SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
25 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna favur kumpanniji tal-ajru minħabba d-danni kkawżati mill-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 — Deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija — Artikolu 87(2)(b) KE — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, dwar il-konsegwenzi tal-attentati tal-11 ta’ Settembru — Rabta kawżali bejn l-avveniment straordinarju u d-dannu — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T-268/06,
Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Anestis, avukat, T. Soames, G. Goeteyn u S. Mavrogenis solicitors, u M. Pinto de Lemos Fermiano Rato, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Righini u I. Chatzigiannis, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1580 finali tas-26 ta’ April 2006, dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat C 39/2003 (ex NN 119/2002) li r-Repubblika Ellenika implementat favur kumpanniji tal-ajru wara dannu subit mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Permezz tal-komunikazzjoni COM(2001) 574 finali, tal-10 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001”), il-Kummissjoni informat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha tal-konswegwenzi għall-industrija tat-trasport bl-ajru wara l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti. |
2 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fil-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 87(2)(b) KE jippermetti li jiġu megħluba ċerti diffikultajiet li kellhom il-kumpanniji tal-ajru minħabba l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001. Skont din il-komunikazzjoni, fid-dawl tan-natura straordinarja tal-avvenimenti inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu setgħu jawtorizzaw il-kumpens, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ewwel nett, tal-ispejjeż sostnuti minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Amerikan matul erbat ijiem (mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001), u, it-tieni nett, tal-ispejjeż ta’ assigurazzjonijiet (punti 28 sa 41 tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001). |
3 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom għandu jkun suġġett kull kumpens, il-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 tipprovdi li dan għandu jingħata mingħajr diskriminazzjoni, għandu jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 u l-ammont tiegħu għandu jkun ikkalkolat b’mod eżatt u oġġettiv u għandu jsegwi l-metodoloġija speċifika proposta mill-Kummissjoni. |
4 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2001 indirizzata lill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni pprovdiet dettalji addizzjonali dwar il-kalkolu tal-kumpens li kellu jingħata lil kull kumpannija tal-ajru. |
5 |
Wara skambju ta’ ittri bejn Diċembru 2001 u Lulju 2002, l-awtoritajiet Elleniċi informaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2002, bil-metodi tal-kalkolu tal-kumpens tar-rikorrenti, Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE, minħabba dannu subit minn din tal-aħħar wara li seħħew l-avvenimenti inkwistjoni. Skont din l-ittra, id-dettalji tal-kumpens kienu dawn li ġejjin:
|
6 |
Sussegwentement, mis-somma totali ta’ dawn l-ammonti ta’ flus ġie dedott l-ammont ta’ EUR 278797 għall-kombustibbli li kellu jintuża kieku ma kienx hemm bdil fl-iskeda tat-titjiriet. L-ammont aħħari ta’ EUR 4827586.21 kien diġà ngħata lir-rikorrenti fix-xahar ta’ Lulju 2002 skont l-Artikolu 45(17) tal-liġi Nru 2992/2002 (FEK A’ 54/20.3.2002) kif ukoll id-digriet ministerjali komuni tas-27 ta’ Mejju 2002 (FEK B’ 682/31.5.2002). |
7 |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni u stiednet l-awtoritajiet Elleniċi sabiex jipprovduha b’ċerti dokumenti u dettalji addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Barra minn hekk, hija stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, C 199, p. 3). |
8 |
L-awtoritajiet Elleniċi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2003. Skont din l-ittra, id-dannu reali li rriżulta mill-annullament ta’ seba’ titjiriet bir-ritorn skedati għall-perijodu mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 lejn New York, lejn Tel-Aviv (l-Israel), lejn Toronto vija Montréal (il-Kanada) u lejn Boston (l-Istati Uniti) kien jammonta għal EUR 1921203.20. Din is-somma ma kinitx tinkludi t-telf sostnut wara l-annullament tal-biljetti ta’ titjiriet oħra li għalihom it-titjiriet annullati kienu titjiriet ta’ korrispondenza. Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mat-titjira li ntemmet f’Halifax minflok f’Toronto, l-awtoritajiet Elleniċi ppreżentaw evalwazzjoni li turi li dawn kienu jammontaw għal EUR 38056. Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta man-nota tat-tfakkir tat-titjira tal-11 ta’ Settembru 2001 lejn New York, l-awtoritajiet Elleniċi kkalkolawhom mill-ġdid sabiex jammontaw għal EUR 3421. Fir-rigward tal-annullament ta’ tliet titjiriet bir-ritorn lejn New York u lejn Toronto vija Montréal fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001, l-awtoritajiet Elleniċi enfasizzaw li d-dannu subit kien direttament marbut mal-għeluq tal-ispazju tal-ajru mill-11 sal-14 ta’ Settembru u li kien jammonta għal EUR 977257. Fir-rigward tal-“ferry flights”, l-awtoritajiet Elleniċi ppreċiżaw li dawn kienu jikkonċernaw titjira lejn New York fit-18 ta’ Settembru 2001 u żewġ titjiriet lejn Toronto, vija Montréal, fl-20 u fis-26 ta’ Settembru 2001. Id-dannu li rriżulta minn dawn it-titjiriet speċjali, li seta’ jimplika n-nuqqas ta’ passiġġieri għat-titjiriet bir-ritorn lejn Ateni, kien jammonta għal EUR 487312.17. Skont l-awtoritajiet Elleniċi, dan id-dannu kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien direttament marbut mal-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001. |
9 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ministru Grieg tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni talab lill-Kummissjoni tapprova ammont ta’ EUR 3770717.70 kif ukoll l-ammonti ta’ flus imsemmija fl-inċiżi tnejn sa disa’ tal-punt 5 iktar ’il fuq, bħala kumpens għad-danni direttament marbut mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-awtoritajiet Elleniċi sostnew li huma kienu ser jippreżentaw dokumenti ta’ sostenn fi żmien qasir. |
10 |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Elleniċi li huma kienu għadhom ma pprovdewx l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Novembru 2003 u tagħthom terminu ta’ ġimagħtejn sabiex jipprovduha. |
11 |
L-awtoritajiet Elleniċi ma ssodisfawx din it-talba. |
Id-deċiżjoni kkontestata
