SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Novembru 2007 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-Kawża T-28/06,

RheinfelsQuellen H. Hövelmann GmbH & Co. KG, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Kellenter u A. Lambrecht, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ Appell ta’ l-UASI tas-17 ta’ Novembru 2005 (każ R 1179/2004-2), li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andovà, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Jannar 2006,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2006,

wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2

It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN.

3

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjoni ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull wieħed minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

“birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet; taħlit ta’ dan ix-xorb”, li jaqgħu taħt il-klassi 32;

“xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birrer)”, li jaqgħu taħt il-klassi 33.

4

Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 2004, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 38 tar-Regolment Nru 40/94, peress li s-sinjal verbali kien nieqes minn kull karattru distintiv.

5

Fl-20 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur.

6

Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ l-Appell ċaħad l-appell għar-raġuni li s-sinjal in kwistjoni kien deskrittiv u b’hekk jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8

L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

9

Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi ta’ annullament ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) u ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

L-argumenti tal-partijiet

10

Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’hijiex komposta esklużivament minn indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba.

11

F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li s-sinjal verbali kontenzjuż huwa l-frott ta’ kreazzjoni mhux abitwali u individwali u ma jammontax għal tgħaqqid ta’ kliem ta’ kull jum fil-lingwa Ġermaniża.

12

Minbarra dan, hija ssostni li ma jeżisti l-ebda obbligu attwali jew futur sabiex dan is-slogan ikun disponibbli għal dak li jikkonċerna l-prodotti koperti. Fil-fatt, kemm it-tgħaqqid ta’ kliem kollu kemm hu kif ukoll l-elementi differenti tiegħu ma jkunux abitwalment użati sabiex jindikaw xorb u, b’mod partikolari, ilma minerali.

13

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrikorri għall-karattru ambigwu, fil-lingwa Ġermaniża, tas-slogan kontenzjuż. Dan ta’ l-aħħar jirriżulta mill-karattru astratt tal-kelma “ursprung” u mill-interpretazzjonijiet diversi li jista’ jkollha fil-kuntest tal-prodotti kkonċernati, kif ukoll tal-karattru ambigwu u tan-nuqqas ta’ tifsira ċara tal-kelma “vollkommen” fil-kuntest tax-xarbiet. Jirriżulta li t-tgħaqqid ta’ kliem “vom ursprung her vollkommen” hija wkoll nieqsa minn tifsira ċara u direttament deskrittiva. Barra minn hekk, il-kliem l-aktar importanti tas-slogan ma jiddeskrivux direttament u b’mod ċar ċerti karatteristiċi essenzjali tal-prodotti koperti, kemm fihom infushom jew flimkien.

14

L-UASI l-ewwel nett isostni li huwa suffiċjenti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal, li dan jista’ jkun użat fis-suq jew fil-lingwa ta’ kulljum u m’hemmx bżonn li jkun effettiv.

15

L-UASI mbagħad isostni li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata jekk għall-inqas wieħed mit-tifsiriet tiegħu jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Madankollu, il-kliem l-aktar importanti tas-sinjal in kwistjoni jieħdu tifsira ċara, fil-kuntest tas-slogan, jiġifieri li l-prodotti li huwa jindika huma perfetti mill-oriġini tagħhom.

16

Fl-aħħar nett, fuq il-pjan kunċettwali, l-UASI jqis li l-kwistjoni dwar jekk, fuq il-pjan ekonomiku, il-karatteristiċi tal-prodotti li jistgħu jiġu deskritti huma essenzjali jew aċċessorji m’għandha l-ebda rwol. Il-kwalità tas-sustanzi bażiċi tkun deskritta bħala perfetta, f’dan il-każ. Għalhekk ma jkunx hemm lok li jiġi stabbilit jekk din il-kwalità sservi lill-konsumatur bħala kriterju essenzjali għall-għażla tal-prodotti, jew jekk ir-referenza għall-kwalità ma tiddeskrivix ċerti karatteristiċi essenzjali tal-prodotti. Sabiex tiġi applikata d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huwa suffiċjenti li s-slogan kollu kemm hu jkun ġeneralment aċċessibbli, l-ewwel nett, għall-konsumatur ikkonċernat li f’moħħu għandu indikazzjoni ta’ kwalità, jiġifieri dik ta’ kwalità perfetta mill-oriġini.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

17

Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

18

Billi jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali bħal dawn, dan l-Artikolu għandu għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Konsegwentement, hija tipprojbixxi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda li kienet kisbet ir-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 31).

