SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-Appell)

5 ta’ Marzu 2008

Kawża T-414/06 P

Philippe Combescot

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Inammissibbiltà tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Terminu għall preżentata ta’ rikors”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tad-19 ta’ Ottubru 2006, Combescot vs Il-Kummissjoni (F-114/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. P. Combescot huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Termini – Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ l-ilment adottata fit-terminu mogħti għal risposta, iżda mhux innotifikata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(3))

Fis-sistema ta’ rimedji stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, ladarba jiskadi t-terminu ta’ erba’ xhur għal risposta, imsemmi fl-Artikolu 90(2), in-nuqqas ta’ notifika ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda adottata matul dan it-terminu huwa ekwivalenti għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li minnha jibda jiddekorri terminu ta’ tliet xhur għall-preżentata ta’ rikors.

Din il-konklużjoni hija għal kollox konformi ma’ l-għan tat-termini sabiex jitressaq ilment u jiġi ppreżentat rikors, li huma intiżi sabiex iħarsu, fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, iċ-ċertezza legali, li hija indispensabbli sabiex dawn joperaw tajjeb, billi tiġi evitata l-kontestazzjoni b’mod indefinit ta’ l-atti Komunitarji li jagħtu lok għal effetti legali. Dawn it-termini huma ta’ ordni pubbliku u mhumiex fid-diskrezzjoni tal-partijiet u tal-qorti.

Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tippreġudika bl-ebda mod id-dritt għall-protezzjoni legali ta’ l-uffiċjal, u lanqas id-drittijiet tad-difiża tiegħu li huma ssalvagwardati biżżejjed u adegwatament protetti permezz tal-possibbiltà, għall-uffiċjal, li jippreżenta rikors kontra l-att li jikkawżalu preġudizzju, f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tingħata d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ l-ilment.

(ara l-punti 39, 43 u 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-KEE u tal-KEEA, 79/70, Ġabra p. 689, punt 18; Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Frar 1972, Richez-Parise vs Il-Kummissjoni, 40/71, Ġabra p. 73, punt 6; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il-Kummissjoni, 227/83, Ġabra p. 3133, punt 12