Kawża C-435/06

Fil-proċedura

C

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni materjali u temporali — Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ — Deċiżjoni dwar il-kura u t-tqegħid ta’ tfal barra mill-familja oriġinali — Miżuri ta’ protezzjoni tat-tfulija li jirriżultaw mid-dritt pubbliku”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 1(1) u 2(7))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003

(Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994, Dikjarazzjoni Komuni Nru 28; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003)

1.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2116/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma. Hija biss applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 2201/2003 fl-Istati Membri, li titlob li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar ikun definit mid-dritt Komunitarju u mhux mid-dritt nazzjonali, li kapaċi tassigura li l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament jitwettqu, fejn fosthom hemm it-trattament ugwali tat-tfal kollha ikkonċernati. Dan l-għan huwa biss iggarantit, skond il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, jekk id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Din ir-responsabbilità kienet is-suġġett fl-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament, ta’ definizzjoni wiesgħa, fis-sens li tinkludi d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà tal-minuri li huma moghtija lil persuna fiżika jew persuna legali b’deċiżjoni, bl-operazzjoni tal-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. F’dan ir-rigward mhuwiex importanti li r-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi effettwata minn miżura ta’ protezzjoni statali jew minn deċiżjoni meħuda fuq inizjattiva tat-titulari tad-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ wieħed mit-titulari.

(ara l-punti 46-50, 53 u d-dispożittiv 1)

2.        Ir-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 2116/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali, adottata fil-kuntest tal-kooperazzjoni Nordika, ma tistax tiġi applikata għal deċiżjoni ta’ kura ta’ minuri li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Nordiċi fil-qasam tar-rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali mhuwiex fost l-eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament Nru 2201/2003.

Fil-fatt, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Nordiċi fil-qasam tar-rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali mhuwiex fost l-eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn dan, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tad-Dikjarazzjoni Komuni Nru 28 fuq il-kooperazzjoni Nordika, annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u għall-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, skond din id-dikjarazzjoni, l-Istati aderenti għall-kooperazzjoni Nordika li huma Membri ta’ l-Unjoni ntrabtu li jikkooperaw fl-osservanza tad-dritt Komunitarju. Jirriżulta minn dan li din il-kooperazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sistema legali Komunitarja. Hija l-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, ir-regoli tad-dritt Komunitarju, li għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzoni nazzjonali.

(ara l-punti 57, 61, 63-66 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Novembru 2007(*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003– Kamp ta’ applikazzjoni materjali u temporali – Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ – Deċiżjoni dwar il-kura u t-tqegħid ta’ tfal barra mill-familja originali – Miżuri ta’ protezzjoni tat-tfulija li jirriżultaw mid-dritt pubbliku”

Fil-kawża C‑435/06

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura

C,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Silva de Lapuerta, J.-C. Bonichot, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C, minn M. Fredman, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wilderspin u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 367, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2201/2003”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq mis-Sinjura C, omm it-tfal A u B, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-Oulun hallinto-oikeus [tribunal amministrattiv ta’ Oulu (il-Finlandja)] li kkonfermat d-deċiżjoni tal-pulizija Finlandiża li ordnat il-konsenja ta’ dawn it-tfal lill-awtoritajiet Żvediżi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Id-Dikjarazzjoni Komuni Nru 28 fuq il-kooperazzjoni Nordika, annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u għall-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1) jiddisponi li:

“Il-partijiet kontraenti jinnutaw li l-Iżvezja, il-Finlandja u n-Norveġja, bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom il-ħsieb li, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ikomplu l-kooperazzjoni Nordika li teżisti bejniethom u kif ukoll ma’ pajjiżi u territorji oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali”.

