1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 180/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Oberlandesgericht Düsseldorf — Il-Ġermanja) — Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik vs AOK Rheinland/Hamburg

(Kawża C-300/07) (1)

(“Direttiva 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u servizzi - Fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Awtoritajiet kuntrattwali - Sejħa għal offerti - Manifattura u provvista ta’ żraben ortopediċi mfasslin individwalment għall-bżonnijiet tal-pazjenti - Pariri ddettaljati mogħtija lill-pazjenti”)

2009/C 180/06

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik

Konvenuta: AOK Rheinland/Hamburg

Suġġett

1

Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Düsseldorf — Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(c) u (d), (4), (5) u tal-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9), tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114) — Sejħa għal offerti ta’ fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jaqa’ taħt sistema statutorja ta’ assigurazzjoni li tkopri l-provvista ta’ żraben ortopediċi għall-benefiċċju tal-assigurati — Kunċett ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” — Servizzi li jinkludu l-provvista ta’ żraben immanifatturati skont il-bżonnijiet individwali ta’ kull persuna assigurata, kif ukoll parir ddettaljat li jirrigwarda l-użu tal-prodott — Klassifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi bħala “kuntratti għal provvisti pubbliċi” [“kuntratti pubbliċi għal provvisti”] jew bħala “kuntratti għal servizzi pubbliċi” [“kuntratti pubbliċi għal servizzi”]?

Dispożittiv

1)

L-ewwel alternattiva tal-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm finanzjament, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, meta l-attività tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma ffinanzjati prinċipalment minn kontribuzzjonijiet pagabbli mill-membri, li huma imposti, ikkalkolati u miġbura skont ir-regoli tad-dritt pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa għandhom jiġu kkunsidrati bħala korpi rregolati mid-dritt pubbliku u, għalhekk, bħala awtoritajiet kuntrattwali għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-direttiva.

2)

Meta kuntratt pubbliku mħallat ikollu bħala suġġett kemm prodotti kif ukoll servizzi, il-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt inkwistjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi huwa l-valur rispettiv tal-prodotti u tas-servizzi inklużi f’dan il-kuntratt. Meta l-prodotti huma mmanifatturati u mfasslin individwalment skont il-bżonnijiet ta’ kull klijent, u dwar l-użu ta’ liema kull klijent għandu jingħata parir individwali, il-manifattura tal-imsemmija prodotti għandha tiġi kklassifikata fil-parti “servizzi” tal-imsemmi kuntratt għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ kull parti tiegħu.

3)

Meta l-provvista ta’ servizzi titqies bħala iktar importanti meta mqabbla mal-provvista ta’ prodotti fil-kuntratt inkwistjoni, ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u operatur ekonomiku, li fih huma ddefiniti l-ħlasijiet tad-diversi tipi ta’ servizzi pprovduti minn dan l-operatur kif ukoll it-tul tal-applikazzjoni tal-ftehim, bl-imsemmi operatur jassumi l-obbligu li jimplementa l-ftehim fir-rigward tal-assigurati li jitolbu s-servizzi tiegħu u bl-imsemmi fond ikun l-uniku wieħed li jħallas is-servizzi ta’ dan l-istess operatur, għandu jiġi kkunsidrat bħala “qafas ta’ ftehim” skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18.


(1)  ĠU C 235, 6.10.2007