SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Lulju 2009 ( *1 )
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-aċidu ċitriku — Iffissar tal-ammont tal-multa — Rwol ta’ mexxej — Drittijiet tad-difiża — Provi li jirriżultaw minn proċedura mmexxija fi Stat terz — Definizzjoni tas-suq rilevanti — Ċirkustanzi attenwanti”
Fil-Kawża C-511/06 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-11 ta’ Diċembru 2006,
Archer Daniels Midland Co., stabbilita f’Decatur (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. O. Lenz, Rechtsanwalt, L. Martin Alegi, E. Batchelor u M. Garcia, solicitors, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Archer Daniels Midland Co. (iktar ’il quddiem “ADM”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T-59/02, Ġabra p. II-3627, ’il quddiem “is-sentenza appellata”), fejn permezz ta’ din is-sentenza, l-imsemmija qorti parzjalment ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.604 — Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), f’dak li jirrigwardaha. |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi: “Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10% tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:
[…] Fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.” |
3 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 1998 intitolata “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), b’mod partikolari jistabbilixxu: “Il-prinċipji ndikati [mil-linji ta’ gwida] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10% tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew imnaqqsa biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità.” |
4 |
Skont il-punt 1A tal-Linji Gwida: “Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti. Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna. […] Se jkun wkoll neċessarju li tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv. […] Meta ksur jinvolvi aktar minn impriża waħda (eż konsorzji), jista’ jkun neċessarju f’ċerti każijiet li jiġu applikati ko-effiċjenti korrettivi lill-ammonti determinati f’kull waħda mit-tliet kategoriji sabiex jiġi kunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni, partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip.” |
5 |
Il-punt 2 tal-Linji Gwida, intitolat “Ċirkustanzi aggravati”, jistabbilixxi: “L-ammont bażiku se jiżdied meta hemm ċirkustanzi li jaggravaw bħal […]: […]
[…]” |
6 |
Il-punt 3 tal-Linji Gwida intitolat “Ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità”, huwa fformulat kif ġej: “L-ammont bażiku se jitnaqqas meta jkun hemm ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità bħal […]: […]
[…]” |
7 |
Skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 fuq in-nonimpożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), intitolata “Nonimpożizzjoni ta’ multa jew tnaqqis sostanzjali tal-ammont tagħha”: “L-impriża li
tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75% mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, tnaqqis li jista’ jinżel għan-nonimpożizzjoni totali tal-multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
It-Titolu D ta’ din il-komunikazzjoni, intitolata “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa”, tipprovdi:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
9 |
Il-paragrafu 2 tat-Titolu E ta’ din il-komunikazzjoni huwa fformulat kif ġej: “Huwa biss fil-mument meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li hija għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet previsti fit-Titoli B, C jew D ġewx issodisfatti, u għaldaqstant jekk hemm lok biex l-ammont tal-multa jitnaqqas, jew ukoll li ma timponix multa. Ma jkunx xieraq għall-Kummissjoni li tieħu tali miżuri qabel ma tintemm l-proċedura amministrattiva, billi dawn il-kundizzjonijiet japplikaw matul il-perijodu kollu ta’ din il-proċedura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
L-akkordju
10 |
Il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil ħames impriżi produttriċi ta’ aċidu ċitriku, jiġifieri ADM, Cerestar Bioproducts BV (iktar ’il quddiem “Cerestar”), F. Hoffmann-La Roche AG (iktar ’il quddiem “HLR”), Haarmann & Reimer Corporation (iktar ’il quddiem “H & R”) u Jungbunzlauer AG (iktar ’il quddiem “JBL”). |
11 |
L-aċidu ċitriku huwa l-iżjed aġent aċidifikanti u preżervanti li jintuża fil-prodotti tal-ikel u x-xorb, fid-deterġenti u fil-prodotti għall-indafa tad-dar, fil-prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi kif ukoll fid-diversi proċessi industrijali. |
12 |
F’Awwissu 1995, il-Kummissjoni ġiet informata bil-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti dwar is-suq tal-aċidu ċitriku fl-Istati-Uniti. L-impriżi ADM, Cerestar, HLR, H & R u JBL, ammettew li pparteċipaw f’akkordju, ħallsu multi b’riżultat ta’ ftehim milħuq ma’ dan il-ministru. Barra minn dan, ċerti persuni ġew imposti multi fuqhom fuq titolu personali. |
13 |
Fis-6 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni indirizzat, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbiet għal informazzjoni lill-erba’ produtturi ewlenin tal-aċidu ċitriku fil-Komunità Ewropea. |
14 |
Insegwitu għal talba addizzjonali, indirizzata matul ix-xahar ta’ Lulju 1998, Cerestar informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tikkoopera. Matul laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni li seħħet fid-29 ta’ Ottubru 1998, ir-rappreżentanti ta’ Cerestar iddeskrivew dak li jiftakkru li kienu l-attivitajiet tal-akkordju li fihom ipparteċipaw il-ħames impriżi msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem l-“akkordju”) kif ukoll ċerti mekkaniżmi ta’ kif jaħdem. Barra minn dan, din l-impriża enfasizzat ir-rwol milgħub minn ADM matul ċerti laqgħat multilaterali ta’ dawn l-impriżi. Cerestar ikkonfermat din ix-xhieda f’dikjarazzjoni bil-miktub tal-25 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ Cerestar”). |
15 |
Fil-11 ta’ Diċembru 1998, ir-rappreżentanti ta’ ADM esponew, matul laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-attivitajiet antikompetittivi li din il-kumpannija pparteċipat fihom fil-kuntest tal-akkordju. Din il-kumpannija kkonfermat dan bl-ittra tal-15 ta’ Jannar 1999 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ ADM”). |
16 |
Abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-ħames impriżi akkużati b’risposta għat-talba għal informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni, din indirizzatilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bid-data tad-29 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”), fejn akkużathom li kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), minn Marzu 1991 sa Mejju 1995 għal erbgħa fosthom, inkluż ADM, u minn Mejju 1992 sa Mejju 1995 f’dak li jirrigwarda lil Cerestar, billi pparteċipaw f’akkordju sigriet fuq is-suq tal-aċidu ċitriku. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari tikkontestalhom li allokaw xi kwoti ta’ bejgħ preċiżi għal kull waħda minnhom u li osservawhom, li ffissaw prezzijiet speċifiċi li riedu u/jew minimi, neħħew tnaqqis offrut u wettqu skambju ta’ informazzjoni speċifika fuq il-klijenti. L-ebda waħda minn dawn l-impriżi ma talbet għal seduta jew ikkontestat il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huma llimitaw ruħhom biex iwieġbu bil-miktub għall-akkużi fformulati. |
Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
17 |
Fil-parti I tat-Titolu C tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet il-fatti msemmija fl-oġġezzjonijiet tagħha. Fil-punt 50 ta’ din id-dikjarazzjoni, hija elenkat il-ħames dokumenti ewlenin ta’ prova li fuqhom ibbażat il-konstatazzjonijiet fattwali tagħha, li kienu annessi ma’ din id-dikjarazzjoni flimkien ma’ sitt dokumenti oħra, fosthom rendikont tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn rappreżentant ta’ ADM matul il-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998 mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ ADM, ir-rendikont tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn ex rappreżentant ta’ ADM quddiem ir-rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u tal-aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) matul il-proċeduri antitrust imressqa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, tal-5 ta’ Novembru 1996 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-FBI”), kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
