KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2008 ( 1 )

Kawża C-54/07

Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

vs

Firma Feryn NV

“Direttiva 2000/43/KE — Kriterji diskriminatorji għall-għażla tal-persunal — Oneru tal-prova — Sanzjonijiet”

1. 

B’mod kuntrarju għal dak li huwa komunement aċċettat, il-kliem jista’ jweġġa’. Iżda jista’ kliem jammonta għal diskriminazzjoni? Din hija essenzjaliment id-domanda prinċipali fil-kawża preżenti. L-Arbeidshof te Brussel (il-Belġju) għamlet talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari rigward l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika] ( 2 ). Hija titlob kjarifiki dwar numru ta’ kwistjonijiet li qamu fil-kuntest ta’ kawża bejn korp għall-promozzjoni tat-trattament ugwali u persuna li timpjega li allegatament iddikjarat li ma timpjegax persuni ta’ oriġini Marokkina.

I — Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

2.

NV Firma Feryn (“Feryn”) hija impriża li tispeċjalizza fil-bejgħ u l-istallazzjoni ta’ bibien b’għeluq awtomatiku’il fuq u’l ġewwa u sezzjonali. Fil bidu tal-2005, Feryn kienet qed tfittex ħaddiema sabiex jinstallaw bibien b’għeluq awtomatiku’il fuq u’l ġewwa fid-djar tal-klijenti tagħhom. Għal dan il-għan, Feryn qiegħdet riklam ta’ “postijiet tax-xogħol vakanti” fuq il-bini tagħha li jagħti fuq it-triq prinċipali bejn Brussell u Antwerp.

3.

Fit-28 ta’ April 2005, il-gazzetta De Standaard ippubblikat intervista ma’ Pascal Feryn, wieħed mid-diretturi tal-impriża, taħt it-titolu “Il-klijenti ma jridux Marokkini”. Ġie rraportat li P. Feryn qal li l-impriża tiegħu ma kinitx timpjega persuni ta’ oriġini Marokkina:

“Barra dawn il-Marrokini, ħadd ma rrisponda għall-avviż tagħna f’ġimgħatejn. […] iżda aħna mhux qed infittxu Marokkini. Il-klijenti tagħhna ma jriduhomx. Huma għandhom jinstallaw bibien b’għeluq awtomatiku’l fuq u’l ġewwa fi djar privati, li spiss ikunu villel, u dawk il-klijenti ma jriduhomx fid-djar tagħhom.”

Artikli simili dehru fil-gazzetti Het Nieuwsblad u Het Volk.

P. Feryn jikkontesta dak li deher fil-gazzetti.

4.

Fil-lejla tat-28 ta’ April 2005, P. Feryn ipparteċipa f’intervista fuq it-televiżjoni nazzjonali Belġjana fejn iddikjara:

“[A]ħna għandna ħafna mir-rappreżantanti tagħna li jżuru l-klijenti tagħna […] Kulħadd qiegħed jinstalla sistemi ta’ sigurtà u f’dawn iż-żminijiet ovvjament kulħadd jibża’ ħafna. Mhumiex biss l-immigranti li jidħlu illegalment fid-djar. Minix qed ngħid hekk, miniex razzist. Il-Belġjani daqshom jidħlu illegalment fid-djar. Iżda n-nies ovvjament qegħdin jibżgħu. Għaldaqstant in-nies ta’ spiss jgħidu ‘ma rridx immigranti’. […] Jien ikolli nikkonforma mal-eżiġenzi tal-klijenti tiegħi. Jekk tgħid ‘irrid prodott parikolari jew irridu hekk u hekk’, u jien ngħidlek ‘jien ma nagħmilx hekk, ser nibgħatlek dawn in-nies’, inti tgħidli ‘mela ma rridux dak il-bieb’. B’dan il-mod inkun qed nitlef in-negozju. Aħna għanda l-obbligu li nissodisfaw l-eżiġenzi tal-klijenti tagħhna. Din mhijiex problema tiegħi. Jien ma ħloqtx din il-problema fil-Belġju. Irrid li l-impriża tmur tajjeb u li niksbu d-dħul mill-bejgħ tagħna fl-aħħar tas-sena, u dan kif nista’ nagħmlu? Ikolli nagħmel bil-mod li jrid il-klijent.”