5        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet [materji] ċivili dwar:

[…]

(b)      l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]

(d)      it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’ kustodja stituzjonali;

[…]”

6        Skond l-Artikoli 2 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.      Il-kelma “qorti” għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

4.      il-kelma “sentenza” għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

7.      il-kliem “responsabbilità ta’ l-ġenituri” għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9.      il-kliem “drittijiet ta’ kustodja” għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]”

7        L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess”.

8        Skond l-Artikolu 16(1)(a) ta’ dan ir-regolament:

“Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess:

(a)      fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;, qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess “fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut”.

9        L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijet ta’ l-Artikoli 60, 63, 64 u paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan ir-Regolament għandu, għall-Istati Membri, iwarrab il-konvenzjonijiet eżistenti waqt iż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li kienu ġew konklużi bejn żewġ Stati Membri jew aktar u jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament.

2.      (a)   Il-Finlandja u l-Isvezja għandu jkollhom l-għażla li jiddikjaraw li l-Konvenzjoni tas-6 ta’ Frar 1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvezja li tinkludi d-disposizzjonijiet tal-liġi nternazzjonali privata dwar iz-żwieg, l-adozzjoni u t-tutela, flimkien mal-Protokoll Finali tiegħu, għandhom japplikaw, fl-intier jew f’parti biss, fir-relazzjonijiet reċiproki, minflok ir-regoli ta’ dan ir-Regolament. L-imsemmija dikjarazzjonijiet għandhom jiġu annessi ma’ dan ir-Regolament u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Jistgħu jiġu rtirati, fl-intier jew f’parti, f’kwalsijasi ħin mill-imsemmija Stati Membri.

[…]”

10      Skond l-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għall- proċedimenti ġudizzjarji stitwiti, għad-dokumenti li ġew formalment miktuba jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u għall-kuntratti konklużi bejn il-partijiet wara d-data ta’ l-applikazzjoni tagħha skond l-Artikolu 72.

2.      Sentenzi mogħtija wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi proċedimenti stitwiti qabel id-data iżda wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru. 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq regoli li qablu ma’ dawk provduti fil-Kapitolu II jew fir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jew inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru ndirizzat li kien fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.

[…]”

11       Skond l-Artikolu 72 tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 “beda japplika mill-1 ta’ Marzu ta’ l-2005, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikoli 67, 68, 69 u 70, li [bdew] japplikaw mill-1 ta’ Awissu ta’ l-2004”.

 Id-dritt nazzjonali

12      Il-liġi Żvediża dwar id-dispożizzjonijiet partikolari li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-minuri (lag med särskilda bestämmelser om vård av unga, SFS 1990, Nru 52), tistabbilixxi l-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal bħalma huma t-teħid taħt kura u t-tqegħid barra mill-familja oriġinali kontra x-xewqa tal-ġenituri. Meta s-saħħa jew l-iżvilupp ta’ minuri huma fil-perikolu, il-kumitat ta’ azzjoni soċjali tal-muniċipalità jista’ jitlob lil-länsrätt (tribunal amministrattiv reġjonali) biex jieħu l-miżuri xierqa. F’każ ta’ urġenza, dan il-kumitat jista’ l-ewwel jordna huwa stess sabiex jittieħdu xi miżuri, bil-kundizzjoni li dawn jiġu kkonfermati mil-länsrätt.

13      Skond l-Artikolu 1(1) tal-liġi Finlandiża dwar il-konsenja ta’ persuna lill-awtoritajiet Iżlandiżi, Norveġiżi, Żvediżi jew Daniżi sabiex tiġi nfurzata deċiżjoni ta’ assistenza jew ta’ kura [laki huoltoa tai hoitoa koskevan päätöksen täytäntöönpanoa varten tapahtuvasta luovuttamisesta Islantiin, Norjaan, Ruotsiin tai Tanskaan (761/1970), iktar ’il quddiem il-“liġi 761/1970”], kull persuna li tkun suġġetta għall-assistenza jew kura ordnata b’deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Iżlandiżi, Norveġiżi, Żvediżi jew Daniżi, tista’, fuq talba ppreżentata sabiex tiġi nfurzata miżura bħal din, tiġi kkonsenjata mill-Finlandja lill-Istat ikkonċernat.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fit-23 ta’ Frar 2005, il-kumitat ta’ azzjoni soċjali tal-belt ta’ L (l-Iżvezja) ordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid barra mill-familja oriġinali tat-tfal A u B, residenti f’din il-belt, fid-dawl tat-tqegħid tagħhom ma’ familja tar-rispett. A, mitwieled fl-2001, u B, mitwieled fl-1999, huma t-tnejn ta’ nazzjonalità Finlandiża. A għandu wkoll nazzjonalità Żvediża.

