10.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 6/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta' Novembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État — il-Belġju) — Coditel Brabant SPRL vs Commune d'Uccle, Région de Bruxelles-Capitale
(Kawża C-324/07) (1)
(Kuntratti pubbliċi - Proċeduri ta' għoti ta' kuntratti - Konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi - Konċessjoni dwar it-tmexxija ta' netwerk komunali ta' teledistribuzzjoni - Assenjazzjoni minn komun lil kooperattiva interkomunali - Obbligu ta' trasparenza - Kundizzjonijiet - Eżerċizzju, mill-awtorità konċedanti fuq l-entità konċessjonarja, ta' kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fid-dipartimenti tagħha stess)
(2009/C 6/10)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d'État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Coditel Brabant SPRL
Konvenuti: Commune d'Uccle, Région de Bruxelles-Capitale
Fil-preżenza ta': Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutélé)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d'Etat (il-Belġju) — Interpretazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju primarju (Prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza) kif ukoll tal-eċċezzjonijiet għal dawn il-prinċipji fil-qasam tal-konċessjonijiet ta' servizz pubbliku — Konċessjoni relatata mal-operat ta' netwerk lokali ta' teledistribuzzjoni — Ħtieġa ta' sejħa għal offerti b'riżerva għall-każ fejn l-awtorità konċedenti teżerċita, fuq l-entità konċessjonarja, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn l-entità konċessjonarja twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità li tirregolaha
Dispożittiv
1) |
L-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' non-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta' trasparenza li jirriżulta minnhom ma jipprekludux li awtorità pubblika tassenja, mingħajr sejħa għal offerti, konċessjoni ta' servizzi pubbliċi lil kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, meta dawn l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw fuq din il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fid-dipartimenti tagħhom stess u li l-imsemmija kooperattiva twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha ma' dawn l-awtoritajiet pubbliċi. |
2) |
Bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-fatti f'dak li jikkonċerna l-marġni ta' awtonomija li tgawdi minnha l-kooperattiva inkwistjoni, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' kooperattiva interkomunali miżmuma esklużivament minn awtoritajiet pubbliċi huma meħuda minn entitajiet statutorji ta' din il-kooperattiva komposta minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi assoċjati, il-kontroll eżerċitat fuq dawn id-deċiżjonijiet mill-imsemmija awtoritajiet pubbliċi jista' jiġi kkunsidrat bħala li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jeżerċitaw fuqha kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fid-dipartimenti tagħhom stess. |
3) |
Fil-każ fejn awtorità pubblika tassoċja ruħha ma' kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tittrasferixxi lilha t-tmexxija ta' servizz pubbliku, il-kontroll li dawn l-awtoritajiet assoċjati ma' din il-kooperattiva jeżerċitaw fuqha, jista', sabiex jitqies bħala analogu għall-kontroll li huma jeżerċitaw fid-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn l-awtoritajiet, billi jiddeċiedu, skont il-każ, b'maġġoranza. |