SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

21 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina — Eżenzjoni mis-sisa — Konformità tal-eżenzjoni ma’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 — Preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni — Ċertezza legali — Amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV,

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, barrister,

rikorrenti fil-Kawża T-50/06 RENV,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T-56/06 RENV,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Aiello, G. De Bellis u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

rikorrenti fil-Kawża T-60/06 RENV,

Eurallumina SpA, stabbilita f’Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn R. Denton u L. Martin Alegi, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T-62/06 RENV,

Aughinish Alumina Ltd, stabbilita f’Askeaton (l-Irlanda), irrappreżentata minn J. Handoll u C. Waterson, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T-69/06 RENV,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, N. Khan, D. Grespan u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Vadapalas, K. Jürimäe, K. O’Higgins u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Allumina

1

L-allumina (jew l-ossidu tal-aluminju) hija trab abjad użat prinċipalment fil-funderiji għall-produzzjoni tal-aluminju. Din tiġi estratta mill-boksajt permezz ta’ proċess ta’ raffinament li l-aħħar pass tiegħu huwa l-kalċinazzjoni. L-allumina kalċinata hija użata għal iktar minn 90 % għall-proċess ta’ fużjoni tal-aluminju. Il-kumplament huwa sottomess għal trasformazzjonijiet ġodda u huwa użat f’applikazzjonijiet kimiċi. Hemm żewġt iswieq ta’ prodotti distinti, jiġifieri dak tal-allumina metallurġika u dak tal-allumina kimika. Iż-żejt minerali jista’ jintuża bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina.

2

Hemm biss produttur wieħed tal-allumina fl-Irlanda, fl-Italja u fi Franza, rispettivament. Dawn huma Aughinish Alumina Ltd (iktar ’il quddiem “AAL”), stabbilita fir-reġjun ta’ Shannon, Eurallumina SpA, stabbilita f’Sardinja, u Alcan Inc., stabbilita fir-reġjun ta’ Gardanne. Hemm ukoll produtturi tal-allumina fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Greċja, fl-Ungerija u fir-Renju Unit.

Direttivi li jirrigwardaw id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12) tiddefinixxi r-regoli li jirrigwardaw id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali.

4

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 92/81, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ żjut minerali, japplikaw dazju tas-sisa armonizzat b’mod konformi ma’ din id-direttiva u għandhom jistabbilixxu r-rati tad-dazji tas-sisa b’mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19).

5

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 jippermetti lill-Kunsill li jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa minbarra dawk imsemmija b’mod espliċitu fl-imsemmija direttiva. Huwa jipprovdi li:

“Il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis addizzjonali għal raġunijiet politiċi speċifiċi.

Kull Stat Membru li jixtieq jintroduċi din il-miżura għandu jinforma lill-Kummissjoni u għandu wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti jew neċessarja. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bil-miżura proposta fi żmien xahar.

Il-Kunsill jitqies li jkun awtorizza l-eżenzjoni jew it-tnaqqis propost jekk, fi żmien xahrejn dekorribbli mid-data li fiha l-Istati Membri l-oħra jkunu ġew informati skont it-tieni paragrafu, la l-Kummissjoni u lanqas kwalunkwe Stat Membru ieħor ma jkun talab li din il-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81:

“Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis ipprovduti fil-paragrafu 4 ma humiex iktar sostenibbli, partikolarment minħabba raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern jew minħabba raġunijiet marbuta mal-politika Komunitarja tal-ħarsien tal-ambjent, hija għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’unanimità fuq dawn il-proposti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/82 stabbilixxa r-rata minima tas-sisa fuq iż-żejt tqil li l-Istati kellhom japplikaw, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1993, fl-ammont ta’ EUR 13 għal 1000 kg.

8

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), ħassret id-Direttivi 92/81 u 92/82 b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003.

9

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha, id-Direttiva 2003/96 ma tapplikax għall-użu doppju ta’ prodotti tal-enerġija. Skont din id-dispożizzjoni, prodott tal-enerġija għandu użu doppju meta jiġi użat kemm bħala karburant li jsaħħan u kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn dawk ta’ karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. L-użu ta’ prodotti tal-enerġija għat-tnaqqis ta’ kimika u fi trattamenti elettrolitiċi u metallurġiċi għandu jiġi kkunsidrat bħala użu doppju. Barra minn hekk, sa mill-1 ta’ Jannar 2004, ma hemmx iktar rata minima tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat għall-produzzjoni ta’ allumina.

10

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li, mingħajr ħsara għal eżami minn qabel min-naħa tal-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri huma awtorizzati jkomplu japplikaw il-livelli mnaqqsa tat-tassazzjoni jew l-eżenzjonijet elenkati fl-Anness II sal-31 ta’ Diċembru 2006. Il-punti 6, 7 u 8 ta’ dan l-Anness II jipprevedu, b’mod partikolari, l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa taż-żejt tqil użat bħala kombustibbli fil-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne (Franza), fir-reġjun ta’ Shannon (l-Irlanda) u f’Sardinja (l-Italja), rispettivament.

Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81

11

L-Irlanda, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Franċiża għamlu eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati għall-produzzjoni tal-allumina mill-1983, mill-1993 u mill-1997, rispettivament (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni Irlandiża”, l-“eżenzjoni Taljana” u l-“eżenzjoni Franċiża” jew, ikkunsidrati flimkien, l-“eżenzjonijiet inkwistjoni”).

12

L-eżenzjoni Irlandiża ddaħħlet fid-dritt Irlandiż permezz tal-iStatutory instrument Nr 126/1983, Imposition of Duties (Nr 265) (Excise Duty on Hydrocarbon Oils) Order, 1983 [Ordinanza dwar l-impożizzjoni ta’ dazji (Nru 265) (Dazju tas-sisa fuq iż-żjut tal-idrokarbon)], tat-12 ta’ Mejju 1983. Imbagħad, din iddaħħlet fl-Artikolu 100(1)(e) tal-Finance Act, 1999 (Att dwar il-finanzi tal-1999). L-applikazzjoni tagħha fir-reġjun ta’ Shannon ġiet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/510/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 316, p. 16). Din l-awtorizzazzjoni ġiet eżaminata mill-ġdid u pprorogata mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81 (ĠU L 182, p. 22). Din ġiet ipprorogata mill-ġdid mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/880/KE, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81 (ĠU L 331, p. 73).

13

L-eżenzjoni Taljana ddaħħlet fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo 26 ottobre 1995 n° 504, Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas-26 ta’ Ottubru 1995, Test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar it-taxxi fuq il-produzzjoni, il-konsum u s-sanzjonijiet penali u amministrattivi fil-qasam, Supplement Ordinarju fil-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995). L-applikazzjoni tagħha f’Sardinja ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 1994 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/697/CE, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 321, p. 29). Din l-awtorizzazzjoni ġiet ipprorogata għall-ewwel darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1996 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/273/KE, tat-22 ta’ April 1996, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 102, p. 40). Din ġiet ipprorogata għat-tieni darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni 97/425. L-awtorizzazzjoni ġiet ipprorogata għat-tielet darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1999 bid-Deċiżjoni 1999/255/KE tat-30 ta’ Marzu 1999, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri, b’mod konformi mad-Direttiva 92/81, japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, u li temenda id-Deċiżjoni 97/425 (ĠU L 99, p. 26). Din ġiet ipprorogata għar-raba’ darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 bid-Deċiżjoni 1999/880.

