KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

Kawża C-138/07

Belgische Staat

vs

Cobelfret NV

“Direttiva 90/435/KEE — Artikolu 4(1) — Effett dirett — Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li titneħħa t-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma — Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn tkun għamlet profitti taxxabbli”

1. 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Parent/Sussidjarja” jew id-“Direttiva”) jipprovdi li, meta kumpannija parent residenti fi Stat Membru wieħed tirċievi dividend minn kumpannija sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-kumpannija parent għandu jew ma jintaxxax id-dividend jew jawtorizza lill-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont tat-taxxa pagabbli fuq id-dividend it-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja fuq il-profitti b’hekk imqassma.

2. 

F’din il-kawża, il-Hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-Appell, Antwerp), il-Belġju, qed titlob lill-Qorti tal-Ġustzzja essenzjalment jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li dawn id-dividendi għandhom l-ewwel jiġu inklużi fil-bażi ta’ stima tal-kumpannija parent u mbagħad jitnaqqsu minnha biss jekk il-kumpannija parent tkun għamlet profitti taxxabbli.

Id-Direttiva Parent/Sussidjarja

3.

Id-Direttiva Parent/Sussidjarja hija intiża li telimina l-iżvantaġġ fiskali sofrut mill-kumpanniji minn Stati Membri differenti, meta mqabbla ma’ kumpanniji tal-istess Stat Membru, fejn huma jfittxu li jikkoperaw billi jiffurmaw gruppi ta’ kumpanniji parent u sussidjarji ( 3 ). Hija tagħmel dan b’żewġ modi.

4.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(1) jipprovdi li, meta kumpannija parent ( 4 ) tirċievi profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja, l-Istat Membru tal-kumpannija parent għandu jew “iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti” (il-metodu ta’ eżenzjoni) jew “jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [parent] biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti […] sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti” (il-metodu ta’ kreditu jew imputazzjoni).

5.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(1) jirrikjedi mill-Istati Membri li jeżentaw mit-taxxa f’ras il-għajn il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija parent tagħha.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6.

Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħtix wisq dettalji dwar ir-regoli nazzjonali rilevanti, jidher li huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Belġjana ( 5 ) taħdem, fil-partijiet rilevanti, kif ġej. Fl-ewwel lok, id-dividendi riċevuti minn kumpannija sussidjarja skont it-tifsira tad-Direttiva jiġu inklużi fil-bażi ta’ stima tal-kumpannija parent. Fit-tieni lok, 95 % tal-ammont ta’ dawn id-dividendi jitnaqqas mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija parent ( 6 ). Dan it-tnaqqis huwa magħruf bħala l-“aftrek van definitief belaste inkomsten” (tnaqqis ta’ dħul intaxxat b’mod definittiv, iktar ’il quddiem, l-“ADBI”). Fit-tielet lok, l-ADBI huwa limitat għall-ammont ta’ profitti għall-perijodu taxxabbli kkonċernat. Għalhekk, l-ADBI ma jistax jintuża f’sena fejn ma jkunux saru profitti; barra minn hekk, meta l-ADBI jaqbeż il-profitti magħmula, il-porzjon tal-ADBI li ma jkunx intuża ma jistax jiġi ttrasferit għas-snin suċċessivi.

Il-proċeduri prinċipali u d-domanda preliminari

7.

Anki f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju ftit tagħti informazzjoni. Madankollu, safejn huwa rilevanti hawnhekk, il-fatti li ġejjin jistgħu jiġu dedotti min-noti ta’ osservazzjonijiet.

8.

Kull sena mill-1992 sa l-1998 Cobelfret NV (iktar ’il quddiem “Cobelfret”), kumpannija Belġjana, irċeviet dividendi mill-holdings tagħha f’kumpanniji kemm fil-Belġju kif ukoll fir-Renju Unit. huwa paċifiku li, fir-rigward tal-holdings tagħha fil-kumpanniji Belġjani, Cobelfret hi kumpannija parent, u dawk il-kumpanniji huma sussidjarji tagħha, skont it-tifsira tad-Direttiva.