15      Fl-1 ta’ Marzu 2005, is-Sinjura C, flimkien mat-tfal tagħha, stabbiliet ruħha fil-Finlandja. It-trasferiment f’dan il-pajjiż ġie ddikjarat fit-2 ta’ Marzu 2005. L-awtoritajiet Finlandiżi rreġistraw din ir-residenza l-ġdida fl-10 ta’ Marzu 2005, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2005.

16      Id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ azzjoni soċjali tal-belt ta’ L ġiet ikkonfermata fit-3 ta’ Marzu 2005 mil-länsrätten i K län [tribunal amministrattiv reġjonali ta’ K (l-Iżvezja)], li tressaq rikors quddiemu fil-25 ta’ Frar 2005. Id-dritt Żvediż jipprevedi din il-proċedura legali ta’ approvazzjoni f’kull każ fejn iseħħ tqegħid ta’ minuri li jmur kontra x-xewqa tal-ġenituri.

17      Billi ġie kkonfermat li l-qrati Żvediżi huma kompetenti, il-Kammarrätten i M [Qorti amministrattiva ta’ l-Appell ta’ M (l-Iżvezja)] ċaħdet ir-rikors imressaq mis-Sinjura C fir-rigward tad-deċiżjoni tal-länsrätten i K län.

18      Din il-kompetenza tal-qrati Żvediżi ġiet ikkonfermata, fl-20 ta’ Ġunju 2006, mill-Regeringsrätten [Qorti amministrattiva Suprema (l-Iżvezja)].

19      Fl-istess jum li länsrätten i K län tat is-sentenza tagħha, il-pulizija Żvediża talbet lill-pulizija Finlandiża tal-belt ta’ H tinformaha bil-post fejn in-nanna taż-żewġt itfal kienet qed iżżommhom, u għal assistenza sabiex din id-deċiżjoni tiġi nfurzata. Din it-talba ġiet ippreżentata abbażi tal-liġi 761/1970.

20      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2005, il-pulizija Finlandiża ordnat li t-tfal A u B jiġu kkonsenjati lill-awtoritajiet Żvediżi. Is-Sinjura C ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oulun hallinto-oikeus, li ċaħad dan ir-rikors.

21      Għalhekk is-Sinjura C ressqet appell quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva Suprema), li kkunsidrat li kien neċessarju l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

22      Fil-waqt li tosserva li d-deċiżjoni tal-kura u tat-tqegħid ta’ tfal barra mill-familja oriġinali, fil-Finlandja taqa’ taħt id-dritt pubbliku, il-Korkein hallinto-oikeus tistaqsi dwar l-inklużjoni ta’ deċiżjoni bħal din fil-kunċett ta’ “[materji] ċivili” f’dan ir-regolament. Barra minn dan, billi, fil-Finlandja, il-protezzjoni tat-tfal titlob l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet, u mhux ta’ waħda biss, din il-qorti tistaqsi wkoll jekk dan ir-regolament jirrigwarda kemm il-kura kif ukoll it-tqegħid ta’ tfal barra mill-familja oriġinali jew biss id-deċiżjoni ta’ tqegħid barra mill-familja oriġinali.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Gustizzja:

“1)      a) Ir-Regolament tal-Kunsill […] Nru 2201/2003 […] japplika għall-infurzar, fl-aspetti kollha tiegħu, ta’ deċiżjoni bħal dik li ttieħdet fil-kawża preżenti, li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni unika adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija?

         b)     Fin-nuqqas ta’ dan, jekk ir-Regolament [Nru 2201/2003], fid-dawl ta’ l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, japplikax biss għal dik il-parti mid-deċiżjoni dwar it-tqegħid barra mill-familja oriġinali għal ma’ familja tar-rispett?

