Kawża T-217/06

Arkema France et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Multi — Gravità tal-ksur — Impatt konkret fuq is-suq — Effett dissważiv tal-multa — Reċidiva — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim — Attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ħlas fi ħdan grupp ta’ kumpanniji — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 253 KE)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret fuq is-suq — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

(Artikoli 81(1) KE u 229 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ tal-impriża responsabbli għall-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur adottata wara deċiżjonijiet oħra ta’ kundanna li ħadu inkunsiderazzjoni l-element tar-reċidiva — Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

(Artikoli 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, tat-tieni inċiż, punt 3)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni — Limitu stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 — Metodi ta’ applikazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din is-sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, liema fatt jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa waħda, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

L-implementazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma hijiex subordinata għall-eżistenza ta’ indizji supplimentari.

Fil-każ ta’ kumpannija parent li għandha kważi l-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, din il-kumpannija parent tinsab, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, f’dak li jirrigwarda s-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqduha ma’ dik il-kumpannija sussidjarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika għal din is-sitwazzjoni l-istess reġim ta’ prova, jiġifieri li tirrikorri għall-preżunzjoni li dik il-kumpannija parent tagħmel użu effettiv mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

(ara l-punti 43-46, 50, 53)

2.      Meta l-Kummissjoni tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti sabiex tattribwixxi aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, hija tkun f’pożizzjoni li tqis li l-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha.

Sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, hija l-kumpannija kkonċernata li għandha l-oneru li tressaq “provi suffiċjenti” ta’ tali natura li juru li l-kumpannija sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija għandha r-responsabbiltà li teżamina dawk il-provi u mhux li tressaq provi pożittivi biex tistabbilixxi l-eżerċizzju ta’ tali influwenza. Barra minn hekk, kieku kien suffiċjenti għall-parti interessata li tikkontesta l-imsemmija preżunzjoni billi tressaq sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati, il-preżunzjoni titlef l-utilità tagħha.

(ara l-punti 101, 110)

3.      Iċ-ċirkustanza li kumpannija hija holding ma tistax titqies li hija biżżejjed sabiex jiġi eskluż li kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha billi kkoordinat b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma f’kumpanniji diversi u li għalhekk il-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija.

Id-diviżjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji f’fergħat, li barra minn hekk, tinjora r-rabtiet fil-kapital azzjonarju bejn il-kumpanniji tal-grupp, hija indikazzjoni b’saħħitha li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ dawk il-fergħat taqa’ f’idejn il-kumpannija parent aħħarija tal-grupp. Tali funzjoni tal-kumpannija parent hija ta’ tali natura li teskludi l-awtonomija tal-aġir fis-suq tal-kumpannija sussidjarja.

Iċ-ċirkustanza li kumpannija parent għandha tawtorizza l-investimenti l-kbar tal-kumpannija sussidjarja tagħha hija indikazzjoni li din tal-aħħar taġixxi fis-suq waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kumpannija parent.

(ara l-punti 107, 113, 114)

4.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħrajn li jkunu kkonċernati direttament u individwalment mill-att biex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispjega l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha dwar is-suġġett ikkonċernat.

Meta, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id‑deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. B’hekk, sabiex tkun motivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-kumpanniji parent tal-impriżi li kontrihom tittressaq kawża minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tinkludi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, inkwantu din l-imputazzjoni tinfluwixxi fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmija impriżi, fejn huma jkunu kkontestaw din l-imputazzjoni matul il-proċedura amministrattiva u fejn huma b’hekk ikollhom interess li jikkontestaw fuq dan il-punt id-deċiżjoni adottata fir-rigward tagħhom, huma għandhom ikunu f’pożizzjoni, bl-istess mod bħall-kumpanniji parent tagħhom, li jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li peress li l-Kummissjoni bbażat l-imputazzjoni tal-ksur fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u li l-kumpanniji kkonċernati ssottomettew, matul il-proċedura amministrattiva, provi bil-għan li jikkonfutaw din il-preżunzjoni, id-deċiżjoni għandha tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-pożizzjoni li dawn il-provi ma jippermettux il-konfutazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni.

Madankollu, għalkemm skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni hija obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu d-deċiżjoni tagħha, ma huwiex meħtieġ li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li ġew issollevati minn kull parti interessata matul il-proċedura amministrattiva. B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha turi, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet għalfejn jidhrilha li l-provi ppreżentati ma humiex suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, minn dan ma jsegwix li hija obbligata, f’kull każ, li tiddiskuti speċifikament kull wieħed mill-elementi ppreżentati mill-impriżi kkonċernati. Risposta globali tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun suffiċjenti biex l-impriża tkun tista’ tiddefendi b’mod utli d-drittijiet tagħha u biex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 133-135, 141)

5.      Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li jridu ta’ bilfors jiġu kkunsidrati. Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-qligħ li dawn setgħu jiksbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni.

Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effett imsemmi, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament gravi. L-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt reali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar kemm ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi. Fil-każ inkwistjoni, l-impatt reali tal-ksur jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li, jekk jista’ jiġi kkalkulat, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-ammont minimu previst.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju b’mod globali skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi elementi li ma humiex espressament imsemmija f’dawn il-linji gwida.

(ara l-punti 178-182)

6.      Id-dissważjoni tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita li l-iskop tal-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jippenalizzaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll biex jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħra milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni, meta tikkalkula l-ammont tal-multa, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża kkonċernata.

Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża inkwistjoni.

Fil-fatt, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, meta hija ma timmotivax iż-żieda fil-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni, titlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Għaldaqstant, hija b’mod partikolari l-possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tikseb iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha li tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur. Minn dan isegwi li wieħed ma jistax jeżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi konnessjoni addizzjonali bejn l-użu tar-riżorsi tal-impriża u l-ksur imwettaq minnha, sabiex dawn ir-riżorsi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar ta’ livell suffiċjentement dissważiv tal-multa, peress li l-fattur importanti, f’dan il-kuntest, huwa d-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża li tkun wettqet il-ksur bħala tali.

(ara l-punti 210, 211, 213, 214)

7.      Ir-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multi imposti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa. Hija mhux neċessarjament tirrikjedi li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat minn stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-għan. Iż-żieda fl-ammont inizjali tal-multa, sabiex tiggarantilu effett dissważiv suffiċjenti, skont id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża, tikkostitwixxi stadju tal-kalkolu tal-multa li jirriżulta mill-ħtieġa li jiġi adattat l-ammont inizjali b’mod li l-multa tkun dissważiva biżżejjed skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li timmobilizza l-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’deċiżjoni li tissanzjona lil impriża, il-Kummissjoni għandhiex, bħala effett dissważiv, tieħu inkunsiderazzjoni multi preċedentement imposti lill-istess impriża għal fatti kontemporanji għall-ksur li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, fis-sens li żieda supplementari, sabiex ikun hemm effett dissważiv kif imsemmi, tal-multa imposta għall-ksur ġdid tkun inutli minħabba n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li tali soluzzjoni hija kuntrarja għall-għan ta’ dissważjoni segwit mill-Kummissjoni fil-politika tagħha fil-qasam tal-multi. Din is-soluzzjoni twassal għas-sitwazzjoni paradossali li fiha impriża li tkattar il-parteċipazzjoni tagħha f’diversi akkordji jkollha tnaqqis progressiv tal-ispiża marġinali ta’ kull sanzjoni.

Barra minn hekk, tali soluzzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tiffissa l-ammont tal-multa skont il-probabbiltà li l-impriża inkwistjoni twettaq ksur ġdid fil-futur, probabbiltà li hija kien imissha kkunsidrat fid-dawl tal-ammont totali tal-multi imposti fuq din l-impriża matul ċertu perijodu ta’ żmien. Madankollu, premessa bħal din hija inkonsistenti mal-kunċett ta’ dissważjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, volontarjament jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi attribwiti lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni. Din il-missjoni tinkludi ċertament il-kompitu li tinvestiga u li tippenalizza ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali li tapplika l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u li tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. B’hekk, il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom l-għan li jippenalizzaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li jiskoraġġixxu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, il-fattur ta’ dissważjoni jiġi evalwat billi jitqiesu għadd kbir ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tagħha tan-neċessità li żżid l-ammont tal-multi sabiex tiżgura li jkollhom effett dissważiv, il-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod obbligata li tagħmel evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-impriżi inkwistjoni jerġgħu jwettqu ksur. Għaldaqstant, dan l-istadju tal-kalkolu tal-multa jikkonsisti fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, bħad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, u mhux ta’ elementi suġġettivi relatati mal-evalwazzjoni tal-probabbiltà li jsir ksur ġdid fil-futur.

(ara l-punti 224, 225, 228, 231-235)

8.      Fir-rigward tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-fatti, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux jipprekludu lill-Qorti Ġenerali milli tikkunsidra, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, argument imqajjem mill-parti rikorrenti matul is-seduta, sabiex teżamina jekk iż-żieda tal-multa imposta fuq l-impriża rikorrenti, abbażi tal-effett dissważiv, kinitx iġġustifikata fir-rigward tal-fatt invokat minnha, speċjalment meta l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni.

(ara l-punti 252, 253)

9.      L-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa imposta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jistax jintlaħaq b’mod tajjeb jekk ma tiġix ikkunsidrata s-sitwazzjoni tal-impriża ssanzjonata meta tiġi imposta l-multa. B’hekk, ir-riżorsi globali ta’ impriża, li jistgħu jvarjaw, billi jonqsu jew jiżdiedu, b’mod sinjifikattiv f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, b’mod partikolari bejn il-waqfien tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, għandhom għalhekk jiġu evalwati, sabiex jintlaħaq b’mod tajjeb l-għan tad-dissważjoni, u dan bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-jum meta tiġi imposta l-multa.

Huwa minnu li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-impriżi l-kbar ikollhom, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għarfien u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom jevalwaw aħjar l-illegalità tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’din l-ipoteżi, id-dħul mill-bejgħ li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tevalwa d-daqs tal-kumpanniji inkwistjoni, u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw in-natura u l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom, għandu jkun relatat mas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur u mhux fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-element dwar l-infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettu lil impriża kbira jkollha għarfien tal-illegalità u tal-aġir tagħha jikkostitwixxi, fil-kuntest taż-żieda tal-multa, motiv differenti minn dak li jirrigwarda l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multa, u li jsegwi għanijiet differenti.

Issa, sa fejn, minn naħa, il-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija bbażata fuq l-impatt tar-riċerka tal-multa fuq l-impriża ssanzjonata u mhux fuq kunsiderazzjonijiet dwar l-infrastrutturi legali u ekonomiċi msemmija iktar ’il fuq u fejn, min-naħa l-oħra, l-għaqda ekonomika li torbot lill-impriża ssanzjonata lill-kumpannija parent tagħha tinħall qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, ir-riżorsi tal-kumpannija parent ma jistgħux jiġu kkunsidrati iktar għad-determinazzjoni tal-fattur multiplikatur applikabbli għall-imsemmija impriża.

Għalhekk, id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ tali impriża għandhom jiġu evalwati, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur, fil-jum tad-deċiżjoni li timponi l-multa.

(ara l-punti 260, 263-265, 270-272)

10.    Anki jekk żball fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża huwa attribwibbli lilha, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika l-ammont tal-multa imposta fuqha, inkwantu dan jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatt materjalment impreċiż.

(ara l-punt 274)

11.    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, stipulat barra minn hekk fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tkun ikkundannata jew li jittieħdu proċeduri kontriha għal darba oħra, minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għal kundizzjoni trippla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett.

Dan il-prinċipju lanqas ma huwa miksur mill-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża tibbaża ruħha fuq kundanni preċedenti li kienu diġà ġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ żieda tal-multa applikata għal din l-impriża abbażi tar-reċidiva f’diversi deċiżjonijiet preċedenti. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni, f’diversi deċiżjonijiet, ibbażat il-konstatazzjoni ta’ reċidiva fuq l-istess kundanni preċedenti ma jfissirx li l-Kummissjoni kkundannat lill-impriża kkonċernata diversi drabi għall-istess ksur.

It-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva, bħala ċirkustanza aggravanti, fil-kuntest tal-analiżi tal-gravità ta’ kull wieħed mill-ksur imwettaq minn impriża, huwa neċessarjament relatat mal-analiżi tal-gravità ta’ kull waħda minn dawn l-okkorrenzi ta’ dan il-ksur li jikkostitwixxu, kull waħda minn fosthom u waħda indipendentement mill-oħra, repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u dan huwa xhieda tat-tendenza tal-imsemmija impriża li ma tislitx il-konsegwenzi xierqa minn dawn il-kundanni.

Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva hija ġġustifikata, f’tali każ, mill-ħtieġa ta’ dissważjoni supplimentari kif jixhed il-fatt li diversi konstatazzjonijiet ta’ ksur preċedenti ma kinux biżżejjed biex jimpedixxu r-repetizzjoni ta’ ksur ġdid.

(ara l-punti 292, 293, 295, 296, 299)

12.    Iċ-ċirkustanza li impriża tammetti applikazzjoni parzjali ta’ ċerti ftehim inkwistjoni ma hijiex biżżejjed, minnha nnifisha, biex tiġġustifika r-rifjut li jingħatalhom il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti. F’dan ir-rigward, dak li huwa importanti għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, skont t-tieni inciż tal-punt 3 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, huwa li jiġi vverifikat jekk matul il-perijodu li fih l-impriża kkonċernata ħadet sehem fl-imsemmija ftehim, hija effettivament astjenietx ruħha milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, jekk hija kisritx b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju.

(ara l-punti 308, 309)

13.    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti.

Skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk jirriżulta li diversi destinatarji tad-deċiżjoni li timponi l-multa jikkostitwixxu impriża, fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli għall-ksur ippenalizzat, u dan fid-data ta’ meta tiġi adottata din id-deċiżjoni, li l-limitu jista’ jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri billi jiżdiedu flimkien il-komponenti kollha tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk fil-frattemp din l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li l-limitu inkwistjoni jiġi applikat għalih individwalment.

(ara l-punt 352)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-metakrilati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Multi – Gravità tal-ksur – Impatt konkret fuq is-suq – Effett dissważiv tal-multa – Reċidiva – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Ċirkustanzi attenwanti – Nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim – Attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ħlas fi ħdan grupp ta’ kumpanniji – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑217/06,

Arkema Franza, stabbilita f’Colombes (Franza),

Altuglas International SA, stabbilita f’Puteaux (Franza),

Altumax Europe SAS, stabbilita f’Puteaux,

inizjalment irrappreżentati minn A. Winckler, S. Sorinas Jimeno u P. Geffriaud, sussegwentement minn S. Sorinas Jimeno u E. Jégou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u V. Bottka, sussegwentement minn V. Bottka u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fuq bażi prinċipali, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali tal-Kummissjoni, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati), inkwantu din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, fuq bażi sussidjarja, talba għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Introduzzjoni

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali tal-Kummissjoni, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkundannat in solidum lil Arkema SA u lis-sussidjarji tagħha Altuglas International SA (iktar ’il quddiem “Altuglas”) u Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem “Altumax” u, konġuntament, “Arkema”) għal multa ta’ EUR 219 131 250 talli pparteċipaw f’akkordju fis-settur tal-metakrilati mit-23 ta’ Jannar 1997 sat-12 ta’ Settembru 2002 (iktar ’il quddiem l-“akkordju inkwistjoni”). Il-kumpanniji parent tagħhom, Total SA u Elf Aquitaine SA, inżammu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa fl-ammont ta’ EUR 140.4 miljun u EUR 181.5 miljun rispettivament (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Arkema (li qabel kienet Atofina SA) hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Franċiż li tħaddan tliet fergħat ta’ attivitajiet: prodotti tal-vinil, kimika industrijali u prodotti tal-prestazzjoni. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, Arkema kienet ikkontrollata minn Elf Aquitaine, inizjalment b’97.6 % tal-ishma, u sussegwentement, wara l-akkwist tal-grupp Elf minn Total Fina SA, fis-17 ta’ April 2000, b’96.48 %. Sa minn dik id-data u matul il-kumplament tal-perijodu tal-ksur ikkonċernat, 99.43 % tal-ishma f’Elf Aquitaine kienu miżmuma minn Total (li qabel kienet Total Fina, u sussegwentement TotalFinaElf SA) (premessi 265 u 266 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Arkema saret Arkema France fit-18 ta’ Mejju 2006, fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tagħha fil-Borża.

4        Altuglas (li qabel kienet Atohaas u Atoglas SA) u Altumax huma s-sussidjarji ewlenin ta’ Arkema attivi fis-settur tal-metakrilati u, b’mod partikolari, tal-polimetakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“PMMA”) li pparteċipaw fl-aġir ta’ kollużjoni deskritt fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata). 100 % tal-ishma f’Altumax kienu miżmuma minn Arkema matul il-perijodu sħiħ tal-ksur. Altuglas hija miżmuma 100 % minn Arkema sa mill-1998. Qabel dik id-data, Elf Atochem SA kellha biss 50 % tal-kapital tagħha, iżda kienet responsabbli għall-ġestjoni regolari tagħha (premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura amministrattiva

5        L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nfetħet wara li Degussa AG, fit-12 ta’ Diċembru 2002, ressqet talba għall-immunità abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 45, p. 3, minn hawn ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

6        Fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni wettqet xi spezzjonijiet, b’mod partikolari fil-bini ta’ Arkema. Wara dawn l-ispezzjonijiet, Arkema ppreżentat, fit-3 ta’ April 2003, talba għall-immunità jew tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fis-17 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet dwar ksur fis-settur tal-metakrilati u indirizzatha, b’mod partikolari, lil Total, lil Elf Aquitaine, lil Arkema, lil Altuglas u lil Altumax (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 inżammet seduta u għaliha attendew id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fil-31 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Deċiżjoni kkontestata

10      Żewġ aspetti tad-deċiżjoni kkontestata huma applikabbli b’mod partikolari għall-finijiet ta’ dan il-każ: l-identifikazzjoni tad-destinatarji tagħha u l-kalkolu tal-multa.

 Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

11      Il-Kummissjoni, wara li ddikjarat li kien meħtieġ li jiġi ddeterminat lil liema entitajiet legali kellu jiġi imputat il-ksur (premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkunsidrat li Altuglas, Altumax, Arkema u Elf Aquitane kienu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Altuglas u Altumax matul il-perijodu bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u t-12 ta’ Settembru 2002. Total inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Altuglas u Altumax bejn l-1 ta’ Mejju 2000 u t-12 ta’ Settembru 2002 (premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Iktar speċifikament, fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Elf Aquitaine, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat il-fatt li l-membri tal-bord ta’ Arkema kienu nnominati minn Elf Aquitaine u li din kellha sehem ta’ 97.6 % mill-kapital tas-sussidjarja tagħha, u, wara April tal-2000, 96.48%, ippreżumiet li Elf Aquitaine kellha influwenza determinanti u kontroll effettiv fuq l-aġir ta’ Arkema (premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Total, il-Kummissjoni nnotat li, mix-xahar ta’ April tal-2000 u sat-tmiem tal-ksur, din il-kumpanija kienet ikkontrollat direttament jew indirettament il-kapital tal-kumpanniji operattivi kollha tal-grupp, inklużi dawk li kellhom rwol dirett fl-akkordju inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ppreżumiet li Total kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha Elf Aquitaine, Arkema, Altuglas u Altumax u indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil dawn l-entitajiet kollha (premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Arkema, minn naħa waħda, u Total u Elf Aquitaine, min-naħa l-oħra, bagħtu risposti separati għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fejn argumentaw b’mod partikolari li Arkema kellha tkun l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 268 u 269 ta’ din tal-aħħar). Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tagħhom u kkonfermat ir-responsabbiltà tal-ħames entitajiet imsemmija fil-punt preċedenti (premessi 270 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata). Iktar ’il quddiem, ser issir referenza għall-kumpaniji kollha f’daqqa bħala l-“grupp Total”.