14

L-eżenzjoni Franċiża ddaħħlet fid-dritt Franċiż permezz tal-Artikolu 6 tal-loi de finances rectificative pour 1997 (Liġi dwar il-Finanzi rettifikativa għas-sena 1997) Nru 97-1239, tad-29 ta’ Diċembru 1997 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1997, p. 19101). L-applikazzjoni tagħha fir-reġjun ta’ Gardanne ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425. Din l-awtorizzazzjoni ġiet ipprorogata għall-ewwel darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1999 bid-Deċiżjoni 1999/255. Din ġiet ipprorogata għat-tieni darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 bid-Deċiżjoni 1999/880.

15

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342), jiġifieri l-aħħar deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżenzjonijiet inkwistjoni, tipproroga l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006. Skont il-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni “għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħwiġ li jista’ jsir fit-tħaddim tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE]” u “[d]in ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 [KE]”.

Il-proċedura amministrattiva

16

B’ittra tat-28 ta’ Jannar 1983, l-Irlanda informat lill-Kummissjoni li hija kienet qiegħda tippjana li timplementa impenn li kienet assumiet f’April 1970 lejn il-promoturi ta’ proġett ta’ estrazzjoni tal-allumina mill-boksajt fl-estwarju ta’ Shannon, għall-benefiċċju ta’ AAL, li jirrigwarda eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat għall-produzzjoni ta’ allumina. B’ittra tat-22 ta’ Marzu 1983, il-Kummissjoni indikat li din l-eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kellha tiġi nnotifikata. Hija ppreċiżat ukoll li kemm-il darba l-għajnuna kellha tiġi implementata dak iż-żmien, hija setgħet tikkunsidra l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika fis-sens tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat KEE. B’ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda talbet lill-Kummissjoni tikkunsidraha bħala tali. Il-Kummissjoni ma adottat ebda deċiżjoni wara din il-korrispondenza.

17

Permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Mejju u tat-2 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand ir-Repubblika Taljana u mingħand ir-Repubblika Franċiża sabiex jiġi vverifikat jekk l-eżenzjoni Taljana u l-eżenzjoni Franċiża, rispettivament, kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Wara tfakkira mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 1998, ir-Repubblika Taljana rrispondiet fl-20 ta’ Lulju 1998. Wara li, fl-10 ta’ Lulju 1998, għamlet talba għal estensjoni tat-terminu għal risposta, milqugħa fl-24 ta’ Lulju 1998, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet b’ittra tas-7 ta’ Awwissu 1998.

18

Permezz ta’ ittri tas-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jinnotifikawha bl-eżenzjonijiet inkwistjoni. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew b’ittra tal-4 ta’ Settembru 2000. Permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni fakkret it-talba tagħha lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana u stiednet lil dawn tal-aħħar, kif ukoll lir-Repubblika Franċiża, sabiex jipprovduha b’informazzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet Irlandiżi rrispondewha b’ittra tat-18 ta’ Ottubru 2000. Wara ittra ta’ tfakkira mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Taljani u Franċiżi rrispondew ukoll, fis-7 u fit-8 ta’ Diċembru 2000, rispettivament.

19

Permezz tad-Deċiżjonijiet C (2001) 3296, C (2001) 3300 u C (2001) 3295, tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjoni Irlandiża, tal-eżenzjoni Taljana u tal-eżenzjoni Franċiża, rispettivament. Dawn id-deċiżjonijiet ġew innotifikati lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika Franċiża b’ittri tal-5 ta’ Novembru 2001 u ġew ippubblikati, fit-2 ta’ Frar 2002, fil-Ġurnal uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 30, p. 17, p. 21 u p. 25).

20

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa ta’ AAL, Eurallumina, Alcan u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aluminju. Dawn ġew ikkomunikati lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika Franċiża fis-26 ta’ Marzu 2002.

21

Wara li għamlet talba għal estensjoni tat-terminu permezz ta’ faks tal-1 ta’ Diċembru 2001, milqugħa fis-7 ta’ Diċembru 2001, l-Irlanda ressqet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2002. B’ittra tat-18 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tibgħatilha l-prova li hija kienet assumiet impenn vinkolanti favur AAL qabel l-adeżjoni tagħha. L-Irlanda rrispondiet għal din it-talba permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2002. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002. Wara li għamlet talba għal estensjoni tat-terminu għal risposta permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2001, li ntlaqgħet fid-29 ta’ Novembru 2001, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2002.

Deċiżjoni kkontestata

22

Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/323/KE dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23

Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2004, data li fiha d-Direttiva 2003/96 saret applikabbli. Madankollu, hija testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004.

24

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistipula b’mod partikolari dan li ġej:

“L-ewwel Artikolu

L-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal użati fil-produzzjoni ta’ allumina mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn din hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex rkuprata peress li dan l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

Artikolu 3

L-għajnuna, imsemmija fl-ewwel Artikolu, mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji jħallsu dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

Artikolu 4

L-għajnuna […] mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji ma ħallsux dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

Artikolu 5

1.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

[…]

5.   Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jordnaw lill-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sabiex iħallsu lura l-għajnuna illegali flimkien mal-interessi.”

Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

25

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2006 (Kawża T-60/06), fis-17 ta’ Frar 2006 (Kawżi T-50/06 u T-56/06) u fit-23 ta’ Frar 2006 (Kawżi T-62/06 u T-69/06), ir-rikorrenti, ir-Repubblika Taljana, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, Eurallumina u AAL, rispettivament, ressqu dawn il-kawżi bil-għan li jiksbu l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

26

Permezz ta’ att separat, li wasal għand ir-reġistratur fit-22 ta’ Marzu 2006, AAL ippreżentat talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 242, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha. B’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2006, Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni (T-69/06 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba u żamm l-ispejjeż riżervati.

27

B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat dawn il-kawżi quddiem kulleġġ estiż ta’ ġudikanti.

28

Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, wara li sema’ lill-partijiet, il-President tat-Tieni Awla Estiża għaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

29

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali għaqqdet dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza. Hija annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba li, fiha, il-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 253 KE, fir-rigward tal-inapplikabbiltà fil-każ ineżami tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu (88) KE tat-Trattat tal-KE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Barra minn hekk, fil-Kawża T-62/06, hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors, wara li kkonstatat l-inammissibbiltà tal-kapi tat-talbiet li permezz tagħhom Eurallumina talbitha jew tiddikjara li l-eżenzjoni Taljana, awtorizzata bid-Deċiżjoni 2001/224, kienet legali sal-31 ta’ Diċembru 2006 u li s-somom kollha mħallsa jew li kellhom jitħallsu mir-Repubblika Taljana sa din id-data jew, tal-inqas, sal-31 ta’ Diċembru 2003 ma kellhomx jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat illegali jew ma kellhomx jiġu rkuprati, jew li timmodifika l-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

30

Permezz ta’ rikors bid-data tas-26 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

31

Permezz ta’ sentenza fuq appell tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, sa fejn din annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba li, fiha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-inapplikabbiltà fil-każ ineżami tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u sa fejn din ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-69/06 R. Barra minn hekk, hija bagħtet lura l-Kawżi magħquda T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06 quddiem il-Qorti Ġenerali u żammet l-ispejjeż irriżervati.

