SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Dumping — Importazzjoni ta’ films tal-polyethylene terephthalate li joriġinaw mill-Indja — Regolament li jġib fi tmiem eżami mill-ġdid interim — Impenji ta’ prezzijiet minimi għall-importazzjoni — Iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni — Applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak użat matul l-investigazzjoni inizjali — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 2(8) u (9), u Artikolu 11(3) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”

Fil-Kawża T-143/06,

MTZ Polyfilms Ltd, stabbilita f’Mumbai (l-Indja), irrappreżentata minn P. De Baere, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 366/2006, tas-27 ta’ Frar 2006, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 u jimponi dazju antidumping definittiv ta’ dwar l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 68, p. 6),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 10, p. 45), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament bażiku”) jistipula li:

“8.   Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

9.   F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli.

[…]”

2

L-Artikolu 8(9) tar-regolament bażiku jistabbilixxi:

“9.   Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ garanziji [impenji] minn xi parti f’dawk il-garanziji [l-impenji], jew fil-każ ta’ l-irtirar ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanzija [impenn] mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-garanzija [impenn] tista’, wara konsultazzjoni, tiġi rtirata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7 jew id-dazji definittiv li jkun ġie impost mill-Kunsill skond l-Artikolu 9(4) għandu jgħodd awtomatikament, sakemm l-esportatur interessat ikun ingħata, ħlief fejn hu stess ikun irtira l-garanzija [l-impenn], opportunità biex jikkummenta.[…]”

3

L-Artikolu 11(3), (6), (9) u (10) tar-regolament bażiku jipprovdi:

“3.   Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita [meħtieġ], fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz [tpatti għad-dumping] u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz [tpatti għad-dumping] li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet skond dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz [d-dumping] u l-ħsara, tbiddlux b’mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita qabel taħt l-Artikolu 3. F’dan il-każ, għandu jingħata kas, fid-determinazzjoni finali, ta’ l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost.

[…]

6.   Reviżjonijiet skond dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fejn garantit permezz [meħtieġ fid-dawl] ta’ reviżjoni, il-miżuri għandhom jiġu rrevokati jew miżmuma skond il-paragrafu 2, jew irrevokati, miżmuma jew emendati skond il-paragrafi 3 u 4, mill-istituzzjoni Komunitarja reponsabbli għall-introduzzjoni tagħhom. Fejn il-miżuri huma rrevokati għal esportaturi individwali, iżda mhux għall-pajjiż sħiħ, esportaturi bħal dawn għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċeduri u jistgħu, awtomatikament, jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni imwettqa wara għal dak il-pajjiż skond dan l-Artikolu.

[…]

9.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.

10.   Fi kwalunwke investigazzjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina kemm huma ta’ min joqgħod fuqhom il-prezzijiet ta’ esportazzjoni skond l-Artikolu 2. Madanakollu, fejn jiġi deċiż li l-prezz fuq l-esportazzjoni jiġi kkalkulat bi qbil ma’ l-Artikolu 2(9), hija għandha tikkalkulah mingħajr ebda tnaqqis għall-ammont ta’ dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz [antidumping] mħallsa meta tkun mogħtija evidenza konklużiva li d-dazju huwa rifless kif suppost fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet għall-bejgħ sussegwenti fil-Komunità”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Ir-rikorrenti, MTZ Polyfilms Ltd, hija kumpannija rregolata mid-dritt Indjan li tipproduċi films tal-polyethylene terephthalate (PET) u tesporthom kemm lejn il-Komunità Ewropea kif ukoll lejn pajjiżi terzi.

5

Fit-13 ta’ Awwissu 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju definit kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tad-dażju proviżorju impost fuq l-importazzjoni tal-film tal-polyethylene terephthalate li joriġina fl-Indja u fir-Repubblika tal-Korea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 38, p. 116). Skont il-premessa 80 ta’ dan ir-regolament, ir-rata individwali ta’ dazju antidumping applikabbli fil-konfront tar-rikorrenti kienet ta’ 49%.

