SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Torre Albéniz — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti TORRES — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-Kawża T-287/06,

Miguel Torres, SA, stabbilita f’Vilafranca del Penedés (Spanja), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri, M. Baz de San Ceferino u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño u J. García Murillo, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni), intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Bodegas Peñalba Lopez SL, stabbilita f’Aranda de Duero (Spanja), irrappreżentata minn Calderón Chavero, T. Villate Consonni u M. Yañez Manglano, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-27 ta’ Lulju 2006 (Każ R 597/2004-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Miguel Torres SA u Bodegas Peñalba Lopez SL,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President, D. Šváby u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Ottubru 2006,

wara li rat ir-risposta tal-Uffiċċju ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Jannar 2007,

wara li rat il-bidla tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara li rat l-għażla ta’ Imħallef ieħor sabiex tkun kompletata l-Awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha

wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-1 ta’ Ġunju 1999, Maria del Pilar Pérez Albéniz Iglesias ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2

It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

Il-prodotti u servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 32, 33 u 39 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 32: “Birer, ilmijiet minerali u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”;

klassi 33: “Inbejjed”;

klassi 39: “Servizzi ta’ ħażna, distribuzzjoni, trasport, depożitar, ippakkjar u mmballar ta’ merkanzija diversa”.

4

Matul il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ittrasferita lill-intervenjenti, Bodegas Peñalba López SL. Din tal-aħħar illimitat l-applikazzjoni għal prodotti fil-klassi 33 u għas-servizzi fil-klassi 39.

5

L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 72/00 tal-11 ta’ Settembru 2000.

6

Fil-11 ta’ Diċembru 2000, ir-rikorrenti, Miguel Torres, SA, ippreżentat oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

7

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet preċedenti segwenti:

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 2783 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-1 ta’ Frar 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 376681 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tas-27 ta’ Settembru 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 376947 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-14 ta’ Settembru 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 462267 tat-trade mark verbali VIÑA LAS TORRES, tat-3 ta’ Frar 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)];

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 466839 tat-trade mark verbali GRAN TORRES, tal-1 ta’ Frar 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)];

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 466896 tat-trade mark verbali TORRES 10, tat-12 ta’ Frar 1997, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)];

ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 466912 tat-trade mark verbali 5 TORRES, tal-1 ta’ Frar 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)];

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2234398 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-20 ta’ Settembru 1999, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)];

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 18132 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tas-7 ta’ Jannar 1911, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 35802 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-8 ta’ April 1920, għal prodotti fil-klassi 33 [brandies, spirti u likuri (minbarra inbejjed)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 149441 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-13 ta’ Ottubru 1947, għal prodotti fil-klassijiet 30, 32 u 33 [inbejjed, enoloġija, mosti, birer u ħall):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1677345 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-5 ta’ Ottubru 1992, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer) b’mod partikolari l-brandi]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1751690 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-20 ta’ Lulju 1993, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer) b’mod partikolari l-brandi]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1677346 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-3 ta’ Marzu 1995, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer) u b’mod partikolari l-brandi]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1718386 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-5 ta’ April 1994, għal prodotti fil-klassi 33 (brandi):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1787982 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-3 ta’ April 1996, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 397808 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-11 ta’ Mejju 1963, għal prodotti fil-klassijiet 1, 30, 32 u 33 [inbejjed frizzanti, enoloġija, inbejjed, mosti, birer, ħall u tartru għall-ipproċessar tal-inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 400056 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tas-17 ta’ Jannar 1963, għal prodotti fil-klassi 33 [kull tipi ta’ inbid, minbarra inbejjed tal-mejda bojod, mhux ħelwin, li għandhom karatteristiċi simili għal dawk tar-Rhine):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 529931 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-2 ta’ Settembru 1968:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 592542 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-21 ta’ Settembru 1971, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 592543 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-8 ta’ Jannar 1972, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1119998 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-20 ta’ Ġunju 1986, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1119999 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-5 ta’ Frar 1987, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1172809 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-5 ta’ Jannar 1989, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer)]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1938607 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-5 ta’ Marzu 1996, għal prodotti fil-klassi 33 [xorb alkoħoliku (minbarra birer) b’mod partikolari l-brandi]:

Image

ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 715533 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-11 ta’ Novembru 1976 għal prodotti fil-klassi 33 (spirti u likuri):

Image

ir-reġistrazzjoni fir-Renju Unit B 857391 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-3 ta’ Diċembru 1963 għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Irlandiża B 87182 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tas-17 ta’ Lulju 1974, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed):

Image

ir-reġistrazzjoni Żvediża Nru 238430 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-31 ta’ Lulju 1992, għal prodotti fil-klassi 33 (il-prodotti kollha, b’mod partikolari l-inbejjed, l-inbejjed frizzanti, il-brandies u l-likuri):

Image

ir-reġistrazzjoni Finlandiża Nru 33633 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tat-22 ta’ Awwissu 1977, għal prodotti fil-klassi 33 (inbejjed, alkoħol u likuri):

Image

ir-reġistrazzjoni fir-Renju Unit Nru 113347 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tas-17 ta’ Ottubru 1995:

Image

ir-reġistrazzjoni Daniża Nru 1373 tat-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt, tal-11 ta’ April 1964:

Image

8

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade marks preċedenti u kienet intiża biss kontra l-prodotti “inbejjed” fil-klassi 33 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

9

Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2004 u fuq bażi ta’ paragun li sar bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti TORRES Nru 2783 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”), id-diviżjoni tal-oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni, billi qieset li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni minħabba l-identiċità tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks, ċertu xebh viżiv (rappreżentazzjoni ta’ torri u l-kelma “torres”) u fonetiku (is-sillabi “to” u “rre”) u l-fama tat-trade mark preċedenti.