12 |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha C(2006) 1580 finali, tas-26 ta’ April 2006, dwar skema ta’ għajununa mill-Istat C 39/2003 (ex NN 119/2002) li r-Repubblika Ellenika implementat favur kumpanniji tal-ajru wara dannu subit mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Ellenika favur ir-rikorrenti kienet kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-kumpens mogħti għall-perijodu mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 sal-ammont massimu ta’ EUR 1962680. Dan l-ammont jirrappreżenta EUR 1921203 għall-annullament ta’ seba’ titjiriet bir-ritorn lejn New York, Tel Aviv, Toronto vija Montréal u Boston, EUR 38056 għall-inżul u l-waqfa f’Halifax tat-titjira oriġinarjament prevista lejn Toronto u EUR 3421 għan-nota ta’ tfakkir tat-titjira tal-11 ta’ Settembru 2001 lejn New York (premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata). |
13 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-annullament ta’ tliet titjiriet bir-ritorn, waħda minnhom lejn New York fil-15 ta’ Settembru 2001 u tnejn lejn Toronto vija Montréal fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001, li jammontaw għal EUR 977257, kif ukoll tal-ispejjeż rigward il-“ferry flights” li jammontaw għal EUR 487312, il-Kummissjoni tindika li ma kinux marbuta mar-riperkussjonijiet indiretti tal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 li nħassu f’bosta oqsma tal-ekonomija dinjija (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata). |
14 |
Fir-rigward b’mod partikolari tat-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn New York, il-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu kif ġej:
|
15 |
Fir-rigward tal-annullament ta’ żewġ titjiriet lejn Toronto vija Montréal, din tirriżulta mill-għażla tar-rikorrenti, fis-sens li kienet dovuta minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma kellhiex iktar ajruplani u kienet għażlet li twettaq it-titjiriet l-oħra skedati, jew inkella minħabba l-fatt li l-azzjonijiet dwar il-verifikazzjonijiet tekniċi u l-prenotazzjoni ta’ slots ma setgħux isiru fil-ħin mir-rikorrenti (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata). |
16 |
Fir-rigward tal-“ferry flights”, il-Kummissjoni tenfasizza li l-implementazzjoni tagħhom tirriżulta mill-għażla tar-rikorrenti, li fir-rigward tagħha għandu jintalab kumpens min-naħa tal-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Kanada, peress li dawn it-titjiriet saru fuq talba tagħhom (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). |
17 |
Għaldaqstant, l-ispejjeż inkwistjoni ġew ikkunsidrati bħala li ma jikkwalifikawx għal kumpens skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull ammont ta’ iktar minn EUR 1962680 imħallas lir-rikorrenti kien jikkostitwixxi għajnuna li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata) u talbet lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupraha (Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
19 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. |
20 |
Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha. |
21 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Fid-dritt
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2)(b) KE, u t-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni. L-ewwel motiv essenzjalment jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball manifest fl-evalwazzjoni dwar il-kumpens marbut man-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti, u, it-tieni nett, ma żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kumpens marbut mal-bqija tan-netwerk tagħha. |
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2)(b) KE
L-argumenti tar-rikorrenti
24 |
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni evalwat il-fatti ta’ dan il-każ b’mod manifestament żbaljat u, għalhekk, kisret l-Artikolu 87(2)(b) KE, billi qieset li d-dannu subit, l-ewwel nett, mill-annullament ta’ tliet titjiriet bir-ritorn lejn New York u lejn Toronto vija Montréal u, it-tieni nett, mill-implementazzjoni ta’ “ferry flights”, ma jippreżenta ebda rabta kawżali diretta mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 li wasslu għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Istati Uniti u tal-Kanada. Minbarra hekk, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-telf li rriżulta mill-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 rigward il-bqija tan-netwerk tagħha, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tad-dannu li rriżulta bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2001. |
25 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(2)(b) KE kull dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 ma jistax jiddefinixxi n-natura tar-rabta kawżali diretta rikjesta minn din id-dispożizzjoni u konsegwentement lanqas jista’ jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu li teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ skont l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bil-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-istat, sakemm dawn ma jwarrbux ir-regoli tat-Trattat u jiġu aċċettati mill-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li mhijiex intiża biss għad-dannu li jirriżulta mill-għeluq tal-ispazju tal-ajru imma wkoll għal dak li għandu rabta kawżali diretta mal-għeluq tiegħu. Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-Artikolu 87(2)(b) KE. |
26 |
Dan l-approċċ tal-Kummissjoni lanqas huwa ġġustifikat mir-referenza għal deċiżjonijiet oħra li fihom hija adottat fehma simili. Barra minn hekk, safejn id-dannu subit mir-rikorrenti wara l-14 ta’ Settembru 2001 jirriżulta direttament mill-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, din sabet ruħha f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ kumpanniji tal-ajru oħra li fir-rigward tagħhom ma ġietx stabbilita din iċ-ċirkustanza. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, fl-ittra tagħhom tal-24 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), l-awtoritajiet Elleniċi talbu l-awtorizzazzjoni li jħallsu l-ammonti ta’ flus għall-finijiet li jikkumpensaw ukoll id-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 abbażi tal-Artikolu 87(2)(b) KE. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika qatt ma kienet ser taċċetta l-approċċ restrittiv propost mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, kif jidher ukoll mil-liġi Nru 2992/2002, li jipprevedi kuntest ta’ kumpens iktar wiesa’. |
27 |
Barra minn hekk, għandu jkun paċifiku li l-għeluq tal-ispazju tal-ajru kien il-konsegwenza tal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, peress li dawn tal-aħħar kienu avvenimenti straordinarji fis-sens tal-Artikolu 87(2)(b) KE. |
28 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li din tal-aħħar wettqet analiżi tal-għajnuna mhux biss abbażi tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, imma wkoll fir-rigward tal-Artikolu 87(2)(b) KE. Kuntrarjament, id-deċiżjoni kkontestata hija kkaratterizzata minn applikazzjoni awtomatika tal-kriterju li jipprovdi li kull dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 ma kellux rabta kawżali mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 li wasslu għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, id-dannu kollu li għalih ir-rikorrenti rċeviet kumpens jirrappreżenta rabta kawżali diretta mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. |
