KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2007 ( 1 )

Kawża C-2/07

Paul Abraham et

vs

Région wallonne et

“Direttiva 85/337/KEE — Stima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent — Ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2 100 metru”

I — Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 2 ), fil-verżjoni oriġinali tagħha (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”). Din tikkonċerna xogħlijiet imwettqa fl-ajruport ta’ Liege-Bierset li jiffaċilitaw l-użu tiegħu għall-finijiet ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru u li rriżultaw f’żieda fit-titjiriet billejl. Effettivament, tqum il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet l-modifiki għall-infrastruttura ta’ ajruport jeħtieġu stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiġi kkunsidrata ż-żieda mistennija fit-traffiku ta’ l-ajru.

II — Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddefinixxi s-suġġett tagħha kif ukoll ċerti kunċetti:

“(1)   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali [fuq l-ambjent] ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti [sinjifikattivi] fuq l-ambjent.

(2)   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

 

“proġett” tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

 

“żviluppatur” tfisser:

applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

 

“kunsens għal żvilupp” tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

[…]”

3.

L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi l-objettiv tad-Direttiva:

“(1)   [L-Is]tati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

Il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4”.

4.

L-Artikolu 3 jiddeskrivi s-suġġett ta’ l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent:

“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

bnedmin, fawna u flora,

ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni [inċiż],

assi materjali u wirt kulturali”.

5.

L-Artikolu 4 jiddefinixxi l-proġetti li għandhom jiġu stmati:

“1.   Bla ħsara għal[l-]Artikolu 2 (3), proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond [l]-Ar[t]ikoli 5 sa 10.

2.   Proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, [meta l-Istati] Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk. Għal dan il-għan [l-Istati] Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10”.

6.

L-ajruporti jissemmew fl-Anness I(7):

“Kostruzzjoni ta’ toroq għat-traffiku motorizzat, toroq espress u linji għal traffiku ferrovjarju ta’ distanza twila u ta’ ajruporti ( 3 ) ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar.

[…]

7.

L-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali jinkludi regoli dwar iż-żona kollha li fiha joperaw l-ajruplani kemm fit-tlugħ kif ukoll fl-inżul, jiġifieri għar-runways ta’ tlugħ u ta’ nżul, il-passaġġi ta’ ċirkulazzjoni u l-ispazju ta’ l-ajru fuq l-ajruporti.

8.

L-Anness II(10)(d) tad-Direttiva jsemmi l-ajruporti iżgħar:

“Kostruzzjoni ta’ triqat, portijiet, inklużi portijiet tas-sajd, u ajruporti (proġetti mhux elenkati fl-Anness I).”

9.

Il-modifiki għal proġetti jissemmew fl-Anness II(12):

“Modifikazzjonijiet lil proġetti ta’ żvilupp inklużi f’Annes[s] I u proġetti [fl]-Anness I li jsiru esklussivament jew prinċipalment għall-iżvilupp u ttestjar ta’ metodi jew proġetti ġodda u mhux użati għal iktar minn sena waħda”.

10.

L-Artikolu 5 jispeċifika l-informazzjoni li għandha tingħata fil-kuntest ta’ stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent:

“(1)   Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata [fl-]Anness III sakemm:

(a)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-informazzjoni hija relevanti għal stadju speċifikat tal-proċedura ta’ kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikulari jew tip ta’ proġett u għall-fatturi ambjentali li aktarx se jkunu milquta;

(b)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-iżviluppatur jista’ b’mod raġonevoli jkun mitlub jiġbor din l-informazzjoni filwaqt li jżomm quddiem għajnejh inter alia għarfien u metodi kurrenti ta’ stima.

2.   L-informazzjoni li l-iżviluppatur għandu jagħti skond il-paragrafu 1 għandha tinkludi għall-inqas:

deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-post, disinn u kobor tal-proġett,

deskrizzjoni tal-miżuri antiċipati biex jevitataw, inaqqsu u, jekk possibbli, jirrimedjaw l-effetti sinifikanti kuntrarji,

id-data mitluba biex ikunu identifikati u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett aktarx ikollu fuq l-ambjent,

sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni msemmija fl-[inċiżi] 1 sa 3

[…]”

11.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) hija speċifikata fl-Anness III:

“1.   Deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b’mod partikolari:

deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu kemm hu u tar-rekwiżiti għall-użu ta’ l-art matul il-fażijiet ta’ kostruzzjoni u operazzjonali,

deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-proċessi ta’ produzzjoni, per eżempju, natura u kwantità tal-materjali [u]żati,

stima, bit-tip u kwantita, tal-fdalijiet u emissjonijiet (tniġġis ta’ ilma, arja u ħamrija, ħoss, vibrazzjoni, dawl, sħana, radjazzjoni, eċċ.) bħala riżultat tat-tħaddim tal-proġett propost

[…]

4.   Deskrizzjoni ( 4 ) ta’ l-effetti sinifikanti possibbli tal-proġett propost fuq l-ambjent bħala riżultat mill-:

eżistenza tal-proġett,

użu ta’ riżorsi naturali,

emissjoni ta’ pollutanti, il-ħolqien ta’ inkonvenjenzi u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart;

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur tal-metodi tat-tbassir użati biex ikunu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

[…]

12.

Skond l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva ġiet trasposta kważi verbatim fid-dritt nazzjonali applikabbli.

III — Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

13.

Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda rikors imressaq minn individwi li jgħixu qrib l-ajruport ta’ Liege-Bierset fil-Belġju. Dan l-ajruport għal żmien twil diġà kellu runway ta’ nżul ta’ iktar minn 2100 metru. Wara studju ekonomiku li sar minn terzi, ir-Reġjun tal-Vallonja ddeċieda li jiżviluppa attività ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru 24 siegħa kuljum.

14.