 Kalkolu tal-multa

15      Rigward il-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni eżaminat, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur u nnotat, l-ewwel nett, li, minħabba n-natura tal-ksur u l-fatt li dan kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE, dan kien ksur serju ħafna fis-sens tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, minn issa ’l quddiem il-“linji gwida”) (premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat fuq l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur, u qiegħdet lill-grupp Total, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema miksub fiż-ŻEE għat-tliet prodotti tal-PMMA, fl-ewwel kategorija. Fuq din il-bażi, hija adottat, fir-rigward tiegħu, ammont inizjali ta’ EUR 65 miljun (premessi 332 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, wara li qieset id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Total, il-Kummissjoni applikat fattur multiplikatur ta’ 3 għall-multa imposta kontra l-grupp Total biex ikun iggarantit l-effett dissważiv tal-multa. Għalhekk, l-ammont inizjali tal-multa tela’ għal EUR 195 miljun (premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat it-tul tal-ksur u nnotat li, peress li Arkema ħadet sehem fil-ksur matul ħames snin u seba’ xhur, l-ammont inizjali għandu jiżdied b’55 %. Din iż-żieda ġiet applikata għal Elf Aquitaine, Arkema, Altuglas u Altumax. Fir-rigward ta’ Total, li kienet proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarji tagħha matul perijodu iqsar, il-Kummissjoni żiedet il-multa b’20 % (premessi 351 sa 353 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, l-ammont bażiku tal-multa kkalkulat għal Arkema (li jinkludi lil Elf Aquitaine) jitla’ għal EUR 302.35 miljun. Total tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 234 miljun minn dan l-ammont (premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat il-preżenza possibbli ta’ ċirkustanzi aggravanti. Fir-rigward ta’ Arkema, il-Kummissjoni kkonstatat, wara li kkunsidrat l-eżistenza tat-tliet deċiżjonijiet preċedenti indirizzati lilha, li hija kienet reċidiva billi kkommettiet ksur tal-istess tip u ddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa għal Arkema b’50 %. Il-Kummissjoni ppreċiżat, madankollu, li Total u Elf Aquitaine ma kinux reċidivi u li ż-żieda b’hekk kienet tapplika biss għal Arkema, Altuglas u Altumax (premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata Nru 250).

18      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ċaħdet iċ-ċirkustanzi mitiganti mressqa mill-grupp Total.

19      F’dan l-istadju, meta jitqies jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni jew le ċirkustanzi aggravanti u mitiganti, l-ammont tal-multa kien ta’ EUR 365 218 750 għal Arkema, Altuglas u Altumax. Għal Total, l-ammont tal-multa baqa’ ffissat għal EUR 234 miljun. Għal Elf Aquitaine, l-ammont tal-multa baqa’ ta’ EUR 302.25 miljun (premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-multa ma kinitx taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata (premessi 398 u 399 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Kummissjoni pproċediet għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u ddeċidiet, skont l-ewwel inċiż tal-punt 23(b) tagħha, li tnaqqas b’40 % l-ammont tal-multa li, fin-nuqqas, kien jiġi impost fuq il-grupp Total (premessi 403 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      B’hekk, fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont finali tal-multa skont kif ġej:

“Arkema [...], Altuglas [...] u Altumax [...], konġuntament u in solidum għandhom iħallsu: EUR 219.13125 miljun, li minnhom Total [...] tinżamm responsabbli konġuntament u in solidum għal EUR 140.4 miljun waqt li Elf Aquitaine SA tinżamm responsabbli konġuntament u in solidum għal EUR 181.35 miljun”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti, Arkema France, Altuglas u Altumax, ressqu din il-kawża.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lilha.

24      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, minn naħa waħda, tistieden lill-partijiet jirrispondu għal ċerti domandi u, min-naħa l-oħra, tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi dokument. Il-partijiet irrispondew għal dawn id-domandi fit-terminu stipulat.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009. Mat-tmiem tas-seduta, ingħalqet il-proċedura orali.

26      B’digriet tas-26 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali, b’mod konformi mal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex tistieden lill-partijiet, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex jipproduċu dokumenti u jwieġbu għal mistoqsijiet. Il-partijiet irrispondew għal dawn id-domandi fit-termini stipulati. Sussegwentement, il-proċedura orali ngħalqet fid-9 ta’ Marzu 2011.

27      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda lilhom;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jissollevaw, essenzjalment, tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki implementati minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni fl-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Arkema għal Total u Elf Aquitaine. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fl-implementazzjoni tar-regoli tal-imputabbiltà. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-impatt konkret fuq is-suq fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 65 miljun. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa fuq il-bażi tal-effett dissważiv. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fiż-żieda tal-multa fuq il-bażi tar-reċidiva. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt, inkwantu l-Kummissjoni ma naqqsitx il-multa tar-rikorrenti fuq il-bażi tan-nuqqas tal-applikazzjoni effettiva ta’ ċerti prattiki inkwistjoni ta’ Arkema. It-tmien motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt ikkostitwiti mir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tnaqqsilhom il-multa fuq il-bażi ta’ “fatturi oħrajn”. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti ssollevaw ukoll ilment supplimentari, li jikkontesta ż-żieda tal-multa fuq il-bażi tal-effett suffiċjentement dissważiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki implementati minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

30      Ir-rikorrenti jargumentaw li, billi rrikorriet għall-preżunzjoni li kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq kumpannija sussidjarja f’każ fejn ikollha l-ishma kollha jew kważi kollha tagħha (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti”), u mingħajr ma ressqet prova ta’ kontroll effettiv, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi (l-ewwel parti ta’ dan il-motiv). B’dan il-mod, hija kisret ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi applikat għal Arkema standard ta’ prova differenti minn dak applikat għal kumpanniji sussidjarji oħrajn li pparteċipaw fil-prattiki inkwistjoni (it-tieni parti ta’ dan il-motiv).

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki implementati minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita u l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, meta l-impriża li tkun wettqet il-ksur tkun tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, il-kumpannija sussidjarja inkwistjoni biss tkun, fil-prinċipju, responsabbli għall-ksur imwettaq. Huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent. Dan ikun il-każ meta l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, fid-dawl tan-nuqqas ta’ awtonomija ta’ din tal-aħħar fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha, jew meta l-kumpannija parent tagħha tkun ġiet implikata (b’mod attiv jew passiv, sempliċement minħabba li tkun taf bil-fatti) fil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja.

32      Ir-rikorrenti jargumentaw li, skont il-ġurisprudenza applikabbli, il-pussess ta’ 100 % tal-kapital (u, a fortiori, ta’ 99.43 % ta’ 97.6 % jew ta’ 96.48 %) ma jippermettix, fih innifsu, li wieħed jikkonkludi awtomatikament li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza minn dejjem eżiġiet elementi supplimentari f’dan ir-rigward, bħall-fatt li l-kumpannija parent tkun ippreżentat ruħha matul il-proċedura amministrattiva bħala l-unika interlokutriċi mal-Kummissjoni għall-grupp, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ setgħa ta’ kontroll effettiv għall-kumpannija sussidjarja u n-nuqqas tal-iċken prova dwar l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja.

33      F’din il-kawża, lil hinn mill-pussess dirett jew indirett ta’ kważi l-kapital kollu ta’ Arkema mill-kumpanniji parent tagħha f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tista’ turi li Total u/jew Elf Aquitaine effettivament kienu jeżerċitaw, matul il-perijodu kkunsidrat, influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Arkema jew fl-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-fatt irrilevat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema kienu nnominati minn Elf Aquitaine fiż-żmien meta seħħew il-fatti, sempliċement jikkostitwixxi l-manifestazzjoni loġika tas-sehem maġġoritarju fil-kapital azzjonarju ta’ Arkema u ma jikkostitwixxix prova ta’ influwenza determinanti fuqha.

34      Ir-rikorrenti għaldaqstant jikkunsidraw li, inkwantu bbażat fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, imsejsa esklużivament fuq il-pussess, dirett jew indirett, ta’ kważi l-kapital azzjonarju kollu ta’ Arkema, biex iżżomm lil Total u Elf Aquitaine responsabbli għall-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ dritt li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

35      Finalment, meta ġew mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), għal din il-kawża, ir-rikorrenti affermaw, matul is-seduta, li l-fatti fil-kawża li taw lok għal dik is-sentenza, u b’mod partikolari l-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha li pparteċipaw fil-ksur, kienu differenti minn dawk f’din il-kawża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti osservaw li, f’dik il-kawża, il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja tagħha kien ta’ 100 %, waqt li, f’din il-kawża, dak il-livell ma ntlaħaqx (dan huwa ta’ 99.43 %, 97.6 % u ta’ 96.48 %). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jaffermaw li, jekk is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kellha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi imputat ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha mingħajr ebda element addizzjonali minbarra l-konnessjoni fil-kapital azzjonarju, dik il-ġurisprudenza allura jkollha tiġi eżaminata mill-ġdid, inkwantu tkun ħolqot reġim ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija, li huwa inkompatibbli mar-Regolament Nru 1/2003.

36      Il-Kummissjoni tiddikjara li taqbel mal-argument tar-rikorrenti li r-responsabbiltà li tirriżulta mill-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent biss f’ċerti ċirkustanzi. Tali possibbiltà tkun teżisti meta l-kumpannija parent effettivament tkun teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li hija għandha bażi tajba biex tikkonkludi li kumpannija li jkollha l-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu ta’ kumpannija sussidjarja effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, kemm-il darba l-kumpannija parent ma tkunx ikkonfutat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti billi ġġib prova tal-aġir awtonomu tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

37      Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-premessi 245 sa 252 u 259 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni imputat il-ksur inkwistjoni lil Total u Elf Aquitaine abbażi tal-fatt li huma kienu jikkostitwixxu impriża waħda flimkien ma’ Arkema u l-kumpanniji sussidjarji tagħhom Altuglas u Altumax, li kienu pparteċipaw fl-aġir ta’ kollużjoni. Sabiex tasal għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni, imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li Total u Elf Aquitaine kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom. Fir-rigward ta’ Elf Aquitaine, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti kienet ibbażata fuq il-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema kienu nnominati minn Elf Aquitaine u fuq il-fatt li din tal-aħħar kellha sehem ta’ 97.6 %, u mbagħad ta’ 96.48 %, fil-kapital azzjonarju ta’ Arkema (premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ Total, dik il-preżunzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li, wara x-xahar ta’ April 2000, Total kienet tikkontrolla direttament jew indirettament il-kapital tal-kumpanniji kollha tal-grupp, inklużi l-kumpanniji li kienu żvolġew rwol dirett fl-akkordju inkwistjoni, minħabba s-sehem tagħha ta’ 99.43 % fil-kapital ta’ Elf Aquitaine (premessi 266 u 267 tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta minn din tal-aħħar li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-kumpanniji kkonċernati kienu ressqu għadd ta’ argumenti bil-għan li jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti iżda li l-Kummissjoni qieset li kienu insuffiċjenti (ara b’mod partikolari l-premessi 272 u 274 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Sussegwentement, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandu b’mod inekwivoku jiġi imputat lil persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lill dik il-persuna. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha wkoll tindika f’liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 59).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa waħda, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ippreċiżat li f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu segwit mill-Kummissjoni f’dan il-każ sabiex jiġi imputat il-ksur inkwistjoni lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti, imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq, huwa korrett.

48      Minn naħa waħda, għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom jissuġġerixxu r-rikorrenti, dik l-imputazzjoni ma hijiex ibbażata biss fuq l-istruttura tal-pussess tal-kapital azzjonarju, iżda wkoll fuq il-konstatazzjoni li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ma ġietx ikkonfutata (ara b’mod partikolari l-premessi 272 u 274 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar minn dik il-ġurisprudenza (ara b’mod partikolari l-punti 45 u 46 iktar ’il fuq) li l-istruttura tal-pussess tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija sussidjarja tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti biex issir dik il-preżunzjoni, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata li tressaq indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent, kif jeżiġu r-rikorrenti.

50      Dik il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti li l-fatti fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari l-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent ikkonċernata f’dik il-kawża fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha, kienu differenti minn dawk f’din il-kawża. B’mod partikolari, minkejja l-fatt li tali indizji supplimentari setgħu ġew irrilevati f’dik il-kawża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punti 13 u 54), jirriżulta mingħajr ebda ambigwità kemm mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 u 62), kif ukoll mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), li l-implementazzjoni ta’ dik il-preżunzjoni ma hijiex subordinata għall-eżistenza ta’ tali indizji supplimentari.

51      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tirrigwarda speċifikament il-“każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha” (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 60). F’din il-kawża, Total u Elf Aquitaine ma għandhomx il-kapital kollu tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom.

52      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti, waqt li jirrilevaw dik id-differenza fattwali matul is-seduta (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), ma qajmu ebda argument speċifiku biex jopponu l-applikazzjoni ta’ dak l-istess reġim probatorju fiż-żewġ sitwazzjonijiet, u dan minkejja l-fatt li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti f’każijiet oħrajn apparti fejn il-kumpannija parent ikollha l-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja kienet is-suġġett ta’ domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-Kummissjoni u, iktar tard, ta’ dibattitu matul is-seduta.

53      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kumpannija parent li għandha kważi l-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha tinsab, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, f’dak li jirrigwarda s-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, fir-rigward tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqduha ma’ dik il-kumpannija sussidjarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika għal dik is-sitwazzjoni l-istess reġim ta’ prova, jiġifieri li tirrikorri għall-preżunzjoni li dik il-kumpannija parent tagħmel użu effettiv mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Ċertament, ma huwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, l-azzjonisti minoritarji jista’ jkollhom, fir-rigward tal-kumpannija sussidjarja, drittijiet li jippermettu li titpoġġa f’dubju l-analoġija msemmija hawn fuq. Madankollu, minbarra l-fatt li dawk id-drittijiet ġeneralment ma jkunux assoċjati ma’ ishma minimi, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, ebda element ta’ din in-natura ma ġie rrapportat mir-rikorrenti f’dan il-każ. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament applikat il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fir-rigward tal-kumpanniji parent tar-rikorrenti.

54      Finalment, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (punt 35 iktar ’il fuq), kellha tiġi eżaminata mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma huwiex fil-kompetenza tagħha li terġa’ tevalwa punt ta’ liġi li ġie deċiż b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza reċenti.

55      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti jargumentaw li, għalkemm fil-każ tagħhom il-Kummissjoni bbażat esklużivament fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti għall-finijiet tal-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent, għall-biċċa l-kbira tal-kumpanniji sussidjarji l-oħrajn li kienu destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, hija ħadet inkunsiderazzjoni indizji supplimentari. Ir-rikorrenti jinvokaw, f’dan ir-rigward, it-trattament mogħti mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, lil Degussa, lil ICI plc u lil Lucite International Ltd.

57      B’dan il-mod, il-Kummissjoni għamlet diskriminazzjoni mhux ġustifikata fl-amministrazzjoni tal-prova. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, kieku l-Kummissjoni applikat għal Arkema l-istess standard ta’ prova bħal dak adottat fir-rigward tal-impriżi l-oħrajn, hija kienet neċessarjament tasal għall-konklużjoni li l-ksur kien imputabbli biss lil Arkema.

58      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Atofina minn Elf Aquitaine, ir-rikorrenti jenfasizzaw li din hija sempliċement manifestazzjoni loġika tal-pussess maġġoritarju tal-kapital azzjonarju ta’ Arkema u jargumentaw li dak l-indizju ma huwiex konsistenti mal-indizji adottati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Degussa, li għaliha l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni attiva tal-kumpannija parent fil-ksur. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti josservaw li dak l-indizju jgħodd biss għal Elf Aquitaine u mhux għal Total.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

60      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni kisret dak il-prinċipju meta pproċediet bl-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

62      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ ICI Acrylics ma hijiex komparabbli ma’ dik tar-rikorrenti. Effettivament, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li ICI Acrylics – l-entità li pparteċipat direttament fil-ksur inkwistjoni – kienet sempliċement unità kummerċjali ta’ ICI, mingħajr personalità ġuridika, u mhux kumpannija sussidjarja tagħha b’100 % tal-ishma jew qrib (ara b’mod partikolari l-premessi 280, 287 u 288 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, fir-rigward ta’ ICI, il-Kummissjoni ma applikatx il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti (issostanzjata jew le minn elementi oħrajn), iżda hija sempliċement identifikat il-persuna ġuridika li minnha kienet tagħmel parti, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-unità kummerċjali li kienet wettqet il-ksur (premessi 288 u 289 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Sussegwentement, fir-rigward ta’ Degussa, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“Röhm GmbH & Co. KG (100 % kumpannija sussidjarja ta’ Degussa) u Para-Chemie GmbH (100 % kumpannija sussidjarja ta’ Röhm) huma entitajiet ġuridiċi indipendenti. Peress li dawk iż-żewġ impriżi kienu, direttament jew indirettament, 100 % proprjetà ta’ Degussa […] u l-bord ta’ sorveljanza ta’ Röhm huwa kompost parzjalment mill-membri tal-maniġment ta’ Degussa […], il-Kummissjoni żżomm lil Degussa responsabbli għall-aġir illeċitu ta’ Röhm […] u ta’ Para-Chemie […]”

64      Fir-rigward ta’ Lucite International, il-Kummissjoni affermat, fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Lucite International UK Ltd hija waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha b’100 % tal-ishma. Barra minn hekk, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Lucite International […] kienu wkoll, matul il-perijodu tal-ksur, membri tal-bord tad-diretturi ta’ Lucite International UK […]”

65      B’hekk, huwa minnu li, sabiex iżżomm lil Degussa u Lucite International responsabbli għall-aġir tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom li jikkostitwixxi ksur, il-Kummissjoni bbażat fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li tirriżulta miż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja mill-kumpannija parent, waqt li jissemma element supplimentari, jiġifieri, rispettivament, il-preżenza fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija sussidjarja ta’ membri tal-maniġment tal-kumpannija parent u l-identiċità tal-membri tal-bord tad-diretturi taż-żewġ kumpanniji.

66      Madankollu, minn dan ma jsegwix li Degussa u Lucite International, kif ukoll il-kumpanniji sussidjarji tagħhom, irċevew trattament differenti minn dak tar-rikorrenti u tal-kumpanniji parent tagħhom, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

67      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li bl-istess mod bħall-kumpanniji parent tar-rikorrenti, Degussa u Lucite International inżammu responsabbli wkoll għall-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom li jikkostitwixxi ksur (premessi 258 u 296 tad-deċiżjoni kkontestata). Iżda, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-Kummissjoni kienet ser teżonerahom minn dik ir-responsabbiltà kieku ma setgħetx tirrileva l-elementi addizzjonali msemmija hawn fuq.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 245 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji li ggwidawha fl-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li, fil-preżenza tal-kontroll tal-kapital kollu jew kważi kollu ta’ kumpannija sussidjarja, il-Kummissjoni jidhrilha li għandha d-dritt li tikkonstata n-nuqqas tal-awtonomija ta’ dik il-kumpannija sussidjarja sempliċement fuq il-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, bil-kundizzjoni li dik il-preżunzjoni ma tkunx ġiet ikkonfutata matul il-proċedura amministrattiva u għaldaqstant, li żżomm lill-kumpannija parent responsabbli għal dak l-aġir li jikkostitwixxi ksur fuq il-bażi li din tal-aħħar tagħmel parti mill-istess impriża (ara, b’mod partikolari, il-premessi 247 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, huwa biss b’mod sussidjarju li hija rrilevat l-eżistenza ta’ elementi oħrajn apparti l-konnessjoni fil-kapital, meta dawn kienu disponibbli. Barra minn hekk, fir-rigward tal-grupp Total, il-Kummissjoni rrilevat ukoll il-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema kienu ġew innominati minn Elf Aquitaine. Madankollu, il-Kummissjoni b’ebda mod ma ssuġġettat l-imputazzjoni tal-aġir ta’ kumpannija sussidjarja li jikkostitwixxi ksur lill-kumpannija parent tagħha b’100 % jew qrib tal-ishma tagħha, għall-eżistenza ta’ tali elementi addizzjonali. Dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, fir-rigward ta’ ċerti kumpanniji parent tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi esklużivament il-konnessjoni fil-kapital. Dan huwa l-każ ta’ Total (premessa 266) u tal-kumpanniji tal-grupp Barlo, jiġifieri Barlo Plastics Europe NV, Barlo Plastics NV u Barlo Group plc (premessa 301).

70      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-metodu segwit mill-Kummissjoni f’din il-kawża biex iżżomm lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti responsabbli għall-ksur inkwistjoni huwa korrett, kif jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

71      Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda u għalhekk għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta imputat il-ksur imwettaq minn Arkema lil Total u Elf Aquitaine

72      Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk wieħed jippreżumi li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fir-rigward tagħhom hija valida, il-Kummissjoni ma kinitx fondata fil-fatt meta żammet lil Total u lil Elf Aquitaine responsabbli għall-ksur. Effettivament, huma wrew, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ kwalunkwe involviment tad-diretturi ta’ Elf Aquitaine u ta’ Total fil-prattiki inkwistjoni u, fit-tieni lok, l-awtonomija ta’ Arkema fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li ma ġiex ikkunsidrat in-nuqqas ta’ involviment tad-diretturi ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine fil-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma tallegax, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-diretturi ta’ Elf Aquitaine jew ta’ Total kienu involuti, b’xi mod, fil-prattiki inkwistjoni jew li kienu jafu bil-ksur imwettaq. Huma jirrilevaw, barra minn hekk, li matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma bagħtet ebda talba għal informazzjoni lil dawk l-impriżi, u lanqas ma għamlet investigazzjonijiet fil-bini tagħhom.