Fuq id-danni dwar in-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti
29 |
Fir-rigward tal-annullament tat-titjira bir-ritorn lejn New York oriġinarjament prevista fil-15 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti tenfasizza li, minkejja t-talbiet tagħha, l-ajruport internazzjonali John F. Kennedy (JFK) ma pprovdiex slot għaliha għal dik il-ġurnata, imma għas-16 ta’ Settembru biss, kif jidher minn faks tal-Federal Aviation Authority (awtorità federali tal-avjazzjoni ċivili Amerikana) tal-14 ta’ Settembru 2001. In-nuqqas ta’ disponibilità ta’ slot kienet dovuta għad-domanda kbira li kien hemm min-naħa ta’ kumpanniji tal-ajru immedjatament wara l-ftuħ mill-ġdid gradwali tal-ispazju tal-ajru, u huwa minħabba interruzzjoni kkawżata mill-għeluq matul erbat ijiem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ajruport ta’ JFK ma setax jissodisfa t-talbiet kollha li saru għal slots, sitwazzjoni li hija simili għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru għar-rikorrenti. Il-fatt li l-imsemmi faks ma ġiex ippreżentat mill-awtoritajiet Elleniċi matul il-proċedura amministrattiva mhuwiex determinanti, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq in-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 u l-annullament tat-titjira bir-ritorn lejn New York oriġinarjament prevista fil-15 ta’ Settembru 2001, skont il-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001. |
30 |
Fir-rigward tal-annullament taż-żewġ titjiriet bir-ritorn lejn Toronto vija Montréal fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti tenfasizza li l-awtoritajiet Kanadiżi obbligaw lil dan l-ajruplan li wettaq din il-konnessjoni fil-11 ta’ Settembru 2001 sabiex dakinhar jinżel f’Halifax u jibqa’ hemm sal-15 ta’ Settembru 2001 inkluża. Dan l-ajruplan seta’ biss jirritorna lura lejn Ateni fis-16 ta’ Settembru 2001 fil-5.30 ta’ filgħodu. Għalhekk, it-tliet ajruplani l-oħra Airbus A 340/400 tar-rikorrenti, li kienu l-uniċi ajruplani li setgħu jwettqu titjiriet transatlantiċi, kellhom iservu destinazzjonijiet oħra, li kien ifisser l-annullament tat-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn Toronto vija Montréal. Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti kienet obbligata tannulla t-titjira tas-16 ta’ Settembru 2001 ukoll lejn Toronto vija Montréal. Fil-fatt, minħabba l-immobilizzazzjoni tal-ajruplan sal-15 ta’ Settembru 2001 f’Halifax, kien impossibbli li, sabiex tiġi assigurata din it-titjira, issir spezzjoni teknika kbira, jitlesta l-ajruplan, jiġu informati l-passiġġieri u jiġu pprenotati slots fl-ajruporti ta’ Montréal u ta’ Toronto, fid-dawl tal-fatt li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet Kanadiżi ma kkomunikawx minn qabel il-ħin eżatt li fih l-ajurplan kien awtorizzat li jinżel fil-15 ta’ Settembru 2001. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li l-annullament ta’ dawn iż-żewġ titjiriet jikkostitwixxi għażla tar-rikorrenti huwa manifestament żbaljat. Kuntrarjament, dawn iż-żewġ titjiriet jikkostitwixxu konsegwenza diretta tal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 li wasslu għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru u għalhekk hija indipendenti mir-rieda tagħha. In-nuqqas ta’ ajruplani disponibbli li kien argument invokat mill-Kummissjoni ma wassalx għall-annullament tat-titjiriet inkwistjoni, imma kien konsegwenza tal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001. Għalhekk, id-dannu għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħti lok għall-kumpens abbażi tal-Artikolu 87(2)(b) KE, indipendentement mill-fatt li rriżulta fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001. |
32 |
Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-ajruplan li kellu jwettaq titjira lejn New York fil-15 ta’ Settembru 2001 ma ġiex użat sabiex jassigura t-titjiriet lejn il-Kanada peress li ġie użat għat-titjira tas-16 ta’ Settembru 2001 lejn New York. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Kanadiżi ma tawhiex il-possibbiltà li twettaq titjiriet lejn il-Kanada ħlief b’effett mis-16 ta’ Settembru 2001. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, it-titjiriet lejn l-ixlokk tal-Asja u l-Awstralja kienu twettqu minn ajruplan wieħed, li niżel fl-Asja u kompla bi triqtu lejn l-Awstralja, id-destinazzjoni finali tiegħu. Għalhekk, il-ħames destinazzjonijiet (l-Afrika, ix-xlokk tal-Asja, l-Awstralja, l-Istati Uniti u l-Kanada) setgħu jinqdew minn erba’ ajruplani. |
33 |
Fir-rigward tal-“ferry flights” lejn New York (fit-18 ta’ Settembru 2001) u lejn Toronto vija Montréal (fl-20 u fis-26 ta’ Settembru 2001), ir-rikorrenti tosserva li l-implementazzjoni ta’ dawn it-titjiriet hija wkoll direttament marbuta mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 u ma tirriżultax mill-pressjoni tal-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Kanada għar-ripatriazzjoni taċ-ċittadini tagħhom. Fil-fatt, il-listi twal ta’ stennija għal titjiriet normali, minħabba l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, pprekludew lill-passiġġieri milli jagħmlu prenotazzjoni tal-imsemmija titjiriet, li obbligat lir-rikorrenti timplementa l-“ferry flights”. |
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti
34 |
Ir-rikorrenti tenfasizza li jekk il-Kummissjoni kkunsidrat l-ammont ta’ EUR 1921203 minħabba l-annullament tas-seba’ titjiriet bir-ritorn lejn New York, lejn Tel-Aviv, lejn Toronto vija Montréal u lejn Boston bħala li jikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), madankollu hija m’approvatx il-kumpens bħala dannu dwar il-bqija tan-netwerk tagħha għall-perijodu mill-11 sal-15 ta’ Settembru 2001. Għalhekk, id-dannu jammonta għal madwar EUR 1212032. |
35 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li, skont dak li ntqal, id-dannu dovut għall-interruzzjoni tal-programm ta’ titjiriet tagħha tal-15 ta’ Settembru 2001 għandu jitqies eliġibbli għall-kumpens skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. Dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 kif ukoll mill-ittra tal-14 ta’ Novembru 2001 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti tenfasizza li t-telf dwar il-bqija tan-netwerk tagħha jammonta għal nofs id-dannu subit fin-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq u ta’ Israel. Għalhekk, dawn ma tqiesux b’mod żbaljat fuq il-bażi waħdanija tal-interpretazzjoni arbitrarjament restrittiva tal-kunċett tar-rabta kawżali, bħal dik li saret fil-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha tapprova l-ammonti mħallsa bħala kumpens għad-dannu fir-rigward tal-bqija tan-netwerk għall-perijodu mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001. |