10

Fis-16 ta’ Lulju 2004, l-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-oppożizzjoni.

11

Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-oppożizzjoni, minħabba li l-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni ma kinitx sodisfatta u għalhekk ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom.

12

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b’mod partikolari, li l-fatt li l-kelma “torre” titqiegħed fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jagħtihiex karattru dominanti meta mqabbel mal-elementi l-oħra tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta mill-unità loġika u kunċettwali magħmula mill-għaqda taż-żewġ kelmiet, “torre” u “albéniz”, u din tal-aħħar tindividwalizza lit-torri, u għalhekk għandha karattru dominanti fl-imsemmija trade mark (punti 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll li, għalkemm ir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti ssaħħaħ il-karattru distintiv tagħha, madankollu din fl-ebda ċirkustanza ma ssaħħaħ il-karattru distintiv tal-element identiku jew simili ta’ trade mark kumplessa, b’tali mod li dan l-element isir dominanti fl-impressjoni globali mogħtija mill-imsemmija trade mark, peress li dan l-element, flimkien mal-komponenti l-oħra, jifforma unità loġika u kunċettwali inseparabbli, kompletament differenti u mhux assoċjabbli mat-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade marks inkwistjoni kienu jagħtu impressjoni globali differenti, li l-koinċidenza tal-element “torre” fuq il-livell fonetiku kienet ikkumpensata mill-element “albéniz” u li, fuq il-livell kunċettwali, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha tvarja skont jekk ikunx jaf jew le t-tifsira tal-kelma “torre”. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dawk li jifhmu t-tifsira ta’ din il-kelma, teżisti differenza kunċettwali, filwaqt li għal dawk li ma jagħtu ebda tifsira għal kelma “torre”, ix-xebh kunċettwali mhuwiex rilevanti wisq (punti 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

It-talbiet tal-partijiet

13

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Uffiċċju għall-ispejjeż.

14

L-Uffiċċju jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15

L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

L-argumenti tal-partijiet

16

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

17

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq tliet żbalji fl-applikazzjoni tar-regoli żviluppati mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel nett, huwa injora l-fama tat-trade marks preċedenti waqt id-determinazzjoni tal-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. It-tieni nett, huwa ma wettaqx din l-evalwazzjoni abbażi tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (il-konsumatur medju fl-Unjoni Ewropea), imma sempliċement abbażi tal-perċezzjoni ta’ grupp żgħir ta’ konsumaturi (il-konsumaturi Spanjoli, Taljani u Portugiżi). It-tielet nett, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks tar-rikorrenti kienu jikkostitwixxu “familja ta’ trade marks” jew “serje ta’ trade marks”.

18

Dan il-motiv huwa bbażat fuq erba’ premessi. L-ewwel nett, il-fama li jgawdi s-sinjal TORRES fl-Unjoni kollha ssaħħaħ il-karattru distintiv tal-element li huwa komuni għas-sinjali inkwistjoni u għalhekk isir dominanti. It-tieni nett, fir-rigward tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom, is-sinjali inkwistjoni jippreżentaw identiċità u xebh fuq livell fonetiku u viżiv. It-tielet nett, il-fama tas-sinjal TORRES, miżjuda mal-identiċità tal-prodotti, issaħħaħ il-ius prohibendi tat-trade marks preċedenti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Ir-raba’ nett, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tiżdied minħabba l-eżistenza ta’ “familja ta’ trade marks” li tinkludi l-element verbali “torres” u l-element grafiku ta’ torri wieħed jew iktar.

19

Fir-rigward tal-ewwel premessa, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-fama u tat-tixrid tas-sinjal TORRES fl-Unjoni kollha, l-element “torre” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa pperċeput mill-konsumatur rilevanti bħala l-element dominanti fl-impressjoni globali li tagħti l-imsemmija trade mark.

20

Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza u għad-duttrina Spanjola, ir-rikorrenti ssostni li, l-istess bħalma l-fama ta’ trade mark preċedenti ssaħħaħ il-protezzjoni tagħha u l-karattru distintiv tagħha, hija ssaħħaħ ukoll il-karattru distintiv tal-element identiku jew simili ta’ trade mark li għaliha saret applikazzjoni li hija trade mark komposta.

21

It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li d-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkostitwixxi unità loġika u kunċettwali inseparabbli, hija rilevanti biss fi Spanja, fil-Portugall, u fl-Italja, pajjiżi fejn it-tifsira tat-trade marks inkwistjoni hija mifhuma jew tista’ tinftiehem. Fil-pajjiżi l-oħra fejn it-trade marks TORRES huma rreġistrati wkoll, il-kliem “torre” u “albéniz” m’għandhom ebda tifsira speċifika u għalhekk diffiċilment jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw tassew unità loġika u kunċettwali.