32

Wara din is-sentenza u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, dawn il-kawżi ġew assenjati lit-Tieni Awla Estiża, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2009.

33

Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-partijiet ippreżentaw rispettivament in-noti ta’ osservazzjonjiet bil-miktub tagħhom fl-1 ta’ Frar 2010, għall-Irlanda, fil-Kawża T-50/06 RENV, fl-4 ta’ Frar 2010, għar-Repubblika Taljana, fil-Kawża T-60/06 RENV, fit-12 ta’ Frar 2010, għal Eurallumina, fil-Kawża T-62/06 RENV, fis-16 ta’ Frar 2010, għar-Repubblika Franċiża, fil-Kawża T-56/06 RENV, u għal AAL, fil-Kawża T-69/06 RENV, u fit-28 ta’ April 2010, għall-Kummissjoni f’dawn il-kawżi kollha. Fin-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Franċiża indikat, fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha li tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija kienet qiegħda tirrinunzja għal wieħed mill-motivi mqajma fir-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

34

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-1 ta’ Marzu 2010, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

35

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u dawn il-kawżi ġew assenjati lir-Raba’ Awla Estiża, b’deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2010.

36

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lill-partijiet u kif ukoll lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet u l-Kunsill osservaw din it-talba fit-terminu mogħti.

37

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011.

It-talbiet ippreżentati mill-partijiet fl-istanza wara li l-kawżi ntbagħtu lura

38

Fil-Kawża T-50/06 RENV, l-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-eżenzjoni Irlandiża;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39

Fil-Kawża T-69/06 RENV, AAL titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda lilha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40

Fil-Kawża T-60/06 RENV, ir-Repubblika Taljana titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-eżenzjoni Taljana;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41

Fil-Kawża T-62/06 RENV, Eurallumina titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew l-Artikoli 1, 4 sa 6 tagħha jew, sussidjarjament, l-Artikoli 5 u 6 tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni jew dawn l-artikoli jirrigwardaw lilha;

u/jew

tiddikjara li l-eżenzjoni Taljana, awtorizzata bid-Deċiżjoni 2001/224, hija legali sal-31 ta’ Diċembru 2006 u li s-somom kollha mħallsa jew li għandhom jitħallsu mir-Repubblika Taljana ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat illegali jew, tal-inqas, ma għandhomx jiġu rkuprati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42

Fil-Kawża T-56/06 RENV, ir-Repubblika Franċiża titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, l-Artikolu 5 tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni jew dan l-artikolu jirrigwardaw l-eżenzjoni Franċiża;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-kapi tat-talbiet ta’ Eurallumina għal kisba ta’ ċerti dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

44

Ma għadx hemm iktar lok li jiġu eżaminati l-kapi tat-talbiet ta’ Eurallumina intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-eżenzjoni Taljana, awtorizzata bid-Deċiżjoni 2001/224, hija legali sal-31 ta’ Diċembru 2006 u li s-somom kollha mħallsa jew li għandhom jiġu mħallsa mir-Repubblika Taljana ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat illegali jew, tal-inqas, ma għandhomx jiġu rkuprati. Fil-fatt, dawn il-kapi tat-talbiet diġà ġew miċħuda bħala inammissibbli permezz tas-sentenza L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq. Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din is-sentenza ma ġewx annullati fuq dan il-punt mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 31 iktar ’il fuq, dawn huma vestiti bl-awtorità ta’ res judicata.

Sinteżi tal-motivi u lmenti mqajma mir-rikorrenti

45

Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ġabra ta’ motivi u lmenti li jikkoinċidu parzjalment, anki jekk is-suġġett tagħhom huwa formalment differenti, peress li kull waħda minnhom tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn, fir-rigward tar-Repubblika Taljana (Kawża T-60/06 RENV) u ta’ Eurallumina (Kawża T-62/06 RENV), din tirrigwarda l-eżenzjoni Taljana, sa fejn, fir-rigward tal-Irlanda (Kawża T-50/06 RENV) u ta’ AAL (Kawża T-69/06 RENV), din tirrigwarda l-eżenzjoni Irlandiża u, sa fejn, fir-rigward tar-Repubblika Franċiża (Kawża T-56/06 RENV), din tirrgwarda l-eżenzjoni Franċiża. Dawn il-motivi u dawn l-ilmenti huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ validità u effettività tal-atti tal-Unjoni, tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ estoppel, tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli, tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(m) KE, tal-Artikolu 87(1) u (3) KE, tal-Artikolu 88 KE u tal-Artikolu 157 KE, tar-regoli kkodifikati tal-Artikolu 1(b), (i), (iii) u (iv) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikoli 17 sa 19 ta’ dan ir-regolament, tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent, b’mod partikolari l-punt 82(a) tal-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU 2001, C 37, p. 3) u tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9), kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

46

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-motivi u l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti huma intiżi b’mod partikolari kontra r-riżultat milħuq mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, meta applikat ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-eżenzjonijiet inkwistjoni. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li dan ir-riżultat ma setax legalment jikkontradiċi l-effetti legali prodotti mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224. Dan huwa l-każ tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonstata, jew toqgħod fuq il-fatt ikkonstatat, li l-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li tordna, sa fejn hija inkompatibbli mas-suq komuni, l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji tagħha meta l-Kunsill kien awtorizza lill-Istati Membri kkonċernati japplikaw dawn l-eżenzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006. Barra minn hekk, AAL issostni li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma tistax legalment twassal fil-każ ineżami għal riżultat li jikkontradiċi l-għan imfittex mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE, jiġifieri d-difiża u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ddgħajjef il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest internazzjonali.

47

It-tieni nett, il-motivi u l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika Franċiża u minn AAL huma b’mod partikolari indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika jew toqgħod fuq il-klassifikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tal-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003.

48

It-tielet nett, il-motivi u l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Taljana, mill-Irlanda u minn AAL huma b’mod partikolari indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika jew toqgħod fuq il-klassifikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ għajnuna ġdida iktar milli ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88 KE, tal-eżenzjoni Taljana u tal-eżenzjoni Irlandiża mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003, minbarra, għal din tal-aħħar, il-perijodu qabel is-17 ta’ Lulju 1990.

49

Ir-raba’ nett, il-motivi u l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Taljana huma b’mod partikolari indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata li l-għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjoni Taljana ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, peress li din hija marbuta mill-qrib mar-realizzazzjoni, minn Eurallumina, tal-għanijiet fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent jew minħabba li din iffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardinja.

50

Il-ħames nett, il-motivi u l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti huma b’mod partikolari indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jirkupraw mingħand il-benefiċjarji tagħhom l-għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjonijiet inkwistjoni.

51

Fil-każ ineżami, għandhom qabelxejn jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti bbażati, essenzjalment, fuq applikazzjoni illegali tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża sal-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u skont dawn id-deċiżjonijiet.

