21.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 69/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Manja Awla) tas-27 ta' Jannar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof — il-Ġermanja) — Hein Persche vs Finanzamt Lüdenscheid

(Kawża C-318/07) (1)

(Moviment liberu tal-kapital - Taxxa fuq id-dħul - Tnaqqis ta' donazzjonijiet magħmula lil entitajiet karitatevoli - Limitazzjoni tat-tnaqqis tad-donazzjonijiet magħmula lill-entitajiet nazzjonali - Donazzjonijiet in natura - Direttiva 77/799/KEE - Għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta)

(2009/C 69/11)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Hein Persche

Konvenut: Finanzamt Lüdenscheid

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(3) KE, ta' l-Artikolu 56 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta' vantaġġ fiskali previst għar-rigali lill-organizzazzjonijiet b'finalitajiet ta' interess ġenerali bil-kundizzjoni li min jirċievi r-rigal ikun stabbilit fit-territorju nazzjonali — Applikabbiltà tar-regoli tat-Trattat KE fuq il-moviment liberu tal-kapitali għar-rigali in speċi, li huma prodotti għall-użu ta' kuljum, magħmula minn ċittadin ta' Stat Membru lil organizzazzjonijiet b'finalitajiet ta' interess ġenerali, li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.

Dispożittiv

1)

Meta persuna taxxabbli titlob fi Stat Membru t-tnaqqis fiskali ta' donazzjonijiet magħmula lil entitajiet stabbiliti u rrikonoxxuti bħala karitatevoli fi Stat Membru ieħor, donazzjonijiet tali jaqgħu taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, anki jekk huma effettwati in natura fil-forma ta' prodotti għall-użu ta' kuljum.

2)

L-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li skontha, fir-rigward tad-donazzjonijiet magħmula lil entitajiet irrikonoxxuti bħala karitatevoli, il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali huwa mogħti biss għad-donazzjonijiet mogħtija lil entitajiet stabbiliti fuq it-territorju nazzjonali, mingħajr ebda possibbiltà għall-persuna taxxabbli li turi li donazzjoni mogħtija lil entità stabbilita fi Stat Membru ieħor tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija leġiżlazzjoni għall-għoti ta' benefiċċju tali.


(1)  ĠU C 247, 20.10.2007.