22

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-unità loġika u kunċettwali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tikkontradixxi l-pożizzjoni li l-istess bord adotta fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata fejn ġie deċiż li kienet il-kelma “albéniz” li tindividwalizza t-torri li tiddeskrivi u li għalhekk għandha rwol dominanti u distintiv fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-konsumaturi rilevanti la se jifhmu t-tifsira ta’ din il-kelma u lanqas jassoċjawha mal-mużiċist Spanjol Albéniz.

23

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-argument li t-trade mark preċedenti mhijiex identika għall-element “torre” minħabba n-nuqqas tal-ittra “s” fiha, huwa argument dgħajjef, peress li l-ittra “s” tindika l-plural, iżda ma tbiddel b’ebda mod is-sens sostantiv.

24

Fl-aħħar nett, hija tikkunsidra li minkejja li l-pożizzjoni ta’ wieħed mill-komponenti ta’ trade mark kumplessa mhuwiex kriterju deċisiv sabiex jiġi ddeterminat l-element dominanti, madankollu l-pożizzjoni tal-komponenti għandha rwol fl-evalwazzjoni tal-konsumaturi li jafu l-kelma “torres” jew li huma familjari magħha. Dawn il-konsumaturi jkollhom tendenza li jqassru t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u essenzjalment jagħtu każ tal-kelma “torre”. Fil-fatt, il-fama tat-trade marks preċedenti TORRES u l-pożizzjoni tal-kelma “torre” fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni twassal sabiex il-konsumatur rilevanti jagħti każ, b’mod partikolari, ta’ din il-kelma (“torre”).

25

Fir-rigward tat-tieni premessa, ir-rikorrenti tagħmel paragun effettiv bejn is-sinjali inkwistjoni billi tibbaża ruħha, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, fuq is-sinjali li ġew imqabbla mid-diviżjoni tal-oppożizzjoni u mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom; minn dan hija tiddeduċi li s-sinjali inkwistjoni għandhom xebh fonetiku u identiċità viżiva, madankollu mingħajr ma għandhom differenzi kunċettwali li jistgħu jinnewtralizzawhom.

26

Fuq il-livell viżiv, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-inbid, l-impressjoni globali tat-trade marks ta’ dan il-prodott hija essenzjalment iddeterminata mill-elementi verbali tagħhom, filwaqt li l-elementi figurattivi huma inqas importanti. Konsegwentement, ix-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni, li jirriżulta mill-element verbali komuni “torre(s)”, mhuwiex innewtralizzat mill-element grafiku (ir-rappreżentazzjoni ta’ torri) inkluż fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonstata li kważi t-tikketti tax-xorb kollha fil-klassi 33 li jinsabu fis-suq jinkludu elementi dekorattivi li huwa diffiċli li wieħed jiftakar fihom meta jitlob il-prodott.

27

Sussegwentement, hija ssostni li r-rappreżentazzjoni ta’ torri, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tidher fit-trade marks preċedenti kollha tar-rikorrenti, li numru minnhom jinkludu, bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rappreżentazzjoni ta’ torri wieħed. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-element figurattiv fih innifsu jsaħħaħ l-element verbali komuni “torre(s)” permezz tar-rappreżentazzjoni tal-immaġni ta’ torri.

28

Fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti tosserva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kważi tinkludi t-trade mark kollha preċedenti, bl-unika differenza tkun l-aħħar ittra “s”. Hija ssostni li l-koinċidenza tas-sillabi “to” u “rre(s)”, enfasizzata mill-pożizzjoni tagħhom fil-bidu taż-żewġ trade marks inkwistjoni, tagħtihom setgħa ta’ attrazzjoni iktar qawwija mis-sillabi “al”, “bé” u “niz”. Barra minn hekk, is-sillabi “to” u “rre(s)” huma l-iżjed diffiċli sabiex jiġu artikolati mill-konsumatur rilevanti, minħabba l-ittra “r” doppja, u li għalhekk l-iżjed li raġonevolment ser jiġbdu l-attenzjoni tiegħu.

29

Fir-rigward tad-differenza kunċettwali, ir-rikorrenti tqis li hija ma tinnewtralizzax ix-xebh fonetiku u, b’mod iktar limitat, viżiv li jeżisti bejn it-trade marks inkwistjoni. Safejn il-maġġoranza tal-konsumaturi rilevanti (il-konsumaturi Awstrijaċi, Ġermaniżi, Olandiżi, Ingliżi, Belġjani, Daniżi, Finlandizi, Franċiżi, eċċ.) ma jafux it-tifsira tal-kelma “torre” jew tal-plural “torres”, il-paragun kunċettwali tas-sinjali mhuwiex rilevanti wisq. L-uniku sinjifikat kunċettwali possibbli tas-sinjali inkwistjoni f’dawn it-territorji huwa, sewwasew, dak tat-trade mark preċedenti, u dan minħabba t-tixrid tagħha, il-fama tagħha u l-preżenza tagħha fit-territorji rilevanti u peress li din tikkonċerna t-terminu li jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati.