6

Permezz tad-Deċiżjoni 2001/645/KE, tat-22 ta’ Awwissu 2001, li taċċetta l-impenji offruti inkonnessjoni mal-proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-film tal-polyethylene terephthalate li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 227, p.56) [traduzzjoni mhux uffiċċjali], il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej aċċettat l-impenji offruti mir-rikorrenti u minn erba’ esportaturi Indjani oħra, li permezz tagħhom huma ntrabtu li jesportaw lejn il-Komunità films tal-PET bi prezzijiet minimi għall-importazzjoni (iktar ’il quddiem il-“PMI”). Għal kull wieħed mill-importaturi, il-PMI kienu differenti. Fid-dawl ta’ dawn l-impenji, u skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1676/2001, l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ films tal-PET immanifatturati mir-rikorrenti u mill-erba’ esportaturi Indjani l-oħra, ġew eżentati mid-dazju antidumping.

7

Fit-22 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, bdiet il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali tal-forma tal-miżuri applikabbli għall-ħames esportaturi Indjani suġġetti għall-PMI. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’mod partikolari, il-varjetà tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa u d-differenza fil-prezzijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti (il-firxa tal-valuri tal-prodotti), kif ukoll il-tqassim tal-bejgħ bejn il-kategoriji differenti tal-prodotti, kienu tbiddlu b’mod sinjifikattiv minn mindu kienu ġew aċċettati l-impenji għal PMI. Peress li l-PMI kienu ġew stabbiliti abbażi tal-varjetà tat-tipi ta’ prodotti u fuq il-valur tagħhom fil-mument meta saret l-investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni qieset li l-bidliet li hija kkonstatat kienu rendew il-PMI “speċifiċi” u li l-impenji ma baqgħux “iktar effikaċi” sabiex ipattu għall-effett dannuż tad-dumping.

8

Fit-tmiem ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 365/2006, tas-27 ta’ Frar 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-PET li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU L 68, p.1). Skont il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, l-impenji aċċettati għall-PMI offruti mir-rikorrenti u mill-erba’ importaturi Indjani l-oħra ġew irtirati.

9

Fl-4 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, bdiet proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali tar-Regolament Nru 1676/2001. Dan l-eżami mill-ġdid kien jirrigwarda biss id-dumping applikat mill-ħames esportaturi Indjani suġġetti għall-PMI u r-rata tad-dazju antidumping residwali. Huwa kien intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm lok li l-miżuri eżistenti jinżammu jew jitneħħew jew jekk kienx hemm lok li jinbidel il-livell tagħhom.

10

Fit-tmiem ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 366/2006, tas-27 ta’ Frar 2006, li jimponi dazju antidumping definittiv ta' dwar l-importazzjoni ta’ film tal-PET li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 68, p.6, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Ir-rata individwali ta’ dazju antidumping applikabbli fil-konfront tar-rikorrenti kienet ta’ 18%.

11

Insostenn tal-fatt illi ġie impost dan id-dazju antidumping definittiv, il-Kunsill jenfasizza, fil-premessa 27 tar-regolament ikkontestat, essenzjalment, li fil-kuntest tal-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni, l-għan tal-investigazzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk il-livelli tad-dumping inbiddlux u jekk dawn il-bidliet eventwali jistgħux jitqiesu bħala ta’ natura dewwiema. F’dan il-kuntest, skont il-Kunsill, il-prezzijiet għall-esportazzjoni ma jistgħux jiġu evalwati biss abbażi ta’ investigazzjoni fuq l-aġir fl-imgħoddi tal-esportaturi. Il-Kunsill jippreċiża illi għandu jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet applikati għall-esportazzjoni lejn il-Komunità matul perijodu partikolari fil-passat jipprovdux indikazzjonijiet affidabbli dwar l-iżvilupp probabbli tal-prezzijiet fil-futur. Il-Kunsill jindika, fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ ġew aċċettati impenji, illi ġie eżaminat jekk l-eżistenza ta’ impenji bħal dawn influwenzatx il-prezzijiet għall-esportazzjoni applikati sa tali punt li l-imġiba futura tal-esportaturi ma tistax tiġi estrapolata minnhom.

