SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Appelli — Akkordji — Limitazzjoni tal-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali — Artikolu 81(1) KE — Għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-prezzijiet — Sostituzzjoni tal-motivi — Artikolu 81(3) KE — Kontribuzzjoni għall-promozzjoni tal-progress tekniku — Stħarriġ — Oneru tal-prova — Motivazzjoni — Interess ġuridiku”

Fil-Kawżi magħquda C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P,

li għandhom bħala suġġett erba’ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament, għall-ewwel żewġ kawżi, fil-11 ta’ Diċembru 2006 u, għaż-żewġ kawżi suċċessivi, fit-18 ta’ Diċembru u fit-13 ta’ Diċembru 2006,

GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn I. Forrester, QC, kif ukoll minn S. Martínez Lage, abogado, A. Komninos, dikigoros, u A. Schulz, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Christoforou, F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Ośniecka-Tamecka, M. Kapko u K. Majcher, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Hartmann-Rüppel u W. Rehmann, Rechtsanwälte,

Bundesverband der Arzneimittel-Importeure eV, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Rehmann, Rechtsanwalt,

Spain Pharma SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar), stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn M. Araujo Boyd u J. Buendía Sierra, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C-501/06 P),

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Christoforou, F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Ośniecka-Tamecka, M. Kapko u K. Majcher, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn I. Forrester, QC, kif ukoll A. Komninos, dikigoros, u A. Schulz, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Hartmann-Rüppel, Rechtsanwalt,

Bundesverband der Arzneimittel-Importeure eV, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (il-Ġermanja),

Spain Pharma SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar), stabbilita f’Madrid (Spanja),

partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza (C-513/06 P),

u

European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Hartmann-Rüppel u W. Rehmann, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, stabbilita f’Brentford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn I. Forrester, QC,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Christoforou, F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Bundesverband der Arzneimittel-Importeure eV, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (il-Ġermanja),

Spain Pharma SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar), stabbilita f’Madrid (Spanja),

partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza (C-515/06 P),

u

Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar), stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn M. Araujo Boyd u J. Buendía Sierra, abogados,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn I. Forrester, QC, u A. Schulz, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Christoforou, F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Hartmann-Rüppel, Rechtsanwalt,

Bundesverband der Arzneimittel-Importeure eV, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (il-Ġermanja),

Spain Pharma SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza (C-519/06 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appelli tagħhom, il-kumpanniji GlaxoSmithKline Services Unlimited (iktar ’il quddiem “GSK”) (C-501/06 P), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C-513/06 P), il-European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC) (C-515/06 P) u l-Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar) (C-519/06 P) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (T-168/01, Ġabra p. II-2969, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/791/KE, tat-8 ta’ Mejju 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE [Każijiet: IV/36.957/F3 Glaxo Wellcome (notifika), IV/36.997/F3 Aseprofar u Fedifar (ilment), IV/37.121/F3 Spain Pharma (ilment), IV/37.138/F3 BAI (ilment) u IV/37.380/F3 EAEPC (ilment)] (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u ċaħdet il-kumplament tar-rikors ippreżentat minn GSK.

2

Bl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet qieset li Glaxo Wellcome SA (iktar ’il quddiem “GW”), sussidjarja ta’ GSK, kienet kisret l-Artikolu 81(1) KE billi kkonkludiet mal-grossisti Spanjoli ftehim li jagħmel distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati lill-grossisti f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jitħallsu lura lill-ispiżeriji jew lill-isptarijiet fuq it-territorju nazzjonali u l-prezzijiet l-iktar għoljin iffatturati f’każ ta’ esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali lejn kwalunkwe Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni kienet barra minn hekk ċaħdet it-talba ta’ eżenzjoni tal-imsemmi ftehim skont l-Artikolu 81(3) KE.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Il-fatti li wasslu għal din il-kawża, kif huma esposti fil-punti 8 sa 21 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

4

GSK hija kumpannija rrregolata mid-dritt Brittaniku stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit). Hija parti mill-grupp GlaxoSmithKline, li huwa wieħed mill-produtturi mondjali prinċipali ta’ prodotti farmaċewtiċi. GW, kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol stabbilita f’Madrid (Spanja), għandha bħala attivitajiet prinċipali l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali fi Spanja.

5

B’ittra tas-6 ta’ Marzu 1998, GW innotifikat dokument bit-titolu “Kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ speċjalitajiet farmaċewtiċi li huma proprjetà ta’ [GW] u tas-sussidjarji tagħha lill-ħwienet grossisti awtorizzati” (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) lill-Kummissjoni, sabiex tikseb attestazzjoni negattiva jew eżenzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). B’ittra tat-28 ta’ Lulju 1998, GSK bagħtet notifika addizzjonali.

6

Il-ftehim japplika għal 82 prodott mediċinali intiżi sabiex jinbiegħu lill-grossisti stabbiliti fi Spanja, li magħhom GW għandha relazzjonijiet kummerċjali barra minn kwalunkwe network ta’ distribuzzjoni. Dawn tal-aħħar jistgħu jbigħuhom mill-ġdid lill-isptarijiet Spanjoli jew lill-ispiżeriji Spanjoli, li sussegwentement jikkunsinjawhom lill-pazjenti fuq il-preżentazzjoni ta’ preskrizzjoni medika. Jistgħu wkoll ikunu intiżi għall-bejgħ mill-ġdid fi Stati Membri oħra, permezz tal-kummerċ parallel, minħabba l-eżistenza ta’ differenzi fil-prezz. Fost l-imsemmija 82 prodott mediċinali hemm tmienja ppreżentati minn GSK bħala prodotti li jistgħu jkunu suġġetti ta’ kummerċ parallel, b’mod partikolari bejn Spanja u r-Renju Unit.

7

Għal dawn l-istess 82 prodotti mediċinali, l-Artikolu 4 tal-ftehim jipprovdi żewġ prezzijiet differenti u jipprovdi:

“A)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 100 tal-liġi 25/1990, tal-20 ta’ Diċembru 1990, fuq il-prodotti mediċinali (BOE Nru 306, tat-22 ta’ Diċembru 1990), il-prezz tal-prodotti farmaċewtiċi ta’ [GW] u tas-sussidjarji tagħha, fl-ebda każ, ma għandhom jaqbżu l-prezz industrijali massimu stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli kompetenti fil-qasam tas-saħħa meta ż-żewġ kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet legali huma sodisfatti, jiġifieri:

il-prodotti farmaċewtiċi msemmija iktar ’il fuq huma ffinanzjati mill-fondi tas-sigurtà soċjali Spanjola jew mill-fondi pubbliċi Spanjoli,

il-prodotti farmaċewtiċi mixtrija huma mbagħad mibjugħin fuq il-livell nazzjonali, jiġifieri permezz tal-ispiżeriji jew tal-isptarijiet Spanjoli li jagixxu bħala intermedjarju.

B)

Jekk waħda mill-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta (jiġifieri fi kwalunkwe każ fejn il-leġiżlazzjoni Spanjola tawtorizza lil-laboratorji sabiex jiffissaw liberament il-prezz tal-prodotti farmaċewtiċi tagħhom), [GW] u s-sussidjarji tagħha għandhom jistabbilixxu l-prezz tal-prodotti farmaċewtiċi tagħhom skont kriterji ekonomiċi reali, oġġettivi u mhux diskriminatorji, u dan indipendentement mid-destinazzjoni tal-prodott stabbilit mix-xerrej. B’mod partikolari, [GW] u s-sussidjarji tagħha għandom japplikaw għall-prodotti farmaċewtiċi tagħhom il-prezz li, abbażi tal-istudji ekonomiċi interni tagħha, kienu inizjalment ipproponew lill-awtoritajiet Spanjoli kompetenti fil-qasam tas-saħħa u implementat b’mod oġġettiv abbazi taż-żieda tal-għoli tal-ħajja, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 100 tal-[liġi 25/1990 ] u liġijiet oħra Spanjoli preċedenti dwar l-iffissar tal-prezz tal-prodotti mediċinali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

B’ittra tas-6 ta’ Marzu 1998, GW bagħtet l-abbozz tal-ftehim lil 89 grossisti stabbiliti fi Spanja, li minnhom iffirmawh 75, li jirrappreżentaw iktar minn 90% tal-bejgħ totali ta’ GW fi Spanja matul is-sena 1998. L-imsemmi ftehim daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Marzu 1998.

9

Il-legalità ta’ dan tal-aħħar ġie kkontestat, b’mod partikolari mill-Aseprofar quddiem l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni u quddiem il-qrati Spanjoli.

10

Barra minn hekk, ilmenti, li skonthom il-ftehim jikser l-Artikolu 81(1) KE ġew ippreżentati lill-Kummissjoni b’mod partikolari mill-EAEPC u l-Aseprofar.

11

Fit-8 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi:

“Artikolu 1

[GW] kisret l-Artikolu 81(1) tat-Trattat meta kkonkludiet mal-grossisti Spanjoli ftehim li jagħmel distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati lill-grossisti f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jitħallsu lura lill-ispiżeriji jew sptarijiet fit-territorju nazzjonali u tal-prezzijiet l-iktar għola ffatturati fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali lejn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 2

It-talba għal eżenzjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 1, skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE, imressqa minn [GW] hija miċħuda bil-preżenti.