30

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni wkoll li, minkejja li huwa minnu li, għall-konsumaturi Spanjoli, Taljani u Portugiżi, l-element kunċettwali jikkostitwixxi fattur rilevanti fix-xebh tat-trade marks inkwistjoni, il-perċezzjoni kunċettwali minn dan il-grupp ta’ konsumaturi, tkun xi tkun, ma taffettwax l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni tat-trade marks mill-ikbar numru ta’ konsumaturi. Billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ssostni li, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti waħda tal-Komunità Ewropea hija biżżejjed sabiex ikun jista’ japplika l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

31

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex issostni li, fil-każ fejn waħda miż-żewġ kelmiet li waħedhom jikkostitwixxu trade mark verbali hija identika, fuq il-livell viżiv u fuq il-livell fonetiku, għall-kelma waħda biss li tikkostitwixxi trade mark preċedenti, u fil-każ fejn dawn il-kliem, meħudin flimkien jew waħedhom, m’għandhom ebda sinjifikat għall-pubbliku kkonċernat fuq il-livell kunċettwali, it-trade marks inkwistjoni, kull waħda minnhom ikkunsidrata globalment, għandhom normalment jitqiesu bħala simili fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

32

Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ir-rikorrenti tqis, minn naħa, li r-rikonoxximent tal-fama tas-sinjal TORRES fl-Unjoni kollha jimplika protezzjoni ikbar u karattru distintiv iktar b’saħħtu tat-trade marks TORRES, probabbiltà ta’ konfużjoni ikbar u rigorożità ikbar fil-paragun ta’ bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

33

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni huma identiċi jikkonferma d-deċiżjoni li s-sinjali inkwistjoni huma simili u jixxiebhu, peress li dawn it-trade marks huma ppreżentati fl-istess settur tal-produzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-konsum.

34

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma jistax jiġi ddikjarat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li l-konsumatur tal-inbid huwa konsumatur speċjalizzat li jista’ jagħmel differenza bejn it-trade marks mingħajr diffikultà, peress li l-inbid huwa prodott ikkonsmat minn persuni ta’ kull klassi soċjali u li għandhom edukazzjoni differenti. Hemm konsumaturi speċjalizzati, iżda hemm oħrajn li jixtru tali inbid peress li jkunu familjari mat-trade mark.

35

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma jistax jiċħad l-effetti tas-sentenzi mogħtija minn qrati Spanjoli f’kawżi simili għal dik inkwistjoni.

36

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-probabbiltà ta’ konfużjoni li teżisti bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks famużi tar-rikorrenti ġiet rikonoxxuta fuq livell Komunitarju, f’każ simili, fejn tqajmet il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ koeżistenza tat-trade marks TORRES u r-referenza għall-oriġini komposta mill-frażi “torres vedras”.

37

Barra minn hekk u indipendentement mir-riżultat tal-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ “familja ta’ trade marks” jew ta’ “serje ta’ trade marks” li jinkludu l-element verbali “torres” u r-rappreżentazzjoni ta’ torri jew torrijiet iżżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

38

Fil-fatt, dawn it-trade marks huma kollha komposti minn żewġ elementi komuni: il-kelma “torres” u r-rappreżentazzjoni ta’ torri jew torrijiet; uħud minnhom jinkludu wkoll element addizzjonali sabiex jiġi identifikat il-prodott partikolari inkwistjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-element “torre” u r-rappreżentazzjoni ta’ torri fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinkoraġġixxu b’mod naturali lill-konsumatur sabiex jikkunsidra din it-trade mark bħala li tifforma parti mill-familja tat-trade marks tar-rikorrenti.

39

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI — Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE) (T-194/03, Ġabra p. II-445), ir-rikorrenti tqis li hija ssodisfat iż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi rikonoxxut l-effett tal-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni, jiġifieri, minn naħa, l-użu u l-preżenza fis-suq tat-trade marks kollha li jagħmlu parti mill-familja u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, u min-naħa l-oħra, il-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-element fundamentali li jiġbed l-attenzjoni u li jidentifika l-familja tat-trade marks.

40

L-Uffiċċju u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41

Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn hija protetta t-trade mark preċedenti.

42

Skont ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi konnessi ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 u 31].

43

Din l-evalwazzjoni globali tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għarfien tat-trade mark fis-suq, kif ukoll il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. F’dan ir-rigward, hija timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod li grad ta’ xebh baxx bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat bi grad ta’ xebh għoli bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

44

Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti tagħha (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus bħala normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

45

Fil-kawża inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji tal-Istati Membri li fihom is-sinjal preċedenti jibbenefika minn protezzjoni.

46

L-identiċità tal-prodotti inkwistjoni mhijiex ikkontestata mill-partijiet.

