Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Appell — Dumping — Importazzjonijiet ta’ CD għall-irrekordjar li joriġinaw mill-Indja — Regolament (KE) Nru 960/2003 — Kalkolu tal-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens — Determinazzjoni tad-dannu — Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 2026/97”

Fil-Kawża C-535/06 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2006,

Moser Baer India Ltd, stabbilita f’New Delhi (l-Indja), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, dikigoros, u R. MacLean, solicitor,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Committee of European CD-R and DVD+/-R Manufacturers (CECMA), li kienet Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), stabbilita f’Kolonja (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Moser Baer India Ltd titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill (T-300/03, Ġabra p. II-3911, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003, tat-2 ta’ Ġunju 2003, li jimponi taxxi kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 250, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan japplika għall-appellanti.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), jirregola l-proċeduri kontra s-sussidji.

3

L-Artikolu 5 tar-regolament bażiku jiddisponi:

“Kalkolu ta’ l-ammont ta’ sussidju [suġġett għal miżuri] ta’ kumpens

L-ammont ta’ sussidji [suġġetti għal miżuri] ta’ kumpens, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kalkulati fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dwar is-sussidjar. […]”

4

L-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament bażiku, li fih dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-kalkolu msemmi, jipprovdi:

“Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut ma’ l-akkwist jew l-akkwist futuri ta’ assi fissi, l-ammont ta’ sussidju [suġġett għal miżuri] ta’ kumpens għandu jkun kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn l-assi fl-industrija konċernata. […]”

5

L-Artikolu 8 tar-regolament bażiku jgħid:

“Determinazzjoni tal-ħsara

[…]

2.   Id-deċisjoni ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq xiehda pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta’:

a)

il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili;

u

b)

l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata, għandha tingħata konsiderazzjoni għal jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjoni sussidjata, sew f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew konsum fil-Komunità. F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet, għandu jiġi meqjus jekk kienx hemm traqqis sinifikanti li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz ta’ l-importazzjoni sussidjata kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija tal-Komunità, jew jekk l-effett ta’ din l-importazzjoni jkunx li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet b’mod sinifikanti jew jipprevjeni ż-żjieda fil-prezz illi kieku kienet isseħħ, sa livel sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida definittiva.

[…]

5.   L-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew iddampjar tal-passat, il-kobor ta’ l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, profitti, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jeffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jiġi akkwistat kapital jew investimenti u, fil-każ ta’ l-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ għajnuna. Din il-lista m’hijiex eżawrenti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mix-xiehda relevanti preżentata f’relazzjoni mal-paragrafu 2, li l-importazzjoni sussidjata qed toħloq ħsara skond id-definizjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati bis-saħħa tal-paragrafu 3 huma responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Komunità kif huwa stabbilit fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sal-grad li jġiegħel li tkun klassifikata bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjoni sussidjata[, li jkunu qedin jgħamlu] ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi ma tkunx attribwita għall-importazzjoni sussidjata skond il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jkunu kunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni li ma tkunx sussidjata, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, prattiċi tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ l-esportazjoni u l-produttività ta’ l-industrija tal-Komunità.

[…]”

6

Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku, l-ammont tad-dazju ta’ kumpens ma għandux jeċċedi l-ammont stabbilit ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta’ kumpens u għandu jkun inqas jekk dan l-ammont inferjuri jkun adegwat sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

7

L-Artikolu 28 tar-regolament bażiku jipoprovdi:

“Nuqqas ta’ koperazzjoni

1.   Fil-każijiet fejn parti interessata tiċħad id-dħul għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien skond id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tostakola b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, fil-pożittiv jew fin-negattiv, jistgħu jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha tiġi mwarrba u għandu jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu mwissija bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3.   Meta l-informazzjoni mogħtija minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta m’għandhiex tiġi mwarrba, kemm-il darba n-nuqqasijiet ma jkunux tali li joħolqu diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għas-sejba raġonevolment eżatta u li l-informazzjoni tkun sottomessa fi żmien tajjeb u tkun tista’ tiġi verifikata, u li l-parti tkun imxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.

4.   Jekk ix-xiehda jew l-informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tkun forniet dawn għandha tiġi mgħarrfa immedjatament bir-raġunijiet u għandha tingħata opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjoni fil-limitu taż-żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jitqiesux li huma sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ din ix-xiehda jew l-informazzjoni għandhom isiru magħrufa u jingħataw fil-pubblikazzjoni tas-sejbiet.

5.   Jekk id-deċiżjonijiet, inklużi dawk dwar l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, ikunu bbażati fuq id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, għandu, fejn ikun prattikabbli u b’konsiderazzjoni għal-limiti taż-żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu verifikati b’riferiment għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal ma huma listi ta’ prezzijiet pubblikati, statistika uffiċjali ta’ l-importazzjoni u prospetti doganali, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikkopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif ġej fil-punti 8 sa 14 tas-sentenza appellata:

“8

Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fl-Indja, u tipproduċi diversi forom ta’ medja ta’ ħżin (storage media) u b’mod partikolari compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati (iktar ’il quddiem is-“CD-Rs”).

9

Fis-17 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], wara lment imressaq mill-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), tat bidu għal investigazzjoni kontra s-sussidju fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 116, p. 4).

10

B’ittra tal-4 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-punti fattwali kollha u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien maħsub li jiġi propost l-iffissar tat-taxxi kumpensatorji definittivi. Is-sussidju kkonstatat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti f’eżenzjoni mid-dazji tad-dwana fuq l-oġġetti kapitali importati mir-rikorrenti. Fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, dan ġie mifrux, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq perijodu ta’ tliet snin. Id-dikjarazzjoni kienet tipprovdi l-impożizzjoni ta’ taxxa kumpensatorja ta’ 10%.

11

B’żewġ ittri tad-19 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti wieġbet għall-imsemmija dikjarazzjoni billi kkontestat, minn naħa, il-metodu użat għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza u l-kawżi tad-dannu.

12

B’żewġ ittri tad-9 ta’ April 2003, il-Kummissjoni, minn naħa, irrifjutat l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali u, min-naħa l-oħra, bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni addizzjonali li tinkludi kalkolu ġdid tal-ammont tas-sussidju, li fih is-sussidju ġie mifrux fuq perijodu ta’ 4.2 snin. Id-dikjarazzjoni addizzjonali kienet tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ taxxa kumpensatorja ta’ 7,3%.

