SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

“Direttiva 92/50/KEE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Twettiq ta’ riċerka fuq il-katast, il-pjan urban u l-att ta’ implementazzjoni għal żona residenzjali — Kriterji li jistgħu jiġu aċċettati bħala ‘kriterji għal selezzjoni kwalitattiva’ jew ‘kriterji għall-għoti ta’ kuntratti’ — L-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża — Osservanza tal-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt stipulati fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti — Determinazzjoni sussegwenti tal-fatturi għat-tweżin u ta’ sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti — Prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi u l-obbligu ta’ trasparenza”

Fil-kawża C-532/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

Emm. G. Lianakis AE,

Sima Anonymi Techniki Etaireia Meleton kai Epivlepseon,

Nikolaos Vlachopoulos

vs

Dimos Alexandroupolis,

Planitiki AE,

Aikaterini Georgoula,

Dimitrios Vasios,

N. Loukatos kai Synergates AE Meleton,

Eratosthenis Meletitiki AE,

A. Pantazis — Pan. Kyriopoulo kai syn/tes os “Filon” OE,

Nikolaos Sideris,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal N. Loukatos kai Synergates AE Meleton, Eratosthenis Meletitiki AE, A. Pantazis — Pan. Kyriopoulo kai syn/tes os “Filon” OE u Sideris, minn E. Konstantopoulou u P. E. Bitsaxis, dikigoroi,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni - li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 23(1), 32 u 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), hekk kif emendata mid-Direttiva 97/52/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1 iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, il-konsorzju ta’ uffiċċji ta’ konsulenza u ta’ esperti kompost minn Emm. G. Lianakis AE (suċċessur b’titolu universali ta’ Emm. Lianakis EPE), Sima Anonymi Techniki Etaireia Meleton kai Epivlepseon u Nikolaos Vlachopoulos (iktar ’il quddiem “il-konsorzju Lianakis”) u l-konsorzju kompost minn Planitiki AE, Georgoula u Vasios, (iktar ’il quddiem “il-konsorzju Planitiki”), u, min-naħa l-oħra Dimos Alexandroupolis (Komun ta’ Alexandroupolis) u l-konsorzju kompost minn N. Loukatos kai Synergates AE Meleton, Eratosthenis Meletitiki AE, A. Pantazis — Pan. Kyriopoulou kai syn/tes os “Filon” OE u Sideris (iktar ’il quddiem “il-konsorzju Loukatos”), li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratt għal riċerka fuq il-katast, il-pjan urban u l-att ta’ implementazzjoni għal parti minn Dimos Alexandroupolis.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-Direttiva 92/50 tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi.

4

Għal dan il-għan, din id-Direttiva tistabbilixxi, minn naħa, il-kuntratti li għandhom ikunu suġġetti għal proċedura għall-għoti ta’ kuntratti u, min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ proċedura li għandhom jiġu mħarsa, fosthom, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi, il-kriterji għas-selezzjoni kwalitattiva ta’ l-operaturi (imsejħa “kriterji għal selezzjoni kwalitattiva” u l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti (imsejħa “kriterji għall-għoti ta’ kuntratti”).

5

B’hekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti”.

6

Artikolu 23(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li “[i]l-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 3 [jiġifieri l-Artikoli 36 u 37], waqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 24, wara li l-adattament [l-idoneità] tal-fornituri tas-servizzi mhux eskluż[i] taħt l-Artikolu 29 jkun [tkun] ġie[t] eżaminat[a] mill-awtoritajiet kontraenti skond il-kriterji msemmija fl-Artikoli 31 u 32.”

7

Skond l-Artikolu 32 ta’ din id-Direttiva:

“1.   L-abilta tal-fornitur[i] tas-servizzi biex iwettqu [s-]servizzi tista’ tiġi evalwata b’mod partikolari fir-rigward [b’referenza] għall-kapaċità, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabilità tagħhom.