Fuq ix-xebh tas-sinjali

47

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2006, Torres vs UASI- Bodegas Muga (Torre Muga), T-247/03, Ġabra p.II-51, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, trade mark komposta tista’ titqies li hija simili għal trade mark oħra, li hija identika jew simili għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark komposta, biss jekk dak il-komponent jifforma l-element dominanti fl-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark komposta. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (ara s-sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, m’għandux sempliċement jittieħed inkunsiderazzjoni wieħed mill-komponenti ta’ trade mark kumplessa u jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, dan il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda meqjusa fl-intier tagħha (ara s-sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fil-kawża inkwistjoni, it-trade mark preċedenti hija komposta mill-kelma “torres”, miktuba b’ittri kapitali u misjuba taħt emblema li fuqha hemm irrappreżentati tliet torrijiet, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn rappreżentazzjoni ta’ torri wieħed li taħtu tinsab il-frażi “torre albéniz”, miktuba bil-korsiv u bid-daqs tal-karattri partikolari.

51

Għall-finijiet tal-paragun tas-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti ppreżentat diversi argumenti intiżi sabiex isostnu li l-kelma “torre” tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fid-dawl tal-importanza ta’ dan il-fattur fl-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali, għandhom jiġu eżaminati dawn l-argumenti qabel ma jsir il-paragun tas-sinjali inkwistjoni.

Fuq il-karattru dominanti tal-element “torre” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

52

Fir-rigward tal-effett li jista’ jkollu r-rikonoxximent tal-fama tas-sinjal TORRES fuq l-identifikazzjoni tal-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, konsegwentement, fuq ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-fama ta’ trade mark preċedenti tista’, skont il-każ, issaħħaħ il-karattru distintiv tal-element identiku jew simili ma’ trade mark kumplessa b’mod li dan isir l-element dominanti tagħha.

53

Madankollu, dan ma japplikax għall-kawża preżenti.

54

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-fama tat-trade marks preċedenti TORRES fl-Unjoni kollha kif ukoll il-pożizzjoni tal-kelma “torre” fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom iwasslu lill-konsumatur rilevanti sabiex, b’mod partikolari, jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq din il-kelma u jinjora l-elementi l-oħra li jiffurmaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, sabiex jiġi evalwat il-karattru dominanti ta’ element wieħed jew iktar ta’ trade mark komposta, il-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fil-forma ta’ din it-trade mark tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod aċċessorju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 35), madankollu, din il-pożizzjoni relattiva f’ebda ċirkustanza ma tagħti karattru dominanti lil element wieħed ta’ trade mark, b’tali mod li tagħmel insinjifikanti l-elementi l-oħra li jiffurmaw din it-trade mark (sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

55

Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-kelma “torre” hija l-ewwel kelma fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tirrendix it-tieni kelma, jiġifieri “albéniz”, insinjifikanti fl-impressjoni globali li tagħti l-imsemmija trade mark, b’mod partikolari, fuq il-livelli fonetiċi u kunċettwali. Kuntrarjament, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta, b’mod determinanti, mill-għaqda tal-kliem “torre” u “albéniz”, li flimkien jiffurmaw tassew unità loġika u kunċettwali. Għaldaqstant, anke jekk it-trade mark preċedenti kienet famuża, l-eżistenza ta’ elementi oħra li jiffurmaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu injorati.

56

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li konsumatur medju normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat jinjora sistematikament it-tieni parti tal-element verbali ta’ trade mark sal-punt li jimmemorizza biss l-ewwel parti tagħha, kif issostni r-rikorrenti.

57

Dan jgħodd b’mod partikolari fil-każ tas-settur tax-xorb alkoħoliku, fejn il-konsumaturi huma mdorrija għall-fatt li l-prodotti li huma ta’ sikwit deskritti minn trade marks magħmula minn bosta elementi verbali (sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

58

Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sinjal preċedenti famuż TORRES mhuwiex identiku għall-element “torre” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li dan tal-aħħar ma jintemmx bl-ittra “s”. Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, l-element verbali “torre” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa komunament użat sabiex jiddeskrivi l-prodotti kkonċernati, u min-naħa l-oħra, din il-kelma hija użata flimkien mal-element “albéniz”, b’mod li tifforma ma’ din tal-aħħar unità loġika u kunċettwali determinanti fir-rigward tal-kapaċità tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li tiddistingwi l-prodotti li hija tiddeskrivi. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kelma “torre” tirrendi l-komponenti l-oħra tat-trade mark irrilevanti fl-impressjoni globali mogħtija minnha, minkejja li dan l-element jirrappreżenta ċertu grad ta’ xebh mas-sinjal tabilħaqq distintiv TORRES (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

59

Fir-rigward, sussegwentement, tal-allegata kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-frażi inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tifforma tassew unità loġika u kunċettwali u, min-naħa l-oħra, l-konstatazzjoni tagħha li tgħid li l-kelma “albéniz” tokkupa pożizzjoni dominanti u distintiva fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti għandu jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala unità sintattika, indipendentement minn jekk jifhimx jew le din il-frażi. Għall-parti waħda minn dan il-pubbliku, b’mod partikolari, għall-Ispanjoli, għall-Portugiżi jew għat-Taljani, li jifhmu t-tifsira ta’ dawn il-kliem jew frażijiet, huwa probabbli li l-kelma “torre” tkun inqas sinjifikanti u li t-tieni parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tintroduċi speċifiċità u tevoka post jew persuna, hija iktar dominanti.