9.

Fl-1994, fl-1995 u fl-1997, Cobelfret sofriet telf u għalhekk ma setgħetx tuża l-ADBI għal dawn is-snin. Fl-1996 l-ADBI li għalih kienet intitolata Cobelfret qabeż il-profitti taxxabbli tagħha b’EUR 277432. Hija ma setgħetx tittrasferixxi dak il-porzjoni li ma ntużax għas-sena ta’ wara, meta għamlet telf. Cobelfret hija tal-opinjoni li għalhekk il-Belġju ma jeżentax id-dividendi b’mod ġenwin billi telf fiskali li jista’ jiġi ttrasferit għas-sena ta’ wara jitnaqqas b’tali mod li, fis-sena ta’ wara, il-profitt taxxabbli jiżdied b’mod artificjali bl-ammont ta’ dividendi li jmisshom kienu eżentati.

10.

Ir-Rechtbank van eerste aanleg (qorti tal-ewwel istanza) Antwerp, laqgħet l-argument ta’ Cobelfret li l-fatt li l-ADBI jiġi limitat b’dan il-mod, jikser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. L-awtoritajiet Belġjani tat-taxxa appellaw quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen, li għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Leġiżlazzjoni bħal dik tas-sistema fis-seħħ fil-Belġju f’dak li jirrigwarda dħul intaxxat b’mod definittiv, li abbażi tagħha dividendi rilevanti l-ewwel jiġu miżjuda mal-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent u, suċċessivament, l-ammont tad-dividendi riċevuti jitnaqqas biss, skont l-Artikolu 205(2) tal-[Kodiċi Belġjan dwar it-Taxxa fuq id-Dħul], mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent (sa ammont ta’ 95 %) jekk l-imsemmija kumpannija parent tkun għamlet profitt taxxabbli, hija kompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435 […] sa fejn ir-riżultat ta’ tali restrizzjoni fuq it-tnaqqis [DID] huwa li kumpannija parent, f’sena finanzjarja sussegwenti, tiġi ntaxxata fuq id-dividendi li hija tkun irċeviet fil-każ fejn hija ma kellhiex, jew ma kellhiex biżżejjed profitti taxxabbli matul il-perijodu taxxabbli li fih hija rċeviet id-dividendi, jew minn tal-anqas ir-riżultat li t-telf fiskali marbut mal-perijodu taxxabbli inkwistjoni jintuża b’mod żbaljat u konsegwentement ma jibqax trasferibbli sal-ammont tad-dividendi riċevuti, li, f’kull każ, fin-nuqqas ta’ telf fiskali, xorta waħda kellhom jiġu eżentati sa 95 %?”

11.

Cobelfret, il-Belġju u l-Kummissjoni, li lkoll kienu rrappreżentati fis-seduta, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet.

L-effett dirett

12.

Id-domanda rrinvijata ma tirreferix għall-effett dirett tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju jingħad li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li “jeħtieġ li tinkiseb risposta konklużiva fir-rigward tal-effett dirett tad-[D]irettiva”, u l-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet dwar dan il-punt. Għaldaqstant, se nagħmel l-osservazzjonijiet fil-qosor li ġejjin.

13.

Jirriżulta b’mod ċar minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mad-Direttiva, jew ukoll safejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat ( 7 ). Dispożizzjoni Komunitarja tkun bla kundizzjoni meta tistabbilixxi obbligu li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni u ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni jew l-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ xi miżura jew mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew mill-Istati Membri ( 8 ). Tkun preċiża biżżejed biex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u tiġi applikata mill-qrati meta tistabbilixxi obbligu f’termini mhux ekwivoċi ( 9 ).

14.

