KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-14 ta’ Frar 2008 ( 1 )

Kawża C-33/07

Ministerul Administraţiei şi Internelor — Direcţia Generală de Paşapoarte Bucureşti

vs

Gheorghe Jipa

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 18 KE — Direttiva 2004/38/KE — Drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri”

1. 

F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, il-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 2 ).

2. 

Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kawża ċivili mressqa fil-11 ta’ Jannar 2007 mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni u tal-Affarijiet Interni — Direttorat Ġenerali għall-Passporti, Bukarest, (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) sabiex tiġi imposta restrizzjoni fuq il-moviment liberu barra mill-pajjiż ta’ Gheorghe Jipa għal perijodu ta’ massimu tliet snin. Din il-kawża ġiet imressqa wara r-ripatrijazzjoni ta’ G. Jipa lejn ir-Rumanija fis-26 ta’ Novembru 2006, fuq il-bażi ta’ Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid konkluż, inter alia, bejn ir-Rumanija u l-Belġju.

I — Id-dritt Komunitarju

3.

L-Artikolu 17 KE jipprovdi li:

“1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.

2.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.”

4.

L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.”

5.

L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li d-direttiva tistabbilixxi, inter alia, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom.

6.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru […]”

7.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Dritt ta’ ħruġ” jipprovdi li:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.”

8.

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Prinċipji ġenerali” u li jinsab fil-Kapitolu VI — Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika jipprovdi li:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu [i]nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati […]”.

II — Id-dritt nazzjonali rilevanti

9.

L-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Rumanija, minn naħa, u l-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Olanda, min-naħa l-oħra, dwar id-dħul mill-ġdid ta’ persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni illegali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid”) u li ġie approvat b’Digriet tal-Gvern Rumen Nru 825/1995 ( 3 ) jipprovdi li:

“Il-Gvern tar-Rumanija għandu jerġa’ jilqa’ fit-territorju tiegħu, fuq talba tal-Gvern Belġjan, tal-Gvern Lussemburgiż jew tal-Gvern Olandiż, mingħajr ebda formalità, kwalunkwe persuna li ma tissodisfax jew ma tissodisfax aktar il-kundizzjonijiet għad-dħul jew għar-residenza applikabbli fit-territorju tal-Belġju, tal-Lussemburgu, jew tal-Olanda, meta jkun stabbilit jew preżunt li l-persuna kkonċernata hija ċittadin Rumen”.

10.

L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 248/2005 tal-20 ta’ Lulju 2005 (kif emendata), dwar il-kundizzjonijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni barra mill-pajjiż ( 4 ) jipprovdi li:

“(1)   L-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu barra mill-pajjiż għal ċittadini Rumeni jista’ jkun limitat biss temporanjament fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet pprovduti f’din il-Liġi; kull limitazzjoni bħal din għandha tieħu l-forma ta’ sospensjoni ta’, jew, jekk ikun il-każ, ta’ restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt […]

(3)   Ir-restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu barra mill-pajjiż għandha tikkonsisti fi projbizzjoni temporanja tal-ivvjaġġar fi Stati partikolari, imposta mill-awtoritajiet Rumeni kompetenti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-Liġi”.

11.

Skont l-Artikolu 38 tal-Liġi Nru 248/2005:

“Tista’ tiġi imposta restrizzjoni fuq l-eżerċizzju miċ-ċittadini Rumeni tad-dritt ta’ moviment liberu barra mill-pajjiż għal perijodu li ma jaqbiżx tliet snin, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin u fir-rigward biss ta’:

(a)

persuna li tkun ġiet ripatrijata minn Stat taħt ftehim ta’ dħul mill-ġdid konkluż bejn ir-Rumanija u dak l-Istat,

(b)

persuna li l-preżenza tagħha fit-territorju ta’ Stat, minħabba l-attivitajiet li twettaq dik il-persuna jew li tista’ twettaq, tkun ta’ ħsara serja għall-interessi tar-Rumanija jew, skont il-każ, għar-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Rumanija u dak l-Istat”.