18 |
Barra minn dan, huwa indikat fil-punti 161 u 162 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tikkunsidra l-fatti hekk kif deskritti u evalwati f’din it-Titolu C u li, sabiex tiddetermina l-multa li għandha tiġi imposta lil kull impriża, hija tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, ir-rwol milgħub minn kull wieħed fl-akkordji kollużivi hekk kif deskritti fil-parti I ta’ din id-dikjarazzjoni. |
19 |
Fl-aħħar nett, il-punti 57 u 58 ta’ din id-dikjarazzjoni jsemmu l-laqgħat bilaterali li seħħew f’Jannar 1991 bejn ADM u, rispettivament, JBL, HLR kif ukoll H & R għall-implementazzjoni tal-akkordju. |
Id-dikjarazzjoni ta’ ADM
20 |
Id-dikjarazzjoni ta’ ADM fiha deskrizzjoni ddettaljata u b’ċifri rigward il-mekkaniżmi tal-akkordju, u b’mod partikolari tad-deċiżjonijiet adottati mill-impriżi akkużati matul il-laqgħat tagħhom minn Marzu 1991 sa Mejju 1995. |
Ir-rapport tal-FBI
21 |
Ir-rapport tal-FBI fih deskrizzjoni mogħtija minn ex rappreżentant ta’ ADM tal-mekkaniżmi tal-akkordju u, b’mod partikolari, tal-informazzjoni fuq il-laqgħat li seħħew bejn l-impriżi akkużati. Dan ir-rapport isemmi, fost l-oħrajn, li ġew organizzati laqgħat fejn ipparteċipaw rappreżentanti ta’ kull impriża parti mill-akkordju, fost dawn hemm il-laqgħat magħrufa bħala “masters”, li fihom jiltaqgħu l-ogħla rappreżentanti, li jirrigwardaw l-orjentament u l-mekkaniżmi tal-akkordju, kif ukoll laqgħat magħrufa bħala “sherpa” li fihom jiltaqgħu r-rappreżentanti inkarigati bl-implementazzjoni prattika ta’ dawn il-mekkaniżmi. Skont dan l-istess rapport, il-persuna interrogata jidhrilha li ex rappreżentant ieħor ta’ ADM, magħruf bħala “l-Għaref”, li kien jipparteċipa fiż-żewġ tipi ta’ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq, kellu l-idea wara l-mekkaniżmu tal-akkordju magħruf bħala “ftehim G-4/5” u kellu rwol ferm attiv fl-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu. |
Id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar
22 |
Id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar fiha deskrizzjoni sommarja tal-laqgħat multilaterali bejn ir-rappreżentanti tal-impriżi akkużati kif ukoll tad-deċiżjonijiet li kienu ġew adottati. Huwa ppreċiżat f’din id-dikjarazzjoni li r-rappreżentant ta’ Cerestar jidhirlu li r-rappreżentant ta’ ADM kellu rwol ta’ mexxej f’dawn il-laqgħat. |
Id-deċiżjoni kkontestata
23 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-ħames impriżi destinatarji ta’ din “kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat […] meta pparteċipaw fi ftehim u/jew prattiki miftiehma kontinwi fis-settur tal-aċidu ċitriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
24 |
L-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni jiddisponi li l-ksur dam mix-xahar ta’ Marzu 1991 sax-xahar ta’ Mejju 1995 fil-każ ta’ ADM, ta’ HLR, ta’ H & R kif ukoll ta’ JBL u mix-xahar ta’ Mejju 1992 sax-xahar ta’ Mejju 1995 fil-każ ta’ Cerestar. |
25 |
L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej: “Il-multi li ġejjin qed jiġu imposti […] għall-ksur ikkonstatat [fl-Artikolu 1]:
|
26 |
Għall-iffissar tal-ammont tal-multi fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat il-metodu espost fil-Linji Gwida, kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. |
27 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità u t-tul tal-ksur. |
28 |
F’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, fil-premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-ewwel nett ikkwalifikat il-ksur bħala wieħed gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-aċidu ċitriku fiż-ŻEE u fuq id-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. |
29 |
Insegwitu, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 233 ta’ din id-deċiżjoni, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li tippreġudika l-kompetizzjoni u tiffissa l-multa għal livell li jiggarantixxi effett disważiv suffiċjenti. Konsegwentement, billi tibbaża fuq id-dħul tal-bejgħ dinji miksub mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-aċidu ċitriku matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu li fih seħħ ksur, il-Kummissjoni qasmet dawn fi tliet kategoriji. Fl-ewwel waħda, hija kklassifikat H & R, li għandha 22% tas-suq dinji, fit-tieni, inkludiet ADM u JBL, bi [kunfidenzjali] mis-suq kif ukoll HLR, b’9% tas-suq, u fit-tielet, Cerestar, bi 2.5% tas-suq dinji. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti inizjali għal, rispettivament, EUR 35 miljun għall-impriża kklassifikata fl-ewwel kategorija, EUR 21 miljun għal dawk ikklassifikati fit-tieni kategorija u EUR 3.5 miljun għal dik ikklassifikata fit-tielet kategorija. |
30 |
Barra minn dan, sabiex tiżgura lill-multa effett disważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni aġġustat dawn l-ammonti bażiċi. Għal dan il-għan, fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriżi kkonċernati, espress fid-dħul tal-bejgħ dinji globali, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 għall-ammonti inizjali stabbiliti għal ADM u HLR, u ta’ 2.5 għall-ammont inizjali stabbilit għal H & R. |
31 |
Barra minn dan, jirriżulta mill-premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata li, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammonti hekk stabbiliti ġew miżjuda b’10% għal kull sena li fiha pparteċipaw fl-akkordju, jiġifieri żieda ta’ 40% f’dan li jirrigwarda ADM, HLR, H & R u JBL, u ta’ 30% f’dak li jirrigwarda Cerestar. |
32 |
Għalhekk, fil-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multi għal EUR 58.8 miljun f’dak li jirrigwarda ADM. Fir-rigward ta’ Cerestar, ta’ HLR, ta’ H & R u ta’ JBL, l-ammonti bażiċi ġew iffisati, rispettivament, għal EUR 4.55, EUR 58.8, EUR 122.5 u EUR 29.4 miljun. |
33 |
It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti lil ADM u lil HLR żdiedu b’35% minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti, billi dawn l-impriżi kellhom rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju. |
34 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 263 u 264 ta’ din id-deċiżjoni, il-laqgħat bilaterali bejn ADM u tliet impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju bħala indiċi tal-fatt li ADM kellha rwol ta’ provokatur tal-akkordju, u żiedet li elementi oħra jikkontribwixxu sabiex jiġi pprovat ir-rwol ta’ mexxej ta’ din tal-aħħar fl-akkordju. |
35 |
F’dan ir-rigward, fil-premessi 265 u 266 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal ċerti fatti li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
36 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet it-talbiet ta’ ċerti impriżi li jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti għall-premessi 274 sa 291 ta’ din id-deċiżjoni. |
37 |
Ir-raba nett, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni, fil-premessa 293 tad-deċiżjoni kkontestata, adattat l-ammonti hawn ikkalkolati għal Cerestar kif ukoll H & R sabiex dawn ma jaqbżux il-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ totali annwali ta’ dawn l-impriżi. |
38 |
Fl-aħħar, fil-ħames nett, skont il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi rispettivi tal-impriżi akkużati. |
39 |
Għalhekk, jirriżulta mill-premessi 305 u 310 tad-deċiżjoni kkontestata li Cerestar ibbenefikat, skont it-Titolu B ta’ din il-komunikazzjoni, minn tnaqqis “sostanzjali”, jiġifieri 90% tal-ammont tal-multa li kienet tkun lilha imposta fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, billi kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni dawk l-elementi determinanti sabiex jiġi pprovat l-eżistenza tal-akkordju. |
40 |
Korrelattivament, il-Kummissjoni ċaħdet, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti ta’ ADM li juru li din tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel impriża li pprovdiet dawn l-elementi u li ngħatat biss, skont it-Titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tnaqqis “sinjifikattiv”, jiġifieri ta’ 50%, tal-ammont tal-multa li kienet lilha imposta minħabba fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. |
41 |
Barra minn dan, JBL, H & R u HLR ibbenefikaw minn tnaqqis, rispettivament, ta’ 40%, 30% u 20% fuq l-ammont tal-multi lilhom imposti minħabba fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
42 |