12

Mill-premessa 28 tar-regolament ikkontestat jirriżulta illi l-affidabbiltà tal-prezzijiet tal-bejgħ lejn il-Komunità mill-esportaturi Indjani inkwistjoni, fosthom ir-rikorrenti, ġiet evalwata abbażi ta’ paragun bejn dawn il-prezzijiet u l-PMI li kienu s-suġġett tal-impenji aċċettati. Għaldaqstant, ġie eżaminat jekk il-medja peżata tal-prezzijiet applikati minn kull wieħed minn dawn l-esportaturi kinitx kunsiderevolment ogħla mill-PMI jew le. Meta l-prezzijiet għall-esportazzjoni kienu kunsiderevolment ogħla mill-PMI, ġie kkunsidrat illi l-prezzijiet ġew stabbiliti b’mod indipendenti mill-PMI, u għaldaqstant, li kienu affidabbli. Min-naħa l-oħra, meta l-prezzijiet għall-esportazzjoni ma kinux ogħla biżżejjed mill-PMI, ġie kkunsidrat illi l-prezzijiet kienu influwenzati mill-impenji u ma kinux affidabbli biżżejjed sabiex jintużaw għall-finijiet tal-kalkolu tad-dumping, b’mod konformi mal-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku.

13

Fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, ġie essenzjalment ikkonstatat illi filwaqt illi l-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità ta’ tliet esportaturi Indjani, fosthom ir-rikorrenti, kienu qrib ħafna l-PMI, il-prezzijiet tagħhom għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kienu notevolment inqas mill-prezzijiet applikabbli lejn il-Komunità. Skont il-Kunsill, dan irendi probabbli l-fatt li, fin-nuqqas tal-impenji, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità jiġu allinjati mal-prezzijiet għall-esportazzjoni applikati għall-prodotti tal-istess tip esportati lejn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità ta’ dawn l-esportaturi ma setgħux jintużaw sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet għall-esportazzjoni li huma affidabbli, skont l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku. Skont il-premessa 31 tar-regolament ikkontestat, għal din ir-raġuni, ġie deċiż illi l-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ dawn l-esportaturi jiġu stabbiliti abbażi tal-prezzijiet applikati tal-bejgħ tagħhom lejn pajjiżi terzi.

14

Mill-premessi 33 u 34 tar-regolament ikkontestat jirriżulta, essenzjalment, illi l-użu tal-prezzijiet għall-esportazzjoni applikati lejn pajjiżi terzi pjuttost minn dawk applikati lejn il-Komunità ma huwiex ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, iżda huwa ġġustifikat mill-bżonn, b’mod konformi mal-għanijiet tal-eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament, li tiġi evalwata l-probabbiltà li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-Komunità jinżammu fil-ġejjieni u, għaldaqstant, il-probabbiltà li jerġa’ jkun hemm dumping.

15

Skont il-premessa 48 tar-regolament ikkontestat, il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit, għal kull esportatur, abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku. Minn qari flimkien tal-premessi 49 u 56 tar-regolament ikkontestat jirriżulta illi t-tnaqqis notevoli fil-marġni ta’ dumping individwali jiġġustifika bidla fid-dazju anitdumping residwali, li l-livell tiegħu ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku. Fil-każ tar-rikorrenti, fejn il-prezz għall-esportazzjoni ġie, minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tagħha lejn il-Komunità, stabbilit abbażi tal-prezzijiet applikati għall-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi, il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit bir-rata ta’ 26.7% (premessi 50 u 54 tar-regolament ikkontestat).

16

Skont il-premessi 51 sa 56 tar-regolament ikkontestat, din il-bidla fid-dazju antidumping residwali tistrieħ fuq in-natura dewwiema tat-tibdil fiċ-ċirkustanzi relattivi għad-dumping meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta saret l-investigazzjoni inizjali, u dan skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

18

B’digriet tat-13 ta’ Novembru 2006, il-President tal-Ħames Awla awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

19

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Frar 2007, il-kawża ġiet assenjata, wara li fil-bidu kienet ġiet assenjata lill-Ħames Awla, lit-Tielet Awla. Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla. Peress li l-Imħallef Relatur ma setax jipparteċipa fix-xogħol tal-Awla, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza assenja l-kawża mill-ġdid lit-Tielet Awla, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2008.

20

Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill intalab iwieġeb xi mistoqsijiet bil-miktub. Huwa rrispetta din it-talba fit-terminu stabbilit.

21

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2008.

22

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-portata tat-talba għal annullament

24

Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat illi r-regolament ikkontestat jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-PET ta’ diversi kumpanniji.

