Kawża C-486/06

BVBA Van Landeghem

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-hof van beroep te Antwerpen)

“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Intestaturi 8703 u 8704 — Vettura bil-mutur tat-tip ‘pick-up’”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Vettura bil-mutur tat-tip ‘pick-up’


Pick-ups bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma magħmula, minn naħa, minn kabina magħluqa li sservi bħala spazju għall-passiġġieri u li fiha jkun hemm sedili li jingħalqu jew li jitneħħew, b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti għat-twaħħil li jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq u, min-naħa l-oħra, minn parti għat-tagħbija li l-għoli tagħha ma jaqbiżx il-50 ċentimetru u li tista’ tinfetaħ biss min-naħa ta’ wara u li m’għandha ebda faċilitajiet għall-irbit ta’ tagħbija, li għandhom finitura interna lussuża ħafna u li jiġu b’diversi alternattivi (b’mod partikolari, sedili tal-ġilda rregolati bl-elettriku, mirja u twieqi kkontrollati bl-elettriku, kif ukoll stereo li jaqra s-CDs), u huma mgħammra b’sistema ta’ brejkijiet kontra l-ibblokkar tar-roti (ABS), b’magna petrol ta’ 4 sa 8 litri ta’ ċilindrata b’gearbox awtomatika u li għandha konsum għoli ħafna ta’ karburant, bi drive b’erba’ roti kif ukoll b’rimmijiet “sportivi” lussużi, għandhom jiġu kklassifikati, minħabba l-aspett ġenerali tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom kollha, taħt l-intestatura 8703 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolamenti (KE) Nru 3115/94, Nru 3009/95 u Nru 1734/96.

(ara l-punt 43 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Intestaturi 8703 u 8704 – Vettura bil-mutur tat-tip ‘pick-up’”

Fil-kawża C‑486/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof vann beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura

BVBA Van Landeghem

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Aġent President tat-Tmien Awla, E. Juhász u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal BVBA Van Landeghem, minn E. Gevers, advocaat,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn F. Tuytschaever, advocaat,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mill-Annessi tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3115/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 345, p. 1), (KE) Nru 3009/95, tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 319, p. 1), u (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta’ Settembru 1996 (ĠU L 238, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn BVBA Van Landeghem (iktar ’il quddiem “Van Landeghem”) u Belgische Staat fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ xi vetturi bil-mutur tat-tip “pick-up”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3       Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), iffirmata fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).

4       Skond l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew emenda, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma temendax il-portata tagħhom.

5       Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li ħolqot l-imsemmi kunsill, iffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, previst fl-Artikolu 6 tagħha. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, x-xogħol tal-kumitat huwa, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u jirredatta noti ta’ spjega, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra għall-interpretazzjoni tas-SA.

6       Waqt it-28 sessjoni li nżammet fl-2001, il-Kumitat tas-SA adotta emendi għan-noti ta’ spjega, b’mod partikolari, għal dawk li jirrigwardaw l-intestaturi 8703 u 8704 tas-SA.

7       In-nota ta’ spjega li tirrigwarda l-intestatura 8703 tas-SA tipprovdi li:

“Il-klassifikazzjoni ta’ ċerti vetturi bil-mutur f’din l-intestatura hija ddeterminata minn ċerti karatteristiċi li juru li dawn huma prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ persuni u mhux ta’ oġġetti (Nru 8704). Dawn il-karatteristiċi huma partikolarment utli sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-vetturi bil-mutur li l-piż totali tagħhom huwa ġeneralment inqas minn 5 tunnellati u li jkollhom spazju intern magħluq wieħed biss inkluża parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri u parti oħra li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni u oġġetti. F’din il-kategorija ta’ vetturi bil-mutur huma inklużi dawk ġeneralment imsejħa bħala vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet [multi-purpose] (per eżempju, vetturi tat-tip ta’ vann, vetturi għal użu sportiv u xi vetturi tat-tip ‘pick-up’). L-elementi li ġejjin jirreferu għall-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu taħt din l-intestatura:

(a)      Preżenza ta’ sedili permanenti b’apparat ta’ sigurtà (per eżempju, ċinturini ta’ sigurtà jew punti għat-twaħħil u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tagħhom) għal kull persuna jew ta’ punti għat-twaħħil u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tas-sedili u ta’ l-apparat ta’ sigurtà fil-parti ta’ wara li tinsab wara s-sewwieq u l-passiġġieri. Dawn is-sedili jistgħu jkunu fissi, jinfetħu u jingħalqu jew inkella jitneħħew mill-punti għat-twaħħil;

(b)      Preżenza ta’ twieqi fuq in-naħa ta’ wara fuq iż-żewġ pjanċi tal-ġenb;