5.

Is-Centrum voor Gelijkheid van Kansen en voor Racismebestrijding (Ċentru għal opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu iċ-“CGKR”) huwa korp għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali. Iċ-CGKR ġie stabbilit permezz tal-liġi tal-15 ta’ Frar 1993. Din il-liġi ġiet emendata permezz tal-liġi tal-25 ta’ Frar 2003 (il-“liġi kontra d-diskriminazzjoni”). Il-liġi kontra d-diskriminazzjoni ttrasponiet id-Direttiva 2004/43 fil-liġi Belġjana.

6.

Fil-31 ta’ Marzu 2006, wara serje ta’ skambji ma’ Feryn, iċ-CGKR ressaq kawża kontra l-President tal-Arbeidsrechtbank Brussels, fejn iddikjara inter alia, li il-qorti għandha tiddikjara li Feryn kien kiser il-liġi kontra d-diskriminazzjoni u tordna li huwa jtemm il-politika diskriminatorja ta’ reklutaġġ tiegħu. Madankollu, il-President tal-Arbeidsrechtbank sostna li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu atti ta’ diskriminazzjoni, iżda kienu pjuttost sempliċi evidenza ta’ diskriminazzjoni potenzjali, inkwantu huma jindikaw li persuni ta’ oriġini etnika ma kinux ser jiġu impjegati minn Feryn fil-każ li huma jiddeċiedu japplikaw. Iċ-CGKR la kienet allegat u lanqas uriet li Feryn kien effettivament warrab applikazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika tal-applikant. Għal dawn ir-raġunijiet, it-talbiet taċ-CGKR ġew miċħuda permezz tad-digriet tas-26 ta’ Ġunju 2006. Iċ-CGKR ressaq appell kontra dan id-digriet quddiem l-Arbeidshof te Brussel, li għamlet din id-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

7.

L-Arbeidshof te Brussel tistaqsi numru ta’ domandi preċiżi ħafna li jirrigwardaw id-Direttiva u ċ-ċirkustanzi speċifiċi li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 3 ). Dawn id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta (l-ewwel u t-tieni domandi), l-oneru tal-prova (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi) u l-kwistjoni ta’ rimedji adattati (is-sitt domanda). Jiena ser nindirizza dawn id-domandi fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandiex is-setgħa tapplika regoli ta’ dritt Komunitarju għal każ partikolari, iżda tista’ biss tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarja li tista’ tkun utli għaliha sabiex tevalwa l-effetti ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali.

II — Evalwazzjoni

Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta

8.

L-għan tad-Direttiva huwa “li [t]istabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali” ( 4 ). Id-Direttiva tapplika kemm fis-settur pubbliku u kif ukoll f’dak privat, fir-rigward, inter alia, “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol, […] inklużi l-għażla tal-kriterji u l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ l-attivitajiet u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali […]” ( 5 ). Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva “prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [tar-razza jew l-oriġini etnika]”. L-Artikolu 2(2)(a) jipprovdi li “diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [tar-razza jew l-oriġini etnika]”.

9.

L-ewwel domanda li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja hija essenzjalment din li ġejja: hija diskriminazzjoni diretta għall-għanijiet tad-Direttiva 2000/43 meta persuna li timpjega tiddikjara pubblikament, fil-kuntest ta’ proċess ta’ reklutaġġ, li applikazzjonijiet minn persuni ta’ ċerta oriġini etnika ma kinux ser jiġu aċċettati?

10.

Il-qorti nazzjonali li semgħet il-kawża fl-ewwel istanza kienet tal-opinjoni li, sakemm min jimpjega ma aġixxiex skont id-dikjarazzjonijiet diskriminatorji tiegħu, id-diskriminazzjoni hija biss ipotetika u ma taqax taħt l-iskop tad-Direttiva 2000/43. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għamlu sottomissjonijiet simili. Huma jsostnu li, fin-nuqqas ta’ rikorrent identifikabbli li kien il-vittma ta’ diskriminazzjoni, id-Direttiva ma tapplikax. Għaldaqstant, korpi bħaċ-CGKR ma jistgħux, f’tali sitwazzjoni, iressqu kawża quddiem il-qrati nazzjonali billi jallegaw diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva.