Naqbel ma’ Cobelfret u mal-Kummissjoni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jissodisfa dawn iż-żewġ kriterji. L-obbligu li jistabbilixxi, jiġifieri jew li l-Istat Membru ma jintaxxax il-profitti mqassma li tkun irċeviet kumpannija parent mill-kumpannija sussidjarja tagħha jew li jintaxxa dawn il-profitti filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovut it-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja marbuta ma’ dawn il-profitti, huwa stipulat fi kliem li mhumiex ekwivoċi u m’hu kkwalifikat minn ebda kundizzjoni jew m’hu suġġett, fl-implementazzjoni jew l-effetti tigħu, għall-adozzjoni ta’ ebda miżura jew mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew mill-Istati Membri.

15.

Il-Belġju jafferma li l-Artikolu 4(1) ma jistax ikollu effett dirett billi jagħti lill-Istati Membri għażla fir-rigward tal-metodi biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq.

16.

Madankollu, hekk kif issostni Cobelfret, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “il-fakultà ta’ l-Istat, li jagħżel fost numru ta’ possibbiltajiet sabiex jilħaq ir-riżultat preskritt minn Direttiva, ma jeskludix il-possibbiltà, għall-individwi, li jinfurzaw quddiem il-qrati nazzjonali d-drittijiet li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi stabbilit b’mod preċiż biżżejjed sempliċiment abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva” ( 10 ).

17.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu effett dirett.

Kompatibbiltà mal-Artikolu 4(1)

18.

Cobelfret u l-Kummissjoni jsostnu li r-regoli Belġjani jiksru d-Direttiva; il-Gvern Belġjan huwa ta’ opinjoni kuntrarja.

19.

Jiena naqbel mal-ewwel affermazzjoni msemmija.

20.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jeżiġi mill-Istati Membri jew li ma jintaxxawx id-dividend jew li jawtorizzaw lill-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovut fuqu t-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja fuq il-profitti mqassma. Fil-fehma tiegħi, ir-regoli Belġjani ma jimplementaw kif suppost ebda wieħed minn dawn il-metodi.

21.

L-effett ta’ dawn ir-regoli huwa li d-dividendi riċevuti minn kumpannija sussidjarja dejjem jiġu inklużi fil-bażi ta’ stima tal-kumpannija parent iżda mhux dejjem jitnaqqsu minnha, peress li ma jsir ebda tnaqqis meta l-kumpannija parent ma jkollhiex profitti taxxabbli għall-istess perijodu. F’każ bħal dan, il-fatt li d-dividendi jiġu inklużi fil-bażi ta’ stima, iwassal għal taxxa globali ogħla, billi jnaqqas l-ammont tat-telf li jista’ jiġi ttrasferit għas-snin suċċessivi. Konsegwentement, fis-sena sussegwenti meta jsir profit taxxabbli, it-taxxa tinġabar fuq ammont addizzjonali li jikkorrispondi għal parti mill-ammonti tad-dividendi jew għall-ammonti tad-dividendi kollha.

22.

Għalhekk, is-sistema Belġjana ma tipprovdix għall-eżenzjoni sistematika tad-dividendi. Dak li tagħmel huwa li tipprovdi għall-eżenzjoni tagħhom biss f’każ li jsiru profitti taxxabbli. Għaldaqstant, il-Belġju jissuġġetta l-eżenzjoni mit-taxxa tad-dividendi għal kundizzjoni li mhijiex ikkuntemplata mid-Direttiva. Għalhekk, din mhijiex sistema ta’ eżenzjoni ġenwina.

23.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi l-għan tad-Direttiva huwa li jiġu ffaċilitati l-arranġamenti fiskali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jintroduċu miżuri restrittivi bħal rekwiżit li perijodu ta’ holding minimu jrid ikun għadda diġà meta l-profitti li fir-rigward tagħhom ikun qed jipprova jinkiseb vantaġġ fiskali jiġu mqassma ( 11 ). Ma narax għalfejn l-istess prinċipju m’għandux jiġi applikat fir-rigward ta’ kwistjoni li effettivament tammonta għal rekwiżit li l-kumpannija parent ikollha profitti taxxabbli.

