SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 5(1) — Dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark — Użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark f’reklamar komparattiv — Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark — Reklamar komparattiv — Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE — Artikolu 3a(1) — Kundizzjonijiet għal-legalità tar-reklamar komparattiv — Użu tat-trade mark ta’ kompetitur jew ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark”

Fil-Kawża C-533/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

O2 Holdings Limited,

O2 (UK) Limited

vs

Hutchison 3G UK Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal O2 Holdings Limited u O2 (UK) Limited, minn R. Arnold, QC, M. Vanhegen, barrister, u J. Stobbs, attorney, bħala rappreżentanti ta’ S. Tierney, A. Brodie u S. Magee, solicitors,

għal Hutchison 3G UK Limited, minn G. Hobbs, QC, u E. Hinsworth, barrister, bħala rappreżentanti ta’ L. Silkin, G. Crown, N. Walker u S. Jones, solicitors,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 250, p. 17), kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 290, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 84/450”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, O2 Holdings Limited u O2 (UK) Limited [iktar ’il quddiem, flimkien, “O2 u 02 (UK)”] u, min-naħa l-oħra, Hutchison 3G UK Limited [iktar ’il quddiem “H3G”] dwar l-użu minn H3G, fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv, ta’ trade marks li l-proprjetarji tagħhom huma 02 u 02 (UK).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà [l-probabbiltà] ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà [l-probabbiltà] ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

(a)

li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

(ċ)

jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

(d)

juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

4

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jipprovdi:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

(a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu [tagħha];

(b)

indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

(ċ)

it-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm [t]jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

5

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv iddaħħlu fid-Direttiva 84/450 permezz tad-Direttiva 97/55.

6

Il-premessi tlettax sa ħmistax tad-Direttiva 97/55 huma fformulati kif ġej:

“(13)

Billi l-Artikolu 5 [tad-]Direttiva […] 89/104 […] jagħti drittijiet esklussivi lill-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata, inkluż id-dritt li jipprevjeni lil terzi milli jużaw, fin-negozju, kull marka li hija identika mat-, jew bħat-trade mark irrelatata ma’ l-oġġetti jew servizzi identiċi jew ukoll, fejn hu xieraq, oġġetti oħra;

(14)

Billi jista’, b’danakollu, ikun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jidentifikaw l-oġġetti jew servizzi ta’ kompetitur, li jagħmel riferenza għal trade mark jew isem ta’ ditta li tiegħu dan ta’ l-aħħar huwa l-proprjetarju;

(15)

Billi dan l-użu ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ ħaddieħor, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f’każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati b’din id-Direttiva, l-iskop intenzjonat huwa biss li jiddistingwu bejniethom u hekk li joħorġu aħjar id-differenzi oġġettivament”.

7

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 84/450 għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom ir-reklamar komparattiv huwa permess.

8

L-Artikolu 2(2a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi r-reklamar konmparattiv bħala “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.

9

L-Artikolu 3a(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma jkunx qarrieqi skond l-Artikoli 2(2), 3 u 7 (1);

[…]

d)

ma joħloqx konfużjoni fil-post tas-suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet tad-ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta’ kompetitur;

e)

ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it-trade marks, ismijiet ta’ ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta’ kompetitur;

[…]

ġ)

ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;

h)

ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protett.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 ġew trasposti fil-liġi nazzjonali permezz tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994).

11

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450 ġew trasposti fil-liġi nazzjonali permezz tar-Regolamenti tal-1988 dwar il-kontroll tar-reklamar qarrieqi (Control of Misleading Advertisements Regulations 1988, SI 1988/915), kif emendati bir-Regolamenti tal-2003 (SI 2003/3183, iktar ’il quddiem il-“UK Regulations”).

12

Il-ġlieda kontra r-reklamar qarrieqi u l-ħarsien tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv, previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 84/450, huma assigurati, b’applikazzjoni tal-UK Regulations, mid-Director General of Fair Trading, awtorità amministrattiva kompetenti kemm sabiex tiddeċiedi fuq ilmenti, kif ukoll sabiex tieħu l-proċeduri ġudizzjarji xierqa.