19

Minbarra dan, is-sinjali previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma sinjali li huma magħrufa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk jippermetti lill-konsumatur li xtara l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tkopri, milli jagħmel, f’xirja sussegwenti, l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk hija tirriżulta negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 28, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T-348/02, Ġabra p. II-5071, punt 28].

20

Is-sinjali jew l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma b’hekk dawk biss li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-konsumatur, sabiex jindikaw, kemm direttament kif ukoll b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha, prodott jew servizz bħal dak li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 39). L-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal b’hekk ma tistax issir ħlief, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mod kif jinftihem mill-pubbliku rilevanti [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI — Herold Business Data (WEISSE SEITEN), T-322/03, Ġabra p. II-835, punt 90].

21

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jiġi stabbilit jekk trade mark verbali magħmula minn bosta elementi verbali hija deskrittiva jew le huma identiċi għal dawk applikati fil-każ ta’ sinjal verbali kkostitwit minn element wieħed biss.

22

F’dan il-każ, il-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark huma xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33. Fir-rigward ta’ l-artikli ta’ konsum ta’ kuljum indirizzati lil pubbliku ġenerali u li huma ddistribwiti mhux biss mill-intermedjarju tal-kummerċ bl-imnut (supermarkits, ċentri kummerċjali jew ħwienet kbar) jew ħwienet speċjalizzati u tal-bejgħ speċjalizzat bil-korrispondenza, iżda wkoll fir-restoranti u kafetteriji. Il-Bord ta’ l-Appell konsegwentement iddeċieda ġustament li l-perspettiva li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni hija dik tal-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 27].

23

Min-naħa l-oħra, peress li s-sinjal verbali in kwistjoni huwa magħmul minn kliem Ġermaniża, il-pubbliku rilevanti huwa dak li jifhem bil-Ġermaniż. B’hekk, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu jeħtieġ li ssir evalwazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut huwa l-konsumatur medju li jifhem bil-Ġermaniż [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ELLOS, iċċitati iktar ’il fuq, punt 31, u tat-12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T-334/03, Ġabra p. II-65, punt 28].

24

Għal dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ l-espressjoni “vom ursprung her vollkommen”, jirriżulta mill-punti 34 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-UASI fir-risposta tiegħu u fis-seduta li dan is-sinjal jesprimi b’mod direttament perċepibbli li l-prodotti li huwa jindika huma perfetti mill-oriġini, jiġifieri mit-tluq, u li, konsegwentment, mhemmx bħalhom, huma impekkabbli u ma jeħtieġu l-ebda trattament jew ebda titjib. B’hekk, is-slogan isostni b’mod ċar li l-kwalità għolja tal-prodott huwa bbażat fuq il-kwalità tal-prodott ta’ oriġini. Fil-fatt, l-UASI kkunsidra li, f’dan is-slogan, in-nom “ursprung” jirreferi għas-sors, għall-oriġini, filwaqt li l-aġġettiv “vollkommen” jindika l-perfezzjoni, jiġifieri ta’ l-ogħla kwalità.

25

Fir-rigward tat-tip ta’ rabta li teżisti bejn is-slogan u l-prodotti kkonċernati, il-Bord ta’ l-Appell jikkunsidra li x-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku li huwa jkopri kif ukoll is-sustanzi bażiċi u l-preparazzjonijiet intiżi sabiex jagħmluhom għandhom kwalità li jkunu perfetti mill-oriġini, jiġifieri mis-sors jew mill-post ta’ oriġini.

26

Meta jiġi kkunsidrat is-sinjal stess, il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-mod kif dan is-sinjal jinftihem mill-pubbliku rilevanti, l-evalwazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirriżulta eżatta.

