16.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 113/5 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Düsseldorf — Il-Ġermanja) — Mitsui & Co. Deutschland GmbH vs Hauptzollamt Düsseldorf
(Kawża C-256/07) (1)
(Kodiċi Doganali Komunitarju - Rifużjoni ta’ dazji doganali - Artikolu 29(1) u (3)(a) - Valur għal skopijiet doganali - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 145(2) u (3) - Teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur doganali, tal-ħlasijiet li jkunu saru mill-bejjiegħ b’applikazzjoni ta’ obbligu ta’ garanzija previst mill-kuntratt ta’ bejgħ - Applikazzjoni fiż-żmien - Regoli sostantivi - Regoli proċedurali - Retroattività ta’ regola - Validità)
2009/C 113/08
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Mitsui & Co. Deutschland GmbH
Konvenuta: Hauptzollamt Düsseldorf
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Düsseldorf — Interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1) u (3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 145(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002 tal-11 ta’ Marzu 2002 (ĠU L 68, p. 11 — Validità ta’ dawn l-aħar dispożizzjonijiet safejn japplikaw retroattivament ukoll għall-importazzjonijiet li għalihom id-dikjarazzjoni doganali ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002 — Teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata, tal-ħlasijiet magħmula mill-bejjiegħ bis-saħħa ta’ obbligu ta’ garanzija, previst mill-kuntratt tal-bejgħ, sabiex tħallas lura lix-xerrej l-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizzi ta’ garanzija li dan tal-aħħar kellu jipprovdi lix-xerrejja tiegħu stess minħabba n-natura difettuża tal-merkanzija.
Dispożittiv
1) |
L-Artikolu 29(1) u (3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 145(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002 tal-11 ta’ Marzu 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ladarba difetti li jaffetwaw merkanzija, li jirriżultaw wara r-rilaxx ta’ din il-merkanzija iżda fejn jiġi pprovat li dawn id-difetti kienu jeżistu qabel ir-rilaxx, jagħtu lok, bis-saħħa ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija, għal rimborsi ulterjuri mill-bejjiegħ-manifattur favur ix-xerrej, liema rimborsi jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ tiswija ffatturati mid-distributuri tiegħu stess, dawn ir-rimborsi jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-valur ta’ tranżazzjoni ta’ din il-merkanzija u, b’hekk, tal-valur doganali tagħhom, valur iddikjarat abbażi tal-prezz inizzjalment miftiehem bejn il-bejjiegħ-manifattur u x-xerrej. |
2) |
L-Artikolu 145(2) u (3) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat mir-Regolament Nru 444/2002, ma japplikax għall-importazzjonijiet li d-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom ġew aċċettati qabel id-19 ta’ Marzu 2002. |