11.

Iċ-CGKR issostni l-punt oppost u tgħid li l-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni diretta tirrigwarda l-proċess ta’ reklutaġġ kif ukoll l-eventwali deċiżjoni ta’ reklutaġġ. Skont iċ-CGKR, l-għan sostantiv tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi stabbilit indipendentement mill-kwistjoni dwar min huwa intitolat iressaq kawża legali. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni tal-locus standi taċ-CGKR ma taffettwax il-kwistjoni dwar jekk kien hemm diskriminazzjoni diretta. Il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan jaqblu maċ-CGKR.

12.

Jidher li hemm ċerta konfużjoni fir-rigward tar-rabta bejn il-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta u l-kwistjoni dwar jekk korp ta’ interess pubbliku huwiex intitolat ifittex rimedju legali meta l-prinċipju ta’ trattament ugwali jkun ġie miksur. Kif enfasizzaw ir-Renju Unit u l-Irlanda, id-Direttiva 2000/43 ma kellhiex l-għan li tagħmilha possibbli, taħt il-liġijiet tal-Istati Membri, għall-korpi ta’ interess pubbliku biex iressqu azzjoni ta’ natura ta’ actio popularis. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-Artikolu 7 tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istat Membri jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji jkunu disponibbli għall-“persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali” ( 6 ) u għall-korpi ta’ interess pubbliku li “jistgħu jaqbdu jaħdmu jew f’isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih” ( 7 ).

13.

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jagħtu possibbiltajiet addizzjonali ta’ infurzar jew ta’ rimedji legali. Bil-kontra, id-Direttiva 2000/43 tipprovdi b’mod espliċitu li “l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet illi huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva” ( 8 ) u li “[l]-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma’ għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni diġà pprovduti mill-Istati Membri fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva.” ( 9 ) Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-kwistjoni dwar jekk korp għat-trattament ugwali bħaċ-CGKR jistax jiftaħ proċeduri legali jekk mhuwiex qigħed jaġixxi f’isem persuna speċifika li qed tilmenta hija waħda li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Id-Direttiva 2000/43 tippermetti lill-Istati Membru jagħżlu diversi metodi ta’ infurzar, sakemm jeżistu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi xierqa għall-persuni li jallegaw li saret diskriminazzjoni kontrihom, kif ukoll għall-korpi ta’ interess pubbliku li jirrapreżentaw lill-vittmi li jilmentaw diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mar-Renju Unit u mal-Irlanda li d-Direttiva ma teżiġix li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi ta’ interess pubbliku jkollhom locus standi sabiex jiftħu proċeduri legali fin-nuqqas ta’ persuna li tilmenta li kienet il-vittma ta’ diskriminazzjoni.

14.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-portata tad-Direttiva 2000/43 huwa ristrett għall-każijiet fejn jeżistu vittmi li jressqu ilment li huma identifikabbli. Il-forom ta’ diskriminazzjoni koperti mid-Direttiva għandhom jiġu dedotti, primarjament, mill-kliem u mill-għan tagħha, u mhux mir-rimedji li l-Istati Membri huma mitluba, bħala minimu, li jiżguraw. L-ambitu tal-aġir diskriminatorju pprojbit mid-Direttiva huwa ħaġa; is-serje ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar u rimedji li hija timponi b’mod speċifiku huma ħaġa oħra. Fil-fatt, id-Direttiva 2000/43 għandha tinftiehem fil-kuntest ta’ polika usa’ “sabiex jitrawwmu l-kondizzjonijiet għas-suq tax-xogħol soċjalment inklussiv” ( 10 ) u “sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità” ( 11 ). Barra minn hekk, kif argumentajt riċentement fil-konklużjonijiet tiegħi Coleman, meta direttiva tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE, hija għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-valuri iktar wiesa’ li hija bbażata fuqhom din id-dispożizzjoni. ( 12 ) Huwa minnu li d-Direttiva tistabbilixxi miżuri minimi, iżda din mhijiex raġuni sabiex il-portata tagħha tiġi interpretata b’mod iktar dejjaq minn dak li huwa ġġustifikat minn qari fid-dawl ta’ dawn il-valuri. Livell minimu ta’ protezzjoni mhuwiex l-istess bħal livell minimu ta’ protezzjoni. Regoli Komunitarji għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jistgħu jħallu marġni ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri sabiex jiżguraw protezzjoni ikbar, iżda ma nistgħux nikkonkludu minn dan li l-livell ta’ protezzjoni offrut mir-regoli Komunitarji huwa l-inqas li wieħed jista’ jimmaġina ( 13 ).