13

Ir-regola 4A tal-UK Regulations tippreċiża, fil-paragrafu 3 tagħha:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din ir-regola ma jistgħux jiġu interpretati bħala

a)

li jagħtu dritt ta’ azzjoni ċivili fir-rigward ta’ xi ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni (ħlief kif ipprovdut f’dawn ir-Regulations);

b)

li jidderogaw minn dritt ta’ azzjoni jew minn rimedju ieħor (ċivili jew kriminali) fi proċeduri istitwiti fuq bażi differenti minn dawn ir-Regulations.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

O2 u O2 (UK) jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli.

15

Għall-għanjiet ta’ promozzjoni tas-servizzi tagħhom, huma jużaw stampi ta’ bżieżaq ta’ tipi diversi. Huwa paċifiku li, fil-qasam tat-telefonija mobbli, il-konsumaturi jassoċjaw l-istampi ta’ bżieżaq fl-ilma, b’mod partikolari fuq sfond blu fi gradi differenti, mas-servizzi li jipprovdu O2 u O2 (UK).

16

O2 u O2 (UK) huma b’mod partikolari proprjetarji ta’ żewġ trade marks nazzjonali figurattivi, komposti t-tnejn li huma minn stampa statika ta’ bżieżaq, irreġistrati fir-Renju Unit għal tagħmir u servizzi ta’ telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem it-“trade marks bil-bżieżaq”).

17

H3G tipprovdi wkoll servizzi ta’ telefonija mobbli kkummerċjalizzati taħt is-sinjal “3”. Hija tipprovdi b’mod partikolari servizz imħallas minn qabel (“pay-as-you-go”) imsejjaħ “Threepay”.

18

Matul is-sena 2004, H3G nediet kampanja ta’ reklamar. Għal dan il-għan, hija b’mod partikolari xandret fuq it-televiżjoni reklami fejn qabblet il-prezzijiet tas-servizzi tagħha ma’ dawk proposti minn O2 u O2 (UK). Dawn ir-reklami televiżivi (iktar ’il quddiem ir-“reklamar ikkontestat”) kienu jibdew bl-użu tal-isem “O2” u ta’ stampi ta’ bżieżaq suwed u bojod jiċċaqalqu u mbagħad kienu jkomplu bi stampi ta’ “Threepay” u ta’ “3”, kif ukoll b’messaġġ li jindika li s-servizzi ta’ H3G kienu orħos b’mod speċifiku.

19

O2 u O2 (UK) fetħu kawża quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, għal użu kontravvenjenti tat-trade marks bil-bżieżaq kontra H3G.

20

Huma aċċettaw, għall-għanjiet tal-proċedura fil-kawża prinċipali, li t-tqabbil tal-prezz magħmul fir-reklamar komparattiv kien eżatt u li dan ir-reklamar, meta jittieħed kollu kemm hu, ma kienx qarrieqi. B’mod partikolari, dan ir-reklamar ma kien jissuġġerixxi ebda tip ta’ konnessjoni kummerċjali bejn O2 u O2 (UK), minn naħa, u H3G, min-naħa l-oħra.

21

Din il-kawża għal kontravvenzjoni ġiet miċħuda b’sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006. Essenzjalment, il-High Court ikkunsidrat li l-użu ta’ stampi ta’ bżieżaq fir-reklamar komparattiv jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, iżda li, peress li dan ir-reklamar kien konformi mal-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, din il-konformità tagħti lil H3G mezz ta’ difiża skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 89/104.

22

O2 u O2 (UK) appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

23

Il-qorti tar-rinviju titlob, fl-ewwel lok, l-interpetazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104.

24

Hija tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk l-użu msemmi f’din id-dispożizzjoni huwiex biss dak l-użu li l-għan tiegħu huwa li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkummerċjalizzati minn terzi. Skontha, risposta pożittiva twassal sabiex l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv ma jaqax taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, peress li t-trade mark ma tintużax sabiex tindika l-oriġini tal-prodotti ta’ min jirreklama.