13

B’ittra tal-14 ta’ April 2003, ir-rikorrenti kkontestat il-kalkolu l-ġdid tal-ammont tas-sussidju. Il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, b’ittra tal-5 ta’ Mejju 2003, spjegazzjonijiet supplimentari dwar dan il-kalkolu. Ir-rikorrenti wieġbet din l-ittra, fid-9 ta’ Mejju 2003, billi ressqet osservazzjonijiet supplimentari.

14

Fuq proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] adotta r-Regolament [kontenzjuż]. Dan ir-Regolament kien jimponi taxxa kumpensatorja definittiva ta’ 7.3% fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Awwissu 2003, l-appellanti talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż billi qajmet ħames motivi, li jikkonċernaw, minn naħa, id-determinazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi importati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali.

10

Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

11

Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April 2005, il-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), li saret il-Committee of European CD-R and DVD+/-R Manufacturers (CECMA), tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

12

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-CECMA, talab sabiex l-appell jiġi miċħud u sabiex l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

13

Fil-punti 27 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 5, 7(3) u 11(1) tar-regolament bażiku, u fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi. Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet li jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-elementi li jirrigwardaw il-perijodu ta’ deprezzament u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-assi, fejn it-tieni parti nnifisha kienet maqsuma f’ħames ilmenti li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija ta’ forom, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-profitabbiltà u tal-investimenti tar-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ deprezzament digressiv u n-natura allegatament arbitrarja tal-kalkoli.

14

B’mod partikolari, fil-punti 73 sa 79 tas-sentenza appellata, fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti, li tikkostitwixxi t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat dan li ġej:

“73

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom ma tikkonċernax l-assi kollha in kwistjoni, fatt li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejh b’ittra tal-14 ta’ April 2003.

74

Il-Kunsill iwieġeb għal din l-allegazzjoni li l-informazzjoni mogħtija in sostenn tagħha mhijiex koerenti ma’ elementi oħra miksuba matul l-investigazzjoni u li, għaldaqstant, l-imsemmija allegazzjoni ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni.

75

Mill-elementi ppreżentati mill-partijiet b’risposta għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li r-rikorrenti rreferiet għall-informazzjoni li tirriżulta mill-prospett tat-taxxa tagħha għall-perijodu ta’ investigazzjoni, sabiex issostni l-allegazzjoni in kwistjoni. Huwa paċifiku li l-valur tal-assi rreġistrati f’din id-dikjarazzjoni ma jaqbilx mal-valur tagħhom ikkunsidrat għall-kalkolu tas-sussidju. Il-Kunsill jindika li l-istituzzjonijiet ma kinux f’pożizzjoni, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi biss, li jqabblu l-allegazzjoni in kwistjoni ma’ l-informazzjoni l-oħra vverifikata fil-kuntest tal-investigazzjoni.

76

Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza fil-valuri li tirriżulta minn dan, li tista’ tiġi spjegata biż-żieda tal-ispejjeż ta’ trasport u ta’ installazzjoni, ma kinitx tipprekludi lill-istituzzjonijiet Komunitarji milli josservaw li l-bidla fil-klassifikazzjoni ma tikkonċernax l-assi importati kollha.

77

F’dan ir-rigward, il-Kunsill speċifika li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jikkalkulaw il-valur eżatt tal-assi kklassifikati fil-kategorija tal-forom, għaliex, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx spjegat il-kriterji tal-klassifikazzjoni tal-assi tagħha fil-prospett tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ipprovdiet il-lista sħiħa u li tista’ tiġi vverifikata ta’ dawn l-assi. Fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jivverifikaw il-figuri ppreżentati mir-rikorrenti sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha.

78

Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar indikazzjonijiet, li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jitqies li din ma ppreżentatx lill-istituzzjonijiet Komunitarji elementi li kienu jippermettulhom jivverifikaw l-eżattezza tal-allegazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-parti tal-assi kkonċernata li ma ġietx ikklassifikata fil-kategorija tal-forom. Għaldaqstant, hija ma tistax, b’din is-sempliċi allegazzjoni, tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula fir-Regolament [kontenzjuż].

79

Għaldaqstant, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jikser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, iqis li l-assi in kwistjoni, ikklassifikati bħala forom għall-finijiet ta’ tassazzjoni, kellhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala tali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament tagħhom mill-perspettiva tal-kontabbiltà u li, għaldaqstant, ma kienx xieraq li din l-evalwazzjoni tiġi bbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.”

15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 8(2) u (6) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-eżami tal-elementi relatati mad-determinazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali.

16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 193 sa 196 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-ħażniet:

“193

Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-ħażniet tal-industrija Komunitarja hija manifestament żbaljata. Hija ma tikkontestax iċ-ċifri relatata magħha, li jinsabu fil-[Premessa tmenin] tar-Regolament [kontenzjuż]. Hija tosserva madankollu li l-Kunsill ma setax jikkonkludi fil-[Premessa mija u tlieta] tar-Regolament [kontenzjuż], fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li l-indikatur tal-ħażniet mar sew għall-agħar matul il-perijodu kkunsidrat.

194

Għandu jitfakkar li l-perijodu kkunsidrat f’dan il-każ huwa mifrux mis-sena 1998 sat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Mid-data mhux ikkontestata mir-rikorrenti jirriżulta li, matul dan il-perijodu kollu, il-ħażniet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’mod sinjifikattiv.

195

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li t-titjib tal-indikatur relativ għall-ħażniet mogħti f’perċentwali ta’ produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jaqleb it-tendenza negattiva kkonstatata matul il-perijodu kollu kkunsidrat. Effettivament, mil-[Premessa tmenin] tar-Regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-livell tal-ħażniet baqa’ għoli matul il-perijodu kollu kkunsidrat, u żdied f’termini assoluti lejn it-tmiem tas-sena 2001, li jikkoinċidi għalhekk maż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, u li jirrappreżenta, f’termini relattivi, livell għoli, ta’ 15%, tal-produzzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

196

Għaldaqstant dan l-ilment mhuwiex fondat.”

17

Fil-punti 201 sa 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet:

“201

L-evalwazzjoni tal-livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet tikkostitwixxi, f’dan il-każ, il-fattur ewlieni li fuqu hija bbażata l-konklużjoni ta’ tnaqqis taħt il-prezz (undercutting) tal-prezzijiet Komunitarji u, b’hekk, tal-eżistenza ta’ ħsara. L-istituzzjonijiet Komunitarji analizzaw dan l-indikatur, fil-[Premessi tmienja u ħamsin sa erbgħa u sittin] tar-Regolament [kontenzjuż], fuq il-bażi tad-data ta’ Eurostat, kif ukoll fuq dik taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti.