Fit-28 ta’ Frar 2002, ADM fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
43 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ADM talbet għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata in kwantu dan jikkonstata li hija pparteċipat fir-restrizzjoni tal-kapaċitajiet tas-suq tal-aċidu ċitriku u għall-ħatra ta’ produttur sabiex imexxi ż-żieda fil-prezzijiet f’kull qasam nazzjonali ta’ dan is-suq ikkonċernat, u għall-annullament tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċernaha u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha. |
44 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ADM ressqet diversi motivi dwar l-ammont tal-multa lilha imposta u fost l-oħrajn, dawn kienu diretti kontra l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju li tagħha hija l-oġġett, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u tal-kooperazzjoni li pprovat matul il-proċeduri amministrattivi. |
45 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, ADM qieset li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji fid-definizzjoni tas-suq rilevanti, billi ma ddefinitx minn qabel suq bħal dan u għaldaqstant, kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’din id-definizzjoni, il-prodotti ta’ sostituzzjoni tal-aċidu ċitriku. |
46 |
Wara li kkonstatat, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li ADM ma werietx li l-impatt tal-akkordju dwar l-aċidu ċitriku fuq is-suq iżjed wiesa’ li għalih hija kienet tirreferi kien ineżistenti jew, għall-inqas, negliġibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv. |
47 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kwalifika tal-mejjex tal-akkordju, ADM tikkontesta lill-Kummissjoni li wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-elementi kkunsidrati sabiex tingħata kwalifika bħal din. Minn naħa, l-appellanti qieset li l-Kummissjoni kienet għamlet użu minn dokument imħejji minn awtoritajiet ta’ Stat terz, jiġifieri r-rapport tal-FBI, bi ksur tal-garanziji proċedurali, fejn b’mod partikolari, hija ma ngħatatx ċans li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-validità ta’ dan id-dokumenti. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża billi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma semmiet la l-kwalifika ta’ mexxej f’dak li jirrigwarda ADM u lanqas l-elementi li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar sabiex tipprova r-rwol ta’ mexxej. |
48 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret fil-punt 215 tas-sentenza appellata li sabiex il-Kummissjoni tipproċedi fuq din il-kwalifika, hija bbażat fuq tliet elementi, jiġifieri l-laqgħat bilaterali, ir-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
49 |
Fir-rigward tal-laqgħat bilaterali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqietx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li dan kien jirrigwarda indizju addizzjonali meta mqabbel maż-żewġ elementi l-oħra li huma r-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar li jippruvaw li ADM kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju. |
50 |
Fir-rigward tar-rapport tal-FBI, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 268 tas-sentenza appellata, li, billi annettiet dan ir-rapport mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ppermettiet lil ADM li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-validità ta’ dan ir-rapport, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ irregolaritajiet eventwali ta’ proċedura li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn. Wara li kkonstatat li ADM fl-ebda stadju tal-proċedura amministrattiva ma kkontestat dan ir-rapport, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 270 ta’ din is-sentenza li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet proċedurali tal-appellanti. |
51 |
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 290 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tiegħu jaqbel ma’ dak tar-rapport tal-FBI, b’mod li l-Kummissjoni ma wettqietx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat valur probatorju ogħla lil dan meta mqabbel ma elementi oħra li l-appellanti ressqet sabiex tipprova turi li ma assumietx ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju. |
52 |
Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punti 436 sa 439 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi akkużati tinkludi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li huma suxxettibbli li jkunu l-bażi tal-multa li l-Kummissjoni qed tfittex li lilhom timponi. Fil-fatt, minn naħa, mhuwiex dmir tagħha, li f’dan l-istadju tal-proċedura hija tinforma lil ADM dwar min ser jiġi kkwalifikat bħala mexxej tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, billi huwa paċifiku li r-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar kienu ġew annessi ma’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ADM ma setgħatx tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża, meta l-Kummissjoni ma kinitx espressament indikat, fil-parti ta’ din id-dikjarazzjoni dwar l-espożizzjoni tal-fatti, li hija setgħat tikkunsidra lil ADM bħala mexxej tal-akkordju u lanqas indikat l-elementi li hija kienet tqis sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rwol. |
53 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motiv ta’ ADM dwar il-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju. |
54 |
It-tielet nett, ADM qieset li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ma tathiex il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, meta hija kienet waqqfet milli tipparteċipa fl-akkordju mal-ewwel interventi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Uniti. |
55 |
Wara li, fil-punti 335 u 336 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet eżami dettaljat tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, fil-punt 338 ta’ din is-sentenza, hija kkonkludiet li l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti ma tistax tingħata ex officio, u li din tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, in-natura sigrieta tal-akkordju inkwistjoni juri li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur li ġie lilhom ikkontestat deliberatament, b’mod li, konformi mal-ġurisprudenza tagħha, il-waqfien minn ksur bħal dan ma għandhux jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti meta dan ikun ġie ddeterminat b’intervent mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motiv ta’ ADM dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element bħala ċirkustanza attenwanti. |
56 |
Ir-raba’ nett, ADM tikkontesta lill-Kummissjoni li ma pprovdithiex bil-benefiċċju ta’ tnaqqis “sostanzjali”, skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tal-ammont tal-multa li kellha tkun lilha imposta fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, meta hija kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni l-elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. |
57 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll ċaħdet dan il-motiv, billi fil-punti 377 u 378 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-Kummissjoni ġustament ma kinitx applikat il-benefiċċju ta’ tnaqqis “sostanzjali” tal-ammont tal-multa fid-dawl tar-rwol ta’ mexxej ta’ ADM fl-akkordju. |
58 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-bqija, tilqa’ l-motiv imressaq minn ADM fir-rigward tal-irregolarità tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ ċerti elementi li ma kinux ġew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, hija annullat l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni billi, meta dan jinqara flimkien ma’ din il-premessa, jiġi kkonstatat li ADM, minn naħa, iffriżat, irrestrinġiet u waqfet l-kapaċitajiet fil-produzzjoni tal-aċidu ċitriku, u, min-naħa l-oħra, ħatret il-produttur li għandu jmexxi ż-żidiet fil-prezzijiet f’kull qasam nazzjonali tas-suq inkwistjoni. Madankollu, billi dawn l-elementi kienu eċċessivi meta mqabbla mal-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li ma kienx hemm lok li tiġi emendata l-multa kif iffissata mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda ADM. Fl-aħħar nett, hija kkundannat lil din tbati l-ispejjeż kollha ħlief għal 10% tal-ispejjeż tagħha li għandhom jiġu sostnuti mill-Kummissjoni. |
It-talbiet tal-partijiet
59 |