25

Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk, għall-għanjiet ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, għandux isir biss tqabbil bejn it-trade mark u s-sinjal inkwistjoni u bejn il-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata u dawk li għalihom jintuża s-sinjal, jew jekk, għall-kuntrarju, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali li fih jintuża s-sinjal.

26

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-konformità mal-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 ta’ reklamar komparattiv li fih tintuża t-trade mark ta’ kompetitur tikkostitwixxi mezz ta’ difiża li jista’ jitqajjem kontra r-rikors mressaq mill-kompetitur kontra tali użu tat-trade mark tiegħu.

27

Barra minn hekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tintitola lill-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark tiegħu f’reklamar komparattiv, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpetazzjoni tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 sabiex tkun taf jekk, sabiex reklamar komparattiv li fih jintuża sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur ikun legali, l-użu ta’ dan is-sinjal għandux ikun “indispensabbli” sabiex isir tqabbil bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-kompetitur u dawk ta’ min jirreklama.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta kummerċjant, f’reklam dwar il-prodotti jew servizzi tiegħu, juża trade mark reġistrata ta’ kompetitur sabiex iqabbel il-karatteristiċi (u, b’mod partikolari, il-prezz) ta’ prodotti jew servizzi kkummerċjalizzati minnu mal-karatteristiċi (u, b’mod partikolari, mal-prezz) tal-prodotti jew servizzi kkummerċjalizzati mill-kompetitur taħt din it-trade mark, b’tali mod li ma joħloqx konfużjoni jew b’mod ieħor jagħmel ħsara lill-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, dan l-użu jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104?

2)

Meta kummerċjant juża, f’reklamar komparattiv, it-trade mark reġistrata ta’ kompetitur, dan l-użu, sabiex ikun konformi mal-Artikolu 3a[(1)] tad-Direttiva 84/450 […] irid ikun “indispensabbli” u, jekk dan hu l-każ, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-indispensabbiltà?

3)

B’mod partikolari, jekk hemm kundizzjoni ta’ indispensabbiltà, din il-kundizzjoni tipprekludi kwalunkwe użu ta’ sinjal li mhuwiex identiku għat-trade mark irreġistrata, iżda li jixbaha ħafna?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustiizzja tinterpreta fl-istess ħin l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450.

30

Fil-fatt, il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li O2 u O2 (UK) jallegaw li l-użu, minn H3G, ta’ sinjal li jixbah lit-trade marks bil-bżieżaq tagħhom f’reklamar komparattiv huwa ta’ preġudizzju għad-dritt esklużiv li huma jgawdu bis-saħħa tal-imsemmija trade marks.

31

Huwa meħtieġ ukoll, qabel ma jiġu eżaminati d-domandi preliminari, li tiġi ppreċiżata r-relazzjoni bejn id-Direttivi 89/104 u 84/450.

32

Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104, it-trade mark reġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv li bis-saħħa tiegħu huwa jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jimpedixxi lil kull terza persuna li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tuża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade marks tiegħu. Skont l-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva, huwa jista’ b’mod partikolari jipprojbixxi l-użu ta’ tali sinjal fir-reklamar.

33

L-użu minn min jirreklama, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur jista’ jikkostitwixxi użu fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104.

34

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark fir-rigward ta’ prodotti kkummerċjalizzati jew ta’ servizzi pprovduti minn terzi [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C-48/05, Ġabra p. I-1017, punt 28].

35

Min-naħa l-oħra, reklamar li bih min jirreklama jqabbel il-prodotti u s-servizzi kkummerċjalizzati minnu ma’ dawk ta’ kompetitur huwa intiż, b’mod evidenti, sabiex jippromwovi l-prodotti u s-servizzi ta’ min jirreklama. Permezz ta’ tali reklamar, l-intenzjoni ta’ min jirreklama tkun li jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi tiegħu, billi jqabbel il-karatteristiċi tagħhom ma’ dawk ta’ prodotti u servizzi kompetituri. Din l-analiżi hija kkonfermata permezz tal-premessa ħmistax tad-Direttiva 97/55, fejn il-leġiżlatur Komunitarju enfasizza li l-għan tar-reklamar komparattiv huwa li jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ min jirreklama minn dawk tal-kompetitur tiegħu (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe, C-112/99, Ġabra p. I-7945, punt 53).