         ċ)     F’din l-aħħar ipoteżi, jekk ir-Regolament [Nru 2201/2003] japplikax għad-deċiżjoni tat-tqegħid barra mill-familja oriġinali li tinsab fid-deċiżjoni tat-teħid taħt kura, anki meta din l-istess deċiżjoni, li fuqha tiddependi d-deċiżjoni tat-tqegħid barra mill-familja oriġinali, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku u nfurzar ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, li l-Istati Membri kkonċernati armonizzaw fl-ambitu ta’ azzjoni ta’ kooperazzjoni?

2)      Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament [Nru 2201/2003] ma jsemmix din il-leġiżlazzjoni armonizzata – fuq inizjattiva tal-Kunsill tal-pajjiżi Nordiċi – fil-qasam tar-rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet tat-tqegħid barra mill-familja oriġinali suġġetti għad-dritt pubbliku u li l-istess Regolament ma jieħux in kunsiderazzjoni ħlief il-konvenzjoni relattiva adottata fil-qasam ċivili, huwiex madankollu possibbli, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda a), li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni armonizzata in kwistjoni għat-teħid taħt kura tal-minuri, fejn din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq ir-rikonoxximent u l-infurzar immedjat tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jieħdu l-forma ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi?

3)       F’każ ta’ risposta affermattiva għal-ewwel domanda a) u ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, u fid-dawl ta’ l-Artikolu 72 u l-Artikolu 64(2) tar-Regolament [Nru 2201/2003] kif ukoll il-leġiżlazzjoni armonizzata tal-pajjiżi Nordiċi fil-qasam tad-deċiżjonijiet tat-teħid taħt kura li huma suġġetti għad-dritt pubbliku, jekk l-imsemmi Regolament [Nru 2201/2003] japplikax, ratione temporis, f’kawża fejn l-awtoritajiet Żvediżi ħadu d-deċiżjoni tagħhom kemm dwar it-teħid immedjat taħt kura kif ukoll dwar it-tqegħid ma’ familja tar-rispett fit-23 ta’ Frar 2005, u li ppreżentaw id-deċiżjoni tat-teħid immedjat taħt kura sabiex tiġi kkonfermata mil-länsrätt fil-25 ta’ Frar 2005, li approvaha fit-3 ta’ Marzu 2005?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-parti a) ta’ l-ewwel domanda

24      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa japplika għal deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kunċett ta’ “[materji] ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

25      F’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ kura ta’ minuri, għandu jiġi stabbilit jekk din tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri u jekk, għaldaqstant, din taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, skond l-Artikolu 1(1)(b), ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, fi materji ċivili dwar l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni u r-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità tal-ġenituri. Barra minn dan, skond l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-kelma “qorti” għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

27      Skond l-Artikolu 2(7) ta’ dan l-istess Regolament, ir-“responsabbilità tal-ġenituri” tinkludi d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà tal-minuri li huma moghtija lil persuna fiżika jew persuna legali b’deċiżjoni, bl-operazzjoni tal-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess.

28      It-teħid taħt kura ta’ minuri mhuwiex espressament imsemmi fost l-oqsma li, skond l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

29      Madankollu, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex teskludi li deċiżjoni ta’ teħid taħt kura ta’ minuri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

30      Fil-fatt, l-użu tal-kelma “partikolarment” fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jimplika li l-lista f’din id-dispożizzjoni hija biss ta’ natura indikattiva.

31      Barra minn dan, jirriżulta mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 2201/2003 li, sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri.