Artikolu 3

[GW] għandha twaqqaf immedjatament il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, jekk għadha ma għamlitx dan. Hija għandha tastjeni fil-futur milli terġa tadotta kwalunkwe miżura li tikkostitwixxi dan il-ksur u li għandha għan jew effett ekwivalenti.

Artikolu 4

[GW] għandha tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma magħha.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

12

Jirriżulta mill-punti 22 sa 37 tas-sentenza appellata li, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Lulju 2001, GSK ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. B’atti ddepożitati fl-istess reġistru fit-8 u s-16 ta’ Novembru 2001, l-EAEPC u l-Aseprofar talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’digriet tas-27 ta’ Novembru 2002, il-President tal-Ewwel Awla laqa’ dawn it-talbiet ta’ intervent.

13

Bis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet:

“1)

L-Artikoli 2, 3, u 4 tad-deċiżjoni [inkwistjoni] huma annullati.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

[GSK] għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni, inkluż dawk relatati mal-interventi.

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż ta’ [GSK], inkluż dawk relatati mal-interventi.

5)

L-[Aseprofar], […], l-[EAEPC], […] għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Bl-appell tagħha, GSK titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad ir-rikors għal annullament li hija ppreżentat kontra l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jew li tieħu kwalunkwe miżura oħra li tkun ikkunsidrata xierqa, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ GSK.

15

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll appell inċidentali. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell ta’ GSK fl-intier tiegħu;

tannulla l-punti 1 u 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

taqta’ definittivament il-kawża billi tiċħad ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-168/01 bħala infondat u

tikkundanna lil GSK għall-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appell.

16

Fir-risposta tagħha għall-appell inċidentali, GSK titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-imsemmi appell inammissibbli jew infondat, jew inammissibbli u infondat kif ukoll li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni tagħmel l-istess tliet talbiet bħal dawk magħmula fir-risposta tagħha u fl-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C-501/06 P, jiġifieri:

tannulla l-punti 1 u 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

taqta’ definittivament il-kawża billi tiċħad ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-168/01 bħala infondat, u

tikkundanna lil GSK għall-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appell.

18

Bl-appell tagħha, l-EAEPC titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lil GSK għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

19

Bl-appell tagħha, l-Aseprofar titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiva tas-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni definittiva fil-Kawża T-168/01 billi tiċħad fl-intier tagħha t-talba ta’ GSK u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla l-punti 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u

tikkundanna lil GSK għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

20

B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

21

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u fid-dawl tas-similarità tagħhom, ċerti aggravji invokati mill-appellanti huma eżaminati separatament u oħrajn huma eżaminati flimkien.

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravji tal-appelli awtonomi dwar l-Artikolu 81(1) KE invokati mill-Aseprofar u l-Kummissjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja

— L-argumenti tal-partijiet

22

GSK issostni li l-appelli tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar kif ukoll l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja huma, essenzjalment, inammissibbli. B’dawn, l-awturi tagħhom jikkontestaw il-motivazzjoni u mhux id-dispożittiv tas-sentenza appellata dwar l-Artikolu 81(1) KE. GSK tirrileva li l-aggravji kontra l-motivi tal-parti tas-sentenza appellata dwar l-Artikolu 81(1) KE ma jista’ fl-ebda każ ikollhom effett fuq il-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza li tikkonferma l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-ftehim jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE. GSK issostni li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza relativa għall-ammissibbiltà tal-appelli, l-aggravji kollha intiżi sabiex ipoġġu f’dubju l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE huma inammissibbli.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ appellant tfisser li l-appell ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (Digrieti tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 18, u tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Aseprofar isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-ftehim, imma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, billi tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi.

25

F’dawn il-kundizzjonijiet, kif ġustament tirrileva GSK, huwa paċifiku li l-aggravji invokati mill-Kummissjoni u mill-Aseprofar ma jistgħux minn naħa, jagħtuhom benefiċċju u, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jkollhom effett fuq il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li tikkonferma l-ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

26

Konsegwentement, hemm lok li jiġu ddikjarati inammissibbli l-appelli awtonomi tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar sa fejn huma intiżi kontra l-parti tal-motivi tas-sentenza appellata relatata mal-Artikolu 81(1) KE.

Fuq l-inammissibblità tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni invokata minn GSK

— L-argumenti tal-partijiet

27

GSK tindika, l-ewwel nett, li l-appell inċidentali huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni diġà ppreżentat appell mis-sentenza appellata fil-Kawża C-513/06 P. Skontha, l-appell u l-appell inċidentali jikkostitwixxu żewġ partijiet ta’ alternattiva li ma tistax tinfetaħ b’mod kumulattiv.

28

It-tieni nett, l-appell inċidentali, sa fejn huwa identiku għall-appell fil-Kawża C-513/06 P, jikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura u huwa, għalhekk, inammissibbli. Skont GSK, peress li ż-żewġ atti jikkonċernaw kawża bejn l-istess partijiet, għandhom l-istess skopijiet u huma bbażati fuq l-istess aggravji, l-att ulterjuri, jiġifieri l-appell inċidentali, huwa inammissibbli.

29

It-tielet nett, l-appell inċidentali huwa inammissibbli sa fejn jikkontesta ċerti partijiet tas-sentenza appellata li jilqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni. L-inammissibbiltà hija manifesta, peress li aggravju dirett kontra motivi ta’ sentenza appellata li huma mingħajr effett fuq id-dispożittiv ta’ din huwa irrilevanti u għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

30

Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-parti l-kbira tal-argumenti fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE huma dwar kwistjonijiet dwar il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, minħabba li huma dwar l-ispeċifikazzjonijiet tas-suq li huma rilevanti għal dawn iż-żewġ paragrafi. Barra minn hekk, hija ssostni li dawn l-argumenti għandhom jiftiehmu bħala argumenti ta’ risposta għal dawk li tressqu fl-appell ta’ GSK. Il-Kummissjoni żżid li l-ebda test ma jirrendi inammissibbli l-preżentazzjoni ta’ appell inċidentali fl-ipoteżi fejn appell awtonomu kien diġà ġie ppreżentat.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax tippreżenta b’mod kumulattiv appell u appell inċidentali minħabba li dan jikkostitwixxi b’mod partikolari abbuż ta’ proċedura, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, ma jirriżulta mkien mill-formulazzjoni tal-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li parti ma tistax tippreżenta b’mod kumulattiv appell u appell inċidentali kontra l-istess sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u dan indipendentement mill-fatt li diversi kawżi huma relatati ma’ din is-sentenza u li l-kawżi kienu diġà ġew magħquda. It-tieni nett, minkejja li ġew magħquda l-Kawżi C-501/06 P u C-513/06 P, dawn ma tilfux in-natura awtonoma tagħhom.

32

Għalhekk, l-argument ta’ GSK ma jistax jintlaqa’.

33

Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-appell inċidentali huwa inammissibbli minħabba li l-awtur tiegħu jikkontesta l-motivazzjoni ta’ ċerti partijiet tas-sentenza appellata u mhux il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ appell, l-eżistenza tal-interess ġuridiku tal-appellant tfisser li l-appell inċidentali jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu.

34

Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni indikat matul il-proċedura li l-argument tagħha fil-kuntest ta’ appell inċidentali kien intiż b’mod speċjali sabiex jirrispondi għal appell ta’ GSK. Skont il-Kummissjoni, dan l-argument għandu għalhekk jiġi kkunsidrat mhux bħala appell inċidentali, fis-sens tat-tieni każ fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imma bħala talba għal ċaħda tal-appell ippreżentat minn GSK fis-sens tal-ewwel każ fl-ewwel inċiż Artikolu 116(1), tal-imsemmi regolament.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-risposta huma għaċ-ċaħda totali jew parzjali tal-appell jew għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew sabiex jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet mressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

36

Ma jirriżulta mkien mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li l-Aseprofar, l-EAEPC jew il-Kummissjoni ma għandhomx il-possibilità li jinvokaw motivi ta’ difiża bħala risposta għall-aggravji preċiżi mqajma minn GSK fl-appell tagħha, sabiex tispjega r-raġunijiet li minħabba fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE kif ukoll sabiex tesponi dik li għandha tkun l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Minn dan isegwi li, bħala risposta għall-appell ippreżentat minn GSK fil-Kawża C-501/06 P, il-Kummissjoni, kif ukoll l-Aseprofar u l-EAEPC, jistgħu jitolbu ċ-ċaħda tal-appell ta’ GSK kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

38

Kuntrarjmanet għal dak li ssostni GSK, il-fatt li l-Kummissjoni esponiet il-motivi tad-difiża tagħha fil-parti tar-risposta tagħha bit-titolu “appell inċidentali” mhuwiex ta’ natura li jerġa’ jpoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi miċħud li wieħed ma jistax jintrabat unikament mat-titolu formali tal-parti fejn il-Kummissjoni żviluppat l-argument tagħha mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut stess ta’ din il-parti. F’dan il-każ, indipendentement mil-kliem magħżula, huwa ċar li l-parti “appell inċidentali” tar-risposta hija talba għal ċaħda tal-appell.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell inċidentali invokata minn GSK għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-aggravju dwar l-Artikolu 81(1) KE invokat minn GSK

40

Għandu jitfakkar li huwa fil-punti 114 sa 147 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat jekk setgħetx tintlaqa’ l-konklużjoni prinċipali tal-Kummissjoni, li skontha l-Artikolu 4 tal-ftehim għandu jitqies bħala pprojbit mill-Artikolu 81(1) KE sa fejn għandu l-iskop li jillimita l-kummerċ parallel.