36 |
Fir-rigward tal-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Elleniċi waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tinforma ruħha bil-kontenut eżatt tal-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 u b’mod partikolari, bil-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi taw informazzjoni addizzjonali li ma tikkonċernax id-dannu kollu subit wara l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001. Barra minn hekk, l-iskema tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ġiet implementata mill-awtoritajiet Elleniċi abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Minbarra hekk, hija ma setgħetx tqis li l-analiżi tal-Kummissjoni tkun ibbażata biss fuq elementi frammentarji inklużi fl-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-informazzjoni li l-preżentazzjoni tagħha saret mill-awtoritajiet Elleniċi f’ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 kienet tikkonċerna l-ammonti msemmija fil-punt 17.2 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (li għaliha saret referenza fl-inċiżi tnejn sa disa’ tal-punt 5 iktar ’il fuq) u mhux id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni tagħmel referenza għalih fil-punt 17.1 tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, l-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 tindika b’mod ċar li hija ma tikkonċernax telf dwar l-annullamenti tal-biljetti ta’ titjiriet oħra li għalihom it-titjiriet annullati kienu titjiriet ta’ korrispondenza. Sabiex jiġi identifikat l-ammont ta’ dan it-telf, huwa biżżejjed li jiġi mnaqqas l-ammont li hemm referenza għalih fl-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 mill-ammont imsemmi fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Elleniċi tikkonċerna ammont ogħla minn dak li huwa ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-deċiżjoni kkontestata. |
37 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-faxxikolu tal-Kummissjoni jinkludi informazzjoni adegwata għall-ammonti kollha li jikkostitwixxu d-dannu subit minħabba l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, kif jidhru fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-kompletezza tal-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Elleniċi lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ dokumenti inklużi fil-faxxikolu ta’ din il-kawża. |
38 |
Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti huwa manifestament żbaljat u jikser l-Artikolu 87(2)(b) KE. |
L-argumenti tal-Kummissjoni
39 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu tal-argumenti tar-rikorrenti. Hija tindika li, skont il-ġurisprudenza, il-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jorbtuha kif jorbtu ukoll lill-Istati Membri li aċċettawhom. L-awtoritajiet Elleniċi sostnew kemm-il darba, waqt il-proċedura amministrattiva, li huma kienu eżaminaw it-talbiet għal kumpens ippreżentati mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001. |
40 |
Minbarra hekk, il-Kummissjoni tosserva li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, hija wettqet analiżi tal-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti mhux biss abbażi tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, imma wkoll fir-rigward tal-Artikolu 87(2)(b) KE, kif jidher ukoll mill-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva. |
41 |
Il-Kummissjoni tiċħad l-interpretazzjoni tal-komunikazzzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 proposta mir-rikorrenti, li anki d-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 seta’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(2)(b) KE. Fil-fatt, dan huwa eskluż mil-kliem tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001. Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-avveniment straordinarju f’dan il-każ, il-Kummissjoni tenfasizza li huma l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 li jikkostitwixxu l-imsemmi avveniment u mhux l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, li hija l-konsegwenza tal-attentati. |
42 |
Il-Kummissjoni ssostni li la l-awtoritajiet Elleniċi u lanqas ir-rikorrenti ma ppreżentaw, waqt il-proċedura amministrattiva, provi li juru li d-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 kien jippreżenta rabta kawżali mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001. |
43 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ kumpanniji tal-ajru oħra li ma ġewx allokati ammonti ta’ għajnuna li jikkorrispondu mad-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001. |
Fuq id-dannu dwar in-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti
44 |
Fir-rigward tal-annullament tat-titjira bir-ritorn tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn New York, il-Kummissjoni tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li sostnew l-awtoritajiet Elleniċi fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Novembru 2003, waqt il-proċedura amministrattiva, huma ma ppreżentawx provi li juru l-impossibbiltà li tiġi pprenotata slot fl-ajruport JFK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni mill-ġdid l-evalwazzjoni li hija għamlet fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-faks tal-Federal Aviation Authority (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) ġie ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u f’kull każ, ma jirreferix għall-15 ta’ Settembru 2001 u lanqas jagħti l-possibbiltà li ssir spjegazzjoni dwar il-fatt li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikseb slot minkejja li kumpanniji tal-ajru oħra rnexxielhom jagħmlu dan. |
45 |
Fir-rigward tal-annullament tat-titjiriet bir-ritorn fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001 lejn Toronto vija Montréal, il-Kummissjoni sostniet li n-nuqqas ta’ ajruplani kienet problema ta’ kuljum li għandhom il-kumpanniji tal-ajru u għalhekk, ma jistax jitqies bħala avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 87(2)(b) KE. Il-Kummissjoni m’għandhiex provi li juru r-rabta kawżali rikjesta mal-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001. Fi kwalunkwe każ, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija kontradittorja safejn din tal-aħħar issostni li kienet annullat titjira lejn New York fil-11 ta’ Settembru 2001 mingħajr madankollu ma użat l-ajruplan li kellu jwettaq din it-titjira sabiex twettaq it-titjira lejn il-Kanada. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistaqsi jekk kienx possibbli matul dan il-perijodu li r-rikorrenti twettaq titjiriet regolari lejn l-Afrika, ix-Xlokk tal-Asja, l-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika, peress li hija kellha biss erba’ ajruplani disponibbli. |
46 |