32      Deċiżjoni ta’ teħid taħt kura ta’ minuri, bħal dik fil-kawża prinċipali, naturalment, taqa’ fil-kuntest ta’ azzjoni pubblika li l-għan tagħha huwa li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ protezzjoni u ta’ assistenza tal-minuri.

33      Għaldaqstant, jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-Finlandja, it-teħid taħt kura ta’ minuri għandu bħal għan li jagħti lill-kumitati ta’ azzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru l-poter li jistabbilixxi l-post ta’ residenza tal-minuri. Din il-miżura tista’ teffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ kustodja li, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003, jinkludu preċiżament id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza tal-minuri. Għaldaqstant, dan il-poter jirreferi għar-responsabbiltà tal-ġenituri, billi, skond l-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament, id-drittijiet ta’ kustodja jikkostitwixxu wieħed mill-oqsma konnessi ma’ din ir-responsabbiltà.

34      F’dak li jirrigwarda t-tqegħid barra mill-familja oriġinali, għandu jitqies li, skond l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 2201/2003, it-tqegħid tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja istituzjonali tagħmel parti mill-oqsma li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

35      Hekk kif l-Avukat Ġenerali qieset fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, it-teħid taħt kura u t-tqegħid barra mill-familja oriġinali tal-minuri huma atti marbutin mill-qrib flimkien fis-sens li, minn naħa, it-teħid taħt kura ma jistax jiġi adottat b’mod iżolat ħlief bħal meta jittieħed bħala miżura provviżorja u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid tal-minuri kontra r-rieda tal-ġenituri mhuwiex possibbli li jsir ħlief wara li jkun hemm it-teħid taħt kura ta’ dan il-minuri mill-awtorità kompetenti.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 tad-deċiżjoni ta’ teħid taħt kura ta’ minuri hija ta’ natura li tikkomprometti l-effikaċja ta’ dan ir-regolament fl-Istati Membri fejn il-protezzjoni tat-tfal, inkluż it-tqegħid ta’ dawn il-minuri barra mill-familja oriġinali, titlob l-adozzjoni ta’ numru ta’ deċiżjonijiet. Barra minn dan, peress illi fl-Istati Membri l-oħra, din il-protezzjoni hija assigurata permezz ta’ deċiżjoni unika, hemm ir-riskju li jitqiegħed fil-perikolu t-trattament ugwali tat-tfal ikkonċernati.

37      F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi stabbilit jekk dan huwiex applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ teħid taħt kura u ta’ tqegħid barra mill-familja oriġinali li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku.

38      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-prinċipju skond liema l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa limitat għall-“materji ċivili”, mingħajr ma jiddefinixxi l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett.

39      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299 p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda, u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u - test emendat - p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” stabbilit fl-ewwel frażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ din il-Konvenzjoni.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkunsidrat li, sabiex tassigura, safejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-Istati kontraenti kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jaqbel li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jiġux interpretati bħala sempliċi rinviju għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. Il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C-292/05, Ġabra p. I-1519, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Filwaqt li jammetti, bħal ma tagħmel ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħall-Istati Membri l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet u bħall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-kunċett ta’ “[materji] ċivili”, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu wkoll ikun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma tad-dritt Komunitarju, il-Gvern Żvediż iqis li deċiżjoni ta’ teħid taħt kura u ta’ tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali, li tikkostitwixxi eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat, ma taqax fl-iskop tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

42      In sostenn ta’ dan l-argument, dan il-gvern invoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skondha, jekk ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ikun mod ieħor meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (sentenzi ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punti 26 u 30, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C-266/01, Ġabra p. I-4867, punt 22).

43      Skond il-Gvern Żvediż, huwa diffiċli li timmaġina deċiżjoni li tirriżulta b’mod iktar manifest mill-eżerċizzju tal-poter pubbliku milli minn deċiżjoni li timponi t-teħid ta’ minuri taħt kura, li taf ukoll, f’ċertu ċirkustanzi, tneħħi lil dan il-minuri l-libertà.