Ir-Reġjun tal-Vallonja u s-Société de développement et de promotion de l’ l’aéroport de Liège-Bierset (Kumpannija ta’ Żvilupp u Promozzjoni ta’ l-ajruport ta’ Liege-Bierset) (iktar ’il quddiem “SAB”) kkonkludew ftehim ma’ kumpanniji ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx iktar informazzjoni dwar l-ewwel ftehim konkluż f’data mhux magħrufa mal-kumpannija Cargo Airlines Ltd (iktar ’il quddiem il-“CAL”). Madankollu, il-ftehim konkluż fis-26 ta’ Frar 1996 (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) mal-kumpannija ta’ trasport espress TNT (iktar ’il quddiem “TNT”) ġie deskritt b’mod dettaljat.

15.

L-individwi li jgħixu qrib l-ajruport jiddikjaraw li dan il-ftehim jipprevedi inter alia dawn l-elementi:

ir-runway prinċipali (23L/05R) ta’ l-ajruport ser tibda titħaddem b’mod sħiħ fuq it-tul kollu tagħha u ser tiġi attrezzata b’sistema ta’ nżul;

ir-runway ta’ nżul parallela (23R) ser tiġi attrezzata sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 1996;

ir-runway parallela 23L/05R ser titwessa’ għal 45 metru u tkun tikkonforma ma’ l-istandards għall-immanuvrar ta’ Airbus 300;

ir-runway 23 ML ser tiġi attrezzata b’żewġ punti ta’ ħruġ addizzjonali għal veloċità għolja u t-torri A.T.C. (Air Traffic Control Tower) ser jitressaq;

direttament quddiem l-istabbiliment prinċipali ta’ tqassim ta’ TNT ser jinħoloq spazju ġdid ta’ parkeġġ ta’ 18-il ettaru;

iż-żona ta’ parkeġġ ser tiġi estiża fid-direzzjoni tal-ħangar għall-manutenzjoni ta’ l-ajruplani u ser tingħaqad mal-punt tal-ħruġ ġdid għal veloċità għolja;

ser jinbena torri ta’ kontroll u ser jinżamm ċentru ta’ refuelling b’kapaċità minima ta’ miljun litru, bil-possibbiltà li TNT titlob estensjoni;

l-ajruport ser ikun miftuħ 24 kuljum 365 jum fis-sena u ser ikun disponibbli sors ta’ elettriku adatt għall-attivitajiet ta’ TNT (madwar 2000 amp.), b’riżerva supplementari sabiex tiġi ggarantita provvista ta’ enerġija mingħajr interruzzjoni, li tkun teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ żewġ kabini elettriċi ta’ tensjoni għolja ta’ 15 kV.

16.

L-ewwel titjiriet billejl saru fl-1996 mill-kumpannija CAL. Il-kumpannija TNT bdiet topera titjiriet billejl f’Marzu 1998.

17.

L-individwi li jgħixu qrib l-ajruport ilmentaw dwar storbju qawwi, l-iktar billejl, u l-konsegwenzi li dan għandu fuq l-irqad u fuq saħħithom. Huma talbu, fuq il-bażi ta’ responsabbiltà ċivili, kumpens għad-dannu li huma soffrew minħabba l-użu ta’ l-infrastrutturi msemmija fil-ftehim tas-26 ta’ Frar 1996, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ l-użu tagħhom.

18.

Huma jsostnu li ma kienet saret ebda stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent qabel il-ħruġ tal-permessi tal-bini u biex isiru x-xogħlijiet imsemmija fil-ftehim tas-26 ta’ Frar 1996. Huma jsostnu li n-nuqqas ta’ stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent iwassal għall-illegalità tal-kunsens meħtieġ għat-twettiq ta’ dak il-ftehim u b’hekk, fl-istess ħin, għall-illegalità ta’ l-infrastrutturi koperti minn dan il-kunsens u ta’ l-użu tagħhom.

19.

It-Tribunal de première instance ta’ Liege laqa’ r-rikors parzjalment; fit-tieni istanza, il-Cour d’appel ta’ Liege ċaħditu. Il-Cour d’appel iddikjarat, inter alia, li d-Direttiva kienet tirrigwarda u tiddefinixxi l-kunċett ta’ ajruport fir-rigward tat-tul tar-runway tiegħu, u mhux fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet li jinsabu maġenb ir-runway bħal ħangars jew torri ta’ kontroll. Hija sostniet li madankollu r-runway ma kinitx ġiet immodifikata b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, hija indikat li l-Anness I tad-Direttiva jirrigwarda l-“kostruzzjoni” ta’ ajruport, u l-Anness II jirrigwarda l-modifika ta’ proġett ta’ l-Anness I, jiġifieri l-modifika tal-kostruzzjoni.

20.

L-individwi li jgħixu qrib l-ajruport appellaw kontra l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ proġett mogħtija mill-Cour d’appel.

21.

Konsegwentement, il-Cour de Cassation irrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)

Ftehim bejn l-awtoritajiet pubbliċi u impriża privata, iffirmat bil-għan li dik l-impriża tkun tista’ tistabbilixxi ruħha fis-sit ta’ ajruport attrezzat b’runway b’tul ta’ iktar minn 2100 metru, li jkun jinkludi d-deskrizzjoni preċiża tax-xogħol ta’ infrastruttura li ser isir għall-adattament tar-runway, mingħajr ma din tiġi mtawla, u għall-kostruzzjoni ta’ torri ta’ kontroll sabiex ikunu jistgħu jsiru titjiriet minn ajruplani kbar tat-trasport 24 siegħa kuljum għal 365 jum fis-sena, u li jipprevedi titjiriet kemm billejl kif ukoll binhar malli tiġi stabbilita dik l-impriża, jikkostitwixxi proġett fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif kienet applikabbli qabel l-emenda tagħha mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KEE, tat-3 ta’ Marzu 1997?

2)

Ix-xogħlijiet ta’ modifika li jsiru fl-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti bil-għan li dan jiġi adattat għal żieda proġetta fin-numru ta’ titjiriet billejl u binhar, mingħajr ma tiġi mtawwla r-runway, jikkorrispondu għall-kunċett ta’ proġett, li għalih huwa meħtieġ studju ta’ l-effetti fis-sens ta’ l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985, kif kienet applikabbli qabel l-emenda tagħha mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KEE, tat-3 ta’ Marzu 1997?