24.

Is-sistema Belġjana lanqas ma hija sistema ta’ imputazzjoni, jiġifieri li tipprovdi li t-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja titnaqqas mit-taxxa mħallsa mill-kumpannija parent.

25.

Il-Belġju jargumenta, fl-ewwel lok, li l-fatt li l-ADBI jiġi limitat iwassal għall-inqas għall-istess riżultat bħall-metodu ta’ imputazzjoni. Huwa jsostni li, jekk il-metodu ta’ imputazzjoni jissodisfa l-Artikolu 4(1), l-ADBI limitat bil-fors jissodisfah ukoll, billi mhemm ebda raġuni għalfejn il-fatt li Stat “iżomm lura milli jintaxxa” l-profitti mqassma għandu jwassal għal riżultat iktar ġeneruż mill-metodu ta’ imputazzjoni.

26.

L-osservazzjonijiet tal-Belġju fuq dan il-punt ma jikkonvinċunix. Barra minn hekk, li kieku l-fatt li l-ADBI jiġi limitat effettivament iwassal għal riżultat li jkun għall-inqas daqstant favorevoli għall-persuna li tħallas it-taxxa daqs dak li tikseb taħt il-metodu ta’ imputazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq kif kien x’aktarx jimplementa direttiva li kieku kien għażel jagħmel dan b’metodu partikolari ( 12 ). Il-Belġju ma jallegax li għażel li jimplementa l-Artikolu 4(1) tad-Diettiva bil-metodu ta’ imputazzjoni. Għalhekk, jiena tal-fehma li l-kwistjoni jekk u safejn il-metodu alternattiv li għażel joperax b’mod daqstant favorevoli daqs il-metodu ta’ imputazzjoni hija irrilevanti.

27.

Il-Belġju jsostni, fit-tieni lok, li ma jiriżultax mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li jeżiġi mill-Istati Membri li “[j]żommu lura milli jintaxxaw” id-dividendi, li l-Istati Membri għandhom jagħtu “eżenzjoni” u li din “l-eżenzjoni” teżiġi li d-dividendi riċevuti ma jista’ jkollhom ebda effett fuq l-ammont tat-telf li għandu jiġi ttrasferit għas-snin ta’ wara. Il-premessi fil-preambolu tad-Direttiva u l-kliem fl-Artikolu 4(1) jirreferu sempliċiment għaż-“[żamma] lura mill[-intaxxar]” ta’ dawn il-profitti u mhux għal “eżenzjoni”.

28.

Ma nistax naċċetta dan l-argument. M’hemm xejn fl-istruttura jew l-għan tad-Direttiva li jissuġġerixxi li hemm xi differenza sinjifikattiva bejn il-kunċetti ta’ “żamma lura mill-intaxxar” u “eżenzjoni mit-taxxa”. Kif issostni Cobelfret, il-preambolu ta’ Direttiva li reċentement emendat id-Direttiva Parent/Sussidjarja fil-fatt jiddeskrivi l-Artikolu 4(1) bħala li jeżiġi li “għandha tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja jew b’eżenzjoni jew bi kreditu tat-taxxa” ( 13 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja użat kemm il-kelma “eżenzjoni” kif ukoll l-espressjoni “[żamma] lura mill[-intaxxar]” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) biex tirreferi għall-istess kunċett ( 14 ).

29.

Il-Belġju jikkunsidra, fit-tielet lok, li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija konformi mal-għan tal-Artikolu 4(1), b’mod partikolari l-eliminazzjoni tal-iżvantaġġ fir-relazzjonijiet transkonfini bejn kumpanniji parent u dawk sussidjarji meta mqabbla ma’ tali realzzjonijiet f’kuntest domestiku ( 15 ). Il-fatt li l-ADBI jiġi limitat ma jiżvantaġġax il-ħolqien ta’ relazzjonijiet bejn kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji, b’mod partikolari relazzjonijiet transkonfini, kif deċiżament juru l-mod kif jaħdem fil-prattika s-suq Belġjan u l-fatt li l-applikazzjoni tal-ADBI limitat tittratta r-relazzjonijiet domestiċi u transkonfini bejn kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji b’mod ugwali. Għalhekk, il-fatt li l-ADBI jiġi limitat ma jmurx kontra l-għan tal-Artikolu 4(1).