12.

L-Artikolu 39 tal-Liġi Nru 248/2005 jipprovdi dan li ġej:

“Fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 38(a), il-miżura għandha tiġi adottata fuq talba tad-Direttorat Ġenerali għall-Passaporti, fir-rigward tal-Istat li minnu l-persuna tkun ġiet ripatrijata, mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fejn hija tkun tirrisjedi jew, jekk dik il-persuna tkun tgħix barra, mit-Tribunalul Bucureşti”.

III — Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Mid-digriet tar-rinviju jidher li G. Jipa telaq mir-Rumanija fl-10 ta’ Settembru 2006 sabiex imur il-Belġju. Huwa ġie ripatrijat lejn ir-Rumanija minħabba “residenza illegali” fis-26 ta’ Novembru 2006 mill-awtoritajiet Belġjani skont il-Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid.

14.

Fil-11 ta’ Jannar 2007, il-Ministeru talab lill-qorti tar-rinviju sabiex tillimita l-moviment liberu ta’ G. Jipa lejn il-Belġju. Fid-digriet tagħha tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Ministeru ma kkjarifikax x’inhu mfisser bir-“residenza illegali” ta’ G. Jipa li wasslet għar-ripatrijazzjoni tiegħu.

15.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, inter alia, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari, l-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi Nru 248/2005 u d-Digriet tal-Gvern Nru 825/1995, imorru kontra l-Artikolu 18 KE u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2007, it-Tribunalul Dâmboviţa ddeċida li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 18 KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Rumanija (permezz tal-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi 248/2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni barra mill-pajjiż) milli toħloq ostakli għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni?

2.

(a)

L-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi 248/2005 […] li jipprekludu lil persuna (ċittadin Rumen u, issa, ċittadin tal-Unjoni) milli tiċċaqlaq liberament fi Stat ieħor (f’dan il-każ, Stat Membru tal-Unjoni Ewropea) jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu tal-persuni, stabbilit bl-Artikolu 18 KE?

(b)

Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, ir-Rumanija) jista’ jimponi limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3.

(a)

Il-kunċett ta’ “residenza illegali” li jirreferi għalih id-Digriet tal-Gvern Nru 825/2005, li japprova l-Ftehim bejn il-Gvern tar-Rumanija, minn naħa, u l-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Olanda, min-naħa l-oħra, dwar id-dħul mill-ġdid tal-persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni illegali (digriet li fuq il-bażi tiegħu ġie ordnat id-dħul mill-ġdid tal-konvenut, li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ ‘residenza illegali’) jaqa’ taħt ir-raġunijiet ta’ ‘politika pubblika’ jew ta’ ‘sigurtà pubblika’ previsti mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38/KE, b’mod li tista’ tiġi imposta restrizzjoni fuq il-moviment liberu ta’ tali persuna?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38/KE […] għandu jkun interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu u r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba raġunijiet ta’ ‘politika pubblika’ u ta’ ‘sigurtà pubblika’ b’mod awtomatiku, mingħajr ma tiġi eżaminata l-‘kondotta personali’ ta’ dik il-persuna?”

16.

Fid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Jannar 2007, il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tad-domandi magħmula skont proċedura mħaffa.

17.

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba għal proċedura mħaffa magħmula mill-qorti tar-rinviju.

18.

Il-Gvern Rumen u dak Grieg kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub. La ntalbet u lanqas ma nżammet ebda seduta.

IV — L-argumenti prinċipali tal-partijiet

19.