(ċ)      Preżenza ta’ bieba waħda jew iktar li jislajdjaw, li jinfetħu ’il barra jew ’il fuq, bi twieqi, fuq il-pjanċi tal-ġenb jew fuq wara;

(d)      Nuqqas ta’ pjanċa jew ta’ barrieri permanenti bejn il-parti tas-sewwieq u l-passiġġieri ta’ quddiem u l-parti ta’ wara li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti;

(e)      Preżenza fil-parti interna kollha tal-vettura ta’ elementi ta’ kumdità, ta’ elementi ta’ finitura interna u ta’ aċċessorji simili għal dawk li jinsabu fil-parti tal-passiġġieri tal-vetturi (per eżempju, tapizzerija, ventilazzjoni, dawl intern, axtrejs).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       In-nota ta’ spjega li tirrigwarda l-intestatura 8704 tas-SA tipprovdi dan li ġej:

“Il-klassifikazzjoni ta’ xi vetturi bil-mutur f’din l-intestatura hija ddeterminata minn xi karatteristiċi li juru li dawn huma intiżi għat-trasport ta’ oġġetti u mhux ta’ persuni (Nru 8703). Dawn il-karatteristiċi huma partikolarment utli sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-vetturi bil-mutur li l-piż totali tagħhom huwa ġeneralment inqas minn 5 tunnellati li jkollhom parti separata fuq wara li tkun magħluqa jew kaxxa miftuħa fuq wara, ġeneralment użati għat-trasport ta’ l-oġġetti; dawn il-vetturi jista’ jkollhom sedili fuq wara tat-tip ta’ bank mingħajr ċinturin tas-sigurtà, u lanqas punti għat-twaħħil jew kumditajiet għall-passiġġieri, li jingħalqu mal-ġenb sabiex il-kaxxa tkun tista’ tintuża kollha għat-trasport ta’ l-oġġetti. Din il-kategorija ta’ vetturi bil-mutur tinkludi, b’mod partikolari, dawk ġeneralment imsejħa bħala vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet [multi-purpose] (per eżempju, vetturi tat-tip vann, vetturi tat-tip ‘pick-up’ u xi vetturi għal użu sportiv). L-elementi li ġejjin jirreferu għall-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu taħt din l-intestatura:

(a)      Preżenza ta’ sedili tat-tip ta’ banketta mingħajr apparat ta’ sigurtà (per eżempju, ċinturini ta’ sigurtà jew punti għat-twaħħil u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tagħhom) u lanqas kumditajiet għall-passiġġieri fil-parti ta’ wara, wara l-parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri. Dawn is-sedili jistgħu ġeneralment jitniżżlu sabiex jippermettu li l-art, (vetturi tat-tip vann) jew il-pjanċa ċatta separata (vetturi tat-tip ‘pick-up’) jintużaw b’mod sħiħ għat-trasport ta’ l-oġġetti;

(b)      Preżenza ta’ kabina separata għas-sewwieq u l-passiġġieri, kif ukoll ta’ kaxxa separata miftuħa, bil-ġnub fissi u bieba li titniżżel (vetturi tat-tip ‘pick-up’);

(ċ)      Nuqqas ta’ tieqa fuq in-naħa ta’ wara fuq iż-żewġ pjanċi tal-ġenb; preżenza ta’ bieba waħda jew iktar li jislajdjaw, li jinfetħu ’l barra jew ’il fuq, mingħajr twieqi, fuq il-pjanċi tal-ġenb jew fuq wara, sabiex jippermettu t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-oġġetti (vetturi tat-tip vann);

(d)      Preżenza ta’ pjanċa jew ta’ barriera permanenti bejn parti tas-sewwieq u l- tal-passiġġiera ta’ quddiem u l-parti ta’ wara;

(e)      Nuqqas ta’ elementi ta’ kumdità, ta’ elementi ta’ finitura interna u ta’ aċċessorji fuq il-kaxxa għat-tagħbija simili għal dawk li jinsabu fil-parti tal-passiġġieri tal-vetturi (per eżempju, tapizzerija, ventilazzjoni, dawl intern, axtrejs).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Waqt it-23 sessjoni li nżammet fl-1999, il-Kumitat tas-SA adotta emendi għall-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni, b’mod partikolari, għal dawk li jirrigwardaw l-intestaturi 8703 u 8704 tas-SA.

10     Il-vetturi tat-tip “pick-up” jissemmew fl-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni li jirrigwardaw is-subintestaturi 8703.23, 8704.21 u 8704.31 tas-SA adottati minn dan il-kumitat f’din is-sessjoni. It-tip ta’ vettura kkunsidrata fit-tieni opinjoni li tirrigwarda s-subintestatura 8704.31 mhijiex differenti minn dik ikkunsidrata fl-ewwel opinjoni, li hija riprodotta iktar ’l quddiem, ħlief fir-rigward tal-mod ta’ propulsjoni (drive b’żewġ jew erba’ roti) u l-piż, b’mod li m’hemmx għalfejn li din it-tieni opinjoni tiġi riprodotta hawnhekk.