74      Skont ir-rikorrenti, jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva jew passiva tal-kumpannija parent fil-ksur jista’ jwassal biex tiġi eskluża l-imputabbiltà tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent, anki jekk din tal-aħħar ikollha l-maġġoranza jew it-totalità tal-ishma fl-imsemmija kumpannija sussidjarja.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw, f’dan ir-rigward, li l-grupp li għalih huma kienu jappartjenu fiż-żmien meta seħħew il-fatti kien jinsisti dwar l-osservanza assoluta tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, li wassal lil Arkema biex tistabbilixxi programm ta’ osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni sa minn Jannar 2001, jew biss ftit xhur wara l-akkwist tal-grupp Elf minn Total Fina, fis-17 ta’ April 2000. Għaldaqstant, huma jidhrilhom li kieku Total u/jew Elf Aquitaine seta’ kellhom għarfien tal-prattiki antikompetittivi implementati minn Arkema, huma kienu jordnaw minnufih li dawn jitwaqqfu.

76      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dan l-element biex tikkunsidra li dawk il-kumpanniji, għalkemm kellhom kważi l-ishma kollha f’Arkema matul il-perijodu inkwistjoni, ma kinux responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur fis-suq tal-PMMA.

77      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

78      Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-premessi 245 sa 252 u 259 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni imputat il-ksur inkwistjoni lil Total u Elf Aquitaine għar-raġuni li huma kienu jikkostitwixxu, fil-mument meta seħħew il-fatti, entità ekonomika waħda u, għaldaqstant, impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni ma’ Arkema u l-kumpanniji sussidjarji tagħha, Altuglas u Altumax, li kienu pparteċipaw fl-aġir ta’ kollużjoni. Biex tasal għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u kkonstatat li din ma kinitx ġiet ikkonfutata matul il-proċedura amministrattiva. Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, dan il-metodu ġie korrettament adottat.

79      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni li tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li hija tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 50). Għaldaqstant, ma kienx neċessarju għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-involviment dirett tad-diretturi tal-kumpannija parent jew li huma kienu jafu bil-fatti inkwistjoni. Bl-istess mod, l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u b’mod partikolari l-fatt li hija ma indirizzat ebda talba għal informazzjoni lill-kumpanniji parent tagħhom, u li ma għamlet ebda investigazzjoni fil-bini tagħhom, ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni jekk huma jiffurmawx, flimkien mal-kumpannija sussidjarja tagħhom, impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

80      Rigward il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni rabtet l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent mal-involviment dirett tad-diretturi tagħha fil-ksur, dan ma għandu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, inkwantu l-metodu użat f’dan il-każ kien korrett. Barra minn hekk, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jippreċiżaw li huma ma jallegawx li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ kumpannija parent fil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha huwa biżżejjed fih innifsu biex tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-kumpannija parent, iżda jikkostitwixxi biss element li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-fini.

81      Finalment, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ involviment dirett tad-diretturi tal-kumpannija parent jew il-fatt li huma ma kinux jafu bil-fatti inkwistjoni, anki jekk dawn jistgħu jiġu stabbiliti, ma jistgħux ikunu bażi suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

82      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li ma ġewx ikkunsidrati elementi li jistabbilixxu l-awtonomija reali ta’ Arkema fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti jargumentaw li Arkema wriet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-politika kummerċjali tagħha qatt ma ġiet iddefinita minn Elf Aquitaine jew minn Total matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, iċ-ċirkustanzi li ġuridikament kienet kumpannija sussidjarja ta’ Elf Aquitaine fiż-żmien meta seħħew il-fatti u li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kienu maħtura minn din tal-aħħar ma kellhom ebda effett fuq l-awtonomija tagħha fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha. Għaldaqstant, billi imputat il-ksur imwettaq minn Arkema lill-kumpanniji parent tagħha f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ fatt.

84      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-fatt li la Total u lanqas Elf Aquitaine ma jiddefinixxu l-politika kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom jirriżulta mill-istruttura nfisha tal-grupp. Dawk l-impriżi effettivament huma kumpanniji holding, azzjonisti ta’ diversi gruppi ta’ kumpanniji li jaġixxu b’mod awtonomu fis-setturi tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

85      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li Arkema wriet li hija kienet totalment awtonoma fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha dwar il-PMMA, u b’mod partikolari fir-rigward tal-politika tagħha dwar il-prezzijiet u l-għażla tal-klijenti. Huma jindikaw li Arkema kienet il-kumpannija parent tal-fergħa kimika u li kienet hi li effettivament kienet tagħti direttivi lill-kumpanniji sussidjarji tagħha, bħal Altuglas u Altumax. Fuq livell iktar ’il fuq minn Arkema, ir-relazzjoni kienet unikament dik li normalment tinsab bejn azzjonist li jrid jippreserva l-interessi finanzjarji tiegħu u tmexxija indipendenti, inkarigata mill-ġestjoni tal-attività kimika. B’hekk, l-irwol ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine kien limitat għall-awtorizzazzjoni ta’ investimenti kbar u li jirċievu l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà u dik finanzjarja dwar ir-riżultati tal-kumpannija sussidjarja tagħhom, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu għan-nota interna bit-titolu “Poteri interni u impenji ta’ spejjeż”, li tinsab annessa mar-rikors.

86      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddistingwu bejn żewġ perijodi: mill-1992 sal-2000 u mill-2001 sal-2004.

87      Fir-rigward tal-perijodu bejn is-sena 1992 u s-sena 2000, huma jindikaw li l-politika kummerċjali, fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-PMMA, kienet iddefinita b’mod awtonoma minn Elf Atochem, permezz tat-taqsima “Intermedjarji organiċi ta’ sinteżi (iktar ’il quddiem it-“TIOS”). Id-direzzjonijiet ewlenin ta’ din il-politika kummerċjali, fil-forma ta’ pjan ta’ negozju fuq ħames snin, kienu approvati minn qabel kull sena mill-kumitat ta’ tmexxija ġenerali ta’ Elf Atochem, li kien japprova wkoll il-baġit tat-TIOS.

88      Rigward il-perijodu bejn is-sena 2001 u s-sena 2004, il-politika kummerċjali li tikkonsisti fl-attivitajiet relatati mal-PMMA, kienet iddefinita b’mod awtonomu minn Arkema, permezz ta’ Atoglas (li saret Altuglas). Id-direzzjonijiet ewlenin ta’ dik il-politika kummerċjali, fil-forma ta’ pjan ta’ negozju fuq ħames snin, kienu approvati minn qabel kull sena mill-kumitat ta’ tmexxija tal-kimika, korp eżekuttiv tal-fergħa kimika. Il-baġit tal-attivitajiet relatati mal-PMMA kien is-suġġett ta’ preżentazzjoni lill-kumitat eżekuttiv ta’ Total, fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-baġit globali ta’ Atoglas. Dan il-kumitat eżekuttiv kien jintervjeni fi kwistjonijiet ta’ investimenti, għad-deċiżjonijiet li jinvolvu ammont ta’ iktar minn EUR 10 miljun, u kien jevalwa l-livell ta’ riskju u ta’ profitabbiltà ta’ dawk l-investimenti.

89      Ir-rikorrenti jenfasizzaw, b’mod partikolari, li la Total u lanqas Elf Aquitaine ma kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali ta’ Arkema għal attivitajiet bħal dawk li huma inkwistjoni f’din il-kawża, li jirrappreżentaw biss porzjon marġinali tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. Huma jfakkru, f’dan ir-rigward, li fl-2002 (l-aħħar sena tal-ksur), id-dħul mill-bejgħ dinji miksub minn Arkema abbażi tal-bejgħ ta’ PMMA ammonta għal EUR 416 miljun, li kien jirrappreżenta 2.1 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-fergħa kimika u 0.4 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Elf Aquitaine/Total.

90      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, anki jekk wieħed jassumi li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti hija valida, l-oneru tal-prova li għandha l-impriża kkonċernata għandu jirrigwarda, sabiex tkun tista’ tikkonfuta tali preżunzjoni, in-nuqqas ta’ kontroll effettiv tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja fis-suq ikkonċernat u b’hekk, f’dan il-każ, fis-suq tal-PMMA. Fil-fehma tagħhom, approċċ differenti, li jitlob li tinġieb prova ta’ awtonomija sħiħa fir-rigward tal-kumpannija parent, u b’hekk l-esklużjoni tal-possibbiltà astratta, għall-kumpannija parent, li teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, fis-sitwazzjoni fejn hija jkollha 100 % tal-ishma, tammonta għal probatio diabolica u twassal għall-introduzzjoni ta’ preżunzjoni juris et de jure.

91      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-kontroll globali eżerċitat minn Total u Elf Aquitaine fuq Arkema jikkontrasta mal-kontroll eżerċitat minn Arkema fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha Altuglas u Altumax, li kienu integrati fi ħdan Arkema, kemm fuq livell operattiv kif ukoll fuq livell funzjonali. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li Arkema interveniet matul il-proċedura kollha f’isimha stess u f’isem il-kumpanniji sussidjarji tagħha u qatt ma kkontestat, matul l-investigazzjoni, l-eżistenza ta’ kontroll effettiv fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha.

92      B’hekk, minn naħa waħda, fuq livell operazzjonali, b’differenza minn Elf Aquitaine u Total, li kienu assenti mill-proċess ta’ fabbrikazzjoni tal-metakrilati, Arkema kellha attività ta’ produzzjoni tal-metakrilat tal-metil, materja prima użata ‑ parzjalment – b’mod magħluq mill-kumpanniji sussidjarji Altuglas u Altumax għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-PMMA.

93      Min-naħa l-oħra, fuq livell funzjonali, għalkemm eżerċitata mill-kumpanniji sussidjarji ta’ Arkema (Altuglas u Altumax), l-attività relatata mal-PMMA dejjem kienet integrata fi ħdan l-organizzazzjoni kummerċjali ta’ Arkema, oriġinarjament fi ħdan it-TIOS sas-sena 2000, u mbagħad fi ħdan unità kummerċjali ddedikata speċifikament għall-PMMA, sa mill-2001. Barra minn hekk, matul il-perijodu kkonċernat, il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija Altuglas kienet komposta minn rappreżentanti tad-diretturi ġuridiċi u finanzjarji ta’ Arkema. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar kienu jeżerċitaw responsabbiltajiet mhux biss fi ħdan Arkema, iżda wkoll fi ħdan Altuglas, li ma kellhiex is-servizzi ġuridiċi u finanzjarji tagħha stess. Finalment, l-impjegati ta’ Altuglas implikati fil-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jinfurmaw regolarment lill-membru tal-maniġment ta’ Arkema, li kien, matul il-perijodu tal-ksur, M. G., suċċessivament direttur tat-TIOS sas-sena 2000 u membru tal-kumitat ta’ tmexxija tal-kimika sa mill-2001.

94      Ir-rikorrenti jirrilevaw, barra minn hekk, li dik l-integrazzjoni funzjonali u operattiva bejn Arkema u l-kumpanniji sussidjarji tagħha Altuglas u Altumax ġiet ikkonfermata fl-2004, matul l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-fergħa kimika tal-grupp Total u l-ħolqien ta’ Arkema, u sussegwentement, f’Mejju 2006, bl-introduzzjoni ta’ Arkema fil-Borża.

95      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li ebda prova miġbura matul il-proċedura ma turi li Arkema rċeviet, direttament jew indirettament, xi struzzjoni jew rakkomandazzjoni min-naħa ta’ Elf Aquitaine jew Total dwar il-politika kummerċjali li għandha ssegwi fis-swieq tal-metakrilati, minkejja li ċerti provi kienu nġabru mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Arkema.

96      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prattika preċedenti tagħha. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4570 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 ‑ Perossidi Organiċi), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidi Organiċi”), il-Kummissjoni ma imputatx ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Arkema lil Elf Aquitaine, minkejja l-konnessjoni fil-kapital azzjonarju li kien jeżisti bejn dawn iż-żewġ impriżi. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ammettiet li Arkema kellha awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha. Fil-fehma tar-rikorrenti, peress li l-perijodu kopert mid-deċiżjoni Perossidi Organiċi jikkoinċidi parzjalment ma’ dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u peress li r-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji bejn Arkema u Elf Aquitaine kienu strettament identiċi fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni ma kellhiex bażi biex tmur kontra l-pożizzjoni li adottat fil-każ li wassal għad-deċiżjoni Perossidi Organiċi.

97      Barra minn hekk, il-kontroll limitat u globali eżerċitat minn Total u Elf Aquitaine fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħhom ġie kkonfermat reċentement mill-kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż li kkonstata, f’deċiżjoni dwar is-suq tad-distribuzzjoni tal-karburanti fuq l-awtostradi, li Total Raffinage Distribution SA u Elf Antar France SA kellhom awtonomija suffiċjenti fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħhom.

98      Finalment, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tan-natura u l-assenjazzjoni tal-oneru tal-prova. Huma jikkunsidraw li, peress li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti adottata mill-Kummissjoni ma kienet akkumpanjata minn ebda element addizzjonali ta’ tali natura li jistabbilixxi kontroll effettiv tal-kumpanniji parent tagħhom fuq il-politika kummerċjali ta’ Arkema fir-rigward tas-suq tal-PMMA, is-sempliċi fatt li Arkema ppreżentat, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ natura li jistabbilixxu l-awtonomija reali tagħha fis-suq kien suffiċjenti biex jinqaleb l-oneru tal-prova. Skonthom, għalhekk kienet il-Kummissjoni li kellha l-oneru li turi li, minkejja dawk il-provi, Total u Elf Aquitaine kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħhom, fir-rigward tas-suq inkwistjoni.

99      Il-Kummissjoni targumenta li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, u li jissemmew fir-rikors, ma humiex suffiċjenti, lanqas jekk jittieħdu fit-totalità tagħhom, biex tiġi stabbilita l-awtonomija tal-aġir fis-suq ta’ Arkema fil-konfront ta’ Elf Aquitaine u, b’hekk, biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

100    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti (ara l-punti 90 u 98 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni f’din il-kawża ma applikatx b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (punt 35 iktar ’il fuq, punt 61), li, biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, hija l-kumpannija kkonċernata li għandha l-oneru li tressaq “provi suffiċjenti” ta’ tali natura li juru li l-kumpannija sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Rigward il-Kummissjoni, hija għandha r-responsabbiltà li teżamina dawk il-provi u mhux li tressaq provi pożittivi biex tistabbilixxi l-eżerċizzju ta’ tali influwenza. Barra minn hekk, kieku kien suffiċjenti għall-parti interessata li tikkontesta l-imsemmija preżunzjoni billi tressaq sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati, il-preżunzjoni titlef l-utilità tagħha.

102    Issa, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ressqu ftit wisq provi konkreti insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom dwar l-awtonomija ta’ Arkema fis-suq. B’mod partikolari, il-parti III.2 ta’ dik ir-risposta, bit-titolu “Arkema bbenefikat [matul il-perijodu tal-ksur] minn awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha”, ma tirreferi għal ebda dokument insostenn tal-affermazzjonijiet li jinsabu fiha. B’hekk jidher li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti jikkostitwixxu sempliċi affermazzjonijiet, li ma humiex issostanzjati bi provi suffiċjenti, hija korretta. Kif jirriżulta mill-punt preċedenti, din tippermetti li jiġi korrettament ikkunsidrat li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ma ġietx ikkonfutata.

103    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata ma jammontax għal probatio diabolica. Effettivament, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw r-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dik il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Għaldaqstant, huma r-rikorrenti li għandhom iressqu kwalunkwe prova dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dik il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent u li huma jqisu li huma ta’ tali natura li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 65). Anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu tali provi f’dan il-każ, dan ma jfissirx, madankollu, li dik il-preżunzjoni f’ebda każ ma tista’ tiġi kkonfutata.

104    Huwa fil-kuntest ta’ dawn l-osservazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti partikolari mressqa mir-rikorrenti.

105    Fl-ewwel lok, huma jibbażaw fuq il-fatt li Total u Elf Aquitaine huma kumpanniji holding u jargumentaw li l-awtonomija tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom tirriżulta mill-istruttura nfisha tal-grupp.

106    Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li l-affermazzjonijiet li Total u Elf Aquitaine huma kumpanniji holding ma huma ssostanzjati minn ebda prova.

107    Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li dawn l-affermazzjonijiet huma korretti, dawn ma humiex suffiċjenti biex jeskludu li l-kumpanniji parent tagħhom inkwistjoni eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħhom billi kkoordinaw b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma fil-kumpanniji diversi u li għalhekk il-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 63). F’dan il-każ, ir-rikorrenti jaffermaw huma stess li l-kumpanniji parent tagħhom kienu jintervjenu fid-deċiżjonijiet l-iktar importanti li seta’ jkollhom impatt fuq il-livell tal-grupp kollu. Dawn l-affermazzjonijiet mhux talli ma jwaqqgħux it-teżi li teżisti entità ekonomika komposta mir-rikorrenti u l-kumpanniji parent tagħhom, iżda pjuttost jikkonfermaw li l-funzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet li jiżguraw direzzjoni magħquda u koordinazzjoni, b’tali mod li jinfluwenzaw l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji fis-suq.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li huma wrew li Arkema kienet totalment awtonoma fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha rigward il-PMMA. Fil-fatt, Arkema kienet il-kumpannija parent tal-fergħa kimika u tat direttivi lill-kumpanniji sussidjarji tagħha, fosthom Altuglas u Altumax. Fir-rigward ta’ Total u Elf Aquitaine, ir-rwol tagħhom kien limitat għall-awtorizzazzjoni tal-investimenti l-kbar u r-riċeviment tal-informazzjoni relatata mal-kontabbiltà u dik finanzjarja li tirrigwarda r-riżultati tal-kumpannija sussidjarja tagħhom, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti ma huma ssostanzjati minn ebda prova. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-grupp Total u l-poteri rispettivi tad-diversi kumpanniji tal-grupp, fil-prinċipju setgħet tressqet prova konkreta.

110    Ċertament, ir-rikorrenti ppreżentaw, bħala anness mar-rikors, nota interna bit-titolu “Poteri interni u impenji ta’ spejjeż”, bil-għan li jissostanzjaw l-argument tagħhom li l-kumpannija parent kienet tillimita ruħha li tapprova l-ikbar investimenti mwettqa minn Arkema. Madankollu, kif tafferma l-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, dan id-dokument ma jinsabx fir-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, meta ġew mistoqsija f’dan is-sens matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li dak id-dokument ma ġiex ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva. Jirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq (punt 61) li, meta tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkunsidra l-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra l-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm il-kumpannija kkonċernata li fuqha jaqa’ l-oneru biex tikkonfuta dik il-preżunzjoni, ma tressaqx provi suffiċjenti li juru li l-kumpannija sussidjarja kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-affermazzjonijiet inkwistjoni ma ġewx issostanzjati bi provi suffiċjenti.

111    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dawk l-affermazzjonijiet ġew stabbiliti, dawn ma humiex suffiċjenti biex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, inkwantu jikkonċernaw esklużivament id-determinazzjoni tal-politika kummerċjali dwar il-PMMA. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-elementi dwar il-politika kummerċjali fil-qasam tal-prodotti suġġetti għall-kartell, iżda wkoll l-elementi kollha rilevanti li għandhom x’jaqsmu mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dik il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 67, 68, 73 u 74, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għal dik is-sentenza, Ġabra p. I‑8241).

112    Barra minn hekk, ċerti affermazzjonijiet tar-rikorrenti jindikaw li huma kienu jiffurmaw entità ekonomika waħda mal-kumpanniji parent tagħhom.

113    B’hekk, ir-rikorrenti jammettu li Total u Elf Aquitaine kellhom jawtorizzaw l-investimenti l-kbar tal-kumpannija sussidjarja tagħhom. L-eżerċizzju ta’ tali poter huwa tabilħaqq indikazzjoni li l-kumpannija sussidjarja taġixxi fis-suq waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 547).

