SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
12 ta’ Novembru 2008 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Brikk tal-Lego ħamra — Raġuni assoluta għal rifjut — Sinjal li jikkonsisti esklużivament minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku — Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Offerti ta’ provi”
Fil-Kawża T-270/06,
Lego Juris A/S, stabbilita f’Billund (id-Danimarka), irrappreżentata minn V. von Bomhard, A. Renck u T. Dolde, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija
Mega Brands, Inc., stabbilita f’Montreal (Kanada), irrappreżentata minn P. Cappuyns u C. De Meyer, avukati,
li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Bord Superjuri tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Lulju 2006 (Każ R 856/2004-G), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Mega Brand, Inc. u Lego Juris A/S,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fl-1 ta’ April 1996, Kirkbi A/S, bir-rikorrenti, Lego Juris A/S, bħala s-suċċessur tagħha, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali ta’ kulur aħmar riprodott hawn taħt: |
3 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9 u 28 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
|
4 |
Fid-19 ta’ Ottubru 1999, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja. |
5 |
Fil-21 ta’ Ottubru 1999, Ritvik Holdings Inc., b’Mega Brands, Inc. bħala s-suċċessur tagħha, talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, għall-“ġugarelli ta’ bini” li jaqgħu taħt il-klassi 28, minħabba li l-imsemmija reġistrazzjoni tmur kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti mill-Artikolu 7(1)(a),(e), (ii) u (iii) u (f) tal-istess regolament. |
6 |
Fit-8 ta’ Diċembru 2000, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha, sakemm tiġi deċiża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, (C-299/99, Ġabra p. I-5475, iktar ’il quddiem is-“sentenza Philips”). Il-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kompliet fil-31 ta’ Lulju 2002. |
7 |
B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat invalida r-reġistrazzjoni għall-“ġugarelli ta’ bini” li jaqgħu taħt il-klassi 28, abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, billi kkunsidrat li t-trade mark inkwistjoni kienet ikkostitwita esklużivament mill-forma tal-prodotti li kienet neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. |
8 |
Fl-20 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad- Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem l-UASI skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94. L-eżami ta’ dan l-appell ġie attribwit lill-Ewwel Bord tal-Appell. |
9 |
Fil-15 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti talbet ir-rikuża tal-President tal-Ewwel Bord tal-Appell minħabba parzjalità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 132(3) tar-Regolament Nru 40/94. Bid-deċiżjoni R 856/2004-1, l-Ewwel Bord tal-Appell iddeċieda li l-President inizjalment maħtur kellu jiġi ssotitwit bl-ewwel supplenti tiegħu. |
10 |
Permezz ta’ faks tat-30 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti talbet, minħabba n-natura kumplessa tal-kawża, minn naħa, li r-rikors ikun is-suġġett ta’ proċedura orali, skont l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 40/94, u, min-naħa l-oħra, li dan kellu jitressaq quddiem il-Bord Superjuri tal-Appell, skont l-Artikolu 130(2) u (3) tal-istess regolament. |
11 |
Fis-7 ta’ Marzu 2006, fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell irrinvija l-kawża quddiem il-Bord Superjuri tal-Appell, skont l-Artikolu 1b(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU L 28, p. 11). |
12 |
B’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord Superjuri tal-Appell ċaħad it-talba tar-rikorrenti għall-proċedura orali. Barra minn hekk, huwa ċaħad ir-rikors bħala infondat, billi kkunsidra li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark inkwistjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata taħt il-“ġugarelli tal-bini” li jagħqu taħt il-klassi 28. |
13 |
Fil-fatt, il-Bord Superjuri tal-Appell sostna, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksib ta’ karattru distintiv, previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament. Huwa osserva wkoll, fil-punt 34, li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 40/94 huwa intiż biex jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jikkorrispondu għal funzjoni teknika, b’tali mod li jkunu jistgħu jintużaw b’mod liberu minn kulħadd. Fil-punt 36, il-Bord tal-Appell sostna li forma ma tistax toħroġ mill-ambitu ta’ din il-projbizzjoni jekk hija tinkludi element arbitrarju minuri bħal kulur. Fil-punt 58, huwa ma aċċettax ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu l-ksib tal-istess riżultat tekniku. Fil-punt 60, huwa sostna li t-terminu “esklużivament” użat mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li l-forma għandha biss l-għan li tikseb riżultat tekniku u li t-terminu “neċessarju”, użat mill-istess dispożizzjoni jfisser li l-forma hija meħtieġa sabiex jinkiseb dan ir-riżultat tekniku, iżda dan ma jfissirx li forom oħrajn ma jistgħux iwasslu għall-istess risultat. Għaldaqstant, huwa osserva, fil-punti 54 u 55, il-karatteristiċi tal-forma inkwistjoni li huwa qies bħala essenzjali u wettaq, fil-punti 41 sa 63, analiżi tal-funzjonalità tagħhom. |
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
14 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Fid-29 u fit-30 ta’ Jannar 2007 rispettivament, l-intervenjenti u l-UASI ippreżentaw ir-risposti tagħhom. |
15 |
B’ittra tal-11 ta’ Ġunju 2007, l-intervenjenti talbet li tqiegħed fl-inkartament digriet mogħti mit-Qorti Federali Ġermaniża tat-trade marks, fil-2 ta’ Mejju 2007. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2007, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istamza laqa’ din it-talba. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din is-sentenza fil-21 ta’ Awwissu 2007. L-UASI ma ppreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu fit-terminu stabbilit. |
16 |
Peress li l-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mibdula mill-25 ta’ Settembru 2007, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lill-imsemmija Sitt Awla. |
17 |
Fit-12 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet biex iżżid mal-inkartament digriet tal-Qorti tal-Appell Metropolitana tal-Ungerija tat-12 ta’ Lulju 2007. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2007, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Prim’Istamza laqa’ din it-talba. L-intervenjenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din is-sentenza fl-14 ta’ Diċembru 2007. L-UASI ma ppreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu fit-terminu stabbilit. |
