Kawżi magħquda C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P
Thomas Flaherty et
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell — Miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi — Ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd — Applikazzjonijiet għal żieda ta’ l-għanijiet tal-programm ta’ gwida multi-annwali ‘PMG IV’ fil-qasam tat-tunnellaġġ — Ċaħda ta’ l-applikazzjoni”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2007 I - 2653
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ April 2008 I - 2665
Sommarju tas-sentenza
Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ħtieġa ta’ interess effettiv u attwali
(Artikolu 230 KE; Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/125, Punt 3.3 ta’ l-Anness, u Deċiżjoni 2003/245)
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment
(Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245)
Sajd – Politika komuni ta’ l-istrutturi – Programmi ta’ gwida multi-annwali
(Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245)
L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ ta’ l-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu.
F’dan ir-rigward, kull persuna li, fl-osservanza tar-regoli applikabbli, applikat għal żieda fil-kapaċità ta’ ċerti bastimenti tas-sajd minħabba titjib fil-qasam tas-sigurtà li jirriżulta mill-kostruzzjoni ta’ bastiment ta’ sostituzzjoni, skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom, u l-punt 3.3 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125, li tapprova l-programm multi-annwu ta’ gwida tal-flotta tas-sajd ta’ l-Irlanda għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, b’mod evidenti għandha interess li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni korrispondenti.
L-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba għandha, fil-fatt, bħala konsegwenza, għall-persuni kollha li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu ġew miċħuda, li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jsir possibbli fit-tmiem l-eżami ġdid ta’ dawn l-applikazzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel. Meta din l-awtorizzazzjoni tingħata, dan jimplika li l-miżuri kollha li għad ikunu jridu jitwettqu, inklużi, skond il-każ, il-kostruzzjoni ta’ bastiment ta’ sostituzzjoni, sabiex titwettaq jew tintuża ż-żieda fil-kapaċità mitluba jistgħu jittieħdu fl-osservanza tal-kundizzjonijiet u tat-termini eventwalment applikabbli.
B’hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinux bnew il-bastimenti msemmija fl-Anness II tagħha, b’mod li, f’din l-istess data, huma ma kinux proprjetarji, ma kellhomx, għal din ir-raġuni, interess ġuridiku
(ara l-punti 25, 32, 34)
Persuni oħra li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment, skond ir-raba’ subaragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzhom meta pparagunati ma’ persuni oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzhom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni.
F’dan ir-rigward, rikorrenti li, mid-data tad-Deċiżjoni 2003/245, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-programm ta’ multi-annwali bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru, li ma kinux bnew il-bastimenti msemmija fl-Anness II tagħha, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, minħabba din ir-raġuni, bħala li ma kinux individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, peress li huma kienu ppreżentaw applikazzjonijiet individwali ta’ żieda ta’ tunnellaġġ ta’ sigurtà fir-rigward ta’ bastimenti li jinsabu f’dan l-Anness II. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet tikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ tikkaratterizzhom meta pparagunati ma’ kull persuna oħra u tindividwalizzhom b’mod analogu mad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.
(ara l-punti 36, 41)
L-Artikolu 4(2), tad-Deċiżjoni 97/413 dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom, ma jimponi l-ebda limitu f’dak li jirrigwarda l-età tal-bastiment li jista’ jibbenefika minn żieda fil-kapaċità fil-qasam ta’ sigurtà. Il-kunċett ta’ titjib imsemmi f’din id-dispożizzjoni jirreferi għal titjib magħmul mhux għal bastiment in partikolari, iżda għall-flotta nazzjonali. B’hekk mhuwiex neċessarju, sabiex jiġi assigurat l-għan ta’ konservazzjoni tar-riżervi ta’ ħut fl-ibħra Komuniatrji msegwi mill-istess deċiżjoni, li l-bastimenti ġodda jiġu esklużi mis-sistema prevista f’din id-dispożizzjoni.
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni, billi adottat fid-Deċiżjoni 2003/245, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-programm multi-annwali ta’ gwida bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet ta’ xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru, kriterji li ma kinux previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ, hija marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.
(ara l-punti 46, 47)