114    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsemmu, f’diversi okkażjonijiet, l-eżistenza ta’ fergħa kimika ta’ Total. B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermaw li, minn Mejju 2000 sat-tmiem tal-perijodu tal-ksur, il-fergħa kimika kienet tinkludi mhux biss lil Arkema u l-kumpanniji sussidjarji tagħha, iżda wkoll kumpanniji oħrajn tal-grupp Total. Huma spjegaw li, wara l-amalgamazzjoni bejn Total Fina u Elf Aquitaine, l-attivitajiet kimiċi kollha tal-gruppi l-qodma tpoġġew, minn perspettiva funzjonali, f’idejn Arkema (li issa saret Atofina). Madankollu, dik ir-riorganizzazzjoni funzjonali ma ġietx akkumpanjata sistematikament minn riorganizzazzjoni tal-kapital azzjonarju. Dik id-diviżjoni tal-grupp f’fergħat, li barra minn hekk, tinjora r-rabtiet fil-kapital azzjonarju bejn il-kumpanniji tal-grupp, hija indikazzjoni b’saħħitha li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ dawk il-fergħat taqa’ f’idejn il-kumpannija parent aħħarija tal-grupp. Tali funzjoni tal-kumpannija parent hija ta’ tali natura li teskludi l-awtonomija tal-aġir fis-suq tal-kumpannija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 549, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 64).

115    Fir-rigward tal-affermazzjonijiet li l-attività relatata mal-PMMA tikkostitwixxi biss parti żgħira tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Total u Elf Aquitaine, dawn ma jurux li l-kumpannija parent tat lill-kumpannija sussidjarja awtonomija totali biex tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward tal-attività tagħha fil-qasam tal-prodotti suġġetti għall-kartell. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dak l-argument huwa rilevanti, għandha tiġi evalwata l-importanza ta’ Arkema fit-totalità tagħha għall-kumpanniji parent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 66). Ir-rikorrenti ma ppreżentawx argumenti f’dan is-sens.

116    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument li l-kontroll globali eżerċitat minn Total u Elf Aquitaine fuq Arkema jikkontrasta mal-kontroll eżerċitat minn Arkema fuq il-kumpanniji sussidjarji tagħha Altuglas u Altumax. Minn naħa waħda, għal darb’oħra, din hija affermazzjoni li ma ġietx issostanzjata minn provi suffiċjenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji kkonċernati. Min-naħa l-oħra, anki jekk nassumu li ġie stabbilit li Total u Elf Aquitaine kellhom rabtiet inqas stretti ma’ Arkema milli kellha hi mal-kumpanniji sussidjarji tagħha, dan ma huwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-awtonomija tal-aġir ta’ Arkema fis-suq.

117    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li r-riorganizzazzjoni tal-fergħa kimika tal-grupp Total u l-ħolqien ta’ Arkema fl-2004, u sussegwentement l-introduzzjoni tagħha fil-Borża fl-2006, jikkonfermaw l-awtonomija ta’ din l-aħħar kumpannija, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma elementi li seħħew wara l-perijodu tal-ksur, u li b’hekk ma jistgħux jinġiebu bħala prova tal-awtonomija tal-imsemmija kumpannija matul dak il-perijodu. Barra minn hekk, l-espressjoni “riorganizzazzjoni tal-fergħa kimika tal-grupp Total” tissuġġerixxi li Total assumiet funzjoni ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ dik il-fergħa kimika.

118    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument li ebda att fil-proċess ma juri li Arkema rċeviet xi struzzjoni jew rakkomandazzjoni min-naħa ta’ Elf Aquitaine jew Total fir-rigward tal-politika kummerċjali fis-suq tal-metakrilati, dan fih innifsu huwa irrilevanti, peress li l-awtonomija ta’ Arkema ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward ta’ dak is-suq. Barra minn hekk, kif diġà ġie deċiż, il-fatt li ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li l-kumpannija parent tat struzzjonijiet lill-kumpannija sussidjarja tagħha ma jistax jittieħed bħala prova li ma kienx hemm tali struzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 545).

119    Fis-sitt u l-aħħar lok, għandu jiġi indirizzat l-argument li l-pożizzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mid-deċiżjoni Perossidi Organiċi, fejn hija ma imputatx il-ksur imwettaq minn Arkema lil Elf Aquitaine.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-deċiżjoni Perossidi Organiċi (premessi 373 sa 391), invokata mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma analizzatx il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent ta’ Arkema u, b’mod partikolari, li hija ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-awtonomija tagħha fir-rigward tal-kumpannija parent. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-fatti f’dak il-każ kienu simili għal dawk f’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut li dik id-deċiżjoni tikkostitwixxi xi garanzija dwar il-mod kif il-Kummissjoni tħares lejn ir-relazzjonijiet bejn Arkema u l-kumpanniji parent tagħha, u lanqas dwar il-kriterju ta’ imputabbiltà applikabbli għal dak il-grupp ta’ kumpanniji.

121    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-ewwel waħda fejn il-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Arkema lil Elf Aquitaine. Fil-fatt, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4876, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C 37.773 ‑ AMCA), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni AMCA”), il-Kummissjoni kienet għamlet tali imputazzjoni lil Elf Aquitaine, u dan ukoll fuq il-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, li ma ġietx ikkontestata.

122    Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tivverifika sistematikament jekk l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 330 u 331, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82). Għaldaqstant, anki jekk jitqies li r-rikorrenti u Elf Aquitaine kienu jifformaw impriża waħda wkoll fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fid-deċiżjoni Perossidi Organiċi, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma ppreveditx il-possibbiltà li tindirizza dik id-deċiżjoni u li timponi penali kontra l-kumpannija parent tar-rikorrenti ma jipprekludix li hija tagħmel dan fil-każ ineżami, b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà.

123    Barra minn hekk, anki kieku l-Kummissjoni kienet obbligata żżomm lil Elf Aquitaine responsabbli għall-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni Perossidi Organiċi, il-fatt li hija ma għamlitx dan huwa biss xhieda tal-iżball li sar f’dak il-każ u b’hekk ma jistax jiġi invokat utilment mir-rikorrenti fil-każ ineżami.

124    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti, anki meta jittieħdu fit-totalità tagħhom, ma humiex suffiċjenti biex jikkonfutaw il-preżunzjoni li Total u Elf Aquitaine effettivament kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom.

125    Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u għalhekk għandu jiġi miċħud it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fl-implementazzjoni tar-regoli tal-imputabbiltà

126    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrenti jargumentaw li, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix risposta għall-argumenti kollha ta’ Arkema li juru l-awtonomija tal-politika kummerċjali tagħha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha ma humiex ta’ natura li jirrimedjaw dan in-nuqqas.

128    Minn naħa waħda, ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni ma tirrispondix għall-argumenti kollha ssollevati minn Arkema, li huma miġbura fil-qosor fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija naqset milli tirrispondi għall-argumenti li jgħidu li l-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema minn Elf Aquitaine ma hijiex prova fiha nfisha tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv u li Arkema kellha awtonomija assoluta fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha, waqt li l-obbligu li tagħti rendikont kien limitat għall-informazzjoni ġenerali kkomunikata fil-qafas tal-funzjonament normali ta’ grupp ta’ kumpanniji u jirrigwarda prinċipalment kwistjonijiet ta’ kontabbiltà, finanzjarji u ta’ verifika.

129    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni ma tirrispondix għal ċerti argumenti ppreżentati minn Arkema fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li lanqas ma huma miġbura fil-qosor fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma argumenti li jgħidu li d-diretturi ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine qatt ma kienu involuti fil-prattiki inkwistjoni u li l-kontroll eżerċitat mill-kumpanniji parent tagħhom kien limitat għall-awtorizzazzjoni tal-ikbar investimenti u kien wisq globali biex l-awtonomija ta’ Arkema tiġi limitata, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet.

130    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi ttrattati matul il-proċedura amministrattiva, hija madankollu għandha l-obbligu li teżamina l-fondatezza tal-argumenti kollha ssollevati biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, u dawn għandhom jitqiesu fit-totalità tagħhom. Kwalunkwe approċċ differenti jammonta għall-introduzzjoni ta’ preżunzjoni juris et de jure.

131    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ motivazzjoni jkun ta’ preġudizzju ikbar fil-każ ineżami peress li, minn naħa waħda, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni huwa ġdid, kif tammetti hija stess fil-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kumpanniji sussidjarji l-oħrajn ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat il-preżenza ta’ indikazzjonijiet supplimentari li jissostanzjaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpanniji parent tagħhom. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni huwa ikbar meta d-deċiżjoni tagħha tmur lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C‑228/99, Ġabra p. I‑8401, punt 28; digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 2004, FNSEA et vs Il-Kummissjoni, T‑245/03, Ġabra p. II‑271, punt 52, u FNCBV vs Il-Kummissjoni, T‑217/03, Ġabra p. II‑239, punt 66).

132    Il-Kummissjoni tikkontesta li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħrajn li jkunu kkonċernati direttament u individwalment mill-att biex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispjega l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha dwar is-suġġett inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Diġà ġie deċiż li meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id‑deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 78, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 93). B’hekk, sabiex tkun motivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-kumpanniji parent tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata kellha b’mod partikolari tinkludi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil dawk il-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

135    Barra minn hekk, inkwantu dik l-imputazzjoni tinfluwixxi fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, fejn huma kkontestaw dik l-imputazzjoni matul il-proċedura amministrattiva u fejn huma b’hekk għandhom interess li jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, huma għandhom ikunu f’pożizzjoni, bl-istess mod bħall-kumpanniji parent tagħhom, li jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

136    Minn dan jirriżulta li peress li f’dan il-każ il-Kummissjoni bbażat l-imputazzjoni tal-ksur fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u li l-kumpanniji kkonċernati ssottomettew, matul il-proċedura amministrattiva, provi bil-għan li jikkonfutaw dik il-preżunzjoni, id-deċiżjoni għandha tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-pożizzjoni li dawk il-provi ma jippermettux il-konfutazzjoni ta’ dik il-preżunzjoni.

137    Fil-każ ineżami, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti sostnew b’mod partikolari li Arkema kellha, matul il-perijodu tal-ksur kollu, awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha. Insostenn ta’ dik l-affermazzjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk analizzati fil-kuntest tat-tieni motiv.

138    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni rrispondiet għal dawk l-argumenti fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn affermat li “[l]-argumenti l-oħrajn [kienu] sempliċement affermazzjonijiet [mhux] issostanzjati minn provi suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine għall-atti mwettqa mill-kumpannija sussidjarja tagħhom Atofina”. Għalhekk ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispondietx għall-argument tagħhom, li huwa riprodott fil-premessa 269(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li Arkema kellha awtonomija totali fil-politika kummerċjali tagħha u fl-aġir tagħha fis-suq.

139    Barra minn hekk, għandu jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, din l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza.

140    Fil-fatt, il-Kummissjoni b’hekk spjegat ir-raġuni għalfejn hija dehrilha li l-provi sottomessi mir-rikorrenti u l-kumpanniji parent tagħhom ma kinux suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk tathom l-indikazzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti setgħu jew jikkontestaw l-eżattezza ta’ dik l-affermazzjoni, billi jsostnu li huma kienu ssostanzjaw l-affermazzjonijiet bi provi suffiċjenti, jew inkella jikkontestaw ir-rilevanza tagħha, billi jargumentaw li l-affermazzjonijiet inkwistjoni, anki jekk mhux issostanzjati, kienu suffiċjenti f’dan il-każ biex tiġi kkonfutata dik il-preżunzjoni. Dik il-motivazzjoni ssir iktar ċara meta mqabbla mas-silta kkonċernata tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, magħrufa mir-rikorrenti, li ma tirreferi għal ebda dokument ieħor biex tissostanzja l-affermazzjonijiet li jinsabu fiha (ara l-punti 102 et seq iktar ’il fuq).

141    Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li għalkemm skont l-Artikolu 253 KE hija obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu d-deċiżjoni tagħha, ma huwiex meħtieġ li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li ġew issollevati minn kull parti interessata matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 88, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑3/89, Ġabra p. II‑1177, punt 222). B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha turi, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet għalfejn jidhrilha li l-provi ppreżentati ma humiex suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, minn dan ma jsegwix li hija obbligata, f’kull każ, li tiddiskuti speċifikament kull wieħed mill-elementi ppreżentati mill-impriżi kkonċernati. Risposta globali, bħal dik li ngħatat fil-każ ineżami, tista’ skont iċ-ċirkustanzi tal-każ tkun suffiċjenti biex l-impriża tkun tista’ tiddefendi b’mod utli d-drittijiet tagħha u biex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

142    Fir-rigward tal-fatt li l-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata ma tirriproduċix l-argumenti kollha ta’ Arkema, dan ma huwiex determinanti.

143    Minn naħa waħda, fir-rigward tal-argument li l-kontroll eżerċitat mill-kumpanniji parent kien limitat għall-awtorizzazzjoni tal-ikbar investimenti u li kien wisq globali biex tkun limitata l-awtonomija ta’ Arkema, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, dan huwa konsistenti mal-argument li “Atofina kellha awtonomija totali fil-politika kummerċjali tagħha u fl-aġir tagħha fis-suq”, li huwa riprodott fil-premessa 269(c) tad-deċiżjoni kkontestata u li għalih tingħata risposta fil-premessa 272 ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 115 u 117 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fejn jinsab dak l-argument, ma jirreferi għal ebda dokument ta’ sostenn. Ir-rikorrenti b’hekk setgħu jifhmu li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi wkoll risposta għal dak l-argument.

144    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li d-diretturi ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine qatt ma kienu involuti fil-prattiki inkwistjoni, jirriżulta mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (ara b’mod partikolari l-punti 91 sa 105) li huma ssollevaw dak l-argument, fil-punti 99 sa 101 tagħha, mhux biex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, iżda biex juru li “[e]bda parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fil-prattiki inkwistjoni ma tista’ tiġi allegata fil-konfront ta’ Elf Aquitaine jew Total”. Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni ma bbażatx fuq dak l-element biex timputa l-ksur inkwistjoni lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-fatt li hija ma semmietx dak l-argument fid-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma jista’ jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

145    Rigward il-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx espliċitament għall-argument, riprodott fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema minn Elf Aquitaine ma huwiex prova tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma allegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li dak l-element kien suffiċjenti biex jissostanzja l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti. Ċertament, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema […] kienu maħtura minn Elf Aquitaine […]” u li dan il-fatt, kif ukoll ir-rabta fil-kapital azzjonarju bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, kien jippermettilha li tippreżumi li Elf Aquitaine kellha influwenza determinanti u kontroll effettiv fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha Arkema. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-ispirtu tad-deċiżjoni kkontestata li dak l-element issemma biss fuq bażi sussidjarja u li ma kkundizzjonax l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ risposta espliċita għal dak l-argument ma żammx lir-rikorrenti milli jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għal dik l-imputazzjoni, lanqas li jikkontestawha direttament quddiem il-Qorti Ġenerali.

146    Barra minn hekk, rigward l-argument dwar il-formulazzjoni tal-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“[I]l-fatt li, f’każ preċedenti, il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tagħha esklużivament lil Atofina ma jżommhiex, per se, milli tindirizza d-deċiżjoni fil-każ ineżami kemm lil Atofina kif ukoll lil Total/Elf Aquitaine. Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex timputa r-responsabbiltà lil kumpannija parent f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ […] u l-fatt li hija ma użatx dik is-setgħa f’deċiżjoni preċedenti ma jobbligahiex li ma tagħmilx dan f’dan il-każ”.

147    Għandu jiġi kkonstatat li din is-silta ma turix li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni ġdida f’dan il-każ, kif jallegaw ir-rikorrenti. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija sempliċement intiża biex twaqqa’ l-argument, li jinsab fil-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata, li jallega n-nuqqas ta’ imputazzjoni, f’deċiżjoni preċedenti indirizzata lil Arkema, tal-aġir ta’ din tal-aħħar lill-kumpannija parent tagħha (deċiżjoni Perossidi Organiċi). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, qabel id-deċiżjoni kkontestata, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, ibbażata biss fuq ir-rabta fil-kapital azzjonarju, kienet diġà ġiet applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni AMCA, li fiha hija kienet imputat il-ksur imwettaq minn Arkema lil Elf Aquitaine.

148    Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti teħtieġ biss li l-Kummissjoni tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta hija tieħu, fil-kuntest tal-prassi deċiżjonali tagħha, deċiżjoni li tmur sostanzjalment lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti. B’hekk ma huwiex suffiċjenti, f’tali każ, li tingħata motivazzjoni sommarja, b’mod partikolari b’riferiment għal prassi deċiżjonali stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Silos, punt 131 iktar ’il fuq, punt 28). Kif jirriżulta minn dak li ntqal qabel, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrispondiet b’mod espliċitu għall-argumenti ta’ Arkema intiżi sabiex juru l-awtonomija tal-politika kummerċjali tagħha.

149    Finalment, il-fatt li fir-rigward tal-kumpanniji sussidjarji l-oħrajn ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat il-preżenza ta’ indizji supplimentari li jissostanzjaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpanniji parent tagħhom ma jistax ikollu effett fuq is-suffiċjenza tal-motivazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti. Jirriżulta, barra minn hekk, minn dak li ntqal hawn fuq (ara l-punti 68 u 69 iktar ’il fuq) li huwa biss fuq bażi sussidjarja li ġew irrilevati dawk l-elementi supplimentari.

150    Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

–       L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jitlob li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina b’reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Dak l-obbligu huwa ta’ importanza fundamentali fil-proċeduri amministrattivi fejn l-istituzzjonijiet ikollhom setgħa diskrezzjonali biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, bħall-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni.

152    F’dan il-każ, billi bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjoni ta’ kontroll u billi naqset, kif issemma iktar ’il fuq, milli tirrispondi għall-argumenti ppreżentati minn Arkema biex tirrifjuta tali preżunzjoni (b’mod partikolari dawk li kienu jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rilevanza tal-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi minn Elf Aquitaine u l-awtonomija kummerċjali ta’ Arkema), il-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa l-elementi rilevanti tal-każ u marret kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

153    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiċħdu l-argumenti tal-Kummissjoni li dan l-ilment huwa konfuż ma’ dak dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Huma jenfasizzaw li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa distint mill-obbligu ta’ motivazzjoni u jsegwi skop differenti.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

155    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità jkollhom setgħa diskrezzjonali biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, il-ħarsien tal-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’mod imparzjali, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86). Dan l-obbligu joħroġ mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 269).

156    Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jissollevaw biss il-punt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuqhom mill-kumpanniji parent tagħhom u naqset milli tirrispondi għall-argumenti mressqa minn Arkema biex tikkonfuta dik il-preżunzjoni, b’mod partikolari dawk relatati man-nuqqas ta’ rilevanza tal-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi minn Elf Aquitaine u l-awtonomija kummerċjali ta’ Arkema.

157    Madankollu, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq, fl-ewwel lok, li l-użu ta’ tali preżunzjoni huwa għalkollox leġittimu. Sussegwentement, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-qari tas-siltiet ikkonċernati tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti rilevanti ssollevati mir-rikorrenti u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-awtonomija kummerċjali ta’ Arkema [argument riprodott fil-premessa 269(c) tad-deċiżjoni kkontestata u li għalih ingħatat risposta fil-premessa 272 ta’ din tal-aħħar]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura konċiża tal-motivazzjoni li tinsab fiha, li tipprovdi li “[l]-argumenti l-oħrajn huma sempliċi affermazzjonijiet [mhux] issostanzjati minn provi suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni”, ma tippermettix li jiġi kkonstatat, weħidha, ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati b’reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq (ara l-punti 102 et seq iktar ’il fuq) li l-asserzjoni msemmija fil-premessa 272 tad-deċiżjoni kkontestata hija korretta, u li dan jippresupponi li sar eżami b’reqqa u imparzjali mill-Kummissjoni.

158    Finalment, fir-rigward tal-argument li l-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema minn Elf Aquitaine ma hijiex prova fiha nfisha tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma allegatx il-kuntrarju fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpanniji parent tar-rikorrenti fuq dawn tal-aħħar ġiet ikkonstatata fuq il-bażi ta’ preżunzjoni li ma ġietx ikkonfutata matul il-proċedura amministrattiva. Kif għadu kif ġie kkonstatat, il-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema minn Elf Aquitaine ssemmiet f’dan il-kuntest fuq bażi sussidjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx speċifikament għal dan l-argument ma jikkostitwixxix ksur tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba.

159    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minbarra l-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jressqu ebda element ieħor insostenn tal-ilment tagħhom.

160    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti ta’ dan il-motiv u konsegwentement għandu jiġi miċħud it-tielet motiv fit-totalità tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-impatt konkret fis-suq fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għal EUR 65 miljun

 L-argumenti tal-partijiet

161    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi ffissat l-ammont inizjali tal-multa fil-konfront tagħhom għal EUR 65 miljun, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-impatt konkret fis-suq, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida.

