QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

Fil-Kawża C-525/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Hasselt (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċeduri

De Nationale Loterij NV

vs

Customer Service Agency BVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża ta’ De Nationale Loterij NV (iktar ’il quddiem “Nationale Loterij”) kontra Customer Service Agency BVBA, intiża, min-naħa waħda, sabiex jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar, li jikkonsistu fir-reklutaġġ ta’ persuni sabiex jipparteċipaw kollettivament jew individwalment fil-Euro Millions, tip ta’ lottu organizzat fuq skala Ewropea, jikkostitwixxu ksur tal-prattiki kummerċjali onesti u jiksru l-monopolju legali mogħti lil Nationale Loterij f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ lotteriji pubbliċi u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ordnat il-waqfien immedjat tal-imsemmija attivitajiet.

3

Ir-rechtbank van koophandel te Hasselt, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-liġi Belġjana dwar il-logħob tal-azzard li ġiet mitluba tapplika, b’mod partikolari, il-liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-operat u tat-tmexxija tal-Lotterija Nazzjonali (Wet tot rationalisering van de werking en het beheer van de Nationale Loterij), tad-19 ta’ April 2002 (Belgisch Staatsblad, , p. 18828), u peress li tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kompatibbiltà tal-monopolju legali tan-Nationale Loterij għall-organizzazzjoni tal-lotteriji pubbliċi mal-Artikolu 49 KE, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, minkejja li huma restrittivi, dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, bħall-Artikolu 37 tal-Liġi tad-19 ta’ April 2002, li għandhom l-effett li jostakolaw impriża milli taċċedi għas-suq tal-bejgħ bi qligħ ta’ formoli għal parteċipazzjoni fi gruppi fil-Euro Millions, huma xorta waħda ġustifikati abbażi tal-interess ġenerali (sabiex jiġi evitat it-tberbiq permezz tal-logħob) meta huwa magħruf li:

a)

in-Nationale Loterij, li ngħatat monopolju mill-Istat Belġjan, u li għalih hija tħallas renta ta’ monopolju, u li għandha l-għan li tikkontrolla l-passjoni istintiva għal-logħob fil-bniedem, tirreklama regolarment il-parteċipazzjoni fil-Euro Millions, biex b’hekk tinstiga l-passjoni għal-logħob;

b)

il-kampanji ta’ reklamar tan-Nationale Loterij, kif ukoll il-metodi tal-bejgħ tagħha, għandhom l-effett li jkabbru s-suq, li juru b’mod suffiċjenti l-għan tagħha li tkabbar il-profitt (raġunijiet finanzjarji) u mhux li tikkontrolla l-passjoni istintiva għal-logħob fiċ-ċittadin;

ċ)

miżuri inqas restrittivi, bħal-limitazzjoni tal-flus milgħuba jew tar-rebħ, huma ta’ natura li bihom jista’ jintlaħaq aħjar l-għan imfittex, jiġifieri, li tiġi kkontrollata l-passjoni għal-logħob?

2)

Dispożizzjoni restrittiva tal-liġi nazzjonali, bħall-Artikolu 37 tal-Liġi tad-19 ta’ April 2002, li għandha l-effett li tostakola impriża milli taċċedi għas-suq tal-bejgħ bi qligħ ta’ formoli għal parteċipazzjoni fi gruppi fil-Euro Millions, tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE) peress li huwa mifhum li l-konvenuta ma torganizzax lotterija hija stess, iżda torganizza biss, bi qligħ, il-parteċipazzjoni fi gruppi fil-Euro Millions permezz ta’ formoli ta’ parteċipazzjoni adattati għan-Nationale Loterij?”

4

Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bil-kawża, in-Nationale Loterij appellat mid-deċiżjoni tar-rinviju quddiem il-hof van beroep te Antwerpen.

5

Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, din il-qorti tal-appell bidlet id-deċiżjoni tar-rinviju u kkundannat lil Customer Service Agency BVBA minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-liġi nazzjonali, sabiex twaqqaf l-attivitajiet tagħha taħt piena ta’ multa ta’ EUR 5000 għal kull ksur ikkonstatat. Fis-sentenza tagħha, il-hof van beroep te Antwerpen ikkunsidrat li l-qorti tal-ewwel istanza kienet ġustament qajmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali mal-Artikolu 49 KE. Madankollu, hija kkunsidrat li r-risposta għal din id-domanda kienet ċara u li għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Wara eżami tal-liġi nazzjonali fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031), hija ddeċidiet li din il-liġi kienet kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

6

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward ta’ qorti li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, l-Artikolu 234 KE ma jipprekludix lid-deċiżjonijiet ta’ qorti li tirrinvija domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja milli jibqgħu suġġetti għal rimedju normali pprovdut mil-liġi nazzjonali (sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 146/73, Ġabra p. 139, punt 3, u tas-, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 89).

7

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 234 KE mogħtija fil-punt 98 tas-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali. Fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza Cartesio, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li titlob rinviju għal deċiżjoni preliminari, ikkaratterizzati mill-fatt li l-integralità tal-kawża prinċipali tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tkun biss id-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tkun suġġetta għal appell limitat. Fl-istess punt 98, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza li din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE tagħti lil kull qorti nazzjonali sabiex tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-applikazzjoni ta’ tali regoli, li jippermettu lill-qorti li qed tiddeċiedi fl-appell li tbiddel id-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tirrendi inoperattiv dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li tordna lill-qorti tar-rinviju sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi. Tali interpretazzjoni mhijiex trasponibbli fil-kawża prinċipali, peress li l-kawża m’għadhiex pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

8

Fil-fatt, il-hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet hija stess il-kwistjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, biex b’hekk assumiet ir-responsabbiltà li tiżgura l-osservanza tad-dritt Komunitarju.

9

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li m’għadx hemm kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

10

Peress li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mhijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 28), m’għadhiex għaldaqstant meħtieġa risposta għad-domandi mressqa.

11

Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ rtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju, li bħala regola, għandha tadotta l-konsegwenzi li jirriżultaw minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, sabiex tikkonkludi jekk huwiex meħtieġ jew le li tinżamm it-talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tiġi emendata jew li tiġi rtirata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96), f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li m’hemmx lok li tingħata risposta għall-imsemmija talba.

12

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tordna:

 

M’hemmx lok li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-525/06.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.