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li interpretazzjoni li tillimita l-portata tad-Direttiva 2000/43 għal każijiet ta’ persuni identifikabbli li lmentaw li applikaw għal impjieg partikolari għandha mnejn tnaqqas l-effettività tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-settur tal-impjieg. Fi kwalunkwe proċess ta’ reklutaġġ, l-ikbar “għażla” isseħħ bejn dawk li japplikaw, u dawk li ma japplikawx. Ħadd ma huwa raġjonevolment mistenni li japplika għal post meta jkun jaf minn qabel li minħabba l-oriġini razzjali jew etnika tiegħu m’għandux ċans jiġi impjegat. Għaldaqstant, dikjarazzjoni pubblika minn persuna li timpjega li persuni ta’ ċerta oriġini razzjali jew etnika m’għandiex għalfejn tapplika hija kwalunkwe ħaġa ħlief ipotetika. Jekk dan jiġi injorat u ma jitqiesx bħala att ta’ diskriminazzjoni jfisser li tiġi injorata r-realtà soċjali li tali dikjarazzjonijiet ċertament ikollhom impatt umiljanti u demoralizzanti fuq persuni ta’ dik l-oriġini li jridu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u b’mod partikolari fuq dawk li kienu jkunu interessati jaħdmu għall-peruna li timpjega inkwistjoni.

16.

Madankollu, f’każijiet bħal dawn, jista’ jkun diffiċli ħafna li jiġu identifikati l-vittmi individwali, peress li jista’ jkun li l-persuni affettwati lanqas biss ma japplikaw għal din il-pożizzjoni. Waqt is-seduta, ir-Renju Unit u l-Irlanda ammettew li l-kunċett ta’ vittma għandu jkopri persuni li jkunu interessati biex japplikaw u li huma kkwalifikati għax-xogħol. Madankollu, dan ma jsolvix il-problema, fid-dawl tad-diffikultajiet biex jiġi identifikati tali persuni individwalment u tan-nuqqas ta’ inċentivi biex jippreżentaw rwieħhom. Billi tiddikjara pubblikament l-intenzjoni tagħha li ma timpjegax persuni ta’ ċerta oriġini razzjali jew etnika, il-persuna li timpjega qiegħda, fil-fatt, teskludi dawk il-persuni mill-proċess ta’ applikazzjoni u mill-post tax-xogħol tagħha. Ma tkunx biss qed titkellem dwar diskriminazzjoni, iżda tkun qiegħda tiddiskrimina. Ma tkunx sempliċiment tgħid xi kliem, iżda tkun qed twettaq “att ta’ diskors”. ( 14 ) Id-dikjarazzjoni li persuni ta’ ċerta oriġini razzjali jew etnika mhumiex milqugħa b’merbħa bħala applikanti għal impjieg hija għaldaqstant fiha nfisha forma ta’ diskriminazzjoni.

17.