36

Għalhekk, l-użu minn min jirreklama, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li joffri dan tal-aħħar għandu jitqies bħala użu fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi stess ta’ min jirreklama, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104.

37

Tali użu jista’ għalhekk jiġi pprojbit, jekk ikun il-każ, taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

38

Madankollu, kif jirriżulta mit-tieni sas-sitt premessi tad-Direttiva 97/55, il-leġiżlatur Komuntiarju ried jiffavorixxi r-reklamar komparattiv, peress li enfasizza b’mod partikolari, fit-tieni premessa, li r-reklamar komparattiv komparattiv “jista’ jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-oġġetti u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur[i]” u, fil-ħames premessa, li “jista’ jkun mezz leġittimu biex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom”.

39

Skont il-premessi tlettax sa ħmistax tad-Direttiva 97/55, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li l-bżonn li jiġi ffavorit ir-reklamar komparattiv kien jitlob li jiġi limitat sa ċertu punt id-dritt mogħti mit-trade mark.

40

Jidher li tali limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark sabiex jiġi ffavorit ir-reklamar komparattiv mhijiex meħtieġa biss fil-każ ta’ użu, minn min jirreklama, tat-trade mark stess ta’ kompetitur, iżda wkoll fil-każ ta’ użu ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark.

41

Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2a) tad-Direttiva 84/450, “reklamar komparattiv” ifisser kull reklamar li, espliċitament jew b’deduzzjoni, jidentifika kompetitur jew prodotti jew servizzi li joffri kompetitur.

42

Skont ġurisprudenza kostanti, din hija definizzjoni wiesgħa li tkopri l-forom kollha ta’ reklamar komparattiv b’tali mod li jkun sufficjenti li jkun hemm komunikazzjoni li tagħmel, anki b’mod impliċitu, riferiment għal kompetitur jew għall-prodotti jew għas-servizzi li huwa joffri sabiex ikun hemm reklamar komparattiv (ara s-sentenzi Toshiba Europe, iċċitata aktar ’il fuq, punti 30 u 31; tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik, C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 35, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel, C-381/05, Ġabra p. I-3115, punt 16).

43

L-element meħtieġ sabiex tiġi kkonstatata n-natura komparattiva ta’ avviż pubbliċitarju huwa għalhekk l-identifikazzjoni, espliċita jew impliċita, ta’ kompetitur ta’ min jirreklama jew tal-prodotti jew tas-servizzi li joffri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Toshiba Europe, punt 29, u De Landtsheer Emmanuel, punt 17).

44

Għalhekk, meta l-użu f’reklamar ta’ sinjal li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur ta’ min jirreklama huwa pperċepit mill-konsumatur medju bħala riferiment għal dan il-kompetitur jew għall-prodotti u għas-servizzi li joffri — bħal fil-kawża prinċipali —, ikun hemm reklamar komparattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2a) tad-Direttiva 84/450.

45

Għalhekk, sabiex jiġu rrikonċiljati l-protezzjoni tat-trade marks reġistrati u l-użu tar-reklamar komparattiv, l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 għandhom jiġu interpretati fi-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu, minn terza persuna, f’reklamar komparattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ legalità stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3a(1), ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark tiegħu.

46

Għandu madankollu jiġi rrilevat li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah trade mark reġistrata jkunu ssodisfati, huwa eskluż li r-reklamar komparattiv li fih jintuża dan is-sinjal jissodisfa l-kundizzjoni għal-legalità msemmija fl-Artikolu 3a(1)(d) tad-Direttiva 84/450.

