Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) tat-22 ta’ Frar 2008 – Base vs Il-Kummissjoni (Kawża T-295/06)

“Rikors għal annullament – Telekomunikazzjonijiet – Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE – Suq bl-ingrossa tat-terminazzjoni ta’ sejħa telefonika bil-vuċi fuq in-netwerks mobbli individwali fil-Belġju – Saħħa sinjifikattiva fis-suq – Ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

1.                     Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti (Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikoli 7(2) sa (5), 8(3)(d), u 16(4)) (ara l-punti 56, 62-63, 66-69)

2.                     Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati (Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 7(3) u (4)) (ara l-punti 75-78)

3.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Kriterji (Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 7(3) u (5)) (ara l-punti 119-121)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Awwissu 2006, indirizzata lill-Institut belge des services postaux et des télécommunications u li fiha jinsabu kummenti, magħmula skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (ĠU L 108, p. 33), dwar abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat mill-imsemmi istitut (Każ BE/2006/0433).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)

Base NV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)

Mobistar SA u r-Renju ta’ l-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.