30.

Għal darb’oħra, dan l-argument ma jikkonvinċinix. Anki jekk l-affermazzjonijiet tal-Belġju huma korretti, il-fatt li t-traspożizzjoni ħażina, minn Stat Membru, ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ma tmurx kontra l-għanijiet ta’ dik id-Direttiva ma jistax fih innifsu jrendi t-traspożizzjoni korretta.

31.

Imbagħad, il-Belġju jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti ( 16 ), li essenzjalment teżiġi mill-Istati Membri li jassiguraw li tali riorganizzazzjoni ma tirriżultax fit-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali u riżervi eżentati. Fir-rigward ta’ telf li jirriżulta minn riorganizzazzjoni transkonfini, madankollu, il-Belġju jsostni li din id-Direttiva sempliċiment teżiġi mill-Istati Memrbi li jittrattaw dan it-telf bl-istess mod bħat-telf li jirriżulta minn riorganizzazzjonijiet fi ħdan Stat Membru wieħed ( 17 ). Jidher li l-Belġju qed jargumenta li, b’analoġija, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Parent/Sussidjarja bl-istess mod jippermetti lil Stat Membru japplika sistema bħar-regoli ADBI għal dividendi riċevuti minn kumpannija parent mingħand kumpannija sussidjarja fi Stat Membru ieħor sakemm dan japplika l-istess sistema għal dividendi riċevuti mingħand kumpannija sussidjarja domestika. Madankollu, l-Artikolu 4(1) ma jgħidx hekk: u ma narax kif dispożizzjoni ta’ strument kompletament differenti tista’ tkun rilevanti.

32.

Il-Belġju jirreferi, fl-aħħar lok, għall-Mudell ta’ Konvenzjoni fiskali dwar id-dħul u l-kapital, ippubblikat mill-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (iktar 'il quddiem l-“OECD”) ( 18 ). Il-Kapitolu V, intitolat “Metodi għall-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja”, jipprovdi kemm għall-metodu ta’ eżenzjoni (Artikolu 23A) kif ukoll għall-metodu ta’ kreditu (Artikolu 23B). Il-Belġju jafferma li l-Mudell ta’ Konvenzjoni ma jagħtix regoli dettaljati dwar kif il-metodu ta’ eżenzjoni għandu jiġi implementat, u għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw dan.

33.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ miżuri Komunitarji ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b’mod partikolari, sabiex jiġu eliminati t-taxxi doppji billi japplikaw, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ tqassim użati fil-prassi fiskali internazzjonali, inkluż il-mudelli ta’ ftehim imfasslin mill-OECD ( 19 ). Madankollu, ma narax kif dan jista’ jkun relevanti għal dan il-każ, fejn il-kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni.

Limitazzjoni fiż-żmien

34.

Il-Belġju jikkonkludi n-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu b’talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, jekk tiddeċiedi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-sistema ADBI, tillimita l-effetti ta’ din is-sentenza fiż-żmien. F’dan il-kuntest, huwa jibbaża ruħu fuq (i) iċ-ċertezza legali li l-Kummissjoni ħolqot billi allegatament approvat (minkejja li b’mod impliċitu) is-sistema ADBI, (ii) il-portata mhux preċiża tal-Artikolu 4(1), (iii) in-nuqqas ta’ ġurisprudenza dwar dan il-punt u (iv) l-impatt finanzjarju jekk jiġi deċiż li r-regoli Belġjani huma inkompatibbli.

35.

Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien — limitazzjoni bħal din tiġi imposta biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna, b’mod partikolari meta (a) jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u (b) ikun jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward tal-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha jista’ jkun ikkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni ( 20 ).

