SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Reviżjoni — Direttiva 89/665/KEE — Reviżjoni effettiva — Kunċett — Bilanċ bejn il-prinċipju tal-kontradittorju u d-dritt għar-rispett tas-sigrieti kummerċjali — Protezzjoni, mill-korp responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni, tal-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-operaturi ekonomiċi”

Fil-Kawża C-450/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura

Varec SA

vs

L-Istat Belġjan,

fil-preżenza ta’:

Diehl Remscheid GmbH & Co.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Varec SA, minn J. Bourtembourg u C. Molitor, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent, assistita minn N. Cahen, avukati,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal provvista pubblika u għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti għas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Varec SA (iktar ’il quddiem “Varec”) u l-Istat Belġjan, irrappreżentat mill-Ministru tad-Difiża, dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ ħoloq għall-ktajjen ta’ tankijiet tal-gwerra tat-tip “Léopard”.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE […], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.”

4

L-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista (ĠU L 199, p. 1), iħassar id-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista (ĠU 1977, L 13, p. 1), u jistabbilixxi li r-referenzi għal din id-direttiva mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għad-Direttiva 93/36. Bl-istess mod, l-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), iħassar lid-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 185, p. 5), Direttiva tistabbilixxi li r-riferenzi għal din id-direttiva għandhom jinftehmu bħala riferenzi għad-Direttiva 93/37.

5

L-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi:

“Meta l-korpi responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni ma jkunux ta’ karattru ġudizzjarju, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom għandhom dejjem jingħataw. Barraminnhekk, f’dak il-każ, għandha ssir dispożizzjoni biex tiggarantixxi proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali meħuda mill-korp ta’ reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija jistgħu jkunu suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun il-qorti jew it-tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [234 KE] u indipendentement minn kemm l-awtorità li tikkuntratta kif ukoll il-korp ta’ reviżjoni.

Il-membri ta’ dan il-korp indipendenti għandhom jinħatru u jħallu l-kariga taħt l-istess kundizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħatra tagħhom, il-perjodu tal-kariga tagħhom u t-tneħħija tagħhom. Ta’ l-anqas il-President ta’ dan il-korp indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħall-membri tal-ġudikatura. Il-korp indipendenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu billi jsegwi proċedura li fiha jinstemgħu ż-żewġ naħat, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, b’mezzi stabbiliti minn kull Stat Membru jkunu jorbtu legalment.”

6

Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/36, kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/36”):

“L-awtorità kontraenti għandha, fi żmien 15-il ġurnata mid-data li fiha tasal talba bil-miktub, tinforma lil kull kanditat jew lil dak li jkun għamel offerta u li ġie eliminat, bir-raġunijiet il-għala l-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu ma tkunx ġiet milqugħa, u kull wieħed li jkun għamel offerta aċċettabli bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-offerta magħżula kif ukoll bl-isem ta’ dak li kellu l-offerta tiegħu magħżula.

Iżda, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċidu li tinżamm ċerta informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratt, li hemm referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu meta din tista xxekkel l-applikazzjoni tal-liġi jew b’xi mod ieħor tmur kontra l-interess pubbliku jew tippreġudika l-interessi leġittimi kummerċjali ta’ xi [impriżi] pubbliċi jew privati partikolari, jew tista tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri tas-servizzi.”

7

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 93/36 jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt għandhom jgħarrfu lir-riżultat permezz ta’ avviż. Madankollu, ċerta informazzjoni fuq l-għotja tal-kuntratt tista’, f’ċerti każijiet, ma tiġix ippubblikata meta l-ħruġ ta’ informazzjoni bħal din jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew b’mod ieħor imur kontra l-interess pubbliku, tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impiriżi partikolari, pubbliċi jew privati, jew tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri.”

8

L-Artikolu 15(2) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispettaw in-natura kunfidenzjali ta’ kull informazzjoni mogħtija mill-fornituri.”

9

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7(1), 9(3) u 15(2) tad-Direttiva 93/36 ġew essenzjalment riprodotti rispettivament fl-Artikolu 6, fil-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 35(4) u fl-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

L-Artikolu 87 tad-digriet tar-Reġġent, tat-23 ta’ Awwissu 1948, dwar il-proċedura quddiem is-sezzjoni ta’ amministrazzjoni tal-Conseil d’État (Moniteur belge tat-23-24 ta’ Awwissu 1948, p. 6821), jipprovdi:

“Il-partijiet, l-avukati tagħhom u l-Kummissarju tal-Gvern jistgħu jikkonsultaw il-proċess tal-kawża fir-reġistru.”