“8703.23 2. Vettura bil-mutur bi drive b’żewġ roti, b’magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna bil-moviment alternat b’ċilindrata ta’ 1,800 cm3. Din għandha żewġ bibien, u fil-parti rriżervata għall-passiġġieri (kabina doppja) żewġ sedili fuq quddiem u bank fuq wara li ma jingħalaqx għal tliet persuni. L-intern tagħha huwa arredat (per eżempju, sedili miksija bid-drapp, panels dekorattivi,). Il-parti ta’ wara, li hija miftuħa, u intiża għat-trasport ta’ oġġetti, hija separata mill-parti rriżervata għall-passiġġieri u għandha bieba li tinżel fuq wara. Il-kapaċità ta’ tagħbija totali (persuni, inkluż is-sewwieq, u l-oġġetti) hija ta’ 495 kilo, li minnhom, madwar 145 huma għall-oġġetti. Il-piż massimu tal-vettura meta tkun mgħobbija huwa ta’ 1,566 kilo.

8704.21 1. Vettura bil-mutur bi drive b’erba’ roti, b’magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna bil-moviment alternat b’ċilindrata ta’ 2,779 cm, b’kabina doppja u kaxxa separata għat-tagħbija, imwaħħla fuq chassis distint. Il-kapaċita ta’ tagħbija totali (persuni, inkluż is-sewwieq u l-oġġetti) hija ta’ 625 kilo li minnhom, madwar 350 huma għall-oġġetti. Il-vettura għandha erba’ bibien u bank li ma jingħalaqx għal tliet persuni wara ż-żewġ sedili ta’ quddiem. Il-finitura interna fiha, per eżempju, sedili rotob bil-headrest u ġnub dekorattivi. Il-kaxxa għat-tagħbija għandha bieba li tinżel u hija mgħottija b’kanvas stirat fuq qafas metalliku. Fuq il-kaxxa għat-tagħbija hemm installata pjanċa tal-plastik li titneħħa u li fuqha hemm imwaħħal bank.

8704.31 1. Vettura bil-mutur bi drive b’żewġ roti, b’magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna bil-moviment alternat b’ċilindrata ta’ 2,254 cm3. Din għandha erba’ bibien, u fil-parti rriżervata għall-passiġġieri (kabina doppja) żewġ sedili fuq quddiem u bank fuq wara li ma jinżilx għal tliet persuni. Il-parti ta’ quddiem tal-vettura tikkonsisti f’żewġ partijiet distinti, waħda għas-sewwieq u l-passiġġieri u l-oħra għall-oġġetti. Il-kaxxa għat-tagħbija hija miftuħa u għandha bieba fuq wara li tinżel sabiex tiffaċilita t-tagħbija jew il-ħatt ta’ l-oġġetti. Il-kapaċita ta’ tagħbija totali (persuni, inkluż is-sewwieq, u l-oġġetti) hija ta’ 1,140 kilo. Il-piż massimu tal-vettura meta tkun mgħobbija huwa ta’ 2,450 kilo.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

11     In-NM hija bbażata fuq is-SA u tirriproduċi l-intestaturi kif ukoll is-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ din is-sistema. Il-verżjoni tan-NM li kienet tapplika fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat mill-Annessi tar-Regolamenti Nri 3115/94, 3009/95 u 1734/96. Fil-verżjonijiet li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti, il-kliem tar-regoli ġenerali u ta’ l-intestaturi tariffarji tan-NM li tirreferi għalihom id-domanda preliminari u dawk invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhumiex differenti għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda.

12     Fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1734/96, l-ewwel parti tan-NM, Taqsima I A, bit-titolu “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi li:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

[…]

3.      Meta jidher li l-oġġetti għandhom ikunu kklassifikati taħt żewġ intestaturi jew iktar skond ir-regola 2(b) jew fi kwalunkwe ieħor, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

         […]

(ċ)      Fil-każ li r-regoli 3(a) u 3(b) ma jippermettux li ssir il-klassifikazzjoni, l-oġġetti għandhom ikunu klassifikati taħt l-aħħar intestatura skond ordni numerika fost dawk li ukoll għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima XVII, bit-titolu “Vetturi, biċċiet ta’ l-ajru u tagħmir tat-trasport assoċjat”, u li l-kapitolu 87 huwa intitolat “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”. L-intestaturi rilevanti għall-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin:

8703

Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk ta’ titlu [l-intestatura] 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq

8704

Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti


14     Id-daħla għall-edizzjoni tan-“noti ta’ spjega tan-nomenklatura magħquda tal-Komunitajiet Ewropej” tistabbilixxi li dawn “ma j[i]ħdux il-post ta’ [dawk tas-SA] iżda għandhom jitqiesu bħala żieda magħhom u għandhom jintużaw flimkien magħhom”. In-noti ta’ spjega tan-NM, ippubblikati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni fis-subintestaturi 8703 21 10 sa 8703 24 90 kienu jipprovdu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali li huma rilevanti f’dan il-każ (ĠU 1994, C 342 p. 1, iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tan-NM 1994”) li:

“Bil-kundizzjoni li jkunu prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ persuni, dawn is-subintestaturi jinkludu wkoll il-vetturi ta’ użu differenti, jiġifieri dawk li jistgħu iservu mingħajr distinzjoni għat-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti. Dawn il-vetturi jiddistingwu ruħhom minn vetturi bil-mutur, spiss ta’ l-istess daqs, għat-trasport ta’ oġġetti, permezz ta’ karatteristiċi differenti:

1.      preżenza fil-parti li tinsab wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq, ta’ sedili fissi li jingħalqu jew li jitneħħew, jew ta’ postijiet intiżi speċjalment biex jittwaħlu tali sedili, u ta’ twieqi fuq il-ġenb

u

2.      ġeneralment preżenza ta’ bieba fuq wara jew fil-ġenb jew ta’ bieba li tinżel u finitura interna identika jew simili għal dik tal-vetturi għat-trasport ta’ persuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15     In-noti ta’ spjega msemmija tan-NM 1994 ġew imħassra b’mod li m’għadhomx jidhru fl-edizzjoni tan-noti ta’ spjega tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikati mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Frar 2006 (ĠU C 50, p. 1, iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tan-NM 2006”). Dawn in-noti ta’ spjega, li jirrigwardaw is-subintestaturi 8703 21 10 sa 8703 24 90, jirreferu għan-nota ta’ spjega tas-SA li tirrigwarda l-intestatura 8703, iċċitata fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, billi tistabbilixxi li l-vetturi li huma deskritti fiha jaqgħu taħt dawn is-subintestaturi.

16     Fil-31 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ppubblikat noti ta’ spjega ġodda (ĠU 2007, C 74, p. 1, iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tan-NM 2007”) li, fir-rigward ta’ l-intestatura 8703, jipprovdu li:

“1.      Tat-tip pick-up:

Din it-tip ta’ vettura jkun fiha normalment diversi fillieri ta’ sedili u hija magħmula minn żewġ partijiet distinti, jiġifieri kabina magħluqa għat-trasport ta’ persuni u parti miftuħa jew mgħottija, għat-trasport ta’ oġġetti.

Madankollu, tali vetturi għandhom jaqgħu taħt l-intestatura Nru 8704 jekk it-tul massimu tal-qiegħ minn ġewwa tal-parti intiża għat-trasport ta’ oġġetti tkun iktar minn 50 % tat-tul ta’ bejn ir-roti [wheel base] tal-vettura jew jekk għandha żewġ fusijiet [axles]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17     Bejn l-10 ta’ April 1995 u l-4 ta’ Diċembru 1997, Van Landeghem, fil-kwalità tagħha ta’ aġent tad-dwana, ippreżentat lill-awtorità doganali ta’ Antwerp, 75 dikjarazzjoni IM4 ta’ rilaxx għall-konsum fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ 96 vettura intiżi għal ditta Taljana.

18     Wara li sar kontroll a posteriori, l-amministrazzjoni doganali Belġjana qieset li dawn is-96 vettura kienu ġew iddikjarati b’mod żbaljat taħt l-intestatura tariffarja 8703 tan-NM suġġetta għall-ħlas ta’ dazji doganali bir-rata ta’ 10 % biss minflok ma tqegħdu taħt l-intestatura 8704 suġġetta għall-ħlas ta’ dazji doganali bir-rata ta’ 22 %. Skond l-amministrazzjoni doganali, dawn il-vetturi kellhom jiġu ddikjarati taħt l-intestatura tariffarja 8704 tan-NM, bħala vetturi intiżi għat-trasport ta’ oġġetti għaliex kellhom parti għat-tagħbija separata mill-ispazju rriżervat għall-passiġġieri. Permezz ta’ ordni, Van Landeghem ġiet mitluba tħallas dazji doganali addizzjonali fl-ammont ta’ BEF 8 374 994.

19     Van Landeghem ikkontestat din l-ordni billi sostniet li l-vetturi in kwistjoni kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 8703 tan-NM minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħhom u l-finitura lussuża tagħhom.