25

Ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tar-regolament ikkontestat kollu kemm hu. Madankollu, fil-motivi u l-argumenti tagħha, hija sempliċiment tikkontesta l-legalità tal-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni tagħha.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitqies illi l-eventwali illegalità ta’ dan l-iffissar jaffettwa l-legalità tar-regolament ikkontestat biss sa fejn huwa jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija ma taffettwax il-legalità tal-elementi l-oħra tar-regolament ikkontestat, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dazji antidumping imposti fuq il-kumpanniji destinatarji l-oħra.

27

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi, meta regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jimponi dazji differenti fuq sensiela ta’ kumpanniji, kumpannija hija individwalment ikkonċernata biss mid-dispożizzjonijiet li jimponu dazju antidumping partikolari fuqha u li jistabbilixxu l-ammont tad-dazju, u mhux minn dawk li jimponu dazji antidumping fuq kumpanniji oħra, b’mod illi r-rikors ta’ din il-kumpannija huwa ammissibbli biss sa fejn huwa jitlob l-annullamment tad-dispożizzjonijiet tar-regolament li jirrigwardawha esklużivament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-motivi u tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha, hemm lok li t-talba għal annullament tiġi interpretata fis-sens illi hija intiża biss għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, sa fejn huwa jimponi dritt antidumping definittiv fuq ir-rikorrenti.

Fuq il-mertu

29

Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika l-metodu użat mill-Kunsill fir-regolament ikkontestat sabiex jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni. Hija tressaq tliet motivi kontra dan il-metodu, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (3) u tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), u, it-tielet nett, fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fuq in-nuqqas ta’ bażi legali

30

Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motivi, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti li huma intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ bażi legali tal-metodu użat fir-regolament ikkontestat sabiex jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni tar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis illi huwa f’loku illi dawn l-argumenti jiġu eżaminati flimkien.

— L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, ir-rikorrenti ssostni li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma indikax il-bażi legali tal-metodu użat sabiex jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, iżda sempliċiment ippreċiża, fil-premessa 34, illi dan il-metodu ma kienx ibbażat fuq l-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku. L-ewwel darba illi l-Kunsill indika l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament bħala l-bażi legali kien fir-risposta tiegħu. Madankollu, peress illi kull eżami mill-ġdid interim għandu jsir abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-għażla tal-bażi legali rilevanti li fuqha ġie ffissat il-prezz għall-esportazzjoni tar-rikorrenti.

32

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, illi l-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni huwa rregolat minn dawn id-dispożizzjonijiet u li l-applikabbiltà tagħhom għall-investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid interim hija espliċitament stabbilita fl-Artikolu 11(9) u (10) tar-regolament bażiku, mingħajr, ma jeżisti metodu ta’ kalkolu speċifiku fil-kuntest ta’ dawn l-investigazzjonijiet. It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis illi l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni f’investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid dwar il-probabbiltà li jerġa’ jkun hemm dumping hija irrilevanti u ma għandhiex taffettwa l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva illi l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma huwiex bażi legali validu sabiex jiġi kkalkulat il-prezz għall-esportazzjoni għaliex bl-ebda mod ma joffri indikazzjonijiet dwar kif jista’ jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping u, a fortiori, ta’ prezz għall-esportazzjoni.

33

Il-Kunsill isostni illi, f’dan il-każ, l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti għall-metodu użat sabiex jiġi stabbilit il-prezz għall-esportazzjoni.

34

L-għażla tal-imsemmi metodu ġie ddettat mir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, li jiġi analizzat, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid interim, jekk iċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw id-dumping inbiddlux b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, l-istituzzjonijiet kienu rrifjutaw il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità applikati mir-rikorrenti għaliex dawn il-prezzijiet ma kinux jirriflettu bidla dewwiema fil-politika tal-prezzijiet tar-rikorrenti mill-mument illi dawn il-prezzijiet kienu sempliċiment konsegwenza tal-PMI. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-prezzijet tar-rikorrenti għall-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu, bħala medja, 7% biss ogħla mill-PMI, filwaqt li kienu 12% ogħla mill-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Peress illi l-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità applikat mir-rikorrenti ma kinux stabbiliti b’mod indipendenti mill-PMI, huma ma humiex affidabbli u ma jistgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit prezz għall-esportazzjoni. Għalhekk, l-approċċ “l-iktar loġiku” huwa li l-prezz għall-esportazzjoni jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ applikati mir-rikorrenti f’pajjiżi terzi.