18 |
Wara l-impediment tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2008, innomina Imħallef Relatur ġdid, attribwit lit-Tmien Awla, u konsegwentement il-kawża preżenti ġiet assenjata lill-imsemmija Tmien Awla. |
19 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
|
20 |
L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti mressqin għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
21 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-digriet tal-qorti Ġermaniża u dik Ungeriża ppreżentati rispettivament mill-intervenjenti u mir-rikorrenti (ara l-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq) ġew invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż għall-kontoll tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/02, Ġabra p. II-701, punt 18]. |
23 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-intervenjenti u r-rikorrenti ma jistgħux jippreżentaw l-imsemmija digrieti bħala provi fir-rigward tal-fatti ta’ din il-kawża. |
24 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, la l-partijiet u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, minn elementi dedotti mill-ġurisprudenza Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali. Tali possibbiltà li jsir riferiment għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali mhijiex imsemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, peress li mhuwiex allegat li l-Bord tal-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni elementi ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, u li invoka l-ġurisprudenza in sostenn ta’ dan il-motiv [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T-346/04, Ġabra p. II 4891, punt 20; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T-29/04, Ġabra p. II-5309, punt 16, u tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI, T-277/04, Ġabra p. II-2211, punt 71]. |
25 |
Għaldaqstant id-digrieti tal-qorti Ġermaniża u ta’ dik Ungeriża ippreżentati rispettivament mill-intervenjenti u mir-rikorrenti huma ammissibbli sa fejn jistgħu jintużaw, fil-kawża preżenti, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. |
Fuq il-mertu
26 |
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni waħda, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-għan tat-trade mark inkwistjoni. |
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94
Argumenti tal-partijiet
27 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex intiża sabiex teskludi l-forom funzjonali minnhom infushom mir-reġistrazzjoni bħala trade mark, iżda biss is-sinjali kkostitwiti “esklu[ż]ivament” mill-forma tal-prodotti “neċessarja” sabiex jinkiseb riżultat tekniku. B’dan il-mod, sabiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-forma għandha tkun nieqsa minn karatteristiċi mhux funzjonali u m’għandux ikun possibbli li d-dehra esterna tagħha tiġi mibdula fil-karatteristiċi distintivi tagħha mingħajr ma din titlef il-funzjonalità tagħha. |
28 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfassizza li l-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 juri li forma li ma taqax taħt l-ambitu tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista minn din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tal-imsemmi regolament. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-forom jistgħu jiġu rreġistrati biss jekk dawn jiksbu karattru distintiv u din il-kundizzjoni hija sodisfatta biss rarament. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jiġi interpretat b’mod estensiv sabiex jiġi mħares l-interess pubbliku tad-disponibbiltà tal-forom u lanqas biex tiġi pprojbita l-monopolizzazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni mhijiex intiża biex iżżomm id-disponibbiltà tal-forom u lanqas biex tipprojbixxi l-monopolizzazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti. Hija intiża biss sabiex iżżomm liberi s-soluzzjonijiet tekniċi għall-kompetituri. |
29 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li, skont is-sentenza Philips, l-għan tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex li jeskludi mill-protezzjoni tat-trade marks il-forom funzjonali minnhom infushom, iżda biss il-forom funzjonali li l-protezzjoni tagħhom toħloq monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq il-karatteristiċi utilitarji tal-forma li jistgħu jiġu mfittxa mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri. Barra minn hekk, mis-sentenza Philips jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura distintiva, din id-dispożizzjoni mhijiex intiża biex tipprekludi r-reġistrazzjoni tal-forom li m’għandhom l-ebda addizzjoni arbitrarja, mingħajr għan funzjonali. Din il-kunsiderazzjoni hija applikabbli wkoll għall-evalwazzjoni tal-funzjonalità. |
30 |
Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprekludix it-totalità tad-“disinni industrijali” milli jibbenifikaw mill-protezzjoni ta’ trade mark. Tali forom jistgħu jiġi rreġistrati bħala trade marks anki jekk huma kkostitwiti esklużivament minn trade marks li għandhom funzjoni. Il-kwistjoni determinanti hija jekk il-protezzjoni tat-trade marks toħloqx monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq karatteristiċi utilitarji tal-forma inkwistjoni jew jekk il-kompetituri jibbenefikawx suffiċjentement mil-libertà li japplikaw l-istess soluzzjoni teknika u li jużaw l-istess karatteristiċi. Skont ir-rikorrenti, hija l-konstatazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tar-riskju ta’ ħolqien ta’ monopolju minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ forom alternattivi li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara, fis-sentenza Philips, li l-kompetituri ma setgħux jiġu riferuti għal “soluzzjonijiet teknici” oħrajn. |
31 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx, fil-punt 84 tas-sentenza Philips, li l-forom alternattivi kienu kollha irrilevanti. Hija ddeċidiet li, jekk jiġi stabbilit li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma huma attribwibbli biss għar-“riżultat tekniku”, il-fatt li l-istess riżultat jista’ ukoll jinkiseb permezz ta’ forom li jużaw “soluzzjonijiet tekniċi” differenti ma jfissirx li forma għandha tiġi rreġistrata. Fir-realtà, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ forom alternattivi funzjonalment ekwivalenti li jużaw l-istess “soluzzjoni teknika” huwa l-uniku kriterju sabiex jiġi stabbilit jekk monopolju jirriżultax mill-għoti tal-protezzjoni ta’ trade mark, fatt li huwa rikonoxxut wkoll mid-duttrina Amerikana ta’ funzjonalità. |