11

Skond it-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ l-Artikolu 21 tal-liġijiet dwar il-Conseil d’État, ikkoordinati fit-12 ta’ Jannar 1973 (Moniteur belge tal-21 ta’ Marzu 1973, p. 3461):

“Meta l-parti konvenuta ma tippreżentax il-fajl amministrattiv fit-terminu stabbilit, bla ħsara għall-Artikolu 21 a, il-fatti msemmija mill-parti rikorrenti jitqiesu li ġew ipprovati, sakemm dawn il-fatti ma jkunux manifestament ineżatti.

Meta l-fajl amministrattiv ma jkunx fil-pussess tal-parti konvenuta, din għandha tinforma b’dan lill-qorti li jkollha l-każ quddiemha. Din il-qorti tista’ tordna l-preżentazzjoni ta’ l-fajl amministrattiv permezz ta’ penali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fl-14 ta’ Diċembru 2001, l-Istat Belġjan beda l-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ ħoloq għall-ktajjen ta’ tankijiet tal-gwerra tat-tip “Léopard”. Żewġ offerenti għamlu offerta, jiġifieri Varec u Diehl Remscheid GmbH & Co. (iktar ’il quddiem “Diehl”).

13

Waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti, l-Istat Belġjan qies li dik ippreżentata minn Varec ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ għażla ta’ natura teknika u li din l-offerta kienet irregolari. Min-naħa l-oħra, l-Istat Belġjan qies li l-offerta ta’ Diehl kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ għażla, li kienet regolari u li l-prezzijiet tagħha kienu normali. Konsegwentement, l-Istat Belġjan assenja l-kuntratt lil Diehl permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tad-Difiża tat-28 ta’ Mejju 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni tal-kuntratt”).

14

Fid-29 ta’ Lulju 2002, Varec ippreżentat talba għal reviżjoni intiża għall annullament tad-deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni tal-kuntratt quddiem il-Conseil d’État. Diehl ġiet ammessa bħala intervenjenti.

15

Il-fajl ippreżentat quddiem il-Conseil d’État mill-Istat Belġjan ma kienx jinkludi l-offerta ta’ Diehl.

16

Varec talbet sabiex din l-offerta tiġi inkluża fil-fajl. L-istess talba saret mill-Auditeur du Conseil d’État, li ġie inkarigat sabiex jipprepara rapport (iktar ’il quddiem l-“Auditeur”).

17

Fis-17 ta’ Diċembru 2002, l-Istat Belġjan inkluda l-offerta ta’ Diehl fil-fajl, flimkien ma’ nota li tgħid li mill-offerta ppreżentata tneħħew kemm il-pjanijiet tal-ħoloq sħaħ kif proposti kif ukoll l-elementi li jiffurmaw dawn il-ħoloq. L-Istat Belġjan qal li, b’mod konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet u fuq talba ta’ Diehl, huwa kien irritorna dawn l-elementi lil Diehl. Huwa qal ukoll li, għal din ir-raġuni, huwa ma setax jippreżenta dawn l-elementi fil-fajl u li, jekk huwa indispensabbli li dawn jiġu inklużi fil-fajl, dawn kellhom jiġu mitluba mingħand Diehl. L-Istat Belġjan fakkar ukoll li Varec u Diehl ma jaqblux dwar id-drittijiet intelletwali marbuta mal-pjanijiet in kwistjoni.

18

B’ittra ta’ l-istess data, Diehl infurmat lill-Auditeur li l-offerta tagħha, kif ippreżentata fil-fajl mill-Istat Belġjan, kien fiha data u informazzjoni kunfidenzjali u li għalhekk hija kienet topponi ruħha li terzi persuni, inkluża Varec, ikunu jistgħu jaraw din id-data u din l-informazzjoni kunfidenzjali marbuta ma’ sigrieti kummerċjali inklużi f’din l-offerta. Fil-fatt, skond Diehl, xi partijiet mill-Annessi 4, 12 u 13 ta’ l-offerta jinkludu informazzjoni speċifika fir-rigward tar-reviżjonijiet eżatti tal-pjanijiet ta’ manifattura applikabbli kif ukoll tal-proċess industrijali.