Jekk diskriminazzjoni ta’ dan it-tip għal xi raġuni tiġi eskluża kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43, il-konsegwenzi jkunu strambi, peress li dan jimplika li l-Istati Membri jkunu jistgħu, taħt id-Direttiva, jippermettu lill-peruni li jimpjegaw sabiex jagħmlu differenza effettiva bejn il-kandidati fuq il-bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika, sempliċiment billi jrendu pubblika n-natura diskriminatorja tal-politika ta’ reklutaġġ tagħhom bl-iktar mod ċar possibbli minn qabel. Għaldaqstant, l-iktar strateġija sfaċċata ta’ diskriminazzjoni fl-impjieg tista’ tirriżulta li tkun l-iktar waħda “li trendi”. Dan b’mod ċar idgħajjef — iktar milli jippromwovi — il-kundizzjonijiet għal suq tax-xogħol soċjalment inklużiv. Fil-qosor, jiġi miċħud l-għan stess tad-Direttiva 2000/43 jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula minn persuna li timpjega fil-kuntest ta’ proċess ta’ reklutaġġ, bl-effett li applikazzjonijiet minn persuni ta’ ċerta oriġini etnika jiġu mwarrba jaqa’ barra mill-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta.

18.

Il-konstatazzjoni ta’ P. Feryn li l-klijenti mhumiex favur impjegati ta’ ċerta oriġini etnika hija kompletament irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2000/43 tapplikax jew le. Anki jekk dan huwa minnu, din il-konstatazzjoni turi biss li “is-swieq mhumiex rimedju kontra d-diskriminazzjoni” ( 15 ) u li intervent leġiżlattiv huwa essenzjali. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji fuq il-livell Komunitarju tgħin sabiex tiġi solvuta problema ta’ azzjoni kollettiva għall-persuni li jimpjegaw billi timpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li — preċiżament minħabba dan in-nuqqas tas-suq — tista’ tirriżulta jekk livelli differenti ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jeżistu fuq il-livell nazzjonali.

19.

Għaldaqstant, jiena nissuġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel u t-tieni domandi magħmula mill-qorti nazzjonali: dikjarazzjoni pubblika magħmula minn persuna li timpjega fil-kuntest ta’ proċess ta’ reklutaġġ li tgħid li applikazzjonijiet minn persuni ta’ ċerta oriġini etnika ser jiġu mwarrba, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43.

L-oneru tal-prova

20.

Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll kjarifiki rigward l-oneru tal-prova. Dawn id-domandi huma rilevanti għall-allegazzjoni taċ-CGKR quddiem il-qorti nazzjonali li Feryn qed ikompli japplika prattika diskriminatorja ta’ reklutaġġ.

21.

Id-dispożizzjoni rilevanti hija l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta fatti ġew stabbiliti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-appellat li għandu jressaq provi li juru li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għaldaqstant, fejn jeżisti każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, hija l-persuna li timpjega li għandha tressaq provi li juru li dan il-prinċipju ma nkisirx.

22.

Din il-bidla fl-oneru tal-prova hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja: “f’każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, huwa min jimpjega li għandu juri li hemm raġunijiet oġġettivi għad-differenza fil-paga [bejn ħaddiema rġiel u nisa]. Il-ħaddiema jiġu mċaħħda mill-mezzi sabiex jiżguraw il-konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali quddiem il-qrati nazzjonali jekk provi li jistabilixxu każ prima facie ma jkollhomx l-effett li jimponu fuq min jimpjega l-oneru tal-prova li d-differenza fil-paga mhijiex fil-fatt diskriminatorja.” ( 16 ) F’dan ir-rigward, dak li huwa minnu għall-kawżi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huwa minnu għall-kawżi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini etnika. Fil-fatt, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jirrepeti kelma b’kelma l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-oneru tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ( 17 ).

23.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika dawn ir-regoli dwar l-oneru tal-prova għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża. Madankollu, kif tqis ġustament il-Kummissjoni, f’ċirkustanzi fejn jiġi stabbilit li l-persuna li timpjega għamlet it-tip ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-politika ta’ reklutaġġ tagħha li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fejn, barra minn hekk, il-prattika konkreta ta’ reklutaġġ adottata mill-persuna li timpjega ma tkunx trasparenti u l-ebda persuna bl-oriġini etnika inkwistjoni ma ġiet impjegata, ikun hemm il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43. Hija l-persuna li timpjega li għandha tressaq provi kontra din il-preżunjoni.

24.