Fir-rigward tal-“ferry flights”, il-Kummissjoni tenfasizza li l-implementazzjoni tagħhom tikkostitwixxi għażla kummerċjali magħmula mir-rikorrenti wara t-talbiet ippreżentati mill-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Kanada. Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jitqiesu bħala simili għall-avvenimenti straordinarji skont l-Artikolu 87(2)(b) KE, li, bħala dispożizzjoni li tintroduċi derogi għall-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, għandha tiġi interpretata restrittivament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Elleniċi ma ppreżentawx provi li juru rabta kawżali bejn l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 u l-implementazzjoni ta’ dawn it-titjiriet. |
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti
47 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-korrispondenza kollha li hija kellha mal-awtoritajiet Elleniċi u elementi li hija kellha matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tirrileva li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Elleniċi ma ppreżentawx informazzjoni dwar id-dannu rigward in-netwerk tar-rikorrenti minbarra dawk it-titjiriet ġejjin minn jew lejn l-Istati Uniti u l-Kanada. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002 hija insuffiċjenti, minkejja li l-awtoritajiet Elleniċi rreferew għall-preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fl-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq) mingħajr ma wettquha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti kellha d-dritt tintervjeni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, bħala parti interessata li ġiet mistiedna tagħmel dan fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni setgħet biss tadotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha. |
48 |
Minn dan jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
49 |
L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li n-natura straordinarja tal-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001 fis-sens tal-Artikolu 87(2)(b) KE mhijiex ikkontestata (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-punt 35 tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, li tipprovdi li “l-ispejjeż li jirriżultaw direttament mill-għeluq tal-ispazju tal-ajru Amerikan mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 huma l-konsegwenza diretta tal-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001”, kif ukoll tal-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hemm imfakkar li “in-natura tal-‘avveniment straordinarju’ tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Istati Uniti mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001”, jirriżulta li mhux biss l-attentati imma wkoll l-għeluq tal-ispazju tal-ajru huma kklassifikati bħala avvenimenti straordinarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi mqajma mill-każwa preżenti jirrikjedu biss li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn dawn l-avvenimenti u d-dannu speċifiku invokat mir-rikorrenti. |
50 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-portata tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 fil-kuntest tal-kawża preżenti, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija marbuta mill-linji gwida u mill-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, safejn dawn ma jwarrbux ir-regoli tat-Trattat u jekk dawn ikunu ġew aċċettati mill-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-linji gwida u l-komunikazzjonijiet jorbtu, l-ewwel nett, lill-Kummissjoni nnfisha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 69). |
51 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 87(2) KE jirreferi għall-għajnuna li hija kompatibbli fid-dritt mas-suq komuni inkwantu din tissodisfa ċerti kriterji oġġettivi. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, peress li dawn il-kriterji huma sodisfatti, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 17). |
52 |
Barra minn hekk, peress li din hija eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li għajnuna mogħtija mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq komuni, stabbilit fl-Artikolu 87(2)(b) KE, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata restrittivament. Għalhekk, huwa biss id-dannu ekonomiku kkawżat direttament minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji li jista’ jiġi kkumpensat. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta bejn id-dannu kkawżat mill-avveniment straordinarju u l-għajnuna mogħtija mill-Istat u huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tad-dannu subit (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq). |
53 |
Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti, hija għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni, anki jekk il-Kummissjoni tkun adottat pożizzjoni differenti fil-kuntest ta’ komunikazzjoni preċedenti dwar il-miżura inkwistjoni. Għalhekk, anki jekk, skont il-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, kull kumpens mogħti skont l-Artikolu 87(2)(b) KE għandu jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001, għajnuna li tikkumpensa d-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 imma li għandu rabta kawżali diretta mal-avveniment straordinarju u li ġie evalwat fid-dettall għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-ammonti tad-dannu li rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001 kienu ineliġibbli għall-kumpens skont l-Artikolu 87(2)(b) KE abbażi tal-fatt li rriżulta wara din id-data, imma eżaminat ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-avvenimenti inkwistjoni u d-dannu li kkawżaw (ara l-punt 60 iktar ’il quddiem). |
54 |
Konsegwentement, għandu jiġi miċħud mill-bidu l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-Repubblika Ellenika aċċettat b’mod espliċitu l-prinċipju stabbilit fil-punt 35 tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001, li jipprovdi li kull kumpens imħallas skont l-Artikolu 87(2)(b) KE għandu jikkonċerna biss l-ispejjeż sostnuti mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001. Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-awtoritajiet Elleniċi rrilevaw fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002 li l-kumpens imħallas kien limitat għall-kumpens ta’ dannu subit matul l-ewwel ġranet wara l-attentati, madankollu huma talbu l-awtorizzazzjoni li jħallsu l-ammonti għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu li rriżulta sas-26 ta’ Settembru 2001 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Għalhekk, huwa ċar li l-imsemmija awtoritajiet kienu fehmu l-kunċett ta’ “l-ewwel ġranet wara l-attentati” bħala li jirreferu wkoll għall-perijodu sa din id-data. |
55 |
Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha meta hija adottat din id-deċiżjoni. Għalhekk, quddiem il-qorti Komunitarja ma jistgħux jiġu ppreżentati elementi ta’ fatt li ma kinux ġew ippreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-200/04, Ġabra p. II-34, punt 53). |
56 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu analizzati l-motivi invokati insostenn tar-rikors preżenti. |