Fuq il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq l-applikazzjoni illegali tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għal eżenzjonijiet mogħtija fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta ’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u skont dawn id-deċiżjonijiet

52

Fil-Kawża T-50/06 RENV, bit-tieni u r-raba’ motivi, l-Irlanda ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ estoppel, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ikkonkludiet li kien hemm inkompatibbiltà parzjali mas-suq komuni, fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-eżenzjoni Irlandiża mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003, meta din l-eżenzjoni ngħatat fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u skont dawn id-deċiżjonijiet. Hija tosserva li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, bir-raba’ motiv tagħha, l-Irlanda ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni kisret, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta’ estoppel, sa fejn din applikat ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-eżenzjoni Irlandiża ħafna żmien wara li ħadet konjizzjoni tal-għajnuna allegatament mogħtija fuq il-bażi tagħha.

53

Fil-Kawża T-56/06 RENV, bit-tieni motiv, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjoni Franċiża, meta din kienet awtorizzata tapplika din l-eżenzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224.

54

Fil-Kawża T-60/06 RENV, bis-sitt motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kisret b’mod partikolari l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjoni Taljana, meta din kienet awtorizzata tapplika din l-eżenzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224.

55

Fil-Kawża T-62/06 RENV, bit-tieni motiv, Eurallumina tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni, il-prinċipju lex specialis derogat legi generali, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ikkonkludiet li kien hemm inkompatibbiltà parzjali mas-suq komuni, fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-eżenzjoni Taljana mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003 meta din l-eżenzjoni ngħatat fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u skont dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, bit-tielet motiv, Eurallumina ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjoni Taljana mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Taljana kienet ġiet awtorizzata tapplika din l-eżenzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224.

56

Fil-Kawża T-69/06 RENV, bit-tieni motiv, AAL tilmenta b’mod partikolari li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ effettività tal-atti tal-Unjoni u l-prinċipju lex specialis derogat legi generali, kif ukoll li wettqet eċċess ta’ poter, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ikkonkludiet li kien hemm inkompatibbiltà parzjali mas-suq komuni, fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-eżenzjoni Irlandiża mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003, meta din l-eżenzjoni ngħatat fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u skont dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, bil-ħames motiv, AAL issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din applikat regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-eżenzjoni Irlandiża ħafna żmien wara li kienet taf b’din l-eżenzjoni. Fl-aħħar nett, bir-raba’ motiv, AAL issostni li l-Kummissjoni kisret b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna li allegatament ngħatatilha bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 fuq il-bażi tal-eżenzjoni Irlandiża, meta l-Irlanda kienet ġiet awtorizzata tapplika din l-eżenzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224.

57

Fil-Kawżi T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti u titlob iċ-ċaħda tal-motivi u l-ilmenti bbażati fuq l-applikazzjoni illegali, fid-deċiżjoni kkontestata, tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għal eżenzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u skont dawn id-deċiżjonijiet.

58

Skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni. Permezz ta’ dawn tal-aħħar, ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw lill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din iddeċidiet li l-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u ordnat, sa fejn dawn kienu inkompatibbli mas-suq komuni, l-irkupru tagħhom mingħand il-benefiċjarji tagħhom, li ħassret parzjalment l-effetti legali tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, li kienu jawtorizzaw lill-Istati Membri kkonċernati japplikaw dawn l-eżenzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti affettwati minn irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma kellhom ebda effett legali, anki provviżorju, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex tilħaq bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda kultant kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali u l-osservanza tal-legalità (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 59 iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Komunità titlob li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun limitata għal każijiet li jkunu għalkollox estremi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 59 iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C-305/00, Ġabra p. I-3525, punt 58 u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-199/03, Ġabra p. I-8027, punt 69). Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijet tal-Unjoni jirrispettaw l-intanġibbiltà tal-atti li jkunu adottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li ma jistgħux jibdlu dawn l-atti jekk mhux bl-osservanza tar-regoli ta’ kompetenza u r-regoli proċedurali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jiġi invokat b’mod effettiv jekk l-individwu suġġett għad-dritt, li s-sitwazzjoni materjali u ġuridika tiegħu tkun ġiet affettwata mill-att inkwistjoni, ma jkunx osserva l-kundizzjonijiet ifformulati minnu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, T-37/97, Ġabra p. II-859, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-istess mira, bħalma hija l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punti 41 u 42, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-156/98, Ġabra p. II-337, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Barra min hekk, sa fejn dawn il-motivi u lmenti jqajmu kwistjoni fir-rigward tar-rabta bejn ir-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dazji tas-sisa, u r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar dan li ġej.

64

Fiż-żmien tal-fatti tal-każ, l-Artikolu 2 KE kien jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Komunità kellha twettaq l-kompitu fdat lilha “billi tistabbilixxi suq komuni”. Għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 2 KE, l-Artikolu 3(1)(c) u (g) KE kien jipprovdi li l-attivitajiet tal-Komunità kellhom jinkludu, taħt il-kundizzjonijiet u skont il-programm previst mit-Trattat KE, “suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapitali” kif ukoll “sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata”.

65

It-Trattat KE ta lill-Komunità mezzi ta’ azzjoni intiżi sabiex jiġu eliminati diversi tipi ta’ distorsjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

66

L-Artikolu 93 KE għandu l-għan li jnaqqas l-ostakli għall-kummerċ li jirriżultaw minħabba differenzi bejn is-sistemi fiskali nazzjonali, anki meta dawn jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 171/78, Ġabra p. 447, punt 20). Dan kien jipprovdi, fir-redazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-każ, li “[l]-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta disposizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ leġislazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta daqs kemm din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja biex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 14”. Skont l-Artikolu 93 KE, il-Kunsill seta’ għalhekk japprossima l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar id-dazji tas-sisa sa fejn dan kien neċessarju sabiex jiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C-166/98, Ġabra p. I-3791, punt 25, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għal din is-sentenza, Ġabra p. I-3793, punt 53).

67

Mill-premessi, kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/81, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 93 KE, jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex timplementa, permezz ta’ armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa applikabbli għaż-żjut minerali, iċ-ċirkulazzjoni libera tal-prodotti inkwistjoni u, b’dan il-mod, tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2000, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-184/97, Ġabra p. II-3145, punt 61).

68

Barra minn hekk, mis-sitt premessa u mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 jirriżulta li, fl-oqsma koperti mill-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa applikabbli għaż-żjut minerali, eżenzjonijiet addizzjonali ma jistgħux jiġu adottati unilateralment mill-Istati Membri, iżda jeħtieġu l-intervent tal-Kunsill li, b’deċiżjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lill-Istati Membri, għal raġunijiet speċifiċi ta’ politika, japplikaw tali derogi, meta u sakemm dan ikun kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

69

Is-sitt premessa tad-Direttiva 92/81 tispeċifika għalhekk li “hemm lok li l-Istati Membri jitħallew japplikaw, jekk ikunu jixtiequ, ċerti eżenzjonijiet oħra jew rati mnaqqsa ġewwa t-territorju tagħhom, meta dan ma jwassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn din il-premessa jirriżulta li l-Artikolu 8(4) kollu tad-Direttiva 92/81 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li l-miżuri ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu joħolqu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 62).

70

Dan huwa kkonfermat mit-tmien premessa tad-Direttiva 92/81, li tesponi n-neċessità “li tiġi stabbilita proċedura ta’ investigazzjoni tal-eżenzjonijiet jew ir-rati mnaqqsa kollha previsti minn din id-direttiva sabiex jiġi vverifikat jekk dawn ikunux għadhom kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll mill-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva, li minnu jirriżulta li l-Kunsill, b’deċiżjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tiegħu meta l-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis awtorizzat ma jkunux jistgħu jinżammu iktar, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew ta’ distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern.