41

Fil-punti 114 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-ftehim kien ifittex li jwaqqaf sistema ta’ prezzijiet differenzjati intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ parallel u li bħala regola għandu jkun ikkunsidrat li għandu l-iskop li jillimita l-kompetizzjoni.

42

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 117 sa 119 tas-sentenza appellata kkunsidrat li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, dan l-iskop ta’ limitazzjoni tal-kummerċ parallel mhuwiex biżżejjed, waħdu, sabiex ikun hemm preżunzjoni li l-ftehim kellu skop antikompetittiv. Kuntrarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE għall-każ inkwistjoni ma tistax tiddependi biss mill-fatt li l-ftehim ifittex li jillimita l-kummerċ parallel tal-prodotti mediċinali jew li jaqsam is-suq komuni, elementi li jippermettu li jiġi konkluż li dan jaffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri, imma jirrikjedi barra minn hekk analiżi intiża sabiex tiddetermina jekk għandux bħala għan jew effett li jwassal għal prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq is-suq inkwistjoni, għad-detriment tal-konsumatur finali.

43

Fil-punt 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li, jekk jintlaqa’ li l-kummerċ parallel jibbenefika minn ċerta protezzjoni, dan mhuwiex għaldaqstant bħala tali imma minħabba li jiffavorixxi, minn naħa, l-iżvilupp tal-kummerċ u, min-naħa l-oħra, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni, jiġifieri, taħt dan it-tieni aspett, peress li jipprokura lill-konsumaturi finali l-vantaġġi ta’ kompettizzjoni effettiva f’dak li jirrigwarda l-provvista jew il-prezz. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk jintlaqa’ li ftehim intiż sabiex jillimita l-kummerċ parallel għandu fil-prinċipju jiġi kkunsidrat li għandu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni, huwa f’din il-miżura li jista’ jkun hemm preżunzjoni li jċaħħad lill-konsumaturi finali minn dawn il-vantaġġi.

44

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih kien japplika l-ftehim konkluż minn GSK, ma setax jiġi preżunt li tali ftehim kien iċaħħad lill-konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali minn tali vantaġġi. Fil-fatt, hija qieset li l-intermedjarji Spanjoli setgħu jżommu l-vantaġġ li l-kummerċ parallel seta’ jagħti f’termini ta’ prezz, f’liema każ dan ma kienx jasal għand il-konsumaturi finali.

45

Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza akkużat lill-Kummissjoni li fl-ebda mument ma eżaminat in-natura speċifika u essenzjali tas-settur, li hija dwar il-fatt li l-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni, suġġetti għall-kontroll tal-Istati Membri, li jiffissawhom direttament jew indirettament fil-livelli li huma jqisu xierqa, jkunu stabbiliti f’livelli strutturalment differenti fil-Komunità Ewropea u, kuntrarjament għall-prezzijiet ta’ prodotti oħra ta’ konsum, jibqgħu f’kull ipoteżi dipendenti b’mod rilevanti, mill-effetti tal-provvista u d-domanda. Hija qieset fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li dan il-fatt kien jostakola l-preżunzjoni li l-kummerċ parallel kellu effett fuq il-prezzijiet applikati fuq il-konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali koperti mis-sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard u jagħtihom vantaġġ kunsiderevoli analogu għal dak li jkun kieku l-prezz ikun ibbażat fuq il-provvista u d-domanda.

46

Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, finalment ikkunsidrat li l-konklużjoni prinċipali tal-Kummissjoni, li skontha l-Artikolu 4 tal-ftehim għandu jiġi kkunsdrat li huwa pprojbit mill-Artikolu 81(1) KE sa fejn għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kummerċ parallel, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. Peress li l-prezzijiet tal-prodotti mediċinali inkwistjoni fil-parti l-kbira jkunu nħarġu abbażi tal-operat ħieles tal-offerta minħabba l-leġiżlazzjoni applikabbli u ffissati jew ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi, ma jistax jitqies mill-bidu bħala aċċettat li l-kummerċ parallel għandu l-effett li jbaxxihom u b’hekk iżid il-benesseri tal-konsumaturi finali. L-analiżi tat-termini tal-Artikolu 4 tal-ftehim, effettwati f’dan il-kuntest, għalhekk ma jippermettix li jkun preżunt li din il-klawżola, li għandha l-għan li tillimita l-kummerċ parallel, b’hekk għandha l-għan li tnaqqas il-benesseri tal-konsumaturi finali. F’din is-sitwazzjoni fil-parti l-kbira tagħha mhux mimsusa, in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni ta’ dak il-ftehim, konsegwentement, ma tistax tiġi dedotta biss mill-qari tat-termini tal-imsemmi ftehim, imwettaq fil-kuntest tagħha, u l-effetti ta’ dan tal-aħħar għandhom neċessarjament ikunu previsti, biss sabiex jiġi vverifikat li dan il-qari ppermetta lill-awtorità regolatriċi li tipprevedi dan.

L-argumenti tal-partijiet

47

Bl-appell tagħha, GSK tfittex li tikseb l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn tiċħad ir-rikors tagħha għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. GSK issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81(1) KE billi kkunsidrat li l-ftehim kellu effetti antikompetittivi.

48

Min-naħa l-oħra skont din, ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-analiżi tal-għan restrittiv tal-ftehim fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE li saret mill-Kummissjoni kienet ivvizzjata billi ma ttiħidx inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku rilevanti. Madankollu, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tirrileva l-istess nuqqas meta eżaminat l-analiżi tal-effett tal-imsemmi ftehim.

49

Fl-opinjoni ta’ GSK, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata li l-ftehim ma setax ikollu l-effett ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-sens ta’ tnaqqis tal-benesseri tal-konsumaturi.

50

Fir-risposti tagħhom għall-appell ta’ GSK, il-Kummissjoni, l-Aseprofar u l-EAEPC jikkontestaw l-argumenti kollha invokati minn GSK. Huma jikkunsidraw li, bis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet li hemm ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

51

Minkejja li kkonkludiet għalhekk għaċ-ċaħda tal-aggravju fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE, invokat minn GSK, huma jqisu madankollu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-għan antikompetittiv tal-ftehim. Huma jsostnu li analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, skont il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kellha twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonkludi li l-ftehim kien antikompetittiv minħabba l-għan tiegħu. Peress li l-punt 2 tad-dispozittiv kien madankollu fondat, huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal sostituzzjoni tal-motivi f’dan ir-rigward.

52

Fir-risposta tagħha għall-appell ta’ GSK, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tat interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “għan” imsemmi fl-Artikolu 81(1) KE.

53

Skont il-Kummissjoni, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza dejjem iddeċidew li l-ftehim li jillimitaw il-kummerċ parallel ġewwa l-Komunità għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza mhux biss applikat liġi restrittiva għall-protezzjoni tal-kummerċ parallel imma applikatha wkoll b’mod żbaljat u inkomplet mingħajr ma tat motivazzjoni suffiċjenti. Hija tirrileva li, fil-punti 117 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-kummerċ parallel bejn l-Istati Membri għandu jiġi protett biss “għaliex jiffavorixxi, minn naħa, l-iżvilupp tal-kummerċ, u, min-naħa l-oħra, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni”. Hija takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li injorat l-iżvilupp tal-kummerċ fir-raġunamenti tagħha, li interpretat it-tisħiħ tal-kompetizzjoni bħala li teħtieġ li l-kummerċ parallel jagħti lill-konsumaturi finali l-vantaġġi tal-kompetizzjoni effettiva f’dak li jirrigwarda l-provvista jew l-prezz u li naqset milli teżamina l-vantaġġi f’termini ta’ provvista li jġib il-kummerċ parallel.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Peress li l-Kummissjoni, l-Aseprofar u l-EAEPC jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-ftehim u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata billi tissostitwixxi l-motivi, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tagħhom qabel ma jiġu eżaminati dawk ta’ GKS insostenn għall-appell tagħha.

55

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim konkluż huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, imma alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Rec. p. 337), in-natura alernattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Fil-każ madankollu fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix grad biżżejjed ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, għandu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex ikun ipprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li mhuwiex neċessarju li jkunu eżaminati l-effetti tal-ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, Ġabra p. I-4529, punti 28 u 30).

56

Fit-tieni lok, l-eżami prijoritarju tal-argumenti fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-ftehim meta mqabbla ma’ dawk fir-rigward tal-effett antikompetittiv tiegħu huwa ġġustifikat iktar minħabba li, jekk l-iżball ta’ liġi invokat mill-Kummissjoni, l-Aseprofar u l-EAEPC ikun sar, ikun hemm lok li jiġi miċħud l-appell ta’ GSK dwar il-motivi tas-sentenza appellata għall-effetti antikompetittivi tal-ftehim.