162    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ammont inizjali tal-multa, jiġifieri EUR 65 miljun, huwa eċċessiv inkwantu l-ksur kellu biss impatt ferm limitat fuq is-swieq tal-prodotti inkwistjoni.

163    F’dan ir-rigward, huma jsostnu, fl-ewwel lok, li għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni tafferma fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impatt tal-ksur fis-suq seta’ jiġi kkwantifikat. Għaldaqstant, dan kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, b’mod konformi mal-ġurisprudenza u mal-linji gwida.

164    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, biex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fis-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li normalment kien ikun hemm fin-nuqqas tal-ksur. Dan b’hekk kien ikun jeħtieġ li jkun magħruf l-iżvilupp fis-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat matul it-twettiq tal-ksur u li dan l-iżvilupp ikun jista’ jitqabbel ma’ informazzjoni eżoġena tas-suq.

165    Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti pprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, jiġifieri informazzjoni dettaljata dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet tat-tliet prodotti tal-PMMA inkwistjoni bejn l-1995 u l-2003, inkluż f’relazzjoni mal-iżvilupp fil-prezzijiet tal-materji primi tagħhom. Barra minn hekk, l-impatt tal-ksur seta’ jiġi kkwantifikat ukoll fuq il-bażi ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-ishma mis-suq tad-diversi produtturi matul il-ksur, li kienet fil-pussess tal-Kummissjoni, kif jixhdu l-kliem tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

166    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li, kieku l-Kummissjoni pproċediet għal kwantifikazzjoni tal-impatt tal-ksur fis-suq, hija kienet neċessarjament tikkonkludi li dak l-impatt kien limitat u hija b’hekk kienet tiffissa l-ammont inizjali tal-multa ta’ Arkema għal livell inqas minn EUR 65 miljun.

167    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-impatt konkret tal-ksur kien neċessarjament negliġibbli, inkwantu l-iżvilupp fil-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni kien korrelatat strettament ma’ dak tal-prezzijiet tal-materji primi użati għall-fabbrikazzjoni tagħhom u li għalihom ebda ksur ma ġie kkonstatat, kif jirriżulta mill-iskemi pprovduti minn Arkema annessi mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

168    Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni stess ammettiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kellu biss effett ferm limitat fuq is-swieq inkwistjoni. B’hekk, fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda d-deskrizzjoni ġenerali tal-implementazzjoni tal-ftehim, hija ammettiet li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma mhux dejjem setgħu jiġu implementati. Bl-istess mod, jirriżulta minn diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw rispettivament it-tliet prodotti kkonċernati, li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma matul id-diversi laqgħat ma setgħux jiġu implementati jew kellhom effett ferm limitat.

169    Barra minn hekk, b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jippreċiżaw li huma ma jikkontestawx li l-implementazzjoni, għalkemm parzjali, ta’ ftehim tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza tal-impatt konkret ta’ tali ftehim fis-suq, u lanqas li l-akkordju inkwistjoni seta’ kellu ċertu impatt fis-suq tal-PMMA. Huma jsostnu, madankollu, li dak l-impatt seta’ jiġi kkwantifikat, u li kieku l-Kummissjoni kkwantifikat dak l-impatt, kien ikollha tikkonkludi li dan kien limitat.

170    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu kkunsidrat li l-impatt konkret tal-ksur ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.

171    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni sempliċement affermat li l-impatt tal-ksur ma setax jiġi kkwantifikat, mingħajr ma ġabet l-iċken prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni, u dan minkejja l-għadd kbir ta’ provi dwar l-evoluzzjoni fil-prezzijiet ipprovduti minn Arkema matul il-proċedura amministrattiva.

172    Skont ir-rikorrenti, hija l-Kummissjoni li għandha turi jekk l-impatt tal-ksur jistax jiġi kkwantifikat jew le, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-partijiet involuti fil-proċedura amministrattiva jressqu provi dwar l-effetti tal-ksur fis-swieq ikkonċernati. Fin-nuqqas, ikun biżżejjed li l-Kummissjoni tafferma li l-impatt tal-ksur ma jistax jiġi kkwantifikat biex teħles mill-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni dak l-impatt meta hija tiffissa l-ammont inizjali tal-multa.

173    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu ma rrispondietx għall-argumenti, issollevati minn Arkema b’risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li juru li l-impatt tal-ksur fuq is-swieq ikkonċernati kien wieħed limitat.

174    Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tiffissa l-ammont inizjali tal-multa tagħhom għal livell iktar baxx minn dak impost mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impatt limitat tal-ksur fuq is-swieq inkwistjoni.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

176    Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, “[l]-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni”.

177    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-impatt tal-akkordju inkwistjoni fis-suq seta’ jiġi kkwantifikat. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni pproċediet għal kwantifikazzjoni ta’ dak l-impatt, hija kien ikollha tikkonkludi li dan kien limitat u b’hekk kienet tiffissa l-ammont inizjali tal-multa ta’ Arkema għal livell iktar baxx minn EUR 65 miljun. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha li l-impatt ma setax jiġi kkwantifikat u ma rrispondietx għall-argumenti mressqa minn Arkema b’risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li jridu ta’ bilfors jiġu kkunsidrati. Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-qligħ li dawn setgħu jiksbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 241 u 242, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 96).

179    Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament gravi (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Fuq dan il-punt, għandu jiġi mfakkar li ġie deċiż b’mod kostanti li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt reali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar kemm ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punt 64). Fil-fatt, it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”.(sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 91).

181    B’hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mil-linji gwida li l-akkordji orizzontali tal-prezz jew tat-tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt reali tal-ksur fuq is-suq. F’dan il-każ, l-impatt reali tal-ksur huwa biss element fost oħrajn, li, jekk jista’ jiġi kkalkulat, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-minimu previst ta’ EUR 20 miljun (sentenzi Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 75, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 103). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk enfasizzat li l-impatt konkret tal-ksur fis-suq huwa element fakultattiv, li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, jekk hija jidhrilha li dan ikun opportun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 82).

182    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida tagħha, il-metodu tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa din tal-aħħar b’mod globali skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, inklużi elementi li ma humiex espressament imsemmija fil-linji gwida (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 237).

183    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jpoġġux f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-iffissar tal-ammont inizjali.

184    Fil-fatt, minn naħa waħda jirriżulta li anki jekk jitqies, kif isostnu r-rikorrenti, li l-impatt tal-ksur inkwistjoni fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet kien limitat, il-kwalifikazzjoni tiegħu bħala ksur serju ħafna tibqa’ adattata fir-rigward tan-natura u l-firxa ġeografika tiegħu (jiġifieri t-territorju taż-ŻEE). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fil-konklużjoni tagħha dwar il-gravità tal-ksur, li tinsab fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna “minħabba n-natura tiegħu […] u l-fatt li kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE”. B’hekk, il-kriterju tal-impatt konkret fis-suq ma kellu ebda rwol fil-kwalifikazzjoni tal-ksur.

185    Min-naħa l-oħra, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika illi kieku l-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-akkordju inkwistjoni fis-suq kien limitat, hija kienet tiffissa l-ammont inizjali tal-multa ta’ Arkema f’livell iktar baxx minn EUR 65 miljun.

186    F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni affermat li l-akkordju inkwistjoni tabilħaqq kellu impatt fis-suq, meta titqies l-implementazzjoni tal-ftehim u tal-prattiki dwar il-prezzijiet (ara l-premessi 321 u 329 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ppreċiżat ukoll li, “f’din il-proċedura, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat l-impatt konkret [tal-ksur] fis-suq […] u, konsegwentement, il-Kummissjoni ma [bbażatx] ruħha speċifikament fuq impatt partikolari, b’mod konformi mal-linji gwida li jistipulaw li l-impatt konkret għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jiġi kkwantifikat” (premessa 321) u li l-“effetti [tal-akkordju inkwistjoni fis-suq ma] setgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni”. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-konklużjoni tagħha dwar il-gravità tal-ksur, li tinsab fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ssemmix il-kriterju tal-impatt konkret fis-suq.

187    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li dak l-element ma ġiex ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

188    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jallegawx li, fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li l-akkordju inkwistjoni ma kellux impatt fis-suq. Huma jammettu li l-ksur seta’ kellu ċertu impatt fis-suq, waqt li jsostnu li dak l-impatt kien limitat (ara l-punt 169 iktar ’il fuq). B’hekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-konstatazzjoni tagħha li l-akkordju kellu impatt fis-suq, xejn ma jindika li hija eżaġerat l-effetti tiegħu.

189    Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li l-ammont inizjali applikat għall-multa tar-rikorrenti kien neċessarjament ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ impatt sinjifikattiv tal-akkordju inkwistjoni fis-suq, inkwantu dan huwa bil-bosta ogħla mill-ammont minimu previst mil-linji gwida għall-ksur ferm serju (jiġifieri EUR 20 miljun). Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq, l-impatt konkret tal-ksur jikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn minn dak l-ammont.

190    B’hekk, fil-każ ineżami, l-ammont inizjali huwa bbażat b’mod partikolari fuq in-natura tal-ksur, li ġiet stabbilita waqt li ġew meqjusa l-karatteristiċi prinċipali tiegħu msemmija fis-sezzjoni 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, jiġifieri t-territorju taż-ŻEE (ara l-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata), u fuq l-applikazzjoni ta’ trattament differenzjat għal dawk l-impriżi, sabiex tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika reali tagħhom li jagħmlu ħsara sostanzjali lill-kompetizzjoni, evalwata fid-dawl tad-dħul li sar mill-bejgħ ta’ prodotti tal-PMMA, li għalihom huma pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni (ara l-premessi 332 sa 334 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan l-aħħar kuntest, il-Kummissjoni semmiet ukoll id-daqs tas-suq kollu tal-prodotti tal-PMMA fl-2000 u fl-2002, f’termini ta’ volum u ta’ valur (ara l-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa esklużivament fir-rigward tal-kriterju tal-impatt konkret fis-suq. Kif jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq, dak l-argument huwa irrilevanti fih innifsu għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa ffissat fir-rigward tar-rikorrenti.

192    Minn dan isegwi wkoll li l-fatt li mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultawx b’mod dettaljat biżżejjed ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ma kienx possibbli, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li jiġi kkwantifikat l-impatt konkret tal-ksur inkwistjoni fis-suq, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma għandha ebda effett fuq il-kwalifikazzjoni bħala ksur serju ħafna u lanqas fuq l-ammont inizjali iffissat fir-rigward tal-multa tar-rikorrenti.

193    Barra minn hekk, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-argumenti dwar in-natura limitata tal-impatt tal-akkordju inkwistjoni fis-suq ma jistgħux jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

194    Għaldaqstant, dan il-motiv kif ukoll it-talba għat-tnaqqis tal-multa li ġiet ifformulata fuq din il-bażi mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv

195    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv u jitolbu li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt jew, fuq bażi sussidjarja, li tnaqqas sostanzjalment iż-żieda li saret fuq din il-bażi.

196    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti ssollevaw ilment supplimentari intiż sabiex jikkontesta ż-żieda inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet infondata meta żiedet l-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Total, inkwantu l-ksur ma kienx imputabbli għal dik il-kumpannija

–       L-argumenti tal-partijiet

197    Ir-rikorrenti jargumentaw li, billi applikat fattur multiplikatur ta’ 3 abbażi tal-effett dissważiv fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ miksub minn Total, meta l-ksur ma kienx imputabbli lil dik il-kumpannija, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ dritt. Fil-fehma tagħhom, żieda eventwali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv, jekk din kienet meħtieġa, setgħet tiġi bbażata biss fuq id-daqs u r-riżorsi ta’ Arkema.

198    Il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li fattur multiplikatur ta’ 3 ikun eċċessiv f’tali ipoteżi. Ir-rikorrenti jirrilevaw, fil-fatt, li biex jiġi ddeterminat il-porzjon tal-multa imputabbli lil Arkema biss abbażi tar-reċidiva, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tapplika “fattur multiplikatur ta’ 1.25” kieku Arkema kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

199    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

200    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-parti ta’ dan il-motiv hija bbażata għalkollox fuq il-premessa li l-ksur inkwistjoni ma setax jiġi imputat lill-kumpanniji parent ta’ Arkema. Madankollu, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li din il-premessa hija żbaljata.

201    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali

–       L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti jargumentaw li, anki jekk jitqies li l-ksur huwa imputabbli lil Total (jew lil Elf Aquitaine), il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali peress li ħadet inkunsiderazzjoni, biex iżżid l-ammont tal-multa ta’ Arkema abbażi tal-effett dissważiv, id-dħul mill-bejgħ ta’ Total.

203    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tista’ tkun suffiċjenti biex il-ksur jiġi imputat lill-kumpanniji parent tagħhom, din ma hijiex suffiċjenti biex tiġi applikata ż-żieda abbażi tal-effett dissważiv fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ miksub minn dawn tal-aħħar. Huma jikkunsidraw li n-natura dissważiva tal-multa għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi li jinfluwenzaw l-aġir tal-awtur ta’ ksur fis-suq u, b’mod partikolari, id-daqs tar-riżorsi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-kumpannija sussidjarja li tkun wettqet il-ksur fis-suq inkwistjoni. Fil-fehma tagħhom, sabiex iż-żieda abbażi tal-effett dissważiv tkun tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ miksub fil-livell tal-grupp, l-appartenenza għal grupp ta’ kumpanniji għandha tkun akkumpanjata b’elementi supplimentari li juru li l-kumpannija sussidjarja effettivament użat ir-riżorsi tal-grupp waqt it-twettiq tal-ksur, minħabba l-fatt li d-diretturi tal-kumpannija parent ipparteċipaw fil-ksur u/jew l-eżistenza ta’ kontroll effettiv tal-kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja. Fin-nuqqas, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-kumpannija parent jikkostitwixxi applikazzjoni sproporzjonata u diskriminatorja tal-kunċett ta’ effett dissważiv.

204    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrilevaw li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li l-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha u l-użu tar-riżorsi tal-grupp fit-twettiq tal-ksur kienu kriterji rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-effett dissważiv [Deċiżjoni 1999/60/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4, Pajpijiet Preinsulati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Pajpijiet Preinsulati”)].

205    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

206    Hija tirrileva, b’mod partikolari, li peress li l-perimetru tal-impriża li għandha tinżamm responsabbli għall-ksur ġie ddelimitat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, in-neċessità jew in-nuqqas ta’ neċessità li jiġi applikat fattur multiplikatur kif ukoll, jekk huwa l-każ, id-determinazzjoni tan-natura adattata tal-livell tiegħu tiddependi mir-riżorsi globali ta’ dik l-impriża. Dawn ir-riżorsi huma riflessi b’mod adegwat fid-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża matul is-sena ta’ qabel dik meta ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi penali u ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet issollevati mir-rikorrenti ma għandha tiġi kkunsidrata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

207    Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-kategorija tal-ksur ferm serju, l-iskala tal-multi li jistgħu jiġu imposti tippermetti wkoll li l-ammont tal-multi jiġi ffissat għal livell li jiggarantixxi li dawn ikollhom effett dissważiv suffiċjenti “meta jitqiesu d-daqs u l-qawwa ekonomika ta’ kull impriża”. Sabiex jiġu evalwati d-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża li għaliha jappartjenu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Total fl-2005, l-aħħar sena finanzjarja qabel dik li matulha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata (EUR 143.168 biljun) u ddeċidiet li tapplika fattur multiplikatur ta’ 3 għall-multa imposta kontra Arkema (ara b’mod partikolari l-premessi 338 u 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

208    Fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw dan il-mod ta’ proċediment billi jaffermaw, essenzjalment, li sabiex żieda abbażi tal-effett dissważiv tkun tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ miksub fil-livell tal-grupp, l-appartenenza għal grupp ta’ kumpanniji għandha tkun akkumpanjata b’elementi supplimentari li juru li l-kumpannija sussidjarja effettivament użat ir-riżorsi tal-grupp. Għaldaqstant, l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpanniji parent tagħhom abbażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħhom, li ma ġietx ikkontestata, ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

209    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

210    Għandu jiġi mfakkar, fuq bażi preliminari, fir-rigward tal-kunċett ta’ dissważjoni, li dan jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita li l-iskop tal-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jippenalizzaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll biex jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni, meta tikkalkula l-ammont tal-multa, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra b’mod kostanti li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tagħha (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 243, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, diġà ġie deċiż li l-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punti 15 sa 18, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, C‑266/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 120; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 96).

212    F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, Total u Elf Aquitaine jiffurmaw flimkien mar-rikorrenti l-impriża li wettqet il-ksur inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar ta’ livell suffiċjentement dissważiv tal-multa, mhux id-daqs u l-qawwa ekonomika ta’ dik l-impriża, kif riflessi fid-dħul mill-bejgħ globali tagħha, iżda biss parti mir-riżorsi tagħha, jiġifieri dawk “li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-kumpannija sussidjarja li wettqet il-ksur fis-suq ikkonċernat”. Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li dan l-argument ma huwiex kompatibbli mal-għan ta’ dissważjoni segwit mill-Kummissjoni.

213    Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti titlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 379). Għaldaqstant, hija b’mod partikolari l-possibbiltà għall-impriża li tikseb iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha li tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 18, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 284, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 379).

214    Minn dan isegwi li wieħed ma jistax jeżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi konnessjoni addizzjonali bejn l-użu tar-riżorsi tal-impriża u l-ksur imwettaq minnha, sabiex dawk ir-riżorsi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar ta’ livell suffiċjentement dissważiv tal-multa, peress li l-fattur importanti, f’dan il-kuntest, huwa d-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża li tkun wettqet il-ksur bħala tali.

215    Finalment, fir-rigward tar-riferiment għad-deċiżjoni Pajpijiet Preinsulati, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni huwa per se irrilevanti.

216    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura inutli tal-użu tal-effett dissważiv tal-multa f’dan il-każ

–       L-argumenti tal-partijiet

217    Ir-rikorrenti jinnotaw li, skont il-linji gwida, il-multa għandha tkun iffissata f’livell dissważiv biżżejjed u, għalhekk, il-Kummissjoni tista’ żżid multa jekk ma tilħaqx dan il-livell. Skont ir-rikorrenti, il-ħtieġa li tiżdied multa fuq din il-bażi tista’ tkun stabbilita biss wara l-kalkolu tal-ammont finali tal-multa, filwaqt li tiġi kkunsidrata, fejn applikabbli, il-kundanna reċenti tal-impriża għal multi. Huma jikkunsidraw li l-fatt li jkun hemm żieda tal-multa abbażi tal-effett dissważiv ab initio u in abstracto, irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet fattwali speċifiċi għall-impriża inkriminata u b’mod partikolari mill-multi mħallsa qabel mill-impriża kkonċernata, imur kontra l-linji gwida.

218    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinnotaw li Arkema kienet ikkundannata, matul perijodu ta’ inqas minn tliet snin, għal multi sostanzjali li jammontaw għal total ta’ madwar EUR 180 miljun, abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji li seħħew fl-istess ħin, għall-inqas parzjalment, tal-prattiki ppenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-multi ġew imposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet Perossidi Organiċi u AMCA, u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/C.38.620 ‑ Perossidu tal-Idroġenu u Perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidu tal-Idroġenu u Perborat”). F’kull waħda minn dawn it-tliet deċiżjonijiet, il-Kummissjoni applikat għal Arkema żieda fil-multa abbażi tal-effett dissważiv, billi żiedet progressivament il-fattur multiplikatur applikabbli.

219    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-multi preċedenti għal fatti li seħħew fl-istess żmien tal-akkordju inkwistjoni kienu dissważivi biżżejjed sabiex jiġi evitat li Arkema twettaq ksur ġdid fil-futur u li, konsegwentement, ma kienx hemm ħtieġa ta’ żieda addizzjonali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

220    Barra minn hekk, huma jinnotaw li programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni adottat minn Arkema, ftit ta’ żmien wara l-akkwist ta’ Elf minn Total Fina, jikkonferma li hija kienet diġà suffiċjentement dissważa milli twettaq ksur ġdid.

221    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

222    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II‑2511, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, żiedet il-multa abbażi tal-effett dissważiv ab initio, meta, skont ir-rikorrenti, il-ħtieġa li multa tiżdied abbażi tal-effett dissważiv tista’ tkun stabbilita biss wara l-kalkolu tal-ammont finali tal-multa.

224    Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż, ir-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett dissważiv jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa, u mhux neċessarjament jirrikjedi li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat minn stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-għan (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Kummissjoni kellha tipproċedi għad-determinazzjoni tal-effett dissważiv biss wara l-kalkolu tal-ammont finali tal-multa.