35

Il-Kunsill, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-applikabbiltà tal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku għall-investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid hija stabbilita mill-Artikolu 11 (9) u (10), iressaq fir-risposta tiegħu, minn naħa, l-argument illi l-Artikolu 11(9) jippermetti lill-istituzzjonijiet li japplikaw, waqt l-eżami mill-ġdid u jekk iċ-ċirkustanzi jkunu tbiddlu, metodu differenti minn dak użat fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-effett tal-impenji tal-PMI applikabbli matul il-perijodu tal-investigazjoni fuq il-prezzijiet applikati mir-rikorrenti jikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li l-paragrafi 9 u 10 tal-Artikolu 11 ma jeliminawx il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jiddeterminaw jekk bidla li tirrigwarda d-dumping jew il-ħsara hijiex dewwiema u, għalhekk, jekk bidla fil-miżuri hijiex iġġustifikata.

36

Il-Kunsill, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fl-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta, jippreċiża illi huwa ma jridx jibbaża d-difiża tiegħu fuq l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku bħala l-bażi legali għall-metodu tal-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni hekk kif ġie applikat f’dan il-każ u li l-fatt illi semma’, fir-risposta tiegħu, bidla fiċ-ċirkustanzi la għandu jiġi interpretat mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan is-sens u lanqas bħala li huwa intiż sabiex jiġġustifika fih innifsu l-fatt illi l-Kunsill ma segwiex il-metodu tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif stabbilit fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

37

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li l-għan tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid huwa li jiġi stabbilit jekk il-marġnijiet ta’ dumping tbiddlux u jekk dawn il-bidliet eventwali jistgħux jitqiesu bħala dewwiema, u li huwa dan li jiġġustifika t-tħassir jew tibdil fil-miżuri antidumping, il-Kunsill iqis illi d-distinzjoni bejn l-analiżi tal-probabbiltà li jerġa’ jkun hemm dumping u l-kalkolu ta’ marġni tad-dumping, hekk kif propost mir-rikorrenti, hija żbaljata.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi r-rikorrenti tilmenta illi l-istituzzjonijiet ma bbażawx l-evalwazzjoni tagħhom dwar l-affidabbiltà tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-Komunità applikati mir-rikorrenti fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill essenzjalment isostni illi huwa ma segwiex il-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku minħabba l-bżonn li jivverifika, skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament, in-natura dewwiema ta’ kwalunkwe bidla, li tagħti lok, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid interim, għal tħassir jew tibdil eventwali tal-miżuri eżistenti.

39

B’hekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti sabiex il-kriterji li jirregolaw l-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni, hekk kif huma stabbiliti fl-Artikolu 2(8) u (9) tal-imsemmi regolament, ma jiġux segwiti.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi r-regolament ikkontestat ġie adottat wara li sar eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. L-għan tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ eżami mill-ġdid u l-għanijiet prinċipali tiegħu. Għalhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) “[r]eviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz [tpatti għad-dumping]”. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3) jistabbilixxi illi matul l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid “il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz [d-dumping] u l-ħsara, tbiddlux b’mod sinifikanti”.

41

F’dan il-każ, ma huwiex qed jiġi kkontestat il-fatt illi l-Kunsill seta’, b’mod validu, jinvoka l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku sabiex jikkonstata l-preżenza ta’ tibdil sinjifikattiv fiċ-ċirkustanzi relattivi għad-dumping u li l-Kunsill seta’ ġustament, wara li kkonferma n-natura dewwiema ta’ dawn il-bidliet, jikkonkludi li kien hemm lok li d-dazju antidumping residwali jitbiddel (premessa 56 tar-regolament ikkontestat). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament ma jistabbilixxix is-setgħa tal-Kunsill li juża, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid interim u kif għamel f’dan il-każ, metodu għall-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, billi jirreferi għall-ħtieġa ta’ evalwazzjoni prospettiva tal-prezzijiet applikata mill-esportaturi inkwistjoni.

42

Mill-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jirriżulta illi, bħala regola ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw l-istess metodu, inkluż il-metodu tal-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, bħall-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali li wassal għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu nbiddlu; madankollu, din l-eċċezzjoni hija interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jirriżulta illi l-metodu applikat għandu jqis id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 17 tar-regolament bażiku.