Il-Gvern Rumen jikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti nazzjonali hija ammissibbli minkejja l-fatt li r-ripatrijazzjoni ta’ G. Jipa seħħet qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UE”) fl-1 ta’ Jannar 2007. Peress li l-kawża miġjuba mill-Ministeru sabiex jiġi limitat il-moviment liberu ta’ G. Jipa tressqet fil-11 ta’ Jannar 2007 u għaldaqstant wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, G. Jipa jgawdi mid-dritt ta’ moviment liberu li jista’ jiġi limitat biss skont it-Trattat KE u l-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Il-Gvern Rumen isostni wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta din il-kwistjoni peress li hemm riskju li l-moviment liberu ta’ G. Jipa jiġi limitat skont l-Artikolu 38(a) tal-Liġi Nru 248/2005. Il-Gvern Rumen u dak Grieg isostnu li l-fatt li G. Jipa ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu taħt it-Trattat KE huwa irrilevanti. Ir-Rumanija tgħid ukoll li fil-kawża Schempp ( 5 ) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ma jkunx għamel użu mid-dritt ta’ moviment liberu ma tistax, għal dik ir-raġuni biss, tkun assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna.

20.

Il-Gvern Rumen jikkunsidra li l-Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid konkluż minnu ma’ Stati Membri oħra tal-UE u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu adottati wara li saru dawn il-ftehim għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt Komunitarju rilevanti. Għaldaqstant, huwa jikkunsidra li l-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 u 39 tal-Liġi 248/2005 milli jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuni.

21.

Skont ir-Rumanija, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 mhuwiex applikabbli f’dan il-każ. Ir-Rumanija ssostni li, b’mod partikolari, mill-iskema ġenerali tal-Kapitolu VI (Artikoli 27 sa 33) tad-Direttiva 2004/38 u mill-fatt li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu u għaldaqstant għandhom jiġu interpretati b’mod strett, jirriżulta li huwa l-Istat Membru ospitanti biss, u mhux l-Istat Membru ta’ oriġini, li jista’ jillimita l-moviment liberu taċ-ċittadini skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Huwa l-Istat Membru ospitanti li qiegħed fl-aħjar pożizzjoni li jevalwa jekk ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jheddidx il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika.

22.

Fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istat Membru ta’ oriġini li jillimita l-moviment liberu ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu minħabba theddida għall-politika pubblika tiegħu, il-Gvern Rumen isostni li skont il-Kostituzzjoni Rumena u l-Kodiċi Kriminali, limitazzjoni bħal din hija permessa biss fil-każijiet li jirrigwardaw reati li għalihom tista’ tingħata piena ta’ priġunerija għall-għomor jew piena ta’ priġunerija, sabiex jiġi żgurat l-andament tajjeb tal-proċeduri kriminali jew sabiex l-akkużat ma jitħalliex jaħrab. Madankollu, sitwazzjonijiet bħal dawn huma kwistjonijiet purament interni u mhumiex kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju.

23.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 huwa applikabbli f’dan il-każ, ir-Rumanija tikkunsidra li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ), ir-“residenza illegali” ta’ G. Jipa mhijiex ta’ theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika skont id-dritt Komunitarju. Minbarra dan, skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), limitazzjonijiet fuq il-moviment liberu jistgħu jiġu imposti biss wara eżami tal-kondotta tal-individwu u qatt ma jistgħu jiġu imposti awtomatikament.

24.

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi Nru 248/2005 jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 2004/38. Il-Gvern Grieg jikkunsidra li ma ġiex muri li l-kondotta personali ta’ G. Jipa teħtieġ li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tiegħu. Dak il-Gvern josserva li l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni Rumena huma miżuri ġenerali li huma imposti kull meta ssir ripatrijazzjoni fuq il-bażi ta’ Ftehim Bilaterali ta’ Dħul mill-Ġdid. Ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra wkoll li l-leġiżlazzjoni Rumena tmur kontra l-Artikolu 2 tar-Raba’ Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Protokoll”) li jipprovdi li ma jistgħu jiġu imposti ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiż, inkluż dak tiegħu nnifsu, ħlief għal raġunijiet partikolari, inter alia, ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku.

25.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, G. Jipa huwa ċittadin tal-Unjoni u minn dik id-data għandu d-dritt, skont l-Artikolu 18 KE, ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat KE u d-Direttiva 2004/38. Id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li joħroġ mit-territorju ta’ Stat Membru u li jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor huwa elaborat aktar fid-detall fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38.

26.