Fir-rigward tal-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-provi mressqa mill-persuna li timpjega, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti nazzjonali għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura nazzjonali rilevanti, sakemm, fl-ewwel lok, tali regoli mhumiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u fit-tieni lok ma jrendux l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività). ( 18 )

25.

Għaldaqstant, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għat-tielet, ir-raba’, u l-ħames domandi mressqa mill-qorti nazzjonali: ladarba każ prima facie ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali jew etnika jiġi stabbilit, huwa l-appellat li għandu jressaq provi li juru li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex miksur.

Rimedji xierqa

26.

Fl-aħħar nett, il-qorti nazzjonali tistaqsi dwar rimedji xierqa fil-kawżi fejn diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali jew etnika tiġi stabbilita. B’mod iktar speċifiku, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk deċiżjoni li tistabbilixxi li seħħet diskriminazzjoni tikkostitwixxix rimedju adattat jew jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, il-qorti nazzjonali għandha tordna lill-persuna li timpjega sabiex ittemm il-politika diskriminatorja ta’ reklutaġġ tagħha.

27.

Dwar is-sanzjonijiet, l-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi […]” Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Von Colson u Kamann, il-qrati nazzjonali għandhom id-dmir jieħdu kull miżura adattata sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri li jiksbu r-riżultat previst mid-Direttiva. ( 19 )

28.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, skont ir-regoli rilevanti tal-liġi nazzjonali, liema rimedju huwa xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Madankollu, b’mod ġenerali, sanzjonijiet li huma sempliċiment simboliċi mhumiex disważivi biżżejjed sabiex jinfurzaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. ( 20 ) Għaldaqstant, jidher li digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprojbixxi tali aġir jikkostitwixxi rimedju iktar xieraq.

29.

Fil-qosor, jekk il-qorti nazzjonali ssib li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija għandha tagħti rimedji li huma effettivi, proporzjonati u disważivi.

III — Konklużjoni

30.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-opinjoni tiegħi hija li d-domandi mressqa mill-Arbeidshof te Brussel għandhom jingħataw ir-risposti li ġejjin:

“1)

Dikjarazzjoni pubblika magħmula minn persuna li timpjega fil-kuntest ta’ proċess ta’ reklutaġġ li tgħid li applikazzjonijiet minn persuni ta’ ċerta oriġini etnika ser jiġu mwarrba, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika].

2)

Ladarba każ prima facie ta’ diskriminazzjoni bbażat fuq oriġini razzjali jew etnika jiġi stabbilit, huwa l-appellat li għandu jressaq provi li juru li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex miksur.

3)

Fejn il-qorti nazzjonali ssib li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija għandha tagħti rimedji li huma effettivi, proporzjonati u disważivi.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU L 180, p. 22.

( 3 ) ĠU 2007, C 82, p. 21.

( 4 ) Artikolu 1 tad-Direttiva.

( 5 ) Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva.

( 6 ) Artikolu 7(1) tad-Direttiva (enfażi miżjuda).

( 7 ) Artikolu 7(2) tad-Direttiva (enfażi miżjuda).

( 8 ) Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

( 9 ) Artikolu 6(2) tad-Direttiva.

( 10 ) It-tmien premessa tal-preambolu tad-Direttiva.

( 11 ) It-tnax-il premessa tal-preambolu tad-Direttiva.

( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-303/06 Coleman, bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 7 et seq. Din il-kawża tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).

( 13 ) Ibid, punt 24.

( 14 ) John Searle, Speech Acts, Cambridge University Press 1969.

( 15 ) C. Sunstein, “Why markets don’t stop discrimination”, fi: Free markets and social justice, Oxford University Press, Oxford, 1997, p. 165.

( 16 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000 JämO, Kawża (C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 53). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi C-196/02, Ġabra p. I-1789, punt 74.

( 17 ) ĠU L 14, p. 6, emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/52/KE tat-13 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 205, p. 66). Ara wkoll l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78.

( 18 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral C-33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; Kawżi magħquda, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705, punt 17, u l-kawżi magħquda van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28.

( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ April 1984 (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ April 1984, Harz (79/83, Ġabra p. 1921, punt 26).

( 20 ) Ara, b’analoġija, Von Colson u Kamann, punti 23 u 24.