Kawża C-420/06

Rüdiger Jager

vs

Amt für Landwirtschaft Bützow

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Schwerin)

“Politika Agrikola Komuni — Regolamenti (KE) Nru 1254/1999 u (KE) Nru 1782/2003 — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiva għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja — Regolamenti (KEE) Nru 3887/92, (KE) Nru 2419/2001 u (KE) Nru 796/2004 — Applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” — Primjum għall-baqar li jreddgħu — Irregolarità — Nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ta’ l-ifrat li mhumiex is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna — Regolament (KE) Nru 1760/2000 — Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna — Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2988/95 — Prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2007   I - 1319

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Marzu 2008   I - 1342

Sommarju tas-sentenza

  1. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 2(1) u (2))

  2. Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiv għal ċerti skemi ta’ għajnuna

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 2(2), u Nru 1782/2003; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3887/92, Artikolu 10ċ, Nru 2419/2001, Artikolu 39(1), u Nru 796/2004, Artikoli 66 u 67)

  1.  Il-prinċipju ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-penali l-inqas ħarxa jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, b’mod illi għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tiegħu u li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tosserva.

    Dan il-prinċipju huwa espress b’mod partikolari fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, dispożizzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw b’mod retroattiv, għal imġieba li tikkostitwixxi irregolarità skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-emendi sussegwenti li saru minn dispożizzjonijiet li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja settorjali li tistabbilixxi penali amministrattivi inqas ħorox.

    (ara l-punti 59, 60)

  2.  It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità [reċiproka], modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll [sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, kif emendat u korrett bir-Regolament Nru 239/2005, ma jistgħux japplikaw rettorattivament għal applikazzjoni għal għajnuna għall-“annimali” li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 3887/92, li jippreskrivi regoli għall-applikazzjoni ta’ sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiv għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja, kif emendat bir-Regolament Nru 2801/1999, li ta lok għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 10ċ ta’ dan ir-regolament.

    Fill-fatt, is-sistema ta’ penali stabbilita fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004 m’għandhiex bħala għan li tbiddel in-natura jew l-intensità tal-penali applikabbli fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-ifrat stabbilita mir-Regolament Nru 1254/1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella, iżda hija intiża sabiex tadatthom, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1782/2003, għall-kuntest leġiżlattiv il-ġdid li rriżulta mir-riforma tal-politika agrikola komuni introdotta minn dan l-aħħar regolament, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema ta’ penali applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna kkonċernati fir-rigward tal-prinċipji li huma l-bażi ta’ din ir-riforma. Is-sistema stabbilita mill-imsemmija Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 796/2004 ma tirreflettix għaldaqstant bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarji fir-rigward tan-natura xierqa tal-penali fil-konfront tas-severità ta’ l-irregolarità in kwistjoni.

    Minn dan jirriżulta illi din is-sistema ta’ penali, billi hija direttament u strettament marbuta mar-riforma tal-politika agrikola komuni introdotta mir-Regolament Nru 1782/2003, ma tistax, mingħajr ma tiżnatura s-sistema tal-konformità reċiproka kif kienet ġiet stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju fil-qafas ta’ din ir-riforma, tkun trasposta għal każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli ta’ identifkazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ l-ifrat li jaqgħu ratione temporis taħt ir-Regolament Nru 3887/92. Għaldaqstant, billi din is-sistema ma tikkostitwixxix “emenda sussegwenti”, fis-sens tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, tas-sistema ta’ penali prevista mir-Regolament Nru 2419/2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll [tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2004, din ma tistax tiġi invokata f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 2419/2001, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 118/2004, jista’ jiġi invokat f’tali kuntest. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi tali “emenda sussegwenti” ta’ l-Artikolu 10ċ tar-Regolament Nru 3887/92, tinkludi, safejn din stabbiliet, b’mod partikolari, limitu massimu għat-tnaqqis applikabbli, sistema ta’ penali inqas ħorox minn dawk stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika retroattivament għall-bidwi kkonċernat id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 39(1).

    (ara l-punti 70, 82-85)