225    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet biss, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-ammont inizjali tal-multa sabiex tiggarantixxi “effett dissważiv suffiċjenti, skont id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża” (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-istadju tal-kalkolu tal-multa jirriżulta mill-ħtieġa li jiġi adattat l-ammont inizjali b’mod li l-multa tkun dissważiva biżżejjed skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li timmobilizza l-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa. Madankollu, dan l-istadju ma jkunx identifikat, kif isostnu r-rikorrenti, fl-evalwazzjoni, ab initio, tan-natura dissważiva tal-multa bħala tali. Kif jirriżulta mill-punt preċedenti, din il-kunsiderazzjoni għandha tiggwida lill-Kummissjoni matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa.

226    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li l-Kummissjoni żiedet il-multa abbażi tal-effett dissważiv in abstracto, mingħajr ma kkunsidrat il-kunsiderazzjonijiet fattwali speċifiċi għall-impriża li wettqet il-ksur.

227    Dan l-argument huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni tad-daqs tal-impriża li għaliha kienu jappartjenu r-rikorrenti, fil-premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, u ż-żieda tal-ammont inizjali li rriżultat minnha jikkostitwixxu speċifikament element intiż sabiex jadatta l-multa skont fatturi speċifiċi għal din l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 362).

228    Fit-tielet lok, għandu jiġi indirizzat l-argument li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-multi mħallsa qabel minn Arkema, fis-sens li hija kellha tikkunsidra li t-tliet multi preċedenti li kienu ġew imposti kontriha għal fatti li seħħew fl-istess żmien tal-akkordju inkwistjoni kienu dissważivi biżżejjed sabiex jiġi evitat li din twettaq ksur ġdid fil-futur u li għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li l-multa tiżdied iktar abbażi tal-effett dissważiv.

229    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni setgħet leġittimament timponi kontra Arkema erba’ multi separati, kull waħda minnhom konformi mal-limiti stabbiliti mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu din kienet ħatja ta’ erba’ każijiet distinti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 56). Kull waħda minn dawn il-multi kellha tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tat-tul u l-gravità tal-ksur ippenalizzat.

230    Madankollu, huwa ċar li l-impożizzjoni ta’ multa lil Arkema għal diversi attivitajiet antikompetittivi li jirrigwardaw prodotti oħrajn ma taffettwax ir-realtà tal-ksur imwettaq fil-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 52). Għandu jkun enfasizzat, f’dan ir-rigward, li s-soluzzjoni sostnuta mir-rikorrenti ma tippermettix li l-Kummissjoni tiffissa multa partikolari billi tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jippermettu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiżgura livell dissważiv suffiċjenti għal din il-multa, fid-dawl tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata.

231    Barra minn hekk, is-soluzzjoni sostnuta mir-rikorrenti tmur kontra l-għan ta’ dissważjoni mfittex mill-Kummissjoni fil-politika tagħha tal-multi. Kif din ġustament indikat, din is-soluzzjoni twassal għal sitwazzjoni paradossali, li fiha impriża li tkattar il-parteċipazzjoni tagħha f’diversi akkordji jkollha tnaqqis progressiv tal-ispiża marġinali ta’ kull sanzjoni.

232    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tiffissa l-ammont tal-multa skont il-probabbiltà li Arkema twettaq ksur ġdid fil-futur, probabbiltà li hija kien imissha kkunsidrat fid-dawl tal-ammont totali tal-multi imposti fuq din l-impriża matul ċertu perijodu ta’ żmien. Madankollu, premessa bħal din hija inkonsistenti mal-kunċett ta’ dissważjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, volontarjament jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 (1) KE jew tal-Artikolu 82 KE tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi attribwiti lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt tal-UE. Din il-missjoni tinkludi ċertament il-kompitu li tinvestiga u li tippenalizza ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali li tapplika l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105, u sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 53).

234    B’hekk, il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom l-għan li jippenalizzaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 16). Għalhekk, il-fattur ta’ dissważjoni jiġi evalwat billi jitqiesu għadd kbir ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata (sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 23, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 71). Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tagħha tan-neċessità li żżid l-ammont tal-multi sabiex tiżgura li jkollhom effett dissważiv, il-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod obbligata li tagħmel evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-impriżi inkwistjoni jerġgħu jwettqu ksur (sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

235    Għaldaqstant, dan l-istadju tal-kalkolu tal-multa jikkonsisti fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, bħad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, u mhux ta’ elementi suġġettivi relatati mal-evalwazzjoni tal-probabbiltà li jsir ksur ġdid fil-futur. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni għamlet żidiet fir-rigward tar-rikorrenti, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet imsemmija minn dawn tal-aħħar, abbażi tal-effett dissważiv u li din żiedet b’mod kostanti l-fatturi multiplikaturi applikati huwa irrilevanti.

236    Finalment, għandu jiġi rrifjutat ukoll l-argument li l-adozzjoni minn Arkema tal-programm ta’ konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tafferma li hija kienet diġà dissważa biżżejjed milli twettaq ksur ġdid, peress li dan l-element ma huwiex rilevanti, fil-kuntest taż-żieda tal-multa, għall-kunsiderazzjoni tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, diġà ġie deċiż li s-sempliċi adozzjoni, minn impriża, ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax jikkostitwixxi garanzija valida u ċerta tal-osservanza futura u dejjiema minn naħa tal-istess impriża, tar-regoli msemmijin, b’mod li programm bħal dan ma jistax jorbot lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-multa minħabba li l-għan ta’ prevenzjoni mfittex minn din l-istituzzjoni jkun diġà ġie milħuq parzjalment (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 361; ara wkoll is-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 52).

237    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ilment, issollevat matul is-seduta, ibbażat fuq il-fatt li, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinux għadhom ikkontrollati minn Total u Elf Aquitaine

–       L-argumenti tal-partijiet

238    Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżid il-multa tagħhom abbażi tal-effett dissważiv sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-grupp Total, peress li Arkema ma baqgħetx ikkontrollata minn dan il-grupp meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, elementi ġodda, li tressqu mill-Kummissjoni fit-tmiem tal-proċedura bil-miktub, jissuġġerixxu li l-eżistenza ta’ tali kontroll fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa sabiex Arkema tingħata żieda għad-dissważjoni, meta wieħed iqis id-daqs tal-grupp Total.

239    Dawn l-elementi ġodda jirriżultaw mir-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, li saru fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tal-Kawża T‑206/06, li kienet tirrigwarda talba mressqa mill-kumpanniji parent tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni spjegat li hija ma kinitx applikat multiplikaturi ta’ dissważjoni għal Arkema fid-deċiżjonijiet l-iktar reċenti [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-Sodju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Klorat tas-Sodju”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 ‑ Stabbilizzanti Termiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Stabbilizzanti Termiċi”)], għaliex Arkema ma kinitx għadha tagħmel parti mill-grupp Total fid-data ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

240    Madankollu, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-offerta inizjali ta’ Arkema għall-pubbliku saret fit-18 ta’ Mejju 2006 u li, minn dik id-data, jiġifieri kważi ġimagħtejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit-30 ta’ Mejju 2006, Arkema ma baqgħetx ikkontrollata minn Total.

241    Għall-argumenti tal-Kummissjoni li dan huwa motiv ġdid, inammissibbli skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jwieġbu li l-argument tagħhom huwa bbażat fuq elementi li ġew żvelati wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, jiġifieri r-risposta tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑206/06 u d-deċiżjonijiet Klorat tas-Sodju u Stabbilizzanti Termiċi. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jistiednu lill-Qorti Ġenerali teżamina nuqqas possibbli ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni ma tindikax fiha għal liema raġunijiet kien meħtieġ li żżid il-multa tagħhom abbażi tal-effett dissważiv fid-dawl tad-daqs tal-grupp Total, meta, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, Arkema ma baqgħetx tagħmel parti minn dan il-grupp.

242    Finalment, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali f’dan is-sens, ir-rikorrenti ammettew li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, huma ma kinux speċifikament informaw lill-Kummissjoni dwar il-fatt li, mit-18 ta’ Mejju 2006, ma baqgħux ikkontrollati minn Total u Elf Aquitaine. Madankollu, huma sostnew li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet ġiet informata dwar il-proċess ta’ introduzzjoni fil-Borża, li sar skont skeda predeterminata. Huma jinnotaw, barra minn hekk, li, bħala anness mar-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat prospett ta’ din l-introduzzjoni fil-Borża, b’mod li ma tistax tallega li ma kinitx ġiet informata dwarha.

243    Il-Kummissjoni targumenta li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li Arkema ma baqgħetx tifforma parti mill-grupp Total meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata huwa ġdid u għandu jkun irrifjutat bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li dan l-ilment huwa bbażat fuq element ġdid, preċiżament peress li l-offerta inizjali ta’ Arkema għall-pubbliku saret qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan l-ilment seta’ tqajjem fir-rikors.

244     Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Hija tammetti li, meta tieħu inkunsiderazzjoni r-riżorsi globali ta’ impriża, dawn għandhom jiġu evalwati, sabiex jintlaħaq korrettament l-għan ta’ dissważjoni, fil-jum meta tiġi imposta l-multa (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 285). Madankollu, skont il-ġurisprudenza u b’mod konformi mal-linji gwida, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, hija tista’ tikkunsidra wkoll il-fatt li l-impriżi ta’ dimensjoni kbira ħafna drabi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom konoxxenzi u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom jevalwaw aħjar in-natura illeċita tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi riżultanti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan l-element jiġi evalwat fil-mument tal-ksur (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 289 u 290). B’mod partikolari, meta l-każ ikun jirrigwarda grupp ta’ kumpanniji li jikkostitwixxu unità ekonomika, il-kumpanniji sussidjarji jibbenefikaw mill-fatt li l-kumpannija parent tagħhom ikollha dawn ir-riżorsi.

245    Filwaqt li tammetti li l-kriterju tal-infrastrutturi legali u ekonomiċi ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li dan jinsab fil-linji gwida. Għaldaqstant, dan il-kriterju kien neċessarjament applikat minnha fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li dan ma huwa xejn iktar minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt, li l-Qorti Ġenerali tista’ tirrimedja ex officio, meta tasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-ammont tal-multa.

246    Finalment, rigward tad-deċiżjonijiet Klorat tas-Sodju u Stabbilizzanti Termiċi, iċċitati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn id-deċiżjonijiet japplikaw il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida l-ġodda”), li ma jirreferux iktar għall-kriterju tal-infrastrutturi legali u ekonomiċi. Għalhekk dan jispjega l-approċċ differenti f’dawn id-deċiżjonijiet sussegwenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

247    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ifformulaw motiv, maqsum fi tliet partijiet, meħud mill-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv, eżaminat iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huma indikaw ukoll il-fatt li, mill-introduzzjoni tagħha fil-Borża fit-18 ta’ Mejju 2006, Arkema saret entità kompletament indipendenti mill-grupp Total, peress li l-kapital tagħha ma baqax ikkontrollat minnu. Madankollu, l-argument li jikkontesta ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv, minħabba l-motiv speċifiku li r-rikorrenti ma baqgħux ikkontrollati mill-grupp Total meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma tqajjimx b’mod espliċitu fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom. Issa, kif tiddikjara ġustament il-Kummissjoni, dan l-argument huwa bbażat, ipotetikament, fuq fatt preċedenti għar-rikors u għalhekk seta’ jitqajjem f’dak l-istadju.

248    Madankollu, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat, f’din il-kawża, jekk dan l-argument jikkostitwixxix motiv ġdid inammissibbli abbażi tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura, jew, għall-kuntrarju, huwiex biss l-amplifikazzjoni ta’ motiv issollevat fir-rikors promotur u li huwa relatat mill-qrib miegħu, li jkollu għalhekk jiġi ddikjarat ammissibbli abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 278, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156).

249    Fil-fatt, anki jekk, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjaraw b’mod espliċitu li “żieda tal-ammont tal-multa [ta’ Arkema] abbażi tal-‘effett dissważiv’, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi tal-grupp Elf Aquitaine/Total, hija saħansitra inqas iġġustifikata minħabba li l-impriża ser ssir entità indipendenti mill-grupp Total fir-rebbiegħa tal-2006, id-data maħsuba għall-introduzzjoni tagħha fil-borża”, kif ammettew matul is-seduta, huma ma informawx lill-Kummissjoni dwar il-fatt speċifiku li, mit-18 ta’ Mejju 2006, huma ma baqgħux ikkontrollati mill-grupp Total. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata mill-ebda illegalità f’dan il-punt, inkwantu l-Kummissjoni setgħet tibbaża fuq il-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li kienu juru li r-rikorrenti kienu jiffurmaw impriża waħda mal-kumpanniji parent tagħhom, fatti li ma ġewx speċifikament ikkontestati mill-partijiet interessati.

250    Għaldaqstant, l-ilment imqajjem fis-seduta ma huwiex, fi kwalunkwe każ, fondat, inkwantu huwa intiż li jappoġġja t-talba tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

251    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti talbu, f’din il-kawża, abbażi tal-Artikolu 229 KE, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huma talbu speċifikament lill-Qorti Ġenerali li “tnaqqas sostanzjalment iż-żieda tal-multa imposta fuq Arkema abbażi tal-effett dissważiv”. B’hekk, huma talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 229 KE, anki speċifikament fir-rigward taż-żieda tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

252    Madankollu, kif diġà ġie deċiż, l-imsemmija ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-qorti li tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-fatti, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692 ; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 577).

253    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux lill-Qorti Ġenerali milli tikkunsidra, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-argument imqajjem mir-rikorrenti matul is-seduta, sabiex teżamina jekk iż-żieda abbażi tal-effett dissważiv kinitx iġġustifikata fir-rigward tal-fatt allegat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-konklużjonijiet ippreżentati matul is-seduta, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’il fuq, punti 575 u 578), peress li barra minn hekk il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 sa 42 u 57 sa 58).

254    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżattezza tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li, mit-18 ta’ Mejju 2006, huma ma baqgħux ikkontrollati minn Total u Elf Aquitaine. Kif indikat iktar ’il fuq, dan il-fatt kien jidher diġà fir-rikors. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-eżattezza ta’ din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut tad-deċiżjoni Stabbilizzanti Termiċi, diskussa matul is-seduta, u ppreżentata sussegwentement mir-rikorrenti (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Fil-fatt, skont din id-deċiżjoni, “[m]it-18 ta’ Mejju 2006, Arkema France ma għadhiex tagħmel iktar parti mill-grupp Total/Elf Aquitaine” (premessa 27) u “ma tappartjenix iktar għall-istess impriża bħal Elf Aquitaine […]” (premessa 740).

255    Barra minn hekk, fuq talba tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ippreżentaw provi li jsostnu l-affermazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni ma kkontestatx dawn il-provi u ammettiet b’mod espliċitu, b’risposta għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li, mit-18 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ma kinux jifformaw iktar parti mill-istess impriża bħal Total u Elf Aquitaine.

256    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinux jifformaw iktar parti mill-istess impriża bħal Total u Elf Aquitaine.

257    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-impatt potenzjali ta’ din il-konstatazzjoni fuq l-ammont tal-multa li r-rikorrenti huma mistennija jħallsu skont id-deċiżjoni kkontestata.

258    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, meta din ma timmotivax iż-żieda tal-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika tal-kompetizzjoni, teżiġi li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 283, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 379). Għaldaqstant, hija b’mod partikolari l-possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tikseb iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha li tiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 18 ; Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 258 iktar ’il fuq, punt 284, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 379; ara wkoll il-punti 210 sa 213 iktar ’il fuq).

259    B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti jinsab fl-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, u s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 104).

260    Huwa għalhekk għal din ir-raġuni li ġie deċiż li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa ma jistax jintlaħaq b’mod tajjeb jekk ma tiġix ikkunsidrata s-sitwazzjoni tal-impriża meta tiġi imposta l-multa (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 278). B’hekk, ir-riżorsi globali tal-impriża, li jistgħu jvarjaw, billi jonqsu jew jiżdiedu, b’mod sinjifikattiv f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, b’mod partikolari bejn il-waqfien tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, għandhom għalhekk ikunu evalwati, sabiex jintlaħaq b’mod tajjeb l-għan tad-dissważjoni, u dan bl-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, fil-jum meta tiġi imposta l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 285 u 288).

261    Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni. Madankollu, hija ssostni li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija tista’ tikkunsidra wkoll il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir ikollhom, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għarfien u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom jevalwaw aħjar l-illegalità tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, element li għandu jkun evalwat fil-mument tal-ksur.

262    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 241, u l-ġurisprudenza ċċitata).

263    Barra minn hekk, waqt li huwa permessibbli għall-Kummissjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-multa f’livell li jiżgura li tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, li tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni, li jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u mhux perfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika tagħha, ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil din iċ-ċifra meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu kkunsidrati u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma tistax tkun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu aritmetiku bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 243, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, punt 211 iktar ’il fuq, punt 120).

264    B’hekk, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-impriżi l-kbar ikollhom, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għarfien u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom jevalwaw aħjar l-illegalità tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, punt 211 iktar ’il fuq, punt 121), kif huwa previst ukoll fil-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida.

265    Il-kunsiderazzjoni ta’ dan l-element hija intiża biex tippenalizza iktar lill-kumpanniji l-kbar, li huma mistennija li jkollhom l-għarfien u l-mezzi strutturali suffiċjenti, li jippermettulhom li jkunu konxji mill-illegalità tal-aġir tagħhom u li jevalwaw il-benefiċċji possibbli. Għaldaqstant, f’din l-ipoteżi, id-dħul mill-bejgħ li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tevalwa d-daqs tal-kumpanniji inkwistjoni, u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw in-natura u l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom, għandu jkun relatat mas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur u mhux fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 289 u 290).

266    Madankollu, fil-każ ineżami, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-infrastrutturi legali u ekonomiċi kkontribwixxew għad-determinazzjoni tal-fattur multiplikatur ta’ 3, applikat għall-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

267    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li dan l-element ma huwiex imsemmi fil-premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni tiġġustifika l-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur. Madankollu, il-Kummissjoni tiddikjara b’mod ċar li għandu jiġi ffissat l-ammont tal-multi “f’livell li jiggarantixxi li jkollhom effett dissważiv suffiċjenti skont id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża” (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata) u li għandu jiġi applikat fattur multiplikatur “biex tiġi ffissata l-multa f’livell li jiggarantixxi li jkollha effett dissważiv suffiċjenti” (premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “t-trattament differenzjat huwa bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ kull parteċipant fis-suq involut f’akkordju, li jagħti indikazzjoni ġusta tal-piż rispettiv tagħhom waqt il-ksur, filwaqt li l-fattur multiplikatur huwa bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża li jirrifletti l-ħtieġa li l-multa tkun ta’ livell li jiżgura li tkun ta’ natura dissważiva”.

268    Għalhekk għandu jitqies li l-ġustifikazzjoni tal-fattur multiplikatur hija bbażata b’mod ċar fuq il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 258 sa 260 iktar ’il fuq, jiġifieri, sostanzjalment, fuq l-impatt imfittex tal-multi fuq l-impriżi kkonċernati.

269    Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-fatturi multiplikaturi applikati għall-impriżi kkonċernati huma bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ totali tagħhom fl-2005, jiġifieri l-aħħar sena finanzjarja qabel id-deċiżjoni kkontestata, u dan irrispettivament mid-data tat-tmiem tal-perijodi ta’ ksur rispettivi tagħhom. B’hekk, pereżempju, fil-każ ta’ ICI, li ngħatat il-fattur multiplikatur ta’ 1.5, hemm iktar minn ħames snin mit-tmiem tal-perijodu tal-ksur (l-1 ta’ Novembru 1999 skont id-deċiżjoni kkontestata) sas-sena finanzjarja 2005. Madankollu, il-parti analizzata tad-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix indikazzjonijiet relatati mad-daqs ta’ dawn l-impriżi matul il-perijodi ta’ ksur rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li Total, li d-dħul mill-bejgħ tagħha huwa kkunsidrat għall-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur, ħadet biss il-kontroll tal-grupp f’April 2000, filwaqt li l-perijodu tal-ksur tar-rikorrenti kien bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u t-12 ta’ Settembru 2002.