44      Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tintlaqa’.

45      Fil-fatt, billi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili” għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ l-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk id-deċiżjonijiet ta’ teħid taħt kura u ta’ tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali li, f’ċerti Stati Membri, huwa ggvernat mid-dritt pubbliku għandhom minħabba f’dan il-għan jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-għan tar-rikonoxximent reċiproku u nfurzar ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huwa manifestament kompromess. F’dan il-kuntest, għandu jitqies illi jirriżulta mid-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 1(1) u ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li kemm il-mod kif hija organizzata l-ġudikatura ta’ l-Istati Membri kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ kompetenza lil awtoritajiet amministrattivi ma jkollhomx effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fuq l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ materji ċivili.

46      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “materji ċivili” għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma.

47      Hija biss applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 2201/2003 fl-Istati Membri, li titlob li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar ikun definit mid-dritt Komunitarju u mhux mid-dritt nazzjonali, li kapaċi tassigura li l-għanjiet imfittxija minn dan ir-regolament jitwettqu, fejn fosthom hemm it-trattament ugwali tat-tfal kollha ikkonċernati.

48      Dan l-għan huwa biss iggarantit, skond il-ħames premessa tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

49      Din ir-responsabbilità kienet is-suġġett fl-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament, ta’ definizzjoni wiesgħa, fis-sens li tinkludi d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà tal-minuri li huma moghtija lil persuna fiżika jew persuna legali b’deċiżjoni, bl-operazzjoni tal-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali.

50      Hekk kif l-Avukat Ġenerali qieset fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dan ir-rigward mhuwiex importanti li r-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi effettwata minn miżura ta’ protezzjoni statali jew minn deċiżjoni meħuda fuq inizjattiva tat-titulari tad-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ wieħed mit-titulari.

51      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “materji ċivili” għandu jkun interpretat fis-sens li jista’ wkoll jinkludi miżuri li, mill-perspetiva tad-dritt ta’ Stat Membru, jaqa’ taħt id-dritt pubbliku.

52      Barra minn dan, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 2201/2003, li skondha dan ir-regolament mhuwiex maħsub biex japplika “[għall-] miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ edukazzjoni jew saħħa”. Din l-esklużjoni tikkonferma li l-leġiżlatur Komunitarju ma kienx bi ħsiebu jeskludi l-miżuri kollha li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, ir-risposta għall-parti a) ta’ l-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

 Fuq il-parti b) u l-parti ċ) ta’ l-ewwel domanda

54      Dawn id-domandi ġew imressqa mill-qorti tar-rinviju biss fl-ipoteżi fejn, fir-risposta għall-parti a) ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, jiġifieri li ma jinkludix deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid barra mill-familja oriġinali għal ma’ familja tar-rispett, fejn din id-deċiżjoni ġiet adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

55      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-parti a) ta’ l-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għall-parti b) u l-parti ċ) ta’ l-ewwel domanda.

 Fuq it-tieni domanda

56      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali, adottata fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Nordiċi, tista’ tiġi applikata għal deċiżjoni ta’ kura ta’ minuri li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, meta dan ta’ l-aħħar ma kienx jipprovdi għal dan.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, ir-regoli tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punti 21 sa 24; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punti 19 sa 21, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 61).

58      Skond l-Artikolu 59(1) ir-Regolament Nru 2201/2003 iwarrab, għall-Istati Membri, il-konvenzjonijiet konklużi bejn dawn ta’ l-aħħar u li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati minn dan ir-regolament.

59      Skond l-Artikolu 59(2)(a) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-Finlandja u l-Isvezja għandu jkollhom l-għażla li jiddikjaraw li l-Konvenzjoni tas-6 ta’ Frar 1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvezja li tinkludi d-dispożizzjonijiet tal-liġi nternazzjonali privata dwar iz-żwieg, l-adozzjoni u t-tutela, flimkien mal-Protokoll Finali tiegħu, għandhom japplikaw, fl-intier jew f’parti biss, fir-relazzjonijiet reċiproki, minflok ir-regoli ta’ dan ir-Regolament”.