2.   Prova tal-kapaċità teknika tal-fornitur tas-servizz tista’ tkun fornita b’mezz [permezz ta’] wieħed jew iktar [mill-elementi li ġejjin] skond in-natura, il-kwantità u l-iskop tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti:

(a)

il-kwalifiki edukattivi u professjonali tal-fornitur tas-servizz u/jew dawk ta’ l-istaff amministrattiv tad-ditta u, b’mod partikolari, dawk tal-persuna jew persuni responsabbli biex jipprovdu s-servizzi;

(b)

lista tas-servizzi prinċipali pprovduti fl-aħħar tliet snin, bis-somom, id-dati u r-riċevituri, pubbliċi u privati, tas-servizzi pprovduti;

[…]

(ċ)

indikazzjoni tat-tekniċi jew tal-korpi tekniċi involuti, kemm jekk jappartienu kif ukoll jekk le għall-fornitur tas-servizz, speċjalment dawk responsabbli għall-kontroll tal-kwalità;

(d)

dikjarazzjoni tal-manpower annwali medju tal-fornitur tas-servizz u n-numru ta’ l-istaff amministrattiv għall-aħħar tliet snin;

(e)

dikjarazzjoni ta’ l-għodda, l-impjant jew it-tagħmir tekniku disponibbli għall-fornitur tas-servizz għat-twettiq tas-servizzi;

(f)

deskrizzjoni tal-miżuri tal-fornitur tas-servizz sabiex tiġi assigurata l-kwalità u l-faċilitajiet ta’ l-istudju u r-riċerka tiegħu;

[…]”

8

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għar[dwar ir]-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu:

(a)

meta l-għoti jsir lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-[li jvarjaw skond il-]kuntratt [in kwistjoni]: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perjodu ta’ kunsinna jew perjodu tal-kompletazzjoni [tlestija], prezz; jew

(b)

l-iktar prezz baxx biss.

2.   Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta’ offerta [fis-sejħa għal offerti] l-kriterja[i] ta’ [għall] l-għoti [ta’ kuntratti]li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza [f’ordni ta’ preċedenza, fejn il-kriterju l-iktar importanti jissemma’ l-ewwel].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fis-sena 2004, il-Kunsill Komunali ta’ Alexandroupolis għamel sejħa għal offerti għat-twettiq ta’ studju fuq il-katast, il-pjan urban u l-att ta’ implementazzjoni għaż-żona ta’ Palagia, li tagħmel parti mill-imsemmi Komun u li għandha anqas minn 2000 abitant. Għal dan l-istudju ġie allokat budget ta’ EUR 461737.

10

Bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt, is-sejħa għal offerti semmiet il-fatturi segwenti f’din l-ordni ta’ preċedenza: l-ewwel, prova ta’ l-esperjenza miksuba mill-espert permezz tar-riċerka mwettqa fl-aħħar tliet sinin; it-tieni, il-persunal u t-tagħmir ta’ l-uffiċċju; it-tielet, il-kapaċità li r-riċerka titlesta saż-żmien stabbilit, fid-dawl ta’ l-impenji ta’ l-uffiċċju u l-potenzjal xjentifiku tiegħu.

11

Tliet uffiċċji ta’ konsulenza rrispondew għal din is-sejħa għal offerti, li jinkludu, b’mod partikolari, il-konsorzji Lianakis u Planitiki, kif ukoll il-konsorzju Loukatos.

12

Sabiex jevalwa l-offerti ta’ l-offerenti, waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni, il-kumitat konttraenti tad-Dimos Alexandroupolis (iktar ’il quddiem il-“kumitat kontraenti”) stabbilixxa fatturi ta’ tweżin u sottokriterji għall-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti msemmija fis-sejħa għal offerti.

13

B’hekk, għat-tliet kriterji għall-għoti tal-kuntratt imsemmija fis-sejħa għal offerti, hija stabbilixxiet tweżin ta’ 60 %, 20 % u 20 % rispettivament.

14

Minbarra dan, hija kkonstatat li l-esperjenza (l-ewwel kriterju għall-għoti tal-kuntratt) kellha tiġi elawata skond l-ammont ta’ proġetti mwettqa. B’hekk, offerent kellu jirċievi 0 punti għal ammont li ma jaqbiżx EUR 500000, 6 punti għal ammont bejn EUR 500000 u EUR 1000000, 12 il-punt għal ammont bejn EUR 1000000 u EUR 1500000, etcetera sa l-ogħla marka ta’ 60 punt għal ammont li jaqbeż EUR 12000000.