71

Id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li joriġinaw mill-għajnuna mill-Istat huma eżaminati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, taħt il-kontroll tal-qorti tal-Unjoni. B’applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna mill-Istat hija fil-fatt suġġetta għal proċedura ta’ notifika obbligatorja lill-Kummissjoni. Din il-proċedura tikkonċerna t-tipi kollha ta’ għajnuna mill-Istat, inklużi l-għajnuniet fiskali. L-Istati Membri ma jistgħux jimplementaw il-proġetti proposti tagħhom mingħajr ma jistennew l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, mhux fid-dawl tal-forom li din tista’ tieħu, iżda fid-dawl tal-effetti tagħha. Il-prinċipju ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern stipulat fl-Artikolu 87 KE japplika, fil-fatt, għall-għajnuna “ta’ kwalunkwe forma”, u b’mod partikolari għal ċerti miżuri fiskali. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-Istat Membru inkwistjoni għandu jibdel jew ineħħi l-għajnuna li hija tkun ikkonstatat inkompatibbli mas-suq intern. Meta l-għajnuna inkwistjoni tkun diġà ġiet implementata, bi ksur tar-regoli proċedurali, it-tneħħija tagħha timplika fil-prinċipju li l-Istat Membru inkwistjoni għandu jirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji tagħha.

72

Mill-punti 64 sa 71 iktar ’il fuq jirriżulta li r-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dazji tas-sisa, stipulati fl-Artikolu 93 KE u fid-Direttiva 92/81, u r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, previsti fl-Artikoli 87 KE sa 89 KE, għandhom għan simili, jiġifieri l-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiġu kkonfrontati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-għan komuni tagħhom, l-implementazzjoni koerenti ta’ dawn id-diversi regoli jeżiġu li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni, il-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jassumi l-istess portata u l-istess sens fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li r-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dazji tas-sisa, stipulati fl-Artikolu 93 KE u fid-Direttiva 92/81, jagħtu espressament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri lill-Kummissjoni, li tipproponi, u lill-Kunsill, li jiddeċiedi, ir-responsabbiltà li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jista’ jkun hemm, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni jew nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru sabiex japplika jew ikompli japplika eżenzjoni mis-sisa armonizzata, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jew l-eżistenza ta’ kompetizzjoni żleali jew distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern li jista’ jkun hemm li jiġġustifikaw eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni li tkun diġà ngħatat fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81. Fil-każ ta’ evalwazzjoni negattiva f’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill li ma jawtorizzax l-eżenzjoni mitluba jew, jekk ikun il-każ, li jħassar jew jemenda l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni li tkun diġà ngħatat. Fil-każ ta’ evalwazzjoni differenti mill-Kunsill f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għas-setgħat li hija għandha taħt l-Artikolu 230 KE billi tippreżenta, quddiem il-qorti tal-Unjoni, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza eżenzjoni jew li żżomm awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni li tkun diġà ngħatat bil-għan li jiġi vverifikat in-nuqqas oġġettiv ta’ kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, ta’ kwalunkwe kompetizzjoni żleali jew kwalunkwe distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern ikkawżata minn din l-eżenzjoni.

73

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva u ma jiddependix fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 31 iktar ’il fuq, punt 72). L-Artikolu 87(1) KE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tkopri d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li bihom dawn tal-aħħar, sabiex jilħqu l-għanijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, iqiegħdu riżorsi għad-dispożizzjoni tal-impriżi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, permezz ta’ deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi, jew jagħtuhom vantaġġi intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi u soċjali mfittxija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1980, Amministrazione delle finanze dello Stato vs Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 31, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 100).

74

Minn dan isegwi li, sabiex vantaġġi jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, b’mod partikolari, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 101), filwaqt li għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-imputabbiltà ta’ għajnuna lil Stat hija distinta minn dik dwar jekk l-għajnuna ngħatatx permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Huwa skont l-istandard tar-regoli mfakkra fil-punti 59 sa 74 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat, kif isostnu r-rikorrenti, jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni, sa fejn din setgħet ħassret ċerti effetti legali prodotti mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, meta applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003.

76

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża bbażaw ruħhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda id-Deċiżjoni 2001/224, sabiex japplikaw jew ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2003 f’Sardinja, fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne, u dan għall-benefiċċju ta’ Eurallumina, ta’ AAL u ta’ Alcan rispettivament. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 68 iktar ’il fuq, dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kienu kundizzjoni neċessarja sabiex l-Istati Membri kkonċernati setgħu jagħtu dawn l-eżenzjonijiet skont il-liġi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tammetti li “l-Istati Membri […] kellhom id-dritt jibbażaw ruħhom fuq il-kliem tad-Deċiżjonijiet 92/510/KEE, 93/697/KE, 96/273/KE, 97/425/KE, 1999/255/KE, 1999/880/KE u 2001/224/KE”.

77

Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, awtorizzaw, bi kliem ċar u nieqes minn ambigwità, lir-Repubblika Taljana, lill-Irlanda u lir-Repubblika Franċiża sabiex japplikaw jew ikomplu japplikaw eżenzjonijiet minn dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina f’Sardinja, fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne, rispettivament, fl-aħħar lok, sal-31 ta’ Diċembru 2006, b’kundizzjoni waħda li jista’ jsir eżami antiċipat mill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Sa fejn dawn saru b’ċerti kundizzjonijiet restrittivi ta’ natura ġeografika u ta’ żmien, dawn id-deċiżjonijiet kellhom effett restrittiv fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati, u dan ġie barra minn hekk ikkunsidrat mill-Kummissjoni fil-premessi 17 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata.

78

Ma huwiex ikkontestat li r-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża osservaw b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet restrittivi ta’ natura ġeografika u ta’ żmien stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Huma applikaw jew komplew japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni biss fir-reġjuni indikati fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, jiġifieri f’Sardinja, fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne rispettivament. Barra minn hekk, huma taw l-eżenzjonijiet inkwistjoni matul il-perijodu li matulu d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ipproduċew l-effetti tagħhom, jiġifieri l-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2006.

79

Ċertament, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex l-Istati Membri kkonċernati setgħu jagħtu l-eżenzjonijiet inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, dawn id-deċiżjonijiet ma kkontradixxewx il-fatt li, kemm-il darba kienu jikkostitiwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-eżenzjonijiet inkwistjoni kellhom jiġu nnotifikati u awtorizzati minnha, skont l-Artikolu 88 KE. In-natura kundizzjonali tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, fir-rigward ta’ applikazzjoni sussegwenti tal-proċeduri u tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija kkonfermata mill-ħames premessa tad-Deċiżjoni 2001/224, li tirreferi espressament għal kwalunkwe proċeduri u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

80

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni stess ammettiet fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill qabel id-Deċiżjoni 2001/224 “ma [kinux isemmu] kontradizzjoni li jista’ jkun hemm mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew obbligu ta’ notifika”. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Kunsill issuġġetta espressament l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet għan-notifika mill-Istati Membri kkonċernati tal-eżenzjonijiet inkwistjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE, u għall-adozzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni jew ta’ deċiżjoni pożittiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

