Kawża C-393/06

Ing. Aigner, Wasser-Wärme-Umwelt, GmbH

vs

Fernwärme Wien GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabekontrollsenat des Landes Wien)

“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE — Entità kontraenti li teżerċita attivitajiet li jaqgħu parzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u parzjalment taħt dak tad-Direttiva 2004/18/KE — Korp irregolat bil-liġi pubblika — Awtorità kontraenti”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2007   I - 2343

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) ta’ l-10 ta’ April 2008   I - 2361

Sommarju tas-sentenza

  1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi fis-setturi ta’ l-ilma, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/17 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, Artikoli 3 sa 7, u 20(1), u 2004/18, Artikolu 12(1))

  2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi fis-setturi ta’ l-ilma, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttivi 2004/17 u 2004/18 – Awtoritajiet kontraenti

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a), u 2004/18, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9))

  3. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi fis-setturi ta’ l-ilma, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttivi 2004/17 u 2004/18 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17 u 2004/18)

  1.  Entità kontraenti, skond id-Direttiva 2004/17, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, hija obbligata li tapplika l-proċedura prevista minn din id-direttiva biss għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ attivitajiet li din l-entità teżerċita f’waħda jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

    Fil-fatt, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/17, jipprovdi li din ma tapplikax għal kuntratti mogħtija mill-entitajiet kontraenti għal finijiet oħra li mhumiex dawk li jitwettqu l-attivitajiet tagħhom eżerċitati fis-setturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-istess direttiva. Din id-dispożizzjoni hija riflessa fid-Direttiva 2004/18 permezz ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 li jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għal kuntratti pubbliċi li awtoritajiet kontraenti, li jeżerċitaw waħda jew numru ta’ attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17, jagħtu fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 huwa strettament iddefinit, u dan ma jippermettix li l-proċeduri stabbiliti f’dan is-sens jiġu estiżi lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    (ara l-punti 28, 29 u d-dispożittiv 1)

  2.  Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, il-kliem “korp irregolat bil-liġi pubblika” jfisser korp li, l-ewwel nett, ġie stabbilit speċifikament sabiex jaqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li mhumiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, it-tieni nett, korp li għandu personalità legali u li, it-tielet nett, jew l-attivitajiet tiegħu huma ffinanzjati prinċipalment mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew inkella korp li t-tmexxija tiegħu hija suġġett għall-kontroll minn dawn ta’ l-aħħar, jew fejn iktar minn nofs il-membri li jikkomponu l-bord amministrattiv, tad-diretturi jew ta’ sorveljanza huma maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi.

    Entità li tinħoloq bil-għan speċifiku li tiżgura, fit-territorju ta’ awtorità lokali, it-tisħin ta’ djar, ta’ bini pubbliku, ta’ bini ta’ impriżi jew ta’ uffiċċji permezz ta’ l-użu ta’ l-enerġija prodotta mill-kombustjoni ta’ l-iskart, li għandha personalità ġuridika u li fir-rigward tagħha, din l-awtorità lokali hija 100 % proprjetarja tagħha u tikkontrolla t-tmexxija ekonomika u finanzjarja tagħha, tissodisfa l-aħħar żewġ kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-direttivi.

    Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni, ma jistax jiġi kkontestat li t-tali entità inħolqot speċifikament sabiex taqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, l-għan li jiġi żgurat it-tisħin ta’ territorju urban b’mezz li jirrispetta l-ambjent jikkostitwixxi għan li mingħajr dubju jaqa’ taħt l-interess ġenerali. F’dan ir-rigward, ma tagħmilx differenza li bżonnijiet bħal dawn huma jew jistgħu jiġu sodisfatti wkoll minn impriżi privati. Jeħtieġ li jirrigwardaw bżonnijiet li, għal raġunijiet marbutin ma’ l-interess ġenerali, l-Istat jew awtoritajiet reġjonali jew lokali jagħżlu b’mod ġenerali li jissodisfaw huma stess jew fir-rigward ta’ liema huma għandhom l-intenzjoni li jżommu influwenza determinanti.

    Sabiex jiġi determinat jekk il-bżonnijiet sodisfatti mill-entità in kwistjoni humiex ta’ natura li mhijiex industrijali jew kummerċjali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi ġuridiċi u fattwali kollha rilevanti, bħaċ-ċirkustanzi li kienu wara l-ħolqien ta’ l-entità in kwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom hija teżerċita l-attività tagħha. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-iskop ewlieni tal-ħolqien tagħha ma kienx wieħed ta’ profitt. Fir-rigward, sussegwentement, tas-suq ta’ riferenza li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità in kwistjoni teżerċitax jew le l-attivitajiet tagħha f’ċirkustanzi kompetittivi, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korp irregolat bil-liġi pubblika”, is-settur li għalih inħolqot din l-entità, jiġifieri dak tal-provvista ta’ tisħin urban permezz ta’ l-użu ta’ l-enerġija prodotta mill-kombustjoni ta’ l-iskart. Għandu jingħad ukoll li, f’dan is-settur, l-entità in kwistjoni de facto għandha sitwazzjoni ta’ kważi-monopolju. Barra minn hekk, dan is-settur jippreżenta awtonomija kunsiderevoli, peress li huwa diffiċli ħafna li s-sistema ta’ tisħin urban tiġi ssostitwita minn enerġiji oħra, u l-awtorità territorjali kkonċernata tagħti importanza partikolari lil din is-sistema, ukoll minħabba raġunijiet ambjentali, b’tali mod li hija ma tippermettix li din titneħħa, anki li kieku din is-sistema kellha taħdem bit-telf. Għaldaqstant, safejn l-entità in kwistjoni hija attwalment l-unika impriża li qed tissodisfa t-tali bżonnijiet ta’ interess ġenerali fis-settur in kwistjoni, meta tagħti l-kuntratti tagħha hija tista’ tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi.

    F’dan ir-rigward ma tagħmilx differenza li, minbarra l-missjoni tagħha ta’ interess ġenerali, l-imsemmija entità twettaq ukoll attivitajiet oħra b’għan ta’ lukru, filwaqt li tkompli taqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali li għandha l-obbligu speċifiku li tissodisfa. Il-parti li jokkupaw l-attivitajiet eżerċitati b’għan ta’ lukru fil-kuntest ta’ l-attivitajiet globali ta’ din l-entità hija wkoll irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika tagħha bħala korp irregolat bil-liġi pubblika.

    (ara l-punti 36-45, 47, 48 u d-dispożittiv 2)

  3.  Il-kuntratti kollha mogħtija minn entità li għandha l-kwalità ta’ korp irregolat bil-liġi pubblika, fis-sens tad-Direttiva 2004/17, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, u tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ din l-entità f’settur jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17, għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri previsti minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-kuntratti l-oħra kollha mogħtija minn din l-entità in konnessjoni ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra jaqgħu taħt il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18. Kull waħda minn dawn iż-żewġ direttivi tapplika, mingħajr distinzjoni bejn l-attivitajiet li l-imsemmija entità teżerċita sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li taqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li hija teżerċita taħt ċirkustanzi kompetittivi, u saħansitra anke jekk tinżamm kontabbiltà li tikkomporta s-separazzjoni ta’ l-oqsma ta’ attivitajiet ta’ din l-entità, sabiex jiġi evitat li dawn is-setturi jiġu reċiprokament iffinanzjati minn xulxin.

    (ara l-punt 59 u d-dispożittiv 3)