15

Il-persunal u t-tagħmir ta’ l-uffiċċju (it-tieni kriterju għall-għoti tal-kuntratt) kellhom jiġu evalwati skond id-daqs tat-tim tal-proġett. Għalhekk, offerent kellu jirċievi 2 punti għal grupp ta’ 1 sa 5 persuni, 4 punti għal grupp ta’ 6 sa 10 persuni, etcetera, sa’ l-ogħla marka ta’ 20 punt għal grupp li jaqbeż il-45 persuna.

16

Finalment, il-kumitat kontraenti ddeċieda li l-kapaċità li r-riċerka titlesta saż-żmien stabbilit (it-tielet kriterju għall-għoti tal-kuntratt) kellha tiġi evalwata skond l-ammont ta’ impenji li daħal għalihom l-uffiċċju. B’hekk, offerent kellu jirċievi l-marka massima ta’ 20 punt għal ammont ta’ anqas minn EUR 15000, 18-il punt għal ammont bejn EUR 15000 u EUR 60000, 16-il punt għal ammont bejn EUR 60000 u EUR 100000, etcetera, sal-marka l-iżjed baxxa ta’ 0 punti għal ammont li jaqbeż il-EUR 1500000.

17

B’applikazzjoni ta’ l-imsemmija regoli, il-kumitat kontraenti kklassifika lill-konsorzju Loukatos fl-ewwel post b’78 punt, lill-konsorzju Planitiki fit-tieni post b’72 punt u l-konsorzju Lianakis fit-tielet post b’70 punt. B’hekk, fil-minuta tas-27 ta’ April 2005, hija pproponiet li l-kuntratt jingħata lill-konsorzju Loukatos.

18

B’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, il-Kunsill Municipali ta’ Alexandroupolis approva l-minuta tal-kumitat kontraenti u attribwixxa l-kuntratt lill-konsorzju Loukatos.

19

Il-konsorzji Lianakis u Planitiki kkontestaw id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Muniċipali ta’ Alexandroupolis, l-ewwel quddiem dan l-istess Kunsill u wara quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Il-Kunsill ta’ l-Istat Elleniku), b’mod partikolari abbażi ta’ allegazzjonijiet dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50, peress illi huma kkunsidraw li l-konsorzju Loukatos seta’ ngħata l-kuntratt biss bis-saħħa tal-fatt li l-kumitat kontraenti ddetermina sussegwentement il-fatturi ta’ tweżin u tas-sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fis-sejħa għal offerti.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fil-każ fejn sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi jagħmel referenza biss għall-ordni ta’ preċedenza tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, mingħajr ma jelenka l-fatturi għat-tweżin ta’ kull kriterju, l-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50 jippermetti lill-kumitat kontraenti jiddetermina l-fatturi għat-tweżin f’data sussegwenti u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, taħt liema kundizzjonijiet jista’ jagħmel dan?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50 jipprekludix, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, lill-awtorità kontraenti milli tiddetermina sussegwentement il-fatturi għat-tweżin u sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti.

22

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sostniet li qabel ma twieġeb id-domanda magħmula, kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, id-Direttiva 92/50 tipprekludix lil awtorità kontraenti milli tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza, il-persunal u t-tagħmir ta’ l-offerenti kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jeżegwixxu l-kuntratt saż-żmien stabbilit mħux bħala “kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”, iżda bħala “kriterji għall-għoti ta’ kuntratti”.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50 mill-perspettiva tal-possibbiltà li l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti jiġu mibdula sussegwentement, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdiha bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu opportuni biex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, kemm jekk il-qorti tar-rinviju tagħmel, fid-domanda preliminari, referenza għal dawn l-elementi, jew le (ara sentenza tas-26 April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p.I-3505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel tiġi vverifikata l-leġittimità tal-kriterji magħzula bħala “kriterji għall-għoti ta’ kuntratti” u, wara dan, tiġi eżaminata l-possibbilità li l-fatturi għat-tweżin u s-sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fis-sejħa għal offerti, jiġu ddeterminati sussegwenetement.