202

Rigward id-data ta’ Eurostat, l-istituzzjonijiet ikkonkludew, prinċipalment, li kien hemm tnaqqis importanti fil-prezz, ta’ 59%, bejn is-sena 2000 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni tal-informazzjoni relatata mas-sena 2000, billi tgħid li l-importazzjonijiet kienu għadhom mhumiex sinjifikattivi. Issa, dan l-argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 170 sa 175 iktar ‘il fuq.

203

Rigward l-analiżi taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li hija wasslet għal riżultati komparabbli ħafna ma’ dawk ibbażati fuq l-informazzjoni ta’ Eurostat, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 54%. Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-preżentazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri mhijiex eżatta.

204

Mil-lista li tinsab [fit-tnejn u sittin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-perċentwali ta’ 54% hija relatata ma’ l-iżvilupp tal-prezzijiet bejn iż-żewġ snin finanzjarji tar-rikorrenti. Anki jekk jitqies li [t-tlieta u sittin premessa] mhijiex preċiża biżżejjed meta tindika li din il-perċentwali tirrigwarda l-iżvilupp bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, din l-impreċiżjoni madankollu ma tikkostitwixxix żball. Mil-lista li tiġi qabel il-premessa in kwistjoni jirriżulta b’mod ċar li huwa żvilupp bejn is-sena finanzjarja 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li ċ-ċifri li hija kienet ipprovdiet ġew ippreżentati b’mod mhux eżatt.

205

Minbarra dan, anki li kieku l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti hija relatata mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ April 1999, filwaqt li l-informazzjoni ta’ Eurostat tirrigwarda l-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000, dan il-fatt waħdieni ma jimplikax li l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li ċ-ċifri ta’ Eurostat u dawk tar-rikorrenti juri tendenzi li jaqblu bejniethom, ssir ineżatta. Issa, ir-rikorrenti ma tindikax li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ data oħra ta’ tluq għall-informazzjoni tagħha setgħet twassal għal konklużjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

206

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żball ta’ fatt jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

207

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.”

18

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 260 sa 279 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(6) u (7) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-eżami tal-effetti ta’ mġiba antikompetittiva ta’ proprjetarju ta’ privattiva billi kkunsidrat dan li ġej:

“260

Skond ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi determinata l-ħsara, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk il-ħsara li huma bi ħsiebhom jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet mixtrija bi prezz baxx jew issussidjati u għandhom jeskludu kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra, u b’mod partikolari dik ikkawżata minn aġir antikompetittiv li jinvolvi l-produtturi Komunitarji (is-sentenzi [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992,] Extramet Industrie vs Il-Kunsill, [C-358/89, Ġabra p. I-3813], punt 16, u [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001,] Mukand et vs Il-Kunsill, [T-58/99, Ġabra p. II-2521], punti 39 u 40).

261

F’dan il-każ, mill-inkartament jirriżulta li l-industrija Komunitarja li qiegħda tilmenta sostniet, f’nota tas-7 ta’ Jannar 2003, li kumpannija proprjetarja ta’ privattivi għas-CD-Rs kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta tiċċarġja drittijiet eċċessivi u li produttur Ewropew kien irtira mis-suq wara kwistjoni ma’ din il-kumpannija. L-industrija għamlet din l-osservazzjoni sabiex tirribatti l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l-ammont ta’ sostenn għall-ilment, fis-sens tal-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku, kien niżel taħt il-livell mitlub għat-tkomplija tal-proċedura. Ir-rikorrenti għamlet l-istess osservazzjoni, matul l-investigazzjoni, billi sostniet li l-effetti tal-aġir antikompetittiv allegat, li jikkonsisti fl-iffissar ta’ drittijiet eċċessivi, kienu jikkostitwixxu fattur li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ħsara.

262

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jeżamina dan il-fattur, billi llimita ruħu għal konstatazzjoni, fil-premessa 135 tar-Regolament ikkontestat, li l-allegazzjoni in kwistjoni ma ġietx ikkonfermata minn ebda deċiżjoni formali li tirriżulta minn investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

263

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li mill-[mija u ħamsa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż] ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji effettivament eżaminaw il-kwistjoni jekk il-ħsara kkunsidrata kinitx tirriżulta mill-aġir antikompetittiv allegat.

264

Għaldaqstant, għalkemm din il-premessa mhijiex biżżejjed sabiex teskludi l-effetti tal-fattur invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni jekk il-Kunsill naqasx milli jieħu in kunsiderazzjoni l-imsemmija effetti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-raġunament kollu adottat fil-kuntest tar-Regolament [kontenzjuż] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995,] Koyo Seiko vs Il-Kunsill, [T-166/94, Ġabra p. II-2129], punt 79).

265

Issa, il-Kunsill isostni li huwa ħa in kunsiderazzjoni dan il-fattur fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż]. Mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kunsill eżamina, b’mod ġenerali, l-effetti tal-ħlas tad-drittijiet li jirriżultaw mill-privattivi, billi kkonstata li dan il-fattur ma kienx tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni. Il-Kunsill isostni li, b’din il-konstatazzjoni, huwa wieġeb ukoll għall-allegazzjoni li dawn id-drittijiet kienu eċċessivi u kienu jikkostitwixxu aġir anti-kompetittiv.

266

F’dan ir-rigward, minkejja li l-[mija u erbgħa u tletin u l-mija u ħamsa u tletin premessa] jinsabu taħt sottotitoli differenti, jiġifieri “Drittijiet” u “Fatturi oħra”, mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li t-tnejn jikkonċernaw l-istess element tal-inkartament rigward il-ħlas ta’ drittijiet. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ premessi jsegwu waħda lill-oħra, b’tali mod li l-istruttura tar-Regolament [kontenzjuż] titlob li jinqraw flimkien.

267

Għaldaqstant, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kunsill eskludiex il-ħsara eventwali li tirriżulta mill-aġir antikompetittiv invokat mir-rikorrenti.

268

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-imsemmija konstatazzjonijiet, billi ssostni li l-istituzzjonijiet kien imisshom evalwaw l-effetti tad-drittijiet b’mod preċiż sabiex jikkonkludu li, anki fin-nuqqas ta’ drittijiet eċċessivi, l-industrija Komunitarja batiet ħsara.