Il-Kummissjoni ssostni li minkejja l-kliem tat-titolu tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, dak il-kapitolu, li jirreferi għal restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u d-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika jkopri wkoll, tal-inqas f’ċerti ċirkustanzi, restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq id-dritt taċ-ċittadini tiegħu li joħorġu mit-territorju nazzjonali u li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 japplika f’ċirkustanzi bħal dawk fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn l-awtoritajiet nazzjonali qed jippruvaw jillimitaw il-moviment liberu ta’ wieħed miċ-ċittadini tagħhom sabiex iwaqqfu lil dik il-persuna milli tmur lura għal ċertu perijodu ta’ żmien fl-Istat Membru minn fejn tkun ġiet ripatrijata minħabba r-residenza irregolari tagħha. Minbarra dan, skont l-Artikoli 27 sa 31 tad-Direttiva 2004/38 u l-iskema ġenerali ta’ din id-direttiva, miżura li tillimita d-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadin tista’ tiġi adottata biss mill-Istat Membru li l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika tiegħu tkun mhedda direttament. B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li skont l-Artikolu 18 KE u d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, deċiżjoni li tillimita l-moviment liberu ta’ ċittadini tal-Unjoni ma tistax tiġi adottata minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ sempliċi talba minn Stat Membru ieħor li jkun ġie mkeċċi minnu dak iċ-ċittadin sakemm dak l-Istat Membru li jadotta deċiżjoni bħal din ma jistabbilixxix li l-imġiba tal-persuna kkonċernata tkun ta’ theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika kif definiti fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva.

27.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-riferiment għar-“residenza illegali” ta’ G. Jipa fid-digriet tar-rinviju mill-qorti nazzjonali huwa estremament vag. Għaldaqstant ma jistax jiġi stabbilit jekk ir-“residenza illegali” tiegħu taqax taħt il-kunċetti ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika kif ipprovduti fid-Direttiva 2004/38. Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li Stat Membru ma jistax jillimita l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jekk jibbaża dik il-limitazzjoni esklużivament fuq sejba minn Stat Membru ieħor li l-persuna kkonċernata kienet f’sitwazzjoni illegali meta kienet qed tirrisjedi fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

V — Evalwazzjoni

A — Artikolu 18(1) KE u Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38

28.

Permezz tal-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali titlob essenzjalment kjarifika dwar jekk l-Artikolu 18 KE jipprekludix miżuri bħall-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi 248/2005 li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet, f’ċerti ċirkustanzi, fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu barra mill-pajjiż ta’ ċittadini Rumeni għal perijodu massimu ta’ tliet snin.

29.

Skont id-digriet tar-rinviju, il-Ministeru talab lill-qorti tar-rinviju timponi limitazzjoni fuq il-moviment ta’ G. Jipa lejn il-Belġju, l-Istat Membru li minnu kien ġie ripatrijat fis-27 ta’ Novembru 2006, għal perijodu massimu ta’ tliet snin. Minbarra dan, mid-digriet tar-rinviju jidher li skont il-liġi nazzjonali inkwistjoni, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq il-moviment liberu barra mill-pajjiż ta’ ċittadin Rumen jekk dik il-persuna tkun ġiet ripatrijata lejn ir-Rumanija fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ dħul mill-ġdid jew jekk il-preżenza tagħha fit-territorju ta’ Stat ieħor minbarra r-Rumanija tista’ tkun ta’ ħsara serja għall-interessi tar-Rumanija jew għar-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Rumanija u dak l-istat.

30.

Taħt l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha nazzjonalità ta’ Stat Membru hija ċittadin tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 8 ). Wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, G. Jipa jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(1) KE u għaldaqstant jista’, minn dik id-data, jibbaża ruħu fuq id-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus, inkluż kontra l-Istat Membru tal-oriġini tiegħu ( 9 ).

31.