270    Għalhekk dan il-każ huwa differenti sew mill-kawża li wasslet għas-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, imsemmija mill-Kummissjoni matul is-seduta. Fil-fatt, fid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, il-Kummissjoni semmiet espliċitament l-element li jirrigwarda l-infrastrutturi legali u ekonomiċi (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 275). Barra minn hekk, jirriżulta minn din is-sentenza li l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat li l-impriżi l-kbar ikollhom infrastrutturi legali u ekonomiċi tikkostitwixxi, fil-kuntest taż-żieda tal-multa, motiv differenti minn dak li jirrigwarda l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multa, u ssegwi għanijiet differenti (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 277, 278 u 289). B’hekk, ma jistax jiġi argumentat li din isservi neċessarjament bħala bażi għall-motivazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

271    Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li hija neċessarjament kellha tikkunsidra l-element li jirrigwarda l-infrastrutturi legali u ekonomiċi, minħabba li huwa previst mil-linji gwida. Huwa biżżejjed li wieħed jinnota, f’dan ir-rigward, li l-ħames paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida ma jipprovdix il-kunsiderazzjoni sistematika ta’ dan l-element, iżda biss il-fakultà tal-Kummissjoni li tagħmel dan (“B’mod ġenerali, wieħed jista’ jikkunsidra ukoll il-fatt […]”). B’hekk, minħabba li dan l-element ma jitqiesx obbligatorju, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidrah fil-każijiet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 49).

272    Minn dan jirriżulta li d-daqs u s-saħħa ekonomika tar-rikorrenti kellhom ikunu evalwati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur, fil-jum tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Arkema. B’mod partikolari, inkwantu, kif għadu kif ġie kkonstatat, il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi kienet tinsab, f’dan il-każ, fl-impatt imfittex tal-multa fuq l-impriża kkonċernata, u l-għaqda ekonomika li kienet torbot lil Arkema ma’ Total inħallet qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riżorsi ta’ din il-kumpannija tal-aħħar ma setgħux jiġu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-fattur multiplikatur applikabbli għal Arkema (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-limitu ta’ 10 %, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).

273    Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 260 iktar ’il fuq, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata minħabba l-fatt li l-imsemmija għaqda ekonomika nħallet ftit jiem biss qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

274    Bl-istess mod, anki jekk l-iżball li d-dħul mill-bejgħ ta’ Total ittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur huwa attribwibbli lir-rikorrenti (ara l-punt 249 iktar ’il fuq), din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax l-ammont tal-multa imposta fuqhom, inkwantu dan irriżulta mill-kunsiderazzjoni ta’ element materjalment impreċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punt 586, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 293).

275    Barra minn hekk, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tikkunsidra r-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi tagħha fil-Kawża T-206/06, li ma tagħmilx parti mill-proċess ta’ dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li dan il-metodu ta’ proċedura jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni diskussa fis-seduta (ara d-deċiżjonijiet Klorat tas-Sodju u Stabbilizzanti Termiċi). Pereżempju, fid-deċiżjoni Stabbilizzanti Termiċi, il-Kummissjoni ddikjarat li l-“fattur multiplikatur [ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Elf Aquitaine] ma kellux ikun applikat għal Arkema France u CECA SA minħabba l-fatt li dawn ma kinux jappartjenu iktar għall-istess impriża bħal Elf Aquitaine” (ara l-premessa 740 ta’ din id-deċiżjoni). L-argument li dawn id-deċiżjonijiet kienu japplikaw il-linji gwida l-ġodda u li dawn ma jipprovdux espliċitament għall-kriterju dwar l-infrastrutturi legali u ekonomiċi ma huwiex rilevanti, peress li dan il-kriterju ma ġiex applikat fil-każ ineżami, kif ġie enfasizzat. Barra minn hekk, l-istess approċċ jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni Perossidu tal-Idroġenu u Perborat, kontemporanja għad-deċiżjoni kkontestata u li tapplika l-istess linji gwida, deċiżjoni li l-Kummissjoni stess iċċitat matul is-seduta bħala paragun mad-deċiżjoni kkontestata, rigward il-livell tal-multi (ara, rigward grupp ieħor ta’ kumpanniji, il-premessi 31 u 463 tad-deċiżjoni Perossidu tal-Idroġenu u Perborat).

276    Il-konklużjoni li tidher fil-punt 272 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata minħabba l-fatt li, taħt id-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Arkema għall-ħlas tal-multa, inkwantu hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 skont id-dħul mill-bejgħ tal-grupp Total, hija maqsuma in solidum mal-kumpanniji parent tagħhom. Fil-fatt, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata jagħti lill-Kummissjoni libertà sħiħa rigward l-irkupru tal-multa mingħand waħda jew l-oħra mill-persuni ġuridiċi kkonċernati, fl-ammonti mniżżla fiha. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirkupra l-multa kollha mingħand ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 165).

277    Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stess kienet tikkunsidra li l-fattur multiplikatur ta’ 3 ma huwiex adegwat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema waħedha (madwar EUR 5.7 biljun fl-2005, skont il-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 233, dwar il-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li “fir-rigward ta’ Arkema, Altuglas u Altumax […], għandu jiġi applikat fattur multiplikatur separat ta’ 1.25 għall-ammont inizjali tagħhom ta’ EUR 65 miljun, li minnu wieħed ikun jista’ jikkalkula ż-żieda ta’ 55 % għall-perijodu qabel iż-żieda ta’ 50 % abbażi tar-reċidiva […]”. Ta’ min ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx lil Total u lil Elf Aquitaine bħala reċidivi (premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata) u għalhekk użat fattur multiplikatur “ipotetiku” ta’ 1.25, sabiex tiżgura li ż-żieda abbażi tar-reċidiva tkun applikata biss għall-elementi tal-kalkolu tal-multa ta’Arkema u għall-kumpanniji sussidjarji tagħha.

278    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ICI u Degussa, bi dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 8 biljun u ta’ iktar minn EUR 11-il biljun rispettivament fl-2005, ingħataw, rispettivament, fattur multiplikatur ta’ 1.5 u ta’ 1.75 (ara l-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fattur multiplikatur ta’ 3 fir-rigward ta’ Arkema kien iġġustifikat biss mill-fatt li, skont l-informazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, Arkema kienet tagħmel parti mill-grupp Total, li kellu dħul mill-bejgħ ferm ikbar mill-impriżi l-oħrajn ikkonċernati, u li għalhekk setgħet tistrieħ fuq ir-riżorsi tiegħu meta ġiet imposta l-multa. Peress li issa jidher li din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta, il-fattur multiplikatur ta’ 3 huwa eċċessiv, meta mqabbel mal-fatturi applikati fir-rigward tad-destinatarji l-oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata.

279    Issa, għandu jiġi mfakkar li, biex tiffissa l-multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif ġew żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 77).

280    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li l-fattur multiplikatur ta’ 3 ma huwiex iġġustifikat fir-rigward tar-rikorrenti. Il-konsegwenzi ta’ din l-analiżi għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li r-rikorrenti huma mistennija li jħallsu ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fiż-żieda tal-multa abbażi tar-reċidiva

281     Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji tal-legalità tar-reati u tan-nulla poena sine lege u l-prinċipju taċ-ċertezza legali

282    Fir-rikors, ir-rikorrenti argumentaw li, meta bbażat ruħha fuq kundanni li jmorru lura għall-1984, l-1986 u l-1994, u li jirrigwardaw fatti ta’ iktar minn 20 sena ilu, saħansitra kważi 30 sena qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-legalità tar-reati u tan-nulla poena sine lege u l-prinċipju taċ-ċertezza legali. L-approċċ tal-Kummissjoni jfisser, effettivament, li impriża li kienet diġà kkundannata tibqa’ taħt it-theddida kostanti ta’ infurzar tar-regoli dwar ir-reċidiva.

283    Madankollu, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti nnotaw li huma saru jafu bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Grupp Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), mogħtija wara l-preżentata tar-rikors, u li huma ma kinux iqisu “l-ħtieġa, minħabba din is-sentenza, li jerġgħu jikkunsidraw l-argumenti” msemmija hawn fuq. Meta ġew mistoqsija f’dan is-sens fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma ma kinux sejrin ikomplu b’din il-parti tas-sitt motiv, filwaqt li ser isostnu l-argument żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti tal-imsemmi motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

284    Fid-dawl ta’ dan l-irtirar, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l-ewwel parti tas-sitt motiv.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

285    Ir-rikorrenti josservaw li, sabiex tiġġustifika ż-żieda tal-multa abbażi tar-reċidiva, il-Kummissjoni bbażat, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq kundanni preċedenti, li kienu diġà ġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ żieda tal-multa ta’ Arkema abbażi tar-reċidiva fid-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kkundannat lil Arkema erba’ darbiet għall-istess ksur u għalhekk kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

286    Ir-rikorrenti jfakkru, f’dan ir-rigward, li r-reċidiva tapplika meta persuna, wara li tkun ġiet ikkundannata definittivament għall-ewwel ksur, twettaq ieħor taħt kundizzjonijiet iddefiniti mil-liġi u, spiss, fi żmien iddeterminat. Ir-reċidiva hija għalhekk perijodu ta’ prova sa mill-ewwel kundanna. Madankollu, skont ir-rikorrenti, din il-prova ma tistax tkun perpetwa u ddum iktar mit-tieni kundanna. Skont ir-rikorrenti, jekk il-persuna kkundannata twettaq it-tielet ksur minkejja l-aggravazzjoni tal-piena tagħha minħabba l-istatus tagħha ta’ persuna reċidiva, il-piena tista’ tiżdied abbażi tar-reċidiva biss fuq il-bażi tat-tieni ksur. Fil-fehma tagħhom, kwalunkwe interpretazzjoni oħra żżid darbtejn il-piena għal ksur wieħed.

287    Għaldaqstant, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kellha tqis li l-kundanni tal-1984, tal-1986, tal-1988 u tal-1994 kienu diġà ġew ikkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa fid-deċiżjoni Perossidi Organiċi, b’mod li l-istatus ta’ reċidiva ta’ Arkema ma setax jiġi invokat iktar fil-każijiet sussegwenti fuq il-bażi ta’ dawn il-kundanni. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tuża l-istatus ta’ reċidiva ta’ Arkema fuq il-bażi possibbli tad-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA jew Perossidu tal-Idroġenu u Perborat. Huma jsostnu, madankollu, li, minħabba li l-perijodu tal-ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata kien preċedenti għad-deċiżjonijiet ta’ kundanna adottati f’dawn it-tliet każijiet, ir-reċidiva ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

288    Barra minn hekk, għall-argument tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li jkun żgurat effett dissważiv tal-multi, ir-rikorrenti jwieġbu li l-Kummissjoni kienet diġà qieset din il-kunsiderazzjoni meta żiedet l-ammont inizjali tal-multa ta’ Arkema minħabba s-sħubija tagħha fi grupp kbir. Huma jistmaw li, billi żiedet darbtejn l-ammont tal-multa għall-istess raġuni, il-Kummissjoni kisret mill-ġdid il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

289    Barra minn hekk, bl-applikazzjoni ta’ żieda tal-multa abbażi tar-reċidiva fuq il-bażi tal-istess kundanni f’erba’ każijiet differenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ dissważjoni ssodisfat miż-żieda tal-multa kien żgurat biżżejjed miż-żieda ta’ 50 % applikata fid-deċiżjoni Perossidi Organiċi u, a fortiori, miż-żidiet il-ġodda ta’ 50 % applikati fid-deċiżjonijiet AMCA, fl-2005, u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat, fl-2006. Huma jsostnu li għalhekk ma kienx hemm ħtieġa ta’ żieda oħra simili fid-deċiżjoni kkontestata, iktar u iktar meta l-fatti li wasslu għall-erba’ deċiżjonijiet huma kontemporanji, b’mod li Arkema ma kellhiex il-possibbiltà li tadatta l-aġir tagħha sabiex tirrifletti t-tliet kundanni preċedenti tal-2003, l-2005 u l-2006.

290    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, inkwantu ż-żieda tal-multa ta’ Arkema abbażi tar-reċidiva hija bbażata fuq id-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat, kif jirriżulta mill-argumenti tal-Kummissjoni, din iż-żieda hija manifestament kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, żieda bħal din hija inutli u sproporzjonata meta l-okkorrenzi ta’ ksur li wasslu għal diversi deċiżjonijiet huma kontemporanji, b’mod li l-impriża ma setgħetx tadatta l-aġir tagħha sabiex tirrifletti l-kundanni preċedenti.

291    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

292    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, stipulat barra minn hekk fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tkun ikkundannata jew li jittieħdu proċeduri kontriha għal darba oħra, minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 59). L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni trippla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 338).

293    Għandu jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju lanqas ma huwa miksur mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kundanni preċedenti li kienu diġà ġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ żieda tal-multa ta’ Arkema abbażi tar-reċidiva fid-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni, f’erba’ deċiżjonijiet, ibbażat il-konstatazzjoni ta’ reċidiva fuq l-istess kundanni preċedenti ma jfissirx li l-Kummissjoni “kkundannat lil Arkema erba’ darbiet għall-istess ksur”, kif jallegaw ir-rikorrenti.

294    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà ta’ reċidiva hija fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, punt 26). It-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa intiż li jħeġġeġ lill-impriżi li jkunu wrew it-tendenza li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni sabiex ibiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ f’kull każ, tikkunsidra l-indizji li jistgħu jwasslu għall-konferma ta’ tali tendenza, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, punt 39).

295    Billi wettqet kull ksur invokat mir-rikorrenti, Arkema saret reċidiva, li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element fil-kuntest tal-analiżi tal-gravità ta’ kull waħda minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur. B’mod partikolari, kull waħda minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur kienet tikkostitwixxi ksur indipendentement mill-oħra, repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tal-1984, tal-1986 u tal-1994, u dan huwa xhieda tat-tendenza ta’ Arkema li ma tislitx il-konsegwenzi xierqa minn dawn il-kundanni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq, punt 40).

296    Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-element marbut mar-reċidiva fil-kuntest tal-każijiet invokati mir-rikorrenti iwassal neċessarjament għall-analiżi tal-gravità ta’ kull wieħed mill-ksur inkwistjoni. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkundannat lil Arkema għal erba’ ksur distinti u l-kundizzjoni relatata mal-identiċità tal-fatti (ara l-punt 292 iktar ’il fuq) hija manifestament mhux sodisfatta f’dan il-każ.

297    Barra minn hekk, is-soluzzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti twassal biex il-Kummissjoni ma tkunx awtorizzata li tieħu inkunsiderazzjoni r-reċidiva, fil-kuntest ta’ deċiżjoni partikolari, għas-sempliċi raġuni li l-impriża kkonċernata kkommettiet b’mod parallel ksur ieħor tad-dritt tal-kompetizzjoni. Tali soluzzjoni tmur kontra l-għan segwit mit-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva fil-kuntest tal-iffissar tal-multa.

298    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem meta ġġustifikat l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva bin-neċessità li tiżgura l-effett dissważiv tal-multi, meta din il-kunsiderazzjoni kienet diġà ġiet meqjusa. Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkunsidra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, għadd ta’ kunsiderazzjonijiet fattwali kkunsidrati bħala rilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-multa f’livell li jiżgura li hija ta’ natura suffiċjentement dissważiva u ma kkundannatx lir-rikorrenti darbtejn għall-istess ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 358). Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett ta’ dissważjoni jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-multa (sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 131).

299    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jirrileva motivi distinti. B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata huwa ġġustifikat minħabba n-neċessità li l-multa tiġi ffissata f’livell li jkun suffiċjentement dissważiv fir-rigward tad-daqs u l-qawwa ekonomika tagħha. Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva, din hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ dissważjoni supplimentari kif jixhed il-fatt li tliet konstatazzjonijiet ta’ ksur preċedenti ma kinux biżżejjed biex jimpedixxu r-repetizzjoni tar-raba’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, punt 358).

300    Rigward l-ilment li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti donnhom isostnu li hija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-effett dissważiv li kellhom fuq ir-rikorrenti ż-żidiet imposti fid-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat. Għandu jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 228 sa 235 iktar ’il fuq, meta tiddetermina l-effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-multi li hija tkun imponiet kontra l-istess impriża fil-kuntest ta’ każijiet oħrajn. Dik il-konklużjoni hija valida wkoll għal dak li jirrigwarda ż-żidiet imposti abbażi tar-reċidiva. B’mod partikolari, tkun kuntrarju għall-għan ta’ dissważjoni deċiżjoni li ma jiġix ikkunsidrat il-fatt li l-impriża inkwistjoni kienet reċidiva, għas-sempliċi raġuni li, b’mod parallel mal-ksur inkwistjoni, hija kienet involuta wkoll f’aġir ieħor li jikkostitwixxi ksur, li ġie ppenalizzat ukoll mill-Kummissjoni.

301    Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rata ta’ żieda ta’ 50 % ma hijiex sproporzjonata fid-dawl ta’ dan l-għan.

302    Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti (ara l-punt 290 iktar ’il fuq), jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 358 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata li l-konstatazzjoni ta’ reċidiva ma kinitx ibbażata, fil-każ ineżami, fuq id-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat.

303    Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt motiv, li hija l-unika waħda li baqgħet inkwistjoni, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi tan-“nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva” ta’ ċerti prattiki inkwistjoni minn Arkema

 L-argumenti tal-partijiet

304    Ir-rikorrenti jirrilevaw li Arkema wriet, matul il-proċedura amministrattiva, li hija kienet applikat biss parzjalment uħud mill-ftehim illeċiti, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kkontestata. Huma għaldaqstant tal-fehma li, b’mod konformi mal-linji gwida u mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni dik iċ-ċirkustanza attenwanti meta ddeterminat l-ammont tal-multa. Huma b’hekk jitolbu lill-Qorti Ġenerali li tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-“nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva” minn Arkema ta’ ċerti prattiki inkwistjoni.

305    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrilevaw li, f’diversi okkażjonijiet, Degussa lmentat dwar in-nuqqas ta’ osservanza minn Arkema tal-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma bejn il-produtturi, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni ta’ diversi laqgħat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 123, 128 u 133 ta’ din tal-aħħar).

306    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li, skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, tnaqqis tal-multa jista’ jingħata abbażi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni parzjali tal-ftehim illeċiti. Huma jsostnu, konsegwentement, li għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni tafferma fir-risposta, is-sempliċi fatt li impriża applikat biss ċerti prattiki inkwistjoni fih innifsu ma huwiex ta’ tali natura li jeskludi l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti.

307    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

308    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dak li huwa importanti għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim illeċiti, huwa li jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti humiex ta’ tali natura li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih l-impriża kkonċernata ħadet sehem fl-imsemmija ftehim, hija effettivament astjeniet ruħha milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija kisret b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar ’il fuq, punt 113, u Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 196).

309    B’hekk, fil-każ ineżami, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti jammettu applikazzjoni parzjali ta’ ċerti ftehim inkwistjoni ma hijiex biżżejjed, minnha nnifisha, biex tiġġustifika r-rifjut li jingħatalhom il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, punt 308 iktar ’il fuq, punti 102 u 116, u Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punti 197 u 223). Fil-fatt, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk ir-rikorrenti ppruvawx illi huma kienu kisru b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi li jimplementaw l-akkordju inkwistjoni, b’tali mod illi fixklu l-funzjonament tiegħu.

310    Għandu jiġi mfakkar li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom fuq tliet ċirkustanzi preċiżi, intiżi biex juru li Degussa ripetutament ilmentat dwar nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Arkema tal-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma bejn il-produtturi.

311    Fl-ewwel lok, huma jirrilevaw li, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-laqgħa li saret matul is-sajf tal-1999 kienet intiża biex “terġa’ tagħti fiduċja lil Degussa fl-affidabbiltà tal-aġir fis-suq ta’ [Arkema] u ICI, li ddeterjorat fil-passat meta l-miri tal-prezzijiet ma ntlaħqux, jew intlaħqu biss parzjalment” minn dawn iż-żewġ impriżi.

312    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni kkonstatat li l-laqgħa tal-24 ta’ Frar 2000, dwar il-komponenti tal-immudellar, kienet msejħa minn Degussa b’risposta għall-aġir ta’ Arkema, fil-konfront ta’ ċerti klijenti fis-settur awtomobilistiku. Il-Kummissjoni tippreċiża illi, matul dik il-laqgħa, “[Degussa] akkużat indirettament lil Arkema li ma onoratx iż-żieda fis-settur awtomobilistiku”.

313    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jibbażaw fuq il-kliem tal-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn hemm riferiment għal-laqgħa tas-27 ta’ Ġunju 2000, dwar il-komponenti tal-immudellar, wara li Arkema kkonkludiet kuntratt ta’ forniment fit-tul mal-klijent ewlieni fis-suq, b’livell ta’ prezz orħos mill-prezzijiet immirati miftiehma bejn il-kompetituri fil-laqgħa ta’ Dublin (l-Irlanda), fix-xahar ta’ Ottubru 1999. Il-Kummissjoni kkonstatat illi “l-fatt li Arkema naqset apposta milli tapplika l-prezzijiet immirati ġie kkunsidrat bħala ksur serju tal-fiduċja minn Degussa”. Bl-istess mod, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet ukoll riferiment għal “kunflitt serju” bejn Degussa u Arkema waqt din il-laqgħa.