60

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ dritt meta naqas milli jirrileva li l-kelma “torre” kienet l-element dominanti fl-impressjoni mogħtija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

Fuq ix-xebh viżiv

61

Mill-aspett viżiv, minkejja li mill-paragun ta’ bejn is-sinali inkwistjoni tirriżulta koinċidenza bejn l-ewwel ħames ittri tal-element uniku tas-sinjal TORRES u l-element “torre” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata, b’mod korrett, li l-impressjoni viżiva globali mogħtija minn kull sinjal inkwistjoni kienet differenti.

62

Fil-fatt, qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-element “torre” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhuwiex identiku għas-sinjal TORRES, peress li dan tal-aħħar jintemm bl-ittra “s” li tindika l-plural.

63

Sussegwentement, filwaqt li t-trade mark preċedenti hija komposta mill-kelma “torres”, miktuba b’ittri kbar u li tinsab taħt emblema li fuqha hemm irrappreżentati tliet torrijiet, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mir-rappreżentazzjoni ta’ torri li taħtu hemm il-frażi “torre albéniz”, miktuba bil-korsiv u bid-daqs ta’ karattri partikolari.

64

Minkejja li jista’ jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element figurattiv jassumi karattru sussidjarju meta mqabbel mal-element verbali, li huwa iktar adattat sabiex jiddistingwi l-prodotti koperti u jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, għandu jingħad li l-uniku element verbali “torre albéniz” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa, f’kull każ, suffiċjentement distint mis-sinjal TORRES sabiex, fuq il-livell viżiv, il-konsumatur aktar jipperċepixxi d-differenzi milli l-aspetti simili. Din il-konklużjoni mhijiex influwenzata mill-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-pubbliku jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq l-ewwel parti tal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn tal-inqas bl-istess rigorożità bħal ma jagħmel fir-rigward tat-tieni parti tagħha.

Fuq ix-xebh fonetiku

65

Fuq il-livell fonetiku, għandu jiġi osservat li s-sinjal preċedenti jikkonsisti f’kelma waħda, komposta minn żewġ sillabi “to” u “rres”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi żewġt kelmiet li jirrappreżentaw total ta’ ħames sillabi, jiġifieri “to”, “rre”, “al”, “bé” u “niz”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċirkustanza li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi kważi t-trade mark preċedenti kollha, minbarra l-ittra finali “s”, mhijiex iktar importanti mid-differenzi fonetiċi bejn is-sinjali meta kull wieħed minnhom jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell iddeċieda, b’mod korrett, li s-sinjali inkwistjoni kienu ċertament differenti fuq il-livell fonetiku.

66

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti dwar dan il-punt.

67

Anke jekk ma jistax jiġi nnegat il-fatt li parti waħda miż-żewġ trade marks inkwistjoni hija tabilħaqq simili, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza hija nnewtralizzata minn differenzi fonetiċi manifesti bejn iż-żewġ sinjali, kemm fuq il-livell tan-numru ta’ sillabi ppronunzjati kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-preżenza tal-kelma “albéniz”.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-koinċidenza tas-sillabi “to” u “rre(s)”, allegatament enfasizzata mill-pożizzjoni tagħhom fil-bidu taż-żewġ trade marks inkwistjoni, tagħtihom setgħa ta’ attrazzjoni iktar qawwija li hija msaħħa mill-fatt li l-artikolazzjoni tas-sillabi “to” u “rre(s)” hija iktar diffiċli mill-artikolazzjoni tal-kelma l-oħra li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Kif ġie rrilevat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-kliem “torre” u “albéniz” jiffurmaw tassew unità loġika u kunċettwali. Madankollu, l-ebda argument ma ġie ppreżentat li jwassal għall-konklużjoni li din l-unità tista’ tiddgħajjef b’mod sinjifikanti bil-pronunzja tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma sostniet l-allegazzjoni li s-sillabi “to” u “rre(s)” huma l-iżjed diffiċli li jiġu ppronunzjati mill-konsumaturi rilevanti, minħabba l-ittra “r” doppja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-parti l-kbira tat-territorji rilevanti, hemm kliem li għandu “r” doppja, u għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li hemm diffikultà fil-pronunzja ta’ dan il-ħoss. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-pronunzja tas-sillaba “bé”, fil-kelma “albéniz” hija aċċentata u ma tistax tiġi injorata fil-fonetika globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Dan japplika wkoll għall-aħħar sillaba “niz”.

Fuq ix-xebh kunċettwali

69

Rigward ix-xebh kunċettwali, għandha ssir distinzjoni bejn l-impressjoni mogħtija mis-sinjali inkwistjoni fil-pajjiżi fejn il-konsumaturi jafu t-tifsira tal-kelma “torre”, jiġifieri fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall, u l-impressjoni mogħtija f’pajjiżi oħra.