20     Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2002, ir-Rechtbank vann eerste aanleg te Antwerpen ċaħdet it-talba ta’ Van Landeghem billi ddeċidiet li minkejja l-karatteristiċi u l-proprjetajiet speċifiċi tal-vetturi tat-tip “pick-up” kif ukoll tal-fatt li l-ispazju intiż għall-passiġġieri ta’ dawn il-vetturi għandu finitura lussuża ħafna, il-parti għat-tagħbija tal-vetturi hija determinanti fuq il-pjan funzjonali. Dawn il-vetturi huma intiżi għat-trasport ta’ oġġetti u b’hekk għandhom jiġu ddikjarati taħt l-intestatura 8704 tan-NM.

21     F’appell imressaq quddiemha kontra din id-deċiżjoni, il-Hof vann beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Pick-ups - li huma vetturi bil-mutur magħmula, min-naħa, minn kabina magħluqa li sservi bħala spazju għall-passiġġieri u li fiha jkun hemm sedili li jingħalqu jew li jitneħħew, b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti għat-twaħħil li jkunu jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq u, min-naħa l-oħra, minn parti għat-tagħbija li l-għoli tagħha ma jaqbiżx il-50 ċentimetru u li tista’ tinfetaħ biss min-naħa ta’ wara u li m’għandha ebda faċilitajiet għall-irbit ta’ tagħbija - li jkollhom finitura interna lussuża ħafna bl-alternattivi kollha (li jinkludu sedili tal-ġilda rregolati bl-elettriku, mirja u twieqi kkontrollati bl-elettriku, stereo li jaqra s-CDs, eċċ.), sistema ta’ brejkijiet ABS, magna petrol ta’ 4 sa 8 litri [ta’ ċilindrata] b’gearbox awtomatika u li għandha konsum għoli ħafna, drive b’erba’ roti u rimmijiet (sportivi) lussużi, iddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera u għar-rilaxx għall-konsum bejn l-10 ta’ April 1995 u l-4 ta’ Diċembru 1997, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8703 tan-[NM] fis-seħħ f’dak iż-żmien (oriġinarjament introdotti mir-Regolament Nru 2658/87 [...]) bħala karozzi bil-mutur u vetturi oħra bil-mutur prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni (differenti minn dawk taħt l-intestatura Nru 8702), inklużi fosthom il-karozzi tat-tip ‘station wagon’ u l-karozzi tat-tlielaq, jew taħt l-intestatura 8704 tan-[NM] fis-seħħ f’dak iż-żmien bħala vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti, jew inkella taħt intestatura differenti mill-intestatura 8703 jew l-intestatura 8704 tan-[NM] fis-seħħ f’dak iż-żmien?”

 Fuq id-domanda preliminari

22     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk vetturi pick-up, bħal dawk deskritti fid-domanda preliminari, għandhomx jiġu kklassifikati bħala vetturi intiżi għat-trasport ta’ persuni, taħt l-intestatura 8703 tan-NM jew, bħala vetturi maħsuba għat-trasport ta’ oġġetti taħt l-intestatura 8704 tan-NM.

23     Jeħtieġ li l-ewwel issir referenza għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ l-oġġetti għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ l-oġġetti, kif definiti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara s-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 38, u tat-18 ta’ Lulju 2007, FTS International, C‑310/06, Ġabra p. I-6749, punt 27).

24     Sussegwentement, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni safejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, Ġabra. p. I‑311, punt 29; tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, Ġabra. p. I‑1559, punt 36, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I-6675, punt 18).

25     Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu, b’mod importanti, għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ l-intestaturi differenti mingħajr madankollu m’għandhom setgħa vinkolanti (ara s-sentenza B.A.S. Trucks, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Barra minn hekk, għalkemm l-opinjonijiet ta’ l-ODD li jikklassifikaw oġġett fis-SA m’għandhomx setgħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott fin-NM, indikazzjonijiet li jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ l-intestaturi differenti tan-NM (ara s-sentenza Kawasaki Motors Europe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

26     Van Landeghem tiddefendi l-klassifikazzjoni tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 8703 tan-NM, filwaqt li l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni jargumentaw favur klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8704 tan-NM. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq in-noti ta’ spjega tas-SA u l-Gvern Belġjan, barra minn hekk, jibbaża ruħu wkoll fuq l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tas-SA.

27     Skond il-kliem ta’ l-intestatura 8703, jiġifieri “Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni”, l-iskop prinċipali tal-vetturi msemmija huwa deċiżiv għall-klassifikazzjoni tagħhom. Mill-użu tat-terminu “maħsubin” jirriżulta, kif inhuwa kkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li l-iskop prinċipali tal-vettura huwa deċiżiv, u dan għandu jkun inerenti għaliha. Dan l-iskop huwa ddeterminat mill-aspett ġenerali tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-karatteristiċi kollha ta’ l-imsemmija vetturi li jagħtuhom il-karattru essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza B.A.S. Trucks, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