269

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sabiex jiġu esklużi l-effetti li jirriżultaw minn fattur estern, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk l-imsemmija effetti kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet in kwistjoni u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja […]. Issa, dan l-eżami ma jimplikax neċessarjament determinazzjoni tal-effetti preċiżi tal-fattur in kwistjoni. Huwa biżżejjed li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, fin-nuqqas ta’ tali fattur estern, il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet in kwistjoni kienet kunsiderevoli.

270

F’dan il-każ, il-Kunsill osserva li l-importazzjonijiet Indjani kienu kkawżaw ħsara kunsiderevoli lill-industrija Komunitarja, li tirriżulta b’mod partikolari minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet Komunitarji. Huwa spjega li, anki li kieku d-drittijiet kellhom influwenza negattiva fuq il-profitti tal-industrija Komunitarja, dan il-fattur, li jaffettwa l-produtturi kollha tas-suq, kien diġà preżenti fl-1999, qabel ma l-importazzjonijiet kienu saru numerużi. L-iżvilupp negattiv tas-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji mis-sena 1999 ma jistax għaldaqstant jiġi attribwit għal dan il-fattur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma kienx irraġonevoli li l-Kunsill qies li l-ħlas ta’ drittijiet ma setax ikollu influwenza fuq il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet issussidjati.

271

Il-Kunsill jafferma, ġustament, li l-eżami tal-kwistjoni jekk id-drittijiet kinux eċċessivi minħabba aġir antikompetittiv ta’ proprjetarju ta’ privattivi ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għal kontestazzjoni tal-konklużjoni tiegħu msemmija fil-punt iktar ’il fuq.

272

Għandu jiġi osservat ukoll li, b’differenza għas-sitwazzjonijiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Extramet [Industrie vs Il-Kunsill] u Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitati iktar ’il fuq, il-prassi anti-kompetittiva allegata hawnhekk mhijiex attribwibbli għall-aġir tal-produtturi Komunitarji. Sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan il-fattur f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux għaldaqstant marbuta li jeżaminaw jekk l-industrija Komunitarja kinitx hija nfisha kkontribwiet għall-ħsara subita.

273

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, billi tinvoka s-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ħsara, iddeterminata minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet, ma ġietx evalwata korrettament, jekk il-prezzijiet Komunitarji kienu artifiċjalment għolja minħabba d-drittijiet eċċessivi.

274

Għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw aġir li jaffettwa l-prezzijiet Komunitarji, iżda mhux dawk tal-importazzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ikkonstata li d-drittijiet in kwistjoni kellhom jitħallsu mill-produtturi kollha, inkluża r-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kkonstestatx dan il-fatt.

275

B’hekk, il-Kunsill seta’ jqis, fil-[mija u erbgħa u tletin premessa] tar-Regolament [kontenzjuż], li l-fattur estern in kwistjoni ma setax jispjega d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet Indjani u li, għaldaqstant, ma kellux influwenza fuq l-elementi meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-livell ta’ tnaqqis taħt il-prezz. Anki li kieku d-drittijiet kienu eċċessivi minħabba aġir anti-kompetittiv, dan il-fattur ma jistax jaffettwa din l-evalwazzjoni.

276

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien naqas milli jeskludi, fl-evalwazzjoni tal-ħsara, l-effetti li jirriżultaw minn allegat aġir anti-kompetittiv.

277

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-punt ta’ fatt prodott mir-rikorrenti fir-replika tagħha, jiġifieri l-komunikat stampa tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Awwissu 2003, li jirreferi għal investigazzjoni relativa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE għal ftehim standard rigward il-privattivi għal ċerti tipi ta’ CDs. Effettivament, mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li dan l-element ġie ppreżentat sabiex issostni t-teżi tagħha li l-fattur in kwistjoni kien magħruf mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Min-naħa l-oħra, hija ma spjegatx kif l-imsemmi komunikat seta’ jsostni l-argument li dan il-fattur kien tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni.

278

Għaldaqstant, il-ħames motiv ma jistax jintlaqa’.

279

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula sussidjarjament mill-Kunsill.”

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

20

Permezz tal-appell tagħha, Moser Baer India Ltd titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet tagħha fl-ewwel istanza, jiġifieri li tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn dan japplika fil-konfront tagħha, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza.

21

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata li tinsab fil-punti 73 sa 79 tagħha, fit-tieni lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-aspetti tal-investigazzjoni relatati mad-dannu, imsemmija fil-punti 193 sa 196 u 201 sa 206 tas-sentenza appellata, u, fit-tielet lok, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-attribuzzjoni tad-dannu lil fatturi oħrajn fis-sens tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-konstatazzjoni, fil-punti 260 sa 278 tas-sentenza appellata, tal-eżistenza ta’ dannu.

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

23

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill informa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1293/2007, tat-30 ta’ Ottubru 2007, li tirrevoka d-dazji ta’ antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw fit-Tajwan u li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom kif ukoll li jirrevoka d-dazji kumpensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja, li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom u li jtemm il-proċediment li jirrigwardahom (ĠU L 288, p. 17). Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1293/2007, il-Kunsill isostni li m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’din il-kawża.

24

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqajjem ex officio n-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ parti biex din tippreżenta jew tkompli appell, minħabba fatt li seħħ wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jkun tali li jneħħi n-natura dannuża tagħha għall-appellant, kif ukoll li tiddikjara l-appell inammissibbli jew mingħajr skop minħabba din ir-raġuni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ appellant tippresupponi li l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, joħloq benefiċċju lil min iressqu (ara sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 13, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 48).

25

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi osservat li l-interess ġuridiku tal-appellanti sabiex tikseb l-annullament tas-sentenza appellata u, indirettament, tar-regolament kontenzjuż ma jistax jiġi miċħud minħabba li din tal-aħħar ma tipproduċix effetti fil-futur. Fil-fatt, dan l-annullament jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali, b’mod partikolari billi jiġi evitat li tiġġedded prattika irregolari min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21).

26

Qabel kollox, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-regolament kontenzjuż ma ġiex kollu kemm hu rrevokat u jkompli japplika għad-dazji kumpensatorji li nġabru sal-4 ta’ Novembru 2006.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tikkonstata li l-appell huwa mingħajr suġġett.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel aggravju

28

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx, kif inhu meħtieġ, il-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti meta qieset li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu mxew b’mod legali meta ttrattaw l-assi kollha tagħha bħala assi kklassifikati mill-ġdid bħala forom li jibbenefikaw mis-sussidju inkwistjoni mifrux fuq perijodu ta’ deprezzament ta’ 4.2 snin.