ADM titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
|
60 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
|
Fuq l-appell
61 |
L-appellanti invokat disa’ aggravji insostenn tal-appell tagħha, li huma rispettivament ibbażati:
|
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt f’dak li jirrigwarda l-evalwazzoni tar-rispett tad-drittijiet ta’ difiża ta’ ADM fir-rigward tal-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju
L-argumenti tal-partijiet
62 |
Permezz ta’ dan l-aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, ADM tallega ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-drittijiet tagħha ta’ difiża. |
63 |
Fl-ewwel parti, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kkonstatat, fil-punti 437 u 438 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-elementi prinċipali ta’ fatt li jikkaratterizzaw il-gravità tal-imġiba tagħha, waqt li m’hemm l-ebda referenza għaċ-ċirkustanza li hija kienet suxxettibbli li tiġi kkunsidrata bħala mexxej tal-akkordju. Ir-rwol ta’ mexxej huwa wieħed mill-elementi prinċipali li għandhom jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għaliex inkella jinkisru d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. |
64 |
Fit-tieni parti, ADM tqis li l-Kummissjoni ma avżathiex, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi konkluż r-rwol tagħha ta’ mexxej. Il-fatt waħdu, li jkunu annessi ma’ din id-dikjarazzjoni, dokumenti li minnhom jirriżultaw dawn il-fatti mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. |
65 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju mhuwiex fondat. Fir-rigward tal-ewwel parti, billi fil-punt 158 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jissemma dak li ser tieħu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tar-rwol individwali ta’ kull impriża li pparteċipat għall-ksur meta l-gravità ta’ dan ikun qed jiġi evalwat, hija b’hekk għamlet tajjeb għal dawk ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza li l-appellanti stess fakkret, kif ukoll hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwarhom. |
66 |
It-tieni parti hija irrilevanti, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kinitx għall-Kummissjoni li tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-fatti li wassluha sabiex tikkwalifika lill-appellanti bħala mexxej tal-akkordju. F’kull każ, din il-parti hija infondata billi dawn il-fatti kienu magħrufa minn din tal-aħħar, billi jirriżultaw minn dokumenti annessi ma’ din id-dikjarazzjoni. Barra minn dan, punti differenti ta’ din id-dikjarazzjoni espliċitament irrigwardaw l-appellanti. Konsegwentement, din kienet f’pożizzjoni li tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha fir-rigward tad-dokumenti użati sabiex jiġi pprovat ir-rwol tagħha ta’ mexxej fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi, b’mod li d-drittijiet tagħha tad-difiża ma ġewx miksura. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
— Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju
67 |
Jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fil-punt 437 tas-sentenza appellata li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil ADM, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur ikkontestat lill-impriżi akkużati bħala wieħed serju ħafna u ddikjarat l-intenzjoni li tiffissa l-ammont tal-multi għal livell disważiv suffiċjenti. F’dan il-kuntest, jirriżulta wkoll mill-premessi 158, 161 u 162 ta’ din id-dikjarazzjoni, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol individwali ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur. |
68 |
Għandu jiġi enfasizzat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 434 tas-sentenza appellata, peress li l-Kummissjoni tindika espressament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha li hija kienet ser teżamina jekk kellhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u peress li hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi akkużati għal smigħ xieraq. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 428, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France Bétail et Viande vs Il-Kummissjoni, C-101/07 P u C-110/07 P, punt 49). |
69 |
Barra minn dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, li l-Kummissjoni tiġi obbligata tgħarraf lill-impriżi akkużati fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-indikazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw il-livell tal-multi, hija tkun qed tiġi imposta li tantiċipa b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni finali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21). |
70 |
Għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li l-kwalifika ta’ mexxej ta’ akkordju għandha konsegwenzi importanti f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża hekk ikkwalifikata. Għalhekk, b’mod konformi mal-punt 2 tal-Linji Gwida, din hija ċirkustanza aggravanti li twassal għal żieda mhux negliġibbli tal-ammont bażiku tal-multa. Bl-istess mod, skont il-paragrafu (e) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tali kwalifika teskludi a priori l-benefiċċju ta’ tnaqqis sostanzjali tal-multa, meta l-istess impriża akkużata li hija kkwalifikata bħala mexxej tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha hemm stabbiliti sabiex tikseb tnaqqis bħal dan. |
71 |
Għalhekk, huwa għall-Kummissjoni li tressaq fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li hija tqis rilevanti sabiex l-impriża akkużata li tkun suxxettibbli li tikkwalifika bħala mexxej tal-akkordju tkun tista’ tirrispondi għal tali akkuża. Madankollu, fir-rigward tal-fatt li tali dikjarazzjoni jkun jifdlilha stadju ieħor għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li din ma tikkostitwixxix għalhekk pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jistax jintalab li din tal-aħħar diġà f’dan l-istadju tipproċedi għal kwalifika ġuridika tal-elementi li fuqhom hija ser tibbaża fid-deċiżjoni finali tagħha sabiex tikkwalifika impriża bħala mexxej tal-akkordju. |
72 |
Min dan jirriżulta li ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħat tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet suxxettibbli li tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalifika ta’ mexxej f’dak illi jirrigwarda lil ADM. |
73 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
— Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
74 |
F’din il-parti, ADM issostni li, meta qieset fil-punt 439 tas-sentenza appellata li hija kienet f’pożizzjoni li tista’ ssostni l-opinjoni tagħha rigward ċerti fatti kkunsidrati għall-kwalifika ta’ mexxej fl-akkordju billi dawn il-fatti jirriżultaw mid-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tagħha ta’ difiża. |
75 |
Sabiex tikkwalifika lil ADM bħala mexxej tal-akkordju, il-Kummissjoni straħet, fil-premessi 265 u 266 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq fatti li kienu bbażati fuq ir-rapport tal-FBI kif ukoll fuq id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
76 |
Għalhekk, minn naħa, din il-premessa 265, li tiċċita r-rapport tal-FBI, tindika li “l-metodu tal-arranġament G-4/5 jidher li kien l-idea [tar-rappreżentant ta’ ADM] u li fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 f’Basel, fejn il-ftehim [dwar l-aċidu ċitriku] ġie mfassal, [dan ir-rappreżentant] kellu rwol pjuttost attiv” u minkejja li dan ir-rappreżentant “kien ikkunsidrat bħala ‘l-Għaref’, u kien anki ġie mlaqqam ‘il-predikatur’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
77 |
Min-naħa l-oħra, din il-premessa 266 fiha silta mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar li tafferma, “minkejja li [r-rappreżentanti ta’ HLR u ta’ JBL kienu normalment imexxu] l-laqgħa ‘masters’, [Cerestar] kellha l-impressjoni ċara li [r-rappreżentant ta’ ADM] kellu rwol ta’ mexxej. [Dan tal-aħħar] kien imexxi l-laqgħat ‘sherpa’ u kien ġeneralment jipprepara d-dokumenti u l-proposti għall-figuri li jridu jiġu diskussi”. |
78 |
L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma affermatx il-prinċipju li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi ta’ fatt li wassluha sabiex tikkwalifika lil ADM bħala mexxej. Fil-fatt, hija esprimiet ruħha fis-sentenza appellata hekk kif ġej:
|