Fil-kawża Baumbast u R, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-rikorrent f’dik il-kawża, bħala ċittadin ta’ Stat Membru, u konsegwentement ċittadin tal-Unjoni, kellu d-dritt li jibbaża ruħu direttament fuq l-Artikolu 18(1) KE ( 10 ). Fl-opinjoni tiegħi, id-dritt li wieħed jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 18(1) KE huwa mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni permezz tat-termini ċari u preċiżi ta’ dik id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, salvi madankollu l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-Trattat KE u l-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt, li jirriżultalhom direttament mill-Artikolu 18(1) KE, li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, u jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

32.

Minbarra dan, filwaqt li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, stabbilita mill-Artikolu 17 KE, mhijiex intiża li testendi l-iskop ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet nazzjonali interni li m’għandhomx rabta mad-dritt Komunitarju ( 11 ), għandu jiġi osservat, kif sottomess mill-Gvern Rumen u dak Grieg, li l-fatt li G. Jipa m’għamilx użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu ma jistax, għal din ir-raġuni biss, iwassal sabiex is-sitwazzjoni tiegħu tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna ( 12 ).

33.

Mid-digriet tar-rinviju jidher li l-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali nbdew wara r-ripatrijazzjoni ta’ G. Jipa mill-Belġju lejn ir-Rumanija, skont il-Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid, minħabba r-“residenza illegali” tiegħu fil-Belġju. Il-qorti tar-rinviju stess osservat fid-digriet tagħha tar-rinviju, li l-Ministeru ma kkjarifikax x’inhu mfisser bir-“residenza illegali” ta’ G. Jipa. Madankollu għandu jiġi osservat li l-Gvern Rumen indika li ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw ir-“residenza illegali” ta’ G. Jipa fil-Belġju ma jaqgħux taħt il-liġi kriminali.

34.

L-ewwel nett, peress li mill-1 ta’ Jannar 2007 G. Jipa jgawdi mill-istatus fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-tieni nett, peress li l-Ministeru qed jitlob lill-qorti tar-rinviju, fi proċeduri ċivili, li tillimita d-dritt ta’ G. Jipa li jivvjaġġa fi Stat Membru ieħor u t-tielet nett, fid-dawl tal-informazzjoni limitata pprovduta mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-ripatrijazzjoni ta’ G. Jipa mill-Belġju bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid u r-“residenza illegali” tiegħu fil-Belġju, jien naħseb li m’hemm ebda raġuni li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq G. Jipa mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ vjaġġar lejn il-Belġju skont, inter alia, l-Artikoli 38 u 39 tal-Liġi Nru 248/2005, jirrigwardaw sitwazzjoni purament interna. Għalhekk, jien nikkunsidra li dan il-każ għandu rabta diretta mad-dritt Komunitarju.

35.

Fl-opinjoni tiegħi, il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-qorti tar-rinviju fuq il-possibbiltà li G. Jipa joħroġ mill-Istat Membru tal-oriġini sabiex jidħol fit-territorju ta’ Stat Membur ieħor jikkostitwixxu ostakolu għad-dritt ta’ moviment liberu mogħti mill-Artikolu 18(1) KE. Id-dritt li wieħed jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri ggarantit mill-Artikolu 18(1) KE jitlef is-sinjifikat tiegħu jekk l-Istat Membru tal-oriġini jkun jista’, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jipprojbixxi liċ-ċittadini tiegħu milli joħorġu mit-territorju tiegħu sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 13 ).

36.

Ir-regoli nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-proċeduri għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38 ( 14 ) li jirregola d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

37.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkollhom kartà tal-identità valida jew passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu skop wiesa’ ħafna peress li jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom kartà tal-identità valida jew passport validu d-dritt li joħorġu mit-territorju tal-Istati Membri kollha, inkluż l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom ( 15 ) sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Minbarra dan, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/38, l-ebda viża ta’ ħruġ jew formalità ekwivalenti ma tista’ tiġi imposta fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4(3), joħorġu u jġeddu, għaċ-ċittadini tagħhom, kartà tal-identità jew passaport li jiddikjaraw iċ-ċittadinanza tagħhom.

38.