32 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, fis-sentenza Philips, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-espressjoni “soluzzjoni teknika” sabiex tirreferi għall-għan li jiġi prekluż il-ħolqien ta’ monopolju, filwaqt li użat l-espressjoni “riżultat tekniku” meta rreferiet għal forom oħrajn. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn l-espressjonijiet jindikaw kunċetti differenti, peress li “riżultat tekniku” jista’ jinkiseb minn “soluzzjonijiet tekniċi” differenti. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li l-kompetituri jduru għal soluzzjonijiet tekniċi differenti li jwasslu għall-istess riżultat, filwaqt li l-eżistenza ta’ forom alternattivi li jimplementaw l-istess riżultat tekniku juru li m’hemmx riskju ta’ monopolju. |
33 |
Din id-distinzjoni tikkorrispondi wkoll għat-terminoloġija tad-dritt tal-privattivi, peress li l-frażi “soluzzjoni teknika” hija sinonima mal-espressjoni ta’ “invenzjoni protetta taħt privattiva”, li tiddetermina l-portata tal-protezzjoni tal-privattiva u tippermetti li jinkiseb “riżultat tekniku”. Dan l-istess riżultat jista’ ukoll jinkiseb legalment, skont ir-rikorrenti, permezz ta’ invenzjonijiet oħrajn protetti taħt privattiva, filwaqt li l-forom alternattivi li japplikaw l-istess “soluzzjoni teknika” jiksru din il-privattiva. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess forom alternattivi ma jiksrux, skont ir-rikorrenti, trade mark li tipproteġi disinni speċifiċi ta’ l-istess “soluzzjoni teknika”, sakemm id-differenzi bejn id-disinni jippermettu lill-konsumaturi li jiddistingwu bejn il-prodotti. B’dan il-mod, il-protezzjoni tat-trade marks ma twassalx għal monopolju tekniku permanenti iżda tippermetti lill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark biex japplikaw l-istess “soluzzjoni teknika”. |
34 |
Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni storika turi, skont ir-rikorrenti, li l-Kunsill introduċa, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-termini “esklu[ż]ivament” u “neċessarja” sabiex jeskludi l-possibbiltà, għal kompetitur, li japprofita mir-reputazzjoni li tibbenefika minnha forma familarji li għandha konsegwenza teknika sinjifikattiva, peress li r-reġistrazzjoni tagħha hija eskluża biss jekk ir-riżultat tagħha jista’ jinkiseb permezz ta’ forom oħrajn. |
35 |
L-UASI u l-intervenjenti jqisu li l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti mhijiex kompatibbli mas-sentenza Philips, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-projbizzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tinkludi l-forom essenzjali funzjonali kollha li huma attribwibbli għar-riżultat tekniku. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
36 |
Skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, “ma jistgħux jiġu rreġistrati […] is-sinjali li jikkonsistu esklu[ż]ivament […] minn forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”. Bl-istess mod, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal- 21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), “m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi […] trade marks li jikkonsistu esklu[ż]ivament minn […] l-għamla [tal]-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku”. |
37 |
Fil-kawża preżenti għandu jiġi osservat li, essenzjalment, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, u b’mod partikolari t-termini “esklu[ż]ivament” u “neċessarja”, billi kkunsidra li l-eżistenza ta’ forom alternattivi funzjonalment ekwivalenti li jużaw l-istess soluzzjoni teknika mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kelma “esklu[ż]ivament”, preżenti kemm fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kemm fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, għandha tinqara fid-dawl tal-espressjoni “karatteristiċi essenzjali li jissodisfaw funzjoni teknika” użata fil-punti 79, 80 u 83 tas-sentenza Philips. Fil-fatt, minn din l-espressjoni jirriżulta li ż-żieda ta’ karatteristiċi li mhumiex essenzjali u li m’għandhomx funzjoni teknika ma tfissirx li forma tista’ tevita li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija forma jissodisfaw tali funzjoni. Għaldaqstant, il-Bord Superjuri tal-Appell wettaq ġustament l-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi li huwa kkunsidra essenzjali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li huwa interpreta b’mod korrett it-terminu “esklu[ż]ivament”. |
39 |
Fit-tieni lok, mill-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips jirriżulta li l-frażi “neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”, preżenti kemm fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva ma tfissirx li din ir-raġuni assoluta għal rifjut ma tapplikax meta l-forma inkwistjoni hija l-unika li tippermetti l-ksib tar-riżultat previst. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 81 li “l-eżistenza ta’ forom oħrajn li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku [mhijiex] ta’ natura tali li teskludi r-raġuni għal rifjut” u, fil-punt 83 li “[i]r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-[forma inkwistjoni, hija eskluża], anki jekk ir-riżultat tekniku inkwistjoni jista’ jinkiseb permezz ta’ [forom] oħra[jn]”. Għaldaqstant, sabiex din ir-raġuni assoluta għal rifjut tapplika, huwa suffiċjenti li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma jkunu magħmulin mill-karatteristiċi kawżali u suffiċjenti għall-ksib tar-riżultat tekniku previst, b’tali mod li huma jkunu attribwibbli għar-riżultat tekniku. Minn dan jirriżulta li l-Bord Superjuri tal-Appell ma wettaqx żbalji meta kkunsidra li t-terminu “neċessarja” ifisser li l-forma hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku, anki jekk dan tal-aħħar jista’ jinkiseb permezz ta’ forom oħra. |
40 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, fil-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ “[forom] oħra[jn] li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku” mingħajr ma tiddistingwi bejn il-forom li jużaw “soluzzjoni teknika” oħra minn dawk li jużaw l-istess “soluzzjoni teknika”. |
41 |
Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva huwa intiż sabiex “jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade mark twassal sabiex il-proprjetarju tat-trade mark jakkwista monopolju fir-rigward ta[l-] […] karatteristiċi utilitarji ta’ prodott” u sabiex “sabiex jevita li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade mark ma [tistabbilixxi ruħha bħala] ostakolu b’tali mod li [l-kompetituri] ma jkunux jistgħu joffru liberament prodotti li jinkludu […] l-imsemmija karatteristiċi utilitarji f’kompetizzjoni mal-proprjetaru tat-trade mark” (punt 78 tas-sentenza Philips). Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ukoll jitħallew għad-dispożizzjoni tal-kompetituri, ikunu speċifiċi għal forma preċiża. |
42 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 80 tas-sentenza Philips, li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva “[għandu] għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li forma li l-karatteristiċi essenzjali tagħha jissodisfaw funzjoni teknika, […] tkun tista’ tintuża liberament minn kulħadd”. Għaldaqstant, dan l-għan ma jirreferix biss għal soluzzjoni teknika inkorporata f’tali forma, iżda l-forma u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom stess. Peress li l-forma bħala tali għandha tkun tista’ tintuża liberament, id-distinzjoni sostnuta mir-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata. |
43 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma kkostitwita esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess prinċipju tekniku jew prinċipju tekniku ieħor. |
44 |
Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-Bord Superjuri tal-Appell ma interpretax b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. |
45 |
Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħrajn imressqin mir-rikorrenti. |
46 |
Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li m’hemmx lok li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jiġi interpretat b’mod estensiv għaliex forma rarament tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi osservat li dawn ir-raġunijiet għal rifjut isegwu għanijiet differenti u li l-evalwazzjoni tippresupponi l-għaqda ta’ kundizzjonijiet differenti. Għaldaqstant, kull waħda minnhom għandha, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 77 tas-sentenza Philips, tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li huma bbażati fuqu u mhux fid-dawl tal-eventwali effetti prattiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ raġunijiet oħrajn. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
47 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun bejn id-dritt tat-trade marks u d-dritt tal-privattivi, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq id-distinzjoni bejn il-forom li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika u dawk li jinkorporaw soluzzjonijiet tekniċi oħrajn (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Issa, ġie kkonstatat fil-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq li tali distinzjoni ma tistax issir. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. |
48 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-argument ibbażat fuq l-oriġini tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kien tressaq fil-proċedura li wasslet għas-sentenza Philips, mingħajr ma madankollu affettwa l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li, barra minn hekk ġie rrifjutat mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu dwar din is-sentenza (Ġabra p. I-5478). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
49 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tas-suġġett tat-trade mark inkwistjoni
50 |
Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, tliet ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni, it-tieni wieħed fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tan-natura funzjonali tal-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija trade mark u t-tielet wieħed, fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali. L-ewwel u t-tieni ilmenti għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l-ewwel u t-tieni ilmenti, ibbażati fuq nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni kif ukoll fuq żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura funzjonali tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali
— Argumenti tal-partijiet
51 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni, ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li l-Bord Superjuri tal-Appell naqas milli jidentifika l-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni, jiġifieri d-disinn u l-proporzjon tad-disk. Huwa eżamina l-funzjonalità tal-brikk Lego fit-totalità tagħha, billi inkluda elementi li ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-protezzjoni mitluba, bħall-wiċċ moħwi u l-proġezzjonijiet sekondarji minkejja li r-rikorrenti indikat li hija biss l-forma speċifika tas-superfiċje esterna li kienet koperta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-Bord Superjuri tal-Appell injora l-fatt li r-reġistrazzjoni mitluba tipermetti lir-rikorrenti li topponi ruħha għal applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni li jirreferu għal brikks ta’ bini li għandhom l-istess dehra iżda mhux għal dawk il-brikks li għandhom dehra differenti, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn jimplementawx l-istess soluzzjoni teknika jew le. |
52 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mis-sentenza Philips li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu stabbiliti mill-perspettiva tal-konsumatur rilevanti u mhux minn esperti skont analiżi purament teknika, peress li għandhom jiġu identifikati b’mod loġiku l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma qabel ma jiġi eżaminat jekk dawn jiggarantux funzjoni teknika. |
53 |
Imbagħad ir-rikorrenti tenfassizza li, jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-forma jirriżultaw purament funzjonali, jinħoloq monopolju fuq funzjoni teknika mhux mixtieq. Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija karatteristiċi ma jkunux purament funzjonali, b’mod partikolari jekk jistgħu jiġu mibdulin mingħajr ma tiġi affettwata s-soluzzjoni teknika, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax. Madankollu, sabiex il-forma inkwistjoni tkun tista’ tkun reġistrata, hija għandha, barra minn hekk, tkun kisbet karattru distintiv, li skont ir-rikorrenti hija kundizzjoni li hija diffiċli sabiex tiġi sodisfatta. |