Fuq il-kriterji li jistgħu jintgħażlu bħala “kriterji għall-għoti ta’ kuntratti” (Artikoli 23 u 36(1) tad-Direttiva 92/50)

25

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li d-Direttiva 92/50 tipprovdi, fl-Artikolu 23(1) tagħha, li l-għoti tal-kuntratt isir abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 36 u 37 tagħha, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-Artikolu 24, wara li l-idoneità tal-fornituri tas-servizzi mhux esklużi taħt l-Artikolu 29 tkun ġiet eżaminata mill-awtoritajiet kontraenti skond il-kriterji msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

26

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li għalkemm, teoretikament, id-Direttiva 92/50 ma teskludix li l-verifika ta’ l-idoneità ta’ l-offerenti u l-għoti tal-kuntratti jistgħu jsiru simultanjament, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ proċeduri huma żewġ proċeduri distinti, li huma rregolati minn regoli differenti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra. p. 4635, punti 15 u 16).

27

Il-verifika ta’ l-idoneità ta’ l-offerenti fil-fatt issir mill-awtoritajiet kontraenti b’mod konformi mal-kriterji tal-qagħda finanzjarja u ekonomika u tal-kapaċità teknika (imsejħa “kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”) imsemmija fl-Artikoli 31 u 32 ta’ din id-Direttiva (ara, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza Beentjes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

28

Min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt huwa bbażat fuq il-kriterji elenkati fl-Artikolu 36(1) ta’ din l-istess Direttiva, jiġifieri jew l-iktar prezz baxx jew l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza Beentjes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

29

Għalkemm, f’dan l-aħħar każ, il-kriterji li jistgħu jintgħażlu mill-awtoritajiet kontraenti mhumiex elenkati b’mod eżawrijenti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 92/50, u għaldaqstant din id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-awtoritajiet kontraenti l-għażla tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratti li għandhom jikkunsidraw, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din l-għażla għandha tkun limitata għal kriterji intiżi biex jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza Beentjes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C-19/00, Ġabra p. I-7725, punti 35 u 36, u, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C-513/99, Ġabra p. I-7213, punti 54 u 59 u tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C-315/01, Ġabra p. I-6351, punti 63 u 64) .

30

Għalhekk, huma esklużi mill-“kriterji għall-għoti tal-kuntratti” dawk il-kriterji li mhumiex intiżi biex jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, imma li huma essenzjalment marbuta ma’ l-evalwazzjoni ta’ l-idoneità ta’ l-offerenti biex jeżegwixxu l-kuntratt in kwistjoni.

31

Madanakollu, fil-kawża prinċipali, il-kriterji magħżula mill-awtorità kontraenti bħala “kriterji għall-għoti tal-kuntratti” jikkonċernaw prinċipalment l-esperjenza, il-kwalifiki, u l-mezzi li jiżguraw l-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt in kwistjoni. Dawn huma kriterji li jirrigwardaw l-idoneità ta’ l-offerenti biex jeżegwixxu dan il-kuntratt u li, għaldaqstant, m’għandhomx il-kwalità ta’ “kriterji għall-għoti tal-kuntratti” fis-sens ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 92/52.

32

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 23(1), 32 u 36(1) tad-Direttiva 92/50, jipprekludu, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, lil awtorità kontraenti milli tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza, il-persunal u t-tagħmir ta’ l-offerenti kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jeżegwixxu l-kuntratt saż-żmien stabbilit mhux bħala “kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”, iżda bħala “kriterji għall-għoti ta’ kuntratti”.

Dwar id-determinazzjoni sussegwenti tal-fatturi ta’ tweżin u tas-sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratti jew fis-sejħa għal offerti

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 jobbliga lill-awtoritajiet kontraenti li jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn id-diversi fornituri ta’ servizzi.

34

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, hekk stipulat, jinkludi wkoll l-obbligu ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal fornitura, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Unitron Sacandanavia u 3-S, C-275/98, Ġabra p.I-8291, punt 31, u fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza SIAC Construction, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

35

Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50 li, meta l-kuntratt għandu jingħata lill-offerta l-iktar vantagguża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tindika, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt li bi ħsiebha tapplika, u fejn possibbli, il-kriterji għandhom jissemmew f’ordni ta’ preċedenza, fejn il-kriterju l-iktar importanti jissemma’ l-ewwel.