Fuq id-dannu dwar in-network tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti
— Fuq it-titjira bir-ritorn lejn New York oriġinarjament prevista fil-15 ta’ Settembru 2001
57 |
Fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-awtoritajiet Elleniċi jew mir-rikorrenti ta’ informazzjoni dwar ir-raġuni tan-nuqqas ta’ kisba ta’ slot fl-ajruport JFK fil-15 ta’ Settembru 2001 kif ukoll in-nuqqas ta’ prova dwar ir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ dan l-ajruport li jagħti slot lir-rikorrenti f’din id-data. |
58 |
Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Elleniċi indikaw, fil-punt I.3 tal-ittra tagħhom tal-24 ta’ Settembru 2002, li t-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn New York kienet ġiet annullata minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ nżul ta’ kumpanniji barranin fl-ajruport JFK. |
59 |
Fil-punt 41(a) tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet l-awtoritajiet Elleniċi li jipprovduha b’kull dokument u b’kull informazzjoni addizzjonali dwar kif l-awtoritajiet Amerikani kienu ipprekludew it-titjiriet tal-kumpanniji tal-ajru Elleniċi li jitilqu fil-15 ta’ Settembru 2001. Bħala risposta, fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Novembru 2003, l-awtoritajiet Elleniċi spjegaw li t-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn New York kienet ġiet annullata minħabba nuqqas ta’ slot. Dan in-nuqqas ta’ slot, ikkawżat minħabba domanda eċċezzjonalment għolja matul il-jiem wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ispazju tal-ajru, ikkostitwixxa konsegwenza diretta tal-interruzzjoni tat-titjiriet matul l-erbat ijiem preċedenti. Fir-rigward tal-prova tar-rifjut tal-għoti ta’ slot fl-ajruport JFK, l-awtoritajiet Elleniċi sostnew li kienu talbu l-provi neċessarji mingħand ir-rikorrenti sabiex jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. |
60 |
Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-ammonti li jikkorrispondu għall-annullament ta’ din it-titjira ma kinux eliġibbli għall-kumpens skont l-Artikolu 87(2)(b) KE, għar-raġuni biss li din twettqet wara l-14 ta’ Settembru 2001. Kuntrarjament, kif intqal fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni talbet l-awtoritajiet Elleniċi, fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tipprovdiha b’kull prova dwar kif l-awtoritajiet Amerikani kienu pprekludew it-titjiriet lill-kumpanniji tal-ajru Elleniċi mill-15 ta’ Settembru 2001. |
61 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Elleniċi ma ppreżentaw ebda prova matul il-proċedura amministrattiva li turi r-rifjut tal-għoti ta’ slot jew raġuni għal dan ir-rifjut, minkejja t-talba li kienet indirizzatilhom il-Kummissjoni. Għandu jingħad ukoll li, skont l-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), l-awtoritajiet Elleniċi talbu lir-rikorrenti tippreżentalhom prova li turi l-impossibbiltà li tiġi pprenotata slot fl-ajruport JFK fil-15 ta’ Settembru 2001 sabiex sussegwentement tippreżentaha lill-Kummissjoni. Madankollu, ebda prova ġdida ma waslet għand il-Kummissjoni. |
62 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-faks li hija ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istaza (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-faks ma jindikax li l-ajruport JFK ma tax slot lir-rikorrenti għall-15 ta’ Settembru 2001, imma biss li r-rikorrenti kellha slot għas-16 ta’ Settembru 2001. Għalhekk, in-nuqqas ta’ għoti ta’ slot għall-15 ta’ Settembru 2001 ma jistax jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-imsemmi fakx ħlief permezz ta’ interpretazzjoni a contrario li insostenn tagħha r-rikorrenti ma nvokat ebda prova oħra probatorja. |
63 |
Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti żviluppat fir-rigward tal-imsemmija titjira ma jistax jiġi milqugħ. |
— Fuq iż-żewġ titjiriet bir-ritorn lejn Toronto vija Montréal oriġinarjament previsti fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001
64 |
Fir-rigward tal-annullament taż-żewġ titjiriet bir-ritorn lejn Toronto vija Montréal fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet dovuta għall-għażla tar-rikorrenti. Fil-fatt, jew din tal-aħħar ma kellhiex ajruplani oħra disponibbli u kienet ippreferiet li twettaq titjiriet regolari, jew inkella hija ma kellhiex biżżejjed ħin sabiex twettaq il-verifiki tekniċi rikjesti jew li tipprenota l-islots neċessarji. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003, it-titjira lejn Toronto vija Montréal tal-15 ta’ Settembru 2001 ġiet annullata peress li l-ajruplan li kellu jwettaqha kien imġiegħel mill-awtoritajiet Kanadiżi li jibqa’ Halifax mill-11 sal-15 ta’ Settembru 2001 u ma setax jirritorna lejn Ateni ħlief fis-16 ta’ Settembru 2001 fil-5 h 30 ta’ wara nofsinhar. It-tliet Airbus A 340/400 oħra tar-rikorrenti, li kienu l-uniċi ajruplani tar-rikorrenti li setgħu jwettqu titjiriet transatlantiċi, kienu diġà ssodisfaw destinazzjonijet oħra fl-Afrika, fl-Asja, fl-Awstralja u fl-Istati Uniti, u din tal-aħħar kienet obbligata tannulla t-titjira inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, fir-rigward tat-titjira tas-16 ta’ Settembru 2001, ir-ritorn tardiv tal-ajruplan li kien qiegħed Halifax fisser li kien impossibbli li ssir spezzjoni teknika maġġuri, li jitlesta l-ajruplan, li jiġu nfurmati l-passiġġieri u li jiġu pprenotati slots fl-ajruporti ta’ Montréal u ta’ Toronto, fid-dawl tal-fatt li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet Kanadiżi ma kkomunikawx minn qabel il-ħin eżatt li fih l-ajurplan kien awtorizzat li jinżel fil-15 ta’ Settembru. |
66 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001, il-provi li abbażi tagħhom issostni l-argumenti tagħha l-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti sabiex isostnu l-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ajruplani oħra disponibbli, il-fatt li kumpannija tal-ajru tintalab tipprenota ajruplani sabiex twieġeb għall-konsegwenzi ta’ avveniment bħall-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 iwassal sabiex tiġi eskluża n-natura straordinarja ta’ dan l-avveniment. Jekk operatur diliġenti jista’ jipproteġi lilu nnifsu kontra l-konsegwenzi ta’ avveniment, dan tal-aħħar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt force majeure (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Marzu 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-220/04, Ġabra p. II-29, punti 175 u 176, u l-ġurisprudenza ċċitata) u lanqas, iktar minn hekk, taħt il-kunċett ta’ avveniment straordinarju skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 kif ukoll tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru li rriżultaw mill-avvenimenti straordinarji tinsab kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). |
67 |