Għaldaqstant, jien nikkunsidra li fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 18(1) KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri milli tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

B — Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38

39.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha u tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti nazzjonali titlob essenzjalment kjarifika dwar jekk ir-“residenza illegali” ta’ ċittadin Rumen fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni li kien ripatrijat fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Dħul mill-Ġdid, taqax taħt il-kunċetti ta’ “politika pubblika” jew ta’ “sigurtà pubblika” ipprovduti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 sabiex tkun tista’ tiġi imposta restrizzjoni mir-Rumanija fuq il-moviment liberu ta’ dik il-persuna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

40.

Skont l-Artikolu 18(1) KE, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet fuq id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri skont it-Trattat KE u l-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, li huwa intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, jirregolaw iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri. Filwaqt li t-titolu tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 ma jirreferix speċifikament għad-dritt li wieħed joħroġ mill-pajjiż, u fil-fatt bosta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-dritt ta’ dħul ( 16 ) u mad-dritt ta’ residenza ( 17 ), mill-kliem tal-Artikolu 27(1) u mit-tnejn u għoxrin premessa tal-preambolu ta’ din id-direttiva huwa ċar li l-Kapitolu VI tagħha jirregola r-restrizzjonijiet fuq il-“moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni”, kwistjoni li bla dubju tirrigwarda kemm id-dritt ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor kif ukoll id-dritt ta’ dħul fi Stat Membru ieħor.

41.

Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, li jirriproduċi ħafna mill-kontenut tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika ( 18 ) għandu jiġi interpretat, inter alia, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti, għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema, li l-prinċipju ta’ moviment liberu għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa u li d-derogi minn dak il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li interpretazzjoni partikolarment restrittiva tad-derogi minn din il-libertà hija meħtieġa mill-istatus ta’ persuna bħala ċittadin tal-Unjoni ( 19 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ċ-ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li wieħed jirrikorri għall-kunċett ta’ politika pubblika jistgħu jvarja minn pajjiż għal ieħor u minn perijodu għal ieħor, u b’hekk f’din il-kwistjoni huwa neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jingħataw diskrezzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat ( 20 ).

42.

Skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, “miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat” ( 21 ). Huwa ċar, mhux biss mill-kliem tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li restrizzjonijiet imposti minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika u għaż-żamma tas-sigurtà pubblika ma jistgħux ikunu bbażati fuq raġunijiet esterni għall-każ individwali jew fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ( 22 ). Minbarra dan, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx fihom infushom jikkostitwixxu raġuni sabiex jiġu adottati restrizzjonijiet bħal dawn ( 23 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li awtorità nazzjonali tibbaża fuq il-kunċett ta’ politika pubblika jippresupponi, minbarra it-taqlib fl-ordni soċjali li jinvolvi kwalunkwe ksur tal-liġi, l-eżistenza ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja għall-ħtiġijiet tal-politika pubblika li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ( 24 ).

43.

Fl-opinjoni tiegħi, Stat Membru ma jistax jillimita d-dritt mogħti lil ċittadin tal-Unjoni li joħroġ mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu sabiex jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika abbażi biss tal-fatt li huwa ġie ripatrijat minn Stat Membru ieħor minħabba r-“residenza illegali” tiegħu f’dan l-Istat tal-aħħar. Jien nikkunsidra li mis-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja ( 25 ) jirriżulta li Stat Membru, meta jillimita d-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 18(1) KE, ma jistax jiddependi fuq dikjarazzjonijiet ġenerali mhux speċifiċi magħmula, fir-rigward tal-kondotta ta’ ċittadin tal-Unjoni, minn Stat Membru ieħor. Meta Stat Membru jillimita l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa għandu jivverifika u jikkonferma huwa stess jekk l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet jwassalx għal theddida ġenwina u suffiċjentement serja għall-ħtiġijiet tal-politika pubblika li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

44.

