Kawża T-268/06
Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna favur kumpanniji tal-ajru minħabba d-danni kkawżati mill-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 — Deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija — Artikolu 87(2)(b) KE — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, dwar il-konsegwenzi tal-attentati tal-11 ta’ Settembru — Rabta kawżali bejn l-avveniment straordinarju u d-dannu — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2008 II - 1093
Sommarju tas-sentenza
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Portata – Interpretazzjoni stretta – Żvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra
(Artikolu 87(2)(b) KE)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Artikoli 88(3) KE u 230 KE)
Fil-każ ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE, li għajnuna mogħtija mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq komuni, l-Artikolu 87(2)(b) KE għandu jiġi interpretat restrittivament. Għalhekk, hija biss il-ħsara ekonomika direttament ikkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji li tista’ tiġi kkumpensata. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta bejn id-dannu kkawżat mill-avveniment straordinarju u l-għajnuna mogħtija mill-Istat u huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni kemm jista’ jkun preċiża tad-dannu subit. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna li tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, din għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni, anke jekk il-Kummissjoni tkun adottat pożizzjoni differenti fil-kuntest ta’ komunikazzjoni preċedenti relatata mal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, anke jekk, skont il-komunikazzjoni, kull kumpens mogħti skont l-Artikolu 87(2)(b) KE għandu jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti matul terminu partikolari, għajnuna li tikkumpensa d-dannu li rriżulta wara dan it-terminu imma li għandha rabta kawżali diretta mal-avveniment straordinarju kkonċernat u li ġiet evalwata fid-dettall għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni.
(ara l-punti 52, 53)
Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha meta hija adottat din id-deċiżjoni. Għalhekk, quddiem il-qorti Komunitarja ma jistgħux jiġu ppreżentati fatti li ma kinux ġew ippreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE.
(ara l-punt 55)