70

Fir-rigward ta’ pajjiżi fejn il-konsumaturi jafu t-tifsira tal-kelma “torre”, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-ideat issuġġeriti mill-kelma “torres” u l-frażi “torre albéniz” kienu differenti. Filwaqt li l-kelma “torres” tevoka, minn tal-inqas għall-pubbliku Spanjol, l-idea ta’ torrijiet fil-plural, it-tieni kelma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija assoċjata mal-mużiċist Spanjol magħruf. Minkejja li jeżisti grad ta’ xebh, l-użu ta’ sikwit tal-kelma “torre” sabiex tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall madankollu twassal sabiex il-konsumaturi ta’ dawn il-pajjiżi ma jinjorawx l-element “albéniz” inkluż fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għalhekk, jipperċepixxu l-iktar id-differenza kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni.

71

Min-naħa l-oħra, fil-pajjiżi fejn it-tifsira tal-kelma “torre” mhijiex magħrufa, ix-xebh kunċettwali jippreżenta rilevanza limitata, kif isostnu r-rikorrenti u l-Uffiċċju.

72

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej ma jifhmux it-tifsira tal-kelma “torre” u li ma jistax jiġi sostnut, abbażi tal-perċezzjoni tal-minoranza tal-pubbliku destinatarju, li s-sinjali inkwistjoni jippreżentaw differenzi kunċettwali. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-paragun kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni mhuwiex rilevanti wisq fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni ma jipprekludix li, fil-pajjiżi fejn it-tifsira ta’ din il-kelma hija magħrufa mill-pubbliku, id-differenzi kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod korrett li d-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni, kienu predominanti kemm fuq livell viżiv u fonetiku għall-konsumaturi kollha kkonċernati, kif ukoll mill-aspett kunċettwali għall-pubbliku Spanjol, Taljan u Portugiż. Fil-fatt, mill-paragun ta’ bejn is-sinjali inkwistjoni jirriżulta li dawn jagħtu impressjoni globali differenti. Il-koinċidenza, waħedha, bejn l-ewwel ħames ittri tas-sinjal preċedenti u l-element“torre” inkluż fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tbiddilx il-konstatazzjoni li tipprovdi li, fl-impressjoni globali, id-differenzi bejn is-sinjali huma ikbar mill-elementi dgħajfa ta’ xebh.

Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

74

Fir-rigward tad-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b’mod korrett, li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tat-trade marks inkwistjoni, id-differenzi viżivi, fonetiċi u, eventwalment, kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni huma suffiċjenti sabiex jipprekludu, minkejja l-identiċità tal-prodotti koperti u l-fatt li jagħmlu parti mill-istess settur ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, li x-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni jimplika probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens is-sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Fir-rigward tal-fama tas-sinjal TORRES fit-territorji rilevanti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li din ma tistax tikkonfuta din il-konklużjoni. Minkejja li skont ġurisprudenza konstanti, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika identiċità jew xebh bejn is-sinjali. Għalhekk, il-fama ta’ trade mark hija element li, mhux talli ma tagħtix lok, fiha nnfisha, għall-probabbiltà ta’ konfużjoni iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u servizzi huwiex suffiċjenti sabiex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza Torre Muga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fil-kawża inkwistjoni, minkejja li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa l-fama tas-sinjal TORRES fi Spanja, jew anki fi Stati Membri oħra fejn igawdi protezzjoni, mill-paragun ta’ bejn is-sinjali inkwistjoni madankollu jirriżulta li l-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet differenti ħafna minn dik mogħtija mit-trade mark preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karattru distintiv għoli tas-sinjal preċedenti li jirriżulta mill-għarfien li għandu l-pubbliku fis-suq tiegħu, ma jistax, fih innifsu, ibiddel il-konklużjoni li tgħid li mhemmx probabbiltà ta’ konfużjoni.

77

Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jirreferi għar-referenza tal-oriġini li tinkludi l-frażi “torres vedras” u li tipprovdi li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa, b’mod partikolari, li denominazzjoni komposta mill-kliem “torres” u “vedras” setgħet tiġi kkonfonduta mat-trade marks TORRES, minkejja l-eżistenza tat-tieni kelma, “vedras”, u għal din ir-raġuni, inkluda l-Artikolu 23a fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3201/1990, tas-16 ta’ Ottubru 1990 dwar modalitajiet ta’ applikazzjoni għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-inbejjed u tal-mosti tal-għeneb (ĠU L 309, p. 1) sabiex jevita din il-possibbiltà. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-leġiżlazzjoni li tirreferi għaliha r-rikorrenti tikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar l-inbejjed ta’ kwalità prodotti fir-reġjuni determinanti (inbejjed ta’ kwalità p.r.d.) u dawk li jipprovdu għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-inbejjed, b’mod partikolari, l-ittikkettjar. Madankollu, minkejja li huwa minnu li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa probabbiltà ta’ konfużjoni possibbli bejn id-dehra ta’ inbid ta’ kwalità ġdid tal-kategorija p.r.d ma’ ċerti trade marks magħrufa u, konsegwentement, stabbilixxa l-mod kif għandu jiġi indikat l-isem tar-reġjun stabbilit fuq it-tikketta, dan ma jipprekludix li r-rikorrrenti ma esponietx, b’mod serju, permezz ta’ din ir-referenza, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fil-kawża inkwistjoni u li, għalhekk, trade mark li tinkludi l-kelma “torre” għandha tiġi miċħuda.