F’din il-kawża xejn fil-fatti, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, ma jindika li l-imġiba personali, preżenti jew passat, ta’ G. Jipa tqajjem biża’ li huwa jista’ jkun ta’ periklu għall-interessi fundamentali tas-soċjetà u li b’hekk tkun meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżura mir-Rumanija li tillimita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 18(1) KE minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika. Fil-fatt, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mid-digriet tar-rinviju u mit-talbiet tal-Gvern Rumen jidher li l-Ministeru jitlob regolarment lill-qrati Rumeni, anki wara l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru mal-UE, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, li jillimitaw id-dritt taċ-ċittadini Rumeni li joħorġu minn dak l-Istat Membru u li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor minn fejn dawn iċ-ċittadini jkunu ġew ripatrijati fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ dħul mill-ġdid.

45.

Jien, għaldaqstant, nikkunsidra li jekk Stat Membru ma jistabbilixxix b’mod speċifiku, fir-rigward ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u esklużivament abbażi tal-kondotta personali tal-individwu kkonċernat, li l-eżerċizzju minnu tad-dritt tiegħu skont l-Artikolu 18(1) KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38 li joħroġ mill-Istat Membru tiegħu stess u jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor jista’ jkun ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja għall-ħtiġijiet tal-politika pubblika li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, l-Istat Membru tal-oriġini ma jistax jimponi, minħabba raġunijiet ta’ “politika pubblika” jew ta’ “sigurtà pubblika” kif ipprovduti fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ dik il-persuna.

C — Kondotta personali

46.

Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti nazzjonali titlob kjarifika dwar jekk Stat Membru jistax jimponi awtomatikament, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu u r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba raġunijiet ta’ ‘politika pubblika’ u “sigurtà pubblika”, mingħajr ma tiġi eżaminata l-“kondotta personali” ta’ dik il-persuna.

47.

Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tar-raġunament li sar fil-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq, Stat Membru ma jistax jimponi awtomatikament, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu u r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika u ta’ sigurtà pubblika. Skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, meta jimponu restrizzjonijiet bħal dawn u bħala minimu sine qua non, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw il-kondotta personali tal-persuna inkwistjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi bl-aktar mod ċar li l-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati eskużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat.

48.

Għaldaqstant, jien nikkunsidra li n-nuqqas ta’ Stat Membru li jeżamina l-kondotta personali ta’ persuna meta jillimita, għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika, id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri jannulla kull ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni inkwistjoni.

VI — Konklużjoni

49.

Għalhekk, jien naħseb li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mit-Tribunalul Dâmboviţa għandhom ikunu dawn li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 18(1) KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri milli tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

(2)

Jekk Stat Membru ma jistabbilixxix b’mod speċifiku, fir-rigward ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u esklużivament abbażi tal-kondotta personali tal-individwu kkonċernat, li l-eżerċizzju minnu tad-dritt tiegħu skont l-Artikolu 18(1) KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38 li joħroġ mill-Istat Membru tiegħu stess sabiex jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor jista’ jkun ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja għall-ħtiġijiet tal-politika pubblika li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, l-Istat Membru tal-oriġini ma jistax jimponi, minħabba raġunijiet ta’ “politika pubblika” jew ta’ “sigurtà pubblika” kif ipprovduti fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ dik il-persuna.

(3)

In-nuqqas ta’ Stat Membru li jeżamina l-kondotta personali ta’ persuna meta jillimita, għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika, id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri jannulla kull ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni inkwistjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU L 158, p. 77.

( 3 ) Ippublikat fil-Monitorul Oficial Nru 241 tal-20 ta’ Ottubru 1995.

( 4 ) Ippublikat fil-Monitorul Oficial Nru 682 tad-29 ta’ Lulju 2005, emendat bid-Digriet Nru 5 tad-19 ta’ Jannar 2006, ippublikat fil-Monitorul Oficial Nru 71 tas-26 ta’ Jannar 2006.

( 5 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 22.

( 6 ) Sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane, C-215/03, Ġabra p. I-1215, punt 44; tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX C-459/99, Ġabra p. I-6591, punti 78 u 90; tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75 Ġabra p. 497, punt 51; tat-3 ta’ Lulju 1980, Pieck, 157/79, Ġabra p. 2171, punti 18 u 19; u tat-12 ta’ Diċembru 1989, Messner, C-265/88, Ġabra p. 4209, punt 14.