81

Min-naħa l-oħra, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni, il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, kif parzjalment riprodotta fil-punt 15 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi analizzata bħala manifestazzjoni espressa tal-volontà tal-Kunsill li jissuġġetta l-effetti tal-awtorizzazzjoni tiegħu għar-rispett, mill-Istati Membri kkonċernati, tal-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE u għall-adozzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni jew deċiżjoni pożittiva fir-rigward tagħhom, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

82

Qabelxejn, l-interpretazzjoni tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224 sostnuta mill-Kummissjoni ġiet, impliċitament, iżda neċessarjament, ikkonfutata mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). Mistieden sabiex jippronunzja ruħu fuq il-punt dwar jekk eżami tal-eżenzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li jingħalaq, bħal fil-każ ineżami, b’deċiżjoni finali negattiva tal-Kummissjoni setax jikkawża tmiem antiċipat għal dawn l-eżenzjonijiet, minkejja l-kliem tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2001/224, li awtorizza lir-Repubblika Taljana, lill-Irlanda u lir-Repubblika Franċiża sabiex ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill irrisponda li, fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat li hija għandha taħt l-Artikolu 230 KE jew billi tagħmel proposta skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, b’mod konformi mal-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva, “id-Deċiżjoni 2001/224 tibqa’ valida u l-Istati Membri [kkonċernati] kienu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija fiha sabiex iżommu l-eżenzjonijiet inkwistjoni”. Minn din it-tweġiba jirriżulta li l-Kunsill ma intendiex jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għal kwalunkwe proċedura u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

83

Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224 u tar-riferiment, f’din il-premessa, għal kwalunkwe proċedura u deċiżjoni possibbli skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE sostnuta mill-Kummissjoni ma tistax treġi inkwantu din twassal, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, għal implementazzjoni inkoerenti tar-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dazji tas-sisa, u tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tmur kontra r-rekwiżiti li joħorġu mill-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punt 62 iktar ’il fuq).

84

Fl-ewwel lok, din l-interpretazzjoni ma tippermettix implementazzjoni koerenti tad-diversi regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-applikazzjoni tagħhom hija invokata fil-każ ineżami, inkwantu, skont ir-regoli esposti fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni suċċessivi tal-Kunsill, adottati b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni, kienu bbażati fuq evalwazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li skontha l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma kinux jinvolvu distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u minn dan irriżulta li wieħed mill-elementi tad-definizzjoni tal-għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87 KE, jiġifieri li dawn joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, kien nieqes a priori.

85

Din l-evalwazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni hija kkonfermata mir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 92/510 li tipprovdi li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha jaċċettaw li dawn l-eżenzjonijiet kollha [...] ma jinvolvux distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li dawn ma jostakolawx il-funzjonament tajjeb tas-suq intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll minn kunsiderazzjoni simili li tidher fir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 93/697 u tad-Deċiżjoni 96/273.

86

Barra minn hekk, din hija kkonfermata mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 31 iktar ’il fuq (punt 83), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “l-Kummissjoni kienet qieset, fil-mument tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet ikkontestati, li dawn ma kinux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux jostakolaw l-amministrazzjoni tajba tas-suq intern”.

87

Din hija kkonfermata wkoll mill-Kunsill, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), meta jindika li, “filwaqt li aġixxa fuq il-bażi tas-setgħat lilu mogħtija fil-kuntest tal-Artikolu 93 KE, u għalhekk filwaqt li kkunsidra r-rekwiżit tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa awtorizza lit-tliet Stati Membri kkonċernati, f’sitwazzjoni magħrufa minnu bħala li tinkludi tliet benefiċjarji partikolari u tliet operaturi oħra fi Stati oħra, li pproduċew ukoll l-allumina, sabiex ikomplu japplikaw [l-eżenzjonijiet inkwistjoni], li l-kontenut, il-portata u l-effetti tagħhom kienu magħrufa sewwa kemm [minnu] kif ukoll mill-Kummissjoni, sa data stabbilita”.

88

Barra minn hekk, skont l-evalwazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fil-ħames premessa tad-Deċiżjoni 97/425, fir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 1999/255, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 1999/255, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 1999/880 kif ukoll, taħt formulazzjoni ekwivalenti, fir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 1999/255, ġie pprovdut li “l-Kummissjoni għandha teżamina regolarment [...] l-eżenzjonijiet sabiex tiżgura l-kompatibbiltà tagħhom mal-funzjonament tas-suq intern u mal-għanijiet l-oħra tat-Trattat [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

89

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stess ammettiet, fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-mument meta d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, ġew adottati mill-Kunsill, li ddeċieda b’unanimità fuq il-proposta tagħha, “[kien] jidher għalhekk li wieħed mill-elementi tad-definizzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-Artikolu 87 tat-Trattat, jiġifieri li din toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, [kien] nieqes”.

90

Fid-dawl tal-evalwazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li serviet bħala bażi għad-deċiżjonijiet kollha ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li pprovdew li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma kinux jinvolvu distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, tkun inkoerenti interpretazzjoni tal-ħames premessa tad-Deċiżjoni 2001/224 u r-riferiment, f’din il-premessa, għal kwalunkwe proċedura jew deċiżjoni possibbli skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE fis-sens li l-Kunsill intenda jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għal kwalunkwe proċedura jew deċiżjoni possibbli tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni komuni hija koerenti mal-interpretazzjoni kuntrarja fis-sens li l-Kunsill ma intendiex jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura u deċiżjoni sussegwenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

91

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni ma tippermettix implementazzjoni koerenti tad-diversi regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-applikazzjoni tagħhom hija invokata fil-każ ineżami, inkwantu s-selettività fuq il-pjan reġjonali tal-eżenzjonijiet inkwistjoni kienet fil-fatt toħroġ direttament mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li ddefinixxew il-kundizzjonijiet restrittivi tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet inkwistjoni fuq il-pjan ġeografiku. Kif il-Kummissjoni stess irrilevat fil-premessi 17 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma setgħux, kif ipprovdut fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jiġu applikati fuq it-territorju kollu tal-Istati Membri kkonċernati, iżda biss fir-reġjuni indikati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2001/224, li għalih jirreferi l-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess deċiżjoni, u, kif indikat fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn “kienu selettivi fuq il-pjan reġjonali minħabba li d-deċiżjonijiet [ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill] awtorizzaw l-eżenzjonijiet biss f’ċerti reġjuni u l-investituri potenzjali li xtaqu jagħmlu investimenti fil-produzzjoni tal-allumina f’reġjuni oħra ma kinux żgurati li jingħataw trattament simili” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, is-selettività fuq il-pjan reġjonali ta’ dawn il-miżuri ma setgħetx tiġi, a priori, imputata lill-Istati Membri kkonċernati, iżda kienet fil-fatt toħroġ mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill.