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-karattru inabitwali tat-tgħaqqid tal-kliem in kwistjoni, muri b’mod partikolari mill-fatt li mutur ta’ tfittxija fuq l-Internet ma jsib l-ebda sejba ta’ l-espressjoni “vom ursprung her vollkommen”, hija ma tistax taffettwa din l-evalwazzjoni.

28

Fil-fatt, minn naħa, dan is-slogan huwa grammatikalment korrett u ma jammontax għal tgħaqqid ta’ kliem inabitwali jew li jiġbed l-attenzjoni fil-lingwa Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex tiġi rrifjutata reġistrazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhux neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jagħmlu t-trade mark previsti f’dan l-artikolu jkunu effettivament użati fil-mument ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal skopijiet deskrittivi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom l-applikazzjoni hija ppreżentata jew tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa suffiċjenti, hekk kif jindikaw l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet jistgħu jkunu użati għal fini bħal dawn (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 97, u UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Telefon & Buch vs UASI, C-326/01 P, Ġabra p. I-1371, punt 28).

29

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ obbligu tad-disponibbiltà fir-rigward ta’ l-espressjoni “vom ursprung her vollkommen” peress li dan it-tgħaqqid ta’ kliem ma jkunx abitwali sabiex jindika xorb.

30

Madankollu, huwa importanti li jingħad li l-kliem importanti li jagħmlu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni diġà intużaw fi slogans għal xarbiet. L-UASI jirreferi f’dan ir-rigward għall-eżempji segwenti: “vollkommener genuß” ta’ Efes Pilsener, “gerolsteiner. einfach vollkommen” ta’ Gerolsteiner, “in jeder weise vollkommen” ta’ Jacobs Kaffee, “ursprung des biers” ta’ Weihenstephan kif ukoll, “so gesund wie sein ursprung” ta’ Volvic. Il-fatt li l-ebda eżempju ta’ slogan li jixbah iż-żewġ kelmiet importanti li jagħmlu s-sinjal kontenzjuż ma seta’ jissemma huwa bla effett fuq il-konklużjoni ta’ l-UASI fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ obbligu ta’ disponibbiltà. Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, li huwa suffiċjenti li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet jistgħu jintużaw għal finijiet deskrittivi.

31

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠUL 40, 1989, p. 1), fejn il-kliem huwa identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ disponibbiltà konkreta, attwali u serja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 35; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963, punt 27]. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 7(1)(ċ) jeħtieġ biss li jiġi eżaminat, fuq il-bażi tat-tifsira rilevanti tas-sinjal verbali in kwistjoni, jekk jeżistix, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, rapport suffiċjentement dirett u konkret bejn is-sinjal u l-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs UASI (LIMO), T-311/02, Ġabra p. II-2957, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

32

Fit-tielet lok, hija nieqsa minn rilevanza l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li kemm l-espressjoni kollha kemm hi kif ukoll l-elementi li jiffurmawha huma ambigwi, suġġetti għall-interpretazzjoni, li jistgħu jinftehmu f’bosta modi u b’hekk m’għandhomx tifsira ċara u stabbilita. Fil-fatt, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prodotti u s-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba, it-tifsira mogħtija mill-Bord ta’ l-Appell tirriżulta korretta. Madankollu, hemm lok li jiġi mfakkar, minn naħa, li, sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huwa suffiċjenti li sinjal verbali, jew għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ trade mark verbali kompost, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni t-tifsira rilevanti ta’ din, stabbilita abbażi ta’ l-elementi kollha li jiffurmaw din l-aħħar imsemmija, u mhux fuq dik ta’ wieħed biss minn dawn l-elementi.

33

F’dan ir-rigward, filwaqt li l-kelma “ursprung” jista’ jkollha numru ta’ tifsiriet, hija għandha tifsira ċara fil-kuntest tas-slogan, jiġifieri dik ta’ “sors” jew ta’ “oriġini”. Bl-istess mod, jekk il-kelma “vollkommen” tista’ tinqara kemm bħala aġġettiv kif ukoll bħala avverbju, ma jirriżultax li tista’ tkun mifhuma mod ieħor ħlief bħala aġġettiv fil-kuntest ta’ slogan. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-espressjoni hija, kollha kemm hi, ambigwa hija bbażata biss fuq id-deskrizzjoni tat-tifsiriet possibbli ta’ l-elementi distinti li jiffurmawha.