36.

F’dan il-każ, indipendentement mill-mertu tal-argumenti l-oħra tiegħu, il-Belġju b’ebda mod ma pprova juri, fin-nota tal-osservazzjonijiet jew fit-trattazzjoni orali tiegħu, li jeżisti riskju bħal dan ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi.

37.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jmisshiex, jekk tiddeċiedi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-sistema ADBI, tillimita l-effetti ta’ dik is-sentenza fiż-żmien.

Konklużjoni

38.

Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, jiena tal-opinjoni li għad-d-domanda, magħmula mill-Hof van beroep te Antwerpen, il-Belġju, għandha tingħata r-risposta li ġejja:

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li dividendi riċevuti minn kumpannija parent fi Stat Membru wieħed mingħand kumpannija sussidjarja fi Stat Membru ieħor għandhom, l-ewwel, jiġu miżjuda mal-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent u, imbagħad, jitnaqqsu minn dik il-bażi taxxabbli (sal-ammont ta’ 95 %) biss jekk il-kumpannija parent tkun għamlet profitti taxxabbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU L 225, 1990, p. 6. Id-Direttiva ġiet emendata sussegwentement iżda l-kawża prinċipali tikkonċerna l-verżjoni oriġinali biss.

( 3 ) Ara t-tielet premessa fil-preambolu: “d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri [parent] u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri [parent] u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; […] l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; […] huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji”.

( 4 ) “Kumpannija ġenitur [parent]” u “kumpannija sussidjarja” huma ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. Id-definizzjoni tinkludi r-rekwiżit li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja jkunu residenti fi Stati Membri differenti għall-finijiet ta’ tassazzjoni.

( 5 ) L-Artikoli 202, 204 u 205 tal-Wetboek van de inkomstenbelastingen (Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) 1992.

( 6 ) Effettivament, l-Artkolu 4(2) tad-Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri li jkunu għażlu l-metodu ta’ eżenzjoni jillimitaw l-eżenzjoni għal 95 % tad-dividendi riċevuti.

( 7 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust and The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

( 8 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Mejju 1997, Klattner (C-389/95, Ġabra p. I-2719, punt 33).

( 9 ) Ibid.

( 10 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 17); u tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 17).

( 11 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit (C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra p. I-5063, punt 26).

( 12 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Francovich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 21, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 28).

( 13 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ ta’ kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p., 147 — 150), premessa 10. Ara wkoll il-punt 17 tan-Nota ta’ Spjegazzjoni mal-Proposta għal din id-Direttiva (COM (2003) 462 finali).

( 14 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 102); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 53).

( 15 ) Ara t-tielet premessa fil-preambolu, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.

( 16 ) Direttiva tat-23 ta’ Lulju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142 — 146).

( 17 ) L-Artikolu 6 jipprovdi: “Safejn u sakemm, jekk il-ħidmiet riferiti fl-Artikolu 1 ikunu ġew effettwati bejn kumpanniji mill-Istati Membri tal-kumpannija trasferitur, l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kumpannija riċevitur li tieħu fuqha t-telf tal-kumpannija trasferitur li ma jkunx għadu ġie eżawst għall-għanijiet tat-taxxa, l-Istat Membru għandu jestendi dawn id-dispożizzjonijiet biex jiġi kopert it-teħid ta’ dan it-telf mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija riċevitur fit-territorju tiegħu”.

( 18 ) Il-Mudell ta’ Konvenzjoni ġie ppubblikat oriġinarjament fl-1963. Minn dak iż-żmien sa llum, ġie aġġornat regolarment. L-Artikoli tiegħu kif jinsabu fit-28 ta’ Jannar 2003 jinsabu fis-sit tal-internet: http://www.oecd.org/dataoecd/52/34/1914467.pdf.

( 19 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 49 u s-sentenzi ċċitati fiha).

( 20 ) Ara, l-iktar reċentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C-313/05, Ġabra p. I-513, punti 57 u 58).