92

Fid-dawl tal-fatt li s-selettività fuq il-pjan reġjonali tal-eżenzjonijiet inkwistjoni ma joħorġux mid-deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi tal-Istati Membri kkonċernati, iżda mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, tkun inkoerenti interpretazzjoni tal-ħames premessa tad-Deċiżjoni 2001/224 u r-riferiment li hemm fiha għal kwalunkwe proċedura u deċiżjoni skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE fis-sens li l-Kunsill intenda jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għal kwalunkwe proċedura u deċiżjoni possibbli tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt huwa koerenti mal-interpretazzjoni kuntrarja fis-sens li l-Kunsill ma intendiex jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura u deċiżjoni sussegwenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

93

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni ma tippermettix implementazzjoni koerenti tad-diversi regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-applikazzjoni tagħhom hija invokata fil-każ ineżami, inkwantu n-nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika Taljana, mill-Irlanda u mir-Repubblika Franċiża tar-rata tas-sisa minima stabbilita bid-Direttiva 92/82, li, għall-perijodu kkunsidrat, telgħet għal EUR 13 għal 1000 kg, kien konformi mad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, li awtorizzaw lill-Istati Membri kkonċernati japplikaw jew ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006. Kif il-Kummissjoni stess irrilevat fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, “it-tliet eżenzjonijiet [awtorizzati mill-Kunsill] kienu totali”. B’dan il-mod, huma jiddistingwu ruħhom mit-tnaqqis tad-dazji tas-sisa jew mill-applikazzjoni ta’ rati tas-sisa differenzjati li kienu ġew awtorizzati mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, bil-kundizzjoni espressa li r-rati applikati jirrispettaw l-obbligi pprovduti mid-Direttiva 92/82, u b’mod partikolari r-rati tas-sisa minimi stabbiliti minn din tal-aħħar. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ ħlas minn Eurallumina, minn AAL u minn Alcan, qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, ta’ dazju li jikkorrispondi tal-inqas għar-rata tas-sisa minima stabbilita fid-Direttiva 92/82, li telgħet, għall-perijodu kkunsidrat, għal EUR 13 għal 1000 kg, huwa imputabbli għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw lir-Repubblika Taljana, lill-Irlanda u lir-Repubblika Franċiża jkomplu japplikaw, sa din id-data, eżenzjonijiet totali tad-dazji tas-sisa taż-żjut minerali użati bħala kombustibbli fil-produzzjoni tal-allumina f’Sardinja, fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne, rispettivament.

94

Fid-dawl tan-natura tal-miżuri li awtorizza, jiġifieri eżenzjonijiet totali ta’ dazji tas-sisa, iktar milli tnaqqis ta’ dazji tas-sisa bl-osservanza tar-rata tas-sisa minima stabbilita mid-Direttiva 92/82, ikun paradossali li, bil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, il-Kunsill jinftiehem li ried jesprimi r-rieda tiegħu li jissuġġetta l-effetti ta’ din id-deċiżjoni għal deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li huwa biss it-tnaqqis tad-dazji tas-sisa bil-kundizzjoni li r-rati applikati josservaw ir-rata tas-sisa minima ta’ EUR 13 għal 1000 kg stabbilita mid-Direttiva 92/82 (ara l-premessa 76 u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata) li jista’ jiġi legalment implementat mill-Istati Membri kkonċernati. Min-naħa l-oħra, in-natura tal-miżuri awtorizzati mill-Kunsill hija koerenti mal-interpretazzjoni kuntrarja fis-sens li dan tal-aħħar ma intendiex jissuġġetta l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224 għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura u deċiżjoni sussegwenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

95

Mill-punti 83 sa 94 iktar ’il fuq jirriżulta li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224 u r-riferiment, f’din il-premessa, għal kwalunkwe proċedura u deċiżjoni possibbli tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE ma jistgħux, kif sostnut mill-Kummissjoni, jipprevedu każijiet fejn l-Istati Membri japplikaw tnaqqis tar-rata tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa billi jikkonformaw ruħhom purament u sempliċement ma’ awtorizzazzjoni mogħtija minn istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 59 iktar ’il fuq, punti 15, 16, 24 u 25, u tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-582/08, Ġabra p. I-7195, punti 47 sa 52). Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippreġudika r-rekwiżit mandatorju li tiġi żgurata implementazzjoni koerenti tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-applikazzjoni tagħhom hija invokata fil-każ ineżami, rekwiżit mandatorju li joħroġ mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (punt 62 iktar ’il fuq). Għalhekk, din il-premessa u dan ir-riferiment jipprevedu a priori każijiet differenti minn dawk tal-każ ineżami, fejn l-Istati Membri japplikaw tnaqqis tar-rati tas-sisa jew eżenzjonijiet mir-rati tas-sisa bl-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lilhom mogħti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 113; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Socridis, punt 66 iktar ’il fuq, punti 19 u 20) jew billi ma josservawx il-kundizzjonijiet espressament stipulati minn dan tal-aħħar bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħar-rati tas-sisa minimi stabbiliti fid-Direttiva 92/82.

96

Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li, billi komplew japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni matul il-perijodu sal-31 Diċembru 2003, ir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża kisru kundizzjoni imposta fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, inkluża dik fid-Deċiżjoni 2001/224, u li ssuġġettat l-effetti prodotti minn dawn id-deċiżjonijiet għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

97

Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, ġew osservati mill-Istati Membri kkonċernati, b’mod li dawn tal-aħħar taw l-eżenzjonijiet inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2003 mhux biss billi bbażaw ruħhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, iżda wkoll billi kkonformaw purament u sempliċement mal-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom.

98

Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, ma setgħux ikollhom, fi kwalunkwe każ, l-effett li jilliberaw lir-Repubblika Taljana, lill-Irlanda u lir-Repubblika Franċiża mill-obbligu tagħhom li josservaw il-proċeduri u r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li l-Kunsill ma setax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-armonizzazzjoni fiskali, jidħol fuq il-kompetenza kważi esklużiva tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, il-vantaġġi li l-eżenzjonijiet inkwistjoni setgħu taw lill-benefiċjarji tagħhom kellhom, sabiex setgħu jiġi kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ikunu imputabbli għal deċiżjoni awtonoma u unilaterali tal-Istati Membri kkonċernati. Issa, fil-każ ineżami, dawn tal-aħħar taw il-vantaġġi inkwistjoni billi bbażaw ruħhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda id-Deċiżjoni 2001/224, u billi osservaw il-kundizzjonijiet kollha fformulati minnhom. Kif osservaw korrettament ir-rikorrenti, fit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u fis-seduta, dawn il-vantaġġi kellhom għalhekk jiġu imputati lill-Unjoni li, bl-intervent ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, awtorizzat lir-Repubblika Taljana, lill-Irlanda u lir-Repubblika Franċiża jkomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006 fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li dawn l-eżenzjonijiet ma kinux jinvolvu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

99

Minn dan isegwi li, sakemm id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, kienu fis-seħħ u ma ġewx emendati mill-Kunsill jew annullati mill-qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx, fl-eżerċizzju stess tas-setgħat kważi esklużivi li hija għandha taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE, tikklassifika l-eżenzjonijiet inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, sa fejn l-obbligi proċedurali stipulati fl-Artikolu 88 KE kienu joriġinaw mill-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni ma setgħetx ġustament tilmenta li l-Istati Membri kkonċernati ma nnotifikawhiex bl-eżenzjonijiet inkwistjoni li huma kienu taw, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u filwaqt li osservaw il-kundizzjonijiet ifformulati minnhom.