57

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv tal-ftehim, kif imsemmi fil-punti 41 sa 46 ta’ din is-sentenza, huwiex konformi mal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

58

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet, l-għanijiet li jrid jipprova jilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li japplika fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, Ġabra p. I-8637, punti 16 u 21). Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiddetermina n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni jew lill-qrati Komunitarji milli jeħduha inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25).

59

Fil-qasam tal-kummerċ parallel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li, bħala prinċipju, ftehim intiżi sabiex jipprojbixxu jew jillimitaw l-imsemmi kummerċ għandhom bħala għan il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplaten vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punti 7 u 18, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 1979, BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni, 32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435, punti 20 sa 28 u 31).

60

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 155 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-prinċipju, li jgħid li ftehim intiż sabiex jillimita l-kummerċ parallel jikkostitwixxi “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, japplika għas-settur farmaċewtiku.

61

Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet f’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u f’kawża li taqa’ taħt is-settur farmaċewtiku, li ftehim bejn produttur u distributur li jwassal sabiex jerġa’ jwassal għall-qsim nazzjonali fil-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun ta’ natura li jikkontradixxi l-għan tat-trattat li jfittex li jwassal għall-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali bil-ħolqien ta’ suq uniku. Diversi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat b’dan il-mod il-ftehim intiżi sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew sabiex jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu tat-trattat (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C-468/06 sa C-478/06, Ġabra p. I-7139, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li jekk jintlaqa’ li ftehim intiż sabiex jillimita l-kummerċ parallel għandu bħala prinċipju jiġi kkunsidrat li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni, huwa f’din il-miżura li jista’ jkun hemm preżunzjoni li dan iċaħħad lill-konsumaturi finali mill-vantaġġi ta’ kompetizzjoni effikaċi f’termini ta’ provvista jew ta’ prezz, għandu jiġi rrilevat li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li tkun ikkorraborata tali affermazzjoni.

63

Minn naħa, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta mkien li huma biss il-ftehim li jċaħħdu l-konsumaturi minn ċerti vantaġġi li jista’ jkollhom għan antikompetittiv. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi enfasizzat, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 81 KE ifittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, imma l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma tistax tkun suġġetta għall-fatt li l-konsumaturi finali jkunu mċaħda mill-vantaġġi ta’ kompetizzjoni effettiva f’termini ta’ provvista jew ta’ prezz (ara, b’analoġija, is-sentenza T-Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

64

Minn dan isegwi li, billi ssuġġettat l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv għall-prova li l-ftehim iwassal għal inkonvenjenzi għall-konsumaturi finali u billi ma kkonkludietx li kien jeżisti tali għan fil-konfront tal-imsemmi ftehim, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi.

65

Għalhekk, għandu jiġi mfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirrilevaw ksur tad-dritt Komunitarju, imma li d-dispożittiv jidher fondat għal motivi oħra ta’ liġi, tali ksur mhuwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, Ġabra p. I-5863, punt 52).

66

Hekk hu f’dan il-każ. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, bil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-Artikolu 1 tas-sentenza inkwistjoni li biha l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-ftehim kien jikser l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell ta’ GSK għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn huwa intiż sabiex juri li l-ftehim kien kompatibbli mal-Artikolu 81(1) KE.

Fuq il-motivi dwar l-Artikolu 81(3) KE invokati mill-Kummissjoni, l-EAEPC, l-Aseprofar u r-Repubblika tal-Polonja

68

Kemm fl-appell tagħha kif ukoll fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tinvoka diversi motivi dwar l-Artikolu 81(3) KE. Ċerti motivi u wħud mill-partijiet tagħhom huma analogi għall-motivi invokati mill-EAEPC u/jew l-Aseprofar fl-appelli tagħhom rispettivi, kif ukoll mir-Repubblika tal-Polonja fl-intervent tagħha. Il-Kummissjoni u l-EAEPC jinvokaw ukoll barra minn hekk aggravji tagħhom biss dwar l-Artikolu 81(3).

Fuq il-motiv tal-Kummissjoni bbażat fuq żnaturament tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li jaqa’ taħthom il-ftehim

69

Il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE fejn hija kkritikat il-punti tas-sentenza appellata dwar il-kuntest ġuridiku u ekonomiku li ħadet inkunsiderazzjoni l-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri l-punti 122 u 124 sa 137 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-paragrafu 3 tal-istess Artikolu ġie applikat b’mod żbaljat, abbażi ta’ speċifikazzjonijiet foloz tas-settur farmaċewtiku.

70

Hija żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 104 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-koeżistenza ta’ diversi leġiżlazzjonijiet statali fis-settur tal-prodotti mediċinali għandha mnejn twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, dak li, skont l-imsemmi punt huwa biss possibbiltà, isir realtà fil-punt 276 tal-istess sentenza, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bil-preżenza tal-leġiżlazzjonijiet statali.

71

GSK tindika li rrispondiet għal din il-kwistjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-aggravju fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE.

72

L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn il-vantaġġ li l-kummerċ parallel jagħti f’termini ta’ prezz ma jasalx għall-konsumaturi finali, billi tinvoka ipoteżi u mhux realtà, li ma tistax tikkostitwixxi żnaturament tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li ttieħed inkunsiderazzjoni f’dawn is-sentenzi.

73

Barra minn hekk, mill-qari tal-punti 124 sa 137 tas-sentenza appellata dwar tali kuntest ma jirriżultax li kien sar żnaturament ta’ dan mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fl-imsemmija punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi l-karatteristiċi prinċipali ta’ dan il-kuntest, li jerġgħu jissemmew matul id-deċiżjoni appellata.

74

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 104 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-koeżistenza ta’ leġiżlazzjonijiet statali differenti kellha mnejn tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, meta kien ġie eżaminat jekk din il-koeżistenza kinitx tirrendi l-Artikolu 81(1) KE inapplikabbli. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 105 tal-istess sentenza, irrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni kienet inapplikabbli biss meta s-settur, li japplika fih il-ftehim, kien suġġett għal leġiżlazzjoni li teskludi l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tkun ipprevenuta, distorta jew ristretta b’dan il-ftehim.

75

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istadju tar-raġunament, ma kellhiex teżamina jekk il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni kienux effettivament iwasslu għad-distorsjoni jew le tal-kompetizzjoni, kuntrarjament għal dak li sussegwentement ikkonstatat fil-punt 276 tas-sentenza appellata. Għalhekk ma teżistix kontradizzjoni ta’ motivi f’dan ir-rigward.

76

Għalhekk l-aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravji tal-Kummissjoni, tal-EAEPC, tal-Aseprofar u tar-Repubblika tal-Polonja, bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, tal-livell ta’ prova meħtieġ kif ukoll tal-kunċett ta’ “promozzjoni tal-progress tekniku”.

77

L-aggravju tal-Kummissjoni, bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, tal-livell ta’ prova meħtieġ kif ukoll tal-kunċett ta’ “promozzjoni tal-progress tekniku”, huwa espost f’ħames partijiet li l-kontenut ta’ uħud minnhom huwa analogu għal dak tal-aggravji invokati mill-EAEPC, l-Aseprofar u r-Repubblika tal-Polonja.

— Fuq l-ewwel parti tal-aggravju tal-Kummissjoni

78

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u għal-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE. Hija tikkritika l-punt 242 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punti 269 u 303 tal-istess sentenza, li jirreferu għall-ġurisprudenza, għall-kriterji u għall-prinċipji applikabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Ma teżisti l-ebda analoġija bejn l-eżami tal-effetti antikompetittivi ta’ konċentrazzjoni u dak tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE.

79

Kuntrarjament għall-kawżi ta’ konċentrazzjoni fejn il-partijiet notifikanti ma jġorru, skontha, l-ebda oneru ta’ prova partikolari, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, huma l-impriżi interessati li għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-provi ta’ natura li jistabbilixxu li l-ftehim jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni tinvoka, insostenn tat-teżi tagħha, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429), kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 1985, Ford-Werke u Ford of Europe vs Il-Kummissjoni (25/84 u 26/84, Ġabra p. 2725).

80

Fir-risposta, GSK tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 79), kif ukoll fuq id-digriet tat-28 ta’ Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il-Kummissjoni (C-552/03 P, Ġabra p. I-9091, punt 102), sabiex turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-oneru tal-prova. Skontha, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet, darbtejn biss, għar-regola applikabbli għall-konċentrazzjonijiet, minn naħa, prinċipalment, sabiex tiddeskrivi l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-analiżi li saret mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81(3) KE, u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, sabiex tindika li, meta l-impriża ressqet provi, hija l-Kummissjoni li għandha tagħmel analiżi prospettiva.

81

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet biss li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet bis-serjetà l-argumenti ta’ GSK, kuntrarjament għal dak li kellha tagħmel. GSK tenfasizza li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ukoll referenza għas-sentenzi tagħha tat-28 ta’ Frar 2002 Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni (T-86/95, Ġabra p. II-1011), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653), li jsemmu l-Artikolu 81(3) KE. Peress li l-impriża pprovat li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni setgħu japplikaw b’mod raġonevoli, billi jitressqu argumenti rilevanti, ta’ min joqgħod fuqhom u verosimili, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tirrifjuta l-imsemmija argumenti.