Fir-rigward tal-allegata għażla tar-rikorrenti li twettaq titjiriet regolari oħra, għandu jingħad li mhijiex għażla imma obbligu kuntrattwali fir-rigward tal-passiġġieri ta’ din it-titjira, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu kien jimplika konsegwenzi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU L 36, p. 5), li kien fis-seħħ meta seħħew il-fatti. |
68 |
Fir-rigward tal-fatt li d-dannu dovut għall-annullament tat-titjira inkwistjoni rriżulta wara l-14 ta’ Settembru 2001, għandu jingħad li la mill-Artikolu 87(2)(b) KE u lanqas mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq ma jirriżulta li rabta diretta bejn l-avveniment straordinarju u d-dannu subit tippresupponi s-simultanjetà tagħhom. Kuntrarjament, il-possibbilità li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ din ir-rabta anki jekk id-dannu rriżulta ftit wara l-avveniment ma jistax jiġi eskluż b’mod ġenerali. |
69 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-titjira tal-15 ta’ Settembru 2001 lejn Toronto vija Montréal hija żbaljata. |
70 |
F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-annullament tat-titjira tas-16 ta’ Settembru 2001, għandu jiġi rrilevat li sabiex tiġġustifikah, ir-rikorrenti tirreferi għall-impossibbiltà li twettaq spezzjoni teknika kbira fuq l-ajruplan, li tavża lill-passiġġieri u li tipprenota slots fl-ajruporti ta’ Montréal u ta’ Toronto. |
71 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li la l-fatt li jiġu avżati l-passiġġieri u lanqas il-prenotazzjoni ta’ slots ma tikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, mill-mument li l-ajruplan telaq minn Halifax (fil-15 ta’ Settembru 2001) sakemm setgħet titwettaq it-titjira tas-16 ta’ Settembru 2001 (ir-rikorrenti ma ndikatx il-ħin li fih kienet skedata t-titjira) għadda ħin konsiderevoli. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar dettaljata dwar it-terminu neċessarju sabiex jiġu avżati l-passiġġieri u jiġu pprenotati slots, l-argument tar-rikorrent f’dan ir-rigward ma jistax jiġi aċċettat. |
72 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-faxxikolu m’għandu ebda informazzjoni dwar il-ħin meħtieġ sabiex jitwettqu l-verifiki tekniċi obbligatorji sabiex l-ajruplan ikun jista’ jintuża għat-titjira inkwistjoni. L-awtoritajiet Elleniċi llimitaw ruħhom li jiddikjaraw li l-ħin disponibbli ma kienx biżżejjed sabiex issir “spezzjoni kbira”, minkejja li l-Kummissjoni tafferma, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-azzjonijiet dwar il-verifiki tekniċi […] ma setgħux jiġu mwettqa fil-ħin mir-[rikorrenti]”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-awtoritajiet Elleniċi sostnew l-irbit inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva, kellhom jinformaw lill-Kummissjoni fi żmien xieraq għall-verifiki tekniċi stabbiliti fil-manwali tagħhom sabiex ineħħu d-dubji dwar ir-rabta kawżali bejn l-għeluq tal-ispazju tal-ajru u l-annullament tat-titjira inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ddeċidiet korrettament li l-annullament tat-titjira inkwisjtoni ma jippreżenta ebda rabta kawżali bejn l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001. |
— Fuq il-“ferry flights”
73 |
Fir-rigward tal-“ferry flights” tat-18, tal-20 u tas-26 ta’ Settembru 2001, għandu jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni, l-implementazzjoni tagħhom tikkostitwixxi għażla tar-rikorrenti, li għaliha kien hemm bżonn kemm li l-passiġġieri jintalbu jħallsu prezz inkluż l-ispejjeż tar-ritorn tal-ajruplan lejn Ateni, kif ukoll li jintalab kumpens adegwat mill-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Kanada. Għalhekk, l-ispejjeż ma kinux jirrappreżentaw rabta kawżali diretta mal-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 u mal-għeluq tal-ispazju tal-ajru, u għalhekk, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(2)(b) KE. |
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpens imħallas għad-dannu subit minħabba l-annullament tat-titjira lejn il-Kanada fil-15 ta’ Settembru 2001 ma kienx kompatibbli mas-suq komuni. |
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti
75 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ din tal-aħħar jippreġudika l-mertu tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-ammont ta’ għajnuna relatata magħha. Madankollu, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, li qabel xejn għandu jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. |
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
76 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapprova l-ammonti mħallsa bħala kumpens għad-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tagħha (madwar EUR 1212032). Dan japplika wkoll għall-ammonti msemmija fil-punt 5, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ inċiż iktar ’il fuq. |
77 |
Skont ir-rikorrenti, l-awtoritajiet Elleniċi kkomunikaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002, l-elementi kollha dwar id-dannu subit min-netwerk tagħha kollu. Din l-ittra rreferiet ukoll għall-ammonti msemmija fil-punt 5, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ inċiż iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha ssostni r-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li l-ammonti inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. |
78 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta’ dan il-motiv. Fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Minkejja dak li ntqal fl-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003, la l-awtoritajiet Elleniċi u lanqas ir-rikorrenti ma ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar dawn l-ammonti matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tinforma ruħha bl-elementi li ntbagħtu mir-rikorrenti lill-awtoritajiet Elleniċi. Minbarra hekk, il-Kummissjoni approvat l-ammonti kollha dwar il-perijodu mill-11 sal-14 ta’ Settembru 2001 li għalihom l-awtoritajiet Elleniċi kienu ppreżentaw spjegazzjonijiet fl-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma evalwatx fuq inizjattiva tagħha l-elementi li setgħu jiġġustifikaw, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ approċċ differenti minn dik espressa fil-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 u tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
79 |
Għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu informati bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u bil-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, INMA u Itainvest vs Il-Kummissjoni, T-323/99, Ġabra p. II-545, punt 55). |
80 |
F’din il-kawża, mill-premessi 21, 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 2 u 4 tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-ħlas tal-ammonti bħala kumpens għad-dannu dwar in-netwerk tar-rikorrenti barra l-Atlantiku ta’ Fuq u l-Israel kif ukoll l-ammonti li hemm referenza għalihom fil-punt 5, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ inċiż iktar ’il fuq, jikkostitwixxu għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni u li r-Repubblika Ellenika għandha titlob l-irkupru tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tadotta din il-konklużjoni. |