28     F’dan il-każ, il-vetturi bil-mutur in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi li ġejjin, jiġifieri li huma magħmula, minn naħa, minn kabina magħluqa li sservi bħala spazju għall-passiġġieri u li fiha jkun hemm sedili li jingħalqu jew li jitneħħew, b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti għat-twaħħil li jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq u, min-naħa l-oħra, minn parti għat-tagħbija li l-għoli tagħha ma jaqbiżx il-50 ċentimetru u li tista’ tinfetaħ biss min-naħa ta’ wara u li m’għandha ebda faċilitajiet għall-irbit ta’ tagħbija. L-imsemmija vetturi għandhom finitura lussuża ħafna u jiġu b’diversi alternattivi (b’mod partikolari, sedili tal-ġilda rregolati bl-elettriku, mirja u twieqi kkontrollati bl-elettriku, kif ukoll stereo li jaqra s-CDs), u huma mgħammra b’sistema ta’ brejkijiet kontra l-ibblokkar tar-roti (ABS), b’magna petrol ta’ 4 sa 8 litri ta’ ċilindrata b’gearbox awtomatika u li għandha konsum għoli ħafna ta’ karburant, bi drive b’erba’ roti kif ukoll b’rimmijiet “sportivi” lussużi.

29     Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi u ta’ dawn il-proprjetajiet, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk tali vetturi humiex, skond id-dehra ġenerali tagħhom u l-karatteristiċi kollha tagħhom, prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew għat-trasport ta’ oġġetti.

30     Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Belġjan li, b’mod konformi ma’ l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tas-SA dwar is-subintestaturi 8704.21 u 8704.31, pick-ups kif inhuma deskritti fihom huma kklassifikati taħt l-intestatura 8704, għandu jingħad li dan il-fatt ma jagħtix indikazzjonijiet determinanti għall-klassifikazzjoni tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li huwa paċifiku li pick-ups jistgħu jkunu kklassifikati kemm taħt l-intestatura 8703 tan-NM, kif ukoll taħt l-intestatura 8704 tagħha, skond il-karatteristiċi partikolari tagħhom, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-opinjoni ta’ klassifikazzjoni tas-SA dwar is-subintestatura 8703.23, li tikklassifika pick-ups taħt l-intestatura 8703.

31     Il-Kummissjoni ssostni li l-istruttura tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-eżistenza ta’ kabina u ta’ kaxxa miftuħa fuq wara, tikkostitwixxi ħjiel għall-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8704 tan-NM. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgħid li vetturi li għandhom spazju wieħed intern magħluq huma msemmija fil-parti deskrittiva tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703, filwaqt li l-vetturi li għandhom karatteristiċi ta’ kostruzzjoni simili għal dawk tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma msemmija fil-parti deskrittiva tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8704.

32     Madankollu, is-sinjifikat ta’ dan l-aspett huwa minimu. Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li skond il-kliem tagħhom, il-funzjoni tal-parti deskrittiva ta’ dawn in-noti ta’ spjega tikkonsisti biss fl-identifikazzjoni tal-vetturi li l-klassifikazzjoni tagħhom hija ekwivoka. Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tal-kunċett ta’ vetturi rilevanti għall-klassifikazzjoni huma mniżżla fil-punti (a) sa (e) tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestaturi 8703 u 8704. Barra minn hekk, l-istruttura tipika ta’ pick-up tikkonsisti ġustament fl-eżistenza ta’ kabina magħluqa u ta’ kaxxa miftuħa fuq wara. Dan huwa kkonfermat min-noti ta’ spjega tan-NM 2007 li jirrigwardaw l-intestatura 8703 li, minkejja l-użu, fil-verżjoni Franċiża, ta’ l-espressjoni “Du type camionnette”, dawn jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ pick-ups, kif jirriżulta b’mod ċar mill-kontenut ta’ dawn in-noti u mill-kliem tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra [jiġifieri “Vom Typ Pick-up”, “Of the pick-up type”, “De tipo camionetta (pick-up)”, “del tipo pick-up”]. F’dawn in-noti ta’ spjega, pick-up huwa deskritt bħala vettura li jkollha kabina magħluqa għat-trasport ta’ persuni u parti miftuħa jew mgħottija għat-trasport ta’ oġġetti, mingħajr ma dan jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ l-imsemmija vettura taħt din l-intestatura.

33     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li numru ikbar ta’ karatteristiċi tad-disinn tal-vetturi msemmija fin-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8704 jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali milli dawk imsemmija fin-nota ta’ spjega tas-SA li tirrigwarda l-intestatura 8703.