82

Għandu jiġi rrilevat minn naħa li, fil-punti 233 sa 236 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza, il-prinċipji u l-kriterji li jirregolaw l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-qasam tat-talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE. Hija enfasizzat, ġustament, li l-persuna li tinvoka din id-dispożizzjoni għandha turi, b’argumenti u provi konvinċenti, li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 45).

83

L-oneru tal-prova jaqa’ għalhekk fuq l-impriża li titlob li tibbenefika mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE. Madankollu, l-elementi fattwali invokati mill-imsemmija impriża jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħha jkun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie sodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 279).

84

Min-naħa l-oħra, l-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punti 240, 241, 243 u 244 tas-sentenza appellata, il-prinċipji u l-kriterji li jirregolaw l-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda bħala risposta għal talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE. Hija indikat, ġustament, li, la kellha quddiemha talba għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, hija kellha tagħmel stħarriġ ristrett fir-rigward tal-mertu.

85

Tali indikazzjoni hija konformi mal-prinċipju li jgħid li l-istħarriġ li l-qrati Komunitarji jagħmlu dwar l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jkunu saru mill-Kummissjoni neċessarjament huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl- evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 279).

86

Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet ukoll li hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni li hija mitluba tistħarreġ il-legalità tagħha.

87

L-istħarriġ li b’hekk sar mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jurix żball ta’ liġi u ma jippermettix li jiġi konkluż li r-referenzi għal ġurisprudenza, li jinsabu fil-punt 242 tas-sentenza appellata, dwar kawżi ta’ konċentrazzjoni, kif ukoll il-formulazzjoni tal-punti 269 u 303 tal-istess sentenza, jistgħu jwasslu sabiex jiġi mibdul l-oneru tal-prova kif ukoll l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE.

88

Għalhekk l-ewwel parti tal-aggravju invokat mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

— Fuq it-tieni parti tal-aggravju tal-Kummissjoni

89

Il-Kummissjoni tikkritika l-punti 249 u 252 tas-sentenza appellata u ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li kien biżżejjed li l-impriża, li tixtieq tikseb eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE turi li kien probabbli li jkun hemm profitti.

90

Dan il-kriterju huwa żbaljat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni u Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, sabiex issostni li hija l-parti notifikanti li għandha tistabbilixxi li jirriżultaw vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli mir-restrizzjoni tal-kummerċ.

91

GSK issostni fir-risposta li l-kawżi ċċitati mill-Kummissjoni jikkonċernaw kawżi dwar kartell u kummerċ parallel f’setturi oħra minbarra dak tas-settur farmaċewtiku, fejn il-miżuri inkwistjoni ma kinux taw profitti intrinsiċi u fejn l-impriżi ma kinux ressqu argumenti kredibbli dwar l-eżistenza ta’ tali profitti. Barra minn hekk, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirrifletti l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’każijiet preċedenti, fejn din irrikonoxxiet li ftehim għandu mnejn joħloq vantaġġi, [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/841/KE tas-7 ta’ April 2004 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE dwar il-każ COMP/A.38284/D2 — Société Air France vs Alitalia Linee Aeree Italiane SpA [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 362, p. 17)], jista’ jkollu profitti [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/207/KE, tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (Każ COMP.38.369 — T-Mobile Deustchland/O2 Germany: ftehim qafas dwar l-użu komuni ta’ network (ĠU 2004, L 75, p. 32)] jew li l-vantaġġi tiegħu […] huma evidenti (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/778/KE, tat-23 ta’ Lulju 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (COMP/C.2-37.398 — Bejgħ ċentralizzat tad-drittijiet kummerċjali fuq iċ-Champions League tal-UEFA (ĠU L 291, p. 25)].

92

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret ġustament li, sabiex jiġi eżentat skont l-Artikolu 81(3) KE, ftehim għandu jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku. Din il-kontribuzzjoni ma tidentifikax ruħha għall-vantaġġi kollha li l-impriżi parteċipanti f’dan il-ftehim jiksbu minnu fir-rigward tal-attività tagħhom, imma għal vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli, ta’ tip li jikkumpensaw l-inkonvenjenti li jirriżultaw minnu għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, p. 502 u 503).

93

Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 193 tal-konklużjonijiet tagħha, eżenzjoni mogħtija għal perijodu partikolari tista’ tkun teħtieġ analiżi prospettiva tal-konkretizzazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-ftehim u huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tasal, abbażi tal-elementi li jkollha, għall-konvinzjoni li l-probabbiltà li l-vantaġġ oġġettiv sensibbli jikkonkretizza ruħu huwa biżżejjed sabiex jiġi preżunt li l-ftehim jinvolvi tali vantaġġ.

94

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi fil-punt 249 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li l-azzjoni tal-Kummissjoni tista’ timplika li jiġi mfittex jekk, fid-dawl tal-argumenti ta’ fatt jew tal-provi mressqa, jidhirx iktar probabbli jew li l-ftehim għandu jippermetti li jinkisbu vantaġġi oġġettivi sensibbli, jew li dan mhuwiex il-każ.

95

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx żball ta’ liġi, fil-punt 252 tas-sentenza appellata, billi rrilevat li kien jaqbel li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi li l-argumenti u l-provi ta’ GSK, li l-eżami tagħhom kien jimplika analiżi prospettiva, ma kienx juri, fi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li l-Artikolu 4 tal-ftehim kellu jippermetti li jinkiseb vantaġġ oġġettiv kunsiderevoli ta’ natura li jikkompensa l-inkonvenjent li kien joħloq fuq il-kompetizzjoni, billi jiffavorixxi l-innovazzjoni.

96

Għalhekk it-tieni parti tal-aggravju tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

— Fuq it-tielet parti tal-aggravju tal-Kummissjoni u t-tieni aggravju tal-EAEPC

97

Il-Kummissjoni tikkritika l-punti 276 u 301, kif ukoll 162 sa 169 u 281 sa 293 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 81(3) KE billi kkunsidrat li n-natura struttrali tad-differenzi fil-prezz twassal sabiex jikber l-oneru ta’ prova u trendi inutli l-eżami tal-kobor tal-eventwali profitti. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet eżiġenti fil-konfront tal-eżami tal-argumenti ta’ GSK, minħabba li s-sitwazzjoni strutturali li kienet fiha din il-kumpannija.

98

Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li, jekk kif tafferma l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 284 tas-sentenza appellata, il-fenomenu huwa strutturali biss minħabba l-eżistenza, fid-diversi Stati Membri, ta’ prezzijiet differenti għall-istess prodott mediċinali, allura kull fenomenu huwa strutturali minħabba li huwa pjuttost rari li jinstab oġġett tal-ikel li l-prezz tiegħu huwa l-istess fil-Komunità kollha. Skontha, il-problemi tas-settur farmaċewtiku mhumiex iktar strutturali minn dawk tas-setturi l-oħrajn u hija qatt ma kkunsidrat il-fluttwazzjonijiet monetarji li kienu unikament fattur importanti li jaggravaw problema strutturali oħra. Fl-aħħar nett, l-estensjoni tal-obbligi tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-provi ma tistax tiddependi mill-kuntest leġiżlattiv, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza. Teżisti kuntradizzjoni ta’ motivi fis-sentenza appellata, sa fejn, fil-punt 192 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet barra minn hekk li “il-fatt li l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi jikkontribwixxi għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma jistax iwassal sabiex jiġi ammess li dawn l-impriżi, f’li jipprevjeni jew li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li dan il-kuntest iħalli li jisussiti jew jiġġenera”.

99

GSK tfakkar l-istudji li jispjegaw, skontha, ir-raġunijiet li minħabba fihom ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam farmaċewtiku jistgħu jiġu ffinanzjati biss mill-profitti kurrenti. Hija tenfasizza l-punti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ikkunsidrati bħala mhux argumentati, frammentarji u konċiżi.

100

Min-naħa tagħha, l-EAEPC tikkritika s-sentenza appellata minħabba li kienet GSK li kellha turi li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE jeżistu u li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali invokati minn din l-impriża ma kienux biżżejjed. Ma hijiex il-Kummissjoni li kellha tikkunsidra bħala vantaġġi għanijiet sensibbli għall-promozzjoni tal-innovazzjoni abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali biss. L-EAEPC tikkritika b’mod partikolari l-punt 236 tas-sentenza appellata minħabba li s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, invokata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma timplikax applikazzjoni tar-regola ta’ eżenzjoni mill-oneru ta’ prova. L-oneru ta’ prova applikabbli għall-Artikolu 81(3) KE jiġi trasferit fuq il-Kummissjoni biss jekk ikunu tressqu provi determinanti taħt forma ta’ preżunzjoni. Argumenti ġeneriċi, anke jekk relatati mal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tas-settur farmaċewtiku, ma jistgħux joħolqu preżunzjonijiet bħal dawn.