3)

Peress illi ż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport ma tissemmiex direttament fl-Annessi tad-Direttiva 85/337/KEE, l-Istat Membru għandu xorta waħda jikkunsidra dik iż-żieda, meta jeżamina l-effett potenzjali fuq l-ambjent tal-modifiki mwettqa għall-infrastrutturi ta’ dak ajruport bil-għan li jkun jista’ jlaħħaq maż-żieda fl-attività?”

22.

Ipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub u l-proċedura orali, min-naħa ta’ l-individwi li jgħixu qrib l-ajruport, il-partijiet Abraham et, Beaujan et u Descamps et, b’argumenti distinti, kif ukoll l-intimati SAB u TNT, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni.

IV — L-evalwazzjoni ġuridika

23.

Skond l-Artikolu 4(1) u l-Anness I(7) tad-Direttiva, il-kunsens għal żviluppp għall-kostruzzjoni ta’ ajruporti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar jeħtieġ b’mod obbligatorju stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent.

24.

Il-modifiki li jsiru għal dawk il-proġetti jew il-kostruzzjoni ta’ ajruporti oħrajn mhumiex neċessarjament suġġetti għal stima skond l-Artikolu 4(2) u l-Anness II(10) u (12) tad-Direttiva, iżda biss jekk l-Istati Membri jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ minħabba l-karatteristiċi tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima jew jistabbilixxu kriterji u/jew limiti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat liema proġetti, fost dawk li jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Anness II, għandhom ikunu suġġetti għal stima.

25.

Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li hija limitata mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva li jissottomettu l-proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom, għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom ( 5 ).

26.

F’dan il-kuntest, id-domandi tal-Cour de Cassation jirrigwardaw, min-naħa waħda, is-sinjifikat tal-ftehim dwar l-adattament ta’ l-ajruport għall-ħtiġijiet tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru, u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ jekk il-modifiki mwettqa lil ajruport li ma jikkonċernawx ir-runway jistgħux jitqiesu bħala proġett li għandu jiġi suġġettat għal stima u jekk l-attivitajiet ta’ l-ajruport għandhomx jiġu kkunsidrati matul l-istima ta’ dawn l-effetti fuq l-ambjent.

27.

Peress li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2(1), jiġifieri li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom ( 6 ), id-domandi għandhom jitwieġbu fl-ordni opposta.

28.

Għaldaqstant, fl-ewwel lok ser neżamina, fit-taqsima A, il-kwistjoni jekk l-attivitajiet ta’ ajruport, jew iż-żieda tagħhom, għandhomx jiġu kkunsidrati matul l-istima ta’ l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Fid-dawl tar-risposta għal din id-domanda, ser neżamina sussegwentement, fit-taqsima B, it-tieni domanda, jiġifieri safejn il-modifiki mwettqa f’ajruport għandhom jitqiesu bħala proġett li għandu jkun suġġett għal stima fis-sens tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, fit-taqsima C, ser neżamina l-ewwel domanda, li tirrigwarda aspett partikolari tal-miżuri kkontestati. Effettivament, dawn ta’ l-aħħar inizjalment ġew stabbiliti fi ftehim. Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar kif għandu jiġi kklassifikat il-ftehim fis-sistema ta’ stima tad-Direttiva, b’mod partikolari jekk il-miżuri miftiehma kellhomx ikunu suġġetti għal stima dwar l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

A — Fuq it-tielet domanda preliminari

29.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, skond id-Direttiva, it-traffiku ta’ l-ajru fuq ajruport, jew iż-żieda tiegħu, jagħmilx parti mill-effetti fuq l-ambjent li għandhom jiġu kkunsidrati. Din id-domanda hija bbażata fuq l-argument li l-modifiki mwettqa lill-infrastruttura ta’ l-ajruport ta’ Liege-Bierset irriżultaw f’żieda fl-attivitajiet ta’ dak l-ajruport.

30.

Id-dubji tal-Cour de Cassation jirriżultaw mill-fatt li ż-żieda fl-attivitajiet ta’ ajruport ma tissemmiex espressament fid-Direttiva. Fl-istess ħin, jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li din għandha tiġi kkunsidrata.

31.

Fil-fatt, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent testendi għall-effetti diretti u indiretti ta’ proġett. Id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-iżviluppatur skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, jindikaw li l-kunċett ta’ effett indirett għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u li dan ta’ l-aħħar jinkludi wkoll b’mod partikolari l-effetti tat-tħaddim ta’ proġett. Għaldaqstant, in-nota f’qiegħ il-paġna dwar l-Anness III(4) tistipula li deskrizzjoni ta’ l-effetti għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f’qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett. Skond it-tielet inċiż ta’ l-Anness III(1) tad-Direttiva, l-effetti jinkludu b’mod partikolari t-tip u l-kwantità tal-fdalijiet u emissjonijiet mistennija bħala riżultat tat-tħaddim tal-proġett, jiġifieri l-attivitajiet li jkunu ser isiru.

32.

Naturalment, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) u fl-Anness III tad-Direttiva m’hijiex neċessarja ħlief jekk l-Istati Membri jkunu tal-fehma li din hija importanti u tista’ tiġi mitluba raġonevolment mingħand l-iżviluppatur. Madankollu l-marġni ta’ diskrezzjoni hekk mogħtija lill-Istati Membri m’hijiex mingħajr limiti ( 7 ).

33.

F’ajruport, is-servizzi ta’ l-ajru proposti huma sinjifikattivi skond it-tip u l-volum tagħhom, kif ukoll skond l-effetti riżultanti fuq l-ambjent. Bl-istess mod, ġeneralment huwa meħtieġ li l-iżviluppatur jintalab biex jipprovdi din l-informazzjoni. Għaldaqstant, m’huwiex kumpatibbli mad-Direttiva li tiġi rrinunzjata l-informazzjoni dwar is-servizzi ta’ l-ajru jew dwar l-effetti ta’ żieda fis-servizzi ta’ l-ajru.

34.

L-informazzjoni dwar żieda pproġettata fis-servizzi ta’ l-ajru li għandha tiġi hekk pprovduta għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura ta’ kunsens skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva.