( 7 ) Sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1982, Adounai u Cornuaille, 115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, paragrafi 8 u 11, u tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77 Ġabra p. 1999, punt 35.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007 Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 82, u tal-20 ta’ Settembru 2001 Grzelczyk, C-184/99 Ġabra p. I-6193, punt 31.

( 9 ) Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 22, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punti 19, 30 u 31.

( 10 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 84.

( 11 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 19.

( 13 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 20. Ara wkoll, fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, The International Transport Workers’ Federation u The Finnish Seamen’s Union, C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 69 u tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail u General Trust, 81/87, Ġabra p. 5483, punt 16. Ara wkoll, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni u l-libertà ta’ istabbiliment, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 23. Fis-sentenza Bosman (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, C-415/93, Ġabra p. I-4921) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[i]d-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli [43] et seq tat-Trattat jiġu pprivati mis-sustanza jekk l-Istat Membru ta’ oriġini jkun jista’ jipprojbixxi lill-intrapriżi milli jitilqu mit-territorju tiegħu sabiex jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. L-istess kunsiderazzjonijiet huma applikabbli, fir-rigward ta’ l-Artikolu [39] tat-Trattat, għar-regoli li jxekklu l-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jixtiequ jwettqu attività bi ħlas fi Stat Membru ieħor” (ara l-punt 97).

( 14 ) Mill-adeżjoni tagħha mal-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-ġurisprudenza rilevanti, bla ħsara għal kull ftehim tranżitorju adottat f’dan ir-rigward. Mill-Artikolu 20 u l-Anness VII tal-Protokoll dwar l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157 p. 29), jirriżulta li mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-UE, ir-Rumanija hija marbuta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ħlief fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, inter alia, aċċess għas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri minn ċittadini Rumeni. F’dan ir-rigward, ġew adottati numru ta’ arranġamenti tranżitorji għar-Rumanija għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (K[E]E) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 5 Vol. 1 p. 15). Peress li d-drittijiet ta’ G. Jipa bħala ħaddiem mhumiex ikkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju, l-arranġamenti tranżitorji msemmija iktar ’il fuq fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68 mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, li jikkonċerna d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni inġenerali, u mhux biss iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ħaddiema, mhuwiex affettwat mill-arranġamenti tranżitorji msemmija iktar ’il fuq u japplika kompletament għaċ-ċittadini Rumeni mill-1 ta’ Jannar 2007.

( 15 ) Ara wkoll l-Artikolu 2(2) tar-Raba’ Protokoll li jipprovdi li “[k]ulħadd ikun liberu li jitlaq minn xi pajjiż, inkluż dak tiegħu nnifsu”. Ir-Raba’ Protokoll daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 1968 u ġie ffirmat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ellenika. Madankollu, għandu jiġi osservat li fit-talbiet tiegħu, indikati fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-Gvern Grieg ibbaża ruħu speċifikament fuq l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 2(3) tar-Raba’ Protokoll.

( 16 ) Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 fuq id-dritt ta’ dħul.

( 17 ) Ara l-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38 fuq id-dritt ta’ residenza.

( 18 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 5 Vol. 1 p. 11. Id-Direttiva 64/221 ġiet irrevokata mid-Direttiva 2004/38 b’effett mit-30 ta’ April 2006. Ara l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 19 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punti 64 u 65.

( 20 ) Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, p. 18.

( 21 ) Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżuri nazzjonali adottati minħabba raġunijiet ta’ politka pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu neċessarji u xierqa sabiex jiksbu l-għan imħaddan. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Baumbast u R, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 91.

( 22 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore, 67/74, Ġabra p. 297, punt 6, u tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili 36/75, Ġabra p. 1219, punt 29.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punti 22 sa 24.

( 24 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 46; Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 66; Bouchereau, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35; u Rutili, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 28.

( 25 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.