19

Fir-rapport tiegħu tat-23 ta’ Frar 2006, l-Auditeur iddeċieda favur l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni tal-kuntratt għar-raġuni li “fin-nuqqas ta’ kolloborazzjoni leali, minn naħa tal-parti konvenuta, għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal smigħ xieraq, l-uniku rimedju jikkonsisti fl-annullament ta’ l-att amministrattiv li l-legalità tiegħu ma ġietx stabbilita mill-proċedura li tikkonsisti fis-sotrazzjoni ta’ dokumenti mid-dibattitu kuntradittorju”.

20

L-Istat Belġjan ikkontesta din il-konklużjoni, billi tallab lill-Conseil d’État sabiex jiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar ir-rispett tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ l-offerta ta’ Diehl li jinkludu informazzjoni marbuta ma’ sigrieti kummerċjali li kienu ġew ippreżentati fil-fajl fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti msemmija.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 […], moqri flimkien ma’ l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 93/36 […] u ma’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/18 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti kompetenti mill-proċeduri ta’ reviżjoni stabbiliti minn dan l-Artikolu għandha tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u d-dritt għar-rispett tas-sigrieti kummerċjali li jinsabu fil-fajl li ġie ppreżentat quddiemha mill-partijiet fil-kawża, inklużi dawk ippreżentati mill-awtorità kontraenti, filwaqt li hija stess tkun tista’ tara u tieħu in kunsiderazzjoni tali informazzjoni?”

Fuq l-ammissibbiltà

22

Varec tosserva li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari mhiex neċessarja għas-soluzzjoni tal-kwistjoni li għandu quddiemu l-Conseil d’État.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawza jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod jidher li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 19).

24

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19, u Conseil général de la Vienne, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20).

25

Għandu jiġi rrilevat li dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li, jekk il-Conseil d’État isegwi l-konklużjonijiet ta’ l-Auditeur, dan ikollu l-obbligu li jannulla d-deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni tal-kuntratt li hija kkontestata quddiemu, mingħajr ma jevalwa l-kwistjoni fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li ntalbet l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tar-rinviju jiġġustifikaw it-trattament kunfidenzjali ta’ l-elementi tal-fajl in kwistjoni fil-kawża prinċipali, din ta’ l-aħħar tkun tista’ tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni fuq il-mertu. Dawn ir-raġunijiet iwasslu biex jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet hija neċesarja għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq il-mertu

26

Fid-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, tissemma kemm id-Direttiva 93/36 kif ukoll id-Direttiva 2004/18. Peress li din ħadet il-post tad-Direttiva 93/36, għandu jiġi stabbilit fid-dawl ta’ liema waħda minn dawn iż-żewġ Direttivi għandha tiġi evalwata din il-kwistjoni.

27

Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, bil-kontra tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, Ġabra p. I-2049, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali. Hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, tali dritt essenzjalment jikkostitwixxi dritt sostantiv, għalkemm l-implementazzjoni tiegħu hija kapaċi li toħloq effetti proċedurali.

29

L-imsemmi dritt beda jeżisti minn meta Diehl tefgħet l-offerta tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li din id-data ma ssemmietx fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitqies li din kienet bejn l-14 ta’ Diċembru 2001, li hija d-data tas-sejħa għall-offerti, u l-14 ta’ Jannar 2002, li hija d-data tal-ftuħ ta’ l-offerti.

30

F’dan iż-żmien, id-Direttiva 2004/18 kienet għada ma ġietx adottata. Isegwi li għall-finiiet tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/36.

31

Id-Direttiva 89/665 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirregola b’mod espliċitu l-kwistjoni tal-protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li ssir riferenza għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari għall-Artikolu 1(1) tagħha.

32

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom, f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li b’mod partikolari jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/36, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal reviżjoni effettiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru d-dritt Komunitarju dwar kuntratti pubbliċi jew il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

33

Peress li d-Direttiva 89/665 għandha bħala skop dak li tassigura r-rispett tad-dritt Komunitarju dwar kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 1(1) tagħha għandu jiġi interpretat kemm fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/36 u kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar kuntratti pubbliċi.

34

L-għan prinċipali tal-liġijiet Komunitarji dwar kuntratti pubbliċi jinkludi l-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 44).

35

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jikxfux informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jiġi użat għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri għall-għoti ulterjuri.

36

Barra minn hekk, kemm minn natura tagħhom stess kif ukoll skond is-sistema tal-liġi Komunitaja f’dan il-qasam, il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fihom. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu lil dawn l-awtoritajiet kontraenti l-informazzjoni meħtieġa kollha fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, mingħajr biża’ li dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw lil terzi persuni xi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-operaturi msemmija.

