SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
19 ta’ Settembru 2008
Kawża T-253/06 P
Olivier Chassagne
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali – Uffiċjal li joriġina mid-dipartimenti extra-Ewropew Franċiżi (DOM) – Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Att konfermattiv – Stqarrija tas-salarju – Żnaturament tal-fatti – Żball ta’ liġi”
Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tad-29 ta’ Ġunju 2006, Chassagne vs Il‑Kummissjoni (F-11/05, ĠabraSP p. I-A-1-65 u II-A-1-241), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.
Deċiżjoni: Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Ġunju 2006, Chassagne vs Il‑Kummissjoni (F-11/05, ĠabraSP p. I-A-1-65 u II-A-1-241), huwa annullat. Il-kawża hija rrinvjata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż huma rriżervati.
Sommarju
1. Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rispett tad-dritt għal smigħ tal-appellant – Portata
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))
2. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju minn dan it-Tribunal – Ammissibbiltà
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1)(ċ))
3. Appell – Aggravji – Aggravju kontra kunsiderazzjoni ta’ sentenza li mhijiex neċessarja sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv tagħha – Aggravju ineffettiv – Neċessità li dan jiġi eżaminat wara li jiġu analizzati l-aggravji kontra l-kunsiderazzjonijiet esposti b’mod prinċipali
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))
4. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))
5. Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Punt ta’ tluq
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
6. Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Ilment kontra deċiżjoni għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ibbażata fuq oġġezzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk ta’ lment preċedenti kontra l-iffissar tal-ħin tal-ivvjaġġar – Ftuħ mill-ġdid tat-termini pprojbit – Esklużjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
1. Is-sempliċi fatt li l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għall-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar, jippermetti lill-qorti Komunitarja tiddeċiedi mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali, ma jawtorizzahiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li fir-rigward tagħhom l-appellant, għall-inqas, ma setax jieħu pożizzjoni. F’dan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li l-appellant kellu l-possibbiltà jsir jaf bl-imsemmija fatti u dokumenti, għaliex ir-rispett tad-dritt għal smigħ jeżiġi li dan seta’ jippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu.
(ara l-punti 29, 31)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 2006, AIT vs Il-Kummissjoni, C‑547/03 P, Ġabra p. I‑845, punti 18 u 36
2. Mill-Artikoli 225 KE, 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kritiċi tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ta’ dritt li fuqhom, b’mod speċifiku, hija bbażata din it-talba. Dan ir-rekwiżit ma jkunx sodisfatt meta l-appell, mingħajr ma jkun jinkludi saħansitra argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, fir-realtà, tali appell jikkostitwixxi talba sempliċiment intiża sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid it-talba mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fatt li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq il-motivi u l-argumenti li diġà ntużaw quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha.
(ara l-punti 54, 55)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 34 u 35; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punt 39
3. Għalkemm huwa veru li fil-kuntest ta’ appell aggravju kontra kunsiderazzjoni li kienet żviluppata biżżejjed fid-deċiżjoni appellata, li d-dispożittiv tagħha huwa ġġustifikat biżżejjed skont il-liġi minn kunsiderazzjonijiet oħra, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti, tali ċaħda ma tistax tiġi deċiża minn qabel, peress li din il-kwistjoni tiddependi fuq in-natura fondata jew le tal-aggravji mressqa kontra kunsiderazzjonijiet oħra. Għalhekk tali oġġezzjoni għandha tiġi eżaminata biss wara li tiġi analizzata l-validità tal-kunsiderazzjonijiet esposti preliminarjament, li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni appellata. Fil-każ fejn ebda mill-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma jippermettu li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni appellata, hemm lok li l-qorti Komunitarja teżamina l-aggravju kontra l-kunsiderazzjoni li ġiet żviluppata biżżejjed.
(ara l-punti 95, 96, 148)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Diċembru 1993, Pincherle vs Il‑Kummissjoni, C‑244/91 P, Ġabra p. I‑6965, punt 25; Il-Qorti tal-Ġustizzja 24 ta’ Jannar 1994, Boessen vs CES, C‑275/93 P, Ġabra p. I‑159, punti 25 u 26 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft, C‑181/02 P, Ġabra p. I‑5703, punt 49
4. Oġġezzjonijiet dwar il-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni appellata huma ammissibbli fl-istadju tal-appell meta l-appellant jallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun għamel konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess jew li jkun żnatura l-provi prodotti quddiemu. Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jkunu prodotti provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata.
(ara l-punti 99, 101)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 56; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata
5. L-effett tal-għoti tal-istqarrija tas-salarju ta’ kull xahar huwa li jibda jiddekorri t-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva meta din l-istqarrija tindika b’mod ċar l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, bħala żvilupp tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li abbażi tiegħu kull deċiżjoni individwali meħuda taħt ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata bil-miktub lill-uffiċjal ikkonċernat, din l-ipoteżi m’għandhiex tiġi interpretata b’mod wiesa’, b’mod li l-kundizzjoni li abbażi tagħha l-istqarrija tas-salarju għandha tindika b’mod ċar kemm l-eżistenza kif ukoll il-portata tad-deċiżjoni, għandha tkun strettament ivverifikata.
(ara l-punt 139)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Frar 1974, Kortner et vs Il-Kunsill et, 15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u 135/73 sa 137/73, Ġabra p. 177, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1998, Becret-Daniau et vs Il-Parlament, T‑232/97, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑495, punti 31 u 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il‑Parlament, T‑354/03, ĠabraSP p. I‑A‑33 u II‑147, punti 38 u 39
6. Deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 8(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkawżalu preġudizzju minnha nfisha u b’mod distint meta mqabbla ma deċiżjoni dwar l-iffissar tal-ħin tal-ivvjaġġar tiegħu u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkonferma lil din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ lment kontra d-deċiżjoni li tiffissa l-ħin tal-ivvjaġġar fih innifsu ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-ammissibbiltà ta’ lment sussegwenti kontra d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ladarba s-suġġetti tagħhom huma differenti. Dan għaliex is-sempliċi fatt li uffiċjal qajjem ċerti eċċezzjonijiet f’ilment ma jistax iżommu milli jqajjem l-istess eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ lment kontra deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju minnha nfisha.
Minn dan jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwettaq żball ta’ liġi meta jqis li l-fatt li, fil-kuntest ta’ lment kontra deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ir-rikorrent jista’ jressaq oġġezzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk imressqa preċedentement fil-kuntest ta’ lment kontra deċiżjoni dwar l-iffissar tal-ħin tal-ivvjaġġar tiegħu jikkostitwixxi estensjoni tat-termini għal preżentata ta’ rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni.
(ara l-punti 149-151, 153, 155)