81 |
Dan in-nuqqas huwa iktar u iktar diffiċli li jiġi spjegat jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni tesponi b’mod eżawrjenti l-ammonti fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva. |
82 |
Minbarra hekk, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 36 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li, fir-rigward tan-netwerk barra l-Atlantiku ta’ Fuq u l-Israel, il-kumpens għandu jkun limitat għad-dannu dwar l-annullament tal-biljetti minħabba l-annullament ta’ titjira ta’ korrispondenza lejn jew minn post li fih mhemmx aċċess mill-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi essenzjalment kellhom jikkontestaw din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, mill-punti I.1 u I.2 tal-ittra tal-24 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) jirriżulta li, skont l-awtoritajiet Elleniċi, il-portata tar-riperkussjonijiet ikkonstatati fin-netwerk kollu imponiet li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tan-netwerk sħiħ sabiex jiġi kkalkolat id-dannu direttament dovut għall-avvenimenti straordinarji. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni definittiva fir-rigward tal-ammonti ta’ għajnuna inkwistjoni. |
83 |
Barra minn hekk, jekk huwa minnu li fil-punt 41(d) tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni titlob l-awtoritajiet Elleniċi li tippreżenta informazzjoni li turi r-rabta kawżali bejn id-dannu li huwa msemmi fil-punt 5, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ inċiż iktar ’il fuq, u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi insistew, fil-ittra tal-20 ta’ Novembru 2003, fuq in-neċessità li jiġu approvati l-ammonti relatati. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi fid-deċiżjoni kkontestata l-evalwazzjoni definittiva fir-rigward tal-ammonti ta’ għajnuna inkwistjoni. |
84 |
L-argument li l-Kummissjoni ppreżentat waqt is-seduta, li jgħid li l-motivazzjoni rigward l-ammonti ta’ għajnuna kkonċernati minn dan il-motiv tinsab fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din tal-aħħar tirreferi għall-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 u għan-nuqqas ta’ avveniment straordinarju wara l-14 ta’ Settembru 2001, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, skont l-ewwel frażi ta’ din il-premessa, “[i]l-Kummissjoni tiddeċiedi […] favur nuqqas ta’ konformità tas-sistema mat-Trattat, fil-parti l-kbira dwar dati wara l-14 ta’ Settembru 2001, u b’mod partikolari għall-ispejjeż ippreżentatati mir-[Repubblika Ellenika] għar-[rikorrenti] dwar il-perijodu wara l-14 ta’ Settembru 2001[, li] jammontaw għal […] sa […] madwar EUR 1464569 [,] mhux biss fir-rigward tal-iskadenza tal-perijodu pprovdut fil-punt 35 tal-komunikazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2001 imma wkoll u fuq kollox għan-nuqqas ta’ avveniment straordinarju u għall-bidla tan-natura tat-telf kumpensatorju li tirriżulta minn din l-estensjoni ta’ żmien”. |
85 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’din is-sentenza, il-Kummissjoni tirrepeti l-evalwazzjoni tagħha esposta fil-premessi 51 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, dawn il-premessi huma ddedikati lid-dannu subit fin-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti jew għad-dannu speċifiku msemmi fil-punt 5, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ inċiż iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-premessa ma tistax tiġi interpretata bħala li hija intiża wkoll għall-ammonti tal-aħħar. |
86 |
Barra minn hekk, għandu jingħad li l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-mertu ta’ dan il-motiv (ara l-punt 78 iktar ’il fuq) jikkonċerna l-każ fejn, f’deċiżjoni li tiddikjara għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tesponi raġunament ibbażat fuq l-elementi li l-Istat Membru kkonċernat jew il-partijiet interessati ppreżentawlha. F’sitwazzjoni bħal din, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi eventwali ta’ fatt jew ta’ dritt li setgħu jiġu ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva, imma li ma ġewx ippreżentati (is-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 49). Għad-differenza ta’ sitwazzjoni bħal din, ebda espożizzjoni tal-motivi li tista’ sservi bħala sostenn għad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata relatat mad-danni msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq ma tinsab f’dan il-punt. |
87 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, l-ewwel nett, l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu dwar in-netwerk tagħha barra l-Atlantiku ta’ Fuq u l-Israel, u, it-tieni nett, l-għajnuna dwar il-profitt mitluf tat-trasport tal-merkanzija, tal-spejjeż tal-ħsara fil-merkanzija sensittiva, tal-ispejjeż tal-kontroll tas-sigurtà addizzjonali tal-merkanzija, tal-ispejjeż marbuta mas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol mill-ħaddiema u tal-ispejjeż marbuta mal-miżuri urġenti ta’ sigurtà addizzjonali. |
88 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu marbut mal-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti (ara l-punt 75 iktar ’il fuq). |
89 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, hemm lok, l-ewwel nett, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tal-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti għad-dannu dovut għall-annullament tat-titjira lejn il-Kanada fil-15 ta’ Settembru 2001 kif ukoll għad-dannu li hemm referenza għalih fil-punt 87 iktar ’il fuq, u, it-tieni nett, li l-bqija tar-rikors jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
90 |
Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Martins Ribeiro Papasavvas Dittrich Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 2008. E. Coulon Reġistratur M. E. Martins Ribeiro President |
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Id-deċiżjoni kkontestata |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Fid-dritt |
|
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2)(b) KE |
|
L-argumenti tar-rikorrenti |
|
Fuq id-danni dwar in-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti |
|
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti |
|
L-argumenti tal-Kummissjoni |
|
Fuq id-dannu dwar in-netwerk tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti |
|
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq id-dannu dwar in-network tal-Atlantiku ta’ Fuq tar-rikorrenti |
|
— Fuq it-titjira bir-ritorn lejn New York oriġinarjament prevista fil-15 ta’ Settembru 2001 |
|
— Fuq iż-żewġ titjiriet bir-ritorn lejn Toronto vija Montréal oriġinarjament previsti fil-15 u fis-16 ta’ Settembru 2001 |
|
— Fuq il-“ferry flights” |
|
Fuq id-dannu dwar il-bqija tan-netwerk tar-rikorrenti |
|
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.