54 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi eżistenti rigward il-perċezzjoni tal-konsumaturi. Fil-kawża preżenti, diversi investigazzjonijiet urew li, fir-rigward tan-naħa ta’ fuq tal-brikk Lego, parti importanti mill-konsumaturi jagħrfuha bħala waħda li għandha oriġini speċifika, minħabba d-disinn u l-proporzjon tad-disk. Investigazzjoni mwettqa fil-Ġermanja fl-1991 uriet li l-konsumaturi jipperċepixxu l-elementi funzjonali u jiddistingwu l-brikk Lego minn brikks tal-logħob oħrajn, li jistgħu jaħdmu bl-istess mod, minħabba d-disinn tad-diski tagħhom. Investigazzjoni oħra mwettqa fl-2003 ikkonfermat li l-konfigurazzjoni tad-diski kien element distintiv. |
55 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova li hija ppreżentat billi rreferiet għall-Artikolu 7(3) tar-Regolament 40/94, meta din id-dispożizzjoni qatt ma kienet is-suġġett tad-dibattitu rigward l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament. Il-Bord Superjuri tal-Appell injora li l-istess fatti u provi jistgħu jkunu rilevanti, fuq il-livell ġuridiku, f’kuntesti differenti. |
56 |
Imbagħad, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-iżbalji fl-evalwazzjoni tan-natura funzjonali tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni. Huwa għamel analiżi tal-brikk Lego fit-totalità tagħha, billi bbaża ruħu fuq l-uniċi perizji proposti mill-intervenjenti, u rrifjuta li jikkunsidra l-eżistenza ta’ forom alternattivi li jużaw l-istess soluzzjoni teknika u interpreta b’mod żbaljat il-portata u l-impatt tal-protezzjoni preċedenti fir-rigward tal-privattivi fuq l-evalwazzjoni tal-funzjonalità ta’ forma. |
57 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perizji, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell, l-ewwel nett, ibbaża ruħu, mingħajr l-ebda analiżi kritika, fuq il-perizja ta’ M., propost u ffinanzjat mill-intervenjenti, kif ukoll fuq dawk ta’ P. u ta’ R.. Issa, peress li l-perizja ta’ M. tirreferi għall-funzjonalità tal-brikk Lego fit-totalità tagħha, hija mhijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni, jiġifieri d-disinn tad-diski. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ P., skont ir-rikorrenti, mhumiex rilevanti fil-kawża preżenti, għaliex huma jikkonċernaw il-privattiva Duplo u jirreferu biss għat-“tubi” preżenti fuq in-naħa t’isfel tal-brikks. Bl-istess mod, l-affermazzjoni ta’ R. li d-disk ċilindriku huwa iktar polivalenti mid-disk eżagonali tapplika għal numru infinit ta’ forom ċilindiriċi li għandhom dehriet differenti ħafna u mhux biss għad-disinn speċifiku tat-trade mark inkwistjoni. |
58 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra tal-affermazzjoni tal-Bord Superjuri tal-Appell, hija kkontestat l-allegazzjonijiet ta’ M. li jikkonċernaw il-funzjonalità tad-disinn tad-diski, b’mod partikolari f’diversi perizji. Issa, il-Bord Superjuri tal-Appell ma semmiex dawn il-perizji u lanqas spjega għalfejn hija biss il-perizja ta’ M. li hija kredibbli u rilevanti. Huwa saħansitra ċaħad l-eżistenza ta’ kull prova rigward in-nuqqas ta’ funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-brikk Lego. Ir-rikorrenti ssostni li hija rreferiet għal ġurisprudenza li kienet ċaħdet li l-forma tal-brikk Lego kienet iddettata minn funzjoni u li hija kienet ressqet seba’ perizji li jikkonfermaw li d-disinn tad-diski ma kienx jissodisfa funzjoni teknika, jiġifieri dawk ta’ H., B.-W., R. u B.. Fl-opinjoni tagħha, il-Bord Superjuri tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi kollha, u huwa kiser id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, jiġifieri d-dritt tagħha għal smigħ xieraq, billi m’għamilx dan. |
59 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rifjut tal-Bord Superjuri tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni l-perizji li hija ppreżentat wassal għal evalwazzjoni mhux korretta tal-fatti. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mill-perizja indipendenti ta’ B.-W. jirriżulta li l-forma tad-diski miżmuma minn Lego mhijiex teknikament neċessarja għaliex din hija biss waħda mill-possibbilitajiet infiniti intiżi sabiex jassiguraw frizzjoni ideali bejn żewġ brikks ġodda tal-istess serje wara li jiġu armati u li jeżistu alternattivi tekniċi li bis-saħħa tagħhom il-funzjoni tista’ tiġi sodisfatta b’mod daqstant tajjeb. Bl-istess mod, skont ir-rikorrenti, R. ippreċiża li jeżisti numru kbir ta’ disinni ta’ diski differenti li huma funzjonalment, fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom, fil-kwalità u fis-sigurtà tagħhom, kompletament ekwivalenti għal dawk tal-brikk Lego u li jistgħu saħansitra jkunu kompatibbli mal-brikk Lego. Skont ir-rikorrenti, il-perizji ta’ B. u ta’ H. jikkonfermaw l-ekwivalenza funzjonali tad-disinni alternattivi u juru li l-istampa partikolari tad-disinn tal-brikk Lego għandha identità b’saħħitha kkostitwita b’mod partikolari mid-diski li jistgħu jintgħarfu faċilment. |
60 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell kkunsidra li d-disinni alternattivi funzjonalment ekwivalenti użati mill-kompetituri tagħha mhumiex rilevanti, meta fil-fatt huma importanti biex jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni ta’ forma twassalx jew le għal monopolju fuq soluzzjoni teknika. Il-Bord Superjuri tal-Appell jikkontradixxi lilu nnifsu, skont ir-rikorrenti, meta jafferma li huma biss il-forom li huma neċessarji sabiex tiġi sodisfatta funzjoni teknika li huma esklużi mill-protezzjoni, meta fl-istess waqt iqis li dan ma jfissirx li l-forom l-oħrajn ma jistgħux jissodisfaw ukoll l-istess funzjoni teknika. |
61 |
Fir-realtà, skont ir-rikorrenti, l-uniku mezz sabiex jiġi stabbilit jekk il-karatteristiċi essenzjali ta’ forma humiex funzjonali u jistgħux joħolqu riskju ta’ monopolju jekk jiġi protetti huwa li jiġu eżaminati d-disinni alternattivi. L-esperti kollha, inklużi dawk li fuq l-opinjoni tagħhom ibbaża ruħu l-Bord Superjuri tal-Appell, isegwu dan l-approċċ komparattiv, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-disinni alternattivi tad-diski. Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Appell tal-Istati Uniti jirriżulta li d-disinni alternattivi huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-funzjonalità ta’ forma. |
62 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-argument li jgħid li monopolju fuq soluzzjoni teknika jista’ jinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni tat-totalità tad-disinni funzjonalment ekwivalenti juri li l-Bord Superjuri tal-Appell ma kienx ċert li t-trade mark inkwistjoni twassal effettivament għal monopolju. Barra minn hekk, dan l-argument jista’ jitqajjem, skont ir-rikorrenti, kontra kull applikazzjoni għal trade mark li għaliha jeżisti biss numru limitat ta’ kombinazzjonijiet possibbli, bħal, per eżempju, il-kombinazzjonijiet ta’ żewġ ittri, li madankollu huma awtorizzati mill-UASI. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li mhuwiex realistiku li jiġi affermat li huwa “faċli li jiġu rreġistrati t-totalità tal-forom possibbli”, għaliex forma għandha tegħleb l-ostakolu tar-raġunijiet assoluti għal rifjut l-oħrajn; numru żgħir ħafna ta’ sinjali tridimensjonali setgħu jagħmlu bis-saħħa tal-ksib ta’ natura distintiva. |