29

Il-Kunsill isostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba l-fatt li l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li tressaq motiv ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kinitx ippreżentat fl-ewwel istanza, jiġifieri ksur tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom.

30

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li huwa intiż sabiex iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma hemm indikazzjoni ta’ żnaturament tal-provi minn din tal-aħħar.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li tkun waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi ta’ dawn il-fatti (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-266/06 P, punt 72, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, C-101/07 P u C-110/07 P, punt 58).

32

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 52; Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 73, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, punt 59).

33

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 54, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 74, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, punt 60).

34

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx, ġustament, tikkonkludi mill-imsemmija fatti li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma naqsux la mid-dmir ta’ diliġenza u lanqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 453, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 44).

35

F’dan il-każ, l-appellanti, tilmenta, qabel kollox, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti billi ma identifikat ebda regola ta’ dritt jew ta’ proċedura sabiex issostni li l-Kunsill kellu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni l-assi kollha kklassifikati fil-kategorija tal-forom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-perijodu ta’ deprezzament ta’ 4.2 snin. B’hekk, l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-metodu li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat l-allegazzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom ma kinitx tikkonċerna l-assi kollha inkwistjoni.

36

F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 75 u 78 tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni l-allegazzjoni tal-appellanti kif ukoll il-provi ppreżentati mill-partijiet bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub dwar il-klassifikazzjoni tal-assi fil-kategorija tal-forom u kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx ippreżentat provi lill-istituzzjonijiet Komunitarji li kienu jippermettulhom jivverifikaw l-eżattezza tal-allegazzjoni tagħha u li, b’hekk, l-evalwazzjoni magħmula fir-regolament kontenzjuż ma setgħetx tiġi kkontestata.

37

L-argument ibbażat fuq nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

38

Sa fejn l-appellanti għandha wkoll l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza billi tikkontesta essenzjalment il-fatt li l-provi kkunsidrati fil-punti 75, 77 u 78 tas-sentenza appellata huma biżżejjed sabiex jiġi pprovat li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux iqisu l-valur eżatt tal-assi kklassifikati fil-kategorija tal-forom, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li din l-inizjattiva hija intiża sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex ġurisdizzjoni li tagħmel f’kuntest ta’ appell.

39

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni, minn naħa, li fin-nuqqas tal-provi neċessarji għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens, l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom jinvokaw espliċitament l-Artikolu 28 tar-regolament bażiku. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija pprovat li, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji u tad-data li tinsab annessa mad-dikjarazzjoni tat-taxxa u li turi l-kalkolu tad-deprezzament, l-istituzzjonijiet Komunitarji kien jafu jew kellhom isiru jafu faċilment li l-proporzjoni tal-assi li ma kinux ġew ikklassifikati jew ikklassifikati mill-ġdid f’forom kienet tammonta mill-inqas għal 23% tal-assi kollha importati.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li motivi ġodda, li ma jinsabux fir-rikors, ma jistgħux jiġi ppreżentati fl-appell, kif jirriżulta mill-Artikoli 113(2) u 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C-18/91 P, Ġabra p. I-3997, punt 21, u tat-23 ta’ Novembru 2000, British Steel vs Il-Kummissjoni, C-1/98 P, Ġabra p. I-10349, punt 47).

41

Issa, f’dan il-każ, huwa biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-appellanti, għall-ewwel darba, invokat ksur tal-Artikolu 28 tar-regolament bażiku marbut mal-fatt li l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha ma tteħditx biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-fatt li l-assi kollha ssussidjati ma kinux ġew ikklassifikati mill-ġdid fil-kategorija tal-forom. Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell.

42

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-prova mogħtija mill-appellanti dwar l-allegat għarfien, min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, tal-proporzjoni tal-assi ssussidjati li ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid fil-kategorija tal-forom, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, taħrab mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

43

Għaldaqstant, isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni aggravju

44

L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti kkunsidrati fil-konstatazzjoni tad-dannu. Dan it-tieni aggravju jinqasam f’żewġ partijiet li jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjoni żbaljata tal-livell tal-importazzjonijiet ta’ CD-Rs mill-Indja u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni żbaljata tal-livell ta’ ħażniet tal-industrija Komunitarja bħala indikazzjoni tad-dannu.

Fuq l-ewwel parti

45

Fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata tal-livell tal-importazzjonijiet ta’ CD-Rs mill-Indja, l-appellanti tqajjem tliet argumenti. L-ewwel nett, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-istituzzjonijiet Komunitarji ġustament ċaħdu l-allegazzjoni tagħha li tgħid li, fir-rigward ta’ kwantitajiet żgħar, il-formola statistika applikata għad-data ta’ Eurostat ma kinitx affidabbli. Din id-data kienet tikkonsisti f’“kodiċi NM” kompost minn CD-R kif ukoll minn prodotti oħra ta’ tip simili u kienet ibbażata fuq formola żviluppata mill-industrija Komunitarja tas-CD-Rs. Barra minn hekk, peress li l-appellanti kienet l-unika esportatriċi Indjana ta’ CD-Rs lejn l-Unjoni Ewropea, id-data tagħha stess kienet l-unika fonti affidabbli sabiex jiġu ddeterminati l-volumi u l-valuri ta’ importazzjoni.

46

It-tieni nett, l-appellanti tqis li l-konstatazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji, ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li d-data ta’ Eurostat u d-data finanzjarja tagħha stess wasslu għal riżultati paragunabbli ħafna hija żbaljata. Fil-fatt, skont id-data tal-appellanti, fl-2000, il-prezz tal-esportazzjonijiet tagħha żdied sa meta ntemm il-perijodu ta’ investigazzjoni. Issa, din il-konstatazzjoni ma taqbilx mad-data ta’ Eurostat li tindika tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 59%.

47

It-tielet nett, l-appellanti ssostni li hija dejjem ikkontestat il-fatt li, fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjoni, il-Kunsill kien wettaq paraguni rilevanti u ssostni li data oħra għall-perijodu tal-investigazzjoni kienet kjarament twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji għal konklużjoni differenti. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-appellanti ma ssostnix li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data tagħha setgħet twassal għal konklużjonijet differenti fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani ta’ CD-Rs mhijiex eżatta.

48

Skont il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-eżattezza tal-fatti msemmija fir-regolament kontenzjuż. Minn dan jirriżulta li din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

49

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali invokati speċifikatament insostenn ta’ din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, C-499/03 P, Ġabra p. I-1751, punt 37; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, C-68/05 P, Ġabra p. I-10367, punt 54, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Mejju 2007, Ricosmos vs Il-Kummissjoni, C-420/05 P, punt 64).