79 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet irrispettat id-drittijiet tad-difiża ta’ ADM, sa fejn hija annettiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-provi li minnhom jirriżultaw il-fatti li fuqhom hija bbażat, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkwalifika lil ADM bħala mexxej tal-akkordju. |
80 |
Waqt illi jiġi ppreċiżat dan, u minkejja li mhuwiex ikkontestat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 438 tas-sentenza appellata, li ma kienx għall-Kummissjoni li tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-mod kif kienet ser tagħmel użu mill-elementi ta’ fatt sabiex tiddetermina l-livell tal-multa u lanqas, b’mod partikolari, jekk hija kinitx, fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, ser tikkwalifika impriża bħala mexxej ta’ akkordju, madankollu jibqa’ li l-Kummissjoni kellha minn tal-inqas tindika dawn l-elementi ta’ fatt. |
81 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, il-fatti li fuqhom hija bbażat fil-premessi 265 u 266 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
82 |
Fil-fatt, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-punt 439 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx li l-fatti determinanti kienu ġew esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda hija kkonstatat li, mis-sempliċi ċirkustanza li l-Kummissjoni annettiet ma’ din id-dikjarazzjoni d-dokumenti li minnhom jirriżultaw dawn il-fatti, l-appellanti kienet f’pożizzjoni li tati l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-użu ta’ dawn id-dokumenti bħala prova, iżda wkoll fuq il-fatti li kienu hemm deskritti. |
83 |
Għalhekk hemm lok li jiġi vverfikat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqietx żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-Kummissjoni rrispettat id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti meta pproċediet hekk. |
84 |
Għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal ħlas ta’ penalitajiet, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat anki jekk jirrigwarda proċedura ta’ natura amministrattiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 70). |
85 |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, b’mod partikolari, li l-impriża investigata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-trattat (ara s-sentenzi, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04, Ġabra p. I-829, punt 44, kif ukoll SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). |
86 |
Fost affarijiet oħra, hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tippermetti lill-impriżi investigati li jsiru jafu l-provi li minnhom tiddisponi l-Kummissjoni u li jagħtu lid-drittijiet tad-difiża effettività sħiħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 315 u 316, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 66 u 67). |
87 |
F’dan ir-rigward, din id-dikjarazzjoni għandha b’mod ċar tistabbilixxi l-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat f’dan l-istadju tal-proċeduri (ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). |
88 |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (ara sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
89 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt li ġew annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet id-dokumenti li minnhom jirriżultaw l-fatti li abbażi tagħhom ADM ġiet ikkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti iċċitati iktar ’il fuq, sa fejn, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, ma ngħatawx l-opportunità li jikkontestaw il-fatti, u konsegwentement, li jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom. |
90 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-provi li minnhom jirriżultaw il-fatti li fuqhom hija bbażata l-kwalifika ta’ ADM bħala mexxej tal-akkordju fid-deċiżjoni kkontestata bilfors għandhom, min-natura tagħhom, aspett suġġettiv, billi dawn jikkonsistu fix-xhieda ta’ persuni mdaħħla f’dawn il-proċeduri għal ksur mibdijja mill-Kummissjoni jew minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni. |
91 |
Għalhekk, minn naħa, ir-rapport tal-FBI huwa l-frott tal-interrogatorju ta’ ex rappreżentant ta’ ADM li bbenefika minn immunità fil-kuntest tal-proċeduri mibdijja mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Uniti. |
92 |
Min-naħa l-oħra, it-tieni element ta’ prova jikkonsisti f’dikjarazzjoni spontanja ta’ Cerestar, impriża kompetitur ta’ ADM fuq is-suq tal-aċidu ċitriku u li hija stess ipparteċipat fl-akkordju kkontestat. |
93 |
Is-sempliċi ċirkustanza li dawn id-dokumenti kienu annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ppermettietx lill-appellanti li tevalwa l-kredibbiltà li tat il-Kummissjoni lil kull wieħed mill-elementi mressaq f’dawn id-dokumenti. |
94 |
Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li, billi llimitat ruħha tannetti mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet id-dokumenti u l-provi li minnhom jirriżultaw il-fatti li fuqhom hija bbażat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkwalifika lill-appellanti bħala mexxej fl-akkordju, mingħajr ma dawn il-fatti ssemmew espressament fit-test stess ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni qiegħdet lil ADM fil-pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tagħha. |
95 |
Konsegwentement, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta qieset li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti meta kkwalifikat lil din bħala mexxej tal-akkordju abbażi tal-elementi li hija kienet ressqet għal dan il-għan, iżda li ma kinux ġewx imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-appellanti. |
96 |
Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan l-ewwel aggravju għandha tintlaqa’. |
Fuq it-tieni sal-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt jew ta’ żnaturament tal-mezzi ta’ prova f’dak li jirrigwarda l-kwalifika ta’ ADM bħala mexxej tal-akkordju
97 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel aggravju mressaq minn ADM, m’hemmx għalfejn jiġu eżaminati t-tieni sal-ħames aggravju, li jirrigwardaw ukoll il-kwalifika ta’ ADM bħala mexxej tal-akkordju abbażi tal-elementi li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza għan-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti
L-argumenti tal-partijiet
98 |
ADM issostni li, billi kkunsidrat, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tagħti l-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti previsti mill-Linji Gwida fil-każ li jintemm il-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet għal interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li hija ddeċidiet fil-punti 335 sa 340, l-għoti taċ-ċirkustanzi attenwanti mhijiex sempliċi fakultà li għandha l-Kummissjoni, li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni n-natura sigrieta tal-akkordju sabiex tingħata jew ma tingħatax il-benefiċċju. |
99 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ma kkunsidratx li l-waqfien mill-ksur iwassal awtomatikament għal tnaqqis fil-multa. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-imġiba tal-impriża inkwistjoni. F’dan il-każ, ADM ma kkontribwixxitx b’mod deċiżiv fil-proċedura amministrattiva b’tali mod li hija ma setgħetx tibbenefika minn ċirkustanzi attenwanti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
100 |
Għandu jiġi mfakkar li b’mod konformi mal-punt 3 tal-Linji Gwida, l-ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni huwa mnaqqas, b’mod partikolari, meta l-impriża akkużata twaqqaf il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. |
101 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 338 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ssir konkreta, li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti. |
102 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-teżi tal-appellanti li l-waqfien tal-akkordju kellu jwassal awtomatikament għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa, skont il-punt 3 tal-Linji Gwida, billi enfasizzat, fil-punt 337 tas-sentenza appellata, li tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif sostnuta minn ADM tkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE. |
103 |
B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt. |
104 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa huwa neċessarjament marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ, li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li impriża li tipparteċipa f’akkordju illegali ma għandhiex tibbenifika minnu. |