35.

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-effetti ta’ modifika ta’ l-infrastruttura ta’ ajruport fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva tinkludi ż-żieda pproġettata ta’ l-attivitajiet ta’ l-ajruport.

B — Fuq it-tieni domanda preliminari

36.

It-tieni domanda hija intiża biex tistabbilixxi jekk modifiki li jsiru lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti jeħtiġux stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent jekk dawk il-modifiki ma jinvolvu ebda estensjoni tat-tul ta’ runway ta’ tlugħ u ta’ nżul. Din b’hekk tirrigwarda l-kwistjoni dwar liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk modifiki li jsiru lill-infrastruttura ta’ ajruport jeħtiġux stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent.

Fuq il-kostruzzjoni ta’ ajruport skond l-Anness I(7) tad-Direttiva

37.

Skond l-Artikolu 4(1) u l-Anness I(7) tad-Direttiva, il-kostruzzjoni ta’ ajruporti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar teħtieġ stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent.

38.

Għalkemm l-ajruport ta’ Liege-Bierset kien jeżisti qabel il-konklużjoni u l-implementazzjoni tal-miżuri in kwistjoni, M. Beaujean et huma tal-fehma li dan jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ ajruport. Ir-renovazzjoni prevista tar-runway prinċipali, l-adattament tagħha b’sistema ta’ nżul u t-twessigħ tar-runway parallela għal 45 metru huma ekwivalenti għall-kostruzzjoni ġdida ta’ runway. Huma jsostnu li x-xogħlijiet ippermettew żieda sostanzjali fil-volum ta’ merkanzija fl- ajruport (b’fattur ta’ 464 bejn l-1994 u 1998). P. Descamps et isostnu l-istess pożizzjoni u jenfasizzaw, barra minn hekk, li l-miżuri kienu l-kundizzjoni sabiex l-ajruport, li qabel kien jintuża biss binhar, ikun jista’ jintuża wkoll billejl.

39.

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar proġett ta’ linja tal-ferrovija fi Spanja timmilita favur il-fatt li, minkejja installazzjonijiet eżistenti, proġett jista’ jitqies bħala wieħed ġdid ( 8 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-irduppjar ta’ linja tal-ferrovija eżistenti ma setax jitqies bħala sempliċi modifika ta’ proġett preċedenti fis-sens ta’ l-Anness II(12) tad-Direttiva, iżda bħala kostruzzjoni ta’ linji għal traffiku ferrovjarju ta’ distanza twila skond l-Anness I(7). F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq effetti sinjifikattivi li dan il-proġett seta’ jkollu fuq l-ambjent.

40.

Fil-prinċipju, dan il-kunċett jista’ jiġi traspost għal proġetti ta’ ajruporti. Huwa minnu li l-Anness I(7) isemmi biss bħala kriterju, minbarra l-kunċett ta’ ajruport, it-tul tar-runway ta’ tlugħ u ta’ nżul. Madankollu, l-effetti fuq l-ambjent ta’ ajruport li huma relevanti meta jitqies l-objettiv tad-Direttiva jiddependu wkoll minn ċirkustanzi oħra.

41.

It-tul tar-runway ta’ tlugħ u ta’ nżul huwa determinanti għat-tip ta’ ajruplani li jistgħu jużaw l-ajruport u, għaldaqstant, għall-effetti probabbli tat-tlugħ u l-inżul. Ajruplani akbar jeħtieġu runways itwal.

42.

Madankollu, l-ammont ta’ traffiku ta’ ajruplani possibbli jiddependi wkoll minn elementi oħrajn ta’ l-infrastruttura, per eżempju t-tagħmir ta’ sistemi elettroniċi ta’ għajnuna għat-tlugħ u l-inżul, installazzjonijiet biex jingħataw servizzi fuq l-art lill-ajruplani, il-postijiet ta’ parkeġġ disponibbli kif ukoll il-kapaċità ta’ l-ispazju ta’ l-ajru.

43.

L-intensità li biha ajruport effettivament jintuża, jiġifieri d-domanda għal servizzi ta’ trasport bl-ajru, tiddependi wkoll mill-konnessjoni tiegħu mas-suq u l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu meta mqabbel ma’ fornituri oħra ta’ servizzi kumparabbli.

44.

Madankollu, il-kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni tista’ tinftiehem biss li tikkonċerna l-miżuri li jirrigwardaw ta’ mill-inqas partijiet minn dak is-sit. L-elementi li jifformaw parti minn sit ta’ l-avjazzjoni jirriżultaw fl-ewwel lok mid-definizzjoni ta’ l-Anness 14 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li għalih jirreferi l-Anness I(7) tad-Direttiva.

45.

Peress illi l-iskop ta’ dawn ir-regolamenti m’huwiex l-effetti fuq l-ambjent tas-siti ta’ avjazzjoni, iżda s-sigurtà tagħhom, il-kunċett ta’ ajruport fis-sens tad-direttiva għandu jinkludi wkoll l-installazzjonijiet rilevanti għall-perspettiva ambjentali li ma jissemmewx fl-Anness 14 tal-Konvenzjoni, iżda li huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ l-elementi ċentrali definiti fih. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati speċjalment it-terminals għall-passiġġieri u l-merkanzija.

46.

Għall-kuntrarju, mhuwiex għas-sit ta’ l-avjazzjoni li għandhom jiġu attribwiti l-installazzjonijiet li jintużaw għat-traffiku ta’ l-ajru, iżda li għandhom konnessjonijiet iktar mill-qrib ma’ kategoriji ta’ proġetti oħrajn, bħal per eżempju l-konnessjonijiet ta’ trasport fuq l-art, lukandi kif ukoll spazji ta’ uffiċini u spazji kummerċjali.

47.

Għandha ssir ukoll distinzjoni fir-rigward tal-modifika tal-kostruzzjoni ta’ ajruport skond l-Anness II(12). Konsegwentment, il-miżuri li jirrigwardaw ajruport eżistenti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala kostruzzjoni ta’ ajruport ħlief jekk ikunu ekwivalenti għal kostruzzjoni ġdida meta wieħed iqis l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

48.

