Keywords
Summary

Keywords

1. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Użu tad-data disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 18)

2. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-informazzjoni finali mill-Kummissjoni lill-impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru384/96, Artikolu 20(2) u (4))

3. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping — Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw l-informazzjoni tal-impriżi kkonċernati — Dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(5))

4. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(2))

5. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10))

Summary

1. L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 jittrasponi, fid-dritt Komunitarju, il-kontenut tal-punt 6.8 u tal-Anness II tal-Ftehim dwar l‑implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994, fid-dawl ta’ liema għandu jiġi interpretat sa fejn possibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikors għal data disponibbli huwa ġġustifikat meta impriża tirrifjuta li tikkoopera jew meta hija tagħti informazzjoni falza jew qarrieqa, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku ma tirrikjedix aġir intenzjonali.

Fil-fatt, il-livell tal-isforzi magħmula minn persuna kkonċernata sabiex tippreżenta ċerta informazzjoni mhux bilfors huwa marbut mal-kwalità sostanzjali tal‑informazzjoni mogħtija, u fi kwalunkwe każ, ma huwiex l-uniku element li jista’ jistabbilixxi dan. Għaldaqstant, meta l-informazzjoni mitluba, finalment, ma tinkisibx, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrikorri għad-data disponibbli fir‑rigward tal-informazzjoni mitluba.

Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li, meta l-informazzjoni mogħtija ma hijiex l-aħjar waħda possibbli f’kull aspett, xorta ma għandhiex tiġi injorata, sakemm ma hijiex tali li tagħmilha eċċessivament diffiċli li jintlaħqu konklużjonijiet korretti b’mod raġonevoli, tingħata kif xieraq f’qasir żmien, tkun tista’ tiġi vverifikata u l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’. Il-fatt li tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’ jikkostitwixxi għalhekk waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il‑Kummissjoni tkun obbligata tikkunsidra l-informazzjoni defiċjenti.

Għaldaqstant, meta produttur suġġett għal investigazzjoni antidumping, minkejja l-fatt li huwa kellu l-volum totali tal-esportazzjonijiet tiegħu lejn is-suq Komunitarju, matul il-proċedura amministrattiva jagħti lill-Kummissjoni data dwar il-bejgħ tiegħu għall-esportazzjoni li hija inkonsistenti, huwa ma jistax jitqies li aġixxa bl-aħjar mod li seta’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkunsidra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, listi ta’ bejgħ lejn is-suq Komunitarju peress li l-użu tald-data kollha hemm inkluża kien neċessarjament wassal għal riżultat żbaljat.

(ara l-punti 103-106)

2. L-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika antidumping u tad-dannu li jirriżulta minnha.

3. F’dan il-kuntest, in-natura inkompleta tal-informazzjoni finali mitluba mill-partijiet skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 twassal biss għall-illegalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi jekk, minħabba din l-omissjoni, dawn il-partijiet ikkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu kif suppost l-interessi tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji u li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fl-informazzjoni finali skont l-imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa wkoll il-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill‑Kunsill wara l-komunikazzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tal-imsemmi regolament bażiku.

Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha wara li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew il-kummenti dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu deċiżjonijiet ulterjuri. Din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l‑obbligu li tikkomunika, mill-iktar fis possibbli, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom huwa bbażat l-approċċ inizjali inkluż fid‑dokument finali ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il‑Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill‑aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkomunikatilhomx il-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet użati għall-finijiet tal-analiżi l-ġdida dwar id-dannu u dwar il-forma tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi eliminat id-dannu, sakemm il-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet huma differenti minn dawk użati fid-dokument finali ta’ informazzjoni.

(ara l-punti 134, 135, 140, 141)

4. Il-Kummissjoni, billi tat lill-produttur suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, terminu ta’ inqas minn għaxart ijiem sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar id‑dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kisret l-Artikolu 20(5) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96. Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tistax twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat. Fil‑fatt, fil-proċedura inkwistjoni, għad hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit illi minħabba l-fatt li t-terminu għad-dispożizzjoni kien iqsar mit-terminu legali, dan kien ta’ natura li affettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

(ara l-punt 147)

5. L-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix sanzjoni għal aġir preċedenti, iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l‑investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping.

Meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li sa issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

(ara l-punti 157, 158)

6. Fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, meta l-prodott ikkonċernat ikun fih sensiela wiesgħa ta’ oġġetti li għandhom differenzi kunsiderevoli fir-rigward tal‑karatteristiċi u tal-prezzijiet tagħhom, jista’ jkun meħtieġ li jingħaqdu taħt kategoriji li huma ftit jew wisq omoġeni. L-għan ta’ dan huwa sabiex ikun jista’ jkun hemm paragun xieraq bejn prodotti paragunabbli u b’hekk jiġi evitat kalkolu żbaljat tal-marġni ta’ dumping u tad-dannu minħabba paraguni mhux xierqa.

(ara l-punt 172)