34     F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skond il-kliem espress ta’ dawn in-noti ta’ spjega, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni li huma wżati fihom mhumiex eżawrjenti. Sussegwentement, dawn il-kriterji jirreferu għal tipi differenti ta’ vetturi (“vetturi tat-tip vann, vetturi għal użu sportiv u xi vetturi tat-tip ‘pick-up’”). B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati fin-noti ta’ spjega tas-SA humiex rilevanti u sinjifikanti għall-klassifikazzjoni tat-tip ta’ vettura kkonċernata. Barra minn hekk, l-elenkar tal-karatteristiċi tal-vetturi fin-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestaturi 8703 u 8704 m’għandux jiġi mwessa’ fis-sens li s-sempliċi żieda tal-karatteristiċi relatati mal-vetturi in kwistjoni tkun, minnha nnifisha, determinanti għall-klassifikazzjoni tagħhom. Kif inhu mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ikun iktar konvenjenti li ssir evalwazzjoni ta’ l-aspett ġenerali tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-karatteristiċi kollha ta’ l-imsemmija vetturi filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza relattiva tal-kriterji użati għall-klassifikazzjoni tagħhom.

35     Kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, magna b’ċilindrata kbira li għandha konsum ta’ karburant għoli ħafna ma tistax titqies bħala kriterju li jimplika l-klassifikazzjoni ta’ vettura mgħammra b’dan il-mod taħt l-intestatura 8704 tan-NM. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-konsum tal-karburant m’għandux jitqies f’ċifri assoluti, iżda b’relazzjoni mal-kapaċità ta’ tagħbija ta’ oġġetti. Ġeneralment, ir-relazzjoni bejn il-konsum tal-karburant u l-kapaċità ta’ tagħbija hija relattivament dgħajfa fir-rigward tal-vetturi għat-trasport ta’ oġġetti filwaqt li din l-istess relazzjoni hija ħafna iktar b’saħħitha għall-karozzi privati.

36     Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li pick-up li għandu parti intiża għat-trasport ta’ oġġetti li t-tul tal-qiegħ tagħha minn ġewwa jirrappreżenta iktar minn 50 % tat-tul ta’ bejn ir-roti tal-vettura għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8704 tan-NM, għandu jingħad li n-noti ta’ spjega tan-NM 2007 jinkludu din il-konstatazzjoni. Madankollu, din il-karatteristika ma tistax tikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ tali vettura. Il-fatt li n-noti ta’ spjega tan-NM ma jissostitwixxux dawk tas-SA, iżda għandhom jitqiesu bħala komplimentari, kif spjegat fid-daħla ta’ l-edizzjoni tan-noti ta’ spjega tan-NM, jipprekludi tali interpretazzjoni. Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tan-NM 2006 li jirrigwardaw is-subintestaturi 8703 21 10 sa 8703 24 90 jirreferu espressament għan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 b’mod li, skond dawn in-noti, il-kriterju msemmi mill-Kummissjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-uniku kriterju għall-klassifikazzjoni.

37     Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ sedili b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti ta’ twaħħil li jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq hija karatteristika tipika tal-vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni. Dan huwa kkonfermat min-noti ta’ spjega tan-NM 1994 u, barra minn hekk, min-noti ta’ spjega tas-SA. Dawn in-noti dwar l-intestatura 8703 jirreferu espressament għal tali sedili bħala karatteristiċi tad-disinn li jkollhom ġeneralment il-vetturi in kwistjoni għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt din l-intestatura.

38     Barra minn hekk, il-finitura interna tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi element favur il-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 8703 tan-NM. Kemm fin-noti ta’ spjega tan-NM eżistenti fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali kif ukoll fin-noti ta’ spjega tas-SA, finitura interna simili għal dik li għandha l-parti tal-vetturi għall-passiġġieri hija msemmija espressament bħala karatteristika tad-disinn tal-vetturi użati għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt din l-intestatura. Dan huwa iktar minnu għall-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, skond id-deskrizzjoni tagħhom fid-domanda preliminari, għandhom “finitura interna lussuża ħafna”.

39     Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-irbit għat-trasport ta’ oġġetti jindika li vetturi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ oġġetti, iżda iktar huma intiżi għat-trasport ta’ persuni. L-istess konklużjoni hija dedotta minħabba l-eżistenza ta’ magna petrol, ta’ gearbox awtomatika, ta’ sistema ta’ brejkijiet kontra l-ibblokkar tar-roti (ABS), u ta’ drive b’erba’ roti. Jidher li tali karatteristiċi huma tipiċi għall-karozzi u mhux għal vetturi maħsuba għat-trasport ta’ oġġetti.