101

Fir-risposta GSK issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament talbet lill-Kummissjoni teżamina l-kuntest ġuridiku u ekonomiku fid-dawl tal-bażi tal-argumenti u tal-provi mressqa minn GSK. Il-provi mressqa minnha mhumiex ġeneriċi u impreċiżi imma, kuntrarjament, jenfasizzaw il-kuntest ġuridiku u ekonomiku bażiku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex l-analiżi tkun tagħmel sens. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova, billi talbet lill-Kummissjoni tagħmel eżami fil-fond biżżejjed tal-provi li tressqulha minn GSK. Il-provi ta’ GSK kienu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-ftehim seta’ jibbenefika minn eżenzjoni.

102

Għandu jitfakkar li l-eżami ta’ ftehim, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jikkontribwixxix sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew sabiex jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku u jekk l-imsemmi ftehim joħloqx vantaġġi oġġettivi kunsiderevoli, għandu jsir fid-dawl tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi pprovduti fil-kuntest tat-talba ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE.

103

Tali eżami jista’ jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-eventwali speċifikazzjonijiet tas-settur ikkonċernat mill-ftehim, jekk dawn il-karatteristiċi u dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma deċiżivi fuq ir-riżultat tal-eżami. Huwa importanti li jingħad ukoll li tali kunsiderazzjoni ma tfissirx li l-oneru tal-prova jiġi mibdul, imma sempliċiment jiżgura li l-eżami tat-talba għal eżenzjoni jsir fid-dawl tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi xierqa mressqa mill-applikant.

104

Billi ġġudikat essenzjalment fil-punti 276 u 303 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kellha tort meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi enfasizzati minn GSK fit-talba tagħha, fosthom b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet strutturali tas-settur farmaċewtiku inkwistjoni, u li tali omissjoni tivvizzja b’difett ta’ eżami t-talba għal eżenzjoni t-talba mressqa minn GSK, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

105

Barra minn hekk, fir-rigward tal-motivazzjoni insuffiċjenti li l-Kummissjoni tinvoka f’dak li jikkonċerna l-punt 292 tas-sentenza appellata, li huwa dwar id-differenzi ta’ prezz u l-varjazzjonijiet tal-kambju, l-imsemmija istituzzjoni ssostni li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat, fl-imsemmi punt, għal-liema parti tal-Komunikazzjoni, COM(1998) 588 finali, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar is-suq komuni tal-prodotti farmaċewtiċi, ssir referenza. Madankollu, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-kontenut tal-imsemmija komunikazzjoni, kif ġie imqassar mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 264 tas-sentenza appellata, u li l-Kummissjoni ma tikkontestax, sabiex tidentifika ż-żewġ punti ta’ din il-komunikazzjoni fir-rigward tad-differenzi fil-prezzijiet u għall-varjazzjonijiet tal-kambju li tirreferi għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza.

106

Għalhekk, it-tielet parti tal-aggravju tal-Kummissjoni u t-tieni aggravju tal-EAEPC għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

— Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju tal-Kummissjoni

107

Il-Kummissjoni tikkritika l-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata. Fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-fluttwazzjonijiet monetarji jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81(3) KE.

108

Il-liġi Komunitarja ma tippermettiex lill-impriżi jinvokaw l-effett tal-fluttwazzjonijiet monetarji sabiex jiġġusitifikaw id-differenzi fil-kummerċ parallel.

109

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti kkritikati tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qatgħetx li ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, intiż sabiex jikkumpensa fluttwazzjonijiet monetarji, seta’ jiġi eżentat taħt l-Artikolu 81(3) KE.

110

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonstatat biss fl-imsemmija punti:

“292

[J]eħtieġ li jingħad li l-kummerċ parallel huwa fenomenu li jista’ jiġi prolongat lil hinn mill-perijodu qasir meqjusa mill-Kummissjoni, mhuwiex biss minħabba n-natura fit-tul tad-differenzi permessi fil-prezz, iżda wkoll min-natura ta’ ċiklu tal-varjazzjonijiet ta’ kambju, sakemm huma jibqaw. Il-Kummissjoni tiddeċiedi fil-Komunikazzjoni COM(1998) 588 final tagħha, […]. Hija xorta tirrikonoxxi, fid-difiża tagħha, li t-tibil monetarju jibqa’ realtà għal dak li jikkonċerna l-Istati Membri li ma għaddewx għat-tielet fażi ta’ l-Unjoni Ekonomika Monetarja fl-1999, li fosthom jidher speċifikament ir-Renju Unit

293

F’dan il-kuntest, il-kampjun taċ-ċifri fornuti minn GSK jirrivela tendenza. Il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni li jidhru fil-premessa 168 ta[d-deċiżjoni kkontestata], kemm fir-rigward tal-fatt kif ukoll taċ-ċifra fornuta minn GSK dwar dawn it-telf ta’ dħul gross fl-1998 jista’ jkun stmat wisq, ma jpoġġix fid-dubju dik il-konklużjoni. Fil-fatt, iċ-ċifra mogħtija dwar dan fl-14 ta’ Diċembru 1998 u fl-14 ta’ Frar 2000 tibqa’ ogħla minn dik tas-sentejn preċedenti, kif jirriżulta mill-premessa 67 ta[d-deċiżjoni kkontestata]. Minbarra dan, l-ispjegazzjoni ta’ GSK li skond din iċ-ċifra preċedenti mogħtija dwar dan, fit-28 ta’ Lulju 1998, tkun stima, peress li l-ammont mogħti f’Diċembru 1998 u fi Frar 2000 ikun reali u jiġi spjegat mill-fatt li l-[ftehim] kienu ġew applikati bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa 1998, kif jirriżulta mill-premessi 19, 23, 26, 64, 67 u 168 ta[d-deċiżjoni kkontestata], tkun suffiċjentement kredibbli sabiex timmerita eżami serju.”

111

Għalhekk ir-raba’ parti tal-aggravju tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

— Fuq il-ħames parti tal-aggravju tal-Kummissjoni, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja, u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Aseprofar

112

Il-Kummissjoni tikkritika l-punti 255, 269, 274, 281, 297 u 300 tas-sentenza appellata. Hija tikkunsidra li l-imsemmija sentenza tapplika b’mod żbaljat ir-rabta kawżali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE billi tikkunsidra li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-progress tekniku peress li ż-żieda tal-profitti jibbenefikaw lill-produttur u mhux lill-grossista. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni tikkontribwixxix effettivament għall-progress tekniku u mhux jekk minnha tirriżultax żieda tal-profitti li, jekk l-impriżi jkunu jixtiequ, jistgħu jiġu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp. Mhuwiex biżżejjed li frazzjoni taż-żieda tal-profitti tmur għall-ispejjeż ta’ riċerka u tal-iżvilupp u li jkunu jibbenefikaw lill-produtturi u mhux lill-intermedjarji. Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda fis-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (45/85, Ġabra p. 405), il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, ikkunsidrat li huwa biżżejjed li frazzjoni taż-żieda tal-profitti tmur għall-ispejjeż tar-riċerka u tal-iżvilupp sabiex din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta. Hija tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ammettiet li l-kundizzjoni dwar it-titjib tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku tista’ tiġi sodisfatta fin-nuqqas ta’ kull rabta speċifika bejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-vantaġġ allegat.

113

GSK tirrispondi billi tesponi r-rabta bejn il-benefiċċji u l-investiment fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp. Din ir-rabta għandha tiġi analizzata fid-dawl ta’ studji kwantitattivi globali fuq perijodu twil, pjuttost milli fuq ftit xhur.

114

L-Aseprofar tinvoka wkoll żball tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward. Ir-raġunament ta’ GSK, li skontha l-kummerċ parallel inaqqas il-benefiċċji tagħha, u għalhekk l-infiq tagħha fuq riċerka u żvilupp u konsegwentement l-innovazzjoni tagħha, huwa ipotetiku u ġeneriku sal-punt li jista’ japplika għal kull restrizzjoni ta’ kompetizzjoni fi kwalunkwe settur intensiv fir-riċerka u l-iżvilupp. Ir-raġunament ibbażat fuq l-allegata rabta kawżali bejn il-kummerċ parallel u l-innovazzjoni huwa żbaljat.

115

Insostenn tar-risposta tagħha, GSK tesponi l-mod ta’ finanzjament tar-riċerka mill-kumpanniji farmaċewtiċi. Hija tispjega wkoll li l-pazjenti li joqogħdu fir-Renju Unit ma jieħdu l-ebda profitt mill-kummerċ parallel tal-prodotti mediċinali. L-Aseprofar toffri verżjoni semplifikata u deformata tal-pożizzjoni tagħha. Il-problema tinsab fil-fatt li l-Kummissjoni ma qagħditx tezamina jekk il-ftehim jinkludix “vantaġġ oġġettivi kunsiderevoli”. Hija tikkunsidra li l-affermazzjonijiet tal-Aseprofar, b’mod fattwali, huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ infondati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet biss tinnota li l-argumenti ta’ GSK kellhom jiġu studjati.

116

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 255 u 270 sa 274 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza illimitat ruħha sabiex tippreżenta rispettivament b’liema mod l-argumenti ta’ GSK kienu ġew artikolati u f’hiex kienu jikkonsistu dawk fir-rigward tat-telf tal-effiċjenza relatata mal-kummerċ parallel.

117

Fil-punt 269 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, barra minn hekk, fakkret b’referenza għall-punt 242 tal-istess sentenza, l-estensjoni tal-istħarriġ tagħha fuq l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni.