37

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 93/36 jistabbilixxi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-karattru kunfidenzjali ta’ l-informazzjoni kollha mogħtija mill-fornituri.

38

Fil-kuntest speċifiku tal-komunikazzjoni lil applikant jew lil offerent tar-raġunijiet għalfejn l-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu ġiet miċħuda, kif ukoll fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ l-assenjazzjoni tal-kuntratt, l-Artikoli 7(1) u 9(3) tad-Direttiva msemmija jirrikonoxxu lill-awtoritajiet kontraenti d-dritt li ma jikkomunikawx xi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ dannu għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jkun ta’ ħsara għal kompetizzjoni leali bejn fornituri.

39

Naturalment, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-aġir ta’ l-awtoritajiet kontraenti. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li l-effett utli tagħhom ikun affettwat serjament jekk, waqt reviżjoni mressqa kontra deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti fir-rigward ta’ proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-informazzjoni kollha fir-rigward ta’ din il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku kellha, mingħajr ebda limitu, titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ min ikun ippropona r-reviżjoni jew għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra bħal partijiet intervenjenti.

40

F’tali każ, is-sempliċi preżentazzjoni ta’ talba għal reviżjoni tagħti aċċess għal informazzjoni li tista’ tintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew sabiex tikkaġuna ħsara lill-interessi leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi li jkunu pparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku in kwistjoni. Tali possibbiltà tista’ wkoll tħeġġeġ lil operaturi ekonomiċi sabiex iressqu talbiet għar-reviżjoni bl-uniku skop li jkollhom aċċess għas-sigrieti kummerċjali tal-kompetituri tagħhom.

41

F’tali reviżjoni, il-konvenut huwa l-awtorità kontraenti, filwaqt li l-operatur ekonomiku li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati ħażin ma jkunx neċessarjament parti fil-kawża, u lanqas ikkjamat fil-kawża sabiex jiddefendi dawn l-interessi. Għal din ir-raġuni, huwa ħafna iktar importanti li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jipproteġu b’mod adegwat l-interessi ta’ tali operaturi ekonomiċi.

42

L-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 93/36 f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni mill-awtorità kontraenti jittieħdu, fil-kuntest ta’ reviżjoni, mill-qorti responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni. Għalhekk, il-ħtieġa ta’ reviżjoni effettiva stabbilita mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 7(1), 9(3) u 15(2) tad-Direttiva 93/36, tobbliga lil din il-qorti li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’dan il-mod, li tassigura ż-żamma ta’ kompetizzjoni leali kif ukoll il-protezzjoni ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

43

Isegwi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-qorti responsabbli minn din il-proċedura għandha tkun tista’ tiddeċiedi li informazzjoni li tinsab fil-fajl ta’ tali proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tintbagħatx lill-partijiet u lill-avukati tagħhom, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-kompetizzjoni leali jew ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi ekonomiċi kif meħtieġ mid-dritt Komunitarju.

44

Id-domanda hija jekk din l-interpretazzjoni hijiex konsistenti mal-kunċett ta’ smigħ xieraq skond l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

45

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Varec sostniet quddiem il-Conseil d’État li d-dritt għal smigħ xieraq jimplika li tiġi ggarantita proċedura ġudizzjarja li fiha jinstemgħu ż-żewġ naħat, li l-prinċipju tal-kontradittorju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt, li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u li dan il-prinċipju jimplika li l-partijiet f’kawża għandhom id-dritt li jaraw id-dokumenti u l-osservazzjonijiet kollha mressqa quddiem il-qorti bil-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiġu diskussi.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li b’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jistabbilixxi li “[f]id-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali […]”. Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-smigħ taż-żewġ naħat matul proċedura jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jippermetti li jiġi evalwat il-karattru ekwu tagħha, iżda jista jiġi bbilanċjat minn xi drittijiet u interessi oħra.

47

Il-prinċipju tal-kontradittorju jimplika, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jaraw il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u li jiddiskutuwhom. Madankollu, f’ċerti każijiet, jista’ jkun neċessarju li xi informazzjoni ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali ta’ terza persuna jew sabiex jiġi protett interess pubbliku importanti (ara, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Rowe u Davis vs Ir-Renju Unit tas-16 ta’ Frar 2000, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2000-II, § 61, u V. vs Il-Finlandja ta’ l-24 ta’ April 2007, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, § 75).