40     Fl-aħħar, il-preżenza ta’ rimmijiet “sportivi” lussużi tikkostitwixxi karatteristika evidenti li turi li l-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni. Ovvjament, persuni u oġġetti jistgħu jiġu ttrasportati kemm b’rimmijiet “sportivi” lussużi kif ukoll b’rimmijiet ordinarji. Madankollu, peress li mhumiex importanti fuq il-pjan funzjonali, ir-rimmijiet “sportivi” lussużi rarament ikunu maħsuba għal vetturi għat-trasport ta’ oġġetti, filwaqt li l-użu tagħhom huwa tipiku fir-rigward tal-karozzi. B’hekk, il-fatt li vetturi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma mgħammra b’tali rimmijiet jindika li dawn għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8703 tan-NM. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li karatteristiċi li, bħal f’dan il-każ il-preżenza ta’ rimmijiet “sportivi” lussużi, jinsabu kważi b’mod esklużiv fuq il-vetturi maħsuba għat-trasport ta’ oġġetti jew fuq il-karozzi, għandhom importanza partikolari għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-vetturi in kwistjoni fin-NM.

41     Huwa veru li n-noti ta’ spjega tas-SA kif ukoll l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tagħha kienu għadhom ma ġewx adottati dak iż-żmien meta l-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew importati. Madankollu, f’dan il-każ, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward ta’ dan il-fatt, dawn id-dokumenti jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex issir il-klassifikazzjoni. Din il-kwistjoni mhijiex deċiżiva sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, anki b’referenza għal dawn id-dokumenti li fuqhom jibbażaw ruħhom il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni sabiex jimmotivaw il-klassifikazzjoni ta’ l-imsemmija vetturi taħt l-intestatura 8704, l-analiżi preċedenti wriet li l-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8703.

42     B’hekk, mill-evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-vetturi deskritti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan prinċipali tal-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, minħabba l-aspett ġenerali tagħhom u l-karatteristiċi kollha tagħhom, it-trasport ta’ persuni u dawn il-vetturi għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8703 tan-NM. Għall-kuntrarju ta’ dak li tqis il-Kummissjoni, il-klassifikazzjoni ta’ l-imsemmija vetturi taħt l-intestatura 8704 tan-NM ma tistax tiġi validament ikkunsidrata b’tali mod li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali 3(ċ) msemmija fil-Parti 1 tan-NM, Taqsima I A hija eskluża minħabba l-kliem tagħha stess.

43     Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fis-sens li pick-ups bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma magħmula, minn naħa, minn kabina magħluqa li sservi bħala spazju għall-passiġġieri u li fiha jkun hemm sedili li jingħalqu jew li jitneħħew, b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti għat-twaħħil li jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq u, min-naħa l-oħra, minn parti għat-tagħbija li l-għoli tagħha ma jaqbiżx il-50 ċentimetru u li tista’ tinfetaħ biss min-naħa ta’ wara u li m’għandha ebda faċilitajiet għall-irbit ta’ tagħbija, li għandhom finitura interna lussuża ħafna u li jiġu b’diversi alternattivi (b’mod partikolari, sedili tal-ġilda rregolati bl-elettriku, mirja u twieqi kkontrollati bl-elettriku, kif ukoll stereo li jaqra s-CDs), u huma mgħammra b’sistema ta’ brejkijiet kontra l-ibblokkar tar-roti (ABS), b’magna petrol ta’ 4 sa 8 litri ta’ ċilindrata b’gearbox awtomatika u li għandha konsum għoli ħafna ta’ karburant, bi drive b’erba’ roti kif ukoll b’rimmijiet “sportivi” lussużi, għandhom jiġu kklassifikati, minħabba l-aspett ġenerali tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom kollha, taħt l-intestatura 8703 tan-NM.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Pick-ups bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma magħmula, minn naħa, minn kabina magħluqa li sservi bħala spazju għall-passiġġieri u li fiha jkun hemm sedili li jingħalqu jew li jitneħħew, b’ċinturini ta’ sigurtà bi tliet punti għat-twaħħil li jinsabu wara s-sedil jew il-bank tas-sewwieq u, min-naħa l-oħra, minn parti għat-tagħbija li l-għoli tagħha ma jaqbiżx il-50 ċentimetru u li tista’ tinfetaħ biss min-naħa ta’ wara u li m’għandha ebda faċilitajiet għall-irbit ta’ tagħbija, li għandhom finitura interna lussuża ħafna u li jiġu b’diversi alternattivi (b’mod partikolari, sedili tal-ġilda rregolati bl-elettriku, mirja u twieqi kkontrollati bl-elettriku, kif ukoll stereo li jaqra s-CDs), u huma mgħammra b’sistema ta’ brejkijiet kontra l-ibblokkar tar-roti (ABS), b’magna petrol ta’ 4 sa 8 litri ta’ ċilindrata b’gearbox awtomatika u li għandha konsum għoli ħafna ta’ karburant, bi drive b’erba’ roti kif ukoll b’rimmijiet “sportivi” lussużi, għandhom jiġu kklassifikati, minħabba l-aspett ġenerali tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom kollha, taħt l-intestatura 8703 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mill-Annessi tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3115/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994, (KE) Nru 3009/95, tat-22 ta’ Diċembru 1995, u (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta’ Settembru 1996.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.