Għaldaqstant, għall-miżuri mwettqa f’siti ta’ l-avjazzjoni eżistenti li għandhom jitqiesu bħala kostruzzjoni ta’ ajruport jidħlu b’mod partikolari fil-kunsiderazzjoni l-estensjonijiet sostanzjali tar-runways li jippermettu li l-ajruport jintuża għal tipi ta’ ajruplani b’effetti fuq l-ambjent iktar sostanzjali, jew tagħmir ġdid tar-runways li jirriżultaw f’rotot ġodda ta’ l-ajru għat-tlugħ u l-inżul.

49.

Madankollu ma jistax jiġi eskluż li, f’każijiet eċċezzjonali, miżuri li ma jirrigwardawx direttament it-tul u t-tagħmir tar-runways, iżda li jżidu l-kapaċità ta’ l-ajruport, jitqiesu bħala kostruzzjoni ġdida. Jekk, oriġinarjament, l-ajruport kien jirċievi diġa volum żgħir ta’ titjiriet minħabba nuqqas ta’ servizzi u postijiet ta’ parkeġġ, iż-żieda tal-kapaċità f’dan ir-rigward tista’ twassal għal żieda sostanzjali fil-volum ta’ traffiku. Dawn jgħodd b’mod partikolari għall-miżuri li jinstallaw runways twal għall-avjazzjoni ċivili f’siti qodma ta’ l-avjazzjoni militari.

50.

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi stabbilit jekk il-miżuri in kwistjoni fl-ajruport ta’ Liege-Bierset jammontawx għal kostruzzjoni ġdida. Il-fattur determinanti hu jekk il-miżuri żidux il-kapaċità ta’ l-ajruport sa tali punt li l-effetti ta’ l-estensjoni fuq l-ambjent għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal kostruzzjoni ġdida.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari l-argument skond liema huwa preċiżament minħabba dawn il-miżuri li l-volum tat-traffiku tal-merkanzija żdied b’fattur ta’ 464 u li kien possibbli li jsiru titjiriet bil-lejl. B’mod partikolari, l-estensjoni tal-perjodi ta’ użu jista’ jkollha effetti sostanzjali fuq l-ambjent.

52.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-modifika ta’ l-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar għandha titqies bħala kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni fis-sens ta’ l-Anness I(7) u li, għaldaqstant, din għandha tkun suġġetta għal stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent jekk, meta jitqiesu l-effetti fuq l-ambjent, din tkun ekwivalenti għal kostruzzjoni ġdida.

Fuq il-modifika ta’ sit ta’ l-avjazzjoni skond l-Anness II(12) u l-Anness I(7) tad-Direttiva

53.

Jekk il-miżuri kkontestati m’għandhomx jitqiesu bħala kostruzzjoni ta’ ajruport fis-sens ta’ l-Anness I(7) tad-Direttiva, obbligu li ssir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(2) flimkien ma’ dawk ta’ l-Anness II(12) tad-Direttiva. Dawn ta’ l-aħħar jippresupponu, fl-ewwel lok, li l-miżuri għandhom jitqiesu bħala modifika ta’ proġett taħt l-Anness I.

54.

Il-Belġju, SAB u TNT madankollu jisħqu li l-modifiki ta’ siti ta’ l-avjazzjoni eżistenti m’humiex imsemmija fid-Direttiva. Il-formolazzjoni ta’ l-Anness I(7) u ta’ l-Anness II(12) — il-modifika tal-kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar — tindika li huma koperti biss modifiki li jsiru matul il-proċess inizjali ta’ kostruzzjoni. Li kieku kien intenzjonat li jkunu inklużi wkoll modifiki f’sit ta’ l-avjazzjoni lest, l-Anness I(7) ma kienx jirreferi għall-kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni, iżda biss għas-sit ta’ l-avjazzjoni, kif kien il-każ għal tipi ta’ proġetti oħrajn taħt l-Anness I: per eżempju, ir-raffineriji, iċ-ċentri ta’ enerġija termali jew l-installazzjonijiet għall-eliminazzjoni ta’ l-iskart.

55.

Din l-interpretazzjoni, li hija kkontestata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka u l-individwi li jgħixu qrib l-ajruport, madankollu m’hijiex obbligatorja. L-iskop u l-għan tad-Direttiva, iktar minn hekk, jeħtieġu li l-kunċett ta’ “kostruzzjoni” jinftiehem li jirreferi għall-fatt li proġett fis-sens tad-Direttiva, b’mod konformi mad-definizzjoni ta’ proġett mogħtija fl-Artikolu 1(2), jinkludi l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet jew interventi oħra fl-ambjent naturali u l-pajżaġġ, u mhux is-sempliċi modifika ta’ l-użu ta’ installazzjonijiet eżistenti ( 9 ).

56.

Jirriżulta mill-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) kif ukoll mill-ewwel, il-ħames, is-sitt, it-tmien u l-ħdax-il premessa li l-objettiv prinċipali tad-Direttiva hu li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sostanzjali fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-dimensjonijiet u s-sit tagħhom, ikunu suġġetti għal stima ta’ l-effetti tagħhom fuq l-ambjent qabel ma jingħata kunsens ( 10 ).

57.

Dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq jekk l-istima, fil-każ ta’ proġetti infrastrutturali ta’ trasport imsemmija fl-Anness I(7), b’mod partikolari s-siti ta’ l-avjazzjoni, tkun limitata esklussivament għall-proċessi ta’ kostruzzjoni oriġinali. Il-miżuri li jsiru wara l-kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni wkoll jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

58.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss tieħu l-pożizzjoni ġenerali li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskop tad-Direttiva huma ferm wiesgħin ( 11 ), iżda tinterpreta wkoll b’mod ferm wiesa’ l-kunċett ta’ modifika ta’ proġett taħt l-Anness II(12). Hija estendiet dan il-kunċett għal proġetti taħt l-Anness II, minkejja li l-Anness II(12) isemmi esklussivament biss il-proġetti ta’ l-Anness I ( 12 ).

59.