63 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord Superjuri tal-Appell injora l-impatt tal-protezzjoni preċedenti ta’ privattiva fuq l-evalwazzjoni tal-funzjonalità ta’ forma. Hija tosserva li għan wieħed jista’ jiġi protett minn diversi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
64 |
Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Bord Superjuri tal-Appell injora l-fatt li, fid-dritt Amerikan, privattiva preċedenti mhijiex prova li ma tistax tiġi kkontestata tal-funzjonalità tal-karatteristiċi żvelati, iżda hija prova li tista’ tiġi eskluża billi tintwera d-disponibbiltà ta’ disinni li huma funzjonalment ekwivalenti. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tirreferi għall-karatteristiċi mitluba f’privattiva u mhux għall-karatteristiċi żvelati, kif kien interpreta b’mod żbaljat il-Bord Superjuri tal-Appell. Fl-aħħar nett, fid-dritt tat-trade marks Ewropej ma teżistix duttrina tal-funzjonalità bħal dik li tiġi applikata fl-Istati Uniti. |
65 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord Superjuri tal-Appell injora l-fatt li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade marks inkwistjoni, id-diski ċilindriċi f’għamla ta’ ċirku, mhumiex invenzjoni protetta taħt privattiva u qatt ma kienu koperti minn privattiva. Fl-opinjoni tagħha, dak li ntalab huwa mekkaniżmu speċifiku tal-armar tal-brikks ta’ bini li ma jiddependix minn disinn partikolari ta’ diski. Dan juri, minn naħa, in-nuqqas ta’ rilevanza tad-disinn tad-diski għall-funzjonalità ta’ brikk ta’ ġugarell ta’ bini u, min-naħa l-oħra, li l-privattivi preċedenti qatt ma ostakolaw lil terzi milli jużaw forma speċifika ta’ diski. Issa, il-Bord Superjuri tal-Appell ma eżaminax il-fatti u l-argumenti mressqin f’dan ir-rigward mir-rikorrenti. |
66 |
Fit-tielet lok, il-fatt li l-projezzjonijiet “ċilindriċi” kienu ġew deskritti fil-privattivi bħala r-rappreżentazzjoni preferita tad-diski ma jfissirx, skont ir-rikorrenti, li s-soluzzjoni teknika tista’ tinkiseb biss bis-saħħa ta’ dawn il-projezzjonijiet, u lanqas li d-disinn tad-diski huwa funzjonali. Barra minn hekk, it-terminu tekniku “ċilindriku” jirreferi għal numru infinit ta’ forom ċilindriċi ta’ dehra differenti. B’hekk, qatt ma kien hemm monopolju fir-rigward tal-privattivi mogħtija għall-projezzjonijiet “ċilindriċi”. |
67 |
Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrenti, brikk ta’ bini ta’ dehra viżiva simili jista’ jikser id-drittijiet tat-trade mark tal-brikk Lego iżda mhux il-privattiva preċedenti jekk hija tapplika riżultat tekniku differenti. Bil-kontra, il-forom alternattivi jistgħu jiksru l-privattivi preċedenti iżda mhux it-trade mark inkwistjoni, jekk huma jiddistingwu ruħhom permezz tal-wiċċ ta’ fuq tagħhom. Minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li t-trade mark inkwistjoni ma tikkonferix drittijiet esklużivi fuq soluzzjoni teknika u ma ttawwalx il-protezzjoni li tirriżulta mill-privattivi preċedenti. Il-fatt li numru kunsiderevoli ta’ kompetituri kkummerċjalizzaw brikks ta’ dehra differenti li japplikaw l-istess soluzzjoni teknika juri li l-kompetizzjoni ma tbatix minħabba d-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti. |
68 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma tiksibx monopolju fir-rigward ta’ soluzzjoni teknika mill-fatt tal-protezzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni, peress li l-istess soluzzjoni teknika tista’ tinkiseb minn numru infinit ta’ forom differenti li jistgħu jiġu distinti mill-konsumaturi. Għaldaqstant, il-kompetituri m’għandhomx bżonn, biex japplikaw l-istess soluzzjoni teknika, jikkopjaw il-forma tal-brikk Lego, li hija, minħabba fattur ta’ reputazzjoni, ekonomikament attraenti għall-operaturi l-oħrajn. Issa, tali interess ekonomiku mhuwiex protett, skont ir-rikorrenti, mill-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, li ma japplikax fil-kawża preżenti għaliex ma teżistix problema ta’ monopolju. |
69 |
L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
70 |
Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-istabbiliment tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni għandu jsir mill-perspettiva tal-konsumatur u li l-analiżi għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-investigazzjonijiet fuq il-konsumaturi, għandu jiġi osservat li din id-determinazzjoni ssir, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bl-għan preċiż li tippermetti l-eżami tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Issa, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju mhijiex rilevanti għall-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma. Fil-fatt, il-konsumatur rilevanti jista’ ma jiddisponix mill-għarfien tekniku neċessarju għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma, b’tali mod li ċerti karatteristiċi jistgħu jkunu essenzjali mill-perspettiva tiegħu filwaqt li mhumiex essenzjali fil-kuntest ta’ analiżi tal-funzjonalità u viċeversa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu stabbiliti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod oġġettiv, mir-rappreżentazzjoni grafika tagħhom u mill-eventwali deskrizzjonijiet ippreżentati waqt l-applikazzjoni għal trade mark. |
71 |
Barra minn hekk, minn dak li ntqal fil-punt preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti tallega inġustament li l-Bord Superjuri tal-Appell injora l-portata, rispettivament, tal-Artikolu 7(1)(e)(ii), (dwar il-funzjonalità ta’ forma) u tal-Artikolu 7(3) (dwar il-karattru distintiv miksub), tar-Regolament Nru 40/94 u li hija ma tistax issostni li l-investigazzjonijiet dwar il-konsumaturi kienu rilevanti fiż-żewġ każijiet preżenti. |
72 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell naqas milli jidentifika l-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni u li ma eżaminax il-forma inkwistjoni, iżda eżamina l-brikk Lego fit-totalità tagħha u inkluda fl-analiżi tiegħu elementi inviżibbli bħalma huma n-naħa t’isfel li hija moħwija u l-projezzjonijiet sekondarji. |
