Kawża C-445/06

Danske Slagterier

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Saħħa tal-annimali — Kummerċ intra-Komunitarju — Laħam frisk — Spezzjonijiet veterinarji — Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru — Terminu ta’ preskrizzjoni — Determinazzjoni tad-dannu”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008   I ‐ 2124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Marzu 2009   I ‐ 2168

Sommarju tas-sentenza

  1. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tas-saħħa tal-annimali – Kummerċ intra-Komunitarju ta’ laħam frisk – Spezzjonijiet veterinarji – Direttivi 64/443 u 89/662 – Traspożizzjoni u applikazzjoni inkorretta – Obbligu tal-Istat Membru li jagħti kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

    (Artikolu 28 KE; Direttivi tal-Kunsill 64/433, kif emendata bid-Direttiva 91/497, u 89/662)

  2. Dritt Komunitarju – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

  3. Dritt Komunitarju – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

    (Artikolu 226 KE)

  4. Dritt Komunitarju – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur, minn Stat Membru, tal-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

  5. Dritt Komunitarju – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

    (Artikoli 226 KE u 234 KE)

  1.  Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwibbli lilhu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat. L-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens dment li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt Komunitarju li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju, u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi.

    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-Artikolu 28 KE għandu effett dirett billi jagħti lill-individwi drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali, u l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-għoti ta’ kumpens.

    Id-dritt mogħti mill-Artikolu 28 KE jinsab spjegat u kkonkretizzat permezz tad-Direttivi 64/433, fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam, kif emendata bid-Direttiva 91/497, u 89/662, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern. Fil-fatt, il-moviment liberu tal-merkanzija huwa wieħed mill-għanijiet ta’ dawn id-direttivi li, permezz tal-eliminazzjoni tad-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-regoli sanitarji fir-rigward tal-laħam frisk, għandhom l-għan li jiffavorixxu l-kummerċ intra-Komunitarju. B’mod partikolari, il-preklużjoni fuq l-Istati Membri milli jipprojbixxu l-importazzjonijiet tal-laħam frisk, ħlief meta l-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttivi Komunitarji jew f’ċerti ċirkustanzi partikolari ħafna bħal f’każ ta’ epidemiji, tagħti lill-individwi d-dritt li jbiegħu l-laħam frisk b’mod konformi mar-rekwiżiti Komunitarji fi Stat Membru ieħor.

    Minn dan jirriżulta li l-individwi li ġew leżi mit-traspożizzjoni u mill-applikazzjoni inkorretta tad-Direttivi 64/433 u 89/662 jistgħu jinvokaw id-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija sabiex ikun jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju.

    (ara l-punti 19, 20, 22-24, 26, u d-dispożittiv 1)

  2.  Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali tal-kawżi legali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet li jinsiltu favur l-individwi mid-dritt Komunitarju. Huwa b’hekk fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju, kemm-il darba l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dwar it-terminu ta’ żmien, stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni, jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    F’dak li jirrigwarda lil dan l-aħħar prinċipju, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali. Fil-fatt, termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja. F’dan ir-rigward, terminu perentorju nazzjonali ta’ tliet snin jidher raġonevoli.

    Madankollu, sabiex tiġi sodisfatta l-funzjoni tiegħu ta’ garanzija taċ-ċertezza legali, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit minn qabel. Issa, sitwazzjoni kkaratterizzata minn inċertezza legali kbira tista’ tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru jista’ fil-prattika jsir eċċessivament diffiċli jekk dawn ma jkunux jistgħu jistabbilixxu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli b’livell raġonevoli ta’ ċertezza. Hija l-qorti nazzjonali, wara li tikkunsidra l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni legali u fattwali fiż-żmien tal-fatti, li għandha tivverifika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jekk l-applikazzjoni b’analoġija ta’ terminu previst minn regola nazzjonali għat-talbiet għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Istat Membru kkonċernat kinitx suffiċjentement prevedibbli għall-individwu.

    F’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni b’analoġija ta’ tali terminu mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija xorta waħda l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, minħabba din l-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju minn dan l-Istat Membru kinux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-kumpens għad-danni simili ta’ natura domestika.

    (ara l-punti 31-35)

  3.  Id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li, meta l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tkun ippreżentat proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni minħabba r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt Komunitarju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun interrott jew sospiż matul dawn il-proċeduri.

    Effettivament, il-fatt li l-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma għandhiex bħala effett li tinterrompi jew li tissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-individwu li jeżerċita d-drittijiet li jinsiltu favurih mid-dritt Komunitarju, peress li individwu jista’ jippreżenta talba għad-danni fil-kuntest tar-regoli previsti għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali mingħajr ma jkollu jistenna li tingħata sentenza li tikkonstata l-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Istat Membru.

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatturi speċifiċi tal-proċedura skont l-Artikolu 226 KE meta mqabbla mar-regoli proċedurali nazzjonali, tirrispetta l-prinċipju ta’ ekwivalenza dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għall-interruzzjoni jew għas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni meta proċeduri bħal dawn ikunu ġew ippreżentati mill-Kummissjoni.

    (ara l-punti 39, 42, 45, 46, u d-dispożittiv 2)

  4.  Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva jibda jiddekorri mid-data li fiha jkunu seħħew l-ewwel konsegwenzi dannużi ta’ din it-traspożizzjoni inkorretta u li fiha l-konsegwenzi dannużi ulterjuri tagħha jkunu prevedibbli, anki jekk din id-data tiġi qabel it-traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva.

    Effettivament, il-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt nazzjonali jibda jiddekorri minn din id-data mhuwiex tali li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju.

    (ara l-punti 49, 56, u d-dispożittiv 3)

  5.  Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi jirrikorri għal rimedju legali, sakemm l-użu ta’ dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża, liema ħaġa għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

    Il-probabbiltà li l-qorti nazzjonali tressaq talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, jew l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhuwiex raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-kjarifiki miksuba mill-qorti nazzjonali b’riżultat ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jippermettu li jiffaċilitawlha l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’tali mod li l-użu ta’ dan l-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali bl-ebda mod ma jikkontribwixxi sabiex ikun eċċessivament diffiċli għall-individwu li jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilhu mid-dritt Komunitarju. Konsegwentement, ma jkunx raġonevoli li ma jintużax rimedju legali għar-raġuni biss li dan probabbilment iwassal għal talba għal deċiżjoni preliminari.

    It-tieni nett, il-proċeduri skont l-Artikolu 226 KE huma kompletament indipendenti mill-proċeduri nazzjonali u ma jissostitwuhomx. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-fatt jammonta għal stħarriġ oġġettiv tal-legalità fl-interess ġenerali. Għalkemm ir-riżultat ta’ tali rikors jista’ jservi l-interessi tal-individwu, jibqa’ l-fatt li jkun raġonevoli għalih li jipprevjeni li jseħħ id-dannu billi juża l-mezzi kollha disponibbli għalih, jiġifieri l-użu ta’ rimedji legali disponibbli.

    (ara l-punti 65, 67, 69, u d-dispożittiv 4)