Fis-sentenza WWF, hija applikat dik il-ġurisprudenza għar-ristrutturar ta’ sit ta’ l-avjazzjoni li ma kienx jilħaq id-dimensjoni meħtieġa għal stima obbligatorja ta’ l-effetti fuq l-ambjent skond l-Anness I(7), la qabel u lanqas wara l-modifika. Ir-ristrutturar ta’ dak l-ajruport ma setax jiġi eskluż a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, indipendentement mill-effetti possibbli fuq l-ambjent ( 13 ).

60.

Peress li, b’dan il-mod, anki l-modifiki li jsiru f’siti ta’ l-avjazzjoni iżgħar jaqgħu taħt id-Direttiva, din ta’ l-aħħar — kif issostni l-Kummissjoni — għandha tapplika a fortiori għal siti ta’ l-avjazzjoni akbar, li l-kostruzzjoni tagħhom hija suġġetta b’mod obbligatorju għal stima.

61.

B’differenza mill-miżuri li tittratta magħhom is-sentenza WWF et, f’din il-kawża ebda runway ma ġiet estiża. Il-miżuri relatati mar-runway evidentement kienu limitati għal xogħlijiet biex din issir operattiva, għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ nżul, għat-twessigħ ta’ runway parallela u l-kostruzzjoni ta’ żewġ punti ta’ ħruġ.

62.

Għaldaqstant, id-domanda preliminari ssaqsi esklussivament jekk, anki meta ma jkunx hemm estensjoni ta’ runway, jeżistix l-obbligu li proġett jiġi ssuġġettat għal stima. Il-Belġju, SAB u TNT isostnu li dan mhux il-każ, peress li d-Direttiva ssemmi bħala l-uniku kriterju ta’ sit ta’ l-avjazzjoni t-tul tar-runway tiegħu.

63.

Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan il-kriterju huwa relevanti biss għall-finijiet ta’ distinzjoni bejn proġetti akbar, li fi kwalunkwe każ għandhom ikunu suġġetti għal stima, u l-proġetti iżgħar, li jeħtieġu li ssir stima jekk ikun hemm il-possibbiltà li jkollhom effetti sostanzjali fuq l-ambjent ( 14 ). Għaldaqstant, huma l-effetti possibbli, u mhux l-estensjoni ta’ runway, li huma determinanti mill-perspettiva ta’ l-obbligu li ssir stima. L-estensjoni ta’ runway b’hekk hija biss indikazzjoni importanti — li tista’ tkun anki obbligatorja — ta’ impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent. Madankollu, ma jistgħux jiġu injorati aspetti oħra ta’ proġett.

64.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-modifika ta’ l-infrastruttura ta’ sit ta’ l-avjazzjoni eżistenti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar, li m’għandhiex titqies bħala kostruzzjoni ġdida, għandha tkun suġġetta għal stima ta’ l-effetti tagħha fuq l-ambjent skond l-Artikolu 4(2), l-Anness I(7) u l-Anness II(12) tad-Direttiva, jekk aktarx ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba n-natura, il-kobor u l-post tagħha.

C — Fuq it-tielet domanda preliminari

1. Il-ftehim bħala proġett

65.

Skond il-formolazzjoni ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tidher li qed issaqsi jekk ftehim jistax jitqies bħala proġett fis-sens tad-Direttiva.

66.

Madankollu, kif il-partijiet ġustament jaqblu, ftehim fih innifsu ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjonijiet jew skemi oħra, jew bħala intervent ieħor fin-natura jew il-pajżaġġ, kif speċifikat fid-definizzjoni ta’ proġett fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, u li dan ma jissemmiex bħala proġett fl-Annessi I u II. Għalkemm is-suġġett ta’ ftehim jista’ jkun proġett ta’ dak it-tip, il-konklużjoni tiegħu m’hijiex min-naħa l-oħra proġett.

2. Il-ftehim bħala kunsens għal żvilupp

67.

Uħud mill-partijiet madankollu jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim huwiex il-kunsens għal żvilupp ta’ proġett. Jekk, skond id-Direttiva, l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent għandhom jiġu stmati, dik l-istima għandha ssir skond l-Artikolu 2(1) qabel il-kunsens tal-proġett.

68.

Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jikkunsidraw li huwa possibbli li ftehim jitqies bħala kunsens għal żvilupp jekk, skond il-liġi nazzjonali, ikollu l-istess effetti bħal kunsens għal żvilupp. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 1(2) il-ftehim għandu jinkludi d-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li fuq il-bażi tagħha l-iżviluppatur jikseb id-dritt li jwettaq il-proġett.

69.

Skond Descamps et, TNT, SAB u l-Belġju, il-ftehim madankollu ma jagħtix dritt li ssir il-kostruzzjoni. Għall-kuntrarju, il-proġetti deskritti fih jeħtieġu kunsens mill-awtoritajiet pubbliċi. Huma jsostnu li dan il-fatt kien rikonoxxut espressament fil-ftehim.

70.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tindika għal kuntrarju possibbiltà oħra li fil-prinċipju tista’ twassal biex ftehim jitqies bħala kunsens għal żvilupp. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mis-sistema u l-objettiv tad-Direttiva li deċiżjoni ta’ kunsens għal żvilupp tista’ tikkonsisti f’diversi stadji, li min-naħa tagħhom, jistgħu jagħtu lok għal obbligu li ssir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent ( 15 ). Għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ kunsens ieħor ma teskludix neċessarjament li għandha ssir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent diġa fi stadju preċedenti, possibbilment diġa fl-ewwel stadju ( 16 ). Kif jirriżulta wkoll mill-ewwel premessa, id-Direttiva effettivament għandha l-iskop li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-effetti tal-proġett in kwistjoni fuq l-ambjent fi stadju kemm jista’ jkun bikri ( 17 ).

71.

Skond din il-ġurisprudenza, id-Direttiva tkopri wkoll atti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 18 ). L-argument tal-Belġju, SAB u TNT, skond liema applikazzjoni possibbli tad-Direttiva 2001/42 ratione materiae teskludi applikazzjoni tad-Direttiva in kwistjoni għall-ftehim, b’hekk m’huwiex fondat.