50

Għaldaqstant, appell li jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew jirriproduċi testwalment l-aggravji u l-argumenti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti, ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, punt 38, u Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, punt 54, kif ukoll id-digriet Ricosmos vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 71). Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tinkiseb sempliċi reviżjoni tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punt 47).

51

Fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment tat-tielet motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 142 sa 190 tas-sentenza appellata, dwar l-argument tal-appellanti, iċċitat fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, li jgħid li d-data ta’ Eurostat għas-snin 1998 sa 2000 ma kinitx affidabbli minħabba l-“kodiċi NM” li jinkludi numru ta’ prodotti minbarra s-CD-Rs. Il-kwantità ta’ dawn il-prodotti l-oħra hija indikata f’tunnellati, b’mod li, sabiex issir stima tan-numru ta’ CD-Rs importati, kien neċessarju, skont l-appellanti, li tiġi applikata formola matematika fir-rigward tad-data ta’ Eurostat. Madankollu, dejjem skont l-appellanti, peress li l-kwantità kienet żgħira ħafna, tali formola mhijiex statistikament affidabbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 171 tal-istess sentenza, li l-appellanti ma ppreżentat ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-formola statistika applikata fir-rigward tad-data ta’ Eurostat biex tiġi stabbilita d-data inkwistjoni mhijiex affidabbli għal kwantitajiet żgħar.

52

Fil-punti 201 sa 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tillimita ruħha sabiex tevalwa livelli ta’ prezzijiet tal-importazzjonijiet fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tielet motiv imqajjem quddiemha. Permezz ta’ dan it-tielet ilment, fl-ewwel istanza, l-appellanti sostniet, fl-ewwel lok, li, billi kkonkludew li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet kienu naqsu, l-istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw ruħhom fuq id-data relatata mas-snin 1998 sa 2000, li ma kienet la rilevanti u lanqas affidabbli. Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni ġew ukoll analizzati abbażi ta’ figuri pprovduti minnha ma jżid xejn f’dan ir-rigward, peress li d-data inkwistjoni tidher li ġiet ippreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji b’mod inadegwat.

53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li l-analiżi tal-figuri pprovduti mill-appellanti wasslet għal riżultati paragunabbli ħafna għal dawk ibbażati fuq id-data ta’ Eurostat, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 54%. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, li tiċħad l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-figuri mhijiex eżatta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-wieħed u sittin premessa u għat-tnejn u sittin premessa tar-regolament kontenzjuż li fihom l-istituzzjonijiet Komunitarji pparagunaw id-data ta’ Eurostat mal-figuri pprovduti mill-appellanti u waslu għal konklużjonijiet simili għall-perijodu kkonċernat.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni argumenti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li dawn fil-verità jikkostitwixxu talba għal reviżjoni tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt mingħajr ma jiġi ppreċiżat l-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata.

55

Fir-rigward tat-tielet argument tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tosserva li hija dejjem semmiet il-fatt li data oħra għall-perijodu tal-investigazzjoni kienet kjarament twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji għal konklużjoni differenti. B’hekk, fil-punt 101 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija indikat li l-fatt li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kunsill wettaq paraguni fir-rigward tal-livelli tal-prezz ta’ importazzjoni li ma kinux rilevanti juri n-nuqqas ta’ oġġettività tal-istituzzjonijiet Komunitarji jew, sussidjarjament, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani.

56

Il-Kunsill isostni li dan il-punt tar-rikors fl-ewwel istanza ma jirreferix għall-figuri tal-appellanti, iżda għal dawk li nġabru mill-istituzzjonijiet Komunitarji. B’hekk, anki jekk jitqies li dan ir-riferiment tal-appellanti għar-rikors tagħha fl-ewwel istanza tinkludi argument li jissostanzja l-argument tagħha li jgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data pprovduta mill-appellanti twassal għal konklużjonijiet differenti, dan l-element ma jagħtix raġun lill-appellanti, peress li l-kliem “data tagħha” li jinsab fil-punt 205 tas-sentenza appellata ma jirreferux għall-figuri tal-appellanti.

57

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li anki li kieku d-data pprovduta mill-appellanti hija relatata mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ April 1999, filwaqt li d-data ta’ Eurostat tirrigwarda l-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000, dan is-sempliċi fatt ma jimplikax li l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li tgħid li l-figuri ta’ Eurostat u dawk tal-appellanti jidhru li jaqblu bejniethom, issir ineżatta. Hija kkonkludiet li l-appellanti ma indikatx li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data inizjali oħra għad-data tagħha setgħet twassal għal konklużjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-importazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-appellanti ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ żball ta’ fatt jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-prezzijiet tal-importazzjonijet.

58

Fir-rigward ta’ din l-analiżi, l-appellanti kkontestat, fl-ewwel istanza, id-data magħżula għall-perijodu tal-investigazzjoni kif ukoll ċerti paraguni li saru fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet ta’ importazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan ir-rigward, jinsabu rispettivament fil-punti 170 sa 178 u 201 sa 207 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma qajmitx, fl-ewwel istanza, l-argument li jikkonċerna l-punt inizjali kronoloġiku tal-ipproċessar tad-data li hija stess ikkomunikat lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Għaldaqstant, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-argument huwa ġdid, u b’hekk inammissibbli fil-kuntest tal-appell, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata talli vvizzjat is-sentenza appellata billi naqset milli tagħti deċiżjoni.

59

Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tielet argument tal-ewwel parti tat-tieni motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-tieni parti

60

Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball billi kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kunsill li tinsab fil-mija u tliet premessa tar-regolament kontenzjuż, li tgħid li l-ħażniet tal-industrija Komunitarja qalbu għall-agħar. L-appellanti tfakkar li hija ma kkontestatx id-data relatata mal-ħażniet imsemmija f’dan ir-regolament minħabba li din toħroġ minn informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mill-produtturi Komunitarji. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li hija dejjem kienet kontra l-konklużjonijet ta’ dan ir-regolament li jgħidu li l-evoluzzjoni tal-ħażniet kienet tindika dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

61

L-appellanti ssostni li, bejn l-1998 u l-perijodu tal-investigazzjoni, il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja kienet żdiedet b’432% u madankollu, il-livell tal-ħażniet naqas bejn is-sena 2000 u dan il-perijodu. Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-ħażniet żdiedu f’termini assoluti lejn tmiem l-2001 hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda kunsiderevoli tal-produzzjoni tal-industrija Komunitarja kif ukoll il-fatt li t-titjib temporanju tal-livell tal-ħażniet kien jikkorrispondi mad-dħul fis-suq tal-importazzjonijiet Indjani.