36

Skond il-ġurisprudenza, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi li ssir referenza għalih fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50, u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, teżiġi li l-elementi kollha kkunsidrati mill-awtorità kontraenti għall-identifikazzjoni ta’ l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u l-importanza relattiva tagħhom ikunu magħrufa mill-offerenti potenzjali fiż-żmien meta jkunu qed iħejju l-offerti tagħhom (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, is-sentenza tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punt 88 ; fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 98, u fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et, C-331/04, Ġabra p. I-10109, punt 24).

37

Fil-fatt, l-offerenti potenzjali għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu, fiż-żmien meta jkunu qed iħejju l-offerti tagħhom, bl-eżistenza u l-portata ta’ dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Concordia Bus Finland, punt 62, kif ukoll ATI EAC e Viaggi di Maio et, punt 23).

38

Għaldaqstant, awtorità kontraenti ma tistax tapplika regoli ta’ tweżin jew sottokriterji għall-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti li ma jkunux ġew mgħarrfa lill-offerenti preċedentement (ara b’analogija, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenza Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

39

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 92/50 li tfittex li telimina l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi biex b’hekk jiġu mħarsa l-interessi ta’ l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru li jkunu jixtiequ joffru servizzi lill-awtoritajiet kontraenti ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C-380/98, Ġabra p. I 8035, punt 16).

40

Għal dan il-għan, l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza matul il-proċedura kollha, li jimplika li l-kriterji u l-kundizzjonijiet li jirregolaw kull kuntratt għandhom ikunu ppublikati b’mod xieraq mill-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Beentjes, punt 21, u SIAC Construction, punt 34, kif ukoll, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, is-sentenzi ATI EAC e Viaggi di Maio et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

41

Bil-kontra tad-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju, dawn il-konstatazzjonijiet ma jmorrux kontra l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50 mogħtija fis-sentenza ATI EAC e Viaggi di Maio et, iċċitata iktar ’il fuq.

42

Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kemm il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti u l-fatturi għat-tweżin tagħhom, kif ukoll is-sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti kienu, fil-fatt, ġew iddeterminati minn qabel u ppublikati fid-dokumenti tal-kuntratt. Però, l-awtorità kontraenti in kwistjoni ddeterminat ex post, ftit qabel il-ftuħ ta’ l-enveloppijiet, il-fatturi għat-tweżin tas-sottokriterji.

43

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50 ma jipprekludix dan il-modus procedendi, sakemm jiġu osservati tliet kundizzjonijiet preċiżi ħafna, jiġifier li d-deċiżjoni li jiġi adottat dan il-modus procedendi:

“ma timmodifikax il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti;

ma jkunx fiha elementi li, li kieku kellhom ikunu magħrufa waqt il-preparazzjoni ta’ l-offerti, setgħu jaffettwaw din il-preparazzjoni; u

ma ġietx adottata billi ttieħdu in kunsiderazzjoni elementi li seta’ jkollhom effett diskriminatorju kontra wieħed mill-offerenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATI EAC e viaggi di Maio et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

44

Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kumitat kontraenti semma biss, fis-sejħa għal offerti, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt infushom, u ddetermina ex post, wara li ġew ippreżentati l-offerti, kemm il-fatturi għat-tweżin, kif ukoll is-sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti. Huwa evidenti li dan ma jissodisfax l-obbligu ta’ pubbliċità previst fl-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi u ta’ l-obbligu ta’ trasparenza.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi u ta’ l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, jipprekludi, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, lill-awtorità kontraenti milli tiddetermina sussegwentement il-fatturi għat-tweżin u sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 36(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku, hekk kif emendata mid-Direttiva 97/52/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Ottubru 1997, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi u ta’ l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, jipprekludi, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, lill-awtorità kontraenti milli tiddetermina sussegwentement il-fatturi għat-tweżin u sottokriterji għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew fis-sejħa għal offerti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.