48

Fost id-drittijiet fundamentali li jistgħu jiġu protetti b’dan il-mod hemm id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, li huwa stabbilit mill-Artikolu 8 tal-KEDB, u li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie kkonfermat fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-62/90, Ġabra p. I-2575, punt 23, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, C-404/92 P, Ġabra p. I-4737, punt 17). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li ma jistax jitqies li l-kunċett ta’ ħajja privata għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali tal-persuni fiżiċi kif ukoll tal-persuni morali (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Niemietz vs Il-Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992, serje A Nru 251-B, § 29; Société Colas Est et vs Franza tas-16 ta’ April 2002, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-III, § 41, kif ukoll Peck vs Ir-Renju Unit tat-28 ta’ Jannar 2003, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2003-I, § 57), attivitajiet li jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

49

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali bħala prinċipju ġenerali (ara s-sentenzi ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 28, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, C-36/92 P, Ġabra p. I-1911, punt 37).

50

Fl-aħħar nett, iż-żamma ta’ kompetizzjoni leali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tikkostitwixxi interess pubbliku importanti li l-protezzjoni tagħha hija awtorizzata bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

51

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni mressaq kontra deċiżjoni adottata minn awtorità kontraenti fir-rigward ta’ proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-prinċipju tal-kontradittorju ma jimplikax li l-partijiet ikollhom dritt għal aċċess illimitat u assolut għall-informazzjoni kollha, relatata mal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, li ġiet ippreżentata quddiem il-qorti kompetenti mill-proċedura ta’ reviżjoni. Bil-kontra ta’ dan, dan id-dritt ta’ aċċess għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt li operaturi ekonomiċi oħra għandhom għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali u tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

52

Il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll tas-sigrieti kummerċjali għanda tiġi implementata b’tali mod li tkun irrikonċiljata mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġuridika effettiva u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar, C-438/04, Ġabra p. I-6675, punt 40) u, fil-każ ta’ appell ġudizzjarju jew ta’ appell quddiem qorti li hija kompetenti skond l-Artikolu 234 KE, b’mod li jiġi assigurat li l-proċedura tirrispetta, fit-totalità tagħha, id-dritt għal smigħ xieraq.

53

Għal dan il-għan, il-qorti kompetenti għall-proċedura ta’ reviżjoni għandha neċessarjament tkun tista’ tiddisponi mill-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista tagħti deċiżjoni abbażi tal-fatti kollha tal-każ, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza Mobistar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

54

Minħabba d-dannu estremament gravi li jista’ jirriżulta mill-komunikazzjoni irregolari ta’ xi informazzjoni lil kompetitur, il-qorti msemmija għandha, qabel ma tikkomunika din l-informazzjoni lil parti fil-kawża, tagħti lill-operatur ekonomiku in kwistjoni l-possibbiltà li juri l-karattru kunfidenzjali jew ta’ sigriet kummerċjali ta’ din l-informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

55

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 93/36, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti kompetenti mill-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 1(1) għandha tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u d-dritt għar-rispett tas-sigrieti kummerċjali fir-rigward ta’ l-informazzjoni li tinsab fil-fajlijiet li jiġu ppreżentati quddiemha mill-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari mill-awtorità kontraenti, filwaqt li hija stess tkun tista’ tara din l-informazzjoni u teħodha in kunsiderazzjoni. Hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi safejn u skond liema metodi għandha tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità u s-segretezza ta’ din l-informazzjoni, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża u, fil-każ ta’ appell ġudizzjarju jew ta’ appell quddiem qorti li hija kompetenti skond l-Artikolu 234 KE, sabiex il-proċedura tirrispetta, fit-totalità tagħha, id-dritt għal smigħ xieraq.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti kompetenti mill-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 1(1) għandha tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u d-dritt għar-rispett tas-sigrieti kummerċjali fir-rigward ta’ l-informazzjoni li tinsab fil-fajlijiet li jiġu ppreżentati quddiemha mill-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari mill-awtorità kontraenti, filwaqt li hija stess tkun tista’ tara din l-informazzjoni u teħodha in kunsiderazzjoni. Hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi safejn u skond liema metodi għandha tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità u s-segretezza ta’ din l-informazzjoni, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża u, fil-każ ta’ appell ġudizzjarju jew ta’ appell quddiem qorti li hija kompetenti skond l-Artikolu 234 KE, sabiex il-proċedura tirrispetta, fit-totalità tagħha, id-dritt għal smigħ xieraq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.