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija biss il-forma kif riprodotta fil-punt 2 iktar ’il fuq li għandha tkun is-suġġett tal-eżami tat-talba għal reġistrazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2005, Almdudler-Limonade vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-luminata), T 12/04, Ġabra p. p. II-21, punti 42 sa 45; tas-17 ta’ Jannar 2006, Henkel vs UASI (pillola rettangolari ħamra u bajda, b’qalba ovali ta’ lewn blu), T-398/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u tat-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett), T-15/05, Ġabra p. II-1511, punt 36]. Fil-fatt, peress li r-rappreżentazzjoni grafika għandha bħala funzjoni li tiddefinixxi t-trade mark, hija għandha tkun kompleta minnha nfisha, sabiex jiġi stabbilit, b’mod ċar u preċiż, l-għan eżatt tal-protezzjoni mogħtija permezz tat-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha (ara, f ’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punti 48 u 50 sa 52). Fil-kawża preżenti, peress li, minn naħa, ir-rikorrenti ddeskriviet il-forma inkwistjoni, meta ppreżentat l-applikazzjoni għal trade mark biss permezz tar-rappreżentazzjoni grafika li tidher fil-punt 2 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, kull deskrizzjoni ulterjuri ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forma ta’ flixkun tal-luminata, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), huwa fuq il-bażi ta’ din l-unika rappreżentazzjoni li għandhom jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali. |
74 |
Issa, jirriżulta mill-punti 38, 39, 42, 54, 55 u 61 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord Superjuri tal-Appell effettivament eżamina l-brikk Lego fit-totalità tagħha u b’mod partikolari identifika, fil-punti 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata, in-naħa t’isfel li hija moħwija u l-projezzjonijiet sekondarji inviżibbli fuq ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark inkwistjoni bħala karatteristiċi essenzjali li huma s-suġġett tal-eżami. |
75 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi tinkludi wkoll l-elementi viżibbli kollha fuq ir-rappreżentazzjoni grafika li tidher fil-punt 2 iktar ’il fuq, li kull wieħed minnhom jissodisfa, skont il-Bord Superjuri tal-Appell, funzjonijiet tekniċi partikolari, jiġifieri, skont it-termini tal-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għoli u d-dijametru tad-diski primarji għas-saħħa tal-ġugarelli tal-brikks li jeħlu bejniethom, in-numru tagħhom għall-polivalenza tal-armar u d-dispożizzjoni tagħhom għall-kunfigurazzjonijiet tal-armar; in-naħat li għandhom jiġu magħquda man-naħat ta’ brikks oħrajn sabiex jinkiseb ħajt; il-forma globali ta’ brikk ta’ bini u fl-aħħar nett id-daqs tagħha sabiex tarbija tkun tista’ żżommha f’idha. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ebda element tal-inkartament ma jippermetti li tiġi kkontestata l-eżatezza tal-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi bħala karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni. |
76 |
Issa, peress li l-Bord Superjuri tal-Appell identifika korrettament il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma inkwistjoni, il-fatt li huwa ħa in kunsiderazzjoni wkoll karatteristiċi oħrajn ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
77 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
78 |
Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni, għandu jiġi enfasizzat li xejn ma jeskludi, fil-kuntest tal-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali stabbiliti b’dan il-mod, li l-Bord Superjuri tal-Appell jista’ jikkunsidra elementi inviżibbli tal-brikk Lego, bħalma huma n-naħa t’isfel li hija moħwija u l-projezzjonijiet sekondarji, kif ukoll kull element ta’ prova rilevanti ieħor. Fil-kawża preżenti, il-Bord Superjuri tal-Appell irrefera f’dan ir-rigward għall-privattivi preċedenti tar-rikorrenti, għall-fatt li din tal-aħħar ammettiet li dawn il-privattivi jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-brikk Lego u għall-perizji ta’ M.. |
79 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, mingħajr analiżi kritika, il-perizja ta’ M., li barra minn hekk tirreferi għall-brikk Lego fit-totalità tagħha. Hija tosserva wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ P. jikkonċernaw il-brikk Duplo u dawk ta’ R jirreferu għall-forom ċilindriċi ta’ diski u mhux biss dawk tal-brikk Lego. Issa, għandu jiġi osservat li P. u R. esprimew ruħhom fuq il-funzjonalità tad-diski ċilindriċi bħala tali u li l-Bord Superjuri tal-Appell irrefera għal dawn id-dikjarazzjonijiet preċiżament in sostenn tal-evalwazzjoni tiegħu fuq id-diski primarji ċilindriċi tal-forma inkwistjoni. Fir-rigward tal-perizja ta’ M., huwa minnu li hija saret u ġiet iffinanzjata mill-intervenjenti, iżda l-privattivi preċedenti jsaħħu l-konstatazzjonijiet ta’ M. f’dak li jirrigwarda l-funzjonalità tal-karatteristiċi tal-brikk Lego, bl-istess mod, barra minn hekk, bħall-perizji ppreżentati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-fatt, osservat mir-rikorrenti, li l-analiżi ta’ M. jirrigwardaw it-totalità tal-brikk Lego, jibqa irrilevanti, peress li huma jinkludu l-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni. |
80 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-argument tar-rikorrenti li n-nuqqas ta’ funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni ġie pprovat mill-perizji tiegħu, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-perizji u s-sentenzi tal-qrati nazzjonali invokati mir-rikorrenti sabiex issostni li l-forom alternattivi huma rilevanti sabiex jintwera li s-sinjal mhuwiex funzjonali juru, fl-opinjoni tagħha, li l-forma tal-brikk Lego mhijiex l-unika forma li tippermetti l-ksib tar-riżultat mixtieq u li għaldaqstant mhijiex teknikament neċessarja. Issa, ġie kkonstatat, fil-punt 42 iktar ’il fuq, li l-evalwazzjoni tal-funzjonalità ta’ forma għandha titwettaq b’mod indipendenti mill-eżistenza ta’ forom oħrajn u, fil-punt 39 iktar ’il fuq, li t-terminu “neċessarja” ifisser li l-forma għandha tgħaqqad flimkien il-karatteristiċi teknikament suffiċjenti għall-ksib tar-riżultat inkwistjoni. |
81 |
Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq għandu wkoll jiġi miċħud minħabba l-fatt li l-Bord Superjuri tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-perizji ppreżentati mir-rikorrenti. Fil-fatt, peress li l-argument li jirriżulta minn dawn il-perizji huwa bbażat fuq id-distinzjoni żbaljata bejn il-forom li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika u dawk li jinkorporaw soluzzjonijiet tekniċi oħrajn, il-Bord Superjuri tal-Appell ma kienx obbligat li jirreferi għal dawn il-perizji fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, f’kull każ, ma kisirx id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq billi naqas milli jagħmel dan. |