47

Fil-fatt, minn naħa, fil-każ ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 huwa intiż li japplika biss jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C-120/04, Ġabra p. I-8551, punti 24 u 25).

48

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3a(1)(d) tad-Direttiva 84/450 jirriżulta li reklamar komparattiv ma jkunx legali jekk ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trade marks, prodotti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta’ kompetitur.

49

Fid-dawl tal-premessi tlettax sa ħmistax tad-Direttiva 97/55, il-kunċett ta’ “konfużjoni” użat kemm fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 kif ukoll fl-Artikolu 3a(1)(d) tad-Direttiva 84/450 għandu jingħata l-istess interpretazzjoni.

50

Għalhekk, fil-każ li min jirreklama juża, f’reklamar komparattiv, sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur, il-kompetitur jista’ jew ma jipprovax li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni u, għalhekk, ma jkunx jista’ jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, jew inkella jista’ jipprova li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni u, għalhekk, min jirreklama ma jkunx jista’ jopponi għal tali projbizzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450, peress li r-reklamar inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni.

51

Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata, b’mod preliminari, hija li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu, minn terza persuna, f’reklamar komparattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ legalità msemmija fl-imsemmi Artikolu 3a(1), ta’ sinjal identiku jew li jixbah lit-trade mark tiegħu.

Madankollu, meta l-kundizzjonijiet rikjesti fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal identiku jew li jixbah lil dak ta’ trade mark reġistrata huma ssodisfatti, huwa eskluż li r-reklamar komparattiv li fih dan is-sinjal huwa użat jissodisfa l-kundizzjoni għal-legalità stabbilita fl-Artikolu 3a(1)(d) tad-Direttiva 84/450.

Fuq l-ewwel domanda, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104

52

Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, H3G ma użatx l-istess trade marks bil-bżieżaq, kif kienu rreġistrati minn O2 u O2 (UK), iżda użat sinjal li jixbah lil dawn it-trade marks.

53

Issa, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 japplika biss fil-każ li sinjal identiku għat-trade mark jintuża fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom kienet irreġistrata t-trade mark.

54

Peress li din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika fil-kawża prinċipali, mhuwiex meħtieġ li tiġi interpretata.

55

Għalhekk, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata jistax jipprojbixxi l-użu minn terza persuna, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom l-istess trade mark kienet irreġistrata, meta dan l-użu ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

56

Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġi evitat li l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark tvarja minn Stat Membru għall-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “użu” li jissemma f’dan l-artikolu (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I-10273, punt 45; Adam Opel, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline, C-17/06, Ġabra p. I-7041, punt 15).

57

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Arsenal Football Club, iċċitata iktar ’il fuq; tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra p. I-10989; Medion, iċċitata aktar ’il fuq; Adam Opel, iċċitata aktar ’il fuq, u Céline, iċċitata aktar ’il fuq), huwa biss jekk l-erba’ kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfati li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata jista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu (5)(1)(b) tad-Direttiva 89/104, jimpedixxi l-użu minn terzi ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah it-trade mark tiegħu:

dan l-użu għandu jseħħ matul il-kummerċ;

għandu jsir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark;

għandu jsir fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom it-trade mark kienet irreġistrata, u

għandu jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi lill-konsumaturi, minħabba probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

58

Fir-rigward b’mod aktar partikolari tar-raba’ kundizzjoni, minn naħa, kif ġie mfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 huwa intiż li japplika biss jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

59

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17, u Medion, iċċitata aktar ’il fuq, punt 26). Għalhekk, l-użu tas-sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

60

Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, l-użu minn H3G tas-sinjal li jixbah lit-trade marks bil-bżieżaq seħħ fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża għal profitt ekonomiku u mhux f’kuntest privat. Konsegwentement, l-użu ta’ dan is-sinjal seħħ matul il-kummerċ (ara, b’analoġija, is-sentenza Céline, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17).

61

Huwa paċifiku wkoll li H3G użat dan is-sinjal mingħajr il-kunsens ta’ O2 u ta’ O2 (UK), propjetarji tat-trade marks bil-bżieżaq.