60      Din hija l-unika dispożizzjoni derogatorja għar-regola stabbilita fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. Hija, bħala tali, ta’ interpretazzjoni stretta.

61      Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Nordiċi fil-qasam tar-rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali mhuwiex fost l-eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament Nru 2201/2003.

62      Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata, bħal-liġi 761/1970, mhijiex applikata għal deċiżjoni ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ minuri barra mill-familja li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

63      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tad-Dikjarazzjoni Komuni Nru 28 fuq il-kooperazzjoni Nordika.

64      Fil-fatt, skond din id-dikjarazzjoni, l-Istati aderenti għall-kooperazzjoni Nordika li huma Membri ta’ l-Unjoni ntrabtu li jikkooperaw fl-osservanza tad-dritt Komunitarju.

65      Jirriżulta minn dan li din il-kooperazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sistema legali Komunitarja.

66      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali, adottata fil-kuntest tal-kooperazzjoni Nordika, ma tistax tiġi applikata għal deċiżjoni ta’ kura ta’ minuri li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tielet domanda

67      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli ratione temporis fi kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

68      Jirriżulta mill-Artikoli 64(1) u 72 li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu japplika biss għall-proċedimenti ġudizzjarji stitwiti, għad-dokumenti li ġew formalment miktuba jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u għall-kuntratti konklużi bejn il-partijiet wara l-1 ta’ Marzu 2005.

69      Barra minn dan, l-Artikolu 64(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “sentenzi mogħtija wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi proċedimenti stitwiti qabel id-data iżda wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament […] Nru. 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq regoli li qablu ma’ dawk provduti fil-Kapitolu II jew fir-Regolament […] Nru 1347/2000 jew inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru ndirizzat li kien fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti”.

70      Fi kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa applikabbli biss jekk it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma sodisfatti.

71      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstat li, skond il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li l-infurzar tagħha hija in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik tal-länsrätten i K län tat-3 Marzu 2005. Din ingħatat wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

72      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li ġiet stabbilita, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-proċedura ta’ kura tat-tfal A u B ingħatat bidu “fil-ħarifa tas-sena 2004”, jiġifieri qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1347/2000, li, skond l-Artikolu 46 ta’ dan l-aħħar Regolament, seħħ fl-1 ta’ Marzu 2001. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwa fil-fatt il-każ.

73      F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jsiru dawn il-kunsiderazzjonijiet.

74      Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2201/2003, il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

75      Permezz tad-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006, ir-Regeringsrätten ikkonfermat, abbażi tad-dritt nazzjonali, il-kompetenza tal-qrati Żvediżi fil-kawża. Din il-qorti kkunsidrat li, fid-data fejn il-kumitat ta’ azzjoni soċjali ta bidu għal investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-familja tat-tfal A u B, huma kienu residenti fl-Iżvejza, taħt il-ġurisdizzjoni ġeografika tal-länsrätten i K län.

76      Jirriżulta minn dan, fis-sens ta’ l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikati abbażi tad-dritt nazzjonali huma skond dawk previsti minn dan ir-regolament. Konsegwentement, it-tielet kundizzjoni li ġiet stabbilita hija sodisfatta.

77      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għalihom il-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti, li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli ratione temporis fi kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

2)      Ir-Regolament Nru 2201/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2116/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kura u ta’ tqegħid ta’ persuni barra mill-familja oriġinali, adottata fil-kuntest tal-kooperazzjoni Nordika, ma tistax tiġi applikata għal deċiżjoni ta’ kura ta’ minuri li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

3)      Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għalihom il-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti, ir-Regolament Nru 2201/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2116/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli ratione temporis fi kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.