105 |
Għalhekk, jekk jiġi rikonoxxut il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża hija parti minn akkordju manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, dan jista’ jħeġġeġ lill-impriżi sabiex jidħlu f’akkordju sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-imġiba tagħhom ma tinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk l-imġiba tagħhom tinkixef, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur. Tali rikonoxximent ineħħi kull effett dissważiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE (ara sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 149). |
106 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li fiċ-ċirkustanzi kkonstatati, l-appellanti ma tistax issostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħtiha l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha abbażi tal-fatt li hija temmet l-imġiba illegali tagħha sa mill-ewwel interventi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Uniti. |
107 |
Għalhekk, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-applikazzjoni tat-Titolu tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
108 |
Billi l-kwalifika ta’ mexxej kienet ġiet ikkunsidrata b’mod żbaljat fir-rigward tagħha, ADM tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma laqgħatx il-motiv tagħha rigward il-benefiċċju tal-applikazzjoni tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. |
109 |
Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju jikkostitwixxi repetizzjoni tal-ewwel aggravju, b’mod li dan għandu jitqies bħala inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
110 |
Għalhekk, hekk kif ġie deċiż fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-Kummissjoni setgħat tagħmel użu mill-fatti hekk kif jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar sabiex tikkwalifika lil ADM bħala mexxej tal-akkordju, meta dawn il-fatti ma kinux ġew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijijet, mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar. |
111 |
Billi l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 225 u 226 tas-sentenza appellata, li, bit-tqegħid fil-ġenb ta’ dawk il-provi ċċitati iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ laqgħat bilaterali jikkostitwixxu biss indizju li ma jippermettux, waħedhom, li jiġi konkluż li l-appellanta għandha r-rwol ta’ mexxej, għalhekk jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkonfermat il-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju f’dak illi jirrigwarda lil ADM. |
112 |
Għaldaqstant, sa fejn l-appellanti ma kinitx legalment ikkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħatx, mingħajr ma twettaq żball ta’ dritt, tiċħad il-benefiċċju tal-applikazzjoni tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni minħabba li ADM kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju. |
113 |
Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi milqugħ. |
Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi
Argumenti tal-partijiet
114 |
Skont ADM, il-konstatazzjonijiet mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 386 sa 391 tas-sentenza appellata kellhom iwasslu sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet ħolqot aspettativi leġittimi fit-talbiet tal-appellanti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-istadju tal-proċedura li fih seħħet il-kooperazzjoni mhijiex rilevanti rigward il-ħolqien ta’ dawn l-aspettativi, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 394 tas-sentenza appellata. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punti 147 sa 167). |
115 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi oġġettivament hija mhijiex f’pożizzjoni li tiddefinixxi preċiżament ir-rwol ta’ kull parteċipant f’akkordju qabel ma ngħata bidu għall-proċedura amministrattiva, ADM ma setgħax ikollha t-tama fl-applikazzjoni eventwali ta’ tnaqqis “sostanzjali”, fis-sens tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tal-ammont tal-multa li ser tkun lilha imposta. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
116 |
Minn naħa, hekk kif enfasizza l-avukat ġenerali fil-punt 208 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan l-aggravju ADM qed tfittex li tikseb matul l-appell, eżami mill-ġdid tal-fatti evalwati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-elementi tal-prova. |
117 |
F’dan il-każ, fuq il-bażi tal-elementi eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 386 sa 391 tas-sentenza appellata, din setgħat b’mod raġonevoli tiddeduċi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tħajjar lill-appellanti tikkoopera mingħajr madankollu ma tagħtiha l-ebda assigurazzjoni preċiża fir-rigward ta’ tnaqqis skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-ammont tal-multa li ser tkun lilha imposta. |
118 |
Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mat-Titolu E ta’ din il-Komunikazzjoni, huwa biss meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li hija tevalwa jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titoli B, C jew D ta’ din il-Komunikazzjoni humiex sodisfatti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt meta qieset li l-Kummissjoni ma setgħat tagħti l-ebda garanzija preċiża lill-appellanti fir-rigward tal-benefiċċju ta’ kull tnaqqis tal-multa fil-fażi tal-proċedura qabel l-addozzjoni tad-deċiżjoni finali. |
119 |
Konsegwentement, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud billi huwa parzjalment innammissibli u parzjalment, infondat. |
Fuq id-disa’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li skont dan il-Kummissjoni għandha tirrispetta r-regoli imposti minnha stess fuqha
L-argumenti tal-partijiet
120 |
ADM tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkonstatatx li l-Kummisjsoni, b’mod żbaljat, ma kinitx iddefinit is-suq rilevanti sabiex tevalwa l-impatt tal-akkordju, anki jekk dan fil-fatt kien indispensabbli sabiex jiġi kkonstatat dannu lil dan is-suq minħabba fl-akkordju. Jekk il-Kummissjoni kienet iddefinit dan is-suq, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-prodotti ta’ sostituzzjoni tal-aċidu ċitriku u tikkonkludi, fir-rigward tal-provi mressqa mill-appellanti, għal nuqqas ta’ impatt tal-akkordju fuq il-prezzijiet mitluba fis-settur tal-aċidu ċitriku. |
121 |
Skont il-Kummissjoni, minn naħa, dan l-aggravju huwa inammissibbli, billi l-appellanti fil-fatt titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-evalwazzjoni ta’ provi minnha mressqa. Min-naħa l-oħra, l-approċċ ta’ ADM, jistrieħ fuq ftehim ħażin ta’ dak li huwa l-għan imfittex mid-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Skont il-każ, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur għall-Artikolu 81 KE, li teħtieġ id-definizzjoni tas-suq rilevanti, mill-evelwazzjoni tal-gravità tal-ksur. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
122 |
L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Linji Gwida jipprovdu li l-impatt konkret tal-ksur fis-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur imwettaq fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa. |
123 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni llimitat ruħha għas-suq tal-aċidu ċitriku sabiex tiddetermina l-impatt konkret tal-akkordju. B’hekk, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni suq iktar wiesa’ li l-appellanti titlob li tittieħed inkunsiderazzjoni, li tinkludi prodotti ta’ sostituzzjoni tal-aċidu ċitriku li din tal-aħħar identifikat. |
124 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet, fil-punti 152 sa 156 u 180 sa 193 tas-sentenza appellata, għall-analiżi li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata, li wasslitha sabiex tikkonstata evoluzzjoni fil-prezz tal-aċidu ċitriku parallel għall-implementazzjoni tal-akkordju, konstatazzjoni li ma ġietx ikkontestata minn ADM. |
125 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għalkemm l-impatt konkret tal-ksur fis-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ dan il-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, jiġifieri n-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Bl-istess mod, il-Linji Gwida jippreċiżaw li dan l-impatt konkret fuq is-suq għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss fejn dan jista’ jiġi mkejjel. |