72.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-ftehim jistax jitqies bħala parti minn proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji.

73.

S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji fis-sens tad-Direttiva meta diversi deċiżjonijiet suċċessivi jkunu meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali sabiex jingħata kunsens għal proġett ( 19 ). Il-Belġju madankollu jsostni — f’kuntest ieħor — li legalment il-ftehim m’huwiex kundizzjoni għax-xogħol ippjanat. Jekk dan l-argument huwa korrett, il-ftehim m’huwiex parti minn proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji fis-sens tal-ġurisprudenza attwali.

74.

Konsegwentement, tqum il-kwistjoni jekk stadji mhux previsti tal-proċess ta’ deċiżjoni għandhomx jaqgħu wkoll minn lat ġuridiku taħt proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji.

75.

L-objettiv ta’ l-istima ta’ l-effettit fuq l-ambjentali hu li d-deċiżjoni dwar proġett tiġi adottata b’għarfien sħiħ ta’ l-effetti fuq l-ambjent u fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Din l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent tippermetti li kemm jista’ jkun jiġi evitat it-tniġġis, għajr milli wara tipprova titieħed azzjoni kontra l-effetti tagħhom, skond l-ewwel premessa tad-Direttiva u l-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat. Il-kundizzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku timplika li dik il-parteċipazzjoni tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni dwar il-proġett ( 20 ).

76.

Ċertament id-Direttiva torbot formalment l-istima ta’ l-effetti fuq l- ambjent mal-kunċett ta’ kunsens għal żvilupp, iżda din ma tistax tikseb l-objettiv tagħha jekk deċiżjoni dwar proġett tkun prattikament diġà ttieħdet qabel ma tkun bdiet proċedura formali ta’ kunsens.

77.

Għaldaqstant, il-ftehim għandu jitqies bħala l-ewwel stadju fi proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji jekk, u sal-punt li, dan jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċedura ta’ kunsens ulterjuri.

78.

F’dan ir-rigward, ma tistax biss timporta l-kwistjoni dwar jekk il-marġni ta’ diskrezzjoni hijiex formalment affettwata, kif isostnu diversi partijiet. Wieħed jista’ diġà jkollu dubji dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni amministrattiva indipendenti u imparzjali li tikkunsidra b’mod sħiħ stima eventwali ta’ l-effetti fuq l-ambjent u l-osservazzjonijiet tal-pubbliku jekk l-awtoritajiet politiċi responsabbli jkunu diġà ddeċidew b’mod ċar dwar il-proġett. Anki d-danni previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens — kif jista’ jkun previst skond il-punt 8(c), jew il-punt 9 tal-ftehim — jistgħu jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni.

79.

Il-kwistjoni jekk il-ftehim f’dik il-forma jillimitax id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, kif isostnu b’mod partikolari Abraham et u Beaujean et, hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jeżaminawha.

3. Il-ftehim bħala konnessjoni bejn proġetti parzjali

80.

Jekk il-ftehim ma jaffettwax il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ kunsens, dan madankollu jista’ jkollu funzjoni fil-kuntest ta’ l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent, li hija ta’ mill-inqas imsemmija fl-ordni tar-rinviju u li hija enfasizzata b’mod partikolari fl-argument imressaq minn Abraham et. Il-qorti tar-rinviju effettivament tikkunsidra l-konstruzzjoni ta’ serje ta’ installazzjonijiet li jimmodifikaw l-istrutturi sinjifikattivi ta’ ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2100 metru ( 21 ).

81.

Il-kwistjoni tan-natura globali ta’ proġetti individwali b’hekk hija interessanti peress li l-miżuri individwali miftiehma separatament ma jilħqux il-limitu meħtieġ biex issir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, l-individwi li jgħixu qrib l-ajruport isostnu li meta wieħed iqis il-miżuri kollha komplessivament, dawn għandhom effetti sostanzjali (detrimentali) fuq l-ambjent.

82.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li ma jkunx kumpatibbli mad-Direttiva jekk diversi proġetti ta’ l-istess tip jew sezzjonijiet differenti ta’ runway jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, mingħajr ma jitqies l-effett kumulattiv tagħhom ( 22 ). Dan huwa konformi ma’ l-Artikolu 5(1) u l-Anness III(4), li jeħtieġu deskrizzjoni ta’ l-effetti kumulattivi fuq l-ambjent. Dawn l-effetti għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-proġett, skond l-Artikolu 8.

83.

Huwa ċar li din il-kawża tinvolvi diversi proġetti parzjali differenti, li huma madankollu magħquda mill-ftehim f’proġett ġenerali li għandu l-objettiv li jippermetti lil żewġ intrapriżi jużaw l-ajruport ta’ Liege-Bierset għal ċerti forom ta’ trasport ta’ merkanzija. Anki jekk dawn il-proġetti parzjali m’humiex suġġetti għal deċiżjoni ta’ kunsens għal żvilupp komuni, dan ma jistax iffisser li l-proġetti parzjali għandhom jiġu kkunsidrati b’mod iżolat. Fil-kuntest ta’ kull deċiżjoni, għandhom pjuttost jiġu kkunsidrati l-effetti kumulattivi tal-proġetti parzjali fil-kuntest tal-proġett globali u jittieħed debitament kont tagħhom.

84.

Finalment, għandu jiġi osservat li jekk tkun meħtieġa stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent, din mhux neċessarjament għandha tirrigwarda espressament il-ftehim jew il-proġetti parzjali. Ma jistax jiġi eskluż li l-effetti fuq l-ambjent ta’ żieda fit-traffiku ta’ l-ajru, inkluż l-użu billejl ta’ l-ajruport ta’ Liege-Bierset diġà kienu suġġetti għal stima suffiċjenti fil-kuntest ta’ proċedura oħra. F’dak ir-rigward, il-partijiet u l-qorti tar-rinviju jsemmu diversi deċiżjonijiet ta’ ippjanar u diversi programmi. Jekk dawn ta’ l-aħħar kienu bbażati fuq stima suffiċjenti ta’ l-effetti fuq l-ambjent bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku, ma kinitx meħtieġa stima ġdida ulterjuri ( 23 ).