62

Barra minn dan, dan huwa użu fir-rigward ta’ servizzi identiċi għal dawk li għalihom l-imsemmija trade marks ġew irreġistrati.

63

Bil-kontra, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju stess, l-użu minn H3G, fir-reklamar ikkontestat, ta’ stampi ta’ bżieżaq li jixbhu lit-trade marks bil-bżieżaq ma ħoloqx probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumaturi. Fil-fatt, ir-reklamar ikkontestat, kollu kemm hu, ma kienx qarrieqi u, b’mod partikolari, ma ssuġġerixxix li kien hemm xi rabta kummerċjali bejn O2 u O2 (UK), minn naħa, u H3G, min-naħa l-oħra.

64

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostnew O2 u O2 (UK), il-qorti tar-rinviju, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, ġustament limitat l-analiżi tagħha għall-kuntest li fih H3G użat is-sinjal li jixbah lit-trade marks bil-bżieżaq.

65

Huwa minnu li l-kunċett ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni huwa l-istess fl-Artikoli 4(1)(b) u 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punti 25 sa 28).

66

Madankollu, fil-kuntest tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/104, hija inkwistjoni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark. Ladarba trade mark tkun irreġistrata, il-proprjetarju ta’ din it-trade mark għandu d-dritt li jużaha kif jidhirlu hu, b’mod li, sabiex jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni taqax taħt il-motiv għal rifjut previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti ta’ min qed jopponi fiċ-ċirkustanzi kollha li fihom it-trade mark mitluba, jekk tiġi rreġistrata, tkun tista’ tintuża.

67

Bil-kontra, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, it-terza persuna li tuża sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark reġistrata m’għandha ebda dritt ta’ trade mark fuq dan is-sinjal, iżda tagħmel użu okkażjonali minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi evalwat jekk il-proprjetarju tat-trade mark reġistrata għandux dritt li jopponi għal dan l-użu speċifiku, din l-evalwazzjoni għandha tiġi limitata għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw dan l-użu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk użu ieħor ta’ dan l-istess sinjal f’ċirkustanzi differenti jistax ukoll joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

68

Għalhekk, ir-raba’ kundizzjoni mitluba sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata jkun awtorizzat jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal li jixbah lit-trade mark tiegħu fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom l-istess trade mark ġiet irreġistrata mhijiex issodisfata fil-kawża prinċipali.

69

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu minn terza persuna, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom l-istess trade mark hija rreġistrata, meta dan l-użu ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, u dan indipendentement mill-fatt jekk l-imsemmi reklamar komparattiv jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet kollha ta’ legalità stabbiliti fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi, dwar l-interpetazzjoni tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450

70

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 għandux jiġi interpretat fis-sens li reklamar komparattiv li fih min jirreklama juża t-trade mark ta’ kompetitur jew sinjal li jixbah lil din it-trade mark huwa legali biss jekk dan l-użu jkun indispensabbli sabiex isir it-tqabbil bejn il-prodotti u s-servizzi ta’ min jirreklama u dawk tal-kompetitur u, jekk ikun il-każ, jekk l-użu ta’ sinjal li jixbah lit-trade mark tal-kompetitur għandux jiġi kkunsidrat bħala indispensabbli.

71

Madankollu, il-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ipoteżi biss li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari.

72

Għalhekk ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domandi preliminari.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu minn terza persuna, f’reklamar komparattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità kollha stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3a(1), ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark tiegħu.

Madankollu, meta l-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark reġistrata jkunu ssodisfati, huwa eskluż li r-reklamar komparattiv li fih jintuża l-imsemmi sinjal jissodisfa l-kundizzjoni għal-legalità msemmija fl-Artikolu 3a(1)(d) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55.

 

2)

L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu minn terza persuna, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom l-istess trade mark hija reġistrata, meta dan l-użu ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, u dan indipendentement mill-fatt jekk l-imsemmi reklamar komparattiv jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet kollha ta’ legalità stabbiliti fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.