314    Madankollu għandu jingħad ukoll li s-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex biżżejjed biex jintwera li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 308 iktar ’il fuq huma sodisfatti.

315    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li s-siltiet imsemmija hawn fuq jikkonċernaw il-laqgħat kollha li għandhom x’jaqsmu mal-komponenti tal-immudellar b’bażi ta’ PMMA, jiġifieri wieħed biss mit-tliet prodotti li huma s-suġġett tal-uniku ksur imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova oġġettiva li setgħet tippermetti lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-impatt tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim dwar dak il-prodott fuq il-funzjonament tal-intier tal-akkordju inkwistjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-komponenti tal-immudellar tal-PMMA jikkostitwixxu biss 36 % tas-suq kollu tal-PMMA, f’termini ta’ ventilazzjoni tal-metakrilat tal-metil mit-tliet prodotti tal-PMMA.

316    Sussegwentement, b’mod partikolari fir-rigward tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa ddikjarat li “fil-passat […], il-miri tal-prezzijiet ma kinux ġew implementati, jew ġew implementati biss parzjalment” minn Arkema u ICI, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqu ebda prova li tippermetti l-evalwazzjoni tal-portata konkreta tagħha, kemm mil-lat tal-mertu kif ukoll taż-żmien.

317    Min-naħa, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miri tal-prezzijiet ġew applikati parzjalment. Issa, ir-rikorrenti ma jippreċiżawx x’kienet il-portata ta’ dan in-“nuqqas ta’ applikazzjoni parzjali”. B’mod partikolari, huma ma jallegawx li din kienet laħqet tali livell li l-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni seta’ ġie mfixkel. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt l-istess laqgħa, il-parteċipanti implementaw tajjeb wieħed mill-aspetti ta’ dan l-akkordju inkwistjoni, li għandu x’jaqsam mal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva (ara l-aħħar sentenza tal-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-premessa 117 ta’ din tal-aħħar, li għaliha tirreferi).

318    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx liema kien il-perijodu inkwistjoni. Waqt li l-laqgħa inkwistjoni kienet saret matul is-sajf tal-1999, il-ksur beda fit-23 ta’ Jannar 1997 (ara l-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). Sadanittant, Arkema ħadet sehem f’numru ta’ laqgħat antikompetittivi, li d-deskrizzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal diżgwid, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni (ara l-premessi 111 sa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

319    Rigward l-argumenti tar-rikorrenti dedotti mill-premessi 128, 129 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma bbażati essenzjalment fuq kuntratt ta’ forniment għal żmien twil, konkluż f’livell ta’ prezz iktar baxx mill-prezzijiet immirati li kienu ġew miftiehma bejn il-kompetituri matul il-laqgħa f’Dublin, li kienet saret fix-xahar ta’ Ottubru 1999. Għalkemm il-Kummissjoni kkwalifikat lil dik l-impriża bħala “klijent kbir” (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija semmiet li dan kien jirrigwarda “5 000 tunnellata fis-sena” (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 131 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova konkreta li tippermetti li tiġi evalwata l-importanza ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni fil-qasam tal-komponenti tal-immudellar b’bażi ta’ PMMA u lanqas, a fortiori, fil-kuntest tal-ksur uniku fir-rigward tat-tliet prodotti tal-PMMA.

320    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dan kien kuntratt iffirmat matul l-ewwel semestru tas-sena 2000 (ara l-premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata) u ma kienx josserva ż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi biss f’Ottubru 1999, waqt li Arkema pparteċipat fl-akkordju mit-23 ta’ Jannar 1997 sat-12 ta’ Settembru 2002. Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ssemmi “kunflitt serju” (premessa 133) u “ksur serju tal-fiduċja” (premessa 129), jidher b’mod ċar li l-kooperazzjoni bejn Atofina u l-parteċipanti l-oħrajn kompliet minkejja dan il-kunflitt (ara b’mod partikolari l-premessi 131 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata) u li din kienet tirrigwarda wkoll, matul laqgħa tad-9 ta’ Frar 2001, skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-istess klijent (ara l-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-laqgħa tad-9 ta’ Frar 2001).

321    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti jistabbilixxu, fil-massimu, ċerti defiċjenzi fl-effikaċja tal-akkordju inkwistjoni fir-rigward tal-komponenti tal-immudellar b’bażi ta’ PMMA u każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni għal klijent, minn Arkema, tal-miri tal-prezzijiet miftiehma fil-qasam ta’ dak il-prodott. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li kien hemm perijodi li matulhom il-parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni ddevjaw mill-ftehim konklużi (ara l-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ċerti deċiżjonijiet ma ġewx eżegwiti totalment (premessa 379 ta’ din tal-aħħar). Madankollu, meta jitqies il-fatt li l-ksur inkwistjoni jikkostitwixxi, skont id-deċiżjoni kkontestata, ksur uniku li jirrigwarda tliet prodotti, li dak il-ksur dam mit-23 ta’ Jannar 1997 sat-12 ta’ Settembru 2002 u kellu diversi aspetti, inkluż skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u dwar l-impriżi (ara l-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex suffiċjenti biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 308 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma jallegaw li kisru l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni sal-punt li fixklu l-funzjonament tiegħu, kif teħtieġ il-ġurisprudenza.

322    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni ġustament ma kkunsidratx iċ-ċirkustanza attenwanti dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim illeċiti u, min-naħa l-oħra, li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq din il-bażi lanqas ma huwa ġġustifikat fil-kuntest tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

323    Għaldaqstant, dan il-motiv kif ukoll it-talba għal tnaqqis tal-multa fformulata fuq din il-bażi mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt kkostitwiti mir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi ta’ “fatturi oħrajn”

 L-argumenti tal-partijiet

324    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, Arkema talbet li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa li setgħet tiġi imposta kontriha abbażi ta’ “fatturi oħrajn”, fis-sens tal-linji gwida, sabiex jiġu kkunsidrati multi sostanzjali li kienu ġew imposti fuqha reċentement mill-Kummissjoni. Huma jallegaw li peress li rrifjutat dan it-tnaqqis fuq il-bażi li Arkema ma kienet “invokat ebda argument li jindika li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ferm diffiċli” (premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt.

325    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, f’żewġ deċiżjonijiet reċenti, il-Kummissjoni naqqset l-ammont finali tal-multa, abbażi tal-punt 5(b) tal-linji gwida, għar-raġuni li l-impriża inkwistjoni kienet diġà ġiet ikkundannata, ftit żmien qabel, biex tħallas multi sostanzjali. Dawn huma d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 5083 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.667 – Grafiti Speċjali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Grafiti Speċjali”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4457, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.359 ‑ Prodotti b’bażi ta’ Karbonju u Grafit għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Prodotti b’bażi ta’ Karbonju u Grafit”). Skont ir-rikorrenti, għalkemm fiż-żewġ deċiżjonijiet il-Kummissjoni donnha indikat li t-tnaqqis kien ibbażat ukoll fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata, fir-realtà t-tnaqqis tal-multa seta’ jirriżulta biss mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanna reċenti għal multi sostanzjali.

326    Fil-fatt, jirriżulta minn dawn l-istess deċiżjonijiet li l-Kummissjoni stmat li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża biex jitnaqqas l-ammont tal-multa tagħha jammonta għal għoti ta’ vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq u jista’ jwassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-impriżi l-oħrajn involuti fil-proċedura. B’hekk ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi biex tinvoka s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata, inkluż flimkien ma’ fatturi oħrajn, biex tnaqqsilha l-multa.

327    Ir-rikorrenti jiddikjaraw li reċentement ġew imposti multi mill-Kummissjoni kontra Arkema, li jammontaw għal total ta’ madwar EUR 180 miljun, abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet ta’ kollużjoni, li seħħew, ta’ mill-inqas parzjalment, simultanjament mal-prattiki ppenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma d-deċiżjonijiet Perossidi Organiċi, AMCA u Perossidu tal-Idroġenu u Perborat.

328    Fid-dawl ta’ dawn il-kundanni, ir-rikorrenti jikkunsidraw li ma kienx neċessarju li jiġi impost fuqhom l-ammont sħiħ tal-multa finali (jiġifieri EUR 219.13125 miljun) biex tiġi żgurata dissważjoni effettiva. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni “fatturi oħrajn”. Għaldaqstant, huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa tagħhom sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-multi mħallsa reċentement minn Arkema.

329    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

330    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa u ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet qabel (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 108 sa 110, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, is-sempliċi invokazzjoni mir-rikorrenti tad-deċiżjonijiet Grafiti Speċjali u Prodotti b’bażi ta’ Karbonju u Grafit hija irrilevanti, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tevalwa bl-istess mod dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111).

331    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dawk iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija inkwistjoni f’dak il-każ minħabba d-diffikultajiet finanzjarji serji tagħha marbuta ma’, rispettivament, kundanna u mbagħad żewġ kundanni reċenti biex tħallas multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa simultanjament. Ir-rikorrenti ma jallegawx li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik il-kumpannija, b’mod partikolari fuq il-livell tas-saħħa finanzjarja (ara l-premessi 556 sa 559 tad-deċiżjoni Grafiti Speċjali u l-premessa 360 tad-Deċiżjoni Prodotti b’bażi ta’ Karbonju u Grafit).

332    Rigward l-argument li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa seta’ kien ibbażat fuq il-kundanni reċenti ta’ dik l-impriża, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi, skont il-ġurisprudenza u skont it-termini stess ta’ dawk id-deċiżjonijiet, biex tieħu inkunsiderazzjoni, weħidha jew flimkien ma’ elementi oħrajn, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata, għandu jiġi enfasizzat li dan imur kontra t-termini stess ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, għandu jsir riferiment, fuq dan il-punt, għas-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq (punti 311 sa 317), fejn l-istess argument, li ġie ssollevat minn waħda mid-destinatarji tad-Deċiżjoni Prodotti b’bażi ta’ Karbonju u Grafit, ġie miċħud.

333    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għamlet ebda żball, fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata, meta rrifjutat l-argument tar-rikorrenti invokat fis-sezzjoni “Fatturi oħrajn”, minħabba li Arkema ma kienet invokat ebda argument li jindika li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja ferm diffiċli.

334    Barra minn hekk, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tipproċedi, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għat-tnaqqis tal-multa mitlub mir-rikorrenti.

335    Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti reċentement ġew ikkundannati għal tliet multi oħrajn, għal atti ta’ ksur parzjalment simultanji, ma jistax jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa imposta f’dan il-każ. Barra minn hekk, kieku l-fatt li impriża tkun diġà ġiet ippenalizzata jiġġustifika t-tnaqqis ta’ multa sussegwenti, dan iwassal għal sitwazzjoni paradossali fejn impriża li timmultiplika l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji tara l-ispiża marġinali ta’ kull penali tonqos progressivament. Tali sitwazzjoni tkun manifestament kontra l-għan ta’ dissważjoni segwit mill-multi.

336    Ir-rikorrenti ma jissollevaw ebda element li juri li l-impożizzjoni tal-multa fil-każ ineżami, flimkien ma’ multi oħrajn reċenti, poġġiethom f’sitwazzjoni partikolari. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, bl-eċċezzjoni tal-multa imposta fid-deċiżjoni Perossidi Organiċi, ir-responsabbiltà ta’ Arkema għall-ħlas ta’ dawn il-multi hija, fil-biċċa l-kbira, maqsuma in solidum ma’ Elf Aquitaine u Total. Fi kwalunkwe każ, l-ammont ikkombinat tal-multi imposti kontra Arkema skont dawk l-erba’ deċiżjonijiet jibqa’ xorta waħda inqas mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema fl-2005, indikat fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003 għal multa waħda.

337    Għaldaqstant, dan il-motiv kif ukoll it-talba għal tnaqqis tal-multa fformulata fuq din il-bażi mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Konklużjoni

338    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, ħlief għat-talba tar-rikorrenti għat-tnaqqis taż-żieda tal-multa li ġiet applikata kontrihom abbażi tal-effett dissważiv.

339    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara l-punti 247 sa 280 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali jidhrilha li, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, għandu jitnaqqas l-ammont tal-multa li għalih huma responsabbli r-rikorrenti, sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt li, fil-jum meta ġiet imposta l-multa kontrihom, huma ma kinux għadhom ikkontrollati mill-grupp Total.

340    Sabiex jiġi kkalkulat mill-ġdid dan l-ammont, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li huwa xieraq li tiġi segwita l-metodoloġija applikata fid-deċiżjoni kkontestata, billi jiġi ssostitwit il-fattur multiplikatur ta’ 3 applikat fir-rigward tar-rikorrenti fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, b’fattur multiplikatur ta’ 1.25. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, u meta jitqiesu b’mod partikolari ż-żidiet applikati fir-rigward tad-destinatarji l-oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li tali żieda hija adegwata biex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

341    B’mod partikolari, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni fformulata matul is-seduta, li essenzjalment tirrigwarda li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-element relatat mal-istrutturi legali u ekonomiċi tal-impriża inkwistjoni fil-mument tal-ksur biex iżżomm il-fattur multiplikatur ta’ 3 applikat għar-rikorrenti.

342    Għandu jiġi mfakkar li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax joħloq, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi imposti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kontra l-Artikolu 81(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 97, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 152). Peress li dan l-element ma ġiex ikkunsidrat fir-rigward tad-destinatarji l-oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 266 sa 271 iktar ’il fuq), ma huwiex iġġustifikat li jiżdied l-ammont tal-multa imputabbli lir-rikorrenti fuq din il-bażi.

343    Fi kwalunkwe każ, anki jekk kien hemm lok li jiġi kkunsidrat dan l-element fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, dan ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 3 abbażi tal-effett suffiċjentement dissważiv tal-multa fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan iwassal għall-applikazzjoni għar-rikorrenti tal-istess fattur multiplikatur bħal dak applikabbli għall-kumpanniji parent qodma tagħhom, minkejja l-fatt li huma jinsabu f’sitwazzjoni manifestament differenti fir-rigward tal-għanijiet essenzjali segwiti mill-impożizzjoni ta’ tali żieda (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 340).

344    Barra minn hekk, ġie deċiż li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn żewġ impriżi meta d-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom fi kwalunkwe każ ikun jiġġustifika li dawn jiġu kkwalifikati bħala impriżi kbar li għandhom konoxxenzi u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom li jevalwaw b’mod aħjar l-illeċità tal-aġir tagħhom u l-konsegwenzi riżultanti (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 340). F’din il-kawża, l-impriżi kollha msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll Arkema fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ proprju tagħha, setgħu jitqiesu bħala impriżi kbar li għandhom infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettulhom li jevalwaw b’mod aħjar l-illeċità tal-aġir tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 294). Għaldaqstant, f’din il-kawża, meta jitqiesu l-fatturi multiplikaturi applikati għal impriżi oħrajn (1.75 għal Degussa, 1.5 għal ICI u l-fattur “ipotetiku” ta’ 1.25 għal Arkema), il-fattur multiplikatur ta’ 3 huwa ġġustifikat biss fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ferm sostanzjali ta’ Total fil-jum meta ġiet imposta l-multa.

345    Fir-rigward tal-kalkolu l-ġdid tal-ammont tal-multa li għandha titħallas mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar il-kliem tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li “[l]-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1: […] b) Arkema […], Altuglas International [...] u Altumax Europe [...], konġuntament u responsabbli in solidum għal: EUR [219 131 250], li minnhom Total [...] hija responsabbli konġuntament u in solidum għal EUR 140.4 miljun waqt li Elf Aquitaine [...] hija responsabbli konġuntament u in solidum għal EUR 181.35 miljun”.

346    Fir-rigward ta’ dan it-test, kif ukoll il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jittrattaw dan il-kalkolu tal-multa, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ partijiet tal-multa.

347    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ġew miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 37 781 250, waqt li Elf Aquitaine u Total ma humiex responsabbli għal dan l-ammont.

348    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kien fir-rigward tal-ammont li jirriżulta miż-żieda abbażi tar-reċidiva, li għalih Elf Aquitaine u Total ma ġewx miżmuma responsabbli, li l-Kummissjoni sussegwentement applikat tnaqqis ta’ 40 % abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għall-finijiet li tiddetermina l-ammont taż-żieda abbażi tar-reċidiva, il-Kummissjoni stess ibbażat ruħha fuq fattur “ipotetiku” ta’ 1.25 abbażi tal-effett suffiċjentement dissważiv (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 233, dwar il-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 247 sa 280 iktar ’il fuq ma kellhom ebda effett fuq dan l-ammont u, għaldaqstant, dan l-ammont ta’ EUR 37 781 250 li għalih ir-rikorrenti huma responsabbli bl-esklużjoni ta’ dawk li qabel kienu l-kumpanniji parent tagħhom għandu jibqa’ l-istess.

349    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti nżammu responsabbli in solidum ma’ Elf Aquitaine għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 181.35 miljun, li minnhom Total hija responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 140.4 miljun. Dan b’hekk huwa l-ammont tal-multa li ma jirriżultax mit-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva.

350    Dan l-ammont ta’ EUR 181.35 miljun jirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur ta’ 3. Peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur fir-rigward tar-rikorrenti ma kienx iġġustifikat, dan l-ammont għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid fir-rigward tagħhom bi tluq mill-fattur multiplikatur ta’ 1.25 u skont il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

351    Għaldaqstant, ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti għall-ħlas ta’ dik il-parti tal-multa hija mnaqqsa għal EUR 75 562 500.

352    Finalment, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti. Skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk jirriżulta li diversi destinatarji tad-deċiżjoni li timponi l-multa jikkostitwixxu impriża, fis-sens ta’ entità ekonomika responsabbli għall-ksur ippenalizzat, u dan fid-data ta’ meta tiġi adottata dik id-deċiżjoni, li l-limitu jista’ jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ dik l-impriża, jiġifieri billi jiżdiedu flimkien il-komponenti kollha tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk fil-frattemp dik l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li l-limitu inkwistjoni jiġi applikat għalih individwalment (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 272 iktar ’il fuq, punt 390).

353    B’hekk, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-ammont tal-multa li għandhom iħallsu r-rikorrenti jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Arkema fl-2005. Ir-rikorrenti issa huma responsabbli in solidum li jħallsu l-multa komplessiva ta’ EUR 113 343 750 (l-ammont ta’ EUR 37 781 250 imsemmi fil-punt 348 iktar ’il fuq flimkien mal-ammont ta’ EUR 75 562 500 imsemmi fil-punt 351 iktar ’il fuq). Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li dan l-ammont ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema fl-2005, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tal-ammont intermedjarju stabbilit qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

354    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(3)tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

355    F’din il-kawża, it-talbiet tar-rikorrenti ntlaqgħu parzjalment. Madankollu, peress li l-argument li wassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ġie ssollevat biss fl-istadju tas-seduta, meta seta’ jiġi ssollevat fir-rikors (ara l-punt 247 iktar ’il fuq), għandha ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa li għandu jitħallas in solidum minn Arkema SA (li saret Arkema France), Altuglas International SA u Altumax Europe SAS, skont l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati), huwa mnaqqas għal EUR 113 343 750.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Arkema France, Altuglas International u Altumax Europe huma kkundannati għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Introduzzjoni

Proċedura amministrattiva

Deċiżjoni kkontestata

Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

Kalkolu tal-multa

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ tal-prattiki implementati minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ tal-prattiki implementati minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta imputat il-ksur imwettaq minn Arkema lil Total u Elf Aquitaine

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li ma ġiex ikkunsidrat in-nuqqas ta’ involviment tad-diretturi ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine fil-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li ma ġewx ikkunsidrati elementi li jistabbilixxu l-awtonomija reali ta’ Arkema fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fl-implementazzjoni tar-regoli tal-imputabbiltŕ

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-impatt konkret fis-suq fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għal EUR 65 miljun

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet infondata meta żiedet l-ammont inizjali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Total, inkwantu l-ksur ma kienx imputabbli għal dik il-kumpannija

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura inutli tal-użu tal-effett dissważiv tal-multa f’dan il-każ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ilment, issollevat matul is-seduta, ibbażat fuq il-fatt li, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinux għadhom ikkontrollati minn Total u Elf Aquitaine

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fiż-żieda tal-multa abbażi tar-reċidiva

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji tal-legalitŕ tar-reati u tan-nulla poena sine lege u l-prinċipju taċ-ċertezza legali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi tan-“nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva” ta’ ċerti prattiki inkwistjoni minn Arkema

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt kkostitwiti mir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi ta’ “fatturi oħrajn”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.