4. Konklużjoni proviżorja

85.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward ta’ l-ewwel domanda, li ftehim bejn l-Istat u impriża privata, li permezz tiegħu din ta’ l-aħħar għandha tkun inċitata tistabbilixxi ruħha f’ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2100 metru, li jinkludi deskrizzjoni preċiża tax-xogħol ta’ infrastruttura li jkollu jsir għall-adattament tar-runway, mingħajr ma din tiġi mtawla, u l-kostruzzjoni ta’ torri ta’ kontroll sabiex ikunu jistgħu jsiru titjiriet minn ajruplani kbar 24 siegħa kuljum għal 365 jum fis-sena, u li jipprevedi titjiriet kemm billejl kif ukoll binhar malli tiġi stabbilita dik l-impriża,

m’huwiex proġett fis-sens tad-Direttiva,

iżda, bħala l-ewwel stadju fi proeċedura ta’ kunsens f’diversi stadji, jista’ jeħtieġ stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent jekk, u sal-punt li, dan jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċeduri ta’ kunsens sussegwenti, u

jgħaqqad flimkien il-proġetti parzjali fi proġett globali wieħed li l-effetti tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati b’mod globali fil-kuntest tal-kunsens għal żvilupp parzjali.

V — Konklużjoni

86.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skond kif ġej:

“Fuq it-tielet domanda:

L-effetti ta’ modifika ta’ l-infrastruttura ta’ ajruport fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent tinkludi ż-żieda pproġettata ta’ l-attivitajiet ta’ l-ajruport.

Fuq it-tieni domanda:

Il-modifika ta’ l-infrastruttura ta’ sit ta’ l-avjazzjoni eżistenti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar għandha titqies bħala kostruzzjoni ta’ sit ta’ l-avjazzjoni fis-sens ta’ l-Anness I(7) tad-Direttiva 85/337 u, għaldaqstant, skond l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva għandha b’mod obbligatorju tkun suġġetta għal stima dwar l-effetti fuq l-ambjent jekk tkun ekwivalenti għal kostruzzjoni ġdida meta jitqiesu l-effetti tagħha fuq l-ambjent.

Jekk il-modifika ta’ l-infrastruttura ta’ sit ta’ l-avjazzjoni eżistenti b’runway ta’ tlugħ u ta’ nżul b’tul ta’ 2100 metru u iktar m’għandhiex titqies bħala kostruzzjoni ġdida ta’ ajruport, l-effetti tagħha fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għal stima skond l-Artikolu 4(2), l-Anness I(7) u l-Anness II(12) tad-Direttiva jekk, aktarx ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba n-natura, il-kobor u l-post tagħha.

Fuq l-ewwel domanda:

Ftehim bejn l-Istat u impriża privata, li permezz tiegħu din ta’ l-aħħar għandha tkun iċċitata tistabbilixxi ruħha f’ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2100 metru, li jinkludi deskrizzjoni preċiża tax-xogħol ta’ infrastruttura li jkollu jsir għall-adattament tar-runway, mingħajr ma din tiġi mtawla, u l-kostruzzjoni ta’ torri ta’ kontroll sabiex ikunu jistgħu jsiru titjiriet minn ajruplani kbar 24 siegħa kuljum għal 365 jum fis-sena, u li jipprevedi titjiriet kemm billejl kif ukoll binhar malli tiġi stabbilita dik l-impriża,

m’huwiex proġett fis-sens tad-Direttiva,

iżda, bħala l-ewwel stadju fi proeċedura ta’ kunsens f’diversi stadji, jista’ jeħtieġ stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent jekk, u sal-punt li, dan jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċeduri ta’ kunsens sussegwenti, u

jgħaqqad flimkien il-proġetti parzjali fi proġett globali wieħed li l-effetti tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati b’mod globali fil-kuntest tal-kunsens għal żvilupp parzjali.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 175, p. 40.

( 3 ) Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “ajruport” tfisser ajruporti li jikkonformaw mad-definizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni [Internazzjonali] dwar l-Avjazzjoni Ċivili (L-Anness 14)”.

( 4 ) Din id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f’qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett”.

( 5 ) Sentenzi ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 50); tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 64); tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C-117/02, Ġabra p. I-5517, punt 82); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-83/03, Ġabra p. I-4747, punt 19) u tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-121/03, Ġabra p. I-7569, punt 87).

( 6 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 36). Ara wkoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 7 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 37).

( 8 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-227/01, Ġabra p. I-8253, punti 46 et seq).

( 9 ) Bħala prinċipju, l-effetti fuq l-ambjent ta’ użu eventwali diġà ġew eżaminati matul il-kostruzzjoni ta’ installazzjoni, b’mod illi r-riżultati ta’ dik l-istima jistgħu jintużaw fil-mument meta tittieħed deċiżjoni dwar modifikazzjonijiet ta’ użu ulterjuri.

( 10 ) Ara s-sentenzi Linster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 52) u tas 16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 6, punt 47) kif ukoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 11 ) Sentenzi Kraaijeveld et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 31 u 39) u tas 16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 46).

( 12 ) Sentenzi Kraaijeveld et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 40) u tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40).

( 13 ) Sentenza WWF et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 49). Il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Mischo fid-29 ta’ April 1999 fil-kawża WWF et huma saħansitra iktar ċari (punt 43).

( 14 ) Ara l-punti 23 et seq iktar ’l isfel.

( 15 ) Sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Barker (C-290/03, Ġabra p. I-3949, punt 45).

( 16 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 52).

( 17 ) Sentenza Wells (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 51).

( 18 ) ĠU L 197, p 30.

( 19 ) Sentenza Wells (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 52).

( 20 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T-178/05, Ġabra p. II-4807, punt 57) dwar id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gass ta’ effett serra fil-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).

( 21 ) Ara l-paġna 154 tad-digriet tar-rinviju.

( 22 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’qiegħ il-paġna 3, punt 76) u tas 16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 53).

( 23 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-431/92, Ġabra p. I-2189, punti 41 et seq) u tas 16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 56).