62

F’dan ir-rigward, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-appellanti tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżattezza tad-data msemmija fir-regolament kontenzjuż. Il-Kunsill iżid li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward taż-żieda tal-ħażniet f’termini assoluti hija fattwalment korretta. Skont il-Kunsill, iż-żieda tal-ħażniet f’termini assoluti kienet tant kbira li wasslet ukoll għal żieda ta’ madwar 60% f’termini relattivi bejn is-sena 1998 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 9.2% sa 14.6%), minkejja ż-żieda fil-produzzjoni tal-industrija Komunitarja.

63

Jirriżulta mill-punti 193 sa 195 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fl-ewwel lok, li l-appellanti ma tiddiskutix id-data tal-figuri li tinsab fit-tmenin premessa tar-regolament kontenzjuż. Fit-tieni lok, hija sostniet li, skont id-data mhux ikkontestata mill-appellanti, matul il-perijodu kollu bejn l-1998 sa tmiem il-perijodu tal-investigazzjoni, il-ħażniet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’mod sinjifikanti. Fit-tielet lok, hija kkonkludiet li l-appellanti ma pprovatx li t-titjib tal-indikatur li jirrigwarda l-ħażniet espressi f’perċentwali ta’ produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jbiddel it-tendenza negattiva kkonstatata fuq il-perijodu kollu li ġie kkunsidrat.

64

Sa fejn l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. F’dan il-każ, l-appellanti tallega li l-interpretazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-data differenti li hija tiċċita, hija vvizzjata minn ineżattezza materjali u minn żnaturament tal-provi billi tirreferi għall-ħażniet f’ċifri assoluti.

65

Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat żieda fil-ħażniet f’termini assoluti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żnaturament tal-provi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 195 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont ir-regolament kontenzjuż, l-evalwazzjoni tal-Kunsill kienet ukoll ibbażata fuq evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-ħażniet f’termini relattivi. Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li t-titjib temporanju tal-livell tal-ħażniet kien jikkorrispondi mad-dħul fis-suq tal-importazzjonijiet Indjani, dan jikkostitwixxi argument ġdid ta’ fatt, inammissibbli fil-kuntest tal-appell.

66

L-argument tal-appellanti li jgħid li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, dwar il-livell ta’ ħażniet hija interpretazzjoni ġdida, li mhijiex sostnuta mir-regolament kontenzjuż, għandu wkoll jiġi miħċud. Fil-fatt, jirriżulta kjarament mit-tmenin premessa tar-regolament kontenzjuż li l-ħażniet, espressi f’perċentwali tal-produzzjoni ta’ CD-Rs, kisbu r-rata għolja ta’ 15% matul il-perijodu tal-invesitgazzjoni.

67

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, it-tieni parti tat-tieni motiv hija inammissibbli.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli.

Fuq it-tielet motiv

69

L-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni tad-dannu, li huwa distint mill-kwistjoni tar-rabta kawżali, tikkonċerna r-riżultati tal-industrija Komunitarja nnifisha, u li l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku jimponi li ma għandux ikun hemm inċidenza fuq din l-evalwazzjoni mill-effetti ta’ fatturi oħra. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li l-evalwazzjoni tad-dannu tikkonċerna biss id-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet tal-importazzjoni. Issa, din il-kwistjoni tikkonċerna l-analiżi li tirriżulta mid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

70

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt tal-miżati eċċessivi meta ġie ddeterminat id-dannu subit mill-industrija Komunitarja. L-appellanti tindika li drittijiet tal-awtur eċċessivi, li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, kellhom effett negattiv fuq dawn ir-riżultati. L-istituzzjonijiet Komunitarji ma pprovawx li fin-nuqqas ta’ dawn id-drittijiet eċċessivi, xorta waħda kien isir dannu u li l-marġni għall-kalkolu tad-dannu kienu jibqgħu l-istess.

71

L-appellanti ssostni li, fil-punt 272 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet b’mod żbaljat li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Extramet Industrie vs Il-Kunsill kif ukoll Mukand et vs Il-Kunsill kienu jikkonċernaw każijiet ta’ attività anti-kompetittiva min-naħa tal-produtturi Komunitarji nnifishom filwaqt li, f’dan il-każ, il-prattika anti-kompetittiva mhijiex attribwibbli lill-produtturi Komunitarji.

72

Skont l-appellanti, ir-rilevanza tal-prattika anti-kompetittiva, bħal dik ikkonstatata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma tirriżultax mill-fatt li l-industrija Komunitarja nnifisha ta’ CD-Rs kienet kompliċi f’attività anti-kompetittiva, iżda tirriżulta mill-fatt li r-riżultati ta’ din l-industrija kienu affettwati minnha u l-effetti ta’ din l-attività anti-kompetittiva għandhom għaldaqstant jiġu eliminati sabiex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku jiġu ssodisfati.

73

Il-Kunsill isostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli u, f’kull każ, nieqes minn fondatezza. Huwa jsostni li l-appellanti ma tispeċifikax liema konklużjoni tas-sentenza appellata hija tikkontesta u lanqas liema ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju hija qed tilmenta fil-konfront tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

74

Skont il-Kunsill, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ teżisti rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja anki jekk it-telf dovut għall-importazzjonijiet jikkostitwixxi biss fattur ta’ dannu fost oħrajn. L-analiżi tar-rabta kawżali għandha twassal lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jivverifikaw li fatturi oħra ta’ dannu magħrufa ma kisrux din ir-rabta bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u d-dannu kkonstatat. B’hekk, l-inċidenza tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji għandha tkun tant minima li d-dannu kkaġunat minn dawn l-importazzjonijiet ma jkunx jista’ jitqies iktar bħala kbir.

75

Barra minn hekk, il-kritika, magħmula mill-appellanti, fir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 272 tas-sentenza appellata, tas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija żbaljata. L-appellanti tiżnatura s-sens ta’ dan il-punt billi timplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’eżaminatx l-argument relatat mal-miżati eċċessivi. Issa, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat dan l-argument, b’mod partikolari fil-punt 270 tas-sentenza appellata.

76

Barra minn hekk, l-appellanti ma pprovatx fhiex il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod żbaljat l-inċidenza tal-miżati fuq l-industrija Komunitarja. Il-Kunsill isostni li, fil-punti 260 sa 279 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument li jgħid li l-Kunsill naqas mill-jeżamina din l-inċidenza u ma qiesx li kien neċessarju li jiddetermina l-effetti preċiżi tagħha.