100

Filwaqt li din hija responsabbiltà tagħha (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni qatt ma użat is-setgħat tagħha sabiex tikseb tħassir jew tibdil tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, annullament ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet jew dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-Direttiva 92/81, meħuda fit-totalità tagħha jew biss fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tagħha. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma huwiex normalment mistenni li [hija] tissottometti lill-Kunsill proposti inkompatibbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat mingħajr ma ssemmi din il-possibbiltà, b’mod partikolari meta l-proposti jirrigwardaw kwistjoni speċifika ħafna u jipprevedu numru żgħir ta’ benefiċjarji, bħal fil-każ ineżami, u meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità”, u lanqas “li [hija] tipproponi lill-Kunsill jawtorizza l-estensjoni ta’ eżenzjoni eżistenti kemm-il darba hija kellha ssib f’din tal-aħħar għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”. Bl-istess mod, ma huwiex mistenni li, fid-dawl tal-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tiżgura implementazzjoni koerenti tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-eżenzjonijiet inkwistjoni (punt 61 iktar ’il fuq), din, kemm-il darba kellha tqis ċerti effetti prodotti mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill jew mid-Direttiva 92/81 inkompatibbli mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tastjeni milli teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tikseb it-tibdil jew l-annullament parzjali tal-imsemmija deċiżjonijiet jew dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li fuq il-bażi tiegħu dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati.

101

Il-fatt li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma setgħux, fil-każ ineżami, jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ma affettwax il-fatt li dawn baqgħu rregolati mill-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, b’mod li dawn setgħu jkunu suġġetti għal “kwalunkwe proċedura dwar distorsjonijiet tal-funzjonament tas-suq uniku”, kif previst fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2001/224 jikkonferma wkoll li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill kienet tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006, “[m]ingħajr ħsara għal eżami antiċipat mill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni”, b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81. Issa, ma huwiex ikkontestat li, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qatt ma ppreżentat lill-Kunsill proposta xierqa, ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma setgħux jinżammu iktar, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew ta’ distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern.

102

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 230 KE sabiex titlob l-annullament ta’ waħda jew l-oħra mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, peress li tali deċiżjoni kienet vvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni dwar l-assenza oġġettiva ta’ kwalunke distorsjoni tal-kompetizzjoni, ta’ kwalunkwe kompetizzjoni żleali jew ta’ kwalunkwe distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern ikkawżata mill-eżenzjonijiet inkwistjoni. Hija lanqas ma qajmet, fuq il-bażi tal-Artikolu 241 KE (li sar l-Artikolu 277 TFUE), eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Direttiva 92/81, meħuda fit-totalità tagħha jew biss fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tagħha. Fil-fatt, la d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u lanqas id-Direttiva 92/81 ma ġew, totalment jew parzjalment, annullati jew iddikjarati invalidi mill-qorti tal-Unjoni.

103

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qatt ma allegat, lanqas fl-atti bil-miktub tagħha f’dawn il-kawżi, li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2011/224, jew li d-Direttiva 92/81, fit-totalità tagħha jew biss fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tagħha, kellhom jiġu kkunsidrati bħala atti ineżistenti jew anki sempliċement li dawn l-atti kienu vvizzjati minn illegalità.

104

Minn dan isegwi li, kif il-Kunsill sostna korrettament fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), fil-mument li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni 2001/224 kienet teżisti u baqgħet valida. Din id-deċiżjoni tal-aħħar, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill li ppreċedewha u kif ukoll id-Direttiva 92/81, b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tagħha, kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ legalità marbuta ma’ kull att tal-Unjoni. Dawn ipproduċew l-effetti ġuridiċi kollha tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża kienu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, sabiex ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni f’Sardinja, fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne, rispettivament, b’mod partikolari, sal-31 ta’ Diċembru 2003. Bħala prinċipju, dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettux li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontesta, tista’ timputa kontra l-Istati Membri kkonċernati l-eżenzjonijiet inkwistjoni hawn fuq imsemmija u, għalhekk, li hija tista’ tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li tordna l-irkupru parzjali tagħhom, inkwantu hija tqishom inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

105

Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn din iddaħħal direttament inkwistjoni l-validità tal-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, mill-Irlanda u mir-Repubblika Franċiża sal-31 ta’ Diċembru 2003, iddaħħal ukoll inkwistjoni, indirettament, iżda neċessarjament, il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u l-effetti marbuta magħhom. B’dan il-mod, hija tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.

106

Konsegwentement, fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV, hemm lok li jintlaqgħu l-motivi u l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.

107

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, issollevat minn Eurallumina fil-Kawża T-62/06 RENV, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-prinċipju ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-196/99, Ġabra p. II-3597, punt 43), ħlief meta dan jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, Ġabra p. II-3995, punt 127, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-128/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 127).

108

Mill-argumenti premessi jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod partikolari l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa li, kif jirriżulta mill-premessi 18, 20 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, ngħataw mir-Repubblika Taljana lil Eurallumina, għall-fabbrika tagħha f’Sardinja, skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2001/224. Issa, sakemm id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, baqgħu fis-seħħ u ma ġewx emendati mill-Kunsill u lanqas ma ġew annullati mill-qorti tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni ma jippermettux li l-Kummissjoni tadotta, fl-eżerċizzju tas-setgħat kważi esklużivi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni li tikkontradiċi l-effetti prodotti mid-Deċiżjoni 2001/224 billi ddaħħal, b’mod partikolari, inkwistjoni drittijiet speċifiċi li r-Repubblika Taljana tat lil Eurallumina skont din l-aħħar deċiżjoni.

109

Minn dan isegwi li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-drittijiet speċifiċi li r-Repubblika Taljana tat lil Eurallumina skont id-Deċiżjoni 2001/224 u li, inkwantu huma effetti li joħorġu minn din id-deċiżjoni tal-aħħar, kienu ġuridikament protetti mill-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

110

Peress li ma hemmx lok li jsir eżami tal-motivi u l-ilmenti l-oħra mqajma mill-Irlanda, fil-Kawża T-50/06 RENV, minn AAL, fil-Kawża T-69/06 RENV, mir-Repubblika Taljana, fil-Kawża T-60/06 RENV, minn Eurallumina, fil-Kawża T-62/06 RENV, u mir-Repubblika Franċiża, fil-Kawża T-56/06 RENV, hemm għalhekk lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-fatt ikkonstatat, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

Fuq l-ispejjeż

111

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

112

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-69/06 R, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament, hija annullata sa fejn din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-fatt ikkonstatat, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Irlanda, fil-Kawża T-50/06 RENV, mir-Repubblika Franċiża, fil-Kawża T-56/06 RENV, mir-Repubblika Taljana, fil-Kawża T-60/06 RENV, minn Eurallumina SpA, fil-Kawża T-62/06 RENV, u minn Aughinish Alumina Ltd, fil-Kawża T-69/06 RENV, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-69/06 R.

 

Pelikánová

Vadapalas

Jürimäe

O’Higgins

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Marzu 2012.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Allumina

 

Direttivi li jirrigwardaw id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali

 

Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81

 

Il-proċedura amministrattiva

 

Deċiżjoni kkontestata

 

Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

 

It-talbiet ippreżentati mill-partijiet fl-istanza wara li l-kawżi ntbagħtu lura

 

Id-dritt

 

Fuq il-kapi tat-talbiet ta’ Eurallumina għal kisba ta’ ċerti dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Sinteżi tal-motivi u lmenti mqajma mir-rikorrenti

 

Fuq il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq l-applikazzjoni illegali tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għal eżenzjonijiet mogħtija fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u skont dawn id-deċiżjonijiet

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.