78

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li tgħid li l-Bord tal-Appell jinjora kull effett tal-ġurisprudenza Spanjola, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (wiċċ ta’ folja tal-ħġieġ), T-36/01, Ġabra p. II-3887, punt 34].

Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegata eżistenza ta’ “familja ta’ trade marks”

79

Fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti tallega li t-trade marks preċedenti jikkostitwixxu “familja ta’ trade marks” jew “serje ta’ trade marks” li jistgħu jżidu l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi mfakkar li din is-sitwazzjoni ġiet rrikonoxxuta fis-sentenza BAINBRIDGE, iċċitata iktar ’il fuq, u kkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria (C-234/06 P, Ġabra p.I-7333).

80

Skont din il-ġurisprudenza, ikun hemm “serje” jew “familja” ta’ trade marks, b’mod partikolari, kemm meta t-trade marks preċedenti jirriproduċu integralment l-istess element distintiv b’żieda ta’ element, grafiku jew verbali, li jiddistingwihom, kif ukoll meta huma kkarratterizzati minn repetizzjoni tal-istess prefiss jew suffiss li ttieħed minn trade mark oriġinali (sentenza BAINBRIDGE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123). Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ tinħoloq mill-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti li jiffurmaw parti mis-serje, meta t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tippreżenta xebh ma’ dawn tal-aħħar li jista’ jwassal lill-konsumatur jemmen li hija tagħmel parti mill-istess serje u, għalhekk, li l-prodotti koperti minnha għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħal dawk koperti mit-trade marks preċedenti, jew oriġini relatata magħhom. Tali probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u s-serje ta’ trade marks preċedenti, li tista’ twassal għal konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti deskritti mis-sinjali inkwistjoni, tista’ teżisti wkoll meta l-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti, meħudin individwalment, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni diretta (sentenza BAINBRIDGE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 124). Fil-preżenza ta’ “familja” jew ta’ “serje” ta’ trade marks, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta b’mod iktar speċifiku mill-fatt li l-konsumatur jista’ jieħu żball fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u jqis, b’mod żbaljat, li din tagħmel parti minn din il-“familja” jew minn din is-“serje” ta’ trade marks (sentenza Il Ponte Finanziaria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

81

Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata, il-probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta mill-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks preċedenti ma tistax tiġi invokata sakemm ma jkunux sodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv. L-ewwel nett, it-trade marks preċedenti li jagħmlu parti mill-“familja” jew mis-“serje” għandhom ikunu preżenti fis-suq. It-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mhux biss għandha tkun simili għat-trade marks li jagħmlu parti mis-serje, iżda għandha wkoll tippreżenta karatteristiċi li jistgħu jassoċjawha mas-serje. Dan jista’ ma jkunx il-każ, per eżempju, meta l-element komuni għat-trade marks f’serje preċedenti jintuża f’pożizzjoni differenti fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, pożizzjoni li hija differenti minn dik li fiha normalment jinsab fit-trade marks li jiffurmaw parti mis-serje jew li għandhom kontenut semantiku distint (sentenza BAINBRIDGE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 125 sa 127).

82

Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li fil-kawża inkwistjoni l-element komuni tat-trade marks verbali u figurattivi preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni huwa kompost mill-kelma “torres” u/jew mir-rappreżentazzjoni, taħt forom differenti, ta’ diversi torrijiet li, kważi fil-każijiet kollha, u kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, jammontaw għal tlieta. Minn dan jirriżulta li l-element kostanti tat-trade marks preċedenti jikkonsisti, kemm fid-dimensjoni verbali tiegħu kif ukoll fid-dimensjoni figurattiva, fil-preżenza ta’ diversi torrijiet.

83

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, lil hinn mill-kelma fil-plural, “torres”, u/jew mir-rapprentazzjoni ta’ tliet torrijiet, it-trade marks preċedenti ma jippreżentawx, taħt forma partikolari u kostanti, karatteristiċi li jistgħu jwasslu lil konsumatur rilevanti sabiex jassoċja t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mat-trade marks preċedenti kollha, maħsuba bħala “familja” jew “serje” ta’ trade marks, u, għalhekk, li jieħu żball dwar il-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti koperti minnha. Fil-fatt, kemm fid-dimensjoni verbali kif ukoll fid-dimensjoni figurattiva tiegħu, is-sinjal Torre Albéniz jiddistingwi ruħu mit-trade marks preċedenti permezz tal-individwalità tiegħu kif deskritta iktar ’il fuq, u b’mod partikolari, permezz taż-żieda distintiva tal-element “albéniz”.

84

Għalhekk, sa fejn it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq mhijiex sodisfatta, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks preċedenti għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi vverifikata, f’dan il-kuntest, il-preżenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq. Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies b’mod korrett li ma kienx hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kelma “torre” tista’ titqies mill-konsumatur rilevanti bħala li hija assoċjata mal-familja tat-trade marks TORRES.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta qies li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.

86

Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

87

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Uffiċċju u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Miguel Torres, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Meij

Šváby

Vadapalas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Diċembru 2008.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.