126 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif qis l-avukat ġenerali fil-punti 200 u 201 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti ma tikkontestax, għallinqas fuq parti tas-suq, li l-akkordju kellu effetti fuq il-prezz tal-aċidu ċitriku. |
127 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat, fil-punti 200 u 201 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-appellanti ma jistax jintlaqa’ sa fejn din tal-aħħar ma werietx li l-Kummissjoni kellha tikkonstata nuqqas ta’ impatt tal-akkordju jekk hija kienet iddefinit is-suq rilevanti hekk kif l-appellanti kienet talbet. |
128 |
B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li din tal-aħħar issostni, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha li tikkunsidra li l-provi mressqa minnha ma jippermettux li tiġi miċħuda l-analiżi tal-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma jinqaleb l-obbligu tal-oneru tal-prova. |
129 |
Għaldaqstant, id-disa’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
130 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata billi din tiċħad l-motivi invokati mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi din id-deċiżjoni tikkwalifika lil ADM bħala l-mexxej tal-akkordju u, għal dan il-għan, min-naħa, tipproċedi sabiex iżżid l-ammont bażiku tal-multa li għandha tkun imposta fuq l-appellanti, u, min-naħa l-oħra, ma tapplikax it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għall-benefiċċju ta’ ADM. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
131 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tagħti deċiżjoni finali fil-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Din hija s-sitwazzjoni f’din il-kawża. |
Fuq ill-motiv ibbażat fuq żball fir-rigward tal-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju
132 |
Il-motiv imressaq insostenn tar-rikors mid-deċiżjoni kkontestata, li dwarha l-Qorti tal-Prim’Istanza iddeċidiet b’mod żbaljat, jaqa’ fil-kontestazzjoni tal-appellanti, tal-kwalifika ta’ mexxej tal-akkordju u tal-applikazzjoni, għal dan il-għan, ta’ żieda ta’ 35% tal-ammont bażiku tal-multa. |
133 |
Billi, jirriżulta mill-punt 94 ta’ din is-sentenza li l-Kummissjoni ma qegħditx lil ADM f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tagħha f’dak li jirrigwarda l-elementi li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar li hija kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkwalifika lil-appellanti bħala mexxej tal-akkordju, għandu jiġi vverifikat jekk din l-istituzzjoni ppreżentatx provi, barra minn dawn il-fatti, li jippermettu li tinżamm tali kwalifika. |
134 |
Għal dan il-għan, jirriżulta mill-premessi 263 u 264 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-punti 56 sa 58 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni ressqet, addizzjonalment, l-eżistenza ta’ numru ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u, rispettivament, HLR, H & R u JBL matul ix-xahar ta’ Jannar 1991 sabiex jingħata bidu, kif ukoll jiġi elaborat, l-akkordju. |
135 |
Barra minn dan, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li “l-eżistenza ta’ numru ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u l-kompetituri tagħha ftit qabel l-ewwel laqgħa multilaterali tal-akkordju ma kienx biżżejjed biex jiġi konkluż li ADM kienet l-istigatriċi tal-akkordju, iżda kienet tikkostitwixxi indikazzjoni importanti”. Insegwitu, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessi 265 u 266 ta’ din id-deċiżjoni, għal elementi preċiżi li jirriżultaw mir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar. |
136 |
Hekk kif huwa enfasizzat fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma setgħatx tibbaża fuq l-elementi determinanti kkunsidrati fil-premessi 265 u 266 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkwalifika lil ADM bħala mexxej tal-akkordju mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ din. |
137 |
Konsegwentement, l-eżistenza ta numru ta’ laqgħat bilaterali msemmija fil-premessi 263 u 264 ta’ din id-deċiżjoni ma kinux, minnhom nfushom, biżżejjed sabiex ADM tikkwalifika bħala mexxej tal-akkordju, b’hekk il-Kummissjoni baqgħat trid tipprova l-fondatezza ta’ din il-kwalifika, b’mod li ma setgħatx tapplika lill-ammont bażiku tal-multa imposta lill-appellanti żieda ta’ 35% bħala ċirkustanza aggravanti marbuta ma’ din il-kwalifika. |
138 |
Għalhekk dan il-motiv għandu jintlaqa’. |
Fuq il-motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni
Id-deċiżjoni kkontestata
139 |
Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet mwettqa fil-premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat “tnaqqis sostanzjali” għal Cerestar, skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li jammonta għal 90% tal-ammont tal-multa li kieku kienet tkun lilha imposta fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni fil-fatt stmat, f’din il-premessa, li din l-impriża kienet l-ewwel waħda li pprovdiet l-elementi determinanti li jippermettu li tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju matul laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 1998. Hija żiedet, fil-premessa sussegwenti, li l-“informazzjoni pprovduta minn [Cerestar] fil-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, li tikkorrispondi għal dik li sussegwentement kienet inkluża fid-dikjarazzjoni bil-miktub tal-25 ta’ Marzu 1999, kienet biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju u dan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni qabel ma’ ADM ipprovdiet din l-informazzjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet, fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, it-teżi ta’ ADM li skontha din tal-aħħar kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu B sabiex tibbenefika minn “tnaqqis sostanzjali” tal-ammont tal-multa. |
L-argumenti tal-partijiet
140 |
Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ADM sostniet li l-Kummissjoni kienet għamlet applikazzjoni żbaljata tal-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Hija fil-fatt kienet “l-ewwel waħda li [pprovdiet] provi determinanti fuq l-eżistenza tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, matul il-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998, billi l-elementi pprovduti minn Cerestar matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 ma kinux “determinanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
141 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ebda informazzjoni ma ġiet mogħtija minn Cerestar dwar l-akkordju qabel it-12 ta’ Mejju 1992, data li fiha hija bdiet tiġi implikata. Dak li l-Kummissjoni kellha fuq l-akkordju waqt dan il-perijodu kien dovut għal informazzjoni mogħtija mill-ewwel minn ADM. |
142 |
It-tieni nett, id-dikjarazzjoni mogħtija minn Cerestar, li tikkorrispondi għall-informazzjoni kkomunikata oralment matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, ma kienet la konklużiva u lanqas preċiża fir-rigward tad-dati tal-laqgħat u tal-parteċipanti fl-akkordju. Cerestar identifikat 32 laqgħa, li saru f’dati differenti bejn l-14 ta’ Novembru 1991, jiġifieri qabel il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, u s-17 ta’ Lulju 1996, jiġifieri sew wara li spiċċa l-akkordju. Hija ddikjarat li disgħa minnhom kienu laqgħat tal-akkordju li ċertament seħħew, tmienja kienu laqgħat “possibbli” u fir-rigward tal-ħmistax-il laqgħa l-oħra dawn ma kinux laqgħat tal-akkordju jew “[kien] inqas u inqas probabbli li kienu”. L-identità tal-parteċipanti kienet mogħtija għal tlieta mis-17-il laqgħa li kienu jidhru li kienu laqgħat “ċerti” jew “possibbli” tal-akkordju. Sitta mil-laqgħat li ġew ukoll identifikati ma seħħewx fil-verità, skont ix-xhieda tal-partijiet l-oħra kkonċernati u l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
143 |
It-tielet nett, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Mejju 1999 Cerestar irrikonoxxiet ulterjorment li ċertu numru ta’ laqgħat li kienu identifikati, fil-verità ma kinux saru. |
144 |
Ir-raba’ nett, id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar kienet vaga u ftit konklużiva fir-rigward tas-suġġett tal-laqgħat. L-ebda informazzjoni preċiża ma ġiet mogħtija fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwoti, minbarra l-kwoti ffissati minn Cerestar għaliha nnifisha. |