34

F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni semantika tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mwettqa mill-UASI hija kkonfermata mir-riżultat ta’ tfittxija fuq l-Internet magħmula mir-rikorrenti u li din ta’ l-aħħar użat fil-kuntest tat-tieni argument tagħha. Il-frażi “wasser muss vom ursprung her vollkommen sein” (l-ilma għandu jkun perfett mill-oriġini) ġejja minn sit ta’ l-Internet dwar prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti stess. L-espressjoni konsegwentement bl-ebda mod ma tidher ekwivoka.

35

Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li s-slogan m’għandux sens f’moħħ il-konsumatur ikkonċernat, peress li ma jeżistux ilma, birra, luminata jew meraq tal-frott perfett mill-oriġini tiegħu, billi dawn il-prodotti differenti jridu jgħaddu neċessarjament minn proċessi differenti ta’ filtrazzjoni, purifikazzjoni, trattament mikrobiologiku u ta’ karbonazzjoni, jew inkella fermentazzjoni, qabel ma jiġu bbottiljati. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-kwistjoni dwar jekk it-tifsira tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhiex sens tekniku mhijiex rilevanti.

36

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-kontenut kunċettwali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippreżenta referenza suffiċjentement diretta u konkreta għall-karatteristiċi tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33.

37

Fil-fatt, is-slogan jirreferi b’mod ċar għall-purezza u l-perfezzjoni tas-sustanzi bażiċi tax-xorb, u b’mod partikolari dak ta’ l-ilma użat. Issa, il-purezza u l-perfezzjoni tas-sustanzi bażiċi għandhom importanza partikolari għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 32 u 33. Fir-rigward ta’ l-ilma minerali, il-perfezzjoni originali ta’ l-ilma ta’ sors użat huwa fattur deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-kwalità tax-xarba, kemm fil-livell tat-togħma kif ukoll f’dak tas-saħħa. Għall-meraq tal-frott, birrer u xorb ieħor alkoħoliku, l-oriġini tas-sustanzi tagħhom ta’ bażi hija wkoll fattur ta’ importanza kbira sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ dawn il-prodotti.

38

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-kliem, fihom infushom jew flimkien, jirreferu direttament jew b’mod ċar għall-karatteristiċi tal-prodotti previsti u li, b’hekk, ir-rikorrenti tafferma b’mod żbaljat li s-sinjal jirreferi l-aktar għal perċezzjoni jew sentiment pożittiv ġenerali ħafna.

39

Għandu jingħad li huwa raġonevoli li jingħad li l-purezza u l-perfezzjoni oriġinali tas-sustanzi bażiċi tax-xorb huma karatteristiċi li jiġu kkunsidrati mill-konsumatur ikkonċernat fl-għażla tiegħu.

40

Għalhekk, teżisti, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn it-tgħaqqid tal-kliem ikkonċernat u l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Bord ta’ l-Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-karattru deskrittiv tagħha.

42

Jirriżulta li l-ewwel argument, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi miċħud.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sew, huwa suffiċjenti li japplika wieħed mill-motivi assoluti ta’ rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Community Concepts vs UASI (Investorworld),T-360/99, Ġabra p. II-3545, punt 26; tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 30; ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 36, u LIMO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49].

44

Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba dan il-fatt, nieqsa neċessarjament minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess regolament [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T-367/02 sa T-369/02, Ġabra p. II-47, punt 46, u ta’ l-10 ta’ Ottubru 2006, PTV vs UASI (map&guide), T-302/03, Ġabra p. II-4039, punti 33 u 34; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punt 19].

45

Konsegwentement, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

46

Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI f’dan is-sens.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

RheinfelsQuellen H. Hövelmann GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Cooke

Labucka

Prek

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

Reġistratur

J. D. Cooke

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.