fil-każ ta’ notifika bl-idejn fil-bini tal-Uffiċċju, skont ir-Regola 63 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li n-notifika tista’ ssir fil-bini tal-Uffiċċju b’kunsinna bl-idejn tad-dokument lid-destinatarju tagħha, li malli jirċeviha għandu jirrikonoxxi li rċevieha.

( 18 ) F’din l-ittra, l-Uffiċċju sempliċement jiġbed l-attenzjoni tad-destinatarju għall-kontenut tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li r-rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

( 19 ) Ara, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE (C-193/01 P, Ġabra p. I-4837).

( 20 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 1981, Schiavo vs Il-Kunsill (122/79 u 123/79, Ġabra p. 473, punt 22).

( 21 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il-Kummissjoni (108/79, Ġabra p. 1769, punt 3), u Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).

( 22 ) Skont ir-Regola 64 tar-Regolament Nru 2868/95, in-notifika b’depożitu fil-kaxxa postali miftuħa fl-Uffiċċju titqies li tkun saret fil-ħames ġurnata wara li d-dokument jiġi ddepożitat. Skont ir-Regola 65 ta’ dan ir-regolament, in-notifika permezz ta’ faks għandha titqies li saret fid-data li fiha l-komunikazzjoni tkun waslet fl-apparat tal-faks tad-destinatarju.