145 |
Il-ħames nett, ma jidhirx b’mod ċar jekk, bħal ADM, Cerestar tatx lill-Kummissjoni prova taħt forma ta’ xhieda personali. Madankollu, Cerestar qieset li kien neċessarju li tiżviluppa u li tikkjarifika d-dikjarazzjoni orali tagħha tad-29 ta’ Ottubru 1998. |
146 |
Is-sitt nett, Cerestar stess kienet is-suġġett ta’ talba għal informazzjoni iżjed iddettaljata mill-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 1999 u bbażata fuq it-talbiet ta’ ADM. Cerestar kellha l-opportunità teżamina t-talba għal informazzjoni, li tirreferi għal dati u postijiet speċifiċi ta’ laqgħat li kienu bbażati fuq l-elementi pprovduti minn ADM, qabel ma kkomunikat id-dikjarazzjoni finali tagħha tal-25 ta’ Marzu 1991 lill-Kummissjoni. |
147 |
Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li l-provi mressqa minnha kienu konklużivi. Fil-fatt, fil-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998, hija tat xhieda personali lill-Kummissjoni, prova dokumentarja kontemporanja kif ukoll dokumenti ta’ prova li jistabbilixxu l-kuntest u l-implementazzjoni tal-ftehim li organizza l-akkordju. Il- provi mressqa minn ADM taw numru ta’ dettalji preċiżi dwar il-laqgħat, il-parteċipanti, il-metodi ta’ kumpens u ta’ kontroll, il-prezzijiet u l-kwoti. |
148 |
Il-Kummissjoni tqis li mhuwiex rilevanti, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura “determinanti” tal-elementi pprovduti, skont il-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li dawn l-elementi jirriżultaw minn impriża li ma pparteċipatx fl-akkordju kkontestat matul il-perijodu kollu ta’ dan. Fil-fatt, dawn l-elementi għandhom jirrigwardaw l-eżistenza tal-akkordju u mhux it-tul tiegħu. |
149 |
Bl-istess mod, il-karattru inkomplet tal-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni mhijiex ta’ xkiel għall-fatt li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala determinanti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
150 |
L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif għamel l-avukat ġenerali fil-punti 221 u 222 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess test tal-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jitlobx li l-“ewwel” impriża tkun ipprovdiet l-elementi kollha li jippruvaw id-dettalji kollha ta’ kif l-akkordju jiffunzjona. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala tali, huwa biżżejjed li impriża tipprovdi “xi” elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. Dan it-test lanqas ma jitlob li l-elementi pprovduti jkunu, minnhom infushom, biżżejjed sabiex tiġi elaborata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur. Madankollu, għalkemm dawn l-elementi msemmija fil-paragrafu (b) tat-Titolu B mhux bilfors għandhom minnhom stess ikunu biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju, dawn għandhom madankollu ikunu determinanti għal dan il-għan. Għalhekk dawn għandhom ikunu mhux biss sempliċi sors li jorjenta l-investigazzjonijiet immexxijja mill-Kummissjoni, iżda elementi suxxettibbli li jiġu użati direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni li tikkonstata ksur. |
151 |
Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ dan il-paragrafu (b) tat-Titolu B, il-fatt li elementi determinanti ġew ipprovduti oralment mhuwiex importanti. |
152 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddisponi minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tevalwa jekk il-kooperazzjoni ta’ impriża kinitx “determinanti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur u t-tmiem ta’ dan tal-aħħar, b’mod li huwa biss użu eċċessiv manifest ta’ din il-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa suxxettibbli li jiġi kkontestat. |
153 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wetqietx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddediċidiet li Cerestar kienet l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju. |
154 |
Il-Kummissjoni tesponi fil-premessi 305 u 306 tad-deċiżjoni kkontestata li Cerestar kienet l-ewwel li pprovdiet l-elementi determinanti li jippermettu li tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju matul laqgħa fid-29 ta’ Ottubru 1998, bid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża jiġu kkonfermati bil-miktub fil-25 ta’ Marzu 1999. |
155 |
L-ewwel nett, għandu jitqies li ADM ma setgħatx tikkontesta n-natura determinanti tal-informazzjoni pprovduta minn Cerestar għar-raġuni waħda li din tal-aħħar ipparteċipat fl-akkordju sa minn sena wara l-implementazzjoni tiegħu. |
156 |
Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, il-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jitlob li l-elementi determinanti pprovduti jirrigwardaw l-eżistenza tal-akkordju stess, u mhux tat-tul tiegħu. |
157 |
Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar fiha indikazzjonijiet li jirrigwardaw laqgħat multilaterali li seħħew qabel ma pparteċipat fl-akkordju, li ġew ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ ADM matul il-laqgħa li seħħet bejn ir-rappreżentanti rispettivi ta’ din u tal-Kummissjoni. |
158 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kontentut stess tad-dikjarazzjoni ta’ Cerestar, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, hemm deskritti l-mekkaniżmi tal-akkordju, jiġifieri s-sistema tal-iffissar tal-prezzijiet, kif jitqassmu l-partijiet tas-suq, is-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-arranġamenti għal kumpens. Min-naħa l-oħra, din id-dikjarazzjoni fiha lista ta’ laqgħat differenti li seħħew bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. |
159 |
Jekk huwa minnu li l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ Cerestar kienu, f’partijiet, approssimattivi u ma kienx fihom sistematikament informazzjoni b’ċifri fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda matul il-laqgħat tal-akkordju, madankollu jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni setgħat tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li dawn l-elementi kienu determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. |
160 |
Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta minn Cerestar matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 ippermettiet lill-Kummissjoni li ssir taf dwar l-eżistenza tal-akkordju fis-suq tal-aċidu ċitriku Ewropew, li ssir taf approssimativament t-tul tiegħu, il-mekkaniżmi u kif żviluppa. |
161 |
Għalhekk, mingħajr madankollu ma kienu jikkostitwixxu provi fihom infushom biżżejjed rigward l-aspetti kollha tal-ksur, l-elementi pprovduti minn Cerestar huma meqjusa bħala iktar minn sors li jorjenta l-investigazzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni, billi jistgħu jiġu użati direttament minn din tal-aħħar sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju. |
162 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li din l-informazzjoni ma tirriżultax minn xhieda personali jew li ġiet ikkompletata jew ippreċiżata permezz ta’ din mhijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura determinanti tagħha. |
163 |
Konsegwentement, il-motiv imressaq mill-appellanti bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-paragrafu (b) tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandu jiġi miċħud. |
164 |
Jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha, li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata billi dan jiffissa l-ammont tal-multa dovuta minn ADM għal EUR 39.69 miljun wara żieda ta’ 35% tal-ammont bażiku tal-multa imposta lil din minħabba li hija mexxej tal-akkordju u, għaldaqstant, li tnaqqas din il-multa għal EUR 29.4 miljun. |
Fuq l-ispejjeż
165 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
166 |
Peress li l-partijiet parzjalment tilfu fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom fil-kuntest ta’ appell, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tal-appellanti, b’din tal-aħħar li għandha tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni kif ukoll nofs l-ispejjeż tagħha. |
167 |
Fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li s-sentenza kkontestata hija parzjalment annullata u t-talbiet tal-appellanti fl-ewwel istanza huma parzjalment milqugħa, il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tal-appellanti fl-ewwel istanza, b’din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.