118

Fil-punti 281, 297 u 303 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza suċċessivament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti mressqa minn GSK f’dak li jikkonċerna t-telf tal-effiċjenza relatata mal-kummerċ parallel, iż-żieda tal-effiċjenza maħluqa mill-Artikolu 4 tal-ftehim, qabel ma kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’vizzju ta’ eżami.

119

Minn dawn id-diversi elementi ma jirriżultax li kien sar xi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. L-ebda żnaturament tal-argumenti ta’ GSK u l-ebda żball ta’ liġi rigward l-estensjoni tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħu jintwerew b’mod validu.

120

Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mis-sentneza Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jirriżultax li l-eżistenza ta’ vantaġġ oġġettiv sensibbli neċessarjament ifisser li t-totalità tal-mezzi finanzjarji supplimentari tkun ġiet investita fir-riċerka u l-iżvilupp.

121

Għalhekk il-ħames parti tal-aggravju tal-Kummissjoni u l-ewwel parti tal-aggravju tal-Aseprofar għadhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-EAEPC fir-rigward ta’ żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-aggravju tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li ssir referenza għal avvenimenti fil-passat

122

Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni billi ġġudikat li kellha teżamina l-profitti fi premessa waħda biss tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 81(3) KE billi kkunsidrat li hija ma kellhiex dritt tirreferi għal avvenimenti fil-passat sabiex tagħmel analiżi prospettiva.

123

Il-Kummissjoni tikkritika l-punt 261 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din ma kinitx qieset neċessarju teżamina fid-dettall jekk kienx ġie ppruvat li l-Artikolu 4 tal-ftehim kien joħloq profitt, billi din il-kwistjoni kienet eżaminata biss fil-punt 156 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkontesta wkoll il-punti 299 et seq tal-istess sentenza fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din ma setgħetx tqis, b’mod perentorju u mhux argumentat, li l-argumenti ta’ fatt u l-provi mressqa minn GSK kellhom jiġi kkunsidrati bħala ipotetiċi.

124

Hija tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat il-profitt u tindika li tat deskrizzjoni tal-avvenimenti fil-passat li jipprovaw li l-kummerċ parallel ma għandux rabta evidenti mal-baġits tar-riċerka u tal-iżvilupp. Għalhekk ġustament il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi li seħħew fil-passat, kif ukoll fuq data dwar is-snin sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt.

125

GSK tikkunsidra li, ikkonfrontata b’deċiżjoni fejn il-Kummissjoni kienet tirrifjuta li tonora l-argumenti serji u verosimili tagħha b’risposta ekwa u motivata, ma kienx inapproprjat u ċertament dan ma kienx żball ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

126

Skont l-EAEPC, il-Qorti tal-Prim’Istanza qasmet b’mod artifiċjali l-argument ta’ GSK f’żewġ partijiet. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 255 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ GSK li jipprova juri li l-kummerċ parallel iwassal għal telf ta’ effiċjenza u li l-Artikolu 4 tal-ftehim joħloq profitt ma jistax jinqasam f’żewġ partijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tallega, fil-punt 261 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall it-tieni parti tal-argument ta’ GSK dwar l-imsemmi Artikolu 4.

127

GSK issostni li dan l-argument tal-EAEPC la huwa approprjat u lanqas rilevanti. Dan l-argument huwa formali, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 262 tas-sentenza appellata li, “l-eżami magħmul mill-Kummissjoni għat-telf ta’ effikaċja konnessa mal-kummerċ parallel, sal-livell ta’ dak it-telf ta’ effikaċja u gwadann konness ma’ l-Artikolu 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ma jistax jitqies suffiċjenti sabiex jiġu sostnuti l-konklużjonijiet li għalihom il-Kummissjoni waslet għalihom fuq dawn il-punti”. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata mhux minħabba l-interpretazzjoni tal-argumenti imma minħabba n-nuqqas tal-eżami tal-Kummissjoni. GSK iżżid li l-argument tagħha dejjem kien ibbażat fuq żewġ temi, jiġifieri li l-kummerċ parallel iwassal għal telf ta’ profitti u li l-Artikolu 4 tal-ftehim joħloq profitti u ġustament li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddistingwiet dawn iż-żewġ aspetti tal-argument tagħha.

128

Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa li, fil-kuntest tal-istħarriġ li sar mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-mod kif il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ta’ fatt u l-provi mressqa minn GSK sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ oġġettiv kunsiderevoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 263 sa 268 tas-sentenza appellata, analizzat l-ewwel nett ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti u provi. It-tieni nett, fil-punti 269 sa 280 ta’ din is-sentenza, hija kkunsidrat l-eżistenza ta’ telf ta’ profitti relatata mal-kummerċ parallel, qabel ma kkunsidrat fit-tielet nett, fil-punti 281 sa 293 tal-imsemmija sentenza, l-estensjoni ta’ dan it-telf ta’ profitti. Fl-aħħar u fir-raba’ nett, il-profitti marbuta mal-Artikolu 4 tal-ftehim ġew analizzati fil-punti 294 sa 303 tal-istess sentenza.

129

Dan l-eżami f’erba’ partijiet, li sar qabel l-evalwazzjoni, fil-punti 304 sa 307 tas-sentenza appellata, tal-vantaġġ oġġettiv kunsiderevoli identifikat fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-inkonvenjenzi li din l-istess restrizzjoni toħloq għall-kompetizzjoni, huwa intiż manifestament, għal din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni segħetx, ġustament, tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ vantaġġ oġġettiv kunsiderevoli sabiex tiċħad l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE.

130

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet l-istħarriġ tagħha sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma kien jidher li sar ebda żball ta’ liġi fl-eżerċizzju ta’ tali stħarriġ.

131

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkunsidra, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet essenzjalment eżaminat jekk il-kummerċ parallel kienx iwassal għal telf ta’ effiċjenza għall-kompetizzjoni u li din ma kinitx ikkunsidrat bħala neċessarju li turi fid-dettall jekk l-Artikolu 4 tal-ftehim kienx joħloq profitt għal din. Għalhekk, hija kkonkludiet, fil-punt 262 tal-istess sentenza, li l-eżami li sar mill-Kummissjoni ma kienx biżżejjed.

132

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti fil-passat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 247 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eskludietx li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq tali avvenimenti, kuntrarjament għal dak li ssostni din l-aħħar istituzzjoni.

133

Għalhekk, l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-EAEPC, imqajma f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-aggravji tal-EAEPC ibbażati fuq żbalji ta’ interpretazzjoni

134

L-EAEPC issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat jew naqset milli tinterpreta l-fatti. Hija tikkritika f’dan ir-rigward b’mod partikolari l-punti 275 u 277 tas-sentenza appellata. Hija tirrileva li l-Kummissjoni kienet analizzat l-argumenti speċifiċi ta’ GSK u qieset, ġustament, li din ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti r-rabta ta’ kawża u effett bejn it-tnaqqis tal-kummerċ parallel li jirriżulta mill-inklużjoni tal-Artikolu 4 tal-ftehim u ż-żieda tal-innovazzjoni li tirriżulta minn żieda fl-ispejjeż tar-riċerka u tal-iżvilupp. Jirriżulta mill-istudju II ta’ Frontier Economics, ippreżentat minn GSK, li “qatt ma ntqal li l-kummerċ parallel huwa l-fattur prinċipali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq fatti ineżatti, jiġifieri b’mod partikolari dak li jgħid li l-konsumatur finali fis-settur mediku huwa unikament il-pazjent, mingħajr ma ttieħed kont tal-fatt li s-sistema nazzjonali tas-saħħa għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala tali.

135

GSK tirrispondi, essenzjalment, li l-element prinċipali tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa bbażat fuq il-fatt li, fin-nuqqas tal-effetti restrittivi li kienu perċettibbli, dawn ma kienux jidhru b’mod immedjat u ċertament ma setgħux ikunu preżunti fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv tas-settur farmaċewtiku.

136

Għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 280 tal-konklużjonijiet tagħha, li mis-sentenza appellata u b’mod partikolari mil-punt 277 tagħha, ma jirriżultax li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mill-istudju II ta’ Frontier Economics li kienet teżisti rabta diretta bejn il-kummerċ parallel u l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp.

137

Lanqas ma jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 275 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat is-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel eżami dettaljat tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi mressqa minn GSK.

138

Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 130 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet l-istħarriġ tagħha b’mod li tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma jidhirx li kien sar żball ta’ dritt fl-eżerċizzju ta’ tali stħarriġ.

139

Għalhekk l-aggravju tal-EAEPC ibbażat fuq żbalji ta’ interpretazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli

140

Il-Kummissjoni tesponi l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet, fejn il-kontenut tat-tieni huwa, essenzjalment, analogu għal wieħed mill-aggravji invokati mill-Aseprofar.