82 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Bord Superjuri tal-Appell fir-rigward tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni huma fondati. |
83 |
L-argumenti l-oħrajn tar-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet magħmulin hawn fuq. |
84 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssosnti li, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-karattru distintiv li jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-argument tal-Bord Superjuri tal-Appell li jgħid li monopolju fuq soluzzjoni teknika jista’ jinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni tal-forom kollha li jużaw din is-soluzzjoni mhuwiex realistiku. Issa anke jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tikkunsidra li r-reġistrazzjoni ta’ tali forom mhijiex realistika, dan ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
85 |
Fit-tieni lok, in-natura inkontestabbli jew le, fid-dritt Amerikan, ta’ prova li tirriżulta minn privattiva wkoll għandha titqies bħala irrilevanti. Fil-fatt, billi semma, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza Amerikana, il-Bord Superjuri tal-Appell ma bbażax l-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-brikk Lego fuq din in-natura inkontestabbli. Huwa bbaża l-analiżi tiegħu, fil-punti 41 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sentenza Philips u ħa inkunsiderazzjoni, fil-punti 42 sa 48 kif ukoll 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-privattivi preċedenti bħala fattur fost oħrajn, mingħajr ma kkunsidrahom bħala prova inkontestabbli. |
86 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-argumenti bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li protezzjoni ta’ soluzzjoni teknika permezz ta’ privattiva ma tipprekludix il-protezzjoni ta’ forma li tinkorpora din is-soluzzjoni permezz tad-dritt tat-trade marks kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq id-differenza bejn il-portata ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet distinti mhumiex rilevanti. Fil-fatt, il-Bord Superjuri tal-Appell irrikonoxxa dan l-istat ta’ fatt fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata u rrefera, konsegwentement, għall-privattivi preċedenti biss biex josserva l-karatteristiċi funzjonali tal- karatteristiċi essenzjali tal-brikk Lego. |
87 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kompetituri tagħha m’għandhomx bżonn, sabiex japplikaw l-istess soluzzjoni teknika, jikkopjaw il-forma tal-brikk Lego u li, fin-nuqqas ta’ riskju ta’ ħolqien ta’ monopolju, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax. Issa, dan l-argument huwa bbażat fuq l-idea żbaljata li d-disponibbiltà ta’ forom oħrajn li jikkorporaw l-istess soluzzjoni teknika turi nuqqas ta’ funzjonalità tal-forma inkwistjoni filwaqt li ġie enfasizzat fil-punt 42 iktar ’il fuq li, skont is-sentenza Philips, il-forma funzjonali nfisha għandha tkun disponibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
88 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord Superjuri tal-Appell wasal ġustament għall-konklużjoni tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali u fuq l-allegata parzjalità tad-deċiżjoni kkontestata
— Argumenti tal-partijiet
89 |
Ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri tal-Appell, minn naħa, ħa inkunsiderazzjoni deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Kanada u, min-naħa l-oħra, ikkunsidra li deċiżjoni tar-Rechtbank Breda (qorti tad-distrett ta’ Breda, l-Olanda) hija irrilevanti. Issa, fl-opinjoni tagħha, dawn iż-żewġ deċizjonijiet kienu jirrigwardaw l-allegata funzjonalità tal-forma tal-brikk Lego, ingħataw fil-kuntest ta’ kompetizzjoni żleali u ta’ ffalsifikar u kienu jirrigwardaw imitazzjoni preċiża. L-unika differenza tinsab fil-fatt li l-qorti Kanadiża waslet għal konklużjoni opposta minn dik tal-qorti Olandiża. Ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni selettiv tal-Bord Superjuri tal-Appell ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-perizji favorevoli għall-konklużjoni tiegħu juru approċċ parzjali. |
90 |
L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
91 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-riferiment tal-Bord Superjuri tal-Appell għal deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Kanada u tal-fatt li huwa eskluda sentenza mogħtija fl-Olanda, biżżejjed jiġi osservat li r-rikorrenti stess rikonoxxiet li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-UASI. Fil-fatt, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma u l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2008, Suez vs UASI (Delivering the essentials of life), T-128/07, Ġabra p. p. II-36, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord Superjuri tal-Appell ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu fuq id-deċiżjoni Kanadiża, iżda li, peress li kien diġa wasal għall-konklużjoni tal-funzjonalità tal-brikk Lego, huwa osserva li l-analiżi tiegħu kienet ikkonfermata mill-ġurisprudenza ta’ diversi qrati nazzjonali inkluża s-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Kanada. |
92 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tallega inġustament li l-Bord Superjuri tal-Appell adotta attitudni parzjali. Fil-fatt, minn naħa, il-Bord Superjuri tal-Appell espona, fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn huqa qies li s-sentenza mogħtija fl-Olanda ma kinitx rilevanti. Min-naħa l-oħra, mill-analiżi mwettqa fil-punti 36 sa 49 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord Superjuri tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-perizji ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux rilevanti peress li kollha kienu jirreferu għad-disponibbiltà ta’ forom oħrajn li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika. Barra minn hekk, l-UASI josserva ġustament li l-kawża inkwistjoni kienet ġiet imressqa quddiem il-Bord Superjuri tal-Appell, li l-President tal-Ewwel Bord ġie sostitwit bis-supplenti tiegħu wara li r-rikorrenti talbet ir-rikuża tiegħu, u li l-UASI ħa diversi miżuri oħrajn intiżi sabiex jiggarantixxu l-imparzjalità tal-proċedura. |
93 |
Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
94 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
95 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Martins Ribeiro Papasavvas Dittrich Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2008. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.