77

Il-Kummissjoni tqajjem ukoll l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, l-appellanti tidher li tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u ma tattakkax il-konstatazzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-prattika anti-kompetittiva mhijiex attribwibbli lill-produtturi Komunitarji.

78

Fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-istituzzjonijiet Komunitarji, għandu jitfakkar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku.

79

F’dan il-każ, l-appellanti tikkontesta preċiżament il-punt 272 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-prattika anti-kompetittiva allegata mhijiex attribwibbli għall-imġiba tal-produtturi Komunitarji. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tindika b’mod ċar l-elementi tas-sentenza appellata li hija tikkritika u tiżviluppa argumentazzjoni legali intiża sabiex tipprova li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, tal-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku.

80

Għaldaqstant, hemm lok sabiex l-argument ta’ inammissibbiltà ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża tal-elementi kkritikati tas-sentenza appellata jiġi miċħud.

81

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, ġustament, fil-punt 260 tas-sentenza appellata, li meta jiġi determinat id-dannu, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sussidji u għandhom jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra, u b’mod partikolari dak ikkawżat minn aġir anti-kompetittiv li jinvolvi lill-produtturi Komunitarji. Sussegwentement, hija tammetti, fil-punt 263 tas-sentenza appellata, li mill-mija u ħamsa u tletin premessa tar-regolament kontenzjuż ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji effettivament eżaminaw il-kwistjoni dwar jekk id-dannu kkunsidrat kienx jirriżulta mill-aġir antikompetittiv allegat.

82

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 264 sa 272 tas-sentenza appellata, jekk il-Kunsill eskludiex id-dannu eventwali li jirriżulta mill-imġiba antikompetittiva invokata mill-appellanti.

83

Fir-rigward tal-inċidenza tal-miżati fuq ir-rabta kawżali, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, korrettement enfasizzat li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk l-effetti li jirriżultaw minn fattur estern kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet inkwistjoni u d-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja, b’riferiment għall-punt 232 tas-sentenza appellata li tiċċita l-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward. Issa, hija qieset li dan l-eżami ma jimplikax neċessarjament determinazzjoni tal-effetti preċiżi tal-fattur inkwistjoni.

84

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni tal-Kunsill li tgħid li l-ħlas ta’ miżati ma setax ikollu inċidenza fuq id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati, ġaladarba dawn il-miżati kienu jeżistu diġà qabel ma l-importazzjonijiet inkwistjoni saru kbar.

85

Għandu jitfakkar li fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiegħsa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (ara sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2008, AGST Draht- und Biegetechnik, C-398/05, Ġabra p. I-1057, punt 33).

86

Hija ġurisprudenza stabbilita, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja fil-kuntest ta’ proċeduri kontra s-sussidji (ara sentenza AGST Draht- und Biegetechnik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

87

Fil-konstatazzjoni tad-dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom il-ħsieb li jikkunsidraw jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet issussidjati u li jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-aġir tal-produtturi Komunitarji nnifishom (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Extramet Industrie vs Il-Kunsill, punt 16, kif ukoll AGST Draht- und Biegetechnik, punt 35).

88

F’dan ir-rigward, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jivverifikaw jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra kinux tali li jkissru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Huma għandhom ukoll jivverifikaw li d-dannu attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra ma tteħidtx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu skont l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku u li, għaldaqstant, id-dazju ta’ kumpens impost ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidju.

89

Huwa evidenti li mġiba li taffettwa direttament il-prezzijiet tal-prodotti mmanifatturati fil-Komunità, f’dan il-każ il-ħlas ta’ miżati, tista’ tkun tali li tqiegħed indiskussjoni, fl-ewwel lok, ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu (ara, f’dan is-sens, sentenza AGST Draht- und Biegetechnik, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 sa 54) u, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja minħabba t-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet.

90

Skont l-Artikolu 8(7) tar-regolament bażiku, il-fatturi magħrufin, minbarra l-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sussidji, għandhom ukoll jiġu eżaminati b’mod li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lil dawn l-importazzjonijiet. B’hekk, l-għan ta’ din ir-regola huwa li l-industrija Komunitarja ma tingħatax protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

91

Madankollu, jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, minkejja dawn il-fatturi, id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji huwa kbir skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku, ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja tista’ b’hekk tiġi stabbilita. F’dan il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 269 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi stabbilit li r-rabta’ kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja tinżamm, jeħtieġ biss li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, minkejja l-fattur estern, id-dannu għall-produtturi Komunitarji kien kunsiderevoli.

92

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fl-ewwel lok, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li l-ħlas ta’ miżati ma setax ikollu inċidenza fuq id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati, fid-dawl tal-fatt li dan il-fattur kien preżenti qabel ma dawn l-importazzjonijiet saru kbar.

93

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 274 tas-sentenza kkontestata, il-fatt li l-produtturi kollha ta’ CD-Rs, inkluża l-appellanti, kellhom iħallsu l-miżati allegatament anti-kompetittivi. Għaldaqstant, din il-prattika anti-kompetittiva allegata ma kinitx tali li tikkontesta l-konklużjoni li tgħid li l-ħlas ta’ tali miżati ma kellux inċidenza fuq id-dannu subit mill-industrija Komunitarja minħabba l-importazzjonijiet issussidjati, fid-dawl tal-fatt li din il-prattika kellha inċidenza kemm fuq il-prezzijiet Komunitarji kif ukoll fuq il-prezz ta’ importazzjoni. Dan il-fattur estern lanqas ma kien tali li jinfluwenza d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet ġustament, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ qies li anki l-miżati allegatament eċċessivi ma setgħux jinfluwenzaw il-kalkolu tal-livell ta’ tnaqqis u li l-konklużjoni li tinsab fil-mija u erbgħa u tletin premessa tar-regolament kontenzjuż kienet għaldaqstant raġonevoli.

94

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza pprovat b’mod suffiċjenti li, fil-mument tad-determinazzjoni tad-dannu, l-effetti ta’ dawn il-fatturi esterni kienu distinti u mhux attribwiti lill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet issussidjati.

95

Għaldaqstant, hemm ukoll lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

96

Peress li ebda aggarvju mqajjem minn Moser Baer India Ltd ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

97

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Moser Baer India Ltd tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont is-subartikolu 4 tal-imsemmi Artikolu 69, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-imsemmi Artikolu 118, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Moser Baer India Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.