141

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju tal-Kummissjoni, din tal-aħħar issostni li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tikkonstata l-ebda nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, imma toħloq kategorija ġdida ta’ żball li jista’ jkun mistħarreġ, jiġifieri n-“nuqqas ta’ eżami serju”, li mhijiex magħrufa fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE. Hija tirreferi għall-punti 269, 277, 281, 286 u 313 tas-sentenza appellata. Skontha, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma applikat il-motiv ta’ “nuqqas ta’ eżami serju” u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma werietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Oneru ta’ prova u livell ta’ prova definiti korrrettament kellu jwassal il-Qorti tal-Prim’Istanza għaċ-ċaħda tar-rikors jew, tal-anqas, sabiex tispjega fejn kien twettaq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

142

GSK tirrispondi għal dan li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkritika lill-Kummissjoni talli ma għamlet l-ebda evalwazzjoni tal-argumenti dettaljati u serji tagħha, li ma jibdilx in-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir. Il-fatt li ma “evalwatx” l-imsemmija argumenti jidħol fil-kamp tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

143

Fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-istess bħal l-Aseprofar fil-kuntest tal-aggravju li hija tqajjem, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qabżet il-livell adegwat ta’ evalwazzjoni ekonomika billi ssostitwiet l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li huwa mfakkar fil-punt 243 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni tikkritika b’mod partikolari l-punt 278 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “hija tinsa l-argumenti ta’ GSK li skond dawn l-importanza tal-profitti għandu jkun moderat fid-dawl ta mill-metodu ta’ kontabbiltà tagħhom”. Tali motivazzjoni tant hija suċċinta li fil-fatt huwa impossibbli li jkun magħruf għal xiex tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza.

144

L-Aseprofar żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tistħarreġ l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni minflok tesprimi opinjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni u tibdel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha.

145

Għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati f’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-aggravju tal-Kummissjoni, GSK tikkontesta l-fatt li l-istħarriġ li sar mill-Qorti tal-Prim’Istanza seta’ jwassal sabiex tkun sostitwita l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal dik tal-Kummissjoni.

146

Kif digà tfakkar fil-punt [85] ta’ din l-istess sentenza, il-qrati Komunitarji jeżerċitaw kontroll ristrett fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni. L-imsemmija qrati huma limitati, f’dan ir-rigward, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, għall-eżattezza materjali tal-fatti, għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

147

Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tivverifika jekk il-Kummissjoni mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Remia et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punti 28 u 29).

148

Huwa għalhekk ġustament li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tivverifika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-argumenti ta’ fatt u l-provi rilevanti mressqa minn GSK insostenn tat-talba għal eżenzjoni tagħha.

149

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti ta’ fatt u l-provi kollha rilevanti ta’ GSK u ma ssostitwietx il-motivi tagħha għal dawk tal-Kummussjoni għall-għoti tal-eżenzjoni.

150

Għalhekk, l-aggravju tal-Kummissjoni, ikkunsidrat fiż-żewġ partijiet tiegħu, kif ukoll l-aggravju tal-Aseprofar, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar ibbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti

151

Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tal-punt 263 tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti. Dan il-punt jistabbilixxi:

“Jeħtieġ li jingħad li l-argumenti ta’ fatt ta’ GSK u l-elementi ta’ prova ppreżentati sabiex isosstnu dan jidhru rilevanti, affidabbli u probabbli, fir-rigward tal-kontenut tagħhom […], li huwa stess huwa korroborat fuq numru ta’ aspetti importanti minn dokumenti maħruġa mill-Kummissjoni”.

152

Il-Kummissjoni tippreċiża li l-punti 265 u 266 tas-sentenza appellata jaggravaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni u tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, b’mod partikolari fl-imsemmi punt 265, li “parti [mil]l-argumenti [ta’ GSK] u ta’ l-analiżi ekonomiċi li jidhru fl-elementi ta’ prova prodotti sabiex dawn jiġu sostnuti, b’hekk jattestaw l-affidabbiltà u l-probabbiltà tagħhom” huma kkorraborati mill-Komunikazzjoni COM (1998) 588 finali, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat liema minn dawn l-elementi huma effettivament ikkorraborati.

153

Il-Kummissjoni żżid li l-inkartament ma jinkludi l-ebda prova li turi li GSK hija pprojbita milli żżid il-baġit tagħha għar-riċerka u l-iżvilupp fi proporzjoni ekwivalenti għan-nuqqas ta’ profitti modest ikkawżat mill-kummerċ parallel tal-prodotti tagħha.

154

Fl-istess sens, l-Aseprofar issostni b’mod partikolari li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom l-element ċentrali tal-Kummissjoni kien ivvizzjat, jiġifieri li ma kinitx murija r-rabta kawżali bejn il-kummerċ parallel u l-innovazzjoni.

155

F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, Ġabra p. I-2665, punt 42) ma jidhirx li ġie miksur f’dan il-każ.

156

Fil-fatt, huwa importanti jiġi enfasizzat li, fil-punti 255 sa 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet għad-diversi argumenti ta’ fatt u l-provi mressqa minn GSK. Fil-punt 261 tal-istess sentenza, hija kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet essenzjalment eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk kienx muri li l-kummerċ parallel kien iwassal għal telf ta’ profitti, mingħajr ma qieset neċessarju li teżamina jekk kienx ukoll muri li l-Artikolu 4 tal-ftehim kien joħloq, min-naħa tiegħu, profitti.

157

Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet, fil-punt 262 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tar-rilevanza tal-argumenti ta’ fatt u l-provi ta’ GSK, l-eżami magħmul mill-Kummissjoni ma jistax jitqies suffiċjenti sabiex jiġu sostnuti l-konklużjonijiet tagħha.

158

Wara din il-kunsiderazzjoni, kif kien diġà indikat fil-punt [128] ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet analiżi tar-rilevanza tal-argumenti ta’ fatt u tal-provi ta’ GSK kif ukoll analiżi tat-telf tal-profitti marbuta mal-kummerċ parallel, tal-estensjoni ta’ dan it-telf tal-profitti, taż-żieda fil-profitti marbuta mal-Artikolu 4 tal-ftehim u tal-ibbilanċjar ta’ dawn id-diversi aspetti.

159

Għalhekk l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar invokati f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fir-rigward ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

160

Il-Kummissjoni tikkritika l-punt 309 tas-sentenza appellata u tikkunsidra li s-sentenza appellata ma tinkludi l-ebda motivazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjoni fir-rigward tan-“natura indispensabbli” tar-restrizzjoni.

161

L-Aseprofar issostni, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball manifest fil-punti 235 sa 240 tas-sentenza appellata, li skont it-termini tagħha din iddikjarat li l-Kummissjoni kienet ikkonċentrat l-eżami tagħha fuq l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx jekk kinitx fondata l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tal-argumenti li skonthom parti sostanzjali tal-profitti tmur għand il-konsumaturi li jistgħu b’hekk jieħdu vantaġġ minnhom. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet żball manifest billi kkonkludiet li GSK ma kinitx ipprovat li r-restrizzjoni tagħha kienet indispensabbli għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 315 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta l-argumenti li ma kinux imqajjma minn GSK f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni relattiva għall-assenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

162

GSK ssostni fir-risposta li l-għan tal-istħarrġ ġudizzjarju mhuwiex li jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni kellhiex tagħti eżenzjoni. Skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, il-Kummissjoni biss hija kompetenti sabiex tagħmel din l-evalwazzjoni, li tispjega għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza rabtet l-analiżi tat-tieni sar-raba’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE mar-riżultat tal-ewwel waħda. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, li “jirriżulta mid-[deċiżjoni appellata] u mid-diskussjonijiet li l-konklużjonijiet sommarji li l-Kummissjoni waslet għalihom fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ riperkussjoni fuq l-utent, ta’ karattru indispensabbli ta’ l-Artikolu 4 tal-[ftehim] ta’ bejgħ u ta’ l-assenza ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bbażata fuq dik dwar l-eżistenza ta’ gwadann ta’ effikaċja” u fil-punt 310 tal-imsemmija sentenza, li “[f]ejn dik l-aħħar [konklużjoni] imsemmija kienet vvizzjata b’illegalità, f’dik li hija tirrigwarda l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni għall-promozzjoni tal-progress tekniku, dawk il-konklużjonijiet stess huma invalidi”.

163

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni fejn hija mitluba tistħarreġ il-legalità. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt [85] ta’ din is-sentenza, il-qrati Komunitarji jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

164

Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivi li jikkonċernaw waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(3) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina n-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni.

165

Dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 309 tas-sentenza appellata.

166

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-kontenut tal-punt 187 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata billi kkonstatat li l-konlużjonijiet tal-Kummissjoni, li kienet qieset li l-Artikolu 4 tal-ftehim ma kienx indispensabbli, kienu insuffiċjenti, minħabba li kienu bbażati fuq il-konstatazzjoni li din id-dispożizzjoni ma kinitx toħloq iktar għan sensibbli.

167

Għalhekk f’dan ir-rigward l-aggravji tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

168

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appelli ppreżentati minn GSK, l-EAEPC, l-Aseprofar u l-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

169

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li meta l-appell ma huwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(3) jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Inkwantu għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4), dan jipprevedi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

170

Peress li f’dan il-każ, GSK, l-EAEPC, l-Aseprofar u l-Kummissjoni, kull waħda f’dak li jikkonċernaha, tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċeduri rispettivi u għandu jiġi deċiż li r-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli ppreżentati minn GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC) u l-Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar) huma miċħuda.

 

2)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri rispettivi.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.