43

Għalhekk, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid interim, bħalma jiġri fil-kuntest ta’ investigazzjoni inizjali, l-istituzzjonijiet għandhom, bħala regola, jiffissaw il-prezz għall-esportazzjoni skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-regolament bażiku.

44

Issa, minkejja li l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jissemma’ b’mod espliċitu fil-premessa 49 tar-regolament ikkontestat, u minkejja l-affermazzjoni tal-Kunsill li ladarba ċ-ċirkustanzi li jiddeterminaw il-prezzijiet għall-esportazzjoni ġew influwenzati mill-impenji tal-PMI dawn iċ-ċirkustanzi ġew effettivament mibdula, il-Kunsill indika b’mod ċar, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fl-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta, illi huwa ma riedx juża l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ metodu għad-determinazzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni li ma jsegwix dak li kien ġie applikat fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali u li ma jsegwiex ukoll il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(8) u (9) tal-imsemmi regolament, il-Kunsill sempliċiment invoka d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament.

45

Issa, għandu jiġi kkonstatat illi l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma jipprovdi għal ebda deroga espliċita għar-regola tal-Artikolu 11(9) li tipprovdi illi l-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku.

46

Barra minn hekk, f’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-għanijiet tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, inkluża l-ħtieġa eventwali li ssir analiżi prospettiva tal-prezzijiet applikati mill-esportaturi inkwistjoni, jagħtu lill-istituzzjonijiet inkwistjoni setgħa impliċita sabiex jissostitwixxu l-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku b’metodu bbażat fuq tali analiżi.

47

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-eżistenza ta’ setgħa impliċita, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE għandha tiġi evalwata b’mod restrittiv. Huwa biss eċċezzjonalment li tali setgħat impliċiti jiġu rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex dan iseħħ, għandhom ikunu neċessarji sabiex jiżguraw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-regolament bażiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, 281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, Ġabra p. 3203, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T-240/04, Ġabra p. II-4035, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-effettività tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku hija żgurata b’mod sħiħ mill-fatt illi l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-analiżi tagħhom dwar il-ħtieġa li l-miżuri eżistenti jinżammu, għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tinkludi l-fakultà li jirrikorru għal evalwazzjoni prospettiva tal-politika tal-prezzijiet applikata mill-esportaturi kkonċernati.

49

Min-naħa l-oħra, ladarba l-evalwazzjoni ta’ din il-ħtieġa tkun saret u ladarba l-istituzzjonijiet ikunu ddeċidew li jbiddlu l-miżuri eżistenti, huma marbuta, fid-determinazzjoni tal-miżuri l-ġodda, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li jagħtu lill-istituzzjonijiet is-setgħa u l-obbligu espliċiti li japplikaw il-metodu stabbilit fl-Artikolu 2 tal-istess regolament.

50

Minn dan jirriżulta illi, minn naħa, fil-kuntest tal-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni, l-allegata fakultà tal-istituzzjonijiet li jipproċedu għal analiżijiet prospettivi ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, u hija saħansitra eskluża mill-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, u li, min-naħa l-oħra, l-allegata setgħa impliċita li tirriżulta mill-Artikolu 11(3) ma tistax tipprevali fuq is-setgħat espliċiti stabbiliti mill-Artikolu 11(9) meta moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-istess regolament.

51

Għaldaqstant, l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali li tippermetti li l-istituzzjonijiet ma jsegwux, meta jkun qed jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, l-applikazzjoni tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku. B’hekk, peress illi ma segwiex dan il-metodu u peress illi l-prezz għall-esportazzjoni ġie ffissat abbażi ta’ kriterji li ma humiex stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat fuq bażi legali żbaljata.

52

Għaldaqstant, hemm lok illi l-ewwel u t-tielet motivi jintlaqgħu sa fejn jallegaw nuqqas ta’ bażi legali u, b’hekk, li r-regolament ikkontestat jiġi annullat sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, u dan mingħajr il-bżonn li l-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (3) u tal-Artikolu 11 tal-ftehim li jimplementa l-Artikolu VI tal-GATT 1994 u dawk ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġu eżaminati.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

54

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tal-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006, tas-27 ta’ Frar 2006, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 u jimponi dazju antidumping definittiv ta’ dwar l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja, huwa annullat sa fejn huwa jimponi dazju antidumping fuq MTZ Polyfilms Ltd.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti minn MTZ Polyfilms. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Novembru 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.