Kawża C-404/06
Quelle AG
vs
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)
“Protezzjoni tal-konsumatur — Direttiva 1999/44/KE — Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom — Dritt tal-bejjiegħ, li jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu tiegħu, fil-każ tat-tibdil ta’ oġġett difettuż — Użu mingħajr ħlas ta’ l-oġġett difettuż”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2007 I - 2688
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ April 2008 I - 2713
Sommarju tas-sentenza
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti
(Artikolu 234 KE)
Approssimazzjoni tal-liġijiet – Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom – Direttiva 1999/44
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikolu 3)
Fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.
Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex l-elementi ta’ fatt jew tad-dritt meħtieġa sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha.
F’dan il-kunstest, l-inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà li l-qorti nazzjonali, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ Direttiva, tinterpreta, fl-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt nazzjonali fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma tistax taffettwa l-obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha li tiddeċiedi fuq din id-domanda. Fil-fatt, kull soluzzjoni oħra tkun inkompatibbli mal-finalità stess tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ l-Artikolu 234 KE, li essenzjalment għandhom bħala għan li jassiguraw applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju mill-qrati nazzjonali.
(ara l-punti 19-22)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ, fis-sitwazzjoni fejn huwa jkun biegħ oġġett ta’ konsum difettuż, jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu li dan il-konsumatur ikun għamel mill-oġġett difettuż sakemm dan ġie mibdul ma’ oġġett ġdid.
Fil-fatt, kemm mill-kliem użat kif ukoll mix-xogħol preparatorju rilevanti tad-Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jimponi t-tqegħid f’konformità mingħajr ħlas bħala element essenzjali tal-protezzjoni assigurata lill-konsumatur permezz ta’ din id-Direttiva. Dan l-obbligu ta’ tqegħid f’konformità mingħajr ħlas ta’ l-oġġett li għandu l-bejjiegħ, kemm jekk fil-forma ta’ tiswija kif ukoll fil-każ ta’ tibdil ta’ l-oġġett difettuż, huwa intiż sabiex iħares lill-konsumatur mir-riskju ta’ spejjeż li jistgħu jiddiswaduh milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fin-nuqqas ta’ protezzjoni bħal din. Din il-garanzija ta’ tqegħid f’konformità mingħajr ħlas mixtieqa mil-leġiżlatur Komunitarju twassal sabiex tiġi eskluża kull pretensjoni finanzjarja min-naħa tal-bejjiegħ fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligu tiegħu li jqiegħed f’konformità l-oġġett li fir-rigward tiegħu sar il-kuntratt. Barra minn hekk, it-tqegħid f’konformità mingħajr ħlas jikkorrispondi ma’ l-għan tad-Direttiva li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
(ara l-punti 33, 34, 36, 43 u d-dispożittiv)