6.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 313/11


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Antwerp, il-Belġju) — Gerlach & Co. NV vs Belgische Staat

(Kawża C-477/07) (1)

(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Kunċetti ta' “dħul fil-kontijiet’ u ta' “komunikazzjoni’ tal-ammont tad-dazju doganali lid-debitur - Dħul minn qabel fil-kontijiet tal-ammont tad-dejn doganali - Irkupru tad-dejn doganali)

(2008/C 313/16)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gerlach & Co. NV

Konvenut: Belgische Staat

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Hof van beroep te Antwerpen — Interpretazzjoni tal-Artikoli 217 u 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, dwar is-sistema ta' riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1) (li issa sar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom) (ĠU L 130, p. 1) — Kunċetti ta' “dħul fil-kontijiet” u ta' “komunikazzjoni” tal-ammont tad-dazju doganali lid-debitur — Dħul minn qabel fil-kontijiet tal-ammont tad-dejn doganali — Irkupru tad-dejn

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-“dħul fil-kontijiet” tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat imsemmi f'din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi d-“dħul fil-kontijiet” tal-imsemmi ammont kif iddefinit fl-Artikolu 217(1) tal-imsemmi regolament u li għandha ssir distinzjoni bejn l-imsemmi dħul fil-kontijiet u l-inklużjoni tal-imsemmi dazju fil-kontijiet għar-riżorsi tagħha kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta' Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, dwar is-sistema ta' riżorsi tal-Komunitajiet innifishom.

2)

L-Artikolu 221(1) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat għandha tkun ġiet ippreċeduta bid-dħul fil-kontijiet tal-imsemmi ammont mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru u li, fin-nuqqas li jkun ġie kkomunikat b'mod regolari, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi ammont ma jistax jiġi rkuprat mill-imsemmija awtoritajiet. Madankollu, dawn l-awtoritajiet jibqa' jkollohom il-fakultà li jagħmlu komunikazzjoni ġdida ta' dan l-ammont, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni u tar-regoli ta' preskrizzjoni fis-seħħ fid-data li fiha ġie inkors id-